Language of document : ECLI:EU:T:2014:835

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Settembru 2014 (*)

“Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem – Deċiżjoni 2011/278/UE – Miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali ppreżentati mill-Ġermanja – Klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi – Libertà professjonali u libertà tal-intrapriża – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑614/13,

Romonta GmbH, stabbilita f’Seegebiet Mansfelder Land (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Zenke, M.‑Y. Vollmer, C. Telschow u A. Schulze, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. White, C. Hermes u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 240, p. 27), sa fejn l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jirrifjuta, għat-tielet perijodu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mill-2013 sal-2020, li jalloka lir-rikorrenti l-kwoti addizzjonali mitluba abbażi tal-klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi prevista fl-Artikolu 9(5) tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (Liġi Ġermaniża fuq l-iskambji ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra) tal-21 ta’ Lulju 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Romonta GmbH, hija impriża li tinsab fil-Ġermanja u li hija l-uniku manifattur ta’ xama’ tal-linjite fl-Ewropa. Hija toħroġ il-bitum mil-linjite li jkun fih ħafna bitum, bil-għan li tipproċessah u tikkummerċjalizzah fil-forma ta’ xama’ tal-linjite. Ir-rikorrenti tuża r-residwi ta’ linjite f’impjant ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja li s-sħana tiegħu tintuża għall-proċess industrijali tiegħu. Hija tbigħ l-elettriku prodott b’mod sekondarju fl-impjant ta’ koġenerazzjoni tagħha. Mill-1 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti hija suġġetta għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni Ewropea, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), li ġiet emendata l-aħħar bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”). Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, din l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġiet stabbilita sabiex jitnaqqsu tali emissjonijiet fl-Unjoni.

2        Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li l-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni maħruġa kull sena mill-2013 ’il quddiem għandha tonqos b’mod lineari min-nofs il-perijodu 2008‑2012. Skont it-tieni paragrafu tal-istess artikolu, il-Kummissjoni Ewropea kellha tippubblika l-kwantità totali ta’ kwoti għall-Unjoni kollha għall-2013. F’dan ir-rigward, hija adottat id-Deċiżjoni 2010/384/UE, tad-9 ta’ Lulju 2010, dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Komunità kollha skont l-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet għall-2013 (ĠU L 175, p. 36), li tħassret mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/634/UE, tat-22 ta’ Ottubru 2010, li taġġusta din il-kwantità (ĠU L 279, p.34). Din il-kwantità totali titqassam skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 10, 10a u 10c tad-Direttiva 2003/87. Il-kwoti kollha li ma jitqassmux mingħajr ħlas skont l-Artikoli 10a u 10c tad-Direttiva 2003/87 jiġu rkantati mill-Istati Membri mill-2013 ’il quddiem, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva.

3        F’dak li jirrigwarda l-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni kellha tadotta miżuri ta’ implementazzjoni armonizzati kompletament fuq il-livell tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward, hija kienet obbligata, b’mod partikolari, tiddetermina l-punti ta’ riferiment ex ante għal kull settur jew subsettur u tieħu, bħala punt tat-tluq f’dan ir-rigward, ir-rendiment medju tal-10 % tal-iktar installazzjonijiet effiċjenti f’settur jew f’subsettur tal-Unjoni matul is-snin 2007‑2008. Abbażi ta’ dawn il-punti ta’ riferiment, ġie kkalkolat in-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni ikkonċernata.

4        Fis-27 ta’ April 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 (ĠU L 130, p. 1). F’din id-deċiżjoni, kif jirriżulta mill-premessa 4 u mill-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ddefiniet, sa fejn kien possibbli, punt ta’ riferiment għal kull prodott. Fil-każijiet fejn ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat punt ta’ riferiment ta’ prodott, iżda fejn jiġu ġġenerati emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jagħtu lok għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, ġiet stabbilita ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva, skont il-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, intuża l-punt ta’ riferiment ta’ sħana għall-proċessi ta’ konsum tas-sħana li fihom jintuża trasportatur tas-sħana li tista’ titkejjel. Intuża l-punt ta’ riferiment ta’ kombustibbli fil-każ ta’ konsum ta’ sħana li ma tistax titkejjel. Għall-emissjonijiet minn proċess, il-kwoti ta’ emissjonijiet ġew allokati abbażi tal-emissjonijiet storiċi.

5        L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278 jinkludi r-regoli li abbażi tagħhom l-Istati Membri huma obbligati jikkalkolaw għal kull sena n-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull waħda mill-installazzjonijiet eżistenti fit-territorju tagħhom. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri huma obbligati l-ewwel jiddeterminaw, separatament għal kull subinstallazzjoni, in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull subinstallazzjoni b’punt ta’ riferiment ta’ prodott u għas-subinstallazzjonijiet b’punt ta’ riferiment ta’ sħana, b’punt ta’ riferiment ta’ kombustibbli u b’emissjonijiet minn proċess.

6        Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 15(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/278, l-Istati Membri kellhom jissottomettu lill-Kummissjoni, mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011, lista ta’ installazzjonijiet koperti minn din id-direttiva li jinsabu fit-territorju tagħhom u l-kwoti mingħajr ħlas allokati lil kull installazzjoni li tinsab fit-territorju tagħhom, ikkalkolati skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10c tal-imsemmija direttiva. Skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-Kummissjoni kellha teżamina l-inklużjoni ta’ kull installazzjoni fil-lista u l-kwantitajiet annwali totali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas u tiddetermina l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi. Din id-determinazzjoni kienet neċessarja, billi l-kwantità annwali massima ta’ kwoti li kellhom jiġu allokati mingħajr ħlas kienet limitata, skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Skont l-Artikolu 15(4) tad-Deċiżjoni 2011/278, jekk il-Kummissjoni ma tirrifjutax ir-reġistrazzjoni ta’ installazzjoni f’din il-lista, inklużi l-kwantitajiet annwali totali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi għad-determinazzjoni tal-kwantità annwali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perijodu 2013‑2020. Skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri ma jistgħux joħorġu kwoti mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li l-Kummissjoni tkun irrifjutat li jiġu rreġistrati fil-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

7        Fil-Ġermanja, id-Deċiżjoni 2011/278 ġiet implementata b’mod partikolari fit-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (Liġi fuq l-iskambji ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iktar ’il quddiem it-“TEHG”) tal-21 ta’ Lulju 2011. L-Artikolu 9(5) tat-TEHG jinkludi klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi u jipprovdi dan li ġej:

“Jekk l-allokazzjoni ta’ kwoti magħmula abbażi tal-Artikolu 10 toħloq diffikultajiet eċċessivi għall-operatur tal-installazzjoni u għal impriża relatata li, għal raġunijiet marbuta mad-dritt kummerċjali u mad-dritt tal-kumpanniji, għandha twieġeb personalment għar-riskji ekonomiċi tal-imsemmi operatur, l-awtorità kompetenti għandha talloka, fuq talba tal-operatur, kwoti addizzjonali fil-kwantità neċessarja għal kumpens ġust, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni Ewropea ma tirrifjutax din l-allokazzjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.”

8        Fil-21 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti talbet lill-awtorità Ġermaniża responsabbli għall-implementazzjoni tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tallokalha kwoti mingħajr ħlas għall-installazzjoni tagħha, li l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tagħha huwa DE000000000000978, abbażi tal-kriterju tal-emissjonijiet minn proċess, tal-punt ta’ riferiment ta’ sħana u tal-klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, prevista fl-Artikolu 9(5) tat-TEHG. F’dan ir-rigward, hija spjegat li s-sopravvivenza tagħha kienet tiddependi mill-allokazzjoni ta’ kwoti addizzjonali abbażi ta’ din il-klawżola, li mingħajrha hija kienet qed tipperikola li tiġi stralċjata bil-qorti.

9        Fis-7 ta’ Mejju 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni lista tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87 li kienu jinsabu fit-territorju tagħha u l-kwoti li kellhom jiġu allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni li kienet tinsab fit-territorju tagħhom, skont l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 2011/278. Għall-installazzjoni tar-rikorrenti, dan l-Istat Membru kkalkola l-kwantità provviżorja ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li kellhom jiġu allokati mingħajr ħlas b’mod partikolari billi applika l-klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, prevista fl-Artikolu 9(5) tat-TEHG.

10      Fil-5 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2013/448/UE dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 240, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

11      Permezz tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata moqri flimkien mal-punt A tal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrifjutat ir-reġistrazzjoni tal-installazzjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87 li tressqu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva u l-kwantitajiet annwali totali provviżorji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni.

12      Fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas lir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 9(5) tat-TEHG kellha tiġi rrifjutata għar-raġuni li d-Deċiżjoni 2011/278 ma kinitx tipprevedi l-aġġustament li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tixtieq tagħmel abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pprovatx li l-allokazzjoni għall-installazzjoni kkonċernata kkalkolata abbażi tad-Deċiżjoni 2011/278 kienet manifestament mhux xierqa meta jitqies l-għan imfittex ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-allokazzjonijiet. Il-fatt li jiġu allokati iktar kwoti mingħajr ħlas lil xi installazzjonijiet joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jew jirriskja li jagħmel dan u jkollu effetti transkonfinali minħabba li s-setturi kollha koperti mid-Direttiva 2003/87 jipparteċipaw fil-kummerċ fuq il-livell tal-Unjoni. Fid-dawl tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-Kummissjoni qieset li għalhekk kellha toġġezzjona għall-kwantitajiet provviżorji ta’ kwoti li kellhom jiġu allokati mingħajr ħlas lil ċerti installazzjonijiet li kienu mniżżla fil-miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali Ġermaniżi u li kienu elenkati fil-punt A tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata.

13      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni la qajmet oġġezzjonijiet rigward il-listi ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87 li tressqu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva u lanqas rigward il-kwantitajiet annwali totali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil dawn l-installazzjonijiet.

14      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aġġustat il-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jinħarġu mill-2013 ’il quddiem, iddeterminata abbażi tal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2003/87, kif kienet ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni 2010/634.

15      Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata moqri flimkien mal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeterminat, skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

17      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, b’mod konformi mal-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fl-10 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba.

18      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, li fiha talbet, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, kienet ġiet irrifjutata l-allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-Artikolu 9(5) tat-TEHG.

19      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

20      B’digriet tal-20 ta’ Jannar 2014, Romonta vs Il‑Kummissjoni (T‑614/13 R), EU:T:2014:16), ġiet miċħuda t-talba għal miżuri provviżorji u l-ispejjeż ġew irriżervati.

21      Fil-21 ta’ Jannar 2014, ingħalqet il-proċedura bil-miktub.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

23      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni twieġeb mistoqsija waqt is-seduta.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2014.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jirrifjuta, għat-tielet perijodu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mill-2013 sal-2020, li jallokalha l-kwoti addizzjonali mitluba abbażi tal-klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi prevista fl-Artikolu 9(5) tat-TEHG;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. Għalhekk, qabel ma jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà

28      Il-Kummissjoni tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti, u iktar preċiżament l-interess dirett tagħha. Skontha, l-Artikolu 15(4) u (5) tad-Deċiżjoni 2011/278 tipprovdi għal miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali qabel l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

29      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi, tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

30      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti, li għaldaqstant ma hijiex destinatarja ta’ dan l-att. F’din is-sitwazzjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti tista’ biss tippreżenta rikors għall-annullament tal-imsemmi att bil-kundizzjoni li tkun, b’mod partikolari, ikkonċernata direttament minnu.

31      F’dak li jirrigwarda l-interess dirett, skont ġurisprudenza stabbilita, din il-kundizzjoni tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, it-tieni nett, li hija ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li jkunu inkarigati bl-implementazzjoni tagħha, peress li hija tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra, EU:C:1998:193, punt 43; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament, C‑486/01 P, Ġabra, EU:C:2004:394, punt 34, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra, EU:C:2009:529, punt 45).

32      Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri ma jistgħux joħorġu kwoti mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li l-Kummissjoni tkun irrifjutat li jiġu rreġistrati fil-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Ir-rifjut tar-reġistrazzjoni tal-installazzjoni tar-rikorrenti f’din il-lista u tal-kwantitajiet annwali totali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni għalhekk jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li hija inkarigata bl-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata huma riflessi wkoll fl-Artikolu 9(5) tat-TEHG, li skontu l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas abbażi tal-klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi tista’ ssir biss mill-awtorità nazzjonali jekk il-Kummissjoni ma tirrifjutahiex bis-saħħa tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

33      Din il-konklużjoni ma titqegħidx fid-dubju bl-argumenti tal-Kummissjoni. Għalkemm huwa minnu li, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 15(4) u (5) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprovdi għal miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali, jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni ma timpedixxix li r-rikorrenti tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni kkontestata.

34      Fil-fatt, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 15(4) tad-Deċiżjoni 2011/278, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar jipprovdi li, jekk il-Kummissjoni ma tirrifjutax ir-reġistrazzjoni ta’ installazzjoni fil-lista ta’ installazzjonijiet prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, inklużi l-kwantitajiet annwali totali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi għad-determinazzjoni tal-kwantità annwali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perijodu mill-2013 sal-2020, skont l-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tindika kif għandha tiġi stabbilita l-kwantità annwali totali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti. Din il-kwantità tikkorrispondi għall-kwantità totali provviżorja ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni mmultiplikata bil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali ddefinit mill-Kummissjoni.

35      F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat b’mod definittiv il-fatturi kollha li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-kwantitajiet annwali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perijodu mill-2013 sal-2020 lill-installazzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, hija ddeterminat, minn naħa, il-kwantitajiet annwali totali provviżorji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali. Għalhekk, sabiex tikkalkola l-kwantità annwali totali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lill-installazzjoni kkonċernata, skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellha l-ebda setgħa diskrezzjonali. Il-kalkolu ta’ din il-kwantità kien jirriżulta biss mid-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-fatturi rilevanti kollha kienu ġew iddeterminati b’mod definittiv. Għalhekk, l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata permezz tal-kalkolu tal-kwantità annwali totali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lill-installazzjoni kkonċernata kienet ta’ natura purament awtomatika.

36      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 15(5) tad-Deċiżjoni 2011/278, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar jobbliga lill-Istati Membri jissottomettu lill-Kummissjoni lista tal-kwantitajiet annwali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas matul il-perjodu mill-2013 sal-2020, stabbilita skont l-Artikolu 10(9) ta’ din id-deċiżjoni, wara d-determinazzjoni tal-kwantità annwali finali għall-installazzjonijiet kollha eżistenti fit-territorju tagħhom. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali obbligu ta’ informazzjoni ma għandux il-konsegwenza li jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri u jobbliga lil dawn tal-aħħar biss li jissottomettu lill-Kummissjoni r-riżultat tal-kalkolu tagħhom tal-kwantità annwali totali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni kkonċernata.

37      Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha titqies li hija kkonċernata direttament mid-deċiżjoni kkontestata. Billi, barra minn hekk, hija kkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni minħabba l-fatt li, permezz ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni rrifjutat b’mod individwali l-kwantitajiet annwali totali provviżorji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lill-installazzjoni tagħha, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, hija għandha locus standi.

38      Għalhekk ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

39      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi li huma bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tieni nett, fuq ksur tal-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u, it-tielet nett, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li, fl-ewwel lok, teżamina l-ewwel u t-tielet motivi flimkien u li, fit-tieni lok, teżamina t-tieni motiv.

 Fuq l-ewwel u t-tielet motivi, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali

40      Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għall-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali tagħha. Prinċipalment, hija ssostni li, bil-fatt li kkunsidrat li d-Deċiżjoni 2011/278 kienet timpedixxi l-allokazzjoni ta’ kwoti abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, il-Kummissjoni kisret din id-deċiżjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali tagħha. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ li l-argumenti prinċipali tagħha kellhom jiġu miċħuda għar-raġuni li d-Deċiżjoni 2011/278 ma jsemmix espressament il-possibbiltà li jiġu allokati kwoti addizzjonali fil-każ ta’ diffikultajiet eċċessivi, għandu jiġi kkunsidrat li hija din id-deċiżjoni li hija sproporzjonata u li tikser id-drittijiet fundamentali tagħha.

–       Fuq l-argumenti, imressqa bħala argumenti prinċipali, dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali minħabba ksur tad-Deċiżjoni 2011/278

41      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-Deċiżjoni 2011/278 billi kkunsidrat li din id-deċiżjoni kienet timpedixxi l-allokazzjoni ta’ kwoti abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi. Billi rrifjutat li tawtorizza l-allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-Artikolu 9(5) tat-TEHG, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali tagħha, jiġifieri l-libertà professjonali tagħha, il-libertà tal-intrapriza tagħha u d-dritt għall-proprjetà tagħha, previsti mill-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

42      Għandu jiġi kkonstatat li, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret id-Deċiżjoni 2011/278 u għaldaqstant kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti billi rrifjutat li tawtorizza l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, jeħtieġ li tali allokazzjoni tkun possibbli skont din id-deċiżjoni, li hija bbażata fuq id-Direttiva 2003/87, ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta.

43      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi ma kinitx possibbli skont id-Deċiżjoni 2011/278, li hija bbażata fuq id-Direttiva 2003/87, għaliex, skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli, id-Deċiżjoni 2011/278 ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tawtorizza l-allokazzjoni ta’ kwoti abbażi ta’ tali klawżola u l-Kummissjoni ma kellha l-ebda setgħa diskrezzjonali, kif issostni din tal-aħħar.

44      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2011/278 ma tippermettix lill-Kummissjoni tawtorizza l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi bħal dik prevista fl-Artikolu 9(5) tat-TEHG. Fil-fatt, l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278 jinkludi r-regoli li abbażi tagħhom l-Istati Membri huma obbligati jikkalkolaw għal kull sena n-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull waħda mill-installazzjonijiet eżistenti fit-territorju tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri huma obbligati jikkalkolaw il-kwantità ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom abbażi tal-valuri tal-punti ta’ riferiment iddeterminati fid-Deċiżjoni 2011/278 jew tal-emissjonijiet minn proċess, ta’ ċerti koeffiċjenti multiplikaturi u tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali ddeterminat skont l-Artikolu 15(3) ta’ din id-deċiżjoni.

45      Dawn ir-regoli ta’ allokazzjoni huma spjegati fil-premessi tad-Deċiżjoni 2011/278. Kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/278, il-Kummissjoni ħejjiet, sa fejn kien possibbli, punti ta’ riferiment għall-prodotti. Skont il-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni, fil-każijiet fejn ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat punt ta’ riferiment ta’ prodott, iżda fejn jiġu ġġenerati emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jagħtu lok għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, ġiet stabbilita ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva. Għalhekk, mill-imsemmija premessa 12 jirriżulta li jintuża l-punt ta’ riferiment ta’ sħana għall-proċessi ta’ konsum tas-sħana li fihom jintuża trasportatur tas-sħana li tista’ titkejjel. Jintuża l-punt ta’ riferiment ta’ kombustibbli fil-każ ta’ konsum ta’ sħana li ma tistax titkejjel. Għall-emissjonijiet minn proċess, il-kwoti ta’ emissjonijiet jiġu allokati abbażi tal-emissjonijiet storiċi.

46      Is-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni 2011/278 għalhekk tipprovdi regoli eżawrjenti għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, b’mod li kwalunkwe allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas li ma tosservax dawn ir-regoli hija eskluża. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li, għalkemm l-inklużjoni ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi kienet ġiet diskussa fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru waqt il-proċedura għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/278, fl-aħħar mill-aħħar tali klawżola ma ġietx aċċettata, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali.

47      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda setgħa diskrezzjonali sabiex tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-installazzjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87 li tressqu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll il-kwantitajiet annwali totali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni. Fil-fatt, il-bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata huma l-Artikoli 10a u 11 tad-Direttiva 2003/87. Skont l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, kull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni lista ta’ installazzjonijiet koperti mill-imsemmija direttiva li jinsabu fit-territorju tagħhom u l-kwoti mingħajr ħlas allokati lil kull installazzjoni li tinsab fit-territorju tagħhom, ikkalkolati skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10c tal-imsemmija direttiva. Skont l-Artikolu 11(3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux joħorġu kwoti mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li l-Kummissjoni tkun irrifjutat li jiġu rreġistrati fil-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Kif issostni l-Kummissjoni, mill-Artikolu 11(1) u (3) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta jew le li tirreġistra installazzjoni fil-lista inkwistjoni tiddependi esklużivament mill-kwistjoni jekk il-kwoti allokati lill-installazzjoni mill-Istat Membru inkwistjoni jkunux ġew ikkalkolati skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10c tal-imsemmija direttiva. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni hija obbligata tirrifjuta din ir-reġistrazzjoni mingħajr ma għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

48      It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li r-rikonoxximent ta’ każ ta’ forza maġġuri huwa possibbli u b’hekk jippermetti l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas meta impriża tirriskja li ssir insolventi u li ma tkunx tista’ twettaq l-obbligu tagħha ta’ ħlas lura minħabba li ma jkollhiex mezzi suffiċjenti, l-argumenti tagħha għandhom wkoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika, ir-rikonoxximent ta’ każ ta’ forza maġġuri huwa possibbli meta kawża esterna invokata minn individwi jkollha konsegwenzi irreżistibbli u inevitabbli sal-punt li jkun oġġettivament impossibbli għall-persuni kkonċernati li josservaw l-obbligi tagħhom (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, Ġabra, EU:C:2013:664, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni, 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, Ġabra, EU:C:1980:81, punt 140). Madankollu, billi r-rikorrenti hija suġġetta mill-1 ta’ Jannar 2005 għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, prevista mid-Direttiva 2003/87, is-sempliċi riskju li ssir insolventi u li ma tkunx tista’ twettaq obbligu ta’ ħlas lura minħabba li ma jkollhiex mezzi suffiċjenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat każ ta’ forza maġġuri li jeżiġi ċirkustanzi li jkunu esterni għal dak li jinvokah, anomali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Eurofit, C‑99/12, Ġabra, EU:C:2013:487, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx id-Deċiżjoni 2011/278 meta rrifjutat l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi.

50      L-argumenti tar-rikorrenti, imressqa bħala argumenti prinċipali, għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

–       Fuq l-argumenti, imressqa bħala argumenti sussidjarji, dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali mid-Deċiżjoni 2011/278

51      Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn id-Deċiżjoni 2011/278 ma tippermettix l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, din id-deċiżjoni tikser id-drittijiet fundamentali tagħha u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u l-prinċipju ta’ proporzjonalità bil-fatt li ma pprovdietx, fir-regoli għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/278, li dawn il-kwoti mingħajr ħlas setgħu jiġu allokati abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi.

53      Għandu jiġi rrilevat li ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità dovut għall-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi fir-regoli għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas stabbiliti mid-Deċiżjoni 2011/278 ma jistax jiġi eskluż mill-bidu nett, billi l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, li jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni, ma jeskludix l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas mill-Kummissjoni abbażi ta’ tali klawżola. Fil-fatt, l-ewwel nett, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10a(1), il-Kummissjoni kienet obbligata tadotta miżuri ta’ implementazzjoni armonizzati kompletament fuq il-livell tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas li kellhom jitfasslu sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2003/87 billi jissupplimentawha. L-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi li tkun applikabbli għall-Istati Membri kollha kienet tissodisfa r-rekwiżit ta’ armonizzazzjoni kompleta fuq il-livell tal-Unjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ implementazzjoni. Barra minn hekk, sa fejn tali klawżola kienet tirrigwarda biss każijiet eċċezzjonali u, għaldaqstant, ma kinitx tqiegħed fid-dubju l-iskema stabbilita mid-Direttiva 2003/87, hija ma kinitx tkun imfassla sabiex temenda elementi essenzjali ta’ din id-direttiva. It-tieni nett, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), il-Kummissjoni kienet obbligata tiddetermina, sa fejn kien possibbli, punti ta’ riferiment ex ante. Fil-każijiet fejn ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat punt ta’ riferiment ta’ prodott, iżda fejn kienu ġġenerati emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jagħtu lok għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali sabiex tistabbilixxi regoli, ħaġa li għamlet billi stabbilixxiet ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva. Għalhekk fil-kuntest ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni, bħala prinċipju, setgħet ukoll tipprovdi għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi.

54      Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, bil-fatt li ma pprovdietx klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, id-Deċiżjoni 2011/278 ma tirrispettax il-libertà professjonali tagħha, il-libertà tal-intrapriża tagħha u d-dritt għall-proprjetà tagħha, previsti mill-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

55      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li għandu jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

56      L-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament. Skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-libertà tal-intrapriża skont il-liġijiet tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali hija rrikonoxxuta. Il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi Artikolu 16 tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-istess artikolu, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, Ġabra, EU:C:2013:28, punt 42).

57      Skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku. Il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu tirrigwarda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni ġuridika kweżita li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati mid-detentur tagħhom u għall-benefiċċju tiegħu (sentenza Sky Österreich, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:2013:28, punt 34).

58      Għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi fid-Deċiżjoni 2011/278, il-Kummissjoni kienet obbligata tirrifjuta l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lir-rikorrenti, li kienet tmur lil hinn mir-regoli għall-allokazzjoni previsti f’din id-deċiżjoni. Billi tali klawżola kienet intiża sabiex tilqa’ għad-diffikultajiet eċċessivi affaċċjati mill-installazzjoni inkwistjoni li jheddu l-eżistenza ta’ din tal-aħħar, l-assenza tagħha tikkostitwixxi indħil fil-libertà professjonali u fil-libertà tal-intrapriża kif ukoll fid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

59      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali bl-istess mod bħad-dritt għall-proprjetà ma humiex drittijiet assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’rabta mal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, kemm-il darba dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Unjoni tfittex li tilħaq u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nfisha ta’ dawn id-drittijiet (sentenza tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni, 4/73, Ġabra, EU:C:1974:51, punt 14; ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C‑143/88 u C‑92/89, Ġabra, EU:C:1991:65, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, Ġabra, EU:C:2012:526, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Sky Österreich, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:2013:28, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

60      F’dak li jirrigwarda l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija iktar ’il fuq, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-protezzjoni tal-ambjent tinsab fost dawn l-għanijiet (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, Ġabra, EU:C:2010:127, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi fid-Deċiżjoni 2011/278 la taffettwa l-kontenut essenzjali tal-libertà professjonali u tal-libertà tal-intrapriża u lanqas dak tad-dritt għall-proprjetà. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali klawżola la timpedixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali u intraprenditorjali bħala tali mill-operaturi ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u lanqas iċċaħħadhom mill-proprjetà tagħhom. Il-piżijiet li jirriżultaw mill-assenza ta’ tali klawżola għall-installazzjonijiet ikkonċernati huma marbuta mal-obbligu li jinxtraw bl-irkant il-kwoti neqsin, li huwa r-regola stabbilita mid-Direttiva 2009/29.

62      F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limitu ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra, EU:C:2010:419, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, u din min-naħa tagħha timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih hija mitluba tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi mwettqa fid-dawl tal-għan ġenerali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti b’mod effettiv rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 u l-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87). Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jfittxu li jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, Ġabra, EU:C:2006:772, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑370/11, Ġabra, EU:T:2013:113, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura adegwata tad-Deċiżjoni 2011/278 u ssostni li din id-deċiżjoni hija manifestament sproporzjonata fis-sens strett.

65      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda n-natura adegwata tad-Deċiżjoni 2011/278, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi ma hijiex ta’ benefiċċju għall-protezzjoni tal-ambjent. Skontha, minn naħa, kull żieda fin-numru ta’ kwoti f’każ partikolari twassal għal żieda fil-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali li l-għan tiegħu huwa li tiġi ggarantita l-osservanza tal-kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li għandhom jinħarġu għall-Unjoni kollha ddeterminata b’mod fiss. Min-naħa l-oħra, l-għeluq tal-installazzjoni tagħha ma twassalx għal tnaqqis assolut tal-emissjonijiet, billi d-domanda għal prodotti ma tieqafx u tiġi koperta minn kompetituri li jinsabu barra mill-Unjoni u li ma jiġġenerawx inqas emissjonijiet.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan prinċipali ddikjarat tad-Direttiva 2003/87, qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, kien li jitnaqqsu, b’mod sostanzjali, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bil-għan li jiġu osservati l-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri fid-dawl tal-Protokoll ta’ Kyoto, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru [Qafas] tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24) (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑504/09 P, Ġabra, EU:C:2012:178, punt 77, u Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, Ġabra, EU:C:2012:179, punt 79). Skont il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/87, dan il-protokoll jobbliga lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jnaqqsu l-emissjonijiet atropoġeniċi globali tagħhom ta’ gassijiet serra bi 8 % meta mqabbla mal-livell fl-1990 matul il-perijodu mill-2008 sal-2012 (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 67).

67      Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u mill-premessa 3 tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li, wara li ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, id-Direttiva 2003/87 tipprovdi għal tnaqqis ikbar ta’ gassijiet serra sabiex jintlaħqu l-livelli ta’ tnaqqis ikkunsidrati meħtieġa xjentifikament sabiex tiġi evitata bidla perikoluża fil-klima. Kif jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-premessi 3, 5, 6 u 13 tad-Direttiva 2009/29, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87, wara li ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, huwa li jitnaqqsu minn issa sal-2020 l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni tal-inqas b’20 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom fl-1990 (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 68).

68      Dan il-għan għandu jintlaħaq filwaqt li jiġu osservati numru ta’ subobjettivi u bl-użu ta’ ċerti strumenti. L-istrument prinċipali għal dan l-għan huwa kkostitwit mill-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 u mill-premessa 2 ta’ din tal-aħħar. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddikjara li din l-iskema tiffavorixxi t-tnaqqis tal-imsemmija emissjonijiet b’mod effettiv rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika. Is-subobjettivi l-oħra li l-imsemmija skema għandha tilħaq huma, b’mod partikolari, kif spjegat fil-premessi 5 u 7 ta’ din id-direttiva, il-preżervazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi kif ukoll il-preżervazzjoni tal-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, punt 66 iktar ’il fuq, EU:C:2012:178, punt 77; Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, punt 66 iktar ’il fuq, EU:C:2012:179, punt 79, u Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 69).

69      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, ma jistax jiġi argumentat li, fl-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, ir-regoli għall-allokazzjoni li jinsabu fid-Deċiżjoni 2011/278 huma manifestament inadegwati sabiex jilħqu dan il-għan. Fil-fatt, ir-regoli għall-kalkolu tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, previsti mid-Deċiżjoni 2011/278, abbażi tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott, ta’ sħana u ta’ kombustibbli kif ukoll tal-emissjonijiet minn proċess ifittxu li l-kwantità ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas għat-tielet perijodu ta’ skambju, jiġifieri mill-2013 ’il quddiem, titnaqqas meta mqabbla ma’ dik li kellha tiġi allokata għat-tieni perijodu ta’ skambju, jiġifieri l-perijodu mill-2008 sal-2012. Dawn il-miżuri jifformaw parti mir-regoli tranżitorji dwar il-ħruġ ta’ kwoti mingħajr ħlas previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u jfittxu, kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, li jiżguraw li l-allokazzjoni tal-kwoti sseħħ b’mod li jiġi inkoraġġit l-użu ta’ tekniki effettivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u ma tiġix inkoraġġita ż-żieda fl-emissjonijiet.

70      Din il-konklużjoni ma titqegħidx fid-dubju bil-fatt li, kieku kienet awtorizzata l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas addizzjonali abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, il-kwantità annwali massima ta’ kwoti mingħajr ħlas prevista fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 ma kinitx tiżdied minħabba l-applikazzjoni neċessarja tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni uniformi transettorjali, li jwassal għal tnaqqis uniformi tal-kwantitajiet inizjali ta’ kwoti mingħajr ħlas fis-setturi u fis-subsetturi kkonċernati kollha. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, kieku kienet teżisti klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, l-operaturi ta’ installazzjonijiet jistgħu jkunu inkoraġġiti inqas sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom permezz ta’ miżuri ta’ aġġustament ekonomiċi jew tekniċi, għaliex ikunu jistgħu jitolbu li jingħataw kwoti mingħajr ħlas addizzjonali lill-installazzjonijiet tagħhom fil-każ ta’ diffikultajiet eċċessivi.

71      F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-għeluq tal-installazzjoni tagħha ma twassalx għal tnaqqis assolut tal-emissjonijiet, billi d-domanda għal prodotti ma tieqafx u tiġi koperta minn kompetituri li jinsabu barra mill-Unjoni u li ma jiġġenerawx inqas emissjonijiet, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87 jikkonsisti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li huwa inerenti f’regoli ġenerali għall-allokazzjoni li dawn ikollhom impatt ikbar fuq ċerti installazzjonijiet milli fuq oħrajn (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 85). Barra minn hekk, l-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87 jinkludi regola speċjali għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet f’setturi jew f’subsetturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ “rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”, jiġifieri riskju ta’ rilokazzjoni tal-attivitajiet tal-impriżi fis-setturi esposti għal kompetizzjoni internazzjonali qawwija, li jinsabu fl-Unjoni, lejn pajjiżi terzi li fihom ir-rekwiżiti dwar emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma inqas stretti. Din ir-regola speċjali tnaqqas ir-riskju ta’ sempliċi spostament tal-emissjonijiet.

72      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda s-subobjettivi tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-preżervazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kyoto għandu jitwettaq, sa fejn huwa possibbli, billi jiġu rrispettati l-bżonnijiet tal-ekonomija Ewropea (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2005, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, T‑178/05, Ġabra, EU:T:2005:412, punt 60). Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, mit-tielet perijodu ta’ skambju ’l quddiem, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija bbażata, kif tispeċifika l-premessa 15 tad-Direttiva 2009/29, fuq il-prinċipju tal-irkantar, kif previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 72). Billi dan il-prinċipju huwa suġġett għal eċċezzjonijiet bil-għan li jittaffu l-eventwali effetti negattivi tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti fuq dawn is-subobjettivi, jiġifieri r-regoli tranżitorji previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 li jinkludu l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas matul perijodu tranżitorju, il-possibbiltà ta’ miżuri finanzjarji prevista fil-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu u r-regoli speċjali applikabbli għas-setturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju previsti fil-paragrafu 12 tal-imsemmi artikolu, ma jistax jiġi argumentat li r-regoli għall-allokazzjoni previsti fid-Deċiżjoni 2011/278 huma manifestament inadegwati fid-dawl ta’ dawn is-subobjettivi.

73      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma ppreżentatx provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, id-Deċiżjoni 2011/278 kienet manifestament inadegwata fid-dawl tal-għanijiet li kellha tilħaq.

74      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-proporzjonalità fis-sens strett tad-Deċiżjoni 2011/278 f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, anki jekk tkun adegwata u neċessarja sabiex tilħaq l-għanijiet segwiti leġittimament, id-Deċiżjoni 2011/278 ma tistax tikkawża inkonvenjenti sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet li tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 89).

75      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-assenza, fid-Deċiżjoni 2011/278, ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi tistax tipprovoka, għall-operaturi ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, inkonvenjenti sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet li l-istabbiliment ta’ din l-iskema jfittex li jilħaq, b’mod li din id-deċiżjoni tkun manifestament sproporzjonata fis-sens strett.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, meta adottat miżuri ta’ implementazzjoni armonizzati kompletament fuq il-livell tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni kellha tibbilanċja, minn naħa, id-drittijiet fundamentali tal-operaturi ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-ambjent, prevista fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikoli 11 TFUE u 191 TFUE.

77      Meta jkunu inkwistjoni diversi drittijiet u libertajiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-evalwazzjoni tal-eventwali natura sproporzjonata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha titwettaq fl-osservanza tar-rekonċiljazzjoni meħtieġa bejn ir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet fundamentali u bilanċ ġust bejniethom (ara s-sentenza Sky Österreich, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:2013:28, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra, EU:C:2003:333, punti 77 u 81).

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni la evalwat u lanqas ibbilanċjat korrettament il-protezzjoni tal-klima u r-rovina ekonomika tagħha. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istralċ ġudizzjarju tagħha jkun miżura pożittiva favur protezzjoni aħjar tal-klima. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni injorat il-fatt li f’dan il-każ ma kienx żgurat titjib fil-protezzjoni tal-klima minħabba r-riskju tal-ispostament tal-emissjonijiet barra l-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi gravi li jirriżultaw għaliha, għall-impjegati tagħha u għall-klijenti tagħha minħabba l-waqfien tal-attivitajiet tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-protezzjoni tal-klima kellha tieħu preċedenza fuq iż-żamma ta’ numru kbir ta’ impjiegi.

79      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ppreżentatx provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, fl-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, id-Deċiżjoni 2011/278 kienet manifestament sproporzjonata fis-sens strett.

80      Fil-fatt, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-introduzzjoni ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi tabilħaqq ma hijiex inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 billi l-għan prinċipali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni għandu jintlaħaq filwaqt li jiġu osservati serje ta’ subobjettivi u permezz tal-użu ta’ ċerti strumenti (ara l-punt 68 iktar ’il fuq). L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddikjara li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiffavorixxi t-tnaqqis tal-imsemmija emissjonijiet b’mod effettiv rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika. Wieħed mis-subobjettivi l-oħra li l-imsemmija skema għandha tilħaq huwa, kif spjegat fil-premessa 5 ta’ din id-direttiva, il-preżervazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi. L-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi tfittex preċiżament li jiġu evitati tali diffikultajiet għall-installazzjonijiet inkwistjoni u għalhekk tiffavorixxi l-preżervazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi.

81      Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jirrikonċilja l-introduzzjoni ta’ tali klawżola mal-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas, stabbilit għall-qasam tal-ambjent fl-Artikolu 191(2) TFUE. Fil-fatt, skont dan il-prinċipju, l-għan tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti kien li jiġi ffissat prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li jħalli lill-operaturi l-għażla bejn il-ħlas tal-prezz u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 90). Għalhekk il-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas ifittex, essenzjalment, li jirrendi responsabbli kull installazzjoni kkonċernata b’mod individwali. Issa l-konsegwenza tal-introduzzjoni ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi tkun l-allokazzjoni ta’ kwoti addizzjonali mingħajr ħlas lil ċerti installazzjonijiet u t-tnaqqis uniformi tal-istess kwantità ta’ kwoti ta’ dan it-tip għall-installazzjonijiet fis-setturi u fis-subsetturi kkonċernati kollha, minħabba l-applikazzjoni neċessarja tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni uniformi transettorjali, għaliex il-kwantità annwali massima ta’ kwoti prevista fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 ma tistax tiżdied. Iż-żieda fil-kwantitajiet ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet ikkonċernati b’applikazzjoni ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi għalhekk jista’ jkollha l-konsegwenza li jitnaqqsu l-kwoti ta’ dan it-tip għal installazzjonijiet oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 83). Dan jista’ jkun possibbli kieku l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas skont l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti kellha tkun irregolata mill-prinċipju ta’ solidarjetà, kif kien il-każ tal-iskema ta’ kwoti stabbilita abbażi tal-Artikolu 58 KEFA, fil-preżenza ta’ kriżi manifesta tal-industrija tal-azzar, sabiex jitqassmu b’mod ġust fuq din l-industrija kollha l-konsegwenzi li rriżultaw mill-aġġustament tal-produzzjoni għall-possibbiltajiet imnaqqsa ta’ bejgħ (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1987, Fabrique de fer de Charleroi u Dillinger Hüttenwerke vs Il‑Kummissjoni, 351/85 u 360/85, Ġabra, EU:C:1987:392, punti 13 sa 16). Madankollu, l-istabbiliment ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jaqa’ taħt il-qasam tal-ambjent li huwa rregolat mill-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas.

82      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-regoli introdotti mid-Direttiva 2009/29 għall-perijodu ta’ skambju mill-2013 ’il quddiem biddlu mill-qiegħ il-metodi għall-allokazzjoni tal-kwoti sabiex tiġi implementata, fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-ewwel u t-tieni perijodi ta’ skambju, jiġifieri matul il-perijodi mill-2005 sal-2007 u mill-2008 sal-2012, skema iktar armonizzata għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bil-għan li jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji tal-iskambju ta’ kwoti, li tiġi evitata d-distorsjoni fis-suq intern u li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ rabtiet bejn id-diversi skemi għall-iskambju, kif iddikjarat fil-premessa 8 tad-Direttiva 2009/29 (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 53). Barra minn hekk, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u mill-premessa 3 tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li, wara li ġiet emendata bid-Direttiva 2009/29, id-Direttiva 2003/87 tipprovdi għal tnaqqis ikbar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex jintlaħqu l-livelli ta’ tnaqqis ikkunsidrati meħtieġa xjentifikament sabiex tiġi evitata bidla perikoluża fil-klima (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 68). Għat-tielet perijodu ta’ skambju, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li l-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni maħruġa kull sena mill-2013 ’il quddiem għandha tonqos b’mod lineari min-nofs il-perijodu 2008‑2012. Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87 u l-premessa 15 tad-Direttiva 2009/29, mill-2013 ’il quddiem, l-allokazzjoni tal-kwoti hija bbażata fuq il-prinċipju tal-irkantar. Skont l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, bħala prinċipju, ebda kwota ma għandha tiġi allokata iżjed mingħajr ħlas lill-produtturi tal-elettriku. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, wara l-2013 l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għandha tonqos kull sena bi kwantitajiet ugwali sakemm tirriżulta f’allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ 30 % fl-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni mingħajr ħlas fl-2027.

83      Sabiex jittaffew il-konsegwenzi ta’ din l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti għas-setturi u għas-subsetturi kkonċernati, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda regoli tranżitorji fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 li jfittxu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif jirriżulta mill-premessa 50 tad-Direttiva 2009/29. Għalhekk, ġiet stabbilita skema tranżitorja li tikkonċerna l-ħruġ ta’ kwoti mingħajr ħlas għas-setturi li ma humiex dak tal-produzzjoni tal-elettriku, li għalih, skont l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, ma tingħata l-ebda kwota mingħajr ħlas. Skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2009/29, dan is-settur għandu l-possibbiltà, skont il-leġiżlatur, li jittrasferixxu l-ispiża żejda tas-CO2.

84      Barra minn hekk, il-leġiżlatur ħoloq regoli speċjali għal ċerti setturi sabiex issir l-inqas ħsara possibbli lill-iżvilupp ekonomiku u lill-impjiegi, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87.

85      Minn naħa, skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri finanzjarji favur is-setturi jew is-subsetturi kkunsidrati li huma esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-ispejjeż relatati mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ttrasferiti fuq il-prezzijiet tal-elettriku, sabiex jiġu kkumpensati dawn l-ispejjeż u fejn dawn il-miżuri finanzjarji jkunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli u li jiġu adottati f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni adottat il-Linji gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2012 (ĠU 2012, C 158, p. 4). Hija diġà awtorizzat għajnuna mill-Istat intiża għall-impriżi Ġermaniżi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-ispejjeż relatati mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ttrasferiti fuq il-prezzijiet tal-elettriku (ĠU 2013, C 353, p. 2).

86      Min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87, il-leġiżlatur ipprovda regola speċjali għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet f’setturi jew f’subsetturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Skont din ir-regola, l-installazzjonijiet ikkonċernati kellhom jirċievu, fl-2013 u f’kull sena sussegwenti sal-2020, kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li tirrappreżenta 100 % tal-kwantità ddeterminata skont il-miżuri previsti fl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Skont il-premessa 24 tad-Direttiva 2009/29 din ir-regola ġiet introdotta sabiex jiġu evitati żvantaġġi ekonomiċi għas-setturi u għas-subsetturi fl-Unjoni li huma intensivi fl-enerġija u suġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali, li ma hijiex suġġetta għal restrizzjonijiet paragunabbli f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet tal-karbonju.

87      Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu li għandu jsir mid-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti. F’dan ir-rigward, huma obbligati jużaw tal-inqas 50 % tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti għall-finijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, fosthom, b’mod partikolari, skont il-paragrafu 3(a) u (g) tagħha, minn naħa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u, min-naħa l-oħra, il-finanzjament tal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija u tat-teknoloġiji nodfa fis-setturi koperti mid-Direttiva 2003/87.

88      Għaldaqstant, billi l-prinċipju bażiku tal-irkantar tal-kwoti ta’ emissjonijiet, previst mid-Direttiva 2003/87, ma tqegħidx fid-dubju mir-rikorrenti, l-iżvantaġġ li jistgħu jġarrbu l-operaturi ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra minħabba l-assenza ta’ klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi huwa li, matul il-perijodu tranżitorju, dawn tal-aħħar jistgħu jiksbu kwoti mingħajr ħlas biss b’applikazzjoni tar-regoli tad-Deċiżjoni 2011/278 u mhux, b’żieda ma’ dawn, abbażi ta’ tali klawżola.

89      Madankollu, ma jidhirx li d-Deċiżjoni 2011/278 hija manifestament sproporzjonata fis-sens strett minħabba l-fatt li ma tipprovdix, addizzjonalment, klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi li jirrigwardaw każijiet partikolari. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, minbarra r-riskju f’ekonomija tas-suq, l-eżistenza tal-operaturi ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija tipikament mhedda bl-applikazzjoni tar-regoli għall-allokazzjoni previsti mid-Deċiżjoni 2011/278. Il-fatt li din id-deċiżjoni ma tipprovdix klawżola sabiex jiġu evitati s-sitwazzjonijiet li fihom l-eżistenza ta’ impriża hija mhedda minħabba diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji li jirriżultaw mill-ġestjoni individwali tagħha ma jippermettix li jiġi konkluż li hija manifestament sproporzjonata fis-sens strett. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ għajnuna mill-Istat filwaqt li josservaw l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

90      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont ir-rikorrenti, id-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji tagħha jirriżultaw essenzjalment mill-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat, b’mod żbaljat, li tiddetermina, fid-Deċiżjoni 2011/278, punt ta’ riferiment ta’ prodott speċifiku għax-xama’ tal-linjite li tagħha hija l-uniku manifattur fl-Ewropa. Skont ir-rikorrenti, kieku ġie ddeterminat tali punt ta’ riferiment ta’ prodott, ir-regoli għall-allokazzjoni previsti mid-Deċiżjoni 2011/278 kienu jippermettulha tikseb biżżejjed kwoti mingħajr ħlas. Issa l-fatti li wasslu għal dawn id-diffikultajiet, li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta’ punt ta’ riferiment għal prodott speċifiku mill-Kummissjoni, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza tal-installazzjonijiet hija tipikament mhedda bl-applikazzjoni tar-regoli għall-allokazzjoni previsti mid-Deċiżjoni 2011/278, iktar u iktar billi, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma qajmet l-ebda motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ determinazzjoni, f’din id-deċiżjoni, ta’ punt ta’ riferiment ta’ prodott għax-xama’ tal-linjite, kif jirriżulta wkoll mis-seduta.

91      B’mod partikolari, mill-punti ta’ fatt u ta’ liġi mressqa mir-rikorrenti ma jirriżultax li r-regoli previsti fl-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87 ma jistgħux jevitaw, f’ċerti każijiet, diffikultajiet ekonomiċi għall-installazzjonijiet li jifformaw parti minn settur espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE, tal-24 ta’ Diċembru 2009, li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (ĠU 2010, L 1, p. 10), kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/9/UE (ĠU 2014, L 9, p. 9). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti taqa’ taħt tali settur, skont il-punt 1.2 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2010/2. Fil-fatt, ir-rikorrenti taqa’ taħt is-settur “Manifattura ta’ prodotti rfinuti tal-petrolju”, li jikkorrispondi għall-Kodiċi 2320 tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunitajiet Ewropej (NACE). Għalhekk ir-rikorrenti diġà tibbenefika minn trattament partikolari sa fejn hija kisbet fl-2013 u ser tikseb f’kull sena sussegwenti sal-2020 kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li tirrappreżenta 100 % tal-kwantità ddeterminata skont id-Deċiżjoni 2011/278 u mhux biss 80 % bi tnaqqis kull sena bi kwantitajiet ugwali sabiex tilħaq 30 % mill-2020 ’il quddiem, kif previst mill-iskema ġenerali, skont l-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87.

92      Skont il-ġurisprudenza, il-vantaġġ finali għall-ambjent jiddependi minn kemm tiġi stabbilita b’rigorożità l-kwantità totali ta’ kwoti maħruġa, li tikkostitwixxi l-limitu globali tal-emissjonijiet awtorizzati mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti (sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2013:664, punt 26). Kif issostni l-Kummissjoni, kieku kienet teżisti klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, l-operaturi jkunu inkoraġġiti inqas sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom permezz ta’ miżuri ta’ aġġustament ekonomiċi jew tekniċi, għaliex ikunu jistgħu dejjem jitolbu, fil-każ ta’ diffikultajiet eċċessivi, li jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas addizzjonali.

93      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, għalkemm l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, li l-piżijiet imposti fuq l-operaturi ekonomiċi ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet li l-awtorità hija obbligata twettaq, minn dan madankollu ma jsegwix li dan l-obbligu għandu jitkejjel fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali ta’ grupp partikolari ta’ operaturi. Fid-dawl tal-multipliċità u tal-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, tali evalwazzjoni mhux biss ma tkunx tista’ titwettaq, iżda barra minn hekk tkun tikkostitwixxi sors perpetwu ta’ inċertezza legali (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1973, Balkan-Import-Export, 5/73, Ġabra, EU:C:1973:109, punt 22, u tal-15 ta’ Diċembru 1994, Unifruit Hellas vs Il‑Kummissjoni, T‑489/93, Ġabra, EU:T:1994:297, punt 74). Barra minn hekk, ġie deċiż li t-titjib fil-kundizzjonijiet ta’ suq li l-miżuri restrittivi tal-Unjoni jfittxu li jwettqu ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li kull impriża individwali tiġi ggarantita minimu ta’ produzzjoni skont il-kriterji tagħha stess ta’ profitabbiltà u ta’ żvilupp (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1982, Klöckner-Werke vs Il‑Kummissjoni, 119/81, Ġabra, EU:C:1982:259, punt 13, u tat-30 ta’ Novembru 1983, Ferriere San Carlo vs Il‑Kummissjoni, 235/82, Ġabra, EU:C:1983:356, punt 18).

94      Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti mressqa bħala argumenti sussidjarji u, għaldaqstant, l-ewwel u t-tielet motivi, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

95      Ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi tal-klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi prevista fl-Artikolu 9(5) tat-TEHG, il-Kummissjoni kisret il-kompetenzi tal-Istati Membri. Skontha, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddeterminaw ir-regoli għall-allokazzjoni kollha li huma intiżi sabiex japplikaw flimkien mal-metodi għall-allokazzjoni ddefiniti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2011/278. Id-Direttiva 2003/87 ma tipprovdix li l-Unjoni hija kompetenti b’mod esklużiv sabiex jiġu stabbiliti r-regoli għall-allokazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni għalhekk kisret il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

96      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddeterminaw ir-regoli għall-allokazzjoni kollha li huma intiżi sabiex japplikaw flimkien mal-metodi għall-allokazzjoni ddefiniti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2011/278, ir-rikorrenti ssostni li mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li jistgħu jeżistu regoli għall-allokazzjoni oħra flimkien mal-metodi għall-allokazzjoni ddefiniti mill-Kummissjoni, li mingħajrhom ir-rifjut previst f’din id-dispożizzjoni ma jagħmel ebda sens. Skontha, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87 jista’ jkopri biss il-każijiet li jikkonċernaw mhux allokazzjonijiet individwali u l-kalkolu tagħhom, iżda regoli għall-allokazzjoni ġenerali għaliex id-dritt tal-Kummissjoni li tistħarreġ l-allokazzjonijiet individwali ta’ kwoti mill-Istati Membri diġà huwa previst fl-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013, tat-2 ta’ Mejju 2013, li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87, id-Deċiżjonijiet Nru 280/2004/KE u Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011 (ĠU L 122, p. 1).

97      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87 jikkonċerna l-allokazzjonijiet individwali billi din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 11(1) tipprovdi b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha tivverifika li l-listi ta’ installazzjonijiet u l-kwoti mingħajr ħlas allokati għal kull installazzjoni huma konformi mar-regoli previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87.

98      F’dak li jirrigwarda l-argument dwar ir-Regolament Nru 389/2013, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament huwa regolament ta’ implementazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87, li għalhekk ma jistax jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 389/2013, dan tal-aħħar jirrigwarda biss, minn naħa, il-ġestjoni u ż-żamma tar-reġistru indipendenti tat-tranżazzjonijiet previst fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/87 u tar-reġistri previsti fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ [ta]l-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 57), kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni ma dan ir-reġistru.

99      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li minn analiżi globali tal-istruttura tal-iskema għall-allokazzjoni ta’ kwoti prevista mid-Deċiżjoni 2001/278 jirriżulta li, billi l-metodi għall-allokazzjoni jikkonċernaw biss il-każ ġenerali u ma jipprovdux eċċezzjonijiet għall-każijiet atipiċi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha d-dritt tagħmel tajjeb għal din il-lakuna permezz tal-Artikolu 9(5) tat-TEHG. Skontha, għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri ma humiex kompetenti sabiex jirregolaw il-każijiet irregolati mid-Deċiżjoni 2011/278, huma kompetenti sabiex jiddeterminaw ir-regoli għall-allokazzjoni l-oħra kollha li huma intiżi sabiex japplikaw flimkien mal-metodi għall-allokazzjoni ddefiniti mill-Kummissjoni.

100    Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

101    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi regoli tranżitorji dwar il-ħruġ ta’ kwoti mingħajr ħlas. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni kellha tadotta miżuri ta’ implementazzjoni armonizzati kompletament fuq il-livell tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni armonizzata tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ħaġa li għamlet billi adottat id-Deċiżjoni 2011/278, li tiddefinixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas skont id-Direttiva 2003/87 mill-2013 ’il quddiem. L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278 jinkludi l-metodi għall-kalkolu tal-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-installazzjonijiet (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Kif issostni l-Kummissjoni, tali armonizzazzjoni totali għall-Unjoni kollha tippresupponi li r-regoli għall-allokazzjoni adottati fid-Deċiżjoni 2011/278 huma eżawrjenti u jeskludu neċessarjament kwalunkwe allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont regoli nazzjonali.

102    It-tieni nett, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas abbażi ta’ regola nazzjonali li tmur lil hinn mir-regoli adottati fid-Deċiżjoni 2011/278 tmur kontra l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li, kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), ħaseb sabiex jistabbilixxi skema iktar armonizzata għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bil-għan li jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji tal-iskambju ta’ kwoti, li tiġi evitata d-distorsjoni fis-suq intern u li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ rabtiet bejn id-diversi skemi għall-iskambju (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2013:113, punt 41).

103    It-tielet nett, ma jistax jiġi argumentat li r-regoli għall-allokazzjoni previsti fid-Deċiżjoni 2011/278 jikkonċernaw biss il-każ ġenerali u li, għaldaqstant il-każijiet atipiċi jistgħu jiġu rregolati mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, li tadotta miżuri armonizzati kompletament fuq il-livell tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni armonizzata tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas. Billi huwa inerenti f’dawn ir-regoli ġenerali li huma jkollhom impatt ikbar fuq ċerti installazzjonijiet milli fuq oħrajn (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), dawn ir-regoli jikkonċernaw il-każijiet kollha u anki l-każijiet atipiċi. Deroga mir-regoli armonizzati tal-Unjoni ma tistax tingħata unilateralment minn Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra, EU:C:1996:198, punt 56).

104    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(5) tat-TEHG ma jipprovdix li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kompetenti sabiex talloka kwoti mingħajr ħlas lill-operaturi ta’ installazzjonijiet li jaffaċċjaw diffikultajiet eċċessivi. Fil-fatt, tali allokazzjoni hija possibbli biss, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni ma tirrifjutahiex.

105    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ sussidjarjetà meta rrifjutat l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas abbażi tal-klawżola dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi prevista fl-Artikolu 9(5) tat-TEHG, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(3) TUE jipprovdi li, skont dan il-prinċipju, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

106    F’dan il-każ, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li r-regoli tranżitorji dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas adottati fid-Deċiżjoni 2011/278 abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 huma eżawrjenti u jeskludu neċessarjament kwalunkwe allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont regoli nazzjonali (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li l-istabbiliment tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fl-Unjoni mid-Direttiva 2003/87 ma setax jitwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri billi jaġixxu individwalment u li għalhekk l-istabbiliment ta’ din l-iskema, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, seta’ jitwettaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni. Mill-premessa 8 tad-Direttiva 2009/29 jirriżulta wkoll li eżami mill-ġdid magħmul fl-2007 fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-ewwel żewġ perijodi ta’ skambju kkonfermat li kien essenzjali li tiġi stabbilita skema iktar armonizzata għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bil-għan li jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji tal-iskambju ta’ kwoti, li tiġi evitata d-distorsjoni fis-suq intern u li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ rabtiet bejn id-diversi skemi għall-iskambju.

107    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

109    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż relatati mal-proċeduri prinċipali u mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Romonta GmbH għandha tbati l-ispejjeż relatati mal-proċeduri prinċipali u mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.