Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Marzu 2007 - Telecom Italia Media vs

Il-Kummissjoni

(Kawża T-96/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Telecom Italia Media S.p.A. (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: prof. F. Bassan u S. Venturini, avvocati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

It-talbiet tar-rikorrenti

prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6634 finali, ta' l-24 ta' Jannar 2007, li tirrigwarda l-għajnuna mill-Istat C 52/2005 (preċedentement NN 88/2005, preċedentement CP 101/2004), u ta' l-atti magħha konnessi, preċedenti u konsegwenti;

sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6634 finali, safejn timponi fuq l-Istat Taljan li jirkupra l-għajnuna skond il-modalitajiet indikati fiha;

f'kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż. Bil-konsegwenzi kollha legali.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkunsidrat bħala illegali l-għajnuna mogħtija mill-Istat Taljan fl-2004 u fl-2005 u li tinvolvi kontribuzzjonijiet għax-xiri ta' dekoders diġitali. F'dan ir-rigward jiġi enfasizzat li, permezz ta' deċiżjoni li ġġib l-istess data, ġew ikkunsidrati bħala legali skond l-Artikolu 87(c) tat-Trattat KE l-kontribuzzjonijiet għad-dekoders bl-API miftuħa previsti għall-2006.

Skond ir-rikorrenti, id-differenza bejn l-għajnuna legali ta' l-2006 u dik illegali ta' l-2004 u l-2005 tinsab fl-esklużjoni espliċita, f'dawn ta' l-aħħar, tal-finanzjament għad-dekoders tat-televiżjoni satellitari, li għalhekk tiġi eskluża fid-dritt, filwaqt li fl-2006 tiġi eskluża biss "de facto", peress li d-dekoder ingħażel mis-sistema monopolistika SKY "mhux miftugħ".

Sabiex issostni t-talbiet tagħha r-rikorrenti ssostni:

-    L-iżball ta' evalwazzjoni mwettaq mill-konvenuta. F'dan ir-rigward hija targumenta li:

-    il-miżura kienet meħtieġa sabiex tiġi aċċellerata t-tranżazzjoni għad-diġitali: it-teminu ta' żmien legali għas-switch off (2006) ma kienx (u lanqas ma seta' jiġi raġjonevolment ikkunsidrat bħala) perentorju.

-    il-miżura ma kinitx tissostitwixxi inizjattiva li kienet xorta waħda ser titwettaq mix-xandara. Fil-fatt, minħabba l-karatteristiċi partikolari tas-suq diġitali terrestri, dawn ta' l-aħħar ma kellhom l-ebda interess li jiffinanzjaw ix-xiri ta' dekoders, peress li:

(i) mhumiex integrati vertikalment ma produtturi ta' software jew ta' dekoders, (ii) m'għandhomx mudell ta' negozju bbażat fuq abbonament ta' kull xahar, li jippermetti li maż-żmien il-finanzjament jinkiseb lura; u (iii) id-dekoder terrestri jista' jirċevi l-kards ta' diversi operaturi li jikkompetu bejniethom.

-    il-miżura ma kinitx diskriminatorja kontra x-xandara satellitari għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, peress li dawn joperaw f'suq differenti, li b'mod żbaljat ġie kkwalifikat bħala suq uniku mill-Kummissjoni. It-tieni nett, peress li dawn ix-xandara kienu diġà esklużi de facto, peress li diġà dak iż-żmien SKY - sistema monopolistika tat-televiżjoni satellitari fl-Italja - kienet għażlet sistema proprjetarja li tagħmel użu minn standard mhux miftugħ, u li għalhekk ma kienx ħaqqu li jiġi mgħejjun, skond kif stabbilixxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tirrigwarda l-miżura għall-2006.

-    Il-perijodu meħud in kunsiderazzjoni sabiex jiġu kkalkolati l-effetti li l-miżura kellha fuq is-suq ma jistax ikun il-perjodu kollu ta' bejn l-2004 u l-2005, peress li TIMedia rreklamat u kkummerċjalizzat l-ewwel offerta pay per view fis-suq diġitali terrestri fit-22 ta' Jannar 2005. Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda d-dies ad quem, ma jistax jiġi injorat il-fatt li b'effett mill-1 ta' Settembru l-kontribut ingħata biss lill konsumaturi taż-żoni all digital, jiġifieri tar-reġjuni (Val D'Aosta u Sardenja) li għalihom kien previst għeluq antiċipat tal-perjodu ta' tranżizzjoni. Il-kontribut kien limitat fuq livell funzjonali u territorjali. TIMedia tista' trodd lura l-għajnuna peress li fil-periodu in kwistjoni m'għamlitx profitti addizzjonali. Fil-fatt l-ispejjeż huma aktar mill-qliegħ, kif normalment ikun il-każ fl-istadju ta' start up. Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob li l-kwantifikazzjoni ta' l-ammont li għandu jiġi rkuprat tiġi ddeterminata abbażi tal-profitti addizzjonali li ġew iġġenerati mill-ispettaturi addizzjonali li ġew attirati lejn it-televisjoni diġitali terrestri pay per view. Dan il-profitt jinkiseb billi d-dħul medju ta' l-utenti jiġi mmoltiplikat bl-istima tan-numru ta' utenti addizzjonali. Fil-verità l-profitti addizzjonali jinkisbu billi mill-qliegħ addizzjonali (mhux dak medju) jitnaqqsu l-ispejjeż addizzjonali. Fil-fatt, il-qliegħ iġġenerat mill-utent addizzjonali, li mhuwiex predispost wisq li jixtri xandiriet suġġetti għall-pay per view, huwa inqas mil-qliegħ iġġenerat mill-medja ta' l-utenti.

-    Il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikoli 87(1) u 87(3)(c) tat-Trattat KE, safejn il-Kummissjoni ma pprovatx li l-miżura tfixkel jew tgħedded li tfixkel il-kompetizzjoni, u għaldaqstant tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1). Barra minn hekk hija lanqas ma wriet kif l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 87(3) tista' tiġi applikata għall-produtturi tad-dekoders iżda mhux għax-xandara televiżivi, li jibbenefikaw indirettament minnhom, li jagħmlu użu minn dawn id-dekoders.

-    Id-deċiżjoni kkontestata hija internament kuntradittorja u intrinsikament illoġika. F'dan ir-rigward jiġi enfasizzat li skond il-Kummissjoni l-miżura hija selettiva fir-rigward biss ta' wħud mill-benefiċjarji indiretti (ix-xandara televiżivi) u mhux fir-rigward ta' oħrajn (il-produtturi tad-dekoders).

____________