Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2018 – Rose Vision vs Il-Kummissjoni

(Kawżi T-45/13 RENV u T-587/15)1

(“Klawżola ta’ arbitraġġ – Is-Seba’ Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) – Ftehim ta’ sussidju relattivi għall-proġetti FIRST, FutureNEM, sISI, 4NEM u SFERA – Terminu għall-komunikazzjoni tar-rapport finali ta’ awditu finanzjarju – Awditi finanzjarji li jikkonstataw irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-proġetti – Sospensjoni tal-ħlasijiet – Kunfidenzjalità tal-awditi finanzjarji – Eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rimbors tas-somom imħallsa – Dannu kkawżat permezz tal-inklużjoni fis-sistema ta’ twissija bikrijaˮ)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Rose Vision, SL (Pozuelo de Alarcón, Spanja) (rappreżentant: J.J. Marín López, avukat)

Konvenuta: Il-Kummisjoni Ewropea (rappreżentanti: fil-Kawża T-45/13 RENV R. Lyal u M. Siekierzyńska, aġenti, assistiti minn J. Rivas Andrés, avukat u fil-Kawża T-587/15 J. Estrada de Solà, P. Rosa Plaza u S. Delaude, aġenti, assistiti minn J. Rivas Andrés, avukat)

Suġġett

Fil-Kawża T-45/13 RENV, l-ewwel nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali applikabbli għall-proġett FutureNEM, it-tieni nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sosniet wara l-ksur ta’ dawn l-istipulazzjonijiet kuntrattwali mill-Kummissjoni, it-tielet nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatmament sostniet wara l-inklużjoni ta’ isimha fis-sistema ta’ twissija bikrija (STB) u, ir-raba’ nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fis-STB u, fil-Kawża T-587/15, l-ewwel nett, essenzjalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tal-istipulazzjonijiet kuntrattttwali applikabbli għall-proġetti FIRST, FutureNEM, sISI, 4NEM u SFERA, it-tieni nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża sabiex jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma għandhiex tagħti lill-Kummissjoni l-ammont mitlub mingħandha, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sosniet wara l-ksur tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali mill-Kummissjoni kif ukoll sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ammonti dovuti għall-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-proġetti, it-tielet nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu sostnut wara l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fis-STB u, ir-raba’ nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5449 finali, tat-28 ta’ Lulju 2015, dwar l-irkupru ta’ ammont totali ta’ EUR 535 613.20, flimkien mal-interessi, dovuti mir-rikorrenti.

Dispożittiv

Il-Kawżi T-45/13 RENV u T-587/15 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

Ir-rikorsi huma miċħuda.

Rose Vision, SL għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inkluż, fir-rigward tal-Kawża T-45/13 RENV, dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-45/13, tal-proċedura ta’ appell fil-Kawża C-224/15 P u tal-proċedura ta’ rinviju.

____________

1 ĠU C 178, 22.6.2013.