Language of document : ECLI:EU:F:2014:117

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

22 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑90/13

Luigi Marcuccio

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura — Preġudizzju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu.

Deċiżjoni:      L-Avukat A huwa eskluż mill-proċedura, konformement mal-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Kopja ta’ dan id-digriet għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti, Spanjoli u Taljani, li taħthom jaqa’ l-Avukat A.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rappreżentanza tal-partijiet — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 32(1))

L-aġir ta’ avukat, li jirrappreżenta lil parti quddiem il-qrati tal-Unjoni, li jikkonsisti fil-preżentata ta’ rikorsi bbażati fuq fatti kważi identiċi għal dawk li diġà wasslu għal rikorsi preċedenti li ġew miċħuda bħala manifestament infondati jew manifestament inammissibbli, jew li fihom jiġu invokati l-istess motivi indikattivi tal-propensità tal-imsemmija parti li tirrikorri għal proċeduri ġudizzjarji sistematikament u indistintament, għandu jitqies li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

Dan huwa l-każ meta, permezz ta’ tali aġir, dan l-avukat jikkontribwixxi, b’nuqqas ta’ attenzjoni, għall-aġir litiġjuż tal-persuna kkonċernata, li, fid-dawl tan-numru partikolarment kbir ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni, li ma jistax ikun li avukat normalment diliġenti ma kienx konxju minnu f’dan il-każ, irriżultat li kienet ta’ preġudizzju partikolari għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi applikat l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku billi r-rappreżentant legali jiġi eskluż mill-proċedura. Din l-esklużjoni tobbliga lill-persuna kkonċernata tibdel ir-rappreżentant legali tagħha, iżda ma għandha ebda effett fuq l-evalwazzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser iwettaq fuq il-mertu tar-rikors, li jibqa’ mressaq quddiemu sakemm l-imsemmija parti ma tirrinunzjax għall-atti.

(ara l-punti 12, 18, 21, 26 u 27)