Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Laufen Austria vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-411/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Laufen Austria AG (Wilhelmsburg, l-Awstrija) (rappreżentant: E. Navarro Varona, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikkjara n-nullità parzjali tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-23 ta' Ġunju 2010, inkwantu tikkonċerna l-multa imposta fuq Laufen Austria (kemm meta kkunsidrata individwalment kif ukoll in solidum ma' Roca Sanitario) minħabba l-allegat ksur tal-Artikolu 101 TFUE; u konsegwentement,

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Laufen Austria kemm dik individwali kif ukoll in solidum ma' Roca Sanitario, skont il-punti korrispondenti f'dan ir-rikors, sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun għall-motivi esposti jew motivi oħra li l-Qorti Ġenerali tista' tqajjem; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'dan ir-rikors hija l-istess bħal dik ikkontestata fil-Kawża T-408/10, Roca Sanitario vs Il-Kummissjoni.

Il-motivi u l-allegazzjonijiet prinċipali huma simili għal dawk imqajma f'din il-kawża.

Laufen Austria ssostni, b'mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta' evalwazzjoni, inkwantu tikkunsidra li r-rikorrenti ma aġixxietx b'mod awtonomu fuq is-suq u billi tiddikkjara lil Roca Sanitario responsabbli tal-aġir tagħha.

F'dan ir-rigward, u sussidjarjament, hemm ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat 1, u tal-prinċipji ta' responsabbiltà individwali għal ksur u ta' proporzjonalità, fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta individwalment fuq ir-rikorrenti minħabba l-ksur allegatament imwettaq qabel ma nxtrat minn Roca Sanitario. Dan l-ammont jeċċedi l-10 % tal-fatturat għas-sena finanzjarja qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ġie stabbilit b'mod żbaljat.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205