SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
24 ta’ Ottubru 2018 (*)
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea 42 BELOW – Trade mark figurattiva nazzjonali preċedenti mhux irreġistrata VODKA 42 – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Użu fil-kummerċ – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-EUIPO”
Fil-Kawża T‑435/12,
Bacardi Co. Ltd, stabbilita f’Vaduz (il-Liechtenstein), inizjalment irrappreżentata minn M. Reinisch, sussegwentement minn A. Parassina, L. Rigas u L. Lorenc, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), inizjalment irrappreżentat minn P. Geroulakos, sussegwentement minn D. Gája u D. Walicka, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Palírna U zeleného stromu a. s., li kienet Granette & Starorežná Distilleries a.s., stabbilita f’Ústí nad Labem (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn T. Chleboun, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tad‑9 ta’ Lulju 2012 (Każ R 2100/2011‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Granette & Starorežná Distilleries u Bacardi,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),
komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,
Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Settembru 2012,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Frar 2013,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Jannar 2013,
wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Marzu 2013,
wara li rat il-kontroreplika tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Awwissu 2013,
wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Awwissu 2013,
wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u r-risposti tar-rikorrenti u tal-EUIPO għal dawn il-mistoqsijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 u fl‑20 ta’ Mejju 2015 rispettivament,
wara li rat it-talba għas-sospensjoni tal-proċedura ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti fid‑29 ta’ April 2015 u l-osservazzjonijiet dwar din it-talba ppreżentati mill-EUIPO u mill-intervenjenti fis‑6 u fit‑13 ta’ Mejju 2015 rispettivament,
wara li rat id-digriet tal-President tal-Ewwel Awla (kulleġġ ġudikanti preċedenti) tal‑10 ta’ Ġunju 2015 li jissospendi l-proċedura,
wara li ssoktat il-proċedura fl‑10 ta’ Novembru 2015,
wara li rat it-talba għas-sospensjoni tal-proċedura ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti fil‑11 ta’ Diċembru 2015 u l-osservazzjonijiet dwar din it-talba ppreżentati mill-EUIPO fis‑7 ta’ Jannar 2016,
wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla (kulleġġ ġudikanti preċedenti) tal‑20 ta’ Jannar 2016 li jissospendi l-proċedura,
wara li ssoktat il-proċedura fl‑20 ta’ Ġunju 2016,
wara li rat it-talba għas-sospensjoni tal-proċedura ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti fit‑22 ta’ Awwissu 2016 u l-osservazzjonijiet dwar din it-talba ppreżentati mill-EUIPO u mill-intervenjenti fis‑26 ta’ Awwissu u fit‑8 ta’ Settembru 2016 rispettivament,
wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla (kulleġġ ġudikanti preċedenti) tat‑12 ta’ Settembru 2016 li tissospendi l-proċedura,
wara li ssoktat il-proċedura fit‑13 ta’ Marzu 2017,
wara li rat it-tweġibiet tal-partijiet ippreżentati fis‑16 u fis‑17 ta’ Mejju 2017 għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑7 ta’ Novembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Fis‑26 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti, Bacardi Co. Ltd, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).
2 It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

3 Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Xarbiet alkoħoliċi (minbarra birra), inklużi l-vodka, x-xorb li fih il-vodka u x-xorb bit-togħma ta’ vodka”.
4 L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 59/2009 tal‑14 ta’ Diċembru 2009.
5 Fil‑11 ta’ Marzu 2010, l-intervenjenti, Granette & Starorežná Distilleries a.s., li saret Palírna U zeleného stromu a.s., ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.
6 L-oppożizzjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq it-trade mark mhux irreġistrata, użata fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja, għal “xarbiet alkoħoliċi, jiġifieri [l-]vodka” (iktar ’il quddiem it-“trade mark mhux irreġistrata”), riprodotta hawn taħt:

7 Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001).
8 Fit‑12 ta’ Awwissu 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha, abbażi tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, u kkundannat lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.
9 Fl‑10 ta’ Ottubru 2011, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.
10 Permezz tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell tal-intervenjenti.
11 Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell fakkar il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.
12 Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell osserva li, fir-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Nru 441/2003 Sb. tat‑3 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks”) jagħti lill-proprjetarji ta’ trade marks mhux irreġistrati użati fil-kummerċ, qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li l-portata tagħhom ma kinitx biss lokali, id-dritt li jipprojbixxu trade marks iktar reċenti jekk is-sinjali kienu identiċi jew simili u jkopru prodotti jew servizzi simili.
13 Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell qies li, f’dan il-każ, l-intervenjenti kienet ipprovat suffiċjentement, minn naħa, li l-prodotti koperti mit-trade mark mhux irreġistrata kienu kkumerċjalizzati f’postijiet differenti, għall-inqas fit-territorju Ċek u, min-naħa l-oħra, li din il-kummerċjalizzazzjoni kienet saret qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex jinkiseb vantaġġ ekonomiku.
14 Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-drittijiet tat-trade mark mhux irreġistrata kienu nkisbu b’riżultat tal-użu magħmul mill-intervenjenti ta’ “xarbiet alkoħoliċi, jiġifieri [l-]vodka”, qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
15 Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell eżamina jekk it-trade mark mhux irreġistrata tatx lill-proprjetarju tagħha d-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, f’dan il-kuntest, ivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks kinux issodisfatti.
16 F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell irrileva, l-ewwel nett, li l-prodotti inkwistjoni kienu indirizzati lill-pubbliku ġenerali li jirrisjedi fit-territorju Ċek.
17 Sussegwentement, il-Bord tal-Appell qies, minn naħa, li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi jew simili ħafna u, min-naħa l-oħra, li s-sinjali kunfliġġenti kienu globalment simili mill-aspett viżiv, fonetiku u kunċettwali.
18 Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark mhux irreġistrata kellha karattru distintiv intrinseku medju.
19 Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, f’dan il-każ, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti.
20 Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li l-EUIPO ma kellux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-użu tat-trade mark mhux irreġistrata jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali, kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-awtur, u li dan l-uffiċċju, bħala tali, ma setax iqiegħed inkwistjoni l-eżistenza u l-validità ta’ din it-trade mark.
21 Bħala konklużjoni, il-Bord tal-Appell, minn naħa, laqa’ l-appell u, għaldaqstant, laqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark mhux irreġistrata u, min-naħa l-oħra, ikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ appell skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 109(1) tar-Regolament 2017/1001).
It-talbiet tal-partijiet
22 Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tiċħad l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni;
– tibgħat is-sentenza li tingħata lill-EUIPO;
– tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.
23 Wara li rrinunzjat, fir-replika, għat-tieni u għat-tielet kapijiet tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.
24 L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
25 L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà
26 L-EUIPO jsostni, essenzjalment, li l-kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa inammissibbli minħabba li, apparti l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li l-provi tal-użu tat-trade mark mhux irreġistrata kienu biżżejjed sabiex tintlaqa’ l-oppożizzjoni, ir-rikors ma kien jinkludi l-ebda argument jew spjegazzjoni li huma ċari biżżejjed fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn l-evalwazzjoni tal-imsemmi bord hija żbaljata.
27 Ir-rikorrenti ssostni li hija pprovdiet biżżejjed spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward fir-rikors u li wriet li, skont id-dritt Ċek, il-Bord tal-Appell kellu jitlob lill-intervenjenti li tipprovdi provi supplimentari sabiex tistabbilixxi użu kontinwu tat-trade mark mhux irreġistrata.
28 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, l-EUIPO jikkritika n-natura vaga u ġenerali ta’ argument invokat u l-assenza ta’ argumenti oħrajn insostenn tal-ilment li essenzjalment jgħid li l-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ, prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ.
29 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa meħtieġ, sabiex argument ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑25 ta’ Lulju 2000, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, T‑110/98, EU:T:2000:199, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il‑Kummissjoni, T‑195/00, EU:T:2003:111, punt 26).
30 Issa, f’dan il-każ, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Bord tal-Appell qieset, b’mod żbaljat, li l-provi tal-użu tat-trade mark mhux irreġistrata kienu suffiċjenti sabiex tiġi milqugħa l-oppożizzjoni, jirriżultaw b’mod ċar mir-rikors.
31 Fil-fatt, fil-punt B. III tar-rikors, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ, prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma kinitx issodisfatta fir-rigward tat-trade mark mhux irreġistrata, peress li l-intervenjenti ma pproduċietx il-prova ta’ użu kontinwu, mhux interrott u attwali ta’ dan is-sinjal sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri sat‑12 ta’ Awwissu 2011.
32 Issa tali argument għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-EUIPO li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO.
Fuq il-mertu
33 Ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regola 50(2)(ġ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regola 50(2)(ġ) tar-Regolament Nru 2868/95
34 Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord tal-Appell għamel sunt żbaljat tal-fatti tal-każ. Fil-fehma tagħha, dan il-bord għamel sunt inkomplet tal-argumenti li hija kienet invokat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kif ukoll quddiem dan il-bord. L-ewwel nett, l-argumenti li jikkonċernaw id-dritt Ċek u, b’mod partikolari, dawk relatati mal-kompetizzjoni żleali u mad-drittijiet tal-awtur ma kinux inklużi. Sussegwentement, is-sunt tal-argumenti, li jinsab fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwarda biss dawk l-argumenti relatati mat-trade mark Ċeka Nru 263350 ippreżentata fl‑10 ta’ Settembru 2003 u li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni tal-intervenjenti u ma jinkludi l-ebda argumenti li jirrigwardaw it-trade mark mhux irreġistrata. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina l-argumenti intiżi sabiex juru li l-imsemmija trade mark ma kienet tibbenefika minn ebda protezzjoni taħt id-dritt Ċek, peress li dan jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali u jikser id-drittijiet tal-awtur tagħha fuq is-sinjal 42 BELOW. Konsegwentement, hija tinvoka ksur tal-Artikolu 50(2)(ġ) tar-Regolament Nru 2868/95, kif ukoll eżami insuffiċjenti tal-argumenti tagħha, li parti minnhom ġiet injorata.
35 L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan il-motiv.
36 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 50(2)(ġ) tar-Regolament Nru 2868/95, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha tinkludi sunt tal-fatti.
37 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi vverifikat jekk dan jinkludix sunt tal-fatti u, b’mod partikolari, tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.
38 Minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġabar fil-qosor, b’mod partikolarment iddettaljat, l-argumenti invokati mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Huwa, b’mod partikolari għas-seba’ u t-tmien inċiżi tal-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, irrefera għall-argumenti tar-rikorrenti dwar id-dritt Ċek fir-rigward tal-kompetizzjoni żleali u għad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, fil-punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa fakkar l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-użu, mill-intervenjenti, tat-trade mark mhux irreġistrata kien illegali minħabba li dan kien jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali u kiser id-drittijiet tal-awtur tar-rikorrenti.
39 Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġabar fil-qosor l-argumenti tar-rikorrenti li kienu intiżi, essenzjalment, għaċ-ċaħda tal-appell tal-intervenjenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. B’mod partikolari, huwa fakkar li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark mhux irreġistrata kienu kkunsidrati bħala globalment simili mill-intervenjenti, din ma setgħetx issostni li jeżisti xebh fonetiku, peress li l-kliem “below” u “vodka” kienu totalment differenti minn tagħha.
40 B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell għamel sunt tajjeb tal-argumenti kollha esposti mir-rikorrenti.
41 Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009
42 Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li dan ikkonkluda li t-trade mark mhux irreġistrata tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi artikolu u, għaldaqstant, tostakola r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
43 Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal li ma huwiex trade mark jista’ jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni jekk din it-trade mark mhux irreġistrata jew dan is-sinjal jissodisfaw, kumulattivament, erba’ kundizzjonijiet: għandhom jiġu użati fil-kummerċ; għandu jkollhom portata li ma hijiex biss lokali; id-dritt għal din it-trade mark jew għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb konformement mad-dritt tal-Istat Membru fejn dawn ikunu ntużaw qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea; fl-aħħar nett, din it-trade mark jew dan is-sinjal għandhom jattribwixxu lill-proprjetarju tagħhom il-fakultà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li, meta trade mark mhux irreġistrata jew sinjal ma jissodisfawx waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark mhux irreġistrata jew fuq sinjali oħrajn użati fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tistax tintlaqa’ (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Moravia Consulting vs EUIPO – Citizen Systems Europe (SDC‑888TII RU), T‑317/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:718, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mal-portata tas-sinjal jew tat-trade mark invokati, li dawn tal-aħħar ma għandhomx ikunu biss lokali, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan ir-regolament jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mal-portata tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), T‑318/06 sa T‑321/06, EU:T:2009:77, punt 33; tal‑4 ta’ Lulju 2014, Construcción, Promociones e Instalaciones vs UASI – Copisa Proyectos y Mantenimientos Industriales (CPI COPISA INDUSTRIAL), T‑345/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:614, punt 41, u tat‑12 ta’ Ottubru 2017, SDC‑888TII RU, T‑317/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:718, punt 39).
45 Min-naħa l-oħra, mill-frażi “sa fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, ipprovduti sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa ġġustifikat, peress li r-Regolament Nru 207/2009 jirrikonoxxi l-possibbiltà għal sinjali li ma humiex parti mis-sistema ta’ trade mark tal-Unjoni li jiġu invokati kontra trade mark tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark tal-Unjoni u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2009, GENERAL OPTICA, T‑318/06 sa T‑321/06, EU:T:2009:77, punt 34, u tat‑12 ta’ Ottubru 2017, SDC‑888TII RU, T‑317/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:718, punt 40).
46 F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li t-trade mark mhux irreġistrata għandha portata li ma hijiex biss lokali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ma evalwax b’mod korrett jekk il-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ kinitx issodisfatta. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu jistabbilixxi li l-imsemmija trade mark kienet ġiet użata b’mod kontinwu sad-data li fiha d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2011. Barra minn hekk, hija tilmenta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx eżami eżawrjenti tad-dritt Ċek u għalhekk ikkonkluda, abbażi ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt li ma kinux rilevanti f’dan il-każ, minn naħa, li l-intervenjenti kellha drittijiet fuq din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, li din it-trade mark kienet tagħtiha d-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fl-aħħar nett, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma kienx kompetenti sabiex jevalwa l-validità tal-istess trade mark u, għaldaqstant, li laqa’ l-oppożizzjoni abbażi ta’ sinjal invalidu.
47 Essenzjalment, it-tieni motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball imwettaq mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ ta’ trade mark mhux irreġistrata, stabbilit fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni parti hija bbażata fuq żball imwettaq mill-Bord tal-Appell meta ma eżaminax id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek rilevanti f’dan il-każ għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. It-tielet parti hija bbażata fuq żball imwettaq mill-Bord tal-Appell meta ddikjara li ma kienx kompetenti sabiex jevalwa l-validità tat-trade mark mhux irreġistrata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek dwar il-kompetizzjoni żleali u d-drittijiet tal-awtur.
– Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv
48 Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar l-użu tat-trade mark mhux irreġistrata fil-kummerċ, imsemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, kienet ġiet issodisfatta. Hija ssostni, minn naħa, li din il-kundizzjoni kellha tiġi evalwata fid-data li fiha d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni adottat id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri fit‑12 ta’ Awwissu 2011, u, min-naħa l-oħra, li l-intervenjenti kellha turi l-użu kontinwu, mhux interrott u attwali tat-trade mark mhux irreġistrata sa dik id-data. Hija ssostni li, peress li l-kwistjoni ta’ jekk din it-trade mark teżistix tiddependi fuq id-dritt nazzjonali, f’dan il-każ id-dritt Ċek, hemm ukoll il-bżonn li tiġi stabbilita l-eżistenza kontinwa tat-trade mark inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-intervenjenti kienet waqfet tuża t-trade mark mhux irreġistrata madwar ix-xahar ta’ Jannar 2011, li ġiet issostitwita bil-logo VODKA 42 BLENDED.
49 L-EUIPO titlob li din il-parti tiġi miċħuda. Minn naħa, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, għall-finijiet li jiġi evalwat l-użu tat-trade mark mhux irreġistrata hija dik tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, is‑26 ta’ Ġunju 2009. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar l-użu kontinwu ta’ sinjal mhux irreġistrat, previst fid-dritt Ċek, ma hijiex rilevanti sabiex tiġi ddeterminata d-data li fiha għandu jiġi evalwat l-użu ta’ trade mark preċedenti mhux irreġistrata.
50 L-intervenjenti tqis li l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ użu tat-trade mark mhux irreġistrata mis-sena 2011 ma ġiex imqajjem fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u, għaldaqstant, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-EUIPO skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001). Barra minn hekk, hija ssostni li l-unika kwistjoni li tgħodd hija dik dwar jekk hija użatx din it-trade mark sad-data tal-preżentazzjoni tal-oppożizzjoni tagħha jew, l-iktar tard, sad-data tal-iskadenza għall-produzzjoni tal-provi quddiem l-EUIPO.
51 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti invokat l-inammissibbiltà tal-provi tal-użu tat-trade mark mhux irreġistrata kkomunikati mill-intervenjenti bħala anness mar-risposta tagħha. Ir-rikorrenti indikat li dawn il-provi kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, l-EUIPO, bħar-rikorrenti, qal li l-provi prodotti mill-intervenjenti fir-risposta tagħha kienu inammissibbli. Min-naħa l-oħra, l-intervenjenti sostniet li l-provi li hija kienet ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali kienu ammissibbli u, f’kull każ, għandha tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.
52 F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonċerna l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001). Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li fatti li ma humiex invokati mill-partijiet quddiem id-dipartimenti tal-EUIPO ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżamina l-fatti mill-ġdid fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li dak il-bord seta’ jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument meta ħa din id-deċiżjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, EU:C:2006:494, punti 50 sa 52; tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punti 136 sa 138, u tas‑16 ta’ Jannar 2014, Optilingua vs UASI – Esposito (ALPHATRAD), T‑538/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:9, punt 19).
53 F’dan il-każ, l-intervenjenti pproduċiet, bħala anness mar-risposta tagħha, fatturi intiżi sabiex juru l-użu kontinwu tat-trade mark tagħha fit-territorju Ċek mill‑2007 sad-data tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, u anki lil hinn minn din id-data.
54 Issa, huwa stabbilit li dawn il-provi ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 iktar ’il fuq, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.
55 Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-perijodu rilevanti li fiha l-provi tal-użu tat-trade mark mhux irreġistrata kellhom essenzjalment jirrelataw kien “l-istess jew qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni kkontestata, jiġifieri s‑26 ta’ Ġunju 2009”. Barra minn hekk, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi Bord tal-Appell ikkonkluda li d-dritt għal din it-trade mark kien ġie miksub mill-intervenjenti “qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”.
56 Hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li t-trade mark mhux irreġistrata ġiet użata fil-kummerċ fir-Repubblika Ċeka bejn l‑2008 u l‑2009, jiġifieri qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
57 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jitlob lill-intervenjenti li tipproduċi prova ta’ użu kontinwu, mhux interrott u attwali tat-trade mark mhux irreġistrata sad-data tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri sat‑12 ta’ Awwissu 2011. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-intervenjenti ma pproduċiet l-ebda prova ta’ użu tat-trade mark mhux irreġistrata għas-snin 2010 u 2011. Barra minn hekk, hija tafferma li l-intervenjenti waqfet tuża din it-trade mark madwar ix-xahar ta’ Jannar 2011.
58 L-argumenti mqajma mir-rikorrenti jwasslu għad-determinazzjoni tad-data li fiha l-Bord tal-Appell kellu jevalwa l-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ li tinsab fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.
59 Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-kundizzjoni dwar l-użu ta’ sinjal mhux irreġistrat fil-kummerċ, għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.
60 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi applikat, għall-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni, l-istess kriterju temporali bħal dak espressament previst fl-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 rigward il-kisba tad-dritt għal dan is-sinjal, jiġifieri dak tad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 166, u tal‑4 ta’ Lulju 2014, CPI COPISA INDUSTRIAL, T‑345/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:614, punt 47).
61 Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-użu tat-trade mark mhux irreġistrata fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
62 Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li titwaqqa’ din it-talba.
63 Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kellu jitlob lill-intervenjenti sabiex din tistabbilixxi użu kontinwu tat-trade mark mhux irreġistrata, liema rekwiżit huwa impost mid-dritt Ċek u, b’mod partikolari, permezz ta’ deċiżjoni tan-Nejvyšší soud tad‑19 ta’ April 2012 (Nru 23 Cdo 3412/2010) (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka).
64 F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, kif ġie rrilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq, u dik imsemmija fl-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar il-ksiba tad-dritt għal sinjal mhux irreġistrat, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal kien ġie użat qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, kif ġie enfasizzat fil-punt 45 iktar ’il fuq.
65 F’dan il-każ, il-fatt li d-dritt Ċek jimponi, bħala kundizzjoni tal-eżistenza ta’ sinjal mhux irreġistrat, il-prova tal-użu kontinwu tiegħu ma jaffettwax id-data li fiha għandu jiġi evalwat l-użu tat-trade mark mhux irreġistrata li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 iktar ’il fuq, hija dik tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni.
66 Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.
67 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li l-ewwel parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħrajn imqajma mir-rikorrenti dwar l-assenza ta’ użu kontinwu tat-trade mark mhux irreġistrata, għaliex it-trade mark mhux irreġistrata kienet ġiet emendata f’Jannar 2011 biż-żieda tal-kelma “blended” fl-aħħar tas-sinjal. Bl-istess mod, ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti tal-intervenjenti li huma intiżi sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-allegazzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ prova tal-użu ta’ din it-trade mark b’effett mis-sena 2011.
– Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv
68 Fil-kuntest tal-oppożizzjoni, l-intervenjenti indikat, essenzjalment, li t-trade mark mhux irreġistrata kienet tagħtiha d-dritt li topponi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks, kif ukoll tal-Artikoli 44, 46, 47 u 53 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek, kif stabbilit fil-Liġi Ċeka Nru 513/1991 Sb.
69 L-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks jipprevedi:
“Is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni ma jiġix irreġistrat fir-reġistru fuq oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark fir-reġistru (iktar ’il quddiem imsejħa l-‘oppożizzjoni’) ippreżentat lill-Uffiċċju minn
[…]
g) il-proprjetarju ta’ sinjal mhux irreġistrat jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, għal prodotti u servizzi identiċi jew simili, jekk dan is-sinjal ikun identiku jew simili għas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, jekk id-drittijiet għal dan is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.”
70 L-Artikolu 44 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek jiddisponi:
“Il-kompetizzjoni żleali hija aġir fil-kompetizzjoni kummerċjali jew f’relazzjonijiet kummerċjali li jmur kontra l-moralità tal-kompetizzjoni u li jikkawża dannu lill-kompetituri l-oħra, lill-konsumaturi jew lill-klijenti l-oħra. Il-kompetizzjoni żleali hija pprojbita.”
71 Skont l-Artikolu 46 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek:
“L-immarkar qarrieqi ta’ prodotti u ta’ servizzi
(1) L-immarkar b’mod qarrieqi ta’ prodotti jew ta’ servizzi jikkonsisti mill-immarkar ta’ prodotti u ta’ servizzi b’mod li joħloq impressjoni żbaljata fis-suq tal-pajjiż, tar-reġjun jew tal-post minn fejn jiġu l-prodotti jew is-servizzi mmarkati b’dan il-mod, jew jagħtu l-impressjoni żbaljata li dawn joriġinaw minn ċertu produttur, jew li jkollhom ċerti karatteristiċi jew kwalitajiet […]
[…]”
72 L-Artikolu 47 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek jipprevedi l-każijiet ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba, pereżempju, l-użu ta’ sinjal speċjali.
73 L-Artikolu 53 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek jiddisponi:
“Il-persuni li d-drittijiet tagħhom huma ppreġudikati jew jistgħu jiġu ppreġudikati minħabba kompetizzjoni żleali jistgħu, fir-rigward tal-persuna li tippreġudika d-drittijiet tagħhom, jitolbuha li twaqqaf dan l-aġir u li twaqqaf is-sitwazzjoni li tippreġudika d-drittijiet tagħhom […]”
74 Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta, sabiex jivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 kinux issodisfatti, ma eżaminax b’mod eżawrjenti d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li kienu rilevanti f’dan il-każ, meta huwa kellu l-obbligu li jagħmel dan. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell ivverifika jekk it-trade mark mhux irreġistrata tatx lill-proprjetarju tagħha d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti abbażi biss tal-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks, filwaqt li dan il-bord kellu jagħmel din il-verifika fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 44 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek, dwar il-kompetizzjoni żleali.
75 L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.
76 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma eżaminax jekk it-trade mark mhux irreġistrata kinitx tibbenefika minn protezzjoni skont l-Artikoli 44 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek, minkejja li, minn naħa, l-intervenjenti bbażat l-oppożizzjoni tagħha b’mod partikolari fuq dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienet espressament indikat li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks ma kinux rilevanti.
77 Għar-rikorrenti, din l-assenza ta’ eżami taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li, essenzjalment, l-EUIPO kellu l-obbligu li jeżamina d-dritt Ċek b’perspettiva wiesgħa sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark mhux irreġistrata tagħtix lill-intervenjenti d-dritt li tipprojbixxi trade mark iktar reċenti u, għaldaqstant, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 kinux issodisfatti f’dan il-każ. Fil-fehma tagħha, dan l-obbligu jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 tal-Linji Gwida dwar il-Proċedimenti Quddiem l-EUIPO fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-EUIPO”) u mis-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, EU:C:2011:189).
78 L-ewwel nett, huwa utli li jitfakkar li, fir-rigward tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq dritt preċedenti, miksub bis-saħħa ta’ regola tad-dritt nazzjonali, diġà ġie deċiż li, f’dak li jirrigwarda t-tqassim tar-rwoli bejn min iressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, id-dipartimenti kompetenti tal-EUIPO u l-Qorti Ġenerali, ir-Regola 37 tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi li huwa min jagħmel it-talba li għandu jipproduċi provi li juru li huwa għandu s-setgħa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li jinforza dritt preċedenti, protett fil-kuntest ġuridiku nazzjonali. Din ir-regola timponi fuq min iressaq it-talba li jipproduċi lill-EUIPO mhux biss il-provi li juru li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huwa jitlob l-applikazzjoni tagħha, sabiex jipprova jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll il-provi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punti 49 u 50, tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 34, u tal‑5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 35).
79 It-tieni nett, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-obbligi li huwa suġġett għalihom l-EUIPO, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun ibbażata fuq dritt preċedenti protett minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, hija responsabbiltà, fl-ewwel lok, tad-dipartimenti kompetenti tal-EUIPO li jevalwaw l-awtorità u l-portata tal-provi prodotti minn min ressaq it-talba sabiex jistabbilixxu l-kontenut tal-imsemmija regola. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni tad-dipartimenti kompetenti tal-EUIPO jista’ jkollha l-effett li ċċaħħad lill-proprjetarju tat-trade mark minn dritt li jkun ingħatalu, il-portata ta’ tali deċiżjoni timplika neċessarjament li d-dipartiment li jieħu din id-deċiżjoni ma għandux ikun limitat għal rwol fejn sempliċement jivvalida d-dritt nazzjonali kif dan ikun ġie ppreżentat minn min iressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 51; tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 35 u 43, u tal‑5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 36).
80 It-tielet nett, konformement mal-Artikolu 65(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjoni magħmula mill-EUIPO fuq il-provi prodotti minn min ressaq it-talba sabiex tistabbilixxi l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huwa jinvoka l-protezzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 52; tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 36, u tal‑5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 37).
81 Barra minn hekk, sa fejn l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, fil-kuntest proċedurali inkwistjoni, jista’ jkollha l-effett li ċċaħħad lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mid-dritt tiegħu, huwa imperattiv li l-Qorti Ġenerali, minkejja nuqqasijiet possibbli fid-dokumenti prodotti bħala prova tad-dritt nazzjonali applikabbli, tkun tista’ realment teżerċita stħarriġ effettiv. Għal dan l-għan, hija għaldaqstant għandha tkun tista’ tivverifika, lil hinn mid-dokumenti prodotti, il-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet legali invokati minn min iressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 44, u tal‑5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 38).
82 Għandu jiġi enfasizzat li l-istħarriġ imwettaq mill-EUIPO u mill-Qorti Ġenerali għandu jsir fid-dawl tar-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett utli tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 40, u tal‑5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 39).
83 Fir-rigward tat-talbiet ta’ oppożizzjoni, ibbażati fuq dritt preċedenti bbażat fuq regola ta’ dritt nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li kunsiderazzjonijiet simili għal dawk esposti fil-punti 78 sa 82 iktar ’il fuq jistgħu jiġu aċċettati f’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova u t-tqassim tar-rwoli bejn il-partijiet, id-dipartimenti kompetenti tal-EUIPO u l-Qorti Ġenerali.
84 Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li min jopponi għandu juri li t-trade mark mhux irreġistrata jew is-sinjal inkwistjoni jaqaw fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li jippermettu l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 190; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), T‑318/03, EU:T:2005:136, punt 33).
85 Barra minn hekk, huwa l-EUIPO li għandu jeżamina jekk, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni invokata humiex issodisfatti. F’dan il-kuntest, huwa għandu jevalwa l-materjalità tal-fatti invokati u s-saħħa probatorja tal-provi prodotti mill-partijiet. Huwa jista’ jintalab jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih is-sinjal preċedenti li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni jgawdi minn protezzjoni. F’dan il-każ, huwa għandu jinforma ruħu ex officio, permezz tal-mezzi li jidhrulu li jkunu utli għal dan l-għan, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ li tali informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, tal-materjalità tal-fatti ppreżentati jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti prodotti (sentenza tal‑20 ta’ April 2005, ATOMIC BLITZ, T‑318/03, EU:T:2005:136, punti 34 u 35).
86 Huwa importanti li wieħed jinnota li mill-punt 5.3.6 tal-Parti C “Proċedimenti ta’ Oppożizzjoni”, Kapitolu 4 “Drittijiet skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009” tal-Linji Gwida tal-EUIPO, imsemmija mir-rikorrenti, jirriżulta li:
“[h]uwa meħtieġ li jiġi pprovat, b’mod astratt, li skont il-liġi nazzjonali applikabbli, [is-sinjali mhux irreġistrati] jistgħu jkunu suġġetti għal inġunżjoni kawtelatorja kontra trade marks iktar reċenti [u li] huwa wkoll meħtieġ li jiġi pprovat li, fil-kawża inkwistjoni, il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ digriet għal miżuri proviżorji kienu ssodisfatti (portata tal-protezzjoni), jekk l-applikazzjoni għal trade mark [tal-Unjoni Ewropea] kkontestata kienet tintuża fit-territorju inkwistjoni.
Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni (il-protezzjoni fl-astratt), din hija ġeneralment indirizzata bl-użu tal-lista fl-anness, li tiġbor fiha d-drittijiet preċedenti applikabbli.
F’dak li jirrigwarda t-tieni kwistjoni, din għandha wkoll tiġi riżolta skont id-dritt nazzjonali applikabbli […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
87 Skont il-punt 5.3.6 tal-Linji Gwida tal-EUIPO, hemm lok, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, minn naħa, li jiġi pprovat li l-Istat Membru kkonċernat jagħti protezzjoni lil sinjali mhux irreġistrati u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet imposti għal dan l-għan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma ssodisfatti.
88 Għandu wkoll jingħad li huwa ppreċiżat, fil-punt 5.4 tal-istess Parti C, Kapitolu 4 tal-Linji Gwida tal-EUIPO, li:
“[…] hija il-parti li tkun qiegħda tibbaża ruħha fuq proposta jew konsegwenza partikolari li għandha l-oneru tipprovdi lill-Uffiċċju l-allegazzjonijiet, il-fatti u l-argumenti meħtieġa sabiex issostni t-talbiet imressqa.
[…]
F’dak li jirrigwarda l-fatti neċessarji sabiex jiġu stabbiliti l-konsegwenzi legali, pereżempju, ir-reputazzjoni jew l-użu konkret, il-prinċipju ġenerali tal-Artikolu 74[(1) tar-Regolament Nru 207/2009] għandu japplika mill-bidu.
Dawn il-fatti jittrattaw aspetti bħalma huma:
– […]
– il-portata tal-protezzjoni (ix-xebh tas-sinjali u tal-prodotti u servizzi, probabbiltà ta’ konfużjoni) (standard nazzjonali).
– id-dritt tal-Istati Membri applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 8(4) għandu jkun ikkunsidrat bl-istess mod bħalma hi kwistjoni ta’ fatt. L-Uffiċċju ma huwiex f’pożizzjoni li jiddetermina ex officio u bi preċiżjoni x’kienet il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha li tikkonċerna d-drittijiet li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 8(4). Il-kunsiderazzjoni ta’ dan l-aspett bħala kwistjoni ta’ fatt, li l-parti li tinvoka dan id-dritt għandha ssostni bi provi, tikkoinċidi mal-kriterji applikati mill-qrati tal-Istati Membri dwar id-dritt barrani, skont il-prinċipji tagħhom tad-dritt internazzjonali privat.
– għalhekk, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ liġi, jiġifieri r-regoli u l-istandards tad-drittijiet nazzjonali differenti applikabbli għal każ partikolari, l-Uffiċċju ġeneralment jitlob lill-parti li qiegħda topponi li tipproduċi l-provi neċessarji sabiex huwa jkun jista’ jiddeċiedi.
– tali prova ma hijiex ser tkun neċessarja biss fil-każ fejn dawn l-elementi ġew stabbiliti minn qabel mill-Uffiċċju, pereżempju bl-inklużjoni tagħhom fil-lista li tinsab fl-anness. Il-partijiet fil-proċedimenti huma madankollu liberi li jipproduċu provi li juru li l-informazzjoni li tinsab fil-lista jew li hija stabbilita b’mod ieħor mill-Uffiċċju ma tkunx korretta jew ma tkunx aġġornata.
– […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
89 F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk, fid-dawl ta’ dak li l-partijiet ikkomunikaw lill-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell ħax inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u jekk kienx eżamina b’mod korrett, fir-rigward tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.
90 Fir-rigward tal-oneru tal-prova tad-dritt preċedenti u tal-portata ta’ tali dritt, mir-rikors jirriżulta li, għat-trade mark mhux irreġistrata, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli llimita ruħu li jeżamina l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks u, għaldaqstant, ma eżaminax jekk din it-trade mark kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tikseb protezzjoni abbażi tal-Artikoli 44 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma vverifikax jekk, skont dawn l-artikoli, l-intervenjenti kinitx il-proprjetarju ta’ dritt mhux irreġistrat li jagħtiha d-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.
91 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, fil-lista fl-anness tal-Parti C, Kapitolu 4, tal-Linji Gwida tal-EUIPO, huwa speċifikat, fost id-drittijiet nazzjonali li jikkostitwixxu drittijiet preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 44 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek ma humiex imsemmija f’dan l-anness.
92 Peress li r-rikorrenti tikkontesta li l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks jista’ joħloq dritt fuq it-trade marks mhux irreġistrati, l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuqha. Hija kellha turi wkoll, peress li hija kellha l-intenzjoni li tinvokah, li d-dritt għat-trade marks mhux irreġistrati kien stabbilit, fid-dritt Ċek, f’dispożizzjonijiet oħra għajr l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks u, b’mod partikolari, l-Artikoli 44 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek, dwar il-kompetizzjoni żleali u l-ksur tad-drittijiet tal-awtur.
93 Għandu jingħad ukoll li, sa fejn il-Qorti Ġenerali kellha tinforma ruħha, anki ex officio, bil-mezzi li kienu jidhrulha utli, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sabiex tkun taf jekk din l-informazzjoni kinitx neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, tal-materjalità tal-fatti allegati jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti prodotti, hija indirizzat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura b’mod partikolari lir-rikorrenti sabiex tikseb informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li din qiegħda ssostni u, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni sħiħa tal-kummentarju fuq l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks (Horáček, R. a kol. Práva na označení (zákon o ochranných známkách a zákon o ochraně označení původu a zeměpisnych označení) Komentář – Praga, C.H.Beck 2004) (iktar ’il quddiem il-“kummentarju fuq l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks”), li minnu hija kienet iċċitat silta fir-rikors tagħha, kif ukoll il-verżjoni sħiħa ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali ċċitati wkoll fir-rikors.
94 Issa, mill-proċess u mit-tweġibiet li ngħataw mill-partijiet ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell wettaq xi żball meta kkunsidra, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li, minn naħa, konformement mal-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks, il-proprjetarji ta’ trade marks mhux irreġistrati użati fil-kummerċ li l-portata tagħhom ma hijiex lokali biss għandhom id-dritt li jopponu r-reġistrazzjoni ta’ trade marks ġodda meta s-sinjali huma identiċi jew simili u jkopru prodotti jew servizzi identiċi jew simili u li, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek invokati f’dan il-każ kienu irrilevanti, peress li l-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni żleali u ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur li fuqhom ibbażaw ruħhom ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-EUIPO.
95 Fil-fatt, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks, l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Ċeka tista’ ssir minn “proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tagħhom ma hijiex biss lokali, għal prodotti u servizzi identiċi jew simili, jekk dan is-sinjal ikun identiku jew simili għas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, jekk id-drittijiet għal dan is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni”.
96 Għalhekk, l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom trade mark mhux irreġistrata tista’ timpedixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark iktar reċenti.
97 Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk, fil-punti 25 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell setax, ġustament, isostni li t-trade marks mhux irreġistrati kienu nkisbu permezz tal-użu fil-kummerċ qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u jekk, fil-punt 39 tal-imsemmija deċiżjoni, dan setax iwettaq l-analiżi tal-provi sabiex jiġi stabbilit jekk id-dritt tat-trade mark mhux irreġistrata kienx ġie miksub bħala riżultat tal-użu mill-intervenjenti, għandu jiġi mfakkar li, skont l-anness tal-Parti C, Kapitolu 4, tal-Linji Gwida tal-EUIPO, il-bażi tal-protezzjoni ta’ trade mark mhux irreġistrata hija, fir-rigward tad-dritt tar-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks.
98 Jekk, fir-rikors, ir-rikorrenti sostniet li l-Linji Gwida tal-EUIPO ma kinux vinkolanti, din ma tistax tikkontesta l-fatt li l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks jagħti protezzjoni lil sinjali mhux irreġistrati bħala dritt speċifiku, għall-proprjetarji tagħhom, li jopponu r-reġistrazzjoni ta’ trade mark sussegwenti, u lanqas il-fatt li, fir-Repubblika Ċeka, l-użu fil-kummerċ hija kundizzjoni meħtieġa għall-kisba ta’ drittijiet fuq sinjal mhux irreġistrat, li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni.
99 Fid-dawl tad-dokumenti u tar-risposti ppreżentati mill-partijiet, ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks jagħti protezzjoni lil sinjali mhux irreġistrati u li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kisba ta’ dritt fuq sinjal mhux irreġistrat, meta l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali, jiġi miksub permezz tal-użu fil-kuntest tal-kummerċ, qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark iktar reċenti.
100 Għandu jingħad ukoll li, billi jopponu r-reġistrazzjoni ta’ trade mark iktar reċenti, il-proprjetarji ta’ drittijiet fuq sinjali preċedenti jfittxu li tinkiseb protezzjoni effikaċja kontra kwalunkwe użu futur tal-imsemmija trade mark.
101 Kif irrilevat ġustament ir-rikorrenti fir-rikors, l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks jagħti lill-proprjetarju dritt preċedenti validu kontra applikazzjoni għal trade mark qabel ir-reġistrazzjoni tagħha, minflok ma jkun hemm bżonn tressiq quddiem qorti sabiex l-użu tat-trade mark jiġi ddikjarat bħala illegali u sabiex it-trade mark tiġi kkanċellata skont l-Artikolu 31(2) tal-imsemmija liġi.
102 Barra minn hekk, id-dritt ta’ oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark iktar reċenti skont l-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks jinkludi, impliċitament iżda neċessarjament, id-dritt ta’ oppożizzjoni kontra l-użu tal-imsemmija trade mark.
103 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx dispożizzjonijiet oħrajn, bħal dawk tal-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks, li jippermettu lill-proprjetarji ta’ sinjal mhux irreġistrat li jipprojbixxu l-użu ta’ trade mark iktar reċenti wara li din tkun ġiet irreġistrata, bħall-Artikoli 44 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek, u jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball billi naqas milli jeżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dritt fuq it-trade mark mhux irreġistrata, li huma stabbiliti f’dawk l-artikoli, kinux issodisfatti f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti mill-partijiet ma jippermettux li jiġi muri li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li dawn l-artikoli kienu jikkonċernaw kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-EUIPO.
104 Fil-fatt, l-Artikoli 44 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ Ċek jirrigwardaw il-kompetizzjoni żleali, it-trade marks qarrieqa u l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u mid-dokumenti kkomunikati fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(g) tal-Liġi Ċeka dwar it-Trade Marks ma jirriżultax li din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien ma’ dawn l-artikoli, minkejja l-fatt li l-Artikolu 47 tal-imsemmi Kodiċi tal-Kummerċ ikopri każijiet ta’ ħolqien ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.
105 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek.
– Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv
106 Ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal li huwa s-suġġett tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet użata fir-Repubblika Ċeka qabel it-trade mark mhux irreġistrata tal-intervenjenti u li, għalhekk, jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali mwettaq għad-detriment tagħha, kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-awtur u, għaldaqstant, ma huwiex validu fid-dawl tad-dritt Ċek. F’dan il-kuntest, hija tilmenta li l-Bord tal-Appell, essenzjalment, laqa’ l-oppożizzjoni u ddikjara li ma kellux kompetenza sabiex jeżamina, kif kien mitlub, jekk din it-trade mark mhux irreġistrata kinitx valida fid-dawl tad-dritt Ċek. F’dan ir-rigward, hija tilmenta li l-Bord tal-Appell iddikjara li hija kellha tipprova li d-dritt tal-intervenjenti ma kienx validu jew li dan ma setax jiġi invokat fil-konfront tagħha. Fil-fatt, hija l-intervenjenti li kellha tistabbilixxi li hija għandha drittijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali, u huwa l-EUIPO li kellu jeżamina l-validità tagħhom.
107 L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.
108 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex opponent ikun jista’, abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, jimpedixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni, huwa neċessarju u suffiċjenti li, meta l-EUIPO jivverifika li l-kundizzjonijiet tal-oppożizzjoni huma ssodisfatti, tkun tista’ tiġi invokata l-eżistenza ta’ dritt preċedenti li ma jkunx ġie ddikjarat invalidu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 94).
109 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-EUIPO, meta jiddeċiedi fuq oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-validità jew dwar il-klassifikazzjoni ta’ drittijiet preċedenti sostnuti sabiex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet dejjem jipproduċu l-effetti rikjesti minn din id-dispożizzjoni, ma jistax jissostitwixxi d-diskrezzjoni tiegħu għal dik tal-qrati nazzjonali kompetenti, setgħa li barra minn hekk ma tingħatax lilu mir-Regolament Nru 207/2009 (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 95).
110 Barra minn hekk, il-validità ta’ trade mark nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni, iżda biss fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija fl-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, EU:T:2007:387, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għalkemm huwa l-EUIPO li għandu jivverifika, abbażi ta’ provi, li għandhom jingħataw mill-parti li qiegħda topponi, l-eżistenza tat-trade mark nazzjonali invokata insostenn tal-oppożizzjoni, huwa ma għandux jirriżolvi kunflitt bejn din it-trade mark u trade mark oħra fuq livell nazzjonali, liema kunflitt jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali (sentenzi tal‑21 ta’ April 2005, PepsiCo vs UASI – Intersnack Knabber‑Gebäck (RUFFLES), T‑269/02, EU:T:2005:138, punt 26, u tat‑13 ta’ Diċembru 2007, PAGESJAUNES.COM, T‑134/06, EU:T:2007:387, punt 36).
111 Għaldaqstant, sakemm it-trade mark nazzjonali preċedenti tibqa’ effettivament protetta, l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti jew ta’ dritt ieħor preċedenti għal din tal-aħħar ma tkunx rilevanti fil-kuntest ta’ oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, anki jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija identika għal trade mark nazzjonali preċedenti tal-impriża li għamlet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew għal dritt ieħor li huwa preċedenti għat-trade mark nazzjonali li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, PAGESJAUNES.COM, T‑134/06, EU:T:2007:387, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
112 Xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li tali kunsiderazzjonijiet ma humiex applikabbli f’każ bħal dak ta’ din il-kawża fejn l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark nazzjonali preċedenti mhux irreġistrata.
113 F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta ddikjara, fil-punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa ma kellux kompetenza sabiex jevalwa l-validità tat-trade mark mhux irreġistrata u, għaldaqstant, sabiex jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur possibbli, mill-intervenjenti, tad-drittijiet tal-awtur tar-rikorrenti jew ta’ kwalunkwe att ta’ kompetizzjoni żleali mwettaq għad-detriment tagħha.
114 Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, essenzjalment, li kienet ir-rikorrenti li kellha tipprova li t-trade mark mhux irreġistrata kienet invalida billi tipproduċi, fejn xieraq, deċiżjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi li saru definittivi wara deċiżjoni f’dan is-sens.
115 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
116 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
117 Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Bacardi Co. Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.
Kanninen | Pelikánová | Buttigieg |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Ottubru 2018.
Firem