Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' April 2010 - IVBN vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-201/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (IVBN) (Voorburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: Maarten Meulenbelt, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa' r-rikors;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9963 finali, tal-15 ta' Diċembru 2009, dwar sistema ta' għajnuna E 2/2005 u N 642/2009 (il-Pajjiżi l-Baxxi) - għajnuna eżistenti u għajnuna favur proġett speċjali maħsub għal kumpanniji ta' akkomodazzjoni soċjali. Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 659/1999 1, u tal-Artikoli 106(2) TFUE, 107 TFUE u 108 TFUE, u tal-prinċipju ta' motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni interpretat b'mod żbaljat il-fatti li jirrigwardaw l-obbligu li l-kumpanniji ta' akkomodazzjoni soċjali għandhom li jżommu kera li tkun inqas mill-kera raġonevoli stabbilita mill-Istat. Barra minn dan, skont ir-rikorrenti, id-determinazzjoni tal-grupp destinatarju tal-akkomodazzjoni soċjali mhijiex motivata u hija żbaljata. Il-Kummissjoni żbaljat ukoll meta naqset milli tistabbilixxi limitu oġġettiv għall-ispejjeż ta' kostruzzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali u għall-kwalità inerenti, kif tindika l-kera ta' din l-akkomodazzjoni. Barra minn hekk, ma ġewx offruti biżżejjed garanziji fir-rigward tal-għoti ta' kumpens żejjed u għalhekk il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni dwar servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali 2. Fl-aħħar nett, f'dan ir-rigward ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni naqset milli tinvestiga l-ilment tagħha fir-rigward tal-funzjoni tal-Woning Investeringsfonds u tan-Nederlandse Waterschapsbank.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 3, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta' motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tagħmel eżami fil-fond u dettaljat u milli tiddikjara li l-għajnuna lill-kumpanniji ta' akkomodazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-Każ E 2/2005, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi, kompletament jew minn tal-inqas fil-parti l-kbira, għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 106(2) TFUE, 107 TFUE u 108 TFUE billi ma fetħitx il-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, flimkien mal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 659/1999, u li għalhekk ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mid-drittijiet proċedurali li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

2 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta' Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali [notifikata bid-dokument Nru C (2005)2673] (ĠU L 327M, p. 488).

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta' April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3).