Language of document : ECLI:EU:F:2013:215

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

12 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑47/13

JJ

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2012 — Deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss — Trasferiment interistituzzjonali matul il-proċedura ta’ promozzjoni li tippreċedi dik li matulha deċiżjoni ta’ promozzjoni possibbli kien ikollha effett — Istituzzjoni kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tal-uffiċjal ittrasferit”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu JJ jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ma jippromwovihx għall-grad AD 11 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2012 kif ukoll il-kundanna tal-Kunsill sabiex jikkumpensa għad-dannu allegatament sostnut minħabba din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. JJ għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Trasferiment interistituzzjonali matul is-sena ta’ qabel l-eżerċizzju ta’ promozzjoni — Kompetenza tal-istituzzjoni ospitanti sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta uffiċjal ikun jista’ jiġi promoss matul is-sena li matulha jiġi ttrasferit minn istituzzjoni għal oħra, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tiegħu tkun dik tal-istituzzjoni ta’ oriġini. Fil-fatt, sabiex jiġi evalwat jekk uffiċjal għandux jiġi promoss b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar tas-sena N, jew saħansitra b’mod iktar ġenerali, matul is-sena N, l-imsemmija awtorità għandha, fil-prattika, twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-passat tal-uffiċjali, b’mod partikolari matul is-sena N-1 u fid-dawl tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali matul is-snin N-1 u preċedenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jsir paragun tal-merti tal-uffiċjali ttrasferiti ma’ dawk tal-uffiċjali li kienu għadhom kollegi tagħhom matul is-sena li ppreċediet it-trasferiment tagħhom, liema evalwazzjoni tista’ ssir b’mod utli biss mill-istituzzjoni ta’ oriġini.

Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk it-trasferiment tal-uffiċjal ikun seħħ matul is-sena ta’ qabel dik li matulha huwa seta’ jiġi promoss b’effett mill-1 ta’ Jannar. F’din is-sitwazzjoni, il-merti tal-uffiċjal għas-sena N-1 ma jistgħux jitqabblu biss ma’ dawk tal-ex kollegi tiegħu tal-istituzzjoni ta’ oriġini tiegħu, peress li l-merti tal-kollegi l-ġodda tiegħu tal-istituzzjoni l-ġdida tiegħu ukoll għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. F’tali ċirkustanzi, hija l-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni ospitanti li għandha tiddeċiedi dwar il-promozzjoni tiegħu. It-tqabbil tal-merti u tar-rapporti ta’ uffiċjal li għadu kif ġie ttrasferit minn istituzzjoni għal oħra huwa inqas faċli minn tqabbil bejn l-uffiċjali tal-istituzzjoni ospitanti biss, iżda, bħala tali, dan la huwa impossibbli u lanqas diskriminatorju. Tali tqabbil jitlob sforz addizzjonali sabiex isiru paragunabbli evalwazzjonijiet li, oriġinarjament, mhux neċessarjament kienu paragunabbli, iżda tali proċedura ma tistax tiġi assimilata għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 22 sa 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Ġunju 1998, Shrikas vs Il-Parlament, T-167/97, punt 45

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2011, Mora Carrasco et vs Il-Parlament, F-128/10, punti 35 u 39; 5 ta’ Lulju 2011, Alari vs Il‑Parlament, F-38/11, punt 31

2.      Fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-mezzi u r-raġunijiet li setgħu iwasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, hija baqgħetx fil-limiti mhux kontestabbli u għamlitx użu mis-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Żball ikun manifest jekk ikun faċilment rikonoxxibbli u jista’ jiġi skopert b’mod ċar, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni. Konsegwentement, il-provi, li għandhom jinġiebu mir-rikorrent, sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu lill-evalwazzjonijiet ikkunsidrati mill-amministrazzjoni mill-plawżibbiltà tagħhom. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida.

(ara l-punti 31 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑547/93, punt 133, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 16 ta’ Mejju 2013, Canga Fano vs Il‑Kunsill, T-281/11 P, punt 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il-Kunsill, F-104/09, punt 35; 18 ta’ April 2012, Buxton vs Il-Parlament, F-50/11, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata