Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Bulgarija) fil-5 ta’ April 2024 – “LUKOIL Bulgaria” EOOD u “LUKOIL Neftohim Burgas” AD vs Komisia za zashtita na konkurentsiata

(Kawża C-245/24, LUKOIL Bulgaria u LUKOIL Neftohim Burgas)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-oblast

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “LUKOIL Bulgaria” EOOD u “LUKOIL Neftohim Burgas” AD

Konvenut: Komisia za zashtita na konkurentsiata

Domandi preliminari

F’sitwazzjoni fejn l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tikkonstata diversi forom ta’ aġir, li wħud minnhom jiġu kklassifikati bħala rifjut li jingħata aċċess għal faċilitajiet essenzjali filwaqt li forom oħra jiġu kklassifikati bħala limitazzjoni tal-kummerċ, iżda l-forom kollha ta’ aġir jikkostitwixxu strateġija ġenerali tal-kumpannija, huwa permissibbli li jiġi kkonstatat ksur ġenerali wieħed tal-Artikolu 102 TFUE jew għandhom jiġu kkonstatati istanzi separati ta’ ksur, ikklassifikati, rispettivament, bħala rifjut li jingħata aċċess għal faċilitajiet essenzjali u bħala limitazzjoni tal-kummerċ?

L-awtorità tal-kompetizzjoni għandha teskludi l-applikazzjoni tat-test Bronner fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE minħabba r-rifjut ta’ provvista (refusal to supply) fil-każijiet kollha fejn l-impriża dominanti tkun irċeviet, għall-infrastruttura essenzjali (essential facility), riżorsi pubbliċi (bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ privatizzazzjoni jew ta’ konċessjoni), jew inkella għandha tevalwa, minn naħa, l-ammont tal-investimenti, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ privatizzazzjoni jew tal-konċessjoni (li bis-saħħa tagħhom tkun kisbet l-infrastruttura essenzjali) kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ta’ jekk l-investimenti twettqux inkonnessjoni mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ investiment jew ta’ konċessjoni jew inkella fuq inizjattiva tagħha stess?

2.1    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, previst fil-punt 75 (intitolat “Rifjut ta’ forniment u pressjoni tas-suq”) tal-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ĠU 2009, C 45, p. 7) tkun iggarantita f’sitwazzjoni fejn l-impriża dominanti tkun investiet fl-infrastruttura essenzjali u f’sitwazzjoni fejn jiġu applikati kriterji restrittivi bbażati fuq il-prinċipju ta’ “l-iktar neċessarju” sabiex titħares il-kompetizzjoni, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod proporzjonat l-interess tal-impriża dominanti?

____________