Language of document : ECLI:EU:C:2020:204

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

12 ta’ Marzu 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikoli 5 u 7 – Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Dritt għal kumpens f’diversi okkażjonijiet fil-każ ta’ dewmien jew annullament li jaffettwa mhux biss ir-riżervazzjoni oriġinali, iżda wkoll ir-riżervazzjoni sussegwenti magħmula fil-kuntest ta’ rotta differenti – Portata – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’ – Parti msejħa ‘on condition’ – Hsarat tekniċi inerenti għall-manutenzjoni ta’ ajruplan”

Fil-Kawża C‑832/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

A et

vs

Finnair Oyj,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L.S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Finnair Oyj, minn T. Väätäinen, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann kif ukoll minn A. Berg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Natale, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, inizjalment minn J. Schmoll u G. Hesse, sussegwentement minn J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU 2004, L 46, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn tmien passiġġieri tal-ajru u l-kumpannija tal-ajru Finnair Oyj dwar talba għal kumpens wara dewmien ta’ titjira b’rotta differenti proposta minn din tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessi 1 sa 2 u 12 sa 15 tar-Regolament Nru 261/2004:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(12)      Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom ukoll jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tal-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ ragonevoli, sabiex il-passġiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jikkompensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

(13)      Passiġġieri li t-titjiriet tagħhom huma kkanċellati għandhom jitħallew jew jiksbu rimbors tal-biljetti tagħhom jew jiksbu arranġament ieħor taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud waqt li qed jistennew titjira ta’ aktar tard.

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-arju fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-arju partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-arju, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-arju in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4        L-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(l)      ‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

5        Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmi regolament:

“1.      Dan ir-regolament għandu japplika:

(a)      għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

(b)      għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

(a)      għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni u. ħlife fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

–        kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tourjew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

–        mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

(b)      ġew ittrasferiti minn trasportatur ta’ l-ajru jew operatur tat-tour mit-titjira għal liema kellhom reżervazzjoni għal titjira oħra, irrespettivament mir-raġuni.”

6        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ);

(c)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat;

(ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)      huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

2.      Meta passiġġieri huma informati bil-kanċellazzjoni, spjegazzjoni għandha tiġi mogħtija fir-rigward ta’ trasport alternattiv possibbli.

3.      Trasportatur tal-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

4.      L-onus tal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

7        Skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

c)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.      Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skont l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

(a)      b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)      b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(c)      b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

3.      Il-kumpens imsejjaħ fil-paragrafu 1 għandu jiġi mħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f’irċevuti tal-vjaġġ u/jew servizzi oħrajn.

4.      Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route.”

8        L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

a)      –      rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

–        titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(c)      rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rriżervaw titjira diretta ma’ Finnair, bi tluq minn Ħelsinki (il-Finlandja) b’destinazzjoni lejn Singapor.

10      Din it-titjira kellha ssir fil-11 ta’ Ottubru 2013, f’23:55. Madankollu din ġiet ikkanċellata minħabba problema teknika li nqalgħet fl-ajruplan.

11      Wara li aċċettaw l-offerta proposta minn Finnair, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ittrasportati mill-ġdid fuq it-titjira b’konnessjoni Ħelsinki-Singapor b’waqfa f’Chongqing (iċ-Ċina) fil-bidu prevista l-għada, fit-12 ta’ Ottubru 2013, fil-17:40, bil-wasla tagħha prevista f’Singapor fit-13 ta’ Ottubru, fil-17:25.

12      Finnair kienet it-trasportatur tal-ajru li jopera għat-titjira b’rotta differenti Ħelsinki-Chongqing-Singapor.

13      Madankollu, minħabba li servo tat-tmun tal-ajruplan inkwistjoni ġarrab ħsara, it-trasport mill-ġdid tagħhom ġie ittardjat. Konsegwentement, huma waslu f’Singapor fl‑14 ta’ Ottubru 2013, fil‑00:15.

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra Finnair quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) sabiex il-kumpannija tal-ajru tiġi kkundannata tħallashom l-ammont ta’ EUR 600 kull wieħed, flimkien mal-interessi, minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira inizjali Ħelsinki-Singapor. Barra minn hekk, huma talbu li Finnair tiġi kkundannata wkoll tħallashom ammont ta’ EUR 600 kull wieħed, flimkien mal-interessi, minħabba dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat mal-wasla tat-titjira b’rotta differenti Ħelsinki-Chongqing-Singapor.

15      Finnair tat kumpens ta’ EUR 600 lil kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali abbażi tal-kanċellazzjoni tat-titjira inizjali Ħelsinki-Singapor. Għall-kuntrarju, il-kumpannija rrifjutat li tilqa’ t-tieni talba tagħhom għal kumpens. Finnair ikkunsidrat li din it-talba ma kinitx fondata, minħabba li r-Regolament Nru 261/2004 ma jimponix fuq it-trasportatur tal-ajru l-obbligu li jħallas lill-passiġġier li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata kumpens fil-każ ta’ dewmien tat-titjira b’rotta differenti li tkun sussegwentement ġiet proposta lilu. Barra minn hekk, Finnair invokat il-fatt li t-titjira b’rotta differenti li ġiet aċċettata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali iddewmet minħabba ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

16      Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki) ċaħdet it-talbiet għad-danni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba d-dewmien tat-titjira b’rotta differenti, billi qieset li r-Regolament Nru 261/2004 ma kienx jagħti dritt għal kumpens f’dan il-każ. Għaldaqstant, din il-qorti ma ddeċidietx dwar jekk il-ħsara teknika li kkawżat id-dewmien tat-titjira b’rotta differenti kinitx tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

17      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) u talbu li Finnair tiġi kkundannata tikkumpensahom għal ammont ta’ EUR 600 kull wieħed, flimkien mal-interessi, minħabba d-dewmien tat-titjira b’rotta differenti Ħelsinki-Chongqing-Singapor.

18      Finnair talbet li r-rikors jiġi miċħud, minħabba, minn naħa, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħux jitolbu kumpens ieħor skont ir-Regolament Nru 261/2004 u, min-naħa l-oħra, li t-titjira b’rotta differenti iddewmet minħabba “ċirkostanzi straordinarji”, fis-sens ta’ dan ir-regolament. Hija ssostni li wieħed mit-tliet servos tat-tmun li jippermettu lill-pilota tal-ajruplan iwettaq din it-titjira ġġenera ħsara, filwaqt li ppreċiżat f’dan ir-rigward li dan l-ajruplan kien Airbus A 330, li l-kostruttur tiegħu kien ħabbar (Technical Follow-up) li diversi ajruplani ta’ dan it-tip kienu milquta minn difett moħbi ta’ manifattura jew ta’ pjanifikazzjoni li kien jaffettwa s-servos tat-tmun. Barra minn hekk, is-servo tat-tmun hija parti msejħa “on condition”, li tista’ tiġi ssostitwita minn parti ġdida biss fil-każ ta’ ħsara ta’ dik ta’ qabilha.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Helsingin hovioikeus (Il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier għandu d-dritt għal kumpens ulterjuri skont l-Artikolu 7(1) jekk ikun irċieva kumpens għal titjira kkanċellata, it-trasportatur tal-ajru tat-titjira mibdula jkun l-istess bħal dik tat-titjira kkanċellata, u t-titjira mibdula wara t-titjira kkanċellata tkun ukoll suġġetta għal dewmien lil hinn mill-ħin tal-wasla skedat sa tali punt li l-passiġġier ikun intitolat għal kumpens?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, it-trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 5(3) jekk, wara evalwazzjoni teknika mill-manifattur tal-ajruplan fir-rigward ta’ ajruplan li jkun diġà qiegħed jintuża, il-parti kkonċernata mid-dokument inkwistjoni tkun fil-fatt ittrattata bħala parti hekk imsejħa “on condition”, jiġifieri parti li tintuża sakemm issir difettuża, u t-trasportatur tal-ajru jkun ipprepara li jissostitwixxi l-parti inkwistjoni billi jżomm parti ta’ bdil maħżuna b’mod permanenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li passiġġier tal-ajru, li jkun ibbenefika minn kumpens minħabba l-kanċellazzjoni ta’ titjira u jkun aċċetta t-titjira b’rotta differenti li tkun ġiet proposta lilu, jistax jitlob l-għoti ta’ kumpens minħabba d-dewmien tat-titjira b’rotta differenti, meta dan id-dewmien jilħaq numru ta’ sigħat li jagħtu dritt għal kumpens u meta t-trasportatur tal-ajru tat-titjira b’rotta differenti jkun l-istess wieħed tat-titjira kkanċellata.

21      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom jiġu proposti, mit-trasportatur tal-ajru li jopera, tliet forom ta’ assistenza differenti, jiġifieri jew ir-rimbors tal-biljett, flimkien jekk ikun il-każ, ma’ titjira lura lejn il-punt ta’ tluq inizjali tagħhom, jew rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom fl-iqsar żmien possibbli, jew tali rotta differenti f’data differenti, li tkun konvenjenti għalihom, b’riżerva għad-disponibbiltà tas-siġġijiet.

22      Fil-kawża prinċipali, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira rriżervata mill-passiġġieri inkwistjoni, Finnair ħallsithom kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 u offritilhom, skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, offerta ta’ rotta differenti li huma aċċettaw. Minħabba ħsara teknika fl-ajruplan li kellu jwettaq it-titjira b’rotta differenti, huma madankollu waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ iktar minn sitt sigħat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla previst fl-offerta li huma kienu aċċettaw.

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jiddewmu għandhom jitqiesu bħala li għandhom dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, meta jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin ta’ wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 61, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 38).

24      F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal kumpens li għandhom il-passiġġieri tat-titjiriet imdewma, imsemmi fil-punt preċedenti, jistax ukoll jiġi invokat mill-passiġġieri li, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, li fir-rigward tagħha huma ġew ikkumpensati, aċċettaw titjira b’rotta differenti offruta mit-trasportatur tal-ajru, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004, u jkunu laħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla skedat mit-trasportatur tal-ajru għal din it-titjira b’rotta differenti.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 261/2004, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-imsemmi regolament japplika bil-kundizzjoni li l-passiġġieri jkollhom reżervazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata jew ikunu ġew ittrasferiti mit-trasportatur tal-ajru jew mill-organizzatur tal-vjaġġi, mit-titjira għal liema kellhom reżervazzjoni għal titjira oħra, irrispettivament mir-raġuni.

26      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-Regolament Nru 261/2004 huwa b’mod partikolari applikabbli għal sitwazzjoni li fiha passiġġier tal-ajru jkun ġie ttrasferit mit-trasportatur tal-ajru, wara l-kanċellazzjoni tat-titjira rriżervata tiegħu, fuq titjira b’rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tiegħu.

27      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 261/2004 ma jinkludi ebda dispożizzjoni intiża li tillimita d-drittijiet tal-passiġġieri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ trasport b’rotta differenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluża l-eventwali limitazzjoni tad-dritt tagħhom għal kumpens.

28      Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-passiġġier tal-ajru li, wara li jkun aċċetta t-titjira b’rotta differenti offruta mit-trasportatur tal-ajru wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu jkun wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst minn dan it-trasportatur tal-ajru għat-titjira b’rotta differenti, jibbenefika mid-dritt għal kumpens.

29      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, minn żewġ kunsiderazzjonijiet oħra.

30      Minn naħa, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jirrimedja d-diffikultajiet u l-inkonvenjenzi serji li jirriżultaw mill-imbark miċħud, mill-kanċellazzjoni jew mid-dewmien twil ta’ titjira.

31      Madankollu, passiġġieri li ġew esposti għal annullamenti jew għal dewmien twil, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sofrew tali inkonvenjenzi, kemm fir-rigward tal-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom inizjalment irriżervata, kif ukoll iktar tard, minħabba d-dewmien twil tat-titjira tagħhom b’rotta differenti. Konsegwentement, jirriżulta li huwa konformi mal-għan li jiġu rrimedjati dawn l-inkonvenjenzi serji, li dawn il-passiġġieri jingħataw dritt għal kumpens abbażi ta’ kull wieħed minn dawn l-inkonvenjenzi suċċessivi.

32      Min-naħa l-oħra, f’tali sitwazzjoni, jekk it-trasportatur tal-ajru ma kienx suġġett għall-obbligu li jikkumpensa, fil-kundizzjonijiet previsti, lill-passiġġieri kkonċernati, il-ksur tal-obbligu tiegħu ta’ assistenza impost mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004, jibqa’ mingħajr konsegwenza. Sa fejn l-obbligu ta’ kumpens għandu inkontestabbilment effetti ta’ inċentiv fuq l-imsemmi trasportatur fir-rigward tal-implementazzjoni effettiva ta’ din l-assistenza, l-assenza ta’ tali konsegwenzi jkollha l-effett li tiġi kompromessa l-osservanza tad-dritt għat-trasport b’rotta differenti tal-passiġġieri, fatt li jmur kontra l-għan ta’ protezzjoni għolja stabbilit fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier tal-ajru, li jkun ibbenefika minn kumpens minħabba l-kanċellazzjoni ta’ titjira, li jkun aċċetta t-titjira b’rotta differenti li tkun ġiet proposta lilu, jista’ jitlob l-għoti ta’ kumpens minħabba d-dewmien tat-titjira b’rotta differenti, meta dan id-dewmien jilħaq numru ta’ sigħat li jagħtu dritt għal kumpens u meta t-trasportatur tal-ajru tat-titjira b’rotta differenti jkun l-istess wieħed tat-titjira kkanċellata.

 Fuq it-tieni domanda

34      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka, sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu, “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrigwardaw il-ħsara ta’ parti msejħa “on condition”, jiġifieri parti li tiġi ssostitwita biss fil-każ ta’ ħsara tal-parti preċedenti, dment li huwa jkollu parti ta’ bdil fl-istokk.

35      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 11 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2018, C 257, p. 1), għalkemm, sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu neċessarjament inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hekk kif ġie ddefinit mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija ma tapplikax, hija stess, id-dritt tal-Unjoni għal din it-tilwima. Meta hija tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprova tagħti risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi konkreti minn din ir-risposta.

36      Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprova tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi utli għas-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha.

37      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-premessi 14 u 15 ta’ dan tal-aħħar, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, it-trasportatur tal-ajru huwa għalhekk eżentat mill-obbligu tiegħu li jipprovdi kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jekk ikun f’pożizzjoni li juri li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien tat-titjira b’tul ta’ tliet sigħat jew iktar mal-wasla jkun dovut għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha jkunu ttieħdu jew, fil-każ li tkun teżisti tali ċirkustanza, li jkun adotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni billi uża l-mezzi kollha ta’ persunal u ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jevita li din is-sitwazzjoni twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Moens, C-159/18, EU:C:2019:535, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-avvenimenti li min-natura jew mill-oriġini tagħhom ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu, liema kundizzjonijiet huma kumulattivi, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tal-4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 20 u tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens, C‑159/18, EU:C:2019:535, punt 16).

39      Għaldaqstant, il-ħsarat tekniċi inerenti għall-manutenzjoni tal-ajruplani, bħala prinċipju, ma jistgħux jikkostitwixxu, bħala tali, “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 25).

40      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-trasportaturi tal-ajru jinsabu regolarment ikkonfrontati b’tali ħsarat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet partikolari li fihom isir it-trasport bl-ajru u tal-livell ta’ sofistikazzjoni teknoloġika tal-ajruplani (sentenza tal-4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      B’mod iktar partikolari, ma tikkostitwixxix ċirkustanza straordinarja l-ħsara prematura anki jekk mhux mistennija ta’ ċerti partijiet ta’ ajruplan, peress li hija, bħala prinċipju, intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ April 2019, Germanwings, C-501/17, EU:C:2019:288, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, jidher li l-ħsara ta’ parti msejjaħ “on condition”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li t-trasportatur tal-ajru pprepara li jibdel billi żamm dejjem parti ta’ bdil fl-istokk, tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, avveniment li, min-natura tiegħu jew mill-oriġini tiegħu, huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tal-imsemmi trasportatur tal-ajru kkonċernat u ma jevitax il-kontroll effettiv tiegħu, sakemm tali ħsara ma tkunx intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru ma jistax jinvoka, sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrigwardaw il-ħsara ta’ parti msejħa “on condition”, jiġifieri parti li tiġi ssostitwita biss minħabba l-ħsara tal-parti preċedenti, anki jekk huwa jżomm parti ta’ bdil fl-istokk tiegħu, ħlief jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tali ħsara tkun tikkostitwixxi avveniment li, min-natura tiegħu jew mill-oriġini tiegħu, ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tal-imsemmi trasportatur tal-ajru kkonċernat u jevita l-kontroll effettiv tiegħu, billi huwa meqjus li, sa fejn din il-ħsara tibqa’, bħala prinċipju, intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan, ma għandhiex titqies bħala tali avveniment.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier tal-ajru, li jkun ibbenefika minn kumpens minħabba l-kanċellazzjoni ta’ titjira, li jkun aċċetta t-titjira b’rotta differenti li tkun ġiet proposta lilu, jista’ jitlob l-għoti ta’ kumpens minħabba d-dewmien tat-titjira b’rotta differenti, meta dan id-dewmien jilħaq numru ta’ sigħat li jagħtu dritt għal kumpens u meta t-trasportatur tal-ajru tat-titjira b’rotta differenti jkun l-istess wieħed tat-titjira kkanċellata.

2)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru ma jistax jinvoka, sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrigwardaw il-ħsara ta’ parti msejħa “on condition”, jiġifieri parti li tiġi ssostitwita biss minħabba l-ħsara tal-parti preċedenti, anki jekk huwa jżomm parti ta’ bdil fl-istokk tiegħu, ħlief jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tali ħsara tkun tikkostitwixxi avveniment li, min-natura tiegħu jew mill-oriġini tiegħu, ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tal-imsemmi trasportatur tal-ajru kkonċernat u jevita l-kontroll effettiv tiegħu, billi huwa meqjus li, sa fejn din il-ħsara tibqa’, bħala prinċipju, intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan, ma għandhiex titqies bħala tali avveniment.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.