Language of document : ECLI:EU:T:2013:106

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

7 ta’ Marzu 2013 (*)

“REACH – Identifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Att regolamentari li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni – Inċidenza diretta – Ammissibbiltà – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑93/10,

Bilbaína de Alquitranes, SA, stabbilita f’Luchana-Baracaldo (Spanja),

Cindu Chemicals BV, stabbilita f’Uithoorn (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Deza, a.s., stabbilita f’Valašske Meziříčí (ir-Repubblika Ċeka),

Industrial Química del Nalón, SA, stabbilita f’Oviedo (Spanja),

Koppers Denmark A/S, stabbilita f’Nyborg (id-Danimarka),

Koppers UK Ltd, stabbilita f’Scunthorpe (ir-Renju Unit),

Rütgers Germany GmbH, stabbilita f’Castrop-Rauxel (il-Ġermanja),

Rütgers Belgium NV, stabbilita f’Zelzate (il-Belġju),

Rütgers Poland sp. z o.o., stabbilita f’Kędzierzyn-Koźle (Il-Polonja),

inizjalment irrappreżentati minn K. Van Maldegem, R. Cana, avukati, u P. Sellar, solicitor, sussegwentement minn K. Van Maldegem u R. Cana,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä u W. Broere, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-ECHA, ippubblikata fit-13 ta’ Jannar 2010, li tidentifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja (KE Nru 266-028‑2) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), b’mod konformi mal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, F. Dehousse, I. Wiszniewska-Białecka, M. Prek u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Bilbaína de Alquitranes, SA, Cindu Chemicals BV, Deza a.s., Industrial Química del Nalón, SA, Koppers Denmark A/S, Koppers UK Ltd, Rütgers Germany GmbH, Rütgers Belgium NV u Rütgers Poland sp. z o.o., huma fornituri taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja (KE Nru 266‑028‑2, iktar ’il quddiem iż-“ŻQFTGĦ”) fl-Unjoni Ewropea.

2        Iż-ŻQFTGĦ hija, skont id-deskrizzjoni fit-Tabelli 3.1 u 3.2 li jinsabu fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, p. 1), ir-residwu mid-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja, solidu iswed li jirtab f’temperaturi ta’ madwar bejn 30° C u 180° C, kompost prinċipalment minn taħlita kumplessa ta’ mill-inqas tliet idrokarburi aromatiċi b’nukleji kkondensati. Din is-sustanza tagħmel parti mis-sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta’ reazzjoni jew materjali bijoloġiċi (iktar ’il quddiem is-“sustanzi UVCB”), minħabba li ma tistax tiġi kompletament identifikata mill-kompożizzjoni kimika tagħha. Iż-ŻQFTGĦ hija prinċipalment użata sabiex tipproduċi aġenti li jgħaqqdu għall-elettrodi intiżi għall-industrija tal-aluminju u għall-industrija tal-azzar. Hija wkoll użata għall-manifattura ta’ materjali refrattarji. Marġinalment, is-sustanza hija użata wkoll għall-isparar fuq il-plattini, il-kisi kontra l-korrużjoni, il-prodotti reżistenti għall-pitrolju intiżi għall-ajruporti, il-kostruzzjoni tat-toroq, is-soqfa u l-briks.

3        Iż-ŻQFTGĦ kienet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 27), permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 94/69/KE, tad-19 ta’ Diċembru 1994, li tadatta għall-progress tekniku għall-wieħed u għoxrin darba d-Direttiva 67/548 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 14, p. 3). Permezz ta’ din l-inklużjoni, iż-ŻQFTGĦ ġiet ikklassifikata fost is-sustanzi karċinoġeniċi tal-kategorija 2. Din il-klassifikazzjoni kienet adottata mir-Regolament Nru 1272/2008.

4        Fuq talba tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ħejjiet fajl dwar l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (d) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), sussegwentement emendat b’mod partikolari permezz tar-Regolament Nru 1272/2008, li jirreferi għall-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi karċinoġeniċi tal-kategorija 2 fil-Parti 3, tat-Tabella 3.2, fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 u minħabba fil-proprjetajiet persistenti tagħha, bijoakkumulattivi u tossiċi (iktar ’il quddiem il-“proprjetajiet PBT”) kif ukoll persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (iktar ’il quddiem il-“proprjetajiet vPvB”). Fil-31 ta’ Awwissu 2009, dan il-fajl tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

5        Fl-istess jum, l-ECHA ppubblikat fis-sit internet tagħha avviż fejn stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-proċess stabbilit għaż-ŻQFTGĦ u stiednet ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

6        Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet dwar il-fajl inkwistjoni b’mod partikolari mill-grupp settorjali ta’ sustanzi kimiċi mill-faħam, li r-rikorrenti kienu membri tiegħu, fis-16 ta’ Novembru 2009 l-ECHA rreferiet dan il-fajl lill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha msemmi fl-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fit-2 ta’ Diċembru 2009 dan il-Kumitat laħaq qbil unanimu dwar l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006.

7        Fis-7 ta’ Diċembru 2009, l-ECHA ppubblikat stqarrija għall-istampa li, minn naħa, tħabbar li l-Kumitat tal-Istati Membri kien laħaq qbil unanimu fuq l-identifikazzjoni ta’ 15-il sustanza, inkluż iż-ŻQFTGĦ bħal sustanzi ta’ tħassib serju ħafna sa fejn dawn is-sustanzi jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ sustanzi identifikati għall-inklużjoni eventwali tagħhom fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ sustanzi kandidati”) kienet formalment aġġornata f’Jannar 2010. Fit-22 ta’ Diċembru 2009, id-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA ħa d-Deċiżjoni ED/68/2009, tat-13 ta’ Jannar 2010, intiża li tipproċedi għall-pubblikazzjoni u għall-aġġornament tal-lista ta’ sustanzi kandidati li tirrigwarda dawn il-15-il sustanza.

8        Fit-13 ta’ Jannar 2010, il-lista ta’ sustanzi kandidati li b’mod partikolari jinkludu ż-ŻQFTGĦ ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-ECHA.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-ECHA, ippubblikata fit-13 ta’ Jannar 2010, li tidentifika ż-ŻQFTGĦ bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, b’mod konformi mal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2010, l-ECHA talbet li din il-kawża tiġi magħquda mal-Kawżi T‑94/10, Rütgers Germany et vs ECHA, T‑95/10, Cindu Chemicals et vs ECHA, u T‑96/10, Rütgers Germany et vs ECHA, bis-saħħa tal-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Wara li nstemgħu l-partijiet f’dan ir-rigward, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fl-10 ta’ Mejju 2010, li ma jgħaqqadx dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u li jirriżerva d-deċiżjoni tiegħu fuq it-talba għal tgħaqqid għall-finijiet tal-proċedura orali u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

11      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-23 ta’ Ġunju 2010, l-ECHA invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

12      B’ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, din it-talba ntlaqgħat permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2010. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Awwissu 2010, ir-Renju tad-Danimarka rtira l-intervent tiegħu f’dawn il-proċeduri.

13      Fit-23 ta’ Awwissu 2010 r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

14      Peress li kien hemm tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lill-imsemmija awla.

15      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2011, il-Qorti Ġenerali rrinvijat din il-kawża quddiem is-Seba’ Awla Estiża, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

16      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tat-3 ta’ Mejju 2011, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

18      Permezz tad-digriet tal-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2012, din il-kawża u l-Kawżi T‑94/10, Rütgers Germany et vs ECHA, T‑95/10, Cindu Chemicals et vs ECHA, u T‑96/10, Rütgers Germany et vs ECHA, ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali, b’mod konformi mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

19      B’ittra tat-30 ta’ Awwissu 2012, ir‑rikorrenti ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rapport għas-seduta.

20      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012.

21      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna ż-ŻQFTGĦ;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

22      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, jekk ikun il-każ, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża, hemm lok li jitwieġbu l-mistoqsijiet magħmula mill-ECHA fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ appell inammissibbli

24      L-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokati mill-ECHA huma bbażati fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata, nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti u fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tikkonċernax individwalment lir-rikorrenti.

 Fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata

25      L-ECHA essenzjalment issostni li r-rikorrenti, meta rreferew għall-qbil unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA li seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2009, ikkontestaw att preparatorju li ma kienx intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Skont l-ECHA, l-att li jipproduċi effett legali potenzjali huwa l-pubblikazzjoni tal-lista tas-sustanzi kandidati aġġornat fuq is-sit internet tal-ECHA skont l-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006.

26      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jistgħu jiġu kkontestati l-atti adottati mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

27      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma suġġetti għal rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti ta’ liġi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, Ġabra p. I‑10043, punt 32, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2008, Espinosa Labella et vs Il‑Kummissjoni, T‑322/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tħejjija tagħhom isseħħ f’diversi stadji, b’mod partikolari permezz ta’ proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni kkonċernat fit-tmiem tal-proċedura. Minn dan jirriżulta li miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għandu jitfakkar li l-proċeduri previsti fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li jikkonsistu fl-identifikazzjoni tas-sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament isiru f’diversi stadji.

30      Għalhekk, wara li l-proċedura ta’ identifikazzjoni tkun inbdiet u li l-ECHA tkun qegħdet il-fajl dwar sustanza għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u ppubblikat fuq is-sit internet tagħha avviż li jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jissottomettu l-informazzjoni tagħhom (Artikolu 59(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1907/2006), l-Istati Membri, l-ECHA u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-identifikazzjoni proposta fil-fajl (Artikolu 59(4) u (5) ta’ dan ir-regolament). Jekk, bħal f’dan il-każ, isiru tali osservazzjonijiet, l-ECHA tibgħat lura l-fajl lill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha u jekk dan il-kumitat jilħaq qbil unanimu dwar l-identifikazzjoni, jinkludi din is-sustanza fil-lista tas-sustanzi kandidati (Artikolu 59(7) u (8) ta’ dan ir-regolament). Fl-aħħar nett, ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni tas-sustanza, l-ECHA tippubblika u taġġorna l-lista tas-sustanzi kandidati fuq is-sit internet tagħha (Artikolu 59(10) ta’ dan l-istess regolament).

31      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rreferewx biss għall-ftehim tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA li seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2009 u li jidentifika liż-ŻQFTGĦ bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda wkoll għall-pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-ECHA tat-13 ta’ Jannar 2010 u għall-Kodiċi ED/68/2009, li huwa l-kodiċi tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA li jinkludi din is-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati ppubblikati fuq is-sit internet fit-13 ta’ Jannar 2010, minkejja li r-rikorrenti ma kinux jafu b’dan l-aħħar fatt. Għalhekk mingħajr l-ebda dubju r-rikorrenti kkontestaw id-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika ż-ŻQFTGĦ bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, li l-kontenut tagħha kien iddeterminat bi qbil unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA, li seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2009 u li ġie eżegwit mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li ordna l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fuq il-lista ta’ sustanzi kandidati ppubblikati fuq is-sit internet tat-13 ta’ Jannar 2010, konformement mal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament fl-intier tiegħu. B’referenza għall-verżjoni tal-lista ppubblikata fis-sit internet tal-ECHA fit-13 ta’ Jannar 2010, għall-qbil unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri fl-2009 u għall-Kodiċi ED/68/2009, ir-rikorrenti identifikaw b’mod ċar u inekwivoku s-suġġett. L-eċċezzjoni bbażata biss fuq l-allegata natura preparatorja tal-ftehim tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA huwa għalhekk irrilevanti.

32      L-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza li tirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, dan l-att b’mod partikolari jagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikoli 7(2), 31(1)(c), 31(3)(b), kif ukoll fl-Artikolu 33(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għas-sustanzi identifikati skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament jew għas-sustanzi inklużi jew li jinsabu fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan l-istess regolament. Għalhekk jirreferu għall-obbligi legali li joħorġu mill-att li jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ appell inammissibbli bbażat fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti

34      L-ECHA ssostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata.

35      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi, tikkontesta l-atti li hija d-destinatarju tagħhom jew li jirrigwardawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolamentari li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

36      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti li għaldaqstant ma humiex destinatarji ta’ dan l-att. F’din is-sitwazzjoni, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-imsemmi att bil-kundizzjoni li dan b’mod partikolari jkun direttament ikkonċernat minnu.

37      Fir-rigward tal-interess dirett, skont ġurisprudenza stabbilita din il-kundizzjoni tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u, it-tieni nett, li hija ma tkun tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dik il-miżura li huma fdati bl-implementazzjoni tagħha, peress li hija tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 43; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament, C‑486/01 P, Ġabra p. I‑6289, punt 34, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra p. I‑7993, punt 45).

38      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernahom direttament sa fejn is-sitwazzjoni legali tagħhom ser tkun affettwata mill-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jingħad li din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-aġġornament ta’ skeda ta’ data ta’ sigurtà previst mill-Artikolu 31(1). Skont l-Artikolu 31(1)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 1907/2006 l-fornituri ta’ sustanza għandhom ifornu lid-destinatarju ta’ din bi skeda ta’ data ta’ sigurtà meta s-sustanza tkun tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża skont id-Direttiva 67/548, meta s-sustanza għandha l-proprjetajiet PBT jew vPvB skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament, jew meta s-sustanza tkun inkluża fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba raġunijiet differenti minn dawk previsti preċedentement. L-Artikolu 31(9)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi f’dan ir-rigward li din l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiġi aġġornata mingħajr dewmien mill-fornituri hekk kif issir disponibbli informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji jew meta informazzjoni ġdida dwar il-perikoli hija disponibbli.

39      F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti, li huma fornituri ta’ sustanza kif iddefinita fl-Artikolu 3(32) tar-Regolament Nru 1907/2006, li bis-saħħa tal-Artikolu 31(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jipprovdu lid-destinatarju tas-sustanza inkwistjoni skeda ta’ data ta’ sigurtà peress li din is-sustanza tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża skont id-Direttiva 67/548. Fil-fatt, iż-ŻQFTGĦ ġiet ikklassifikata fost sustanzi karċinoġeniċi tal-kategorija 2 mid-Direttiva 94/69 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

40      Min-naħa l-oħra, huwa kkontestat li, hekk kif ir-rikorrenti jsostnu, l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba li din is-sustanza għandha proprjetajiet PBT jew vPvB, tirrappreżenta informazzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) ta’ dan ir-regolament li tagħti lok għall-obbligu msemmi minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-aġġornament tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

41      F’dak li jikkonċerna l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li din għandha tiġi stabbilita skont l-Anness II ta’ dan ir-regolament. Skont dak l-anness, li jinkludi gwida għat-tfassil tal-iskedi ta’ data ta’ sigurtà, dawn l-iskedi għandhom ifornu mekkaniżmu sabiex tiġi trażmessa l-informazzjoni korretta ta’ sigurtà dwar is-sustanzi kklassifikati lill-utent immedjatament suċċessiv fil-katina tal-provvista. L-għan ta’ dan l-anness huwa li tiġi żgurata l-koerenza u l-preċiżjoni tal-kontenut ta’ kull wieħed mill-punti obbligatorji enumerati fl-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006 b’tali mod li l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà li jirriżultaw minnhom ikunu jippermettu lill-utenti jieħdu l-miżuri neċessarji fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol u ta’ protezzjoni tal-ambjent.

42      Skont ir-rikorrenti, l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba li din is-sustanza għandha proprjetajiet PBT jew vPvB, tikkostitwixxi informazzjoni ġdida relatata mal-punt 2 (identifikazzjoni ta’ perikoli), mal-punt 3 (kompożizzjoni tagħha jew informazzjoni dwar l-ingredjenti) u mal-punt 15 (informazzjoni regolamentari) tal-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006.

43      Fir-rigward tal-punt 2 (identifikazzjoni ta’ perikoli) tal-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, skont il-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ klassifikazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 67/548 għandha tiġi indikata fiha. Għandhom jiġu indikati b’mod ċar u fil-qasir, il-perikoli prinċipali li sustanza tippreżenta għall-bniedem u għall-ambjent.

44      Huwa stabbilit li sustanza li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB tippreżenta riskju għall-ambjent. Madankollu, skont l-ECHA, tali riskju ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata, iżda mill-proprjetajiet intrinsiċi ta’ din is-sustanza li r-rikorrenti kellhom jevalwaw u li għalhekk huma kellhom ikunu jafu dwarhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006 jirreferi, fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-perikoli relatati għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza bis-saħħa tad-Direttiva 67/548, għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ klassifikazzjoni stabbiliti f’din id-direttiva, jiġifieri l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt tal-Unjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-proprjetajiet karċinoġeniċi ta’ sustanza, kif imsemmija fl-Artikolu 57(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, dawn u l-perikoli prinċipali li jirriżultaw minn dawn il-proprjetajiet għandhom jiġu indikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà sakemm sustanza, konformement għar-regoli ta’ klassifikazzjoni stabbiliti fid‑Direttiva 67/548, ġiet ikklassifikata fost is-sustanzi karċinoġeniċi. F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li l-proprjetajiet karċinoġeniċi taż-ŻQFTGĦ u l-perikoli prinċipali li jirriżultaw minn dawn il-proprjetajiet għandhom jiġu indikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà u jikkostitwixxu r-raġuni li għaliha r-rikorrenti għandhom jipprovdu tali skeda.

46      Fir-rigward tal-proprjetajiet PBT u vPvB ta’ sustanza, kif imsemmi fl-Artikolu 57(e) u (d) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-kriterji ta’ identifikazzjoni tagħhom kienu ddefiniti fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Sabiex tkun identifikata sustanza ta’ tħassib serju ħafna minħabba l-proprjetajiet PBT u vPvB tagħha skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament għandhom għalhekk jiġu applikati. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ identifikazzjoni, il-proprjetajiet PBT u vPvB ta’ sustanza huma determinati. Dan huwa kkonfermat mir-risposta tal-ECHA għal osservazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, mogħtija matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament Nru 1907/2006 dwar l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ. L-ECHA indikat li l-inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati hija l-mekkaniżmu prinċipali għall-identifikazzjoni tas-sustanzi PBT u vPvB. Barra minn hekk, ir-rapport tal-workshop tal-ECHA, li seħħ mill-21 sat-22 ta’ Jannar 2009 dwar il-lista ta’ sustanzi kandidati u l-awtorizzazzjoni bħala strumenti ta’ ġestjoni tar-riskju tinkludi l-istess kunsiderazzjoni. L-identifikazzjoni tal-proprjetajiet PBT u vPvB ta’ sustanza tistrieħ għalhekk fuq l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, f’din il-kawża, fuq l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Konsegwentement, peress li permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-proprjetajiet PBT u vPvB taż-ŻQFTGĦ kienu ddeterminati bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, huwa minħabba f’din id-deċiżjoni li dawn il-proprjetajiet u l-perikoli prinċipali li jirriżultaw minnhom għandhom ikunu indikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. F’dan il-każ, dan jikkonsisti għal każ ekwivalenti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza skont ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 67/548, li fir-rigward tagħhom l-obbligu ta’ inklużjoni ta’ din il-klassifikazzjoni u tal-perikoli prinċipali li jirriżultaw mill-proprjetajiet ikklassifikati fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà jirriżulta b’mod ċar mill-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006.

47      Fir-rigward tal-argument tal-ECHA li n-natura perikoluża tas-sustanza inkwistjoni hija r-riżultat tal-proprjetajiet intrinsiċi tagħha li r-rikorrenti kellhom jevalwaw u li għalhekk dawn kellhom ikunu jafu dwarhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, għandu jiġi nnotat li l-ECHA tirreferi għad-diskussjonijiet li saru fi ħdan is-sottogrupp tal-Uffiċċju Ewropew għas-Sustanzi Kimiċi (ECB) dwar jekk is-sustanza inkwistjoni tissodisfax il-kriterji PBT u vPvB. Madankollu, jekk huwa minnu li l-perikoli li joħorġu minn sustanza jirriżultaw mill-proprjetajiet intrinsiċi tagħha, dawn il-perikoli għandhom jiġu evalwati u determinati skont regoli tad-dritt definiti. Fl-iżviluppi li jirriżultaw mid-diskussjonijiet fi ħdan dan is-sottogrupp, l-ECHA ma tindikax ir-regoli tad-dritt li ppermettew lil dan is-sottogrupp jidentifika l-proprjetajiet PBT u vPvB. Barra minn hekk, l-ECHA ma tallegax li l-konklużjonijiet ta’ dan is-sottogrupp kienu ta’ natura vinkolanti għar-rikorrenti. Madankollu, ir-rikorrenti jargumentaw li l-konklużjonijiet dwar iż-ŻQFTGĦ ġew ikkontestati. Min-naħa l-oħra, l-ECHA tallega li r-rikorrenti kien imisshom evalwaw il-proprjetajiet intrinsiċi taż-ŻQFTGĦ u għalhekk, huma kellhom ikunu konxji mill-proprjetajiet PBT u vPvB ta’ din is-sustanza. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-fajl u hekk kif ir-rikorrenti kkonfermaw waqt is-seduta, huma preċiżament jikkontestaw il-proprjetajiet PBT u vPvB taż-ŻQFTGĦ. Huma għalhekk ma kkonkludewx, fl-evalwazzjoni tagħhom taż-ŻQFTGĦ li din is-sustanza kellha proprjetajiet PBT u vPvB.

48      Għalhekk, fid-dawl tat-Taqsima 2 (Identifikazzjoni tal-perikolu) tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba li din is-sustanza kellha proprjetajiet PBT jew vPvB, li tikkostitwixxi informazzjoni ġdida li tippermetti lill-utenti jieħdu miżuri fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent. Din l-identifikazzjoni tikkostitwixxi għalhekk informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji jew dwar il-perikoli fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, b’tali mod li r-rikorrenti kienu obbligati li jaġġornaw l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti minħabba l-obbligu previst minn din, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati t-Taqsimiet 3 (Kompożizzjoni/Informazzjoni dwar l-ingredjenti) u 15 (Informazzjoni regolamentari) tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà (ara, f’dak li jirrigwarda t-Taqsima 15, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2011, Etimine u Etiproducts vs ECHA, T‑343/10, Ġabra, p. II-6611, punti 33 sa 36, u Borax Europe vs ECHA, T‑346/10, Ġabra, p. II-6629, punti 34 sa 37).

49      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernahom direttament minħabba li s-sitwazzjoni legali tagħhom ser tiġi affettwata mill-Artikolu 34(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont dan tal-aħħar, kwalunkwe attur fil-katina tal-provvista ta’ sustanza għandu jikkomunika l-informazzjoni l-ġdida dwar il-proprjetajiet perikolużi, irrispettivament mill-użi kkonċernati, lill-attur jew lid-distributur immedjatament preċedenti fil-katina tal-provvista.

50      Peress li l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna skont id-deċiżjoni kkontestata, minħabba li din is-sustanza kellha proprjetajiet PBT jew vPvB, tinkludi informazzjoni ġdida dwar il-proprjetajiet perikolużi taż-ŻQFTGĦ (ara l-punti 46 sa 48 iktar ’il fuq), hija tagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 34(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi wkoll effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti minħabba fl-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni.

51      Konsegwentement, ir-rikorrenti huma direttament effettwati mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, din it-talba għal inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-kunċett ta’ att regolamentari li ma għandux miżuri ta’ eżekuzzjoni u fuq l-effett individwali tar-rikorrenti

52      L-ECHA targumenta li r-rikors huwa inammissibbli għaliex id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li għalhekk, ir-rikorrenti għandhom ikunu kkonċernati individwalment, kundizzjoni li ma hijiex sodisfatta.

53      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan ir-rikors għal annullament huwa ammissibbli biss jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari li ma jinkludi ebda miżuri ta’ eżekuzzjoni jew jekk ir-rikorrenti huma kkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

54      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-ECHA essenzjalment tallega, li l-miżuri adottati minnha ma humiex atti regolamentari. L-eżerċizzju tas-setgħa regolamentari skont ir-Regolament Nru 1907/2006 ġew irriżervati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni ta’ sustanza hija biss att preparatorju għal deċiżjoni futura potenzjali tal-Kummissjoni li tinkludi din is-sustanza fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament.

55      L-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ att regolamentari fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, p. II-7697, punt 21].

56      F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata hija ta’ portata ġenerali peress li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri b’mod partikolari fir-rigward ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 31(9)(a) u tal-Artikolu 34(a) tar-Regolament Nru 1907/2006.

57      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv peress li ma ġietx adottata la skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija att tal-ECHA adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ġunju 2012, Eurofer vs Il‑Kummissjoni, T‑381/11, punt 44).

58      Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

59      Kuntrarjament għal dak li tallega l-ECHA, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jindikax li hija biss il-Kummissjoni li għandha l-awtorità regolamentari meħtieġa sabiex tadotta tali att. L-argument tal-ECHA f’dan ir-rigward ma jsib ebda sostenn fit-Trattat FUE. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi b’mod espliċitu l-istħarriġ tal-legalità tal-atti ta’ korpi jew organi tal-Unjoni intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. L-awturi tat-Trattat FUE għalhekk kellhom l-intenzjoni li jissottomettu wkoll, bħala prinċipju, l-atti tal-ECHA, bħala organu tal-Unjoni, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni.

60      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-ECHA, il-kompitu ta’ din tal-aħħar bis-saħħa tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri l-ġestjoni u, f’xi każijiet, l-implementazzjoni tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi tar-Regolament Nru 1907/2006 u l-garanzija tal-koerenza fl-Unjoni, ma jeskludix il-poter li tadotta att regolamentari. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-ECHA tammetti li l-atti li hija adottat jistgħu jagħtu lok għal obbligi legali fir-rigward ta’ terzi iżda f’miżura limitata.

61      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, żewġ proċeduri huma previsti għall-każ fejn l-osservazzjonijiet dwar l-identifikazzjoni proposta ta’ sustanza bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna huma mwettqa. Skont l-ewwel proċedura, l-ECHA tirreferi l-fajl lill-Kumitat tal-Istati Membri tagħha u dan jasal għal qbil unanimu dwar l-identifikazzjoni (Artikolu 59(7) u (8) ta’ dan ir-regolament). Fit-tieni każ, fl-assenza ta’ qbil unanimu fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri, id-deċiżjoni dwar l-identifikazzjoni tas-sustanza kkonċernata hija meħuda mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 li jirreferi għall-proċedura regolamentari msemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124) (Artikolu 59(9) ta’ dan ir-regolament). Jirriżulta mit-tqabbil ta’ dawn iż-żewġ proċeduri li, fil-kuntest tal-ewwel, il-ftehim tal-Kumitat tal-Istati Membri jikkorrispondi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda fil-kuntest tat-tieni proċedura dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanza. Madankollu, ma jistax jiġi sostnut li, filwaqt li d-deċiżjoni bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi att regolamentari, id-deċiżjoni mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar, li għandha l-istess kontenut u l-istess effett, ma tikkostitwixxix tali att.

62      Huwa minnu li deċiżjoni tal-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1907/2006 li tinkludi sustanza fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament twassal għal konsegwenzi legali iktar gravi fir-rigward tal-utenti ta’ sustanza, jiġifieri l-projbizzjoni tat-tqegħid tagħha fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni, iktar milli dawk li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri b’mod partikolari l-obbligu ta’ informazzjoni. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tfissirx li l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata huma ineżistenti. Madankollu, l-obbligu ta’ informazzjoni li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata hija waħda mill-konsegwenzi tar-responsabbiltà tal-ġestjoni tar-riskji marbuta mas-sustanzi li għandha tapplika fil-katina ta’ provvista, hekk kif indikat fil-premessa 56 tar-Regolament Nru 1907/2006. Minn dan isegwi li l-argument tal-ECHA f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

63      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata fiha miżuri ta’ eżekuzzjoni, għandu jiġi nnotat li l-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 tagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni tar-rikorrenti mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri (ara l-punt 32 iktar ’il fuq). Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma fiha ebda miżura ta’ eżekuzzjoni.

64      B’mod partikolari, il-fażi segwenti tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tikkonsisti fl-inklużjoni f’ordni ta’ prijorità tas-sustanzi kandidati fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri, fil-lista ta’ sustanzi suġġetti għall-awtorizzazzjoni, ma tikkostitwixxix miżura ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, it-tmiem tal-proċedura ta’ identifikazzjoni tqajjem obbligu ta’ informazzjoni li ma huwiex dipendenti fuq fażijiet sussegwenti tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni.

65      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolamentari li ma jwassalx għal miżuri ta’ eżekuzzjoni b’tali mod li din it-talba għal inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat l-effett individwali eventwali tar-rikorrenti.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma hijiex fondata. Għalhekk dan ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

67      Insostenn ta’ dan ir-rikors ġew invokati tliet motivi. Dawn huma bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ allegat żball ta’ evalwazzjoni jew ta’ allegat żball ta’ liġi dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB fuq il-bażi tal-komponenti tagħha u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

68      Ir-rikorrenti jsostnu li l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Din is-sustanza hija komparabbli, essenzjalment minħabba l-kontenut kimiku tagħha u l-kompetizzjoni fis-suq, għal sustanzi oħra UVCB li fihom l-antraċen u idrokarburi aromatiċi poliċikliċi oħrajn (iktar ’il quddiem il-“IAP”). Madankollu l-ECHA, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, identifikat biss liż-ŻQFTGĦ u mhux dawn is-sustanzi l-oħra bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna.

69      Għandu jiġi osservat li, permezz tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur stabbilixxa sistema għar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll ir-restrizzjonijiet għal dawn is-sustanzi, li skont il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament huma b’mod partikolari intiżi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi, fit-Titolu VII, proċedura ta’ awtorizzazzjoni. L-għan ta’ din il-proċedura, skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, huwa li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji li jirriżultaw mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kkontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu ssostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli.

70      Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tapplika għas-sustanzi kollha li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006. L-ewwel fażi tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tikkonsisti fl-identifikazzjoni tas-sustanzi msemmija f’dan l-artikolu li għalihom proċedura f’diversi stadji hija prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont il-premessa 77 ta’ dan ir-regolament, għal raġunijiet ta’ fattibiltà u ta’ prattiċità, kemm min-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom jippreparaw il-fajls ta’ applikazzjoni u jieħdu l-miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskji, kif ukoll minn naħa tal-awtoritajiet li għandhom jittrattaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni, huwa neċessarju li biss numru limitat ta’ sustanzi jkun suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fl-istess ħin. Fir-rigward tal-għażla ta’ dawn is-sustanzi, l-Artikolu 59(2) u (3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li hija l-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat li għandha tikkonferma li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk il-leġiżlatur ħalla lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li tippermetti implementazzjoni f’fażijiet tar-regoli dwar is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna taħt it-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tagħti l-ebda setgħa lill-ECHA dwar l-għażla tas-sustanza li għandha tkun identifikata. Madankollu, jekk fajl għal sustanza huwa mħejji minn Stat Membru jew fuq talba tal-Kummissjoni, mill-ECHA, din tal-aħħar għandha tipproċedi skont il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu, għall-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza.

72      F’din il-kawża, il-proċedura ta’ identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ġiet irrispettata fir-rigward tal-għażla tas-sustanza li għandha tkun identifikata. Fil-fatt, jirriżulta mill-fajl li ż-ŻQFTGĦ ġiet magħżula mill-Kummissjoni peress li tqis li din is-sustanza tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ produzzjoni ta’ fajls imħejjija minn Stat Membru dwar sustanzi oħra li fihom l-antraċen jew IAP oħra, jew ta’ talba għat-tħejjija ta’ tali fajl lill-ECHA mill-Kummissjoni, l-ECHA ma tistax tipproċedi għall-identifikazzjoni ta’ dawn is-sustanzi l-oħra, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, mingħajr ma tmur lil hinn mis-setgħat tagħha. Minn dan isegwi li, l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ u mhux ta’ sustanzi oħra paragunabbli bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, l-ECHA ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li l-legalità tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti u li l-ECHA kkonformat ma’ din il-proċedura, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni jew żball ta’ liġi dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala PBT jew vPvB fuq il-bażi tal-komponenti tagħha

74      Dan il-motiv jinkludi erba’ lmenti. L-ewwel nett, ir-rikorrenti josservaw li l-fajl imħejji mill-ECHA għas-sustanza inkwistjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 59(2) u (3) u l-Annessi XIII u XV tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba li dan ma kienx ibbażat fuq evalwazzjoni tas-sustanza nnifisha, iżda fuq evalwazzjoni tal-proprjetajiet tal-komponenti tagħha. It-tieni nett, ir-regola li tgħid li sustanza tista’ tiġi identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB sa fejn din is-sustanza fiha komponent li għandu proprjetajiet PBT jew vPvB, b’konċentrazzjoni daqs jew għola minn 0.1 % ma hijiex stabbilita fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. It-tielet nett, l-evalwazzjoni tal-komponenti tas-sustanza inkwistjoni ma kinux jipprovdu bażi suffiċjenti sabiex jiġu identifikati dawn bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB peress li dawn il-komponenti ma ġewx identifikati individwalment bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB. Ir-raba’ nett, ir-regola tal-limitu ta’ 0.1 % ma huwiex osservat mid-deċiżjoni kkontestata peress li ż-ŻQFTGĦ fiha l-antraċen, l-uniku komponent uffiċjalment identifikat bħala sustanza li għandha proprjetajiet PBT f’livelli inqas minn 0.1 %.

75      Peress li l-ewwel u t-tieni lment jikkonċernaw l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB abbażi tal-komponenti tagħha b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %, jidher xieraq li dawn għandhom jiġi eżaminati flimkien.

76      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, Ġabra, p, I-6681, punt 60).

77      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra p. I‑7023, punti 33 u 34).

–       Fuq l-ewwel u t-tieni lment dwar l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB abbażi tal-komponenti tagħha ta’ konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %

78      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-fajl imħejji mill-ECHA għaż-ŻQFTGĦ ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 59(2) u (3) u fl-Annessi XIII u XV tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba li ma kienx ibbażat fuq evalwazzjoni tas-sustanza nnifisha, iżda evalwazzjoni tal-proprjetajiet tal-komponenti tagħha. Barra minn hekk, ir-regola li tgħid li sustanza tista’ tiġi identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB sakemm ikun fiha komponent, li għandu proprjetajiet PBT jew vPvB, b’konċentrazzjoni daqs jew ogħla minn 0.1 % ma hijiex prevista fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006 u għalhekk ma għandha l-ebda bażi legali. Din l-assenza ta’ limitu ta’ konċentrazzjoni kienet intiża mil-leġiżlatur, peress li l-limiti ta’ konċentrazzjoni huma stabbiliti f’parti oħra tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri b’mod partikolari għall-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika bis-saħħa tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament. Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-proprjetajiet tal-komponenti taż-ŻQFTGĦ b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %, hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

79      Jirriżulta mill-fajl dwar l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, li fir-rigward tagħha l-Kumitat tal-Istati Membri laħaq qbil unanimu fit-2 ta’ Diċembru 2009, li din is-sustanza ġiet identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna, peress li tissodisfa l-kriterji neċessarji sabiex titqies bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB bis-saħħa tal-Artikolu 57(d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba fil-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti preżenti f’din is-sustanza b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %.

80      Fil-fatt, jirriżulta mit-Taqsima 6 tal-fajl dwar l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ li, peress li ma kienx hemm informazzjoni fuq il-proprjetajiet PBT u vPvB tas-sustanza nnifisha, l-evalwazzjoni saret fuq il-bażi tal-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti IAP taż-ŻQFTGĦ b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 %. Barra minn hekk, dan il-kumitat kkonkluda wkoll li seba’ minn dawn il-komponenti IAP għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB, jiġifieri l-fluworanten, il-piren, il-benżo(a)antraċen, il-krisen, il-benżo(a)piren, il-benżo(k)fluworanten u l-benżo(gi)perilen, u li l-fenantren biss għandha tiġi kkunsiderata bħala li għandha proprjetajiet vPvB u l-antraċen bħala li għandha proprjetajiet PBT. Għalhekk, ikkonkluda li ż-ŻQFTGĦ hija sustanza li fiha mill-inqas 5 sa 10 % tal-komponenti IAP li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB.

81      L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 59(2) u (3) tar-Regolament Nru 1907/2006 moqri flimkien mal-Anness XV ta’ dan ir-regolament, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu għat-tħejjija ta’ fajl għal sustanza li hija kkunsidrata li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-fajl imħejji mill-ECHA kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata kienu tabilħaqq maħsuba għal sustanza fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, fejn jingħad li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk l-ECHA ma kisritx dawn id-dispożizzjonijiet.

82      Barra minn hekk, sabiex jiġi eżaminat jekk l-approċċ meħud mill-ECHA dwar l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB hija vvizzjata bi żball manifest, għandu jingħad li l-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB huma ddefiniti fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk, hekk kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, skont il-verżjoni applikabbli ta’ dan l-anness, fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB, hija din is-sustanza li għandha tissodisfa l-kriterji meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB kif stipulat fit-Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan l-anness.

83      Madankollu, peress li l-komponenti ta’ sustanza jagħmlu parti integrali minnha, ma jistax jiġi sempliċement deċiż li l-ECHA wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li hija kkunsidrat li s-sustanza inkwistjoni kellha proprjetajiet PBT u vPvB mill-fatt li komponenti tagħha għandhom dawn il-proprjetajiet. Fil-fatt, tali konklużjoni ma tqisx biżżejjed l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1907/2006, stabbilit fl-Artikolu 1(1) tiegħu, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikoli marbuta mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni. Anki jekk il-formulazzjoni tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-verżjoni applikabbli tiegħu f’din il-kawża, ma tindikax espressament li l-identifikazzjoni tas-sustanzi li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet PBT jew vPvB tal-komponenti rilevanti ta’ sustanza, dan ma jeskludix tali approċċ. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li komponent ta’ sustanza għandu numru ta’ proprjetajiet, din is-sustanza għandha wkoll tali proprjetajiet, iżda wieħed għandu jikkunsidra l-perċentwali u l-effetti kimiċi tal-preżenza ta’ tali komponent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1985, Caldana, 187/84, Ġabra p. 3013, punt 17).

84      Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-Artikolu 14(2)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jurix l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jimminimizza r-riskji assoċjati mal-komponenti li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB ta’ sustanza biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika prevista f’dak l-artikolu. Fil-fatt, minn naħa, tali intenzjoni la tirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-premessi tar-Regolament Nru 1907/2006 dwar din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(2)(f) ta’ dan ir-regolament jagħmel parti mill-proċedura għar-reġistrazzjoni tas-sustanzi msemmija fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, li bħala prinċipju japplika għas-sustanzi kollha bħala tali jew li jinsabu f’taħlitiet jew fl-artikoli, imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 tal-istess regolament. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur ried jagħti attenzjoni partikolari lis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna msemmija fil-proċedura ta’ identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament.

85      F’din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li ż-ŻQFTGĦ tagħmel parti mis-sustanzi UVCB, li l-kompożizzjoni tagħhom ma hijiex magħrufa jew hija varjabbli. Is-sustanzi UVCB jagħmlu parti mis-sustanzi li fihom numru ta’ komponenti, jiġifieri sustanzi li fihom komponenti differenti. L-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jipprovdix għal regoli speċifiċi dwar l-identifikazzjoni tas-sustanzi UVCB bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB.

86      Skont l-ECHA, l-approċċ li jgħid li sustanza UVCB tista’ tiġi identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB minħabba li l-komponenti tagħha huma identifikati bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB hija bbażata, minn naħa, fuq prattika stabbilita bbażata fuq prinċipju rikonoxxut fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, fuq raġunijiet xjentifiċi. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 0.1 % bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fuq il-bażi tal-komponenti tagħha, din hija bbażata fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

87      L-ewwel lok, fir-rigward tal-argument relatat ma’ prattika stabbilita sew ibbażata fuq prinċipju rikonoxxut fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi osservat li filwaqt li huwa minnu skont il-premessa 75 u l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1272/2008 li dan ir-regolament ma japplikax għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi bil-proprjetajiet PBT u vPvB, iżda b’mod partikolari għal dawk ta’ karċinoġeni, mutaġeni u tossiċi, madankollu jirriżulta mill-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament li l-leġiżlatur irrikonoxxa l-prinċipju li sustanza li għandha ċerti proprjetajiet u preżenti f’sustanza oħra tista’ tirriżulta għall-kwalifika ta’ din is-sustanza bħala li għandha dawn il-proprjetajiet. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1272/2008 jiddisponi li l-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi u l-limiti ta’ konċentrazzjoni ġeneriċi assenjati lil sustanza jindikaw limitu li fih il-preżenza ta’ din is-sustanza f’sustanza oħra jew f’taħlita bħala impurità, addittiv jew komponent individwali identifikat twassal għall-klassifikazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita bħala perikoluża.

88      L-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju għall-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna huwa kkonfermat minn diversi fatturi. Minn naħa, l-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-kuntest tal-eżami tas-sustanzi li għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ sustanzi kandidati, iqiegħed is-sustanzi li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB fl-istess livell bħas-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi. Min-naħa l-oħra, l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju huwa kkonfermat mill-Artikolu 56(6)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont dan tal-aħħar, essenzjalment, il-projbizzjoni li titqiegħed fis-suq sustanza suġġetta għall-awtorizzazzjoni ma tapplikax għall-użu ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 57(d) sa (f) ta’ dan ir-regolament, fi ħdan ta’ limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0.1 % piż b’piż, sa fejn dawn huma inklużi f’taħlita. Din id-dispożizzjoni ċertament tapplika għal taħlitiet u mhux għal sustanza bħal dik inkwistjoni. Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza minħabba fil-proprjetajiet tal-komponenti tagħha jidher komparabbli mal-kwalifika ta’ taħlita minħabba fil-proprjetajiet tas-sustanzi tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jirreferu wkoll, insostenn tal-affermazzjoni tagħhom li tgħid li l-leġiżlatur ried li jimminimizza r-riskji assoċjati mal-komponenti li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB ta’ sustanza biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika, għal dispożizzjoni li ma tapplikax għall-komponenti ta’ sustanza, iżda għas-sustanzi li jkun hemm f’taħlita, jiġifieri l-Artikolu 14(2)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 84 iktar ’il fuq).

89      It-tieni lok, l-ECHA bbażat l-approċċ tagħha fuq raġunijiet xjentifiċi.

90      Minn naħa, huwa importanti li sustanza UVCB tiġi evalwata fuq il-bażi tal-komponenti tagħha għaliex, ladarba tiġi rrilaxxata fl-ambjent, il-komponenti individwali ta’ tali sustanza jaġixxu bħala sustanzi awtonomi. Is-sustanzi inkwistjoni jilliberaw numru ta’ IAP differenti li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB matul l-użu tagħhom, pereżempju, permezz ta’ tisħin waqt l-ipproċessar jew permezz tal-lissija mal-kuntatt mal-ilma.

91      Għalhekk, minkejja li l-istudju ta’ sustanza UVCB sħiħa huwa possibbli f’ċerti każijiet speċifiċi, tali approċċ ma jipproduċix riżultati sinjifikattivi għall-parti l-kbira ta’ dawn is-sustanzi, fosthom iż-ŻQFTGĦ. Fil-parti l-kbira ta’ dawn il-każijiet, komprensjoni tal-proprjetajiet ta’ sustanza hija biss possibbli fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-proprjetajiet tal-komponenti rilevanti tagħha. Il-parti l-kbira tal-metodi ta’ ttestjar disponibbli sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn is-sustanzi ma jkunx adattat għall-istudju ta’ sustanzi magħmula minn komponent ewlieni wieħed. Fil-fatt, fir-rigward tal-persistenza tas-sustanzi UVCB, dawn ma jistgħux jiġu ġeneralment evalwati bl-użu ta’ metodi ta’ ttestjar ta’ bijodegradazzjoni li jkejlu parametri sommarji, peress li dawn it-testijiet ikejlu l-proprjetajiet tas-sustanza kollha kemm huma, iżda ma jagħtu l-ebda informazzjoni dwar l-komponenti tagħha. Għalhekk, anki kieku insegwitu għal tali eżami, is-sustanza kollha kemm hi tidher li tkun faċilment bijodegradabbli, il-preżenza eventwali fis-sustanza ta’ komponenti mhux bijodegradabbli ma tistax tiġi eskluża. Skont l-ECHA, diffikultajiet simili jseħħu wkoll matul testijiet għall-bijoakkumulazzjoni u għat-tossiċità minn ċerti sustanzi UVCB. L-istruttura fiżika ta’ tali sustanza tista’ tipprevjeni, sa ċertu punt, ir-rilaxx tal-komponenti tiegħu jekk it-test jirrigwarda s-sustanza bħala tali. Konsegwentement, fir-rigward tat-testijiet għall-bijoakkumulazzjoni u għat-tossiċità, l-akkumulazzjoni fl-organiżmi studjati u t-tossiċità ma tiġix misjuba fil-kuntest tal-eżamijiet, meta fir-realtà, wara ċertu żmien hemm rilaxx tal-komponenti IAP fl-ambjent.

92      Il-kritika magħmula mir-rikorrenti u li hija dwar dawn il-kunsiderazzjonijiet xjentifiċi ma jistgħux juru li r-raġunijiet xjentifiċi ppreżentati mill-ECHA huma vvizzjati bi żball manifest.

93      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatt li sustanza tista’ tkun dekomposta fil-komponenti tagħha hija eżaminata matul l-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika li għandha titwettaq fil-kuntest tar-reġistrazzjoni tas-sustanza skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1907/2006, dan ma jikkontradixxix l-evalwazzjoni tal-ECHA, iżda jindika biss li d-dekompożizzjoni għandha wkoll, skont il-każ, tittieħed inkunsiderazzjoni fi proċeduri oħra msemmija fir-Regolament Nru 1907/2006 (f’dan ir-rigward, ara wkoll il-punt 84 iktar ’il fuq).

94      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument dwar il-lissija li jgħid li t-testijiet kollha li jistudjaw l-effetti fuq żmien qasir u kroniċi jikkonfermaw li l-IAP huma maqbuda fil-matriċi makromolekolari u ma jikkawżawx effetti tossiċi, pereżempju meta f’kuntatt mal-ilma, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn ta’ dan, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jsemmu tliet studji xjentifiċi mingħajr ma jannettawhom mal-fajl. Fuq din il-bażi, ma jistax jiġi konkluż li l-evalwazzjoni kuntrarja tal-ECHA hija vvizzjata bi żball manifest.

95      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, kuntrarjament għal dak li tallega l-ECHA, il-parti l-kbira mill-metodi ta’ ttestjar jistgħu jintużaw għall-UVCB jew fejn il-metodi eżistenti ma humiex xierqa, l-approċċ bbażat fuq is-saħħa probatorja tista’ tintuża, din bl-ebda mod ma hija ssostanzjata minn data xjentifika u għalhekk ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-approċċ meħud mill-ECHA minħabba li vvizzjat bi żball manifest.

96      It-tielet lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 0.1 % bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fuq il-bażi tal-komponenti tagħha, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm ma jikkontestawx l-applikazzjoni ta’ tali limitu ġenerali, il-kriterju dwar il-limitu ta’ 0.1 % ma huwiex fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, huma jsostnu li jekk huwa minnu li hemm atti li jinkludu referenzi għall-perċentwali ta’ 0.1 % bħala li jikkostitwixxu f’ċerti każijiet limitu li lil hinn minnu tapplika klassifikazzjoni ta’ perikolu, dan il-limitu jista’ jvarja minn 0.1 sa 1 % skont il-perikolu.

97      Jekk huwa minnu li l-ebda limitu ta’ konċentrazzjoni ma huwa previst fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni ta’ tali limitu bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fuq il-bażi tal-komponenti tagħha ma jeħtieġx li dan il-limitu jkun ippreċiżat f’dan l-anness.

98      Barra minn hekk, jirriżulta mir-Regolament Nru 1907/2006 li l-limitu ta’ 0.1 % ġie applikat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, f’ċerti okkażjonijiet, għall-kwalifika ta’ taħlita fuq il-bażi tas-sustanzi tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 31(3)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006 jimponi obbligu ta’ informazzjoni lill-fornituri ta’ taħlita jekk din ikun fiha sustanza li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB skont il-kriterji msemmija fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament, b’konċentrazzjoni daqs jew ogħla minn 0.1 %. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2)(f) ta’ dan ir-regolament jirrikjedi li impriża tippreżenta evalwazzjoni tas-sigurtà kimika ta’ taħlita meta l-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ sustanza li tinsab fit-taħlita u tissodisfa l-kriterji fl-Anness XIII tal-istess regolament huwa daqs jew ogħla minn 0.1 %. Barra minn hekk, l-Artikolu 56(6) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni b’mod partikolari ma japplikax għall-użu ta’ sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(d ) u (e) ta’ dan ir-regolament, meta dawn ikunu inklużi f’taħlitiet fi ħdan ta’ limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0.1 %.

99      Peress li l-klassifikazzjoni ta’ sustanza minħabba fil-proprjetajiet tal-komponenti tagħha tidher komparabbli mal-kwalifika ta’ taħlita minħabba fil-proprjetajiet tas-sustanzi tagħha (ara l-punt 88 iktar ’il fuq) u li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 0.1 % b’mod ġenerali, ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest peress li l-limitu ta’ 0.1 % ġie applikat bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni abbażi tal-komponenti tagħha.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li ż-ŻQFTGĦ ma ġietx identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB mis-sempliċi fatt li komponent ta’ din is-sustanza għandu ċertu numru ta’ proprjetajiet PBT u vPvB, iżda li l-perċentwali u l-effetti kimiċi tal-preżenza ta’ tali komponent ukoll ġew ikkunsidrati (ara l-punt 83 iktar ’il fuq). L-argument tar-rikorrenti dwar l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB abbażi tal-komponenti tagħha b’konċentrazzjoni ta’ mill-inqas 0.1 % ma jurix li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest.

101    Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni lmenti għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq it-tielet ilment dwar l-identifikazzjoni tal-komponenti tas-sustanza inkwistjoni bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB

102    Ir-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-komponenti tas-sustanza inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu bażi suffiċjenti sabiex din tiġi identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT jew vPvB peress li dawn il-komponenti ma kinux identifikati individwalment bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB b’deċiżjoni separata tal-ECHA fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni bir-reqqa għal dan il-għan.

103    Bħala tfakkira, iż-ŻQFTGĦ ġiet identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB peress li sebgħa mill-komponenti tagħha għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB u li l-komponent tagħha fenantren għandu jiġi kkunsidrat bħala li għandu proprjetajiet vPvB u l-komponent tagħha antraċen bħala li għandu proprjetajiet PBT (ara l-punt 80 iktar ’il fuq).

104    L-ewwel lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna minħabba fil-proprjetajiet tagħha PBT u vPvB fuq il-bażi tal-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti tagħha, jirrikjedi li dawn il-komponenti għandhom huma stess ikunu s-suġġett ta’ identifikazzjoni bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB b’deċiżjoni separata tal-ECHA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 57(d) u (e) u l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi biss li l-kriterji msemmija fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu sodisfatti. Barra minn hekk, l-implementazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, sabiex jiġu identifikati b’mod awtonomu l-komponenti kkonċernati taż-ŻQFTGĦ bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB ma jġib l-ebda valur miżjud lill-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna minħabba fil-proprjetajiet PBT u vPvB tagħha fuq il-bażi tal-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti tagħha. Fil-fatt, fil-kuntest tal-fajl imħejji skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament dwar is-sustanza inkwistjoni, kien hemm ukoll lok li jsir tqabbil tal-informazzjoni disponibbli mal-kriterji fl-Anness XIII tal-istess regolament. L-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

105    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-identifikazzjoni tal-komponenti inkwistjoni, minbarra l-antraċen, bħala li jikkostitwixxu proprjetajiet PBT jew vPvB, hija bbażata fuq evalwazzjoni bir-reqqa. Għal dak li jirrigwarda l-antraċen, huwa stabbilit li ġiet identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna fuq il-bażi tal-proprjetajiet tagħha PBT. Minħabba fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest f’dan ir-rigward.

106    Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-grupp ta’ kumpanniji l-kbar taż-żejt li jwettqu riċerka dwar kwistjonijiet ambjentali fl-industrija taż-żejt matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni tal-fajl stabbilit skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 għas-sustanza inkwistjoni. Rapport li janalizza l-proprjetajiet fil-qasam tal-bijoakkumulazzjoni ta’ ħmistax-il IAP ġie mehmuż ma’ dawn l-osservazzjonijiet. Skont dawn tal-aħħar, peress li s-sottogrupp kompetenti tal-ECB ma kienx qabel dwar il-proprjetajiet PBT jew vPvB ta’ dawn il-komponenti, ikun prematur u inopportun li jsiru konklużjonijiet definittivi għal dan fil-fajl stabbilit skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament. Skont dan ir-rapport, il-provi disponibbli ma jwasslux għall-konklużjonijiet ġenerali preliminari li jinsabu f’dan il-fajl li dawn il-komponenti jissodisfaw il-kriterju bijoakkumulattiv jew bijoakkumulattiv ħafna, peress li d-data affidabbli tal-laboratorju juru potenzjal żgħir ta’ bijoakkumulazzjoni ta’ dawn il-komponenti.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti huwa essenzjalment limitat sabiex jirreferi għall-preżentata tal-osservazzjonijiet u ta’ rapport imħejji fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 59(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Iż-ŻQFTGĦ ġiet identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna fuq il-bażi tal-analiżi li tinsab fil-fajl imħejji mill-ECHA u approvat mill-Kumitat tal-Istati Membri fit-2 ta’ Diċembru 2009 skont l-Artikolu 59(8) ta’ dan ir-regolament, fl-għarfien ta’ dawn l-osservazzjonijiet u ta’ dan ir-rapport. It-Taqsima 6 ta’ dan il-fajl tevalwa rispettivament, fid-dettall, il-proprjetajiet PBT u vPvB tal-komponenti rilevanti tas-sustanza inkwistjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-referenza ġenerali, minn naħa, għall-fatt li s-sottogrupp kompetenti tal-ECB, li ma għadux fis-seħħ taħt is-sistema tar-Regolament Nru 1907/2006, ma qabilx fuq il-proprjetajiet tal-komponenti PBT u vPvB inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-allegata insuffiċjenza ta’ provi, mingħajr ma intwera liema element tal-analiżi li jinsab f’dak il-fajl huwa żbaljat, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest.

108    Minn dan isegwi li t-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

–       -Ir-raba’ lment dwar il-konċentrazzjoni tal-antraċen fiż-ŻQFTGĦ

109    Ir-rikorrenti josservaw li r-regola tal-limitu ta’ 0.1 % ma ġietx osservata mid-deċiżjoni kkontestata peress li ż-ŻQFTGĦ jinkludi l-antraċen, l-uniku komponent li ġie uffiċjalment identifikat bħala sustanza PBT f’livelli inqas minn 0.1 %. Kuntrarjament għal dak li tallega l-ECHA, l-ispeċifikazzjoni l-iktar użata miż-ŻQFTGĦ ma fihiex iktar minn 0.1 % ta’ antraċen.

110    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li ż-ŻQFTGĦ ġiet identifikata bħala li għandha proprjetajiet PBT u vPvB b’mod partikolari minħabba li sebgħa mill-komponenti rilevanti tagħha għandhom ikunu kkunsidrati bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB (ara l-punt 80 iktar ’il fuq). Konsegwentement, anki jekk wieħed jassumi li l-konċentrazzjoni ta’ antraċen fiż-ŻQFTGĦ ma hijiex daqs jew ogħla minn 0.1 %, jirriżulta mill-fajl approvat mill-Kumitat tal-Istati Membri dwar iż-ŻQFTGĦ li dawn is-sebgħa komponenti l-oħra huma preżenti f’konċentrazzjonijiet daqs jew ogħla minn 0.1 %. L-argument kuntrarju tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġi miċħud fil-kuntest tat-tielet ilment ta’ dan il-motiv (ara l-punti 105 sa 107 iktar ’il fuq).

111    Konsegwentement, ir-raba’ lment għandu wkoll jinċaħad.

112    Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

113    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din id-deċiżjoni ma twettaqx l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Ir-rikorrenti josservaw f’dan ir-rigward li s-sustanzi li jistgħu jintużaw minflok iż-ŻQFTGĦ ukoll għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB. Skont ir-rikorrenti, l-ECHA setgħet tieħu miżuri oħra xierqa u inqas restrittivi, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika li tinsab fil-fajl ta’ reġistrazzjoni ppreparat mir-rikorrenti taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1907/2006 jew l-ippreżentar ta’ fajl għal restrizzjoni tas-sustanza inkwistjoni taħt it-Titolu VIII ta’ dan ir-regolament.

114    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza Etimine, punt 76 iktar ’il fuq, punt 124, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, l-ECHA għandha f’dan il-qasam setgħa diskrezzjonali wiesgħa li timplika min-naħa tagħha għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, li fihom hija hi msejħa tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fir-rigward tal-għan li l-leġiżlatur għandu l-intenzjoni li jsegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Etimine, punt 76 iktar ’il fuq, punt 125, u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    F’din il-kawża, jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiżgura li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikoli marbuta mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni. Fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur stabbilixxa, bħala għan prinċipali l-ewwel minn dawn it-tliet għanijiet, jiġifieri dak li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 45). Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li hija intiża li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji li jirriżultaw minn sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jkunu kkontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi qed jiġu progressivament mibdula minn sustanzi jew teknoloġiji oħra adatti, li jkunu ekonomikament u teknikament vijabbli.

117    L-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex xierqa għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fl-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament. Meta sustanza tkun identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna, l-operaturi ekonomiċi kkonċernati huma suġġetti għall-obbligu ta’ żvelar (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

118    Fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna sservi sabiex ittejjeb l‑informazzjoni lill-pubbliku u lill-professjonisti dwar ir-riskji u l-perikoli, u li għalhekk, din l-identifikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala strument għat-titjib ta’ tali protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza S.P.C.M. et, punt 116 iktar ’il fuq, punt 49).

119    B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex xierqa f’dan ir-rigward peress li s-sustanzi li jistgħu jintużaw sabiex jissostitwixxu s-sustanza inkwistjoni għandhom ukoll proprjetajiet PBT jew vPvB, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprojbixxix li ż-ŻQFTGĦ jitqiegħed fis-suq u b’dan il-mod jobbliga lill-operaturi kkonċernati li jużaw sustanzi alternattivi. Tali konsegwenza hija biss prevista bis-saħħa tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1907/2006 għas-sustanzi inklużi fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-lista ta’ sustanzi suġġetti għall-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-proċedura ta’ identifikazzjoni hija applikabbli għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV tal-istess regolament, jirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1907/2006 f’dan ir-rigward li l-inklużjoni ta’ sustanza fuq il-lista tas-sustanzi kandidati ma jwassalx awtomatikament għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, skont l-Artikolu 58(1) u (3) tal-istess regolament, l-ECHA għandha tirrakkomanda l-inklużjoni ta’ sustanzi ta’ prijorità f’dan l-anness fid-dawl tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri u peress li b’mod partikolari tispeċifika l-użi jew il-kategoriji ta’ użu eżentati mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni. Sustanza tista’ tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni biss wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi din is-sustanza f’dan l-Anness XIV.

120    Barra minn hekk, għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, ir-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi proċedura maħsuba sabiex tissuġġetta dawn is-sustanzi gradwalment għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, il-premessa 77 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li, għal raġunijiet ta’ fattibbiltà u ta’ prattiċità, kemm min-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom jippreparaw il-fajls ta’ applikazzjoni u jieħdu l-miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskji, kif ukoll minn naħa tal-awtoritajiet li għandhom jittrattaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni, huwa neċessarju li biss numru limitat ta’ sustanzi jkun suġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fl-istess ħin. Għalhekk, ma huwiex eskluż li fil-kuntest ta’ dan l-approċċ gradwali, is-sustanzi alternattivi msemmija mir-rikorrenti jistgħu wkoll ikunu s-suġġett tal-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

121    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata natura insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġu miċħud.

122    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija peress li l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju jew il-preżentata ta’ fajl skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 għal restrizzjonijiet dwar is-sustanza inkwistjoni jiżguraw ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżda jkunu inqas restrittivi.

123    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju, ir-rikorrenti jirreferu għall-obbligi fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-dispożizzjoni, huma għandhom iwettqu evalwazzjoni tas-sigurtà kimika u jħejju rapport dwar din is-sigurtà għas-sustanza inkwistjoni. Skont l-Artikolu 14(3)(d) ta’ din id-dispożizzjoni, l-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika tinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ proprjetajiet PBT u vPvB tas-sustanza inkwistjoni. Jekk din l-evalwazzjoni twassal għall-konklużjoni li sustanza għandha proprjetajiet PBT jew vPvB, ir-rikorrenti għandhom iwettqu evalwazzjoni u stima tal-espożizzjoni u tal-karatterizzazzjoni tar-riskju għall-użi identifikati skont l-Artikolu 14(4). Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-rikorrenti huma meħtieġa jidentifikaw u jimplementaw miżuri adatti għal kontroll adegwat tar-riskji. Peress li din l-evalwazzjoni għadha ma hijiex disponibbli fil-mument tal-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna mid-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA setgħet tiddeċiedi li ddewwem il-preżentata ta’ dan ir-rapport dwar is-sigurtà kimika u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji proposti, minflok tidentifika s-sustanza inkwistjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna.

124    Madankollu, bl-ebda mod ma jirriżulta mir-Regolament Nru 1907/2006 li l-leġiżlatur ried li jissuġġetta l-proċedura ta’ identifikazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanza msemmija fit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament, għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista fit-Titolu II ta’ dan l-istess regolament li minnu jirriżultaw l-obbligi msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament. Huwa veru li dawn l-obbligi huma wkoll intiżi sabiex itejbu l-informazzjoni lill-pubbliku u lill-professjonisti dwar il-perikoli u r-riskji ta’ sustanza. Madankollu, peress li s-sustanzi rreġistrati għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw fis-suq intern, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li l-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament huwa parti minnha, huwa li b’mod partikolari huwa gradwalment jissostitwixxi s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna b’sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti li jkunu ekonomikament u teknikament vijabbli (ara l-punt 116 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur ried jagħti attenzjoni speċjali lis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.

125    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju proposti bis-saħħa tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma humiex miżuri xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament dwar it-trattament ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u għalhekk ma humiex miżuri inqas restrittivi f’dan il-każ.

126    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ECHA setgħet idewwem, qabel ma tidentifika ż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, il-preżentata tal-fajl ta’ reġistrazzjoni għas-sustanza inkwistjoni li kien fih l-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika tiegħu, minħabba li tali fajl kien ikun l-aħjar sors ta’ informazzjoni, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li din l-identifikazzjoni saret fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fil-fajl dwar is-sustanza inkwistjoni approvat b’mod unanimu mill-Kumitat tal-Istati Membri (ara l-punt 79 iktar ’il fuq). Dan il-kumitat ma kkonstatax l-assenza ta’ informazzjoni dwar il-validità u r-rilevanza tad-data. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni tas-sustanza inkwistjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandha issir biss għall-1 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri sentejn u nofs wara d-data minn meta l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kienet applikabbli skont l-Artikolu 141(2) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-1 ta’ Ġunju 2008, waqt li l-allegat obbligu li trid tistenna l-preżentata tal-fajl ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni kien idgħajjef l-effettività tar-Regolament Nru 1907/2006.

127    It-tieni nett, fir-rigward tal-miżuri restrittivi, ir-rikorrenti jsostnu li l-fajl dwar il-proposta ta’ tali miżura skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 għandu jinkludi l-informazzjoni disponibbli dwar is-sustanzi alternattivi, inkluża l-informazzjoni dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent relatata mal-manifattura jew mal-użu ta’ dawn l-alternattivi, id-disponibbiltà tagħhom u l-fattibilità teknika u ekonomika tagħhom. Proposta bħal din, ibbażata fuq parametri simili għal dawk użati għal fajl għall-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, kien jevita l-konsegwenzi negattivi marbuta ma’ din l-identifikazzjoni u jwassal għall-istess riżultat f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006.

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li s-sempliċi fatt li sustanza hija inkluża fil-lista tas-sustanzi kandidati ma tipprekludix li din is-sustanza tiġi suġġetta għal restrizzjonijiet iktar milli għal awtorizzazzjoni. Fil-fatt, kif ukoll jirriżulta mill-Artikolu 58(5) u mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni jew Stat Membru dejjem tista’ tipproponi li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza jkun ikkontrollat permezz ta’ restrizzjonijiet iktar milli b’awtorizzazzjoni.

129    Barra minn hekk, kif ukoll jirriżulta mill-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-restrizzjonijiet adottati skont il-proċedura msemmija fit-Titolu VIII ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi, taħlitiet u oġġetti perikolużi, jistgħu jmorru minn kundizzjonijiet partikolari imposti għall-manifattura jew għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanza għal projbizzjoni totali tal-użu ta’ sustanza. Anki jekk il-miżuri restrittivi huma wkoll xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan ir-regolament, dawn ma jikkostitwixxux, bħala tali, miżuri inqas restrittivi meta mqabbla mal-identifikazzjoni ta’ sustanza li timplika biss l-obbligu ta’ żvelar.

130    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni li tinsab fil-fajl dwar proposta ta’ miżuri għal restrizzjoni skont l-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006 turi li l-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni ma hijiex meħtieġa, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li din l-identifikazzjoni saret skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li tikkostitwixxi proċedura differenti minn dik taħt it-Titolu VIII tal-istess regolament (ara l-punt 128 iktar ’il fuq).

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

132    Konsegwentement, it-tielet motiv u għaldaqstant ir-rikors fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

133    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

134    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitluba mill-ECHA.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bilbaína de Alquitranes, SA, Cindu Chemicals BV, Deza, a.s., Industrial Química del Nalón, SA, Koppers Denmark A/S, Koppers UK Ltd, Rütgers Germany GmbH, Rütgers Belgium NV u Rütgers Poland sp. z o.o. huma kkundannati għall-ispejjeż.

Dittrich

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Prek

 

      Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Marzu 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.