Language of document : ECLI:EU:T:2013:106

Kawża T‑93/10

Bilbaína de Alquitranes, SA et

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“REACH — Identifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Rikors għal annullament — Att li jista’ jiġi kkontestat — Att regolamentari li ma jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni — Inċidenza diretta — Ammissibbiltà — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tas-7 ta’ Marzu 2013

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti preparatorji — Esklużjoni — Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Att intiż li jipproduċi effetti ta’ liġi — Inklużjoni

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 7(2), 31(1)(c), u (3)(b), 33(1) u (2), 57 u 59)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Inċidenza diretta — Kriterji — Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Rikors ippreżentat mill-kumpanniji li jipproduċu din is-sustanza — Identifikazzjoni li tagħti lok għall-obbligu li jikkomunikaw lill-utenti tas-sustanza skeda ta’ data ta’ sigurtà aġġornata — Ammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 31(1)(a) sa (c), u (9)(a), 34(a), 57(a), (d) u (e), u 59; Direttiva tal-Kunsill 67/548)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi — Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika ż-żejt tal-antraċen (pasta) bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Inklużjoni — Att li ma għandux miżuri ta’ eżekuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u Artikolu 289(1) sa (3) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 31(9)(a), 34(a), 57 sa 59 u 75(1))

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament REACH — Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna — Proċedura ta’ identifikazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-Unjoni — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57 u 59)

5.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament REACH — Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna — Proċedura ta’ identifikazzjoni — Sustanzi li għandhom proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna — Klassifikazzjoni fuq il-bażi tal-proprjetajiet tal-komponenti — Ammissibbiltà — Applikazzjoni ta’ limitu ta’ konċentrazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 14(2)(f), 31(3)(b), 56(6) u 57(d) u (e), u Anness XIII)

6.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament REACH — Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna — Proċedura ta’ identifikazzjoni — Sustanzi li għandhom proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna — Klassifikazzjoni fuq il-bażi tal-proprjetajiet tal-komponenti — Obbligu li jingħata bidu għal proċedura separata fir-rigward tal-komponenti — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2006, Artikoli 57(d) u (e) u 59 u Anness XIII)

7.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament REACH — Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna — Proċedura ta’ identifikazzjoni — Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, premessa 16 u Artikoli 1(1), 14(6) u 59, u Anness XV)

1.      Huma suġġetti għal rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti ta’ liġi. Fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tħejjija tagħhom isseħħ f’diversi stadji, b’mod partikolari permezz ta’ proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni kkonċernat fit-tmiem tal-proċedura. Minn dan jirriżulta li miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

Għalhekk tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), b’mod konformi mal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, meta tali deċiżjoni hija intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi.

F’dan ir-rigward, l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza li tirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, dan l-att b’mod partikolari jagħti lok għall-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikoli 7(2), 31(1)(c), 31(3)(b), kif ukoll fl-Artikolu 33(1) u (2), tar-Regolament Nru 1907/2006. Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għas-sustanzi identifikati skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament jew għas-sustanzi inklużi jew li jinsabu fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan l-istess regolament. Għalhekk jirreferu għall-obbligi legali li joħorġu mill-att li jirriżulta mill-proċedura msemmija f’dan l-Artikolu 59.

(ara l-punti 27, 28, 32)

2.      Il-kundizzjoni tal-interess dirett ta’ persuna fiżika jew ġuridika, bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-att ikkontestat jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u, it-tieni nett, li ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dan l-att li huma fdati bl-implementazzjoni tiegħu, peress li huwa jkun ta’ natura purament awtomatika u jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

F’dan ir-rigward, deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), għandha titqies li taffettwa direttament il-produtturi ta’ din is-sustanza, sa fejn peress li l-identifikazzjoni ta’ din tikkostitwixxi informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ mmaniġġjar tar-riskji jew dwar il-perikoli fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) ta’ dan ir-regolament, il-produtturi huma obbligati li jaġġornaw l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. Skont l-Artikolu 31(1)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 1907/2006, dawn l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà għandhom jiġu pprovduti mill-fornituri ta’ sustanza lid-destinatarju ta’ din meta tkun tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża skont id-Direttiva 67/548, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi. L-identifikazzjoni tqajjem ukoll obbligu ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 34(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk hija tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-produtturi minħabba fl-obbligi previsti mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

(ara l-punti 37, 38, 48, 50, 51)

3.      Il-kunċett ta’ att regolamentari fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi.

Tikkostitwixxi att regolamentari deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna li tissodisfa kriterju wieħed jew iktar stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH). Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija ta’ portata ġenerali peress li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri b’mod partikolari fir-rigward ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 31(9)(a) u tal-Artikolu 34(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv peress li ma ġietx adottata la skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE. Fil-fatt, tali deċiżjoni huwa att tal-ECHA adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006. Peress li dan ma jwassal għall-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni, l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna tagħti lok għal obbligi ta’ informazzjoni mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri oħra.

Barra minn hekk, peress li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi b’mod espliċitu l-istħarriġ tal-legalità tal-atti ta’ korpi jew ta’ organi tal-Unjoni intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, l-awturi tat-Trattat FUE għalhekk kellhom l-intenzjoni li jissottomettu wkoll, bħala prinċipju, l-atti tal-ECHA, bħala organu tal-Unjoni, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-kompitu tal-ECHA, bis-saħħa tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri l-ġestjoni u, f’xi każijiet, l-implementazzjoni tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi ta’ dan ir-regolament u l-garanzija tal-koerenza fl-Unjoni, ma jeskludix il-poter li tadotta att regolamentari.

(ara l-punti 55-60, 63, 65)

4.      Peress li l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, bħalma huwa l-każ meta l-Kummissjoni tipproċedi għall-implementazzjoni f’fażijiet tar-regoli dwar is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna taħt it-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola.

Peress li l-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna stabbilita fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tagħti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) l-ebda setgħa dwar l-għażla tas-sustanza li għandha tkun identifikata, sa fejn l-Artikolu 59(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li hija l-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat li għandha tikkonferma li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi kkontestat lill-ECHA li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza tat-trattament billi identifikat sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna mingħajr ma pproċediet għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi oħra paragunabbli.

(ara l-punti 70-72, 76, 77)

5.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tidentifika sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna minħabba fil-proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (il-proprjetajiet PBT jew vPvB), fis-sens li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), ma jistax jiġi sempliċement deċiż li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li sustanza kellha proprjetajiet PBT jew vPvB mill-fatt li l-komponenti ta’ sustanza jagħmlu parti integrali minnha. Anki jekk il-formolazzjoni tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, ma jindikax espressament li l-identifikazzjoni tas-sustanzi li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB għandu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet PBT jew vPvB tal-komponenti rilevanti ta’ sustanza, dan ma jeskludix tali approċċ. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li komponent ta’ sustanza għandu numru ta’ proprjetajiet, din is-sustanza għandha wkoll tali proprjetajiet, iżda wieħed għandu jikkunsidra l-perċentwali u l-effetti kimiċi tal-preżenza ta’ tali komponent.

Barra minn hekk, jekk huwa minnu li l-ebda limitu ta’ konċentrazzjoni ma huwa previst fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, l-applikazzjoni ta’ tali limitu bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni fuq il-bażi tal-komponenti tagħha ma jeħtieġx li dan il-limitu jkun ippreċiżat f’dan l-anness. F’dan ir-rigward, il-limitu ta’ 0.1 % ġie applikat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, f’ċerti okkażjonijiet, għall-kwalifika ta’ taħlita fuq il-bażi tas-sustanzi tagħha. Dan jirriżulta wkoll mill-Artikoli 14(2)(f), 31(3)(b), 56(6), u 57(d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006. Peress li l-klassifikazzjoni ta’ sustanza minħabba fil-proprjetajiet tal-komponenti tagħha tidher komparabbli mal-kwalifika ta’ taħlita minħabba fil-proprjetajiet tas-sustanzi tagħha, ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest peress li l-limitu ta’ 0.1 % ġie applikat bħala fattur li jwassal għall-identifikazzjoni tas-sustanza inkwistjoni abbażi tal-komponenti tagħha.

(ara l-punti 82, 83, 97-99)

6.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), meta l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tidentifika sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna minħabba fil-proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (il-proprjetajiet PBT u vPvB), fuq il-bażi tal-proprjetajiet PBT jew vPvB tal-komponenti tagħha, ma huwiex mitlub li dawn il-komponenti għandhom huma stess ikunu s-suġġett ta’ identifikazzjoni minn qabel bħala li għandhom proprjetajiet PBT u vPvB b’deċiżjoni separata tal-ECHA. L-Artikolu 57(d) u (e) u l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi biss li l-kriterji msemmija fl-Anness XIII ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu sodisfatti.

(ara l-punt 104)

7.      F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hemm lok li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), stabbilita bir-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), ikollha f’dan il-qasam setgħa diskrezzjonali wiesgħa li timplika min-naħa tagħha għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, li fihom hija hi msejħa tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fir-rigward tal-għan li l-leġiżlatur għandu l-intenzjoni li jsegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Fid-dawl tal-premessa 16 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur iffissa bħala għan prinċipali l-ewwel minn tliet għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), jiġifieri dak li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

Deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni hija xierqa għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006, meta l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna sservi sabiex ittejjeb l‑informazzjoni lill-pubbliku u lill-professjonisti dwar ir-riskji u l-perikoli, u li għalhekk, din l-identifikazzjoni għandha titqies li hija strument għat-titjib ta’ tali protezzjoni. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tipprojbixxix li sustanza titqiegħed fis-suq u b’dan il-mod jobbliga lill-operaturi kkonċernati li jużaw sustanzi alternattivi.

Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tmurx lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006, sa fejn l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji proposti bis-saħħa tal-Artikolu 14(6) ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxux miżuri xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-regolament dwar it-trattament ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u għalhekk ma humiex miżuri inqas restrittivi f’dan il-każ. Jirriżulta wkoll fir-rigward tal-preżentata ta’ fajl skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament għal miżuri ta’ restrizzjoni, li peress li r-restrizzjonijiet, adottati skont il-proċedura msemmija fit-Titolu VIII ta’ dan ir-regolament, jistgħu jmorru minn kundizzjonijiet partikolari imposti għall-manifattura jew għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanza għal projbizzjoni totali tal-użu ta’ sustanza. Anki jekk il-miżuri restrittivi huma wkoll xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006, dawn ma jikkostitwixxux, bħala tali, miżuri inqas restrittivi meta mqabbla mal-identifikazzjoni ta’ sustanza li timplika biss l-obbligu ta’ żvelar.

(ara l-punti 115-119, 125, 129)