Language of document : ECLI:EU:T:2014:1033

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

9 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Iffissar tal-prezzijiet u tat-termini għall-ħlas — Limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Bażi legali — Drittijiet tad-difiża — Multi — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ sentenza għal annullament f’kawża magħquda”

Fil-Kawża T-91/10,

Lucchini SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), inizjalment irrappreżentata minn M. Delfino, J.‑P. Gunther, E. Bigi, C. Breuvart u L. De Sanctis, sussegwentement minn J.‑P. Gunther, E. Bigi, C. Breuvart u D. Galli, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn R. Sauer u B. Gencarelli, bħala aġenti, assistiti minn M. Moretto, avukat, sussegwentement minn R. Sauer u R. Striani, bħala aġenti, assistiti minn M. Moretto,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza jew għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7492 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009 (Każ COMP/37.956 — Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2009, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni u b’mod ulterjorment sussidjarju, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), li qed taġixxi bħala President, A. Popescu u G. Berardis, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

1        L-Artikolu 36 KEFA kien jipprovdi:

“Qabel ma timponi waħda mis-sanzjonijiet pekunjarji jew tiffissa waħda mill-pagamenti ta’ penalità previsti f’dan it-Trattat, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-persuna kkonċernata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

Is-sanzjonijiet pekunjarji u l-pagamenti ta’ penalità deċiżi skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat jistgħu jkunu suġġetti għal rikors suġġett għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti.

Ir-rikorrenti jistgħu jinvokaw, insostenn ta’ dan ir-rikors, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 ta’ dan it-trattat, l-irregolarità tad-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet li fir-rigward tagħhom qed jiġi lmentat il-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        L-Artikolu 47 KEFA jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni tista’ tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tagħha. Hija tista’ tordna li jitwettqu l-verifiki meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li ma tiżvelax l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali, u b’mod partikolari t-tagħrif dwar l-impriżi u li jikkonċerna r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi ta’ kemm jiswew. Taħt din ir-riżerva, hija għandha tippubblika d-data li tista’ tkun utli għall-gvernijiet jew għall-kull parti kkonċernata oħra.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, kontra impriżi li jevitaw l-obbligi li jirriżultawlhom mid-deċiżjonijiet adottati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jew li deliberatament jipprovdu informazzjoni falza, multi, li l-ammont massimu tagħhom ikun ta’ 1 % tad-dħul mill-bejgħ annwali, u pagamenti ta’ penalità, li l-ammont massimu tagħhom ikun ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ medju ta’ kuljum għal kull ġurnata ta’ dewmien fil-ħlas.

Kull ksur mill-Kummissjoni tas-sigriet professjonali li jkun ikkawża dannu lil impriża jista’ jkun suġġett għal azzjoni għal kumpens quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 40.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 65 KEFA kien jipprovdi:

“1.      Huma pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li, direttament jew indirettament, jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, u b’mod partikolari:

a)      li jiffissaw jew jiddeterminaw il-prezzijiet;

b)      li jirrestrinġu jew jikkontrollaw il-produzzjoni, l-iżvilupp tekniku, jew l-investimenti;

ċ)      li jqassmu s-swieq, il-prodotti, il-klijenti jew is-sorsi ta’ provvista.

[…]

4.      Il-ftehim jew deċiżjonijiet ipprojbiti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huma nulli ipso jure u ma jistgħu jiġu invokati quddiem ebda qorti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, bla ħsara għad-dritt li jitressqu proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddeċiedi dwar il-konformità tal-imsemmija ftehim jew deċiżjonijiet mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.

5.      Fir-rigward tal-impriżi li jkunu kkonkludew ftehim li huwa null ipso jure, jew li jkunu applikaw jew ippruvaw japplikaw, permezz ta’ arbitraġġ, penali, bojkott jew b’xi mezz ieħor, ftehim jew deċiżjoni li huma nulli ipso jure jew ftehim li l-approvazzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata jew revokata, jew li jkunu kisbu awtorizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni deliberatament falza jew qarrieqa, jew li jwettqu prattiki li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ timponi multi u pagamenti ta’ penalità sa mhux iktar mid-doppju tad-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, bla ħsara, jekk l-għan jikkonsisti fir-restrizzjoni tal-produzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investimenti, għal żieda fil-massimu sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriżi inkwistjoni, fir-rigward tal-multa, u sa 20 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kuljum, fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont l-Artikolu 97 KEFA, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

2.     Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

5        L-Artikolu 305(1) KE kien jipprovdi li:

“Id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat m’għandhomx jolqtu l-dawk tat-Trattat li stabilixxa il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri, is-setgħat ta’ l-istituzzjonijiet ta’ dik il-Komunità, u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar.”

3.     Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

6        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), “[g]ħal għan li jiġu applikati l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa prevista minn dan ir-Regolament”.

7        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Is-sejba u t-temm tal-ksur”, jipprovdi:

“1. Fejn il-Kummissjoni, [meta] taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 [KE], [hija] tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni[jiet] tal-impriż[i] konċernat[i] li ttemm dan il-ksur […] Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.”

[…]”

8        L-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82[ KE…]”

4.     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA

9        Fit-18 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat il-Komunikazzjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA (ĠU C 152, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002”).

10      Fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, huwa ppreċiżat li l-għan tagħha huwa:

“[…]

–        li tiġbor fil-qosor, għall-operaturi ekonomiċi u għall-Istati Membri, sa fejn huma kkonċernati mit-Trattat KEFA u d-dritt sekondarju tiegħu, l-iktar tibdiliet importanti fid-dritt sostantiv u proċedurali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni għas-sistema tat-Trattat KE […],

–        li tispjega kif il-Kummissjoni beħsiebha ssolvi l-problemi speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mis-sistema tat-Trattat KEFA għas-sistema tat-Trattat KE fil-qasam tal-akkordji u tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti […], tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet […] u tal-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Il-punt 31 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, li jinsab fit-taqsima dwar il-problemi speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mis-sistema tat-Trattat KEFA għas-sistema tat-Trattat KE, jipprovdi kif ġej:

“Jekk, fl-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għall-ftehim, il-Kummissjoni tikkonstata ksur f’qasam li jaqa’ taħt it-Trattat KEFA, id-dritt sostantiv applikabbli għandu jkun, indipendentement minn meta sseħħ tali applikazzjoni, dak fis-seħħ fil-mument meta jseħħu l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. F’kull każ, fuq livell proċedurali, id-dritt applikabbli wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA huwa d-dritt KE […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Is-suġġett tat-tilwima

12      Din il-kawża għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza jew għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7492 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 — Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2009, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li temenda”) (l-ewwel deċiżjoni, hekk kif emendata bid-deċiżjoni li temenda, ser tissejjaħ iktar ’il quddiem bħala d-“deċiżjoni kkontestata”), sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod ulterjorment sussidjarju, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, Lucchini SpA.

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpanniji segwenti kienu kisru l-Artikolu 65 KEFA:

–        Alfa Acciai SpA (iktar ’il quddiem “Alfa”);

–        Feralpi Holding SpA (iktar ’il quddiem “Feralpi”);

–        Ferriere Nord SpA;

–        IRO Industrie Riunite Odolesi SpA (iktar ’il quddiem “IRO”);

–        Leali SpA u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi SpA fi stralċ (iktar ’il quddiem l-“AFLL ”) (dawn iż-żewġ kumpanniji flimkien ser jissejħu iktar ’il quddiem bħala “Leali‑AFLL”);

–        ir-rikorrenti u SP SpA, fi stralċ (dawn iż-żewġ kumpanniji flimkien ser jissejħu iktar ’il quddiem bħala “Lucchini‑SP”);

–        Riva Fire SpA (iktar ’il quddiem “Riva”);

–        Valsabbia Investimenti SpA u Ferriera Valsabbia SpA (dawn iż-żewġ kumpanniji flimkien ser jissejħu iktar ’il quddiem bħala “Valsabbia”).

 Il-preżentazzjoni tar-rikorrenti

14      Ir-rikorrenti hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata li għandha s-sede tagħha f’Milan (l-Italja). Sal-20 ta’ April 2005, il-parti l-kbira tal-kapital tar-rikorrenti kien miżmum minn persuni fiżiċi u minn persuni ġuridiċi li jappartjenu rispettivament lill-Familja Lucchini u lill-Grupp Lucchini, filwaqt li l-bqija tas-sehem kien miżmum minn kumpanniji ta’ assigurazzjoni u minn istituzzjonijiet finanzjarji. Minn din id-data, il-kontroll tar-rikorrenti ġie akkwistat mill-Grupp Severstal.

15      Siderpotenza SpA (iktar ’il quddiem l-“ewwel Siderpotenza”) kienet, bejn l-1989 u l-1991, impriża kkontrollata b’mod komuni, minn naħa, minn Lucchini Siderurgica SpA u, min-naħa l-oħra, minn dik li kienet l-Acciaierie e Ferriere Leali Luigi. Fil-5 ta’ Marzu 1991, l-ewwel Siderpotenza ġiet assorbita minn Lucchini Siderurgica. Lucchini Siderurgica ġiet inkorporata f’Lucchini fl-10 ta’ Ottubru 1998, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 1998.

16      Fil-31 ta’ Ottubru 1997, it-taqsima “vireg għar-rinfurzar tal-konkrit” ta’ Lucchini Siderurgica ġiet ittrasferita lil Siderpotenza, kumpannija fformata f’Lulju 1997 (iktar ’il quddiem is-“Siderpotenza l-ġdida”). Fit-30 ta’ Mejju 2002, is-Siderpotenza l-ġdida ttrasferixxiet l-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit lil Ferriere Nord.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

17      Minn Ottubru sa Diċembru 2000, il-Kummissjoni wettqet verifiki skont l-Artikolu 47 KEFA fl-impriżi Taljani li jipproduċu vireg għar-rinfurzar tal-konkrit u f’assoċjazzjoni ta’ impriżi siderurġiċi Taljani. Din bagħtitilhom ukoll talbiet għal informazzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 47 KEFA.

18      Fis-26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva u fformulat ilmenti skont l-Artikolu 36 KEFA (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”). Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Lucchini ma talbitx li tinżamm seduta.

19      Fit-12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni fformulat ilmenti addizzjonali (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali”), indirizzati lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), il-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tat-tkomplija tal-proċedura wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. L-impriżi kkonċernati ngħataw terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom u t-tieni seduta fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri seħħet fit-30 ta’ Settembru 2002.

20      Fl-aħħar tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 5087 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2002, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (COMP/37.956 — Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”), li biha hija kkonstatat li l-impriżi destinatarji tagħha kienu implementaw akkordju uniku, kumpless u kontinwu fis-suq Taljan tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, li kellu bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u li kien ukoll wassal għal limitazzjoni jew għal kontroll miftiehem tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, bi ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq SP u fuq ir-rikorrenti in solidum, multa f’ammont ta’ EUR 16.14 miljun.

21      Fil-5 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-2002. B’sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il‑Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, Ġabra p. II‑4331), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2002. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tal-2002 ma kienet tinkludi fiha ebda riferiment għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li din id-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA (sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101). Peress li dawn id-dispożizzjonijiet kienu skadew fit-23 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar teżerċita kompetenza abbażi tagħhom, peress li ma kinux japplikaw fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, biex tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u biex timponi multi fuq l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur imsemmi (sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120).

22      B’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra bl-intenzjoni tagħha li terġa’ tadotta deċiżjoni, billi tibdel il-bażi legali meta mqabbel ma’ dik li kienet intgħażlet għad-deċiżjoni tal-2002. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li, fid-dawl tal-portata limitata tas-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni adottata mill-ġdid kellha tkun ibbażata fuq il-provi ppreżentati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. Ġie stabbilit terminu li fih l-impriżi kkonċernati kellhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

 L-ewwel deċiżjoni

23      Fit‑30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat l-ewwel deċiżjoni, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2009.

24      Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni msemmija fihom kienu joriġinaw minn akkordju bejn produtturi Taljani ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit u bejn dawn tal-aħħar u l-assoċjazzjoni tagħhom, li kien seħħ matul il-perijodu inkluż bejn l‑1989 u l‑2000 u li kellu bħala għan jew bħala effett li jiffissa jew li jiddetermina l-prezzijiet u li jillimita jew li jikkontrolla l-produzzjoni jew il-bejgħ permezz tal-iskambju ta’ numru kunsiderevoli ta’ informazzjoni dwar is-suq tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja.

25      Fir-rigward tal-evalwazzjoni ġuridika tal-aġir inkwistjoni f’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessi 353 sa 369 tal-ewwel deċiżjoni, li r-Regolament Nru 1/2003 kellu jiġi interpretat fis-sens li jippermettilha tikkonstata u tissanzjona, wara t‑23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji fis-setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis. Fil-premessa 370 tal-ewwel deċiżjoni, hija indikat li din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata skont ir-regoli proċedurali tat-Trattat KE u tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-premessi 371 sa 376 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni barra minn hekk fakkret li l-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli ratione temporis setgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ratione materiae li ma għadhomx fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ att minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’riżerva għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-lex mitior, skont liema persuna ma tistax tiġi ssanzjonata għal fatt li ma jikkostitwixxix delitt fis-sens tal-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ wara. Hija kkonkludiet li, f’dan il-każ, it-Trattat KE ma kienx in concreto iktar favorevoli mit-Trattat KEFA u li, konsegwentement, il-prinċipju tal-lex mitior fi kwalunkwe każ ma setax jiġi validament invokat sabiex tiġi kkontestata l-applikazzjoni tat-Trattat KEFA għall-aġir inkwistjoni f’dan il-każ.

26      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA, l-ewwel nett, il-Kummissjoni osservat li l-akkordju kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u li skontu kienet ġiet deċiża wkoll il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, l-akkordju kien essenzjalment imfassal madwar il-ftehim jew prattiki miftiehma dwar il-prezz bażiku matul il-perijodu mill-15 ta’ April 1992 sal‑4 ta’ Lulju 2000 (u, sal‑1995, madwar il-ftehim u prattiki miftiehma dwar it-termini ta’ ħlas) u madwar ftehim jew prattiki miftiehma dwar is-“supplimenti” matul il-perijodu mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sal‑1 ta’ Ġunju 2000.

27      It-tieni nett, fir-rigward tal-effetti fuq is-suq tal-prattiki restrittivi inkwistjoni, il-Kummissjoni indikat li, ġaladarba din kienet kwistjoni ta’ akkordju li l-għan tiegħu kien li jipprekludi, jillimita jew ibiddel l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni, ma kienx neċessarju li jiġi vverifikat li hija kienet ipproduċiet effetti fuq is-suq. Madankollu hija qieset li l-akkordju kellu effetti konkreti fuq is-suq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-akkordju kien influwenza l-prezz tal-bejgħ ipprattikat mill-produtturi ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja, anki jekk il-miżuri adottati fi ħdan l-akkordju ma kinux dejjem immedjatament ipproduċew ir-riżultati mistennija mill-impriżi li kienu jipparteċipaw fih. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, seta’ kien hemm fenomeni b’effetti differiti. Barra minn hekk, l-impriżi inkwistjoni kienu jirrappreżentaw madwar 21 % tas-suq Taljan ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl‑1989, 60 % fl‑1995 u madwar 83 % fl‑2000, liema fatt jindika effett dejjem jikber fis-suq ta’ żidiet fil-prezzijiet miftiehma. Fl-aħħar nett il-Kummissjoni enfasizzat li l-fatt li l-inizjattivi adottati b’dan il-mod kienu, sa mill‑1989, ikkomunikati lill-produtturi kollha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit kien żied l-importanza ta’ dawn l-effetti wkoll matul l-ewwel snin tal-akkordju.

28      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni identifikat id-destinatarji tal-ewwel deċiżjoni. Għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 538 sa 544 tal-ewwel deċiżjoni, li hija kienet iddeċidiet li timputa r-responsabbiltà għall-ksur lil SP u lir-rikorrenti, inkwantu dawn tal-aħħar kienu jifformaw impriża li lilha kienu imputabbli mhux biss l-aġir tagħhom infushom, iżda wkoll dawk ta’ Lucchini Siderurgica u tal-ewwel Siderpotenza.

29      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn SP u r-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li kemm SP kif ukoll ir-rikorrenti kienu, matul il-ksur kollu, direttament jew indirettament ikkontrollati mill-familja Lucchini. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellha l-ġestjoni konkreta tal-politika ta’ produzzjoni u tal-politika kummerċjali dwar is-settur tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit ta’ SP, hekk kif jirriżulta, skont il-Kummissjoni, minn provi preċiżi, dettaljati u dokumentati kif ukoll minn provi konkordanti dwar l-istruttura ta’ organizzazzjoni ta’ SP u tar-rikorrenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li ċerti persuni okkupaw karigi ta’ ġestjoni kummerċjali importanti, saħansitra simultanji, fi ħdan dawn il-kumpanniji.

30      Fir-rigward tal-imputazzjoni, lil SP u lir-rikorrenti, ta’ aġir antikompetittiv eventwali tal-ewwel Siderpotenza u ta’ Lucchini Siderurgica, li ma għadhomx jeżistu legalment, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li Lucchini Siderurgica kienet issuċċediet legalment lill-ewwel Siderpotenza wara l-amalgamazzjoni permezz ta’ inkorporazzjoni tal‑5 ta’ Marzu 1991 u li r-rikorrenti kienet, bl-istess mod, issuċċediet lil Lucchini Siderurgica wara l-amalgamazzjoni permezz ta’ inkorporazzjoni tal‑1 ta’ Diċembru 1998. It-tieni nett, il-kapital materjal u l-kapital uman kollu li kien jappartjeni lill-ewwel Siderpotenza intuża minn Lucchini Siderurgica minn meta ġiet integrata l-ewwel Siderpotenza f’din tal-aħħar fil‑5 ta’ Marzu 1991. It-tielet nett, il-kapital materjali u l-kapital uman marbut mal-fabbrika ta’ Potenza (l-Italja) u ġestit minn Lucchini Siderurgica ġie ttrasferit, fi ħdan il-grupp, lis-Siderpotenza l-ġdida. Ir-raba’ nett, Lucchini Siderurgica u sussegwentement ir-rikorrenti eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-attivitajiet tas-Siderpotenza l-ġdida sal‑1 ta’ Ġunju 2002, data tat-trasferiment tal-fergħa ta’ impriża li timmanifattura vireg għar-rinfurzar tal-konkrit lil Ferriere Nord.

31      B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm: a) kontinwità legali bejn l-ewwel Siderpotenza u Lucchini Siderurgica; b) kontinwità ekonomika bejn dawn iż-żewġ kumpanniji u s-Siderpotenza l-ġdida (illum SP) fir-rigward tal-fabbrika ta’ Potenza (l-Italja); ċ) responsabbiltà, li tirriżulta mill-influwenza deċiżiva li huma kienu eżerċitaw, ta’ Lucchini Siderurgica u tar-rikorrenti għall-attivitajiet tas-Siderpotenza l-ġdida u d) kontinwità legali bejn Lucchini Siderurgica u r-rikorrenti. Il-Kummissjoni qieset li minn dan kien jirriżulta li dawn l-entitajiet kollha kienu jikkostitwixxu l-istess impriża li kienet tikkoinċidi ma’ dik iffurmata minn SP u r-rikorrenti.

32      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 65(2) KEFA u l-Artikolu 81(3) KE ma kinux applikabbli f’dan il-każ. Hija enfasizzat ukoll li r-regoli fil-qasam tal-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ma kinux jipprekluduha milli tadotta l-ewwel deċiżjoni.

33      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti f’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hija setgħet timponi multi lill-impriżi li kienu kisru r-regoli tal-kompetizzjoni. Peress li l-limitu tal-multi previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa differenti minn dak iffissat fl-Artikolu 65(5) KEFA, il-Kummissjoni indikat li hija kienet se tapplika l-iktar limitu baxx, skont il-prinċipju tal-lex mitior. Hija indikat ukoll li, hekk kif kienet informat lill-impriżi kkonċernati permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2008, hija kienet iddeċidiet li tapplika, f’dan il-każ, il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑1998”). Hija żiedet tgħid li, f’dan il-każ, madankollu, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet diġà ddeċidiet dwar l-ammont tal-multi li hija kellha l-intenzjoni li timponi fuq l-impriżi inkwistjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002.

34      L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li akkordju li għandu l-iffissar tal-prezzijiet bħala għan, implementat b’modi differenti, b’mod partikolari permezz tal-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, kien jikkostitwixxi ksur gravi ħafna fuq id-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tal-impriżi inkwistjoni skont liema l-gravità tal-ksur hija attenwata fid-dawl tal-effetti konkreti limitati fis-suq u tal-kuntest ekonomiku li fih dawn żviluppaw. Skont il-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għan-natura gravi ħafna tal-ksur, meta ġiet biex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kawża, f’dan il-każ il-fatt li din kienet tikkonċerna suq nazzjonali li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kien suġġett għal leġiżlazzjoni partikolari tat-Trattat KEFA u li fuqu l-impriżi destinatarji tal-ewwel deċiżjoni kellhom, fil-perijodu inizjali tal-ksur, ishma limitati.

35      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat il-piż speċifiku ta’ kull impriża u kklassifikathom skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni. Ġaladarba l-ishma mis-suq relattivi miksuba mid-destinatarji tal-ewwel deċiżjoni matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur (1999) ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala rappreżentattivi tal-preżenza effettiva ta’ dawn tal-aħħar fuq is-suq inkwistjoni matul il-perijodu ta’ referenza, il-Kummissjoni tiddistingwi, abbażi tal-ishma mis-suq medji matul il-perijodu 1990‑1999, tliet gruppi ta’ impriżi, jiġifieri, qabel kollox, Feralpi u Valsabbia, li fir-rigward tagħhom hija applikat ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 5 miljun, sussegwentement, Lucchini‑SP, Alfa, Riva u Leali‑AFLL, li fir-rigward tagħhom hija applikat ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 3.5 miljun, u, fl-aħħar nett, IRO u Ferriere Nord, li fir-rigward tagħhom hija applikat ammont inizjali ta’ EUR 1.75 miljun.

36      Sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa ta’ Lucchini‑SP b’200 % u dak ta’ Riva bi 375 %.

37      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien dam mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sal‑4 ta’ Lulju 2000. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni osservat li din kienet seħħet mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sas‑27 ta’ Ġunju 2000. Madankollu hija enfasizzat li, mid‑9 ta’ Ġunju 1998 sat‑30 ta’ Novembru 1998, Lucchini‑SP ma kinitx ipparteċipat fil-parti tal-akkordju li tikkonċerna l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ.

38      Peress li l-ksur dam iktar minn għaxar snin u sitt xhur għall-impriżi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ferriere Nord, l-ammont inizjali tal-multa ġie miżjud b’105 % għall-impriżi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ferriere Nord, li l-ammont inizjali tal-multa tagħha ġiet miżjuda b’70 %. Għalhekk, l-ammonti bażiċi tal-multi ġew iffissati kif ġej:

–        Feralpi: EUR 10.25 miljun;

–        Valsabbia: EUR 10.25 miljun;

–        Lucchini‑SP: EUR 14.35 miljun;

–        Alfa: EUR 7.175 miljun;

–        Riva: EUR 26.9 miljun;

–        Leali‑AFLL: EUR 7.175 miljun;

–        IRO: EUR 3.58 miljun;

–        Ferriere Nord: EUR 2.97 miljun.

39      Ir-raba’ nett, fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, il-Kummissjoni osservat li Ferriere Nord diġà kienet id-destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fit‑2 ta’ Awwissu 1989, għall-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju li kien jikkonċerna l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni tal-bejgħ fis-settur tax-xbieki tal-wajer iwweldjati u żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multa tagħha. Ma ġiet ikkunsidrata ebda ċirkustanza attenwanti mill-Kummissjoni.

40      Il-ħames nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jikkonċernaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑1996”), il-Kummissjoni indikat li Ferriere Nord kienet tatha indikazzjonijiet utli li kienu ppermettewlha tifhem aħjar il-funzjonament tal-akkordju qabel ma bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’tali mod li kienet naqsitilha 20 % mill-ammont tal-multa tagħha. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impriżi l-oħra inkwistjoni ma kinux issodisfaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmija komunikazzjoni.

41      Id-dispożittiv tal-ewwel deċiżjoni jipprovdi:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 65(1) [KEFA] meta pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew fi prattiki miftiehma fir-rigward tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, li kellhom bħala suġġett u/jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni u/jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq komuni:

–        [Leali‑AFLL], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Alfa], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sal-4 ta’ Lulju 2000;

–        [Valsabbia Investimenti u Ferriera Valsabbia], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Feralpi], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [IRO], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Lucchini‑SP], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Riva], mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000;

–        [Ferriere Nord], mill-1 ta’ April 1993 sal-4 ta’ Lulju 2000;

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

–        [Alfa]: EUR 7.175 miljun;

–        [Feralpi]: EUR 10.25 miljun;

–        [Ferriere Nord]: EUR 3.57 miljun;

–        [IRO]: EUR 3.58 miljun;

–        [Leali u l-AFLL], in solidum: EUR 6.093 miljun;

–        [Leali]: EUR 1.082 miljun;

–        [Lucchini u SP], in solidum: EUR 14.35 miljun;

–        [Riva]: EUR 26.9 miljun;

–        [Valsabbia Investimenti u Ferriera Valsabbia], in solidum: EUR 10.25 miljun

[…]”

 Żviluppi sussegwenti għan-notifika tal-ewwel deċiżjoni

42      B’ittri mibgħuta bejn l-20 u t-23 ta’ Novembru 2009, tmienja mill-ħdax‑il kumpannija destinatarja tal-ewwel deċiżjoni, jiġifieri r-rikorrenti, Riva, Feralpi, Ferriere Nord, Alfa, Ferriera Valsabbia, Valsabbia Investimenti u IRO, indikaw lill-Kummissjoni li l-Anness tal-ewwel deċiżjoni, kif innotifikata lid-destinatarji tagħha, ma kienx fih it-tabelli li juru l-varjazzjonijiet fil-prezz.

43      Fl-24 ta’ Novembru 2009, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lid-destinatarji kollha tal-ewwel deċiżjoni li kienu ser jagħmlu dak li kien neċessarju biex tiġi nnotifikata lilhom deċiżjoni li tinkludi t-tabelli msemmija. Dawn ippreċiżaw ukoll li t-termini applikabbli għall-ħlas tal-multa u għal eventwali azzjoni ġudizzjarja kienu ser jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tad-“deċiżjoni kompleta”.

 Id-deċiżjoni li temenda

44      Fit-8 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li temenda, li kienet tintegra t-tabelli nieqsa fl-anness tagħha u li kienet tikkoreġi r-referenzi numerati fit-tabelli msemmija fit-tmien noti ta’ qiegħ il-paġna. Id-deċiżjoni li temenda ġiet innotifikata lir-rikorrenti fid-9 ta’ Diċembru 2009.

45      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni li temenda kien jemenda n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 102, 127, 198, 264, 312, 362, 405 u 448 tal-ewwel deċiżjoni. It-tabelli li jinsabu fl-Anness tad-deċiżjoni li temenda ġew miżjuda bħala annessi mal-ewwel deċiżjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

47      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        preliminarjament u prinċipalment: tikkonstata l-ineżistenza jew in-nullità tad-deċiżjoni u, f’kull każ, tannulla d-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni imponiet fuqha, in solidum mal-kumpannija SP SpA, multa f’ammont ta’ EUR 14.35 miljun, minħabba natura mhux kompleta u ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, nuqqas ta’ kompetenza u żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali, kif ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża u żball ta’ liġi;

–        sussidjarjament: tannulla, f’kull każ, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009 li biha l-Kummissjoni imponiet fuqha sanzjoni fl-ammont ta’ EUR 14.35 miljun minħabba l-assenza ta’ prova, bi ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA;

–        iktar sussidjarjament: tippronunzja fir-rigward tagħha multa simbolika fl-ammont ta’ EUR 1 000 jew tnaqqas, f’kull każ, il-multa imposta mill-Kummissjoni skont id-dħul mill-bejgħ tagħha, minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-1998 f’dak li jirrigwarda l-gravità u t-tul tal-ksur;

–        f’kull każ: tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

49      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali f’din il-kawża.

50      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Frar 2013.

51      Matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, biex tkun tista’ tinkludi dokument tal-21 ta’ Diċembru 2012 fil-proċess, li jiddikjara li ġiet ammessa għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja. Peress li l-Kummissjoni ma oġġezzjonatx, din it-talba ntlaqgħet. Matul is-seduta, il-Kummissjoni fformulat osservazzjonijiet dwar dan id-dokument.

 Id-dritt

52      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikors jinkludi tliet kapijiet ta’ talbiet, jiġifieri, prinċipalment, talba għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza jew għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u, iktar sussidjarjament, talba għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

53      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel erba’ motivi jitqajmu insostenn ta’ talba għal konstatazzjoni tal-ineżistenza jew għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-ħames motiv jitqajjem insostenn ta’ talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jew ta’ talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

54      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq żball ta’ liġi fl-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u fuq żball ta’ liġi. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ prova u fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt materjali. Fl-aħħar nett, il-ħames motiv huwa bbażat fuq in-natura eċċessiva tal-ammont tal-multa, fuq nuqqas ta’ provi u ta’ motivazzjoni, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Linji Gwida tal-1998 kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1.     Fuq l-ammissibbiltà tal-annessi magħquda mar-replika

55      Il-Kummissjoni tikkontesta, preliminarjament, l-ammissibbiltà tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti bħala anness mar-replika tagħha.

56      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti effettivament għaqqdet 186 anness insostenn tar-replika. Minn naħa, f’dan ir-rigward hija osservat, f’ittra li ġiet ippreżentata ma’ dawn l-osservazzjonijiet, li l-produzzjoni ta’ żewġ annessi, jiġifieri l-annessi C.8 u C.13, kienet neċessarja bħala tweġiba għall-argumenti mressqa fir-risposta, “fejn il-Kummissjoni [kienet] sostniet li l-fatt li l-ewwel Siderpotenza kienet ikkontrollata mill-Grupp Leali ma jistax jeskludi r-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti […] u [kienet] reġgħet sostniet li Lucchini kienet responsabbli għall-aġir tal-kumpanniji li, matul is-snin, kienu amministraw il-parti tal-impriża relatata mal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit bħala suċċessur ta’ Lucchini Siderurgica SpA […]”. Min-naħa l-oħra, hija indikat li annessi oħra, jiġifieri l-annessi C.7, C.9 C.12 u C.14 sa C.186, kienu dokumenti li kienu ġew trażmessi lilha fuq CD‑ROM, bħala anness mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienu ntilfu u li hija talbet kopja tagħhom lill-Kummissjoni wara li kkonstatat li l-viżwalizzazzjoni tagħhom kienet neċessarja biex tingħata tweġiba għall-argumenti li żviluppaw fir-risposta.

57      Għandu jitfakkar li, minn naħa, bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u biex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr iktar informazzjoni insostenn (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T-340/03, Ġabra p. II‑107, punt 166).

58      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet minn dokumenti annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu jinsabu fir-rikors stess (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑52/90, Ġabra p. I‑2187, punt 17; digrieti tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il‑Kummissjoni, T‑56/92, Ġabra p. II‑1267, punt 21, u tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49). L-annessi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma l-elementi li dan l-anness jinkludi li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 99).

59      Barra minn hekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li toqgħod tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il‑Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 34, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 154).

60      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tirrigwarda wkoll lir-replika (sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 95) kif ukoll lill-motivi u l-ilmenti żviluppati fl-osservazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68, u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 166).

61      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dwar l-elementi li għandu jkun fih rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, jipprovdi li dan għandu jkollu “jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkun ser iressaq”. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 46(1) tal-istess regolament, ir-risposta għandu jkollha l-provi li jkunu ser jitressqu.

62      Dawn id-dispożizzjonijiet, li jippreċiżaw l-istadju tal-proċeduri fejn il-provi għandhom jiġu prodotti, jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq, bil-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Sa fejn jimponu fuq il-partijiet li jikkomunikaw il-produzzjoni ta’ provi tagħhom sa mill-preżentata tar-rikors jew tar-risposta, dawn huma fil-fatt intiżi biex jinformaw lill-partijiet l-oħra bil-provi prodotti insostenn tal-argumenti mqajma u biex dawn ikunu jistgħu jippreparaw difiża jew replika utli, b’mod konformi mal-prinċipji u mal-liġi msemmija. Barra minn hekk, il-produzzjoni ta’ provi fl-ewwel stadju tal-proċeduri hija ġġustifikata mill-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, peress li din tippermetti t-trattament tal-kawża f’terminu raġonevoli permezz tal-formazzjoni rapida tal-proċessi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Gaki‑Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 30, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, T‑40/07 P u T‑62/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑89 u II‑B‑1‑551, punt 113).

63      Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma kkompletati mill-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa mfassal fit-termini segwenti:

“Fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.”

64      Dan l-artikolu jsemmi wkoll ir-rekwiżit ta’ proċeduri ekwi u, b’mod iktar partikolari, ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn jawtorizza proposta ta’ produzzjoni ta’ provi lil hinn mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 44(1) u fl-Artikolu 46(1) tal-istess Regoli (sentenza Gaki‑Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 62 iktar ’il fuq, punt 32).

65      Peress li huwa eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-preżentata ta’ provi, l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura jimponi fuq il‑partijiet li jiġġustifikaw id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi tagħhom. Tali obbligu jimplika li jiġi rikonoxxut lill-Qorti s-setgħa li tistħarreġ il-fondatezza tal-motivazzjoni għad-dewmien mogħti mal-produzzjoni ta’ dawn il-provi u, skont il-każ, il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll, jekk it-talba ma tkunx fondata biżżejjed fil-liġi, is-setgħa li tinjorahom (sentenza Gaki‑Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 62 iktar ’il fuq, punt 33).

66      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma mmotivatx id-dewmien relatat mal-preżentata tal-Annessi C.1 sa C.6. Barra minn hekk, dawn l-annessi jinkludu fihom tabelli mfassla mir-rikorrenti, li fihom din tifformula osservazzjonijiet fuq dokumenti oħra, li hija tillimita ruħha li ssemmi fil-qosor fir-replika tagħha. Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq, il-kwalifika bħala anness għal sempliċi osservazzjonijiet bil-miktub supplimentari tar-rikorrenti, li jikkostitwixxu sempliċement estensjoni tan-noti tagħha, ma hijiex kompatibbli mal-karatteristika li tiddefinixxi anness, jiġifieri l-funzjoni purament probatorja u strumentali tagħha. Għalhekk, l-Annessi C.1 sa C.6 għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

67      Fit-tieni lok, l-Annessi C.8 u C.13 ma jistgħux jitqiesu bħala produzzjoni ta’ provi kuntrarji, peress li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-punti 81 u 90 tar-risposta, li dawn l-annessi huma intiżi biex jiżmentixxu, huma dawk li diġà kienu jinsabu fil-premessa 541 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 593 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, din il-premessa u din in-nota ta’ qiegħ il-paġna jiġbru fihom il-konstatazzjonijiet essenzjali tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn ir-rikorrenti u SP u għall-kontinwità legali u ekonomika bejn, minn naħa, Lucchini Siderurgica u l-ewwel Siderpotenza u, min-naħa l-oħra, Lucchini u SP. B’hekk l-Annessi C.8 u C.13 huma inammissibbli.

68      Fit-tielet lok, hekk kif irrilevat ir-rikorrenti stess, l-Annessi C.7, C.9 sa C.12 u C.14 sa C.186 huma estratti minn żewġ CD‑ROMs li jinkludu d-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li ġew trażmessi lilha magħha. Dawn id-dokumenti kienu wkoll diġà msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, ir-raġuni mressqa mir-rikorrenti, relatata mat-telf ta’ dawn is-CD-ROMs minħabba ż-żmien li għadda mit-trażmissjoni tagħhom u minħabba r-ristrutturazzjonijiet li seħħew fi ħdan l-impriża, ma tistax tiġġustifika d-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi, peress li r-rikorrenti setgħet tikseb kopja ta’ dawn is-CD-ROMs fi żmien utli għall-finijiet tal-preżentata tar-rikors tagħha f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti talbet kopja ta’ dawn il-provi lill-Kummissjoni biss wara li ġiet irċevuta r-risposta. Isegwi li l-Annessi C.7, C.9 sa C.12 u C.14 sa C.186 huma wkoll inammissibbli.

69      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kitbiet jagħmlu riferiment globali a) għall-Annessi C.7, C.10 u C.14, li l-kontenut tagħhom huwa “deskritt b’mod iktar dettaljat” fit-tabella 1 tal-Anness C.1; b) għall-Annessi C.7, C.5 sa C.34, li l-kontenut tagħhom huwa “deskritt b’mod iktar dettaljat” fit-tabella 3 tal-Anness C.3; ċ) għall-Annessi C.10, C.14 u C.34 sa C.39, li l-kontenut tagħhom huwa “deskritt b’mod iktar dettaljat” fit-tabella 5 tal-Anness C.5 u d) għall-Annessi C.40 sa C.186, li l-kontenut tagħhom huwa “miġbur fil-qosor” fit-tabella 6 tal-Anness C.6, b’tali mod li dawn l-annessi wkoll huma inammissibbli b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq.

2.     Fuq it-talbiet intiżi għall-kisba tal-konstatazzjoni tal-ineżistenza jew tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

70      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża biex il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-ineżistenza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u, għalhekk, jipproduċu effetti legali, anki jekk huma vvizzjati b’irregolaritajiet, kemm-il darba dawn ma jiġux annullati jew irtirati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 48; tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, C‑227/92 P, Ġabra p. I‑4443, punt 69, u tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, Ġabra p. I‑8923, punt 18).

71      Madankollu, bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti vvizzjati b’irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma kellhom ebda effett legali, anki provviżorju, jiġifieri għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex iżżomm bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda xi drabi kunfliġġenti, li ordinament ġuridiku għandu jissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u l-osservanza tal-legalità (sentenzi Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 70 iktar ’il fuq, punt 49, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 70).

72      Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni timplika li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, konstatazzjoni bħal din għandha ssir f’każijiet għal kollox estremi (sentenzi Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 70 iktar ’il fuq, punt 50, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 76).

73      F’din il-kawża għandu jiġi kkonstatat li l-irregolaritajiet invokati mir-rikorrenti ma jidhrux li huma ta’ gravità tant evidenti li d-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala ġuridikament ineżistenti, u dan għas-segwenti raġunijiet.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

74      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala ineżistenti jew li għandha tiġi annullata, peress li l-kopja konformi tal-ewwel deċiżjoni li ġiet innotifikata lilha ma kienx fiha l-annessi tagħha, liema ħaġa kienet twassal biex jiġi kkunsidrat li l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni ma kienx approva l-att komplet, liema ħaġa tikkostitwixxi ksur tar-regoli interni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li temenda tikkonsisti biss fin-notifika tal-annessi nieqsa fl-ewwel deċiżjoni u li din tinkludi tliet artikoli ġodda, li n-numerazzjoni tagħhom titħallat ma’ dik tal-ewwel deċiżjoni, liema ħaġa twassal għall-konfużjoni fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

75      B’mod iktar partikolari, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li t-tabelli li ma jidhrux fl-anness tal-ewwel deċiżjoni kienu jikkostitwixxu element essenzjali tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, b’tali mod li l-assenza tagħhom mill-ewwel deċiżjoni għandha twassal għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza jew, mill-inqas, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, difett daqstant gravi fl-ewwel deċiżjoni ma jistax jiġi rrimedjat bl-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda.

76      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15 KEFA għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 1996, NALOO vs Il‑Kummissjoni, T‑57/91, Ġabra p. II‑1019, punt 298, u tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 129; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Barra minn hekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu bħala għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, point 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt li tiġi kkomunikata lilha d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju (sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 149).

79      Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel deċiżjoni ma kinitx tinkludi l-annessi tagħha, fost liema kienu jirriżultaw numru ta’ tabelli li għalihom sar riferiment fil-premessi 451 (tabella 13), 513 (tabelli 1 u 3), 515 (tabelli 1 sa 3), 516 (tabelli 9, 11 sa 14 u 16) u 518 (tabelli 11, 12 u 14) kif ukoll għan-noti ta’ qiegħ il-paġna 102 (tabelli 15 sa 17), 127 (tabelli 18 sa 21), 198 (tabelli 22 u 23), 264 (tabelli 24 u 25), 312 (tabella 26), 362 (tabella 27), 405 (tabella 28), 448 (tabelli 29 u 30) u 563 (it-tabelli kollha annessi mad-deċiżjoni) tal-ewwel deċiżjoni. Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li dawn kienu tabelli redatti biex ikun iktar faċli u immedjat il-qari tal-varjazzjonijiet fil-prezz imsemmija fl-ewwel deċiżjoni, li sempliċement kienu jirriproduċu b’mod skematiku informazzjoni u data preżenti fil-fajl.

80      Għalhekk hemm lok li jiġi vverifikat jekk, indipendentement mill-assenza tat-tabelli fl-anness tal-ewwel deċiżjoni, iċċitati fil-punt 79 iktar ’il fuq, il-premessi rilevanti ta’ din id-deċiżjoni, li insostenn tagħhom sar riferiment għall-imsemmija tabelli, jurux b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni u jippermettux lir-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata.

81      Preliminarjament, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li t-tabelli kollha neqsin fl-ewwel deċiżjoni kienu ġew annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

82      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni li temenda, il-Kummissjoni ma emendatx ir-referenzi kollha għat-tabelli neqsin fl-ewwel deċiżjoni, iżda biss ir-referenzi li kienu jinsabu fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 102, 127, 198, 264, 312, 362, 405 u 448 tagħha.

83      L-ewwel nett, fir-rigward tat‑tabelli 15 sa 17 (imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102 tal-ewwel deċiżjoni), għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu, skont din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, ir-riproduzzjoni tad-“data li tikkonċerna l-emendi tal-prezzijiet tas-‘supplimenti ta’ daqs’ li kkaratterizzaw l-industrija tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja bejn Diċembru 1989 u Ġunju 2000”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel sentenza tal-premessa 126 tal-ewwel deċiżjoni, li tipprovdi kif ġej:

“Matul l-ewwel laqgħa li tagħha l-Kummissjoni kellha għarfien (dik tas‑6 ta’ Diċembru 1989, fl-[Assoċjazzjoni tal-industrijalisti ta’ Brescia]), il-parteċipanti ddeċidew b’mod unanimu li jżidu, minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Diċembru 1989, is-supplimenti marbuta mad-dijametru għall-vireg jew għar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, iddestinati lejn is-suq Taljan (+ ITL 10/kg għas-‘supplimenti’ minn 14 sa 30 mm, + ITL 15/kg għal dawk minn 8 sa 12 mm, + ITL 20/kg għal dawk ta’ 6 mm; żieda ġenerali ta’ ITL 5/kg għall-materjal f’rombli).”

84      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indikat espressament, fl-imsemmija premessa, iż-żidiet tas-supplimenti marbuta mad-dijametru għall-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit li kienu ġew deċiżi mill-parteċipanti fil-laqgħa tas‑6 ta’ Diċembru 1989 kif ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward taż-żidiet ulterjuri li, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 102 tal-ewwel deċiżjoni, huma inklużi wkoll f’dawn it-tabelli (ġaladarba jkopru l-perijodu inkluż bejn l‑1989 u l‑2000), għandu jiġi osservat li huma ma jaqgħux taħt il-punt 4.1 tal-ewwel deċiżjoni, li għalihom tirreferi l-premessa 126, li jikkonċerna l-aġir tal-impriżi bejn l‑1989 u l‑1992. Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti jissemmew ukoll b’mod partikolari fil-premessi 126 sa 128 u 133 (għas-snin 1989‑1992), 93 u 94 (għas-snin 1993‑1994), 149 sa 151, 162 u 163 (għall‑1995), 184 u 185 (għall‑1996), 199, 200 u 213 (għall‑1997), 269 (għall‑1999) u 296 sa 304 (għas‑sena 2000) kif ukoll fil-premessi 439 u 515 tal-ewwel deċiżjoni.

85      It-tieni nett, fir-rigward tat-tabelli 18 sa 21, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 127 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li skont din in-nota dawn jinkludu r-riproduzzjoni tad-“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew tal-istqarrijiet lill-aġenti fir-rigward tal-perijodu ta’ tmiem l‑1989/tmiem l‑1992, u li tagħhom [kienet] tinsab fil-pussess il-Kummissjoni”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal‑premessa 131 tal-ewwel deċiżjoni, li tipprovdi kif ġej:

“Fir-rigward tal-prezzijiet bażiċi tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit ipprattikati matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-ftehim imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li IRO u (dik li kienet) Ferriera Valsabbia SpA applikaw, mis‑16 ta’ April 1992, il-prezz ta’ ITL 120/kg u, mill‑1/6 ta’ Mejju 1992, dak ta’ ITL 225/kg. Mill-1/8 ta’ Ġunju 1992, IRO, (dik li kienet) Ferriera Valsabbia SpA, Acciaieria di Darfo SpA u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi SpA applikaw il-prezz ta’ ITL 235/kg.”

86      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li tistrieħ fuq ħames paġni tal-fajl amministrattiv, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 126 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat espressament, fl-imsemmija premessa, il-prezzijiet bażiċi li kienu ġew iffissati mill-impriżi li kienu jissemmew fihom, kif ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fil-premessa 419 tal-ewwel deċiżjoni, ikkunsidrat li l-ewwel aġir dwar l-iffissar tal-prezzijiet bażiċi seħħ mhux iktar tard mis‑16 ta’ April 1992. Id-data eventwali li tinsab fit-tabelli 18 sa 21 tal-ewwel deċiżjoni, dwar il-prezzijiet bażiċi għall-perijodu inkluż, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 127 tal-ewwel deċiżjoni, bejn “tmiem l‑1989” u s‑16 ta’ April 1992, huma għaldaqstant mingħajr rilevanza sabiex wieħed jifhem l-ilmenti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 131 tal-ewwel deċiżjoni.

87      It-tielet nett, fir-rigward tat‑tabelli 22 u 23, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 198 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad-“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew tal-istqarrijiet lill-aġenti li jikkonċernaw is-snin 1993 u 1994, u li tagħhom [kienet] tinsab fil-pussess il-Kummissjoni”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-premessa 145 tal-ewwel deċiżjoni, li hija redatta kif ġej:

“Kif previst fil-faks tal-Federacciai tal-25 ta’ Novembru 1994, inżammet laqgħa ġdida fl‑1 ta’ Diċembru 1994 fi Brescia, li matulha ġew adottati d-deċiżjonijiet spjegati f’faks ieħor tal-Federacciai irċevuta mill-impriżi fil‑5 ta’ Diċembru 1994. Dawn id-deċiżjonijiet kellhom bħala għan:

–        il-prezzijiet tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit (ITL 320/kg, bażi inizjali minn Brescia, b’effett immedjat);

–        il-ħlasijiet (mill‑1 ta’ Jannar 1995, it-terminu massimu għandu jkun ta’ 60/90 ġurnata ta’ tmiem ix-xahar; mill‑1 ta’ Marzu 1995, it-terminu għandu jkun limitat għal 60 jum) u l-iskontijiet;

–        il-produzzjoni (obbligu, għal kull waħda mill-impriżi, li tikkomunika lil Federacciai, qabel is‑7 ta’ Diċembru 1994, il-piż f’tunnellati tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit prodotti f’Settembru, Ottubru u Novembru 1994).

Alfa Acciai Srl adottat il-prezz bażiku l-ġdid fis‑7 ta’ Diċembru 1994. Fil‑21 ta’ Diċembru 1994, Acciaieria di Darfo SpA adottatu wkoll, u Alfa Acciai Srl ikkonfermat mill-ġdid l-istess prezz. Il-prezz bażiku ta’ [Lucchini‑SP] għal Jannar 1995 kien ukoll ta’ ITL 320/kg.”

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tabelli msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 198 tal-ewwel deċiżjoni ssemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha li “Alfa Acciai Srl [kienet] adottat il-prezz bażiku l-ġdid fis‑7 ta’ Diċembru 1994”, “[f]il‑21 ta’ Diċembru 1994, Acciaieria di Darfo SpA [kienet] ukoll adottatu, u Alfa Acciai Srl [kienet] ikkonfermat mill-ġdid l-istess prezz”. Issa, il-“prezz bażiku l-ġdid” u l‑“istess prezz” li għalihom sar riferiment kien il-prezz ta’ 320 Lira Taljana għal kull kilo (ITL/kg), imsemmi fl-ewwel inċiż tal-imsemmija premessa. Id-data eventwali li kienet tinsab fit-tabelli 22 u 23 tal-ewwel deċiżjoni, dwar il-prezzijiet bażiċi għall-perijodu inkluż bejn l‑1993 u s‑7 ta’ Diċembru 1994, huma għalhekk mingħajr rilevanza sabiex jinftiehmu l-ilmenti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 145 tal-ewwel deċiżjoni.

89      Ir-raba’ nett, fir-rigward tat-tabelli 24 u 25, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 264 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad‑“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew stqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini Siderurgica, ukoll data dwar is-sitwazzjoni mensili) li jikkonċernaw l‑1995, u li tagħhom il-Kummissjoni [kienet] fil-pussess”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-premessa 174 tal-ewwel deċiżjoni, li hija redatta kif ġej:

“Barra minn hekk, f’dokument li jmur lura għall-ewwel ġranet ta’ Ottubru 1995, fil-pussess tal-Federacciai (miktub bl-idejn mis-segretarja tad-direttur ġenerali interim), jiġi sostnut li:

–        il-klijentela kienet mill-ġdid qed tqiegħed f’diskussjoni l-pagamenti (għalhekk il-ħtieġa li tiġi affermata mill-ġdid il-fermezza fir-rigward tal-pagamenti);

–        sa mill-ġimgħa preċedenti, il-prezz tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit naqas ulterjorment b’ITL 5/10/kg, fejn b’hekk kien madwar ITL 260/270/kg fiż-żona ta’ Brescia, bi kwotazzjonijiet inferjuri għal ITL 250/kg barra minn din iż-żona;

–        is-sitwazzjoni tas-suq pjuttost konfuża kienet tagħmilha diffiċli biex jingħataw ċifri preċiżi għall-prezz; u

–        kien jeħtieġ li l-impriżi jintalbu t-tagħrif dwar l-ordnijiet tal-gimgħat 39 (mill‑25 sad‑29 ta’ Settembru 1995) u 40 (mit‑2 sas‑6 ta’ Ottubru 1995).”

90      B’hekk għandu jiġi osservat li, fil-premessa 174 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni llimitat ruħha tagħti kont tal-kontenut ta’ dokument miktub bl-idejn mis-segretarja tad-direttur ġenerali interim, stabbilit f’Ottubru 1995. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet riferiment għat‑tabelli 24 u 25 biss insostenn tal-affermazzjoni li tinsab f’dan id-dokument li “is-sitwazzjoni tas-suq pjuttost konfuża kienet trendi diffiċli l-kompitu li jingħataw ċifri preċiżi għall-prezz”. It‑tabelli 24 u 25 għalhekk jidhru irrilevanti sabiex wieħed jifhem l-ilmenti tal-Kummissjoni fil-premessa 174 tal-ewwel deċiżjoni.

91      Il-ħames nett, fir-rigward tat-tabella 26, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 312 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li din tinkludi, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad‑“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew stqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini Siderurgica, ukoll id-data dwar is-sitwazzjoni mensili) għall‑1996, u li tagħha l-Kummissjoni kienet tinsab fil-pussess”. Din it-tabella hija msemmija mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 200 tal-ewwel deċiżjoni, li, “[m]atul il-perijodu mit‑22 ta’ Ottubru 1996 sas‑17 ta’ Lulju 1997, [kienu] seħħew mill-inqas tnax-il laqgħa tar-responsabbli kummerċjali tal-impriżi, li [kienu] żvolġew [… b’mod partikolari it‑]Tlieta 22 ta’ Ottubru 1996, fejn [kienu] ġew ikkonfermat[i] għax-xahar ta’ Novembru 1996 il-prezz ta’ ITL 230/kg bażi inizjali minn Brescia u ż-żamma tal-kwotazzjoni ta’ ITL 210/kg esklużivament għall-provvisti ta’ Ottubru”.

92      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-assenza tat‑tabella 26 tal-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni semmiet espressament, fil-premessa 200 tagħha, il-prezzijiet bażiċi tal-perijodu inkwistjoni kif ukoll il-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

93      Is-sitt nett, fir-rigward tat-tabella 27, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 362 tal-ewwel deċiżjoni, din tinkludi, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad-“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew stqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini Siderurgica, ukoll id-data dwar is-sitwazzjoni mensili) li tikkonċerna l‑1997, u li tagħha l-Kummissjoni [kienet] fil-pussess”. Din it-tabella tissemma wkoll mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 216 tal-ewwel deċiżjoni, li tgħid kif ġej:

“Jiġri x’jiġri, [Lucchini‑SP …], Acciaieria di Darfo SpA, Alfa Acciai Srl, Feralpi Siderurgica Srl, IRO, Riva Prodotti Siderurgici SpA u (dik li kienet) Ferriera Valsabbia SpA huma s-seba’ impriżi li lilhom ġiet indirizzata komunikazzjoni (datata l‑24 ta’ Novembru 1997) minn Pierluigi Leali, li kellha bħala suġġett il-‘Ftehim prezzijiet‑provvisti’ […]’ Il‑prezz ta’ ITL 270/kg intalab biss minn ftit impriżi, għalxejn — kienet tkompli l-komunikazzjoni —, filwaqt li fil-verità, il-kwotazzjoni kienet stabbilizzat ruħha għal ITL 260/kg, għad li laħqet quċċati inferjuri, hekk kif ħafna kkonfermaw waqt l-aħħar laqgħa tar-responsabbli kummerċjali. Madankollu nosservaw b’sodisfazzjon parzjali li l-waqgħa waqfet permezz tal-kwota tal-provvisti li kollha nosservaw u li, b’mod konformi mal-ftehim, għandu jiġi vverifikat minn spetturi esterni maħtura f’dan is-sens.’ ‘F’dan tmiem ix-xahar — kompliet ulterjorment il-komunikazzjoni —, li issa qed jitkaxkar b’inerzja, huwa indispensabbli li wieħed jintervjeni b’mod immedjatament iktar strett fuq il-kwotazzjoni minima ta’ ITL 260/kg (li ċertament ma għandhiex influwenza fuq l-akkwisti ftit numerużi ta’ dan il-perijodu. Bil-pjanifikazzjoni tal-provvisti ta’ Diċembru miftiehma (‑20 % meta mqabbla ma’ Novembru), aħna ċertament ninsabu f’pożizzjoni li nżommu l-livell ta’ prezz miftiehem; huwa madankollu indispensabbli — ikkonkluda Pierluigi Leali — li ħadd ma jaċċetta derogi fuq il-prezz minimu stabbilit (ITL 260/kg)’.”

94      B’hekk mill-kliem tal-premessa msemmija jirriżulta li l-Kummissjoni llimitat ruħha tirriproduċi l-kliem tal-komunikazzjoni tal‑24 ta’ Novembru 1997 li tissemma fiha. It‑tabella 27 tidher għalhekk li hi mingħajr rilevanza sabiex jinftiehem l-ilment tal-Kummissjoni li jinsab fil-premessa 216 tal-ewwel deċiżjoni.

95      Is-seba’ nett, fir-rigward tat‑tabella 28, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 405 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li din tinkludi, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad‑“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew tal-istqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini/Siderpotenza, ukoll id-data dwar is-sitwazzjoni mensili) fir-rigward tal-1998, u li tagħhom [kienet] tinsab fil-pussess il-Kummissjoni”. Din it-tabella tissemma mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 241 tal-ewwel deċiżjoni, li tipprovdi kif ġej:

“Fil‑11 ta’ Settembru 1998, Pierluigi Leali bagħat komunikazzjoni […] li fiha, b’riferiment għall-intenzjoni espressa (matul laqgħa fid‑9 ta’ Settembru 1998) li jżomm il-kwotazzjoni minima għal ‘ITL 170 bażi inizjali’ ???, wieħed kien jinnota ‘aġir anormali, jiġifieri kwotazzjonijiet inferjuri b’medja ta’ ITL 5/kg fuq il-livell stabbilit, u li kien iktar importanti f’ċerti żoni tan-Nofsinhar’. ‘Min-naħa tagħna — kiteb Pierluigi Leali — il-livell minimu miftiehem inżamm permezz ta’ tnaqqis dovut minħabba l-fluss ta’ ordnijiet’. ‘Nittamaw — kienet tikkonkludi l-komunikazzjoni — li, waqt il-laqgħa tar-responsabbli kummerċjali tat-Tlieta 15, wieħed ikun jista’ josserva żamma tajba tal-prezzijiet, b’tali mod li l-kwotazzjoni eventwalment tiżdied’.”

96      Għaldaqstant mill-kliem infushom tal-imsemmija premessa jirriżulta li l-Kummissjoni llimitat ruħha tirriproduċi l-kontenut tal-komunikazzjoni tal‑11 ta’ Settembru 1998 li tissemma fiha. Għalhekk it-tabella 28 tidher li hi mingħajr rilevanza sabiex jinftiehem l-ilment tal-Kummissjoni li jinsab fil-premessa 241 tal-ewwel deċiżjoni.

97      It-tmien nett, fir-rigward tat‑tabelli 29 u 30, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 448 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu, skont l-imsemmija nota, ir-riproduzzjoni tad-“data dwar il-prezzijiet bażiċi tal-parametri jew tal-istqarrijiet lill-aġenti (u, għal Lucchini/Siderpotenza, ukoll id-data dwar is-sitwazzjoni mensili) fir-rigward tal-1999, u li tagħhom [kienet] tinsab fil-pussess il-Kummissjoni”. Dawn it-tabelli jissemmew mill-Kummissjoni insostenn tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 276 tal-ewwel deċiżjoni, li tipprovdi kif ġej:

“Informazzjoni addizzjonali dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit fl-Italja matul dan il-perijodu tinsab f’dokument redatt minn Leali fl‑10 ta’ Novembru 1999, u b’mod partikolari fit-taqsima intitolata ‘Vantaġġi u limiti tal-ftehim kummerċjali tal‑1999’ fejn wieħed jista’ jaqra: ‘Il-ftehim bażiku konkluż bejn il-produtturi nazzjonali ppermetta, matul is-sena 1999, li tiġi invertita s-sitwazzjoni ta’ dgħjufija tal-prezzijiet li kienet ikkaratterizzat is-sentejn finanzjarji preċedenti (1997 u 1998) u li jiġi rkuprat iktar minn ITL 50/kg marġini gross. Matul is-sena 1998, il-marġni gross medju (prezz tal-bejgħ — prezz tal-materja prima) kien ta’ ITL 70/kg, u matul ħames xhur, huwa kien niżel taħt dan il-limitu’. ‘Il-ftehim miksub ippermetta li jiġu stabilizzati l-prezzijiet ta’ bejgħ matul is-sena, u l-produtturi setgħu jibbenefikaw mis-sitwazzjoni tal-prezz tal-materja prima, billi jkabbru l-marġini gross b’iktar minn ITL 50/kg, biex tilħaq ITL 122/kg net.’”

98      Għaldaqstant mill-kliem tal-premessa 276 tal-ewwel deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni llimitat ruħha tirriproduċi l-kontenut tal-komunikazzjoni tal‑10 ta’ Novembru 1999 li tissemma fiha. L-assenza tat‑tabelli 29 u 30 hija għalhekk mingħajr effett fuq kif għandu jinftiehem l-ilment tal-Kummissjoni li jinsab fil-premessa 276 tal-ewwel deċiżjoni.

99      Id-disa’ nett, it‑tabella 13, imsemmija fil-premessa 451 tal-ewwel deċiżjoni, hija ċċitata insostenn tal-affermazzjoni li, “[f]ir-rigward tas‑sena 1997, għandu jiġi kkonstatat li hija [kienet] ġiet ikkaratterizzata, matul l-ewwel semestru tagħha, minn żieda kostanti tal-prezz bażiku ffissat mill-akkordju antikompetittiv: ITL 190/kg, iffissat fil-laqgħa tat‑30 ta’ Jannar; ITL 210/kg, iffissat fil-laqgħa tal‑14 ta’ Frar; ITL 250/kg, iffissat fil-laqgħa tal‑10 ta’ Lulju (premessa 200)” u tipprovdi, “[m]atul l-istess perijodu, il-prezz bażiku medju tas-suq [kien], huwa wkoll, żdied b’mod kostanti, fejn għadda minn ITL 170/kg f’Jannar għal ITL 240/kg f’Lulju (tabella 13 annessa); f’Settembru tal-istess sena, il-prezz medju tas-suq żdied ulterjorment, biex laħaq ITL 290/kg (tabella 13 annessa)”. Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indikat espressament, fl-imsemmija premessa, iż-żidiet fil-prezz bażiku relatati mas-sena 1997, b’tali mod li l-imsemmija tabella ma tidhirx li hi indispensabbli għall-fehma tar-raġunament tal-Kummissjoni.

100    L-għaxar nett, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 496 tal-ewwel deċiżjoni (nota ta’ qiegħ il-paġna 563 tal-ewwel deċiżjoni), il-Kummissjoni rriferiet, b’mod globali, għat‑“tabelli annessi ma’ din id-deċiżjoni”, għall-finijiet li ssostni l-affermazzjoni li “[l]‑informazzjonijiet tagħha […] [kienu] juru li l-impriżi kollha involuti f’din il-kawża [kienu] ppubblikaw parametri matul il-perijodu inkwistjoni”. Madankollu hemm lok li jiġi enfasizzat li l-premessa 496 tal-ewwel deċiżjoni tagħmel ukoll riferiment għall‑premessi 419 sa 433 tagħha, li “jirrediġu lista tal-okkażjonijiet kollha li seħħew fejn il-prezz bażiku kien suġġett għal diskussjonijiet bejn l-impriżi (inkluża l-assoċjazzjoni)”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni speċifikat li, “[f]ost dawn l-okkażjonijiet, uħud [kienu] diġà ssemmew meta ġie mfakkar il-qbil ta’ intenzjonijiet (premessi 473 sa 475)”, li, “[g]ħall-okkażjonijiet l-oħra, bejn l‑1993 u l‑2000, [kien jeħtieġ] li wieħed jirrikorri għall-kunċett ta’ ftehim” u li “[l]‑għan ta’ dan il-ftehim kien li jkun hemm effett fuq l-aġir tal-produtturi fis-suq u li jsir pubbliku l-aġir li kull wieħed minn fosthom kellu l-intenzjoni jadotta konkretament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz bażiku”. Għaldaqstant it-tabelli kollha annessi mal-ewwel deċiżjoni ma jidhrux li huma indispensabbli fir-rigward ta’ kif għandu jinftiehem l-ilment tal-Kummissjoni.

101    Il-ħdax nett, fir-rigward tar-riferimenti għat-tabelli 1 sa 3, 9, 11 sa 14 u 16 fil-premessi 513, 515, 516 u 518 tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija premessi jidħlu fis-suddiviżjoni tal-ewwel deċiżjoni fir-rigward tal-effetti fuq is-suq tal-prattiki restrittivi u mill-analiżi tal-kontenut tagħhom jirriżulta li t-tabelli li jissemmew fiha jew sempliċement jirriproduċu d-data biċ-ċifri li jissemmew fiha, jew ma humiex indispensabbli biex wieħed jifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effetti tal-akkordju.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-assenza tat‑tabelli msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq annessi mal-ewwel deċiżjoni pprekludiet lir-rikorrenti milli tifhem l-ilmenti li jinsabu fl-ewwel deċiżjoni.

103    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tfakkar il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni li tgħid li d-dispożittiv u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni nnotifikata għandhom jikkorrispondu għal dawk tad-deċiżjoni adottata mill-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni, ħlief fir-rigward tas-sempliċi korrezzjonijiet ortografiċi u grammatiċi, li jkunu għadhom jistgħu jsiru f’att adottat b’mod definittiv mill-kulleġġ. F’dan il-każ, l-ewwel deċiżjoni nnotifikata lir-rikorrenti ma kinitx kompleta, peress li din ma kellhiex l-annessi tagħha. Għalhekk għandu jitqies li l-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni ma approvax l-att komplet, liema fatt jikkostitwixxi ksur tar-regoli interni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari tal-proċeduri ta’ awtentikazzjoni u tal-prinċipju ta’ kolleġjalità.

104    Mistoqsija f’dan ir-rigward matul is-seduta, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qed tirrinunzja għall-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tal-proċeduri ta’ awtentikazzjoni tal-ewwel deċiżjoni. Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità, ir-rikorrenti rrilevat, essenzjalment, li l-motiv tagħha kien ibbażat fuq il-fatt li l-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni ma kienx f’pożizzjoni li jadotta deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti.

105    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-assenza, fl-anness tal-ewwel deċiżjoni, tat-tabelli msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq tista’ tikkawża l-illegalità tagħha biss jekk tali assenza ma tkunx ippermettiet lill-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni jissanzjona l-aġir imsemmi fl-Artikolu 1 tal-ewwel deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti tal-każ, jiġifieri mingħajr ma jkun tqiegħed f’pożizzjoni li jwettaq żball fuq punt essenzjali minħabba ineżattezzi jew ommissjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 1991, RTE vs Il‑Kummissjoni, T‑69/89, Ġabra p. II‑485, punti 23 sa 25; tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il‑Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra p. II‑2137, punt 88; tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 742, u tas-17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 104 u 105).

106    Ġaladarba, indipendentement mill-assenza tat‑tabelli ċċitati iktar ’il fuq, l-elementi li fuqhom l-ewwel deċiżjoni hija bbażata huma esposti suffiċjentement skont il-liġi fit-test innifsu tagħha (ara l-punti 81 sa 102 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi sostnut li l-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni ma kellux, meta ġie biex jadotta l-ewwel deċiżjoni, għarfien sħiħ tal-elementi li fuqhom kienet tistrieħ il-miżura. Għalhekk tali miżura ma hijiex tali li tivvizzja l-proċess ta’ adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni u li b’hekk tqiegħed inkwistjoni l-legalità tagħha.

107    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni li temenda tikkonsisti biss fin-notifika tal-annessi nieqsa fl-ewwel deċiżjoni u li din fiha tliet artikoli l-enumerazzjoni tagħhom “tissovrapponi” ruħha ma’ dik tal-ewwel deċiżjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni ma setgħetx tippronunzja ruħha fuq “test li jintegra u mhux komplet”, iżda kellha tippronunzja ruħha fuq it-test tad-deċiżjoni kkontestata kollu kemm hu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni li temenda, li jsemmi d-destinatarji tagħha, jintegra ruħu ħażin mal-Artikolu 2 tal-ewwel deċiżjoni, li kien jindika l-ammont tas-sanzjonijiet. Din il-konfużjoni hija inaċċettabbli mill-perspettiva taċ-ċertezza legali u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

108    L-ewwel nett, għandu jitqies li s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att determinat għandha neċessarjament tinkludi s-setgħa li temenda dan l-att, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-kompetenza tagħha kif ukoll fl-osservanza tal-forom u tal-proċeduri stabbiliti f’dan ir-rigward mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑27/04, Ġabra p. I‑6649, I‑6653, punti 134 u 143). Isegwi li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tadotta d-deċiżjoni li temenda għall-finijiet li tgħaqqad it-tabelli nieqsa mal-anness tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni rreferiet espressament, fil-parti introduttiva tad-deċiżjoni li temenda, għall-ewwel deċiżjoni, li l-annessi tagħha ġew ommessi waqt l-adozzjoni tagħha.

109    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata konfużjoni maħluqa mid-dispożittiv tad-deċiżjoni li temenda, biżżejjed li jiġi kkonstatat li mid-dispożittiv tad-deċiżjoni li temenda jirriżulta b’mod ċar li dan ma huwiex “sovrappost” għal dak tal-ewwel deċiżjoni. Għalhekk, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni li temenda, li huwa l-uniku li emenda l-ewwel deċiżjoni, jispeċifika preċiżament l-emendi msemmija, li jikkonċernaw a) il-kliem tat-tmien noti ta’ qiegħ il-paġna li din id-dispożizzjoni tenumera u tikkoreġi u b) iż-żieda, bħala annessi mad-deċiżjoni kkontestata, tat-tabelli annessi mad-deċiżjoni li temenda. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni li temenda jillimita ruħu biex jenumera d-destinatarji tad-deċiżjoni msemmija.

110    Isegwi li l-qari flimkien tal-ewwel deċiżjoni u tad-deċiżjoni li temenda ma jwassalx għal konfużjoni, b’mod li l-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, li jirriżulta minn tali konfużjoni, ma huwiex stabbilit.

111    Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq żball ta’ liġi fl-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata

112    Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali, peress li l-Kummissjoni, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, ma kinitx iktar kompetenti biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 65(1) KEFA.

113    Fl-ewwel lok, l-iskadenza tat-Trattat KEFA kienet neċessarjament timplika li l-Kummissjoni kienet imċaħħda mill-kompetenza biex tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat.

114    L-ewwel nett, bis-saħħa tal-Artikoli 54 u 70 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, konvenzjoni bejn Stati li skadiet ma tistax iktar toħloq la obbligi u lanqas kompetenzi, ħlief jekk tiġi espressa rieda kuntrarja mill-Istati kontraenti. B’hekk, l-Artikolu 65(1) KEFA ma jistax jiġi applikat b’mod retroattiv, “lanqas fil-kontenut materjali tiegħu”, ħlief fil-preżenza ta’ dispożizzjoni tranżitorja speċifika, li ma teżistix.

115    It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq ix-“xebh” tal-Artikoli 65 KEFA u 81 KE, li assolutament ma humiex “sovrapponibbli”, biex tattribwixxi kompetenza lilha nnifisha u tissanzjona lir-rikorrenti.

116    It-tielet nett, l-applikazzjoni kkombinata tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 65 KEFA, meta dan tal-aħħar ma kienx għadu fis-seħħ, lanqas ma tikkostitwixxi bażi valida għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet u tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipji tal-kompetenza u tal-legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen nulla poena sine lege), peress li mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta b’mod inkontestabbli li dan tal-aħħar jippermetti biss lill-Kummissjoni li timponi multi għal ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Billi bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni, minflok ma kkonformat ruħha mas-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, li annullat id-deċiżjoni tal-2002, reġgħet tawlet l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 65(1) KEFA, bi ksur manifest tal-funzjonijiet tal-Kunsill.

117    Fir-replika tagħha r-rikorrenti żżid li l-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli ratione temporis ma jistgħux jiġġustifikaw, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA għal fatti li seħħew meta dan it-test kien fis-seħħ, peress li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li ma għadhomx fis-seħħ hija eskluża meta din tirriżulta fil-ksur tal-prinċipju tal-kompetenza rationae materiae. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tibda proċedura ġdida b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, għaliex is-setgħat ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjoni tagħha kienu preskritti b’applikazzjoni tal-Artikolu 25 ta’ dan l-istess regolament.

118    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, peress li, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda, it-Trattat FUE kien diġà fis-seħħ, il-Kummissjoni kienet marbuta li terġa’ tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ dan it-trattat il-ġdid, għal motivi marbuta mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli ratione temporis.

119    Preliminarjament, il-Kummissjoni tosserva, fir-replika tagħha, li l-ilment ibbażat fuq il-preskrizzjoni tas-setgħa tagħha li tikkonstata u li tissanzjona l-ksur inkwistjoni ma ġiex ifformulat fir-rikors u huwa inammissibbli.

120    Mill-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni tal-motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2000, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑252/97, Ġabra p. II‑3031, punt 39, ikkonfermata fl-appell b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra p. I‑8547, punt 17). Hija meħtieġa soluzzjoni analoga għal ilment invokat insostenn ta’ motiv (sentenza Joynson vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 156).

121    Min-naħa l-oħra, ilment ippreżentat fl-istadju tar-replika li ma jistax jitqies bħala l-amplifikazzjoni ta’ motiv, minħabba n-natura ġdida tal-argumentazzjoni fil-liġi u fil-fatt li jinvolvi, u li huwa bbażat fuq fatti li kienu magħrufa mir-rikorrent fid-data tal-preżentata tar-rikors tiegħu, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2010, Umbach vs Il‑Kummissjoni, T‑474/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).

122    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-ilment ibbażat fuq il-preskrizzjoni tas-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni ma tqajjimx fir-rikors u ma jikkostitwixxix l-amplifikazzjoni ta’ motiv invokat fih. Għaldaqstant, dan huwa inammissibbli.

123    Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 iktar ’il fuq, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq id-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda, li ma huwa ssostanzjat bl-ebda mod.

 Fuq l-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata

124    Għandu jitfakkar li t-trattati Komunitarji stabbilew ordinament ġuridiku ġdid li favur tiegħu l-Istati llimitaw, f’oqsma iktar u iktar estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li s-suġġetti tagħhom ma humiex biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, Ġabra p. 1; tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, Ġabra p. 1141, 1159; l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I‑6079, punt 21, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 70, u tal-1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, T-24/07, Ġabra p. II‑2309, punt 63).

125    Fi ħdan dan l-ordinament ġuridiku, l-istituzzjonijiet għandhom biss il-kompetenzi li huma assenjati lilhom. Għal din ir-raġuni, l-atti Komunitarji jsemmu fil-preambolu tagħhom il-bażi legali li tawtorizza lill-istituzzjoni kkonċernata taġixxi fil-qasam inkwistjoni. L-għażla tal-bażi legali xierqa għandha fil-fatt importanza ta’ natura kostituzzjonali (ara s-sentenzi SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 71, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata fih referenzi għal dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA, jiġifieri l-Artikoli 36 KEFA, 47 KEFA u 65 KEFA, iżda wkoll ir-referenza għat-Trattat KE, għar-Regolament Nru 17, b’mod partikolari għall-Artikolu 11 tiegħu, u għar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri għall-Artikolu 7(1), għall-Artikolu 18 u għall-Artikolu 23(2) tiegħu, u dik għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204).

127    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 1, li “[d]in id-deċiżjoni [kienet] tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) [KEFA] u [li din kienet] adottata abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003”. Fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li, “[b]’din id-deċiżjoni, [… hija] [kienet qed] timponi multi fuq l-impriżi destinatarji skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003”.

128    Għalhekk, fil-premessa 350 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li hija kienet tqis li “l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 [kienu] jikkostitwixxu l-bażijiet legali xierqa li [kienu] jawtorizzawha tadotta din id-deċiżjoni” u li, “[a]bbażi tal-Artikolu 7(1), [hija …] [kienet] ikkonstatat ksur tal-Artikolu 65(1) [KEFA] u [kienet] tobbliga lid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni biex iwaqqfuh, filwaqt li bis-saħħa tal-Artikolu 23(2), hija [kienet] imponiet multi fuqhom” (ara wkoll premessa 361 tad-deċiżjoni kkontestata).

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u imponiet multa fuq ir-rikorrenti, tinsab fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-impożizzjoni tal-multa.

 Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament Nru 1/2003

130    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑269/97, Ġabra p. I‑2257, punt 45; tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 75, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 88; sentenzi SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 118, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 74), li mingħajr dubju huwa l-każ tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

131    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li t-Trattati Komunitarji stabbilixxew ordinament ġuridiku uniku li fil-kuntest tiegħu, hekk kif huwa rifless fl-Artikolu 305(1) KE, it-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi sistema speċifika li tidderoga mir-regoli ta’ natura ġenerali stabbiliti mit-Trattat KE (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T‑405/06, Ġabra p. II‑771, punt 57, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Għalhekk it-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi, bis-saħħa tal-Artikolu 305(1) KE, lex specialis li tidderoga mil-lex generalis li kien it-Trattat KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 1985, Gerlach, 239/84, Ġabra p. 3507, punti 9 sa 11; l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, Ġabra p. I‑5267, punti 25 sa 27; is-sentenzi SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 111, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 76, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 70 u 73).

133    Minn dan jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-funzjonament tas-suq komuni, ir-regoli tat-Trattat KEFA u d-dispożizzjonijiet kollha adottati għall-applikazzjoni tiegħu baqgħu fis-seħħ, minkejja li daħal fis-seħħ it-Trattat KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Gerlach, punt 132 iktar ’il fuq, punt 9, u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 100; is-sentenza ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 77, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 70 u 73).

134    Madankollu, sa fejn xi kwistjonijiet ma kinux is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jew ta’ leġiżlazzjoni adottata fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar, it-Trattat KE u d-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu setgħu, anki qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, japplikaw għal prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1987, Deutsche Babcock, 328/85, Ġabra p. 5119, punt 10, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 100; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2007, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑94/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 83, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 78, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 70 u 73).

135    Bis-saħħa tal-Artikolu 97 tiegħu, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002. Bħala konsegwenza, fl-24 ta’ Lulju 2002, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali stabbilita bit-Trattat KE estendiet ruħha għas-setturi li kienu rregolati mit-Trattat KEFA (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 58, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 79, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punti 59 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 70 u 73).

136    Għalkemm il-passaġġ mill-ordinament ġuridiku tat-Trattat KEFA għal dak tat-Trattat KE involva, mill-24 ta’ Lulju 2002, emenda tal-bażijiet legali, tal-proċeduri u tar-regoli fuq il-mertu applikabbli, dan sar fil-kuntest tal-unità u tal-kontinwità tal-ordinament ġuridiku Komunitarju u tal-għanijiet tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il‑Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 55; ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 59, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 80, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punti 60 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

137    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera, li fi ħdanha huma żgurati l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u li b’mod partikolari wasslet għal regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u ta’ akkordji bejn impriżi, jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE kif ukoll tat-Trattat KEFA (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 60, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punti 60 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

138    F’dan il-kuntest, għalkemm ir-regoli tat-Trattati KEFA u KE li jirregolaw il-qasam tal-akkordji huma sa ċertu punt differenti, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma taħt l-Artikolu 65(1) KEFA jikkorrispondu għal dawk ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma skont l-Artikolu 81 KE u li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma interpretati bl-istess mod mill-qorti tal-Unjoni. Għalhekk, it-tfittxija tal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-setturi li inizjalment jiffurmaw parti mis-suq komuni tal-faħam u tal-azzar ma hijiex interrotta mill-iskadenza tat-Trattat KEFA, peress li dan l-għan huwa mfittex ukoll fil-kuntest tat-Trattat KE u mill-istess istituzzjoni, il-Kummissjoni, awtorità amministrattiva inkarigata bl-implementazzjoni u bl-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni fl-interess ġenerali tal-Komunità Ewropea (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 61, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punti 60 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 71 u 73).

139    Għaldaqstant, il-kontinwità tal-ordinament ġuridiku Komunitarju u tal-għanijiet li jirregolaw it-tħaddim tiegħu teżiġi li, bħala suċċessur tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, u fil-kuntest proċedurali tagħha stess, il-Komunità Ewropea tiggarantixxi, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt it-Trattat KEFA, ir-rispett tad-drittijiet u tal-obbligi li kienu imposti eo tempore kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-individwi taħt it-Trattat KEFA u tar-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Dan ir-rekwiżit japplika iktar sa fejn id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tal-akkordji tista’ testendi l-effetti ratione temporis tagħha wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, taħt it-Trattat KE (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 63, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

140    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li s-suċċessjoni tat-Trattati KEFA, KE u TFUE kienet tiżgura, bil-għan li tiggarantixxi kompetizzjoni libera, li kull aġir li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt stabbilit fl-Artikolu 65(1) KEFA, sew jekk ikun seħħ qabel sew wara t-23 ta’ Lulju 2002, seta’ jiġi ssanzjonat mill-Kummissjoni u jista’ jibqa’ jiġi ssanzjonat (sentenzi ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 65 sa 67 u 77, u ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57 u 65).

141    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li b’mod konformi ma’ prinċipju komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, li l-oriġini tiegħu jmorru lura għad-dritt Ruman, f’każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni, għandha tiġi żgurata, ħlief jekk il-leġiżlatur jesprimi rieda kuntrarja, il-kontinwità tal-istrutturi legali u, min-naħa l-oħra, li dan il-prinċipju japplika għall-emendi tad-dritt primarju tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Frar 1969, Klomp, 23/68, Ġabra p. 43, punt 13, u ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punt 63).

142    Issa, ma jeżisti ebda ħjiel li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-aġir kollużorju pprojbit taħt it-Trattat KEFA jkun jista’ jaħrab mill-applikazzjoni ta’ kull sanzjoni wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar (sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punt 64).

143    Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kienu indikaw li kienu lesti li jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu affrontati l-konsegwenzi tal-iskadenza tal-imsemmi Trattat. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat li l-Kummissjoni kienet ippreċiżat li hija kellha biss tippreżenta proposti ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji jekk tali pass kien meqjus li kien neċessarju u jekk, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli, hija kienet tqis li ma kinitx teżisti tali neċessità fil-qasam tad-dritt tal-akkordji (sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 75).

144    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tista’ tqajjem ebda argument validu mill-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 76).

145    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kuntrarju għall-għan kif ukoll għall-koerenza tat-Trattati u inkompatibbli mal-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li l-Kummissjoni ma jkollhiex il-kapaċità li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli stabbiliti fit-Trattat KEFA li jibqgħu joħolqu effetti anki wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 41).

146    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-Regolament Nru 1/2003 u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Kummissjoni li tikkonstata u li tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji magħmula fis-setturi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tat-Trattat KEFA, u dan minkejja li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament iċċitati iktar ’il fuq ma jsemmux espressament l-Artikolu 65 KEFA (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 64, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punt 74, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punti 72, 73 u 87). Għalhekk, l-argumenti fformulati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward u intiżi biex jistabbilixxu li l-applikazzjoni kkombinata tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 65 KEFA, meta dan tal-aħħar ma kienx għadu fis-seħħ, ma tikkostitwixxix bażi valida għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet u tikser il-prinċipju tal-kompetenza rationae materiae għandhom jiġu miċħuda.

147    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tar-regoli tat-Trattat KE f’qasam inizjalment irregolat mit-Trattat KEFA għandha sseħħ b’osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm ir-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati bħala li japplikaw għat-tilwim pendenti kollu minn meta dawn jidħlu fis-seħħ, dan ma jgħoddx għar-regoli sostantivi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li t-tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9, u tal-10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il‑Kummissjoni, T‑42/96, Ġabra p. II‑401, punt 55; ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 65, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 85, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 79).

148    F’din il-perspettiva, fir-rigward tal-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi applikabbli għal sitwazzjoni ġuridika definittivament stabbilita qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi adottati skont it-Trattat KEFA, għall-fatti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tagħhom. Iċ-ċirkustanza li, minħabba l-fatt li t-Trattat KEFA skada, il-qafas leġiżlattiv inkwistjoni ma jkunx għadu fis-seħħ fil-mument meta ssir l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali, ma tibdilx din il-kunsiderazzjoni, peress li din l-evalwazzjoni tirrigwarda sitwazzjoni legali definittivament konkluża fi żmien meta kienu japplikaw id-dispożizzjonijiet ratione materiae adottati b’applikazzjoni tat-Trattat KEFA (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 66, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 86, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 79; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 134 iktar ’il fuq, punt 96).

149    F’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna sitwazzjoni legali definittivament konkluża qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fit-23 ta’ Lulju 2002, fejn il-perijodu tal-ksur kien mis-6 ta’ Diċembru 1989 sal-4 ta’ Lulju 2000 (ara l-punt 37 iktar ’il fuq). Fl-assenza ta’ kull effett retroattiv tad-dritt sostantiv tal-kompetizzjoni applikabbli mill-24 ta’ Lulju 2002, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 65(1) KEFA jikkostitwixxi l-bażi legali applikabbli u effettivament applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li jitfakkar li min-natura ta’ lex generalis tat-Trattat KE meta mqabbel mat-Trattat KEFA, stabbilita fl-Artikolu 305 KE, jirriżulta preċiżament li s-sistema speċifika stabbilita bit-Trattat KEFA u bir-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu hija, abbażi tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet konklużi qabel l-24 ta’ Lulju 2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 68, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 89, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punt 77, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 79).

150    Isegwi li r-rikorrenti ma tistax issostni li l-prinċipju ta’ nullum crimen sine lege, nulla poena sine lege jimplika li r-regola sostantiva li għall-ksur tagħha tiġi imposta sanzjoni tkun fis-seħħ mhux biss fil-mument tat-twettiq ta’ aġir illegali, iżda anki fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tippronunzja s-sanzjoni.

151    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-prinċipju ta’ nullum crimen sine lege, nulla poena sine lege, kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet (ara s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li tali leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jadottaw l-aġir tagħhom b’konsegwenza (ara s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Peress li t-Trattati kienu jiddefinixxu b’mod ċar, minn qabel id-data tal-fatti, il-ksur kif ukoll in-natura u d-daqs tas-sanzjonijiet li setgħu jiġu imposti għalih, il-prinċipji msemmija ma humiex intiżi biex jiżguraw lill-impriżi li emendi ulterjuri tal-bażijiet legali u tad-dispożizzjonijiet proċedurali jippermettulhom jaħarbu minn kull sanzjoni relatata mal-aġiri li jikkostitwixxu ksur passati tagħhom (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punt 70, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 83).

154    Għandu jiġi rrilevat li impriża diliġenti li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma setgħet f’ebda mument tinjora l-konsegwenzi tal-aġir tagħha, u lanqas tistrieħ fuq il-fatt li l-passaġġ mill-kuntest legali tat-Trattat KEFA għal dak tat-Trattat KE kien ikollu bħala konsegwenza li jwassalha biex taħrab minn kull sanzjoni għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA imwettaq fil-passat (sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punt 73, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 86).

155    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, wara proċedura li saret b’mod konformi mar-Regolamenti Nri 17 u 1/2003. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-bażi legali u l-proċedura segwita sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jaqgħu taħt ir-regoli tal-proċedura skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq. Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni applikat ġustament ir-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 67, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermati fl-appell bis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 130 iktar ’il fuq, punt 74, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 90; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, punt 134 iktar ’il fuq, punt 96).

156    Minn dan isegwi li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u fuq żball ta’ liġi

157    F’dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta n-nuqqas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura u n-nuqqas ta’ notifika ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-applikazzjoni żbaljata f’din il-kawża tal-prinċipju tal-lex mitior.

158    Preliminarjament, fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti fformulat, fir-replika tagħha, ilmenti li ma kinux jinsabu fir-rikors tagħha, li jikkonċernaw l-allegata invalidità tal-atti adottati qabel id-deċiżjoni tal-2002, in-nuqqas ta’ investigazzjoni allegata fuq l-effetti tal-akkordju fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u l-allegat ksur tal-prerogattivi rikonoxxuti lill-awtoritajiet nazzjonali mir-Regolament Nru 1/2003.

159    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 120 u 121 iktar ’il fuq, għandu jitqies, qabel kollox, li l-ilment ibbażat fuq l-invalidità tal-atti adottati qabel id-deċiżjoni tal-2002 għandu jitqies li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni tal-ilment li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx legalment tadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma terġa’ tiftaħ il-proċedura amministrattiva u li għalhekk, dan huwa inammissibbli.

160    Sussegwentement, l-ilment ibbażat fuq allegata assenza ta’ investigazzjoni fuq l-effetti tal-akkordju fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kien diġà fformulat fir-rikors u huwa marbut mal-argumenti fformulati fit-tieni parti ta’ dan il-motiv, li tgħid li l-Artikolu 81(1) KE jipprovdi kundizzjoni supplimentari, relatata mal-impatt fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, meta mqabbel mad-dispożizzjoni ekwivalenti tat-Trattat KEFA. Għalhekk, dan ukoll huwa inammissibbli.

161    Fl-aħħar nett, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prerogattivi rrikonoxxuti lill-awtoritajiet nazzjonali mir-Regolament Nru 1/2003 ma kienx jinsab fir-rikors u ma jikkostitwixxix l-amplifikazzjoni ta’ lment imsemmi fih. Għalhekk, dan huwa inammissibbli.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura amministrattiva u fuq in-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida

162    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta naqset milli tiftaħ mill-ġdid il-proċedura amministrattiva u milli tibgħatilha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel ma reġgħet adottat id-deċiżjoni kkontestata.

163    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi s-segwenti:

“Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri.”

164    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal penali, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat anki jekk tkun proċedura ta’ natura amministrattiva. F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura. B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeħtieġ li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lil impriża li kontra tagħha hija għandha l-intenzjoni li timponi sanzjoni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ikun fiha l-elementi essenzjali kkunsidrati kontra din l-impriża, bħall-fatti lmentati, il-kwalifika li ngħatatilhom u l-provi li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom, sabiex din l-impriża tkun tista’ tinvoka l-argumenti tagħha b’mod utli fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva miftuħa fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punti 34 u 36, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punti 26 sa 28).

165    Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet fil-pożizzjoni, sa mill-fażi tal-proċedura amministrattiva, li tressaq l-opinjoni tagħha b’mod effettiv fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li, anki jekk jitqies li l-iżball fl-għażla tal-bażi legali ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni tista’ tiġi kkwalifikata bħala sempliċi difett proċedurali, l-eżami mill-ġdid unilaterali tar-regoli applikabbli għal din il-kawża skont il-prinċipju tal-lex mitior u l-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinsab taħt it-Titolu III “Evalwazzjoni legali” tagħha, jikser l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, ir-rikorrenti qatt ma ġiet ikkonsultata dwar l-evalwazzjoni u l-implementazzjoni kkombinata tal-Artikolu 65 KEFA u tal-Artikolu 81 KE, peress li r-raġunament tal-Kummissjoni ma deherx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda biss fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, li sa dak iż-żmien kienet għadha “valida”.

167    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata jitratta l-konsegwenzi legali tal-iskadenza tat-Trattat KEFA, fid-dawl tas-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq.

168    F’dan il-punt, il-Kummissjoni l-ewwel nett irreferiet għall-komunikazzjoni tagħha fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA (ĠU 2002, C 152, p. 5) u għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, li fiha din informat lill-impriżi inkwistjoni bl-intenzjoni tagħha li ssegwi l-approċċ imsemmi f’din l-ewwel komunikazzjoni. Hija fakkret ukoll il-motivi tas-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, u l-fatt li hija kienet informat lill-impriżi kkonċernati bl-intenzjoni tagħha li terġa’ tadotta deċiżjoni minħabba l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni tal-2002, u dan billi tikkoreġi l-bażi legali. Sussegwentement, il-Kummissjoni spjegat id-distinzjoni bejn l-għażla tal-bażi legali, li tawtorizzaha tadotta att, u d-determinazzjoni tar-regoli proċedurali u r-regoli sostantivi. Fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali, din esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li baqgħet kompetenti biex tfittex il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-setturi li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA. F’dak li jikkonċerna r-regoli proċedurali, il-Kummissjoni fakkret li r-regoli proċedurali kienu dawk applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-regoli sostantivi, il-Kummissjoni esponiet il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli ratione temporis, li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi li ma jkunux għadhom fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ att, li huma limitati bil-prinċipju tal-lex mitior.

169    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li hija qatt ma ġiet ikkonsultata dwar “l-evalwazzjoni u l-implmentazzjoni kombinata” tal-Artikolu 65 KEFA u tal-Artikolu 81 KE. Għalkemm, ċertament, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, preċedenti għall-iskadenza tat-Trattat KEFA, ma kienx fiha żviluppi relatati mal-konsegwenzi tal-iskadenza tat-Trattat KEFA u mal-eżami tal-Artikolu 65 KEFA u tal-Artikolu 81 KE mill-perspettiva tal-prinċipju tal-lex mitior, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, sussegwenti għall-iskadenza tat-Trattat KEFA, kienet tirriżulta b’mod speċifiku minn dawn il-konsegwenzi f’din il-kawża.

170    Għalhekk, fil-punt 11 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, il-Kummissjoni indikat li ż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA, li setgħu, b’mod astratt, jiġu kkwalifikati bħala inqas favorevoli mid-dispożizzjonijiet ekwivalenti tat-Trattat KE, kienu l-Artikolu 65(1) KEFA, meta mqabbel mal-Artikolu 81(1) KE, u l-Artikolu 65(5) KEFA, meta mqabbel mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Fil-punti 12 sa 15 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat id-dispożizzjonijiet rispettivi fir-rigward tal-fatti inkwistjoni u kkonkludiet li, f’din il-kawża, it-Trattat KE ma huwiex in concreto iktar favorevoli mit-Trattat KEFA u li, konsegwentement, il-prinċipju tal-lex mitior ma setax jiġi validament invokat biex jikkontesta l-applikazzjoni tad-dritt materjali tat-Trattat KEFA għall-fatti tal-każ.

171    Huwa minnu li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, il-Kummissjoni ma ressqitx żviluppi għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 65(2) KEFA, relatat mal-eżenzjoni ta’ ċerti ftehim, setax, b’mod astratt, jiġi kkwalifikat bħala inqas favorevoli milli huwa l-Artikolu 81(3) KE. Madankollu, minn naħa, tali ommissjoni hija dovuta għall-fatt li l-Kummissjoni qieset, fil-punt 11 ta’ din il-komunikazzjoni (ara l-punt 170 iktar ’il fuq), li kienu biss il-paragrafi 1 u 5 tal-Artikolu 65 KEFA li setgħu, b’mod astratt, jitqiesu bħala inqas favorevoli minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE. Min-naħa l-oħra, fil-punt 6 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, il-Kummissjoni indikat li l-Artikolu 65(2) KEFA ma kienx japplika f’din il-kawża, għar-raġunijiet esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li, kieku kellha l-possibbiltà, hija kienet tkun tista’ tipprova li wħud mill-prattiki tagħha relatati mal-prezzijiet setgħu jkollhom effetti pożittivi għall-klijenti ta’ SP. Fil-fatt, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali kien jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tqis li l-akkordju f’din il-kawża kellu biss l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u ma seta’ jibbenefika minn ebda eżenzjoni.

172    F’dan ir-rigward, fis-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar u li, b’mod konformi mal-Artikolu 97 KEFA, l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA kien skada fit-23 ta’ Lulju 2002, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx iktar tibbaża l-kompetenza tagħha fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet skaduti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata biex tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u biex timponi multi fuq l-impriżi li kienu pparteċipaw fl-imsemmi ksur. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx il-mertu tal-kawża u ma ppronunzjatx ruħha fuq il-validità tal-atti proċedurali preċedenti għall-adozzjoni tagħha.

173    Peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att tal-Unjoni mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, għaliex il-proċeduri intiżi biex jissostitwixxu l-att annullat jistgħu bħala prinċipju jitkomplew mill-punt preċiż li fih titwettaq l-illegalità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, Ġabra p. I‑6993, punti 31 u 32, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 73; ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, T‑2/95, Ġabra p. II‑3939, punt 91, u tal-25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑66/01, Ġabra p. II‑2631, punt 125, u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jitqies li s-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, ma affettwatx il-legalità tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali u li l-Kummissjoni setgħet ġustament tkompli l-proċeduri fil-mument preċiż meta seħħet l-illegalità, jiġifieri mill-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002.

174    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, fit-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet ukoll ittra lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati, li tinformahom bl-intenzjoni tagħha li terġa’ tadotta deċiżjoni billi tikkoreġi l-bażi legali meta mqabbla ma’ dik magħżula għad-deċiżjoni tal-2002. F’din l-ittra, li ma tifformulax ilmenti fir-rigward tal-impriżi destinatarji, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li terġa’ tadotta deċiżjoni wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 bis-sentenza SP et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, u reġgħet tenniet il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-prinċipju tal-lex mitior filwaqt li żiedet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 65(2) KEFA kien iktar ristrett minn dak tal-Artikolu 81(3) KE. F’dan ir-rigward hija indikat, abbażi ta’ dak li kienet semmiet fil-punt 6 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, li, f’din il-kawża, madankollu, ma kienet tapplika ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Anki fir-risposta tagħha għal din l-ittra, ir-rikorrenti ma fformulatx osservazzjonijiet, u lanqas ma ppreżentat provi intiżi biex juru li l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 81(3) KE kienu ssodisfatti.

175    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru minħabba li din ma ġietx ikkonsultata dwar “l-evalwazzjoni u l-implementazzjoni kombinata” tal-Artikolu 65 KEFA u tal-Artikolu 81 KE.

176    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-ittra tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2008 ma tistax titqies bħala dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet valida, għaliex din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari peress li hija fil-qosor ħafna u tipprevedi terminu ta’ risposta ta’ xahar, u għalhekk tinjora t-terminu ta’ xahrejn normalment stabbilit għar-risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

177    Għandu jiġi rrilevat, bħal ma tagħmel il-Kummissjoni, u hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 174 iktar ’il fuq, li l-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008 ma kienx fiha lmenti ġodda, iżda kienet intiża biex tinforma lill-impriżi inkwistjoni bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li terġa’ tadotta deċiżjoni wara l-korrezzjoni tal-bażi legali. Issa, skont il-ġurisprudenza, meta, wara l-annullament ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tagħżel li tirranġa l-illegalità jew l-illegalitajiet ikkonstatati u li tadotta deċiżjoni identika li ma hijiex ivvizzjata b’dawn l-illegalitajiet, din id-deċiżjoni tikkonċerna l-istess ilmenti, li fuqhom l-impriżi diġà ppronunzjaw ruħhom (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, punt 98).

178    Peress li l-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008 ma kinitx dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hekk kif wara kollox jirriżulta mill-premessi 6, 122 u 123, 390 u 391 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti tar-rikorrenti, li jgħidu li, minn naħa, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi tatha biss terminu ta’ xahar biex tifformula osservazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li tali komunikazzjoni hija fil-qosor ħafna, huma irrilevanti.

179    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru, għaliex il-Kummissjoni ma stennietx l-adozzjoni tal-pożizzjoni tagħha, billi bagħtitilha talba għal informazzjoni relatata mad-dħul mill-bejgħ tagħha saħansitra qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat minnha stess għall-preżentata tal-osservazzjonijiet. Issa, tali talba tikkostitwixxi, b’mod ġenerali, l-“l-aħħar stadju” li jippreċedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni.

180    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tistenna l-osservazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati qabel ma tibgħatilhom talbiet għal informazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Sussegwentement, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lir-rikorrenti fl-24 ta’ Lulju 2008, jiġifieri fl-istess data li fiha din tal-aħħar bagħtitilha l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, ma jistax jipprova li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti fformulati mir-rikorrenti fl-imsemmija osservazzjonijiet. It-teżi tar-rikorrenti hija barra minn hekk kontradetta mill-fatt li l-Kummissjoni rrispondiet espressament, fil-premessi 388 sa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-osservazzjonijiet ifformulati mill-impriżi interessati bħala risposta għall-ittra tat-30 ta’ Ġunju 1998.

181    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ applikabbiltà f’dan il-każ tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, u ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, huwa irrilevanti. Qabel kollox, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ġietx imċaħħda mill-garanziji proċedurali f’din il-kawża. Sussegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tindirizza dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li hija ma setgħetx tifformula osservazzjonijiet fuq l-evalwazzjoni u fuq l-implementazzjoni kombinata tal-Artikolu 65 KEFA u tal-Artikolu 81 KE.

182    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA, bħala regola iktar favorevoli mill-Artikolu 81 KE

183    Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi applikat l-Artikolu 65(1) KEFA, pjuttost milli l-Artikolu 81(1) KE. Jidher li l-Kummissjoni assumiet li l-lex mitior inkwistjoni kienet l-Artikolu 65(1) KEFA, u dan minkejja li l-Artikolu 81(1) KE jipprovdi kundizzjoni supplimentari meta mqabbel mal-Artikolu 65(1) KEFA, kundizzjoni li tikkonċerna l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

184    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ksur li din tal-aħħar imputat lilha kien f’kull każ kapaċi li jolqot il-kummerċ bejn Stati Membri. Skont hi, il-kundizzjonijiet, iffissati mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha relatati mal-kunċett ta’ impatt fuq il-kummerċ imsemmi fl-Artikoli 81[ KE] u 82[ KE] (ĠU 2004 C 101, p. 81), biex tistabbilixxi l-eżistenza tal-kriterju ta’ dannu fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

185    Preliminarjament, fid-dawl tal-punti 169 sa 175 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura minħabba n-nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċeduri ġodda għall-finijiet li jiġu vverifikati l-effetti tal-akkordju inkwistjoni.

186    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, biex ikun jista’ jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li din l-influwenza ma tkunx waħda insinjifikanti (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 36).

187    Għalhekk, effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti. Biex jiġi vverifikat jekk akkordju jolqotx b’mod sensittiv il-kummerċ bejn Stati Membri, dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu (sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 37; ara s-sentenza Asnef‑Equifax u Administración del Estado, punt 186 iktar ’il fuq, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li akkordju jkollu biss bħala skop il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fi Stat Membru wieħed ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jintlaqat. Fil-fatt, akkordju li jestendi fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u għalhekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE (ara s-sentenzi Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 38, u Asnef‑Equifax u Administración del Estado, punt 186 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-lex mitior, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessi 373 sa 375 u 385 sa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-elementi segwenti: a) l-akkordju inkwistjoni kkonċerna t-territorju Taljan kollu li fuqu, matul il-perijodu li dam l-akkordju, ġew prodotti bejn 29 % u 43 % tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit prodotti fil-Komunità; b) l-impatt tal-esportazzjonijiet (mill-Italja) meta mqabbel mal-kunsinni totali (kunsinni fl-Italja u esportazzjonijiet) dejjem kien kbir (bejn 6 % u 34 % matul il-perijodu tal-ksur); ċ) iċ-ċirkustanzi skont liema, minn naħa, minħabba l-parteċipazzjoni, minn Diċembru 1989 sa Lulju 1998, tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi Federacciai, l-effetti tal-akkordju estendew għall-produtturi Taljani kollha ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, u, min-naħa l-oħra, meta Federacciai ma baqgħetx tipparteċipa, l-akkordju xorta kien jikkonċerna lill-impriżi prinċipali Taljani li kellhom sehem mis-suq totali ta’ 80 %; d) mill-inqas żewġ impriżi kbar partijiet fl-akkordju kienu wkoll attivi bħala produtturi f’mill-inqas suq ġeografiku ieħor tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit; e) l-akkordju ġie kkaratterizzat ukoll mill-fatt li dan kellu bħala suġġett, bħala miżura ekwivalenti għat-tnaqqis temporanju u miftiehem tal-produzzjoni, l-esportazzjoni miftiehma barra mit-territorju Taljan, u f) is-sehem tal-Italja fil-kummerċ intra‑Komunitarju kien ivarja bejn 32.5 % fl-1989 u 18.1 % fl-2000, b’minimu ta’ 13.4 % fl-1998. Dawn il-fatti ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

190    Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 188 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li s-suq ġeografiku rilevanti f’din il-kawża jikkonsisti esklużivament fit-territorju Taljan ma jistax jintlaqa’.

191    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ma teżisti ebda prova li hija stess u l-kumpanniji l-oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ddiskutew dwar il-prezzijiet ipprattikati fl-Istati Membri l-oħra, jew issorveljaw l-aġir tal-kompetituri barranin jew eżerċitaw pressjonijiet antikompetittivi fuqhom. Tali argument huwa għalhekk irrilevanti sa fejn, peress li l-kunċett ta’ impatt fuq il-kummerċ jinkludi fih l-influwenzi potenzjali, ma huwiex determinanti li jinstab jekk l-impriżi li pparteċipaw f’akkordju jadottawx miżuri intiżi biex jipproteġu ruħhom mill-kompetituri ta’ Stati Membri oħra (ara l-punti 79 u 80 tal-linji gwida relatati mal-kunċett ta’ impatt fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81[ KE] u 82[ KE]).

192    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ dannu reali jew potenzjali tiddependi wkoll mill-preżenza ta’ ostakli naturali għall-kummerċ fis-suq. F’din il-kawża, dawn l-ostakli jikkonsistu mill-potenzjal ta’ kummerċ estremament baxx tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit minħabba l-istandards ta’ ċertifikazzjoni differenti. Għalhekk, l-għażla tal-impriżi barranin li ma jistabbilixxux ruħhom fl-Italja, tirriżulta min-natura nazzjonali tas-swieq u mhux minn prattika antikompetittiva. F’dan ir-rigward, għandu jitqies, skont il-Kummissjoni, li d-diversità tar-regoli fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni ma setgħetx tippreżenta ostaklu suffiċjenti biex jiġi eskluż dannu potenzjali, għaliex, minkejja d-diversità msemmija, il-livell ta’ esportazzjonijiet mill-Italja u l-impatt tal-esportazzjonijiet meta mqabbel mal-kunsinni totali kien kbir matul il-perijodu kkunsidrat.

193    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessi 375 u s-segwenti tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li kien hemm esportazzjoni miftiehma lil hinn mit-territorju Taljan, għandha tiġi konnessa mal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar ma kinux inklużi fl-esportazzjonijiet miftiehma. Madankollu, tali affermazzjoni, jekk titqies bħala stabbilita, ma tistax, fid-dawl tal-elementi kollha mfakkra fil-punt 189 iktar ’il fuq, turi eventwali nuqqas ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

194    Fil-ħames lok, l-osservazzjoni tar-rikorrenti relatata mal-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li temenda, it-Trattat FUE kien diġà fis-seħħ, peress li l-Artikolu 101(1) TFUE huwa biss intiż biex jissanzjona l-akkordji li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn Stati Membri, hija ineffettiva sa fejn il-kliem tal-Artikolu 81(1) KE huwa identiku għal dak tal-Artikolu 101(1) TFUE.

195    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, meta qieset li, f’din il-kawża, l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE ma hijiex iktar favorevoli mill-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ liġi. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

196    Minn dan jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq assenza ta’ prova u ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt sostantiv

197    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 65(1) KEFA, sa fejn din imputatilha l-ksur permezz tal-impriża unika Lucchini‑SP għat-tul kollu tal-ksur, jiġifieri mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000. Il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma għamlitx distinzjoni, fir-rigward tal-istabbiliment tal-unità ekonomika, bejn tliet perijodi tal-ksur, jiġifieri, qabel kollox, il-perijodu mis-6 ta’ Diċembru 1989 sal-5 ta’ Marzu 1991, sussegwentement, il-perijodu mill-5 ta’ Marzu 1991 sal-31 ta’ Ottubru 1997 u, fl-aħħar nett, il-perijodu inkluż bejn Ottubru 1997 u s-27 ta’ Ġunju 2000. Il-Kummissjoni lanqas ma ddeterminat korrettement ir-“relazzjoni ta’ suċċessjoni legali” bejn l-ewwel Siderpotenza, Lucchini Siderurgica, SP u r-rikorrenti.

198    Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 38; tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 54 u 55, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 53).

199    Il-Qorti tal-Unjoni speċifikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 40, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 53).

200    Hija b’hekk enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li hu deċiżiv huwa l-unità jew le, tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jiffurmawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li għandha aġir uniku fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 140, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

201    Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, tirrispondi għal dak il-ksur (ara s-sentenzi ETI et, punt 198 iktar ’il fuq, punt 39; Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 56, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża kkonċernata fil-mument meta jkun twettaq il-ksur li għandha tirrispondi għalih, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il‑Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 71; Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 78; Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 37, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 143).

203    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi entità li ma hijiex l-awtur tal-ksur tista’ xorta waħda tiġi ssanzjonata għalih, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tippreċiża li tali ipoteżi tqum f’sitwazzjoni fejn l-entità li wettqet il-ksur waqfet milli teżisti ġuridikament jew ekonomikament, peress li sanzjoni imposta fuq impriża li ma teżerċitax iktar attivitajiet ekonomiċi, tirriskja li ma jkollhiex effett dissważiv (sentenzi ETI et, punt 198 iktar ’il fuq, punt 40, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 144).

204    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kieku ma kienet prevista ebda possibbiltà oħra ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq entità oħra għajr fuq dik li wettqet il-ksur, xi impriżi jkunu jistgħu jaħarbu sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħhom kienet immodifikata wara ristrutturazzjonijiet, trasferimenti jew tibdil ġuridiku jew organizzattiv ieħor. B’hekk, l-għan li jiġi ssanzjonat l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi pprevenut it-tiġdid tagħhom permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi jkun kompromess (ara s-sentenza ETI et, punt 198 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    Huwa għalhekk li, minn naħa, meta, bejn il-mument meta jitwettaq il-ksur u l-mument meta l-impriża inkwistjoni jkollha twieġeb għalih, il-persuna responsabbli mill-operat ta’ din l-impriża ma tkunx għadha teżisti legalment, għandhom jinstabu, inizjalment, l-elementi materjali u umani kollha li pparteċipaw fit-twettiq tal-ksur biex tiġi identifikata, sussegwentement, il-persuna li saret responsabbli mill-operat ta’ dawn l-elementi kollha, biex jiġi evitat li, minħabba t-tluq tal-persuna responsabbli mill-operat tagħha fil-mument tat-twettiq tal-ksur, l-impriża tkun tista’ ma tweġibx għalih (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 953; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 27).

206    Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ trasferiment tal-attivitajiet ekonomiċi kollha jew parti minnhom lil entità legali oħra, ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mill-operatur inizjali, fil-kuntest tal-attivitajiet inkwistjoni, tista’ tiġi imputata lill-operatur il-ġdid jekk dan jikkostitwixxi l-istess entità ekonomika mal-operatur inizjali għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u dan anki jekk l-operatur inizjali għadu jeżisti bħala entità legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 165 iktar ’il fuq, punti 354 sa 359; tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 131 sa 133, u ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 109).

207    Tali implementazzjoni tas-sanzjoni hija b’mod partikolari ammissibbli ladarba dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u li, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw l-istess direttivi kummerċjali. Dan jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-każijiet ta’ ristrutturar fi ħdan grupp ta’ impriżi, meta l-operatur inizjali ma jieqafx neċessarjament milli jkollu eżistenza ġuridika, iżda ma jwettaqx iżjed attività ekonomika sinjifikattiva fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, għalkemm, bejn l-operatur inizjali u l-operatur il-ġdid tal-impriża involuta fl-akkordju teżisti rabta strutturali, il-partijiet interessati jistgħu jeħilsu lilhom infushom — kemm jekk din tkun l-intenzjoni tagħhom jew le — mir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tad-dritt tal-akkordji billi jadottaw il-possibbiltajiet ta’ konfigurazzjoni legali mill-ġdid li jiddisponu minnhom (ara s-sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat dan ir-rikors.

209    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-perijodu mis-6 ta’ Diċembru 1989 sal-5 ta’ Marzu 1991, l-ewwel Siderpotenza kienet ikkontrollata minn Leali. Lucchini, inizjalment azzjonist minoritarju u sussegwentement azzjonist b’50 % (il-50 % l-oħra nżammu minn Leali), ma kinitx involuta fl-amministrazzjoni ġenerali tal-ewwel Siderpotenza, u lanqas fit-tmexxija kummerċjali tagħha, assenjati lil Leali. Kuntrarjament għal Leali, Lucchini ma pproduċietx vireg għar-rinfurzar tal-konkrit u ma kellha ebda kompetenza, u lanqas xi sehem mis-suq f’dan is-settur. It-tmexxija globali u t-tmexxija tal-parti kummerċjali ġew assenjati lil persuna marbuta ma’ Leali. Fl-aħħar nett, l-ewwel Siderpotenza qatt ma ġiet ikkonsolidata fil-kontijiet annwali ta’ Leali.

210    Hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 541 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 592 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imputazzjoni lil Lucchini Siderurgica u lil Lucchini tal-aġiri tal-ewwel Siderpotenza hija bbażata fuq is-suċċessjoni legali bejn l-ewwel Siderpotenza, minn naħa, u Lucchini Siderurgica u Lucchini, min-naħa l-oħra. L-argument tar-rikorrenti huwa għalhekk ibbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Kummissjoni qieset li hija kienet eżerċitat kontroll effettiv fuq l-ewwel Siderpotenza.

211    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 205 iktar ’il fuq, u peress li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-elementi materjali u umani kollha tal-ewwel Siderpotenza ġew operati minn Lucchini Siderurgica wara l-assorbiment tal-ewwel waħda mit-tieni waħda fil-5 ta’ Marzu 1991, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li Lucchini Siderurgica kienet is-suċċessur legali tal-ewwel Siderpotenza.

212    L-argument tar-rikorrenti, ifformulat fir-replika, li jgħid li b’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li, matul il-perijodu msemmi fil-punt 209 iktar ’il fuq, l-ewwel Siderpotenza kienet l-awtriċi tal-ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-fatt li kumpannija sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed biex tiġi skartata l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi imputat lill-kumpannija parent, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ma tistax, bħala prinċipju, tkun marbuta li tipproċedi inizjalment għal tali verifika qabel ma tkun tista’ tikkunsidra li tfittex lill-impriża, awtriċi tal-ksur, anki jekk din tkun għaddiet minn bidliet bħala entità legali. Fil-fatt, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tipprevedi li l-ewwel tissanzjona lil din tal-aħħar qabel ma tesplora jekk, eventwalment, il-ksur jistax jiġi imputat lill-kumpannija parent. Kieku kien mod ieħor, l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni jsiru kunsiderevolment iktar diffiċli min-neċessità li jiġi vverifikat, f’kull każ ta’ suċċessjoni fil-kontroll ta’ impriża, sa fejn l-aġiri tagħha jistgħu jiġu imputati fuq il-kumpannija parent preċedenti (sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punti 81 u 82).

213    Peress li il-Kummissjoni setgħet b’mod validu tissanzjona lill-ewwel Siderpotenza għall-aġiri inkwistjoni u timputa r-responsabbiltà lil Lucchini Siderurgica fil-kwalità tagħha bħala suċċessur legali tal-ewwel Siderpotenza, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tiddetermina jekk l-aġir tal-ewwel Siderpotenza setax jiġi imputat lil Leali. Konsegwentement, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar il-kontroll effettiv ta’ Leali fuq l-ewwel Siderpotenza hija ineffettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 85).

214    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-perijodu mill-5 ta’ Marzu 1991, id-data tal-assorbiment minn Lucchini Siderurgica tal-ewwel Siderpotenza, sal-31 ta’ Ottubru 1997, id-data tat-trasferiment minn Lucchini Siderurgica tal-parti tal-attività tal-“vireg għar-rinfurzar tal-konkrit” lis-Siderpotenza l-ġdida, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li hija kienet azzjonista maġġoritarja ta’ Lucchini Siderurgica. Madankollu, hija tikkontesta l-fatt li tali sehem jista’ b’xi mod iwassal għal preżunzjoni ta’ responsabbiltà.

215    Għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata, biex ir-responsabbiltà għall-aġiri ta’ Lucchini Siderurgica tiġi imputata lir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq xi preżunzjoni ta’ kontroll tar-rikorrenti fuq Lucchini Siderurgica bejn l-1991 u l-1997, iżda fuq il-prinċipju tas-suċċessjoni legali, hekk kif imfakkar fil-punt 205 iktar ’il fuq. B’hekk, fil-premessa 541 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kien evidenti li Lucchini Siderurgica kienet legalment issuċċediet lill-ewwel Siderpotenza b’riżultat tal-amalgamazzjoni tal-5 ta’ Marzu 1991 u li Lucchini kienet, bl-istess mod, issuċċediet lil Lucchini Siderurgica b’riżultat tal-amalgamazzjoni tal-1 ta’ Diċembru 1998. Il-Kummissjoni żiedet li l-kapital materjali u l-kapital uman marbuta mal-fabbrika ta’ Potenza u amministrati minn Lucchini Siderurgica kienu ġew ittrasferiti, fi ħdan il-grupp, lis-Siderpotenza l-ġdida, wara li din ġiet irreġistrata fl-1997 (ara wkoll punti 28 sa 31 iktar ’il fuq). Peress li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq allegata preżunzjoni ta’ responsabbiltà, li tirriżulta mis-sehem maġġoritarju ta’ Lucchini f’Lucchini Siderurgica, l-argument tar-rikorrenti wkoll huwa ineffettiv. Konklużjoni identika tapplika fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kuntratt ta’ mandat tat-2 ta’ Jannar 1998 ma jikkostitwixxix prova tar-rabta strutturali bejn Lucchini u SP bejn l-1991 u l-1997.

216    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-argumenti li fformulat dwar il-perijodu inkluż bejn il-5 ta’ Marzu 1991 u l-31 ta’ Ottubru 1997, ir-rikorrenti sostniet ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà in solidum tagħha ma’ SP ma setgħetx tiġi dedotta mill-fatt li l-familja Lucchini kellha ishma fil-kapital taż-żewġ kumpanniji. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti għandha provi li jippermettu li tiġi kkonfutata l-lista “approssimattiva” li tinsab fil-premessa 538 tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-provi msemmija f’din il-premessa huma intiżi biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn ir-rikorrenti u s-Siderpotenza l-ġdida, li ġiet stabbilita biss fl-1997, dawn ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

217    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li, f’dak li jirrigwarda l-perijodu minn Ottubru 1997 sas-27 ta’ Ġunju 2000, il-fatt li s-sehem tas-Siderpotenza l-ġdida kien miżmum minn Lucchini Siderurgica (sal-assorbiment ta’ din tal-aħħar minnha) stess u minn kumpanniji oħra tal-familja Lucchini, kif ukoll il-fatt li ċerti obbligi soċjali kienu komuni, ma jikkostitwixxux indizji suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejnha u SP.

218    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-finijiet li tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti u ta’ SP f’dak li jikkonċerna l-perijodu identifikat fil-punt 217 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni rreferiet b’mod partikolari, fil-premessa 538 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-elementi segwenti:

–        iż-żamma mill-familja Lucchini tal-kapital ta’ SP u ta’ Lucchini;

–        l-eżistenza ta’ diversi koinċidenzi personali bejn Lucchini u SP;

–        l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ mandat li abbażi tiegħu SP kienet b’mod partikolari intrabtet li tosserva fil-kuntratti mal-klijenti l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-volumi, il-prezzijiet u t-termini ta’ żmien għall-ħlas iffissati minn Lucchini mal-klijenti stess;

–        il-fatt li l-emendi fl-organizzazzjoni li jikkonċernaw it-taqsima ta’ attivitajiet dwar il-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, deċiżi f’Novembru 1999, ġew ifformalizzati f’komunikazzjoni tad-direttur kummerċjali ta’ Lucchini lill-viċi president ta’ dak iż-żmien (u llum president) ta’ Lucchini;

–        il-fatt li kont ta’ ristorant tad-9 ta’ Marzu 1999, fejn inżammet laqgħa tad-detenturi, li fiha pparteċipa d-direttur kummerċjali ta’ Lucchini, ħareġ f’isem Lucchini u ddaħħal fil-kontijiet taħt in-nota tal-ispejjeż li dan id-direttur bagħat lil Lucchini;

–        it-tfassil, taħt is-superviżjoni ta’ Lucchini, ta’ rapporti mensili (“Aire 20”) dwar il-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit;

–        dokument intern ta’ Lucchini tat-28 ta’ Frar 2000 li jikkonċerna “l-ipoteżi għal riorganizzazzjoni tas-suq Taljan tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit”, li jsemmi lil Lucchini fost il-produtturi ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit;

–        il-fatt li wieħed mid-destinatarji tad-diversi komunikazzjonijiet jew mill-parteċipanti għal diversi laqgħat, dwar il-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, matul il-perijodu minn Novembru 1997 sal-2000, kien id-direttur kummerċjali ta’ Lucchini;

–        l-affermazzjoni segwenti, dehret fid-9 ta’ Ottubru 2000 fuq is-sit Internet ta’ Lucchini, taħt it-taqsima “Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit”: “Siderpotenza, stabbiliment tal-Grupp Lucchini, tipproduċi vireg għar-rinfurzar tal-konkrit”.

219    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar li l-kontroll tal-kapital azzjonarju tal-familja Lucchini ma huwiex prova suffiċjenti ta’ unità ekonomika bejnha u SP. Hija ssostni li qatt ma kellha sehem maġġoritarju f’SP u li l-kapital azzjonarju taż-żewġ kumpanniji kien differenti.

220    Qabel kollox, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata, “din il-kawża hija partikolari għaliex, matul il-perijodu kollu tal-ksur, ma kienx jeżisti kontroll tal-ishma dirett bejn Lucchini […] u s-Siderpotenza [l-ġdida], iżda kien hemm kontroll tal-ishma komuni taż-żewġ kumpanniji min-naħa tal-familja Lucchini”.

221    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tirribattix l-eżistenza, matul il-perijodu inkwistjoni, ta’ kontroll eżerċitat, direttament jew indirettament, minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jappartjenu lill-familja Lucchini fuqha u fuq Siderpotenza, iżda tillimita ruħha biex issostni li l-kapital azzjonarju tagħha u dak ta’ Siderpotenza ma kinux jikkoinċidu. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ kontroll tal-kapital azzjonarju ta’ żewġ kumpanniji minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jappartjenu lill-familja Lucchini hija kkonfermata minn dokument ippreżentat mir-rikorrenti stess.

222    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ koinċidenzi personali ma tistax iktar tikkostitwixxi tali prova, peress li tali koinċidenzi huma klassiċi f’kull grupp ta’ kumpanniji u huma biss il-konsegwenza naturali tal-appartenenza għall-istess grupp ta’ kumpanniji.

223    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, li fil-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata fakkret li s-sempliċi fatt li l-kapital azzjonarju ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali distinti jappartjeni lill-istess persuna jew lill-istess familja ma kienx suffiċjenti, bħala tali, biex tiġi stabbilita l-eżistenza, bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, ta’ unità ekonomika, ġustament qieset li l-eżistenza ta’ tali unità ekonomika setgħet tirriżulta minn numru ta’ elementi.

224    Fost dawn l-elementi jista’ jidher il-fatt li ċerti persuni assumew responsabbiltajiet kemm fi ħdan SP kif ukoll fi ħdan Lucchini. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-okkupazzjoni ta’ funzjonijiet ewlenin fi ħdan l-organi ta’ tmexxija ta’ kumpanniji differenti hija element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi stabbilita l-unità ekonomika tal-kumpanniji msemmija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 119 u 120). F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-istess persuni okkupaw funzjonijiet importanti fi ħdan il-kumpannija tagħha u fi ħdan SP u li dawn l-istess persuni pparteċipaw f’laqgħat fil-kuntest tal-akkordju. Iċ-ċirkustanzi, allegati mir-rikorrenti, li l-persuni inkwistjoni assumew ukoll funzjonijiet fi ħdan kumpanniji oħra tal-Grupp Lucchini u li r-rikorrenti ma nnominathomx direttament, ma humiex ta’ natura li jirribattu din il-konklużjoni.

225    It-tielet nett, il-fatt li Lucchini ma pproduċietx vireg għar-rinfurzar tal-konkrit huwa wkoll irrilevanti sa fejn il-fatt, għal persuna ġuridika, li tipproduċi hija stess il-beni suġġett ta’ akkordju ma huwiex determinanti għall-finijiet tal-imputazzjoni tal-aġiri li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 65 KEFA. Fil-fatt, il-persuna ġuridika inkwistjoni għandha teżerċita attività fis-sens tal-Artikolu 80 KEFA. Għaldaqstant, għalkemm ir-rikorrenti ma kinitx tipproduċi direttament vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, peress li din l-attività ġiet delegata, fi ħdan il-grupp, lis-Siderpotenza l-ġdida, huwa paċifiku li din kienet tikkummerċjalizzahom.

226    Ir-raba’ nett, minn ittra mibgħuta minn Lucchini lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Mejju 2002 jirriżulta li din il-kumpannija ma tat ebda struzzjoni lill-persuni li kienu jaħdmu għal SP fir-rigward tal-attivitajiet ta’ din tal-aħħar. Madankollu, tali affermazzjoni hija kkonfutata mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ mandat konkluż bejn ir-rikorrenti u s-Siderpotenza l-ġdida, li jistabbilixxu li din tal-aħħar tintrabat li tagħmel ordnijiet konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-rikorrenti mal-klijenti u mal-fornituri.

227    Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li r-riferiment għal fatturi u għal rimborsi ta’ spejjeż fl-intestatura tagħha ma jikkostitwixxix il-prova ta’ unità ekonomika, peress li fl-aħħar ta’ kull sena, dawn kienu imputati bħall-fatturi l-oħra kollha lid-diversi kumpanniji ta’ riferenza ġewwa l-grupp. Tali argument ukoll għandu jiġi miċħud. Minbarra li n-nota tal-ispejjeż, bid-data tal-31 ta’ Marzu 1999, manifestament ma hijiex sempliċi imputazzjoni ta’ spejjeż fl-aħħar tas-sena, tali nota, li tikkonċerna l-imputazzjoni lil Lucchini tal-ispejjeż għal-laqgħa tal-parteċipanti fl-akkordju tad-9 ta’ Marzu 1999, tistabbilixxi, flimkien mal-elementi l-oħra miġbura mill-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni ta’ Lucchini fit-tmexxija tal-politika ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit.

228    Is-sitt nett, ir-rikorrenti tosserva li l-kuntratt ta’ mandat tat-2 ta’ Jannar 1998, konkluż għal terminu annwali, u mġedded awtomatikament mal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi parallel, għas-snin suċċessivi, ma huwiex determinanti biex din tiġi kkwalifikata ma’ SP bħala entità ekonomika unika. Fir-rigward tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, għandu jiġi rrilevat li l-Grupp Lucchini kien jipprovdi, permezz tal-kumpannija Lucchini Servizi Srl, l-istess servizzi lil kumpanniji oħra marbuta mal-grupp, madankollu mingħajr ma għandu jitqies li din kienet tifforma impriża unika mal-kumpanniji msemmija.

229    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-kuntratt ta’ mandat u l-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ġew iffirmati fit-3 ta’ Novembru 1997 għall-1997 u mġedda bil-miktub fit-2 ta’ Jannar 1998 għall-1998. Huwa stabbilit ukoll li sussegwentement, dawn ġew imġedda b’mod awtomatiku.

230    Sussegwentement, mit-termini ta’ dawn il-kuntratti jirriżulta li s-Siderpotenza l-ġdida kienet biss inkarigata bil-produzzjoni fis-sens tekniku u ma kinitx tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu. Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 2(4) tal-kuntratt ta’ mandat, is-Siderpotenza l-ġdida impenjat ruħha “li tgħaddi ordnijiet b’mod konformi u skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali stabbiliti mill-mandatarju [Lucchini] mal-fornituri u l-klijenti (volumi, prezz u terminu għall-ħlas)”. B’hekk, dawn il-kuntratti ma jistgħux jikkostitwixxu prova tal-indipendenza ta’ SP u tar-rikorrenti, iżda huma, b’mod kuntrarju, ta’ natura li jikkostitwixxu provi tal-unità ekonomika ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. Il-fatt li l-Grupp Lucchini kien jipprovdi, permezz tal-kumpannija Lucchini Servizi, l-istess servizzi lil kumpanniji oħra marbuta mal-grupp, ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni. Għalhekk, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar dan s-suġġett ma tistax tirnexxi.

231    F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni li SP kienet kumpannija totalment awtonoma mill-perspettiva tal-produzzjoni u li kellha l-organizzazzjoni tagħha stess, li użat lil Lucchini Siderurgica u lir-rikorrenti biss biex tikseb, bi ħlas, sensiela ta’ servizzi amministrattivi u ta’ tmexxija, u li użat is-servizzi ta’ Lucchini Siderurgica biex tiddistribwixxi s-servizzi tagħha biss matul il-fażi inizjali tal-attivitajiet tagħha, ma hijiex kredibbli.

232    Is-seba’ nett, ir-rikorrenti ssemmi diversi ċirkustanzi oħra li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

233    Qabel kollox, il-Grupp Lucchini kien ġie maqsum f’setturi ta’ prodotti, ikkaratterizzati minn awtonomija kbira. Madankollu, din l-affermazzjoni ma hijiex tali li tipprova l-assenza ta’ unità ekonomika bejn Lucchini u SP, b’mod partikolari fid-dawl tat-termini tal-kuntratt ta’ mandat bejn dawn il-kumpanniji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, permezz tar-rapporti mensili fi ħdan il-grupp, kienet informata bl-attività fis-settur tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit.

234    Sussegwentement, il-fatti li t-trade mark ippreżentata għall-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit saret f’isem Siderpotenza, u mhux f’isem Lucchini, kif ukoll li l-kodiċi tat-trade mark impost mil-leġiżlazzjoni applikabbli rrefera esklużivament għal Siderpotenza, ma humiex tali li jipprovaw l-assenza ta’ unità ekonomika taż-żewġ kumpanniji, iżda jikkorroboraw, b’mod kuntrarju, l-evalwazzjoni li tgħid li Siderpotenza kienet inkarigata biss mill-produzzjoni fis-sens tekniku.

235    Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ir-rappreżentanza tar-rikorrenti u ta’ SP, matul il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, minn konsulenti legali differenti, li ddeċidew dwar il-linji ta’ difiża tagħhom b’mod awtonomu, ma tistax ixxejjen il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn dawn iż-żewġ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il‑Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, Ġabra p. II‑5129, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata).

236    It-tmien nett, hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ awtonomija reali tas-Siderpotenza l-ġdida meta mqabbla ma’ Lucchini, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-grupp, tirriżulta wkoll minn ħafna provi oħra li jinsabu fil-proċess. Għalhekk, pereżempju, Lucchini kienet meqjusa bħala l-punt ta’ kuntatt għar-relazzjonijiet bejn il-kompetituri fil-kuntest tal-akkordju, li lilha kienu ntbagħtu l-inviti għal-laqgħat antikompetittivi kif ukoll il-korrispondenza relatata mal-akkordji (ara b’mod partikolari l-premessi 217, 220 u 221 sa 226, 228 u 229, 232 u 233, 241 u 242, 258, 261 u 262, 271, 277, 289, 299 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, f’lista tal-membri ta’ Federacciai tas-sena 2000, Lucchini u s-Siderpotenza l-ġdida għandhom indirizz identiku u numri tat-telefon u tal-faks identiċi. F’dan ir-rigward, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti affermat, mingħajr ma sostniet ulterjorment l-affermazzjoni tagħha, li din il-konklużjoni hija żmentita minn “dokumenti oħra estratti minn żewġ CD‑ROMs annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet […], li kopja minnhom tinsab fl-annessi C.7, C.15 sa C.34 […] li l-kontenut tagħha huwa deskritt f’iktar dettall fit-tabella 3 tal-Anness C.3”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-annessi invokati mir-rikorrenti, kif ukoll l-osservazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, ġew iddikjarati inammissibbli (ara l-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq).

237    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-talbiet intiżi biex jinkiseb tnaqqis fl-ammont tal-multa

 Osservazzjonijiet preliminari

238    Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji Gwida tal-1998, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).

239    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 72, u Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 54).

240    Kif ġie espost fil-punt 33 iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu stabbilit fil-Linji Gwida tal-1998.

241    Għalkemm il-Linji Gwida tal-1998 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 70).

242    Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 241 iktar ’il fuq, punt 71).

243    Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-1998 jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 211 u 213).

244    B’mod konformi mal-Linji Gwida tal-1998, il-metodu applikabbli għall-ammont ta’ multa huwa bbażat fuq l-iffissar ta’ ammont bażiku li miegħu jiġu applikati żidiet biex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew tnaqqis biex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti.

245    Skont il-punt 1 tal-Linji Gwida tal-1998, l-ammont bażiku għandu jiġi ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur.

246    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Linji Gwida tal-1998 jindikaw, fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-punt 1 A, dan li ġej:

“Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti. Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.”

247    Mil-Linji Gwida tal-1998 jirriżulta li l-ksur ftit gravi jista’, pereżempju, jikkonsisti f’“restrizzjonijiet, spiss vertikali, intiżi biex jiġi limitat il-kummerċ, iżda li l-impatt tagħhom fis-suq jibqa’ limitat, u li barra minn hekk ikunu jikkonċernaw biss parti sostanzjali, iżda relattivament dejqa tas-suq Komunitarju” (l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A, tal-Linji Gwida tal-1998). Fir-rigward tal-ksur gravi, il-Kummissjoni tippreċiża li “fil-parti l-kbira huma restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali tal-istess tip ta’ ksur mhux gravi ħafna, iżda li l-applikazzjoni tagħhom huwa iktar rigoruż, l-impatt tagħhom fuq is-suq huwa iktar vast u jistgħu jipproduċu l-effetti tagħhom fuq żoni mifruxa tas-suq komuni.” Din tindika wkoll li dan jista’ “jikkonsisti minn aġir abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti” (it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998). F’dak li jirrigwarda l-ksur gravi ħafna, il-Kummissjoni tippreċiża li “essenzjalment dawn ikunu restrizzjonijiet orizzontali bħal ‘kartelli ta’ prezzijiet’ u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiki oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħal qsim tas-swieq nazzjonali jew abbuż ċar ta’ pożizzjoni dominanti minn impriżi li jkollhom monopolju virtwali” (it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998).

248    Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li, minn naħa, f’kull waħda minn dawn il-kategoriji, u b’mod partikolari għall-kategoriji msejħa gravi u gravi ħafna, l-iskala tas-sanzjonijiet magħżula tippermetti li jingħata trattament differenti li għandu jiġi applikat lill-impriżi skont in-natura tal-ksur imwettaq u, min-naħa l-oħra, li huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu serju lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat għal livell li jiżgura li jkollu effett dissważiv biżżejjed (it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998).

249    Skont il-Linji Gwida tal-1998, għall-ksur “serju ħafna”, l-ammont inizjali previst għall-multi jmur lil hinn minn EUR 20 miljun; għall-ksur “serju”, dan jista’ jvarja bejn l-EUR 1 u 20 miljun; fl-aħħar nett, għall-ksur “ftit serju”, l-ammont inizjali previst għall-multi jinsab bejn l-EUR 1 000 u l-EUR 1 miljun (l-ewwel sat-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998).

250    F’dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, skont il-punt 1 B tal-Linji Gwida tal-1998, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li ssir distinzjoni bejn:

–        il-ksur ta’ tul qasir (ġeneralment inqas minn sena), li għalih ma huwa previst ebda ammont addizzjonali;

–        il-ksur ta’ tul medju (ġeneralment bejn sena u ħames snin), li għalih huwa previst ammont li jista’ jitla’ sa 50 % tal-ammont adottat għall-gravità tal-ksur;

–        il-ksur ta’ tul twil (ġeneralment lil hinn minn ħames snin), li għalih huwa previst ammont li għal kull sena jista’ jiġi ffissat għal 10 % tal-ammont adottat għall-gravità tal-ksur.

251    F’dan ir-rigward, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑389/10 P, Ġabra, punt 129), u KME et vs Il‑Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra, punt 102), hija l-qorti tal-Unjoni li għandha twettaq l-istħarriġ tal-legalità li din għandha twettaq abbażi tal-provi mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fid-dettall kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt.

252    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat dan il-motiv.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni

253    Preliminarjament, għandha tiġi deċiża l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, li tgħid li r-rikorrenti, fir-replika tagħha, estendiet il-portata tal-ħames motiv tagħha billi fformulat ilmenti ġodda, relatati man-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa imposta fir-rigward tal-aġir ta’ SP u tal-kumpanniji li ppreċedewha, u għall-applikazzjoni żbaljata taż-żieda ta’ 200 % għal finijiet dissważivi. Skont il-Kummissjoni, dawn l-oġġezzjonijiet huma inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

254    Għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti żviluppat erba’ partijiet insostenn tal-ħames motiv tagħha, jiġifieri l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa simbolika, l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur, l-applikazzjoni żbaljata ta’ żieda ta’ 105 % abbażi tat-tul tal-ksur u fl-aħħar nett, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ xi ċirkustanzi attenwanti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma fformulatx ilment ibbażat b’mod speċifiku fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda tali ksur ġie invokat biss b’mod inċidentali fir-replika.

255    Minn naħa, in-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa imposta fir-rigward tal-aġir ta’ SP u tal-kumpanniji li ppreċedewha ma jistax jitqies bħala l-amplifikazzjoni ta’ motiv tar-rikors u li għandu rabta stretta miegħu. Għalkemm, ċertament, fir-rikors tagħha r-rikorrenti enfasizzat li, “f’dak li jikkonċerna lil Siderpotenza, li saret SP SpA, fi stralċ, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prezzijiet miftiehma u tal-waqfien ta’ produzzjoni deċiżi waqt il-laqgħat ma [kinux] eżaminati b’mod xieraq mill-Kummissjoni biex tiddetermina s-serjetà tal-ksur”, tali lment kien jikkonċerna biss il-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna”, u mhux l-allegat karattru sproporzjonat u inġust tal-ammont tal-multa “fid-dawl tal-aġir” u tar-“rwol passiv u marġinali” ta’ SP, invokat fir-replika. Għalhekk, dan l-ilment huwa inammissibbli. F’kull każ, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti relatata mal-aġir ta’ SP ma tinsabx fit-test tar-replika, iżda tidher, essenzjalment, f’tabella magħquda mar-replika u f’147 anness, li ġew iddikjarati inammissibbli (ara l-punti 66, 68 u 69 iktar ’il fuq).

256    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-allegata applikazzjoni żbaljata taż-żieda ta’ 200 % għal finijiet dissważivi ma ġietx invokata fir-rikors u ma tistax titqies bħala l-amplifikazzjoni ta’ motiv li jinsab fiha u li għandha rabta diretta ma’ tali motiv. Għalhekk, dan l-ilment ukoll huwa inammissibbli.

 Fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-assenza ta’ prova

257    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett il-Linji Gwida tal-1998 fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur. Din issostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas serju ta’ motivazzjoni u minn nuqqas ta’ prova f’dan ir-rigward.

258    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-multi, għandu jitfakkar li l-Linji Gwida tal-1998 fihom regoli indikattivi fuq l-elementi ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni biex tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eżiġenzi tal-formalità essenzjali li jikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni huma ssodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, il-provi li kkunsidrat b’applikazzjoni tal-linji gwida tagħha u li ppermettewlha li tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punti 217 u 218).

259    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ssodisfat din il-ħtieġa. Fil-fatt, fil-premessi 582 sa 605 tad-deċiżjoni kkontestata, din esponiet il-provi li bbażat ruħha fuqhom biex tikkwalifika l-akkordju bħala “serju ħafna”.

260    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni relatata mal-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna”, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-aġir tal-partijiet fl-akkordju u, b’mod partikolari, ta’ dak ta’ SP, biex tiddetermina l-gravità tal-ksur u, bħala konsegwenza, l-ammont tal-multa. Skont ir-rikorrenti, fil-każ ta’ akkordji bbażati fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni għandha tikkonstata li l-akkordji effettivament ippermettew lill-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezzijiet ogħla minn dak li kien jintlaħaq fl-assenza ta’ akkordju. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova ta’ tali effett, iżda b’mod kuntrarju llimitat ruħha biex tikkwalifika l-akkordju bħala “serju ħafna” minħabba l-għan tiegħu. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-impatt tal-akkordju kien limitat, kif jirriżulta mill-evoluzzjoni reali tal-prezzijiet fis-suq matul il-perijodu ta’ riferenza u kif jirriżulta minn studju ppreżentat minn xi impriżi u mid-dikjarazzjoni tal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-impriżi ta’ tixlif tal-ħadid, li jindikaw l-assenza ta’ impatt tal-akkordju.

261    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kellha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ SP, li ma applikatx il-prezzijiet miftiehma. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-aġir effettiv li tippretendi li adottat impriża huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti li jirriżultaw mill-ksur kollu kemm hu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 152; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 167; tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 133, u KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, punt 72).

262    Għalhekk, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti kellu jgħin biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni individwali ta’ din tal-aħħar, iżda ma setax ikollu xi effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur fil-kategorija tal-ksur “serju ħafna” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 261 iktar ’il fuq, punt 134). Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li SP u l-kumpanniji li ppreċedewha ma setgħux jimplementaw l-akkordju, u b’mod partikolari l-prezzijiet iffissati “bażi inizjali minn Brescia”, għaliex dawn kienu joperaw b’mod esklużiv “fin-nofsinhar”, huwa irrilevanti fil-kuntest tal-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna”.

263    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, għalkemm l-impatt tal-ksur huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, dan huwa kriterju fost oħrajn, bħan-natura proprja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku. Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998 jirriżulta li dan l-impatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta jkun jista’ jitkejjel (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punt 125, u Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 74).

264    F’dak li jirrigwarda l-akkordji orizzontali fuq il-prezzijiet jew fuq it-tqassim tas-swieq, mil-Linji Gwida tal-1998 jirriżulta wkoll li dawn l-akkordji jistgħu jiġu klassifikati bħala ksur gravi ħafna sempliċement abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata turi impatt reali tal-ksur fuq is-suq. F’dan il-każ, l-impatt konkret tal-ksur jikkostitwixxi biss element fost oħrajn li, jekk jista’ jitkejjel, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu previst ta’ EUR 20 miljun (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 75).

265    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mis-sistema ta’ sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003 u interpretata mill-ġurisprudenza, jirriżulta li l-akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-impatt konkret eventwali tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar sa liema punt ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz fis-suq superjuri għal dak li kien ikun hemm fl-ipoteżi tal-assenza tal-kartell, ma huwiex kriterju determinanti għad-determinazzjoni tal-livell tal-multi. Għandu jingħad ukoll li mil-Linji Gwida tal-1998 jirriżulta li l-ftehim jew il-prattiki miftiehma intiżi b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, sabiex jiffissaw il-prezzijiet jistgħu, abbażi tan-natura tagħhom stess, jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma huwa neċessarju li tali aġiri jkunu kkaratterizzati minn impatt jew daqs ġeografiku partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur “serju” tirreferi espressament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur “serju ħafna”, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/04, Ġabra p. II‑1167, punti 65 u 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

266    F’dan il-każ, l-akkordju inkwistjoni kellu bħala suġġett l-iffissar tal-prezzijiet, implementat b’metodi differenti, b’mod partikolari bl-użu tal-limitazzjoni jew tal-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, u seta’ b’hekk jiġi kkwalifikat bħala ksur gravi ħafna mingħajr ma l-Kummissjoni kellha tipprova impatt konkret tiegħu fuq is-suq. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 265 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-akkordju kien effettivament ippermetta lill-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz superjuri għal dak li kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ akkordju.

267    F’kull każ, fir-rigward tal-allegat impatt limitat tal-ksur, li jirriżulta “b’mod evidenti mill-evoluzzjoni reali tal-prezzijiet fis-suq matul il-perijodu ta’ riferenza”, li naqsu matul il-perijodu kkonċernat, hekk kif jirriżulta mit-tabelli annessi mad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma tissostanzja l-argument tagħha, pereżempju billi tibbaża ruħha fuq id-data preċiża li tinsab f’dawn it-tabelli. Issa, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 513 u 514 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minbarra li l-evoluzzjoni fil-prezzijiet reali totali ma setgħetx tiġi rikostruwita b’mod mhux ekwivoku, din kienet tqis li, minkejja li f’termini reali kellu jittieħed inkunsiderazzjoni tnaqqis fil-prezz bażiku, iż-żieda fil-prezz tas-supplimenti kienet ta’ mill-inqas 40 % f’termini reali.

268    Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-argument tagħha li jgħid li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha “numru ta’ provi li kienu jindikaw mingħajr ambigwità li l-akkordju preżunt ma kellu ebda impatt mhux biss fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, iżda lanqas fuq is-suq rilevanti”, għandu jiġi rrilevat li l-konklużjonijiet tal-istudju Lear (Laboratorio di Economia, Antitrust, Regolamentazione), intitolat “L-industrija tal-konkrit rinfurzat fl-Italja mill-1989 sal-2000”, ordnat mill-impriżi Alfa, Feralpi, IRO, SP u Valsabbia, li tirreferi għalih ir-rikorrenti, li ma ġiex magħqud ma’ dan ir-rikors, ġew injorati mill-Kummissjoni fil-premessi 42, 50 sa 56, 62, 513, 521 u 585 tad-deċiżjoni kkontestata, li rrilevat li d-data ma kinitx tidher li ssostni t-teżi tal-istudju Lear ta’ tnaqqis fil-prezz totali ta’ 32 % f’termini reali (ara wkoll il-punt 267 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fil-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li jgħid li ż-żieda fis-suppliment ma kellhiex effett, minħabba li din ġiet newtralizzata minħabba tnaqqis fil-prezz bażiku, għaliex, peress li l-prezz totali tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit huwa kompost mill-prezz bażiku u mis-suppliment, u peress li dan tal-aħħar jitqies li ma jifformax parti mill-kompetizzjoni u ma huwiex negozjabbli, iż-żieda fis-suppliment irriżultat minn tnaqqis fil-varjabbiltà tal-prezz totali u għalhekk minn tnaqqis fil-marġni ta’ inċertezza ta’ dan il-prezz. Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova intiża biex tpoġġi f’diskussjoni dawn il-konstatazzjonijiet.

269    Barra minn hekk, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-impriżi ta’ tixlif tal-ħadid, li tgħid li l-eżistenza ta’ akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni ma ġietx innotata, biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma jipprovax in-nuqqas ta’ impatt tal-ksur fuq is-suq.

270    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni llimitat ruħha biex issostni li l-ftehim ġie implementat biex tiġi dedotta l-eżistenza ta’ impatt konkret fuq is-suq tagħha hija irrilevanti. F’kull każ, din l-affermazzjoni hija infondata, peress li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 512 sa 524 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju kien influwenza l-prezz tal-bejgħ tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, u b’mod partikolari s-supplimenti ta’ daqs, fl-Italja, matul il-perijodu inkwistjoni.

271    It-tieni nett, ir-rikorrenti tippretendi li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkordju kien limitat għat-territorju Taljan biss u li l-impriżi inkwistjoni kellhom ishma mhux kostanti fis-suq u, f’kull każ, inqas minn 50 % qabel l-1996.

272    Tali argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 592 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-limitazzjoni tal-effetti tal-akkordju għas-suq Taljan biss ma kinitx tippermetti li l-gravità tal-ksur titnaqqas minn “serju ħafna” għal “serju”, għaliex kellu jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs tal-produzzjoni Taljana. Madankollu l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni espressament, fil-premessa 599 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, il-fatt li l-akkordju kien jirrigwarda suq nazzjonali li kien suġġett, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, għal leġiżlazzjoni partikolari tat-Trattat KEFA u li fih l-impriżi inkwistjoni kellhom, fil-perijodu inizjali tal-ksur, ishma limitati.

273    F’kull każ, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-firxa tas-suq ġeografiku tirrappreżenta biss wieħed mit-tliet kriterji rilevanti, skont il-Linji Gwida tal-1998, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur. Fost dawn il-kriterji interdipendenti, in-natura tal-ksur għandha rwol importanti. Min-naħa l-oħra, il-firxa tas-suq ġeografiku ma hijiex kriterju awtonomu, fis-sens li huwa biss il-ksur li jikkonċerna l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jista’ jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”. La t-Trattat KE, la r-Regolament Nru 17, la l-Linji Gwida tal-1998 u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jitqies li biss ir-restrizzjonijiet ġeografikament estiżi ħafna jistgħu jiġu kklassifikati hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 311, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk il-Kummissjoni ġustament qieset li l-limitazzjoni tal-effetti tal-akkordju għas-suq Taljan biss ma kinitx tiġġustifika l-kwalifika tal-ksur bħala “serju”.

274    It-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li, fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tidher li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntesti leġiżlattivi u ekonomiċi tal-aġir inkriminat. Bejn l-1990 u l-2000, kien hemm kriżi ekonomika serja fis-suq Taljan tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit armat, li wasslet għal tnaqqis fid-domanda u għal stabbilità fl-offerta, għal-ħruġ mis-suq ta’ diversi impriżi, għal nuqqas ta’ stabbilità tal-ishma fis-suq tal-impriżi involuti fil-produzzjoni u għal tnaqqis fil-prezzijiet.

275    Tali argument huwa wkoll ibbażat fuq premessa żbaljata u għandu jiġi miċħud.

276    Qabel kollox, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet taf il-kuntest ekonomiku tas-settur tal-azzar fl-Unjoni u b’mod partikolari tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit. Fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ kriżi manifesta fis-settur tas-siderurġija, li l-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, li ma kinux jidħlu iktar fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti mill-1 ta’ Jannar 1986, kienu ġew esklużi mis-“sistema ta’ sorveljanza” minħabba l-fatt li iktar minn 80 % tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit kienu mmanifatturati minn impriżi żgħar bi spejjeż żgħar li normalment ma kienx ikollhom diffikultajiet.

277    Sussegwentement, għandu jitqies li l-Kummissjoni ġustament indikat, fil-premessi 74 u 596 tad-deċiżjoni kkontestata, li, wara li ntemm il-perijodu ta’ kriżi manifesta, l-operaturi tas-settur siderurġiku ma setgħux b’mod raġonevoli jinjoraw il-konsegwenzi tal-aġiri restrittivi tal-kompetizzjoni li dawn kienu implementaw, filwaqt li fakkret li ċerti komunikazzjonijiet ta’ Federacciai kienu jinkludu l-kitba “Eqred wara li taqra’”, liema ħaġa ma kienet tħalli ebda dubju dwar in-natura illegali tagħhom.

278    Fl-aħħar nett, fil-punt 272 iktar ’il fuq diġà ġie rrilevat li l-Kummissjoni kienet indikat li ħadet inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, il-fatt li l-akkordju kien jirrigwarda suq nazzjonali li kien suġġett, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, għal leġiżlazzjoni partikolari tat-Trattat KEFA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 3.5 miljun, jiġifieri inqas minn 20 % mill-livell minimu ta’ EUR 20 miljun li huwa normalment previst mill-Linji Gwida tal-1998 għal dan it-tip ta’ ksur gravi ħafna (ara t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji Gwida tal-1998). Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntesti leġiżlattivi u ekonomiċi tal-aġir inkriminat f’din il-kawża.

279    Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-allegata kriżi ekonomika serja fis-settur Taljan tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit ma kinitx tiġġustifika l-kwalifika tal-ksur bħala “serju”.

280    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li din il-parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-applikazzjoni żbaljata taż-żieda ta’ 105 % abbażi tat-tul tal-ksur

281    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni żbaljat meta żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’105 % abbażi tat-tul tal-ksur.

282    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta sostniet, fil-premessa 607 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kien dam iktar minn għaxar snin u sitt xhur għall-impriżi kollha, ħlief għal Ferriere Nord, u meta applikat, konsegwentement, żieda ta’ 105 % mal-ammont bażiku tal-multa tagħha. Huwa effettivament bi żball li l-Kummissjoni imputat il-ksur lir-rikorrenti għall-perijodu mis-6 ta’ Diċembru 1989 sal-5 ta’ Marzu 1991, peress li matul dan il-perijodu, kienet Leali li kkontrollat lill-ewwel Siderpotenza.

283    Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 209 sa 213 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament imputat il-ksur lir-rikorrenti għall-perijodu mis-6 ta’ Diċembru 1989 sal-5 ta’ Marzu 1991.

284    Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma pprovatx li SP jew il-kumpanniji li ppreċedewha kienu implementaw aġiri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni mill-1989 sal-1991.

285    Anki kieku jitqies li tali lment, li ma ġiex ifformulat fir-rikors, huwa ammissibbli, għandu jiġi kkonstatat li huwa infondat. Minn naħa, il-Kummissjoni stabbilixxiet li SP kienet id-destinatarja tal-komunikazzjoni ta’ Federacciai tas-6 ta’ Diċembru 1989 dwar il-prezzijiet tas-“supplimenti tad-daqs” u li l-kumpannija msemmija kienet bidlet il-lista tal-prezzijiet tagħha b’mod konformi ma’ dak li kien stabbilit f’din il-komunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonstatat li sitt impriżi, fosthom SP, kienet kemm-il darba bidlet, u b’mod kważi identiku, is-supplimenti tal-prezz fil-21 ta’ Marzu u fit-2 ta’ April 1990, fl-1 u fl-20 ta’ Awwissu 1990, fis-17 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Frar 1991 u fl-1 ta’ Ġunju u fit-28 ta’ Awwissu 1991.

286    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-operaturi interessati li għandhom jikkonfutaw il-preżunzjoni li tgħid li l-impriżi parteċipanti fil-ftehim jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 261 iktar ’il fuq, punt 121, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 162). Fin-nuqqas ta’ kull prova f’dan is-sens, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ prova tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1989 u fl-1990 ma jistax jirnexxi.

287    Fit-tieni lok, fir-replika, ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet provi li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ SP fil-ftehim fuq il-prezzijiet bażiċi u l-prezzijiet tas-supplimenti tad-daqs.

288    Tali lment, li kieku kellu jitqies li huwa ammissibbli ġaladarba ma ġiex ifformulat fir-rikors, ma jistax jiġi milqugħ, għaliex ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova għall-finijiet li tirribatti l-kunsiderazzjonijiet li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fil-premessi 220, 233, 240, 241, 245 sa 267 u 562 tad-deċiżjoni kkontestata, biex tipprova l-parteċipazzjoni msemmija.

289    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li, fil-premessa 606 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hija kienet issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-parti tal-akkordju li jikkonċerna l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni u tal-bejgħ matul il-perijodu mid-9 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Novembru 1998. Għalhekk il-Kummissjoni wettqet żball meta akkużatha b’parteċipazzjoni mhux interrotta fl-akkordju u meta applikat mal-ammont inizjali tal-multa tagħha koeffiċjent analogu għal dak ta’ kumpanniji oħra. F’dan ir-rigward, il-fatt li, skont il-Kummissjoni, il-ksur inkwistjoni għandu l-karattru ta’ ksur uniku u kontinwu ma jippermettix li jiġi ġġustifikat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali.

290    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aġiri kkonstatati kienu jikkostitwixxu ksur uniku, kumpless u kontinwu li seta’ jiġi kkwalifikat bħala ksur uniku li kkonkretizza ruħu permezz ta’ aġir kontinwu li kien jikkonsisti kemm fi ftehim kif ukoll fi prattiki miftiehma, li lkoll kellhom l-istess għan, jiġifieri ż-żieda fil-prezzijiet tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit.

291    Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni sostniet li kienet ċerta li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kien dam mill-inqas mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000. Madankollu, din ippreċiżat li, mid-9 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Novembru 1998, Lucchini‑SP kienet issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-parti tal-akkordju relattiva għal-limitazzjoni jew għall-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ.

292    F’dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrenti relatati mat-tul tal-ksur li ġie lmentat kontriha, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax formalment il-kwalifikazzjoni tal-akkordju bħala ksur uniku u kontinwu.

293    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li impriża li pparteċipat fi ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġiri tagħha stess, li jidħlu fil-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 65 KEFA u li huma intiżi biex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, tista’ tkun responsabbli wkoll għall-aġiri implementati minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imsemmi, meta jkun stabbilit li l-impriża inkwistjoni taf bl-aġiri li jikkostitwixxu ksur tal-parteċipanti l-oħra jew li din tista’ b’mod raġonevoli tipprevedihom u li din hija lesta li taċċetta r-riskju tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 261 iktar ’il fuq, punt 203, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, Ġabra, punt 42; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il‑Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra p. II‑1613, punt 73, u Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 261 iktar ’il fuq, punt 50).

294    B’hekk il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur. Meta jiġi stabbilit li impriża kienet taf bl-aġiri li jikkostitwixxu ksur tal-parteċipanti l-oħra, jew li din setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li din kienet lesta li taċċetta r-riskju għalihom, din titqies ukoll bħala responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, għall-aġiri implementati minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 165 iktar ’il fuq, punt 328, u Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 261 iktar ’il fuq, punt 156).

295    Għalhekk, l-assenza ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-parti tal-akkordju relatata mal-limitazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ mid-9 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Novembru 1998 ma jistax ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur ikkonstatat fir-rigward tagħha. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali.

296    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà individwali tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, għalkemm il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li din ipparteċipat fihom, ma huwiex rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur, tali element għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 261 iktar ’il fuq, punt 90, u s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 165 iktar ’il fuq, punt 292).

297    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pparteċipatx fil-parti tal-akkordju relatata mal-limitazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ mid-9 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Novembru 1998.

298    Madankollu, fil-premessa 613 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li dan in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni diretta f’waħda mill-partijiet fl-akkordju, matul perijodu qasir, ma kienx jiġġustifika tnaqqis fil-ammont tal-multa. B’mod partikolari, l-ewwel nett, din ippreċiżat li l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ kellha bħala għan waħdieni l-iffissar ta’ prezz bażiku ogħla, hekk kif jixhdu dokumenti interni u dikjarazzjonijiet ta’ Lucchini‑SP. Sussegwentement, il-Kummissjoni żiedet li l-ksur inkwistjoni ma kienx inqas gravi, għaliex waħda jew l-oħra mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ipparteċipat, matul perijodu qasir, f’waħda mill-elementi tiegħu. Fl-aħħar nett, hija fakkret li l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ Lucchini kienet tikkonċerna biss waħda, jew massimu ta’ tnejn, minn dak li preċedentement kien ġie ddefinit bħala l-proposti tal-kumpannija konsulenti K. ta’ April u ta’ Lulju 1998.

299    Għandu jitqies li din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi.

300    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova intiża biex tikkontesta l-motivi invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 613 tad-deċiżjoni kkontestata biex din ma tingħatax il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba l-assenza ta’ parteċipazzjoni diretta tagħha, matul perijodu qasir, fil-parti tal-akkordju relatata mal-limitazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ mid-9 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Novembru 1998.

301    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li, l-ewwel nett, minn dokument intern ta’ Lucchini‑SP ta’ April 1998 jirriżulta li “l-ftehim bejn il-produtturi [kellu] jikkonsenti żieda fil-prezz ta’ madwar ITL 15‑20 matul Mejju” u li “[p]eress li t-talba ma hijiex partikolarment sostnuta, dan it-tentattiv [kellu] jiġi sostnut minn tnaqqis fil-produzzjoni min-naħa tal-produtturi kollha, stmat għal madwar 20 % tal-produzzjonijiet mensili rispettivi tagħhom”, it-tieni nett, din weriet, matul il-perijodu immedjatament sussegwenti għall-intervent ta’ kontroll mill-kumpannija ta’ konsulenza K., ċertu aspettattiva fil-fatt li s-sitwazzjoni twassal biex jinkisbu, min-naħa tal-produtturi, iż-żidiet mixtieqa fil-prezzijiet tal-bejgħ u, it-tielet nett, il-fatt, verifikabbli u dokumentat, li anki impriżi li ma jipparteċipawx fis-sistema ta’ tnaqqis fil-produzzjoni mwettqa permezz tal-kontroll mill-kumpannija ta’ konsulenza K., iżda li joperaw f’armonija magħha, kienu jafu b’din is-sistema kif ukoll bin-natura utli tagħha għal żieda miftiehma fil-prezz tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit.

302    Għalhekk anki din il-parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti oħra

303    Ir-rikorrenti tosserva li l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-punt 3 tal-Linji Gwida tal-1998.

304    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti kkooperat b’mod effettiv matul il-proċedura amministrattiva kollha, li kienet ikkaratterizzata minn numru ta’ żbalji min-naħa tal-Kummissjoni u minn talbiet għal informazzjoni ripetuti, li r-rikorrenti dejjem irrispondiet fit-termini mogħtija.

305    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li sa fejn il-Linji Gwida tal-1998 jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kollaborazzjoni effettiva ta’ impriża fil-proċeduri bħala ċirkustanza attenwanti, huma jirreferu għall-każijiet li jinsabu “barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-[Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996]” (is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida tal-1998). Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li din il-kawża tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 li tipprevedi, fl-ewwel paragrafu tal-punt A 1 tagħha, il-każ ta’ akkordji sigrieti għall-iffissar tal-prezzijiet, tal-kwoti ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ, it-tqassim tas-swieq jew il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet jew tal-esportazzjonijiet. Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma kkunsidratx l-allegata kooperazzjoni tagħha bħala ċirkustanza attenwanti, lil hinn mill-kuntest ġuridiku tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 609 u 610, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 380 sa 382).

306    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Unjoni fakkret li kooperazzjoni fl-investigazzjoni li ma kinitx teċċedi dak li kien jirriżulta mill-obbligi imposti fuq l-impriżi bis-saħħa tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 jew tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 ma kinitx tiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Weig vs Il‑Kummissjoni, T‑317/94, Ġabra p. II‑1235, punt 283, u tat‑18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 218).

307    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma kisbet ebda benefiċċju, u lanqas profitt mill-akkordju.

308    Tali argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li turi l-allegat nuqqas ta’ profitt tagħha minħabba l-akkordju u tillimita ruħha biex tinvoka tnaqqis kbir fil-produzzjoni, telf finanzjarju kbir u tensjoni finanzjarja sensittiva fl-2009 kif ukoll l-istat ta’ likwidazzjoni ta’ SP.

309    F’kull każ, anki kieku kellu jitqies li r-rikorrenti ma għamlitx profitt mill-prattiki li ġiet ikkritikata bihom, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm l-ammont tal-multa imposta għandu jkun proporzjonali mat-tul tal-ksur u mal-elementi oħra li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fosthom il-profitt li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu mill-prattiki tagħha, il-fatt li impriża ma għamlet ebda profitt mill-ksur ma jistax jipprekludi l-impożizzjoni ta’ multa, inkella din tal-aħħar titlef mill-effett dissważiv tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni ma hijiex marbuta, sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ qligħ mill-ksur inkwistjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ vantaġġ finanzjarju marbut mal-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il‑Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punti 184 sa 186, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-profitt operattiv dgħajjef allegatament magħmul fl-industrija kkonċernata sabiex tiffissa l-ammont tal-multi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Wieland‑Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑11/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 227).

310    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma hijiex attiva fis-suq tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit.

311    Dan l-argument ma jistax jirnexxi peress li fil-punti 209 sa 237 iktar ’il fuq ġie stabbilit li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti u SP kienu jikkostitwixxu entità ekonomika unika li lilha kienu imputabbli, minbarra l-aġiri tagħhom stess, l-aġiri tal-ewwel Siderpotenza u ta’ Lucchini Siderurgica, li kienu legalment stralċjati. Issa, huwa paċifiku li l-ewwel u s-Siderpotenza l-ġdida kif ukoll Lucchini Siderurgica kienu jipproduċu vireg għar-rinfurzar tal-konkrit matul il-perijodu tal-akkordju u li r-rikorrenti kienet preċiżament attiva fis-suq inkwistjoni permezz tal-impriżi msemmija.

312    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li, skont il-Linji Gwida tal-1998, id-dħul mill-bejgħ globali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kien dak li jikkorrispondi għas-sena preċedenti għal dik tad-deċiżjoni kkontestata jew għal dik immedjatament qabel, f’din il-kawża, il-fatt li jsir riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-2007 ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u lanqas mal-ispirtu tal-politika dwar il-kompetizzjoni, peress li dan id-dħul mill-bejgħ ma jistax jintrabat mal-perijodu li matulu seħħ l-allegat ksur, jiġifieri l-perijodu 1989‑2000, u dan minħabba proċedura amministrattiva twila b’mod mhux normali minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni.

313    Dan l-argument ukoll huwa infondat peress li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet diġà ffissat l-ammont tal-multi li hija kellha l-intenzjoni li timponi fuq l-impriżi inkwistjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002. Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-użu tal-iktar dħul mill-bejgħ riċenti ta’ Lucchini‑SP kellu riperkussjonijiet fuq id-determinazzjoni tal-multiplikatur għal finijiet dissważivi, peress li l-Kummissjoni qieset li kien ġustifikat li l-ammont bażiku jiżdied b’200 % pjuttost milli b’225 %, għaliex ir-relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Lucchini‑SP u dak tal-ikbar waħda mill-impriżi l-oħra kien naqas minn 1:3 fl-2001 għal 1:2 fl-2008, b’tali mod li l-ammont globali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata kien inqas minn dak tal-multa ffissata bid-deċiżjoni tal-2002.

314    F’kull każ, għandu jiġi nnotat li, b’mod partikolari minħabba operazzjonijiet ta’ trasferiment jew ta’ konċentrazzjoni, ir-riżorsi globali ta’ impriża jistgħu jvarjaw, billi jonqsu jew jiżdiedu, b’mod sinjifikanti f’perijodu ta’ żmien relattivament qasir, b’mod partikolari bejn il-waqfien tal-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Għalhekk ir-riżorsi msemmija għandhom jiġu evalwati, sabiex l-għan ta’ dissważjoni jinkiseb korrettement, u dan fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-jum meta tiġi imposta l-multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 285).

315    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda t-tul tal-proċeduri amministrattivi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li għaddew sentejn bejn l-ewwel verifiki tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 47 KEFA u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, u sentejn oħra bejn l-annullament tad-deċiżjoni msemmija u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 17 sa 23 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma tistax validament tallega li t-tul ta’ din il-proċedura kien twil b’mod mhux normali.

316    Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tikkritika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

317    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din il-parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ multa simbolika

318    Ir-rikorrenti tosserva li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kellha timponi fuqha multa simbolika.

319    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ksur inkwistjoni għandu karattru ta’ novità, peress li huwa l-ewwel każ li fih kumpannija li ma hijiex involuta fil-produzzjoni tal-beni li huwa s-suġġett tal-akkordju qed tiġi ssanzjonata għal ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA. Għandu jiġi applikat, mutatis mutandis, ir-raġunament adottat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 — Perossidi organiċi).

320    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma kinitx isservi bħala kuntest ġuridiku applikabbli għall-multi fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni u li deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 205; Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 233, u tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, punt 104).

321    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq fehma żbaljata tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 65 KEFA. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 197 sa 237 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti kienet tikkostitwixxi, flimkien mas-Siderpotenza l-ġdida (illum SP), impriża unika li lilha kien imputabbli mhux biss l-aġir tagħhom stess, iżda anki dak tal-ewwel Siderpotenza u ta’ Lucchini Siderurgica. Għalhekk, ir-rikorrenti ġiet ikkundannata personalment għal ksur li titqies li wettqet hija stess fis-settur tal-vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, minħabba r-rabtiet ekonomiċi u legali li kienu jorbtuha ma’ SP (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 141, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä‑Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punti 28 u 34). Għalhekk, hija ma tistax issostni li l-Kummissjoni kellha timponi fuqha multa simbolika minħabba l-fatt li hija ma kinitx involuta fil-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni.

322    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni tal-2002 hija l-“ewwel deċiżjoni” li ġiet annullata minħabba bażi legali żbaljata fil-kuntest tas-suċċessjoni tat-Trattat KEFA u tat-Trattat KE, u saħansitra tat-Trattat FUE.

323    Lanqas dan l-argument ma jista’ jiġi milqugħ. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-ksur seħħ qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA u li impriża diliġenti fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma setgħet f’ebda mument tinjora l-konsegwenzi tal-aġir tagħha (ara l-punti 153 u 154 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, diġà ġie rrilevat li r-riferiment għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE kien ineffettiv sa fejn il-firxa tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 101(1) TFUE kienet identika (ara l-punt 194 iktar ’il fuq).

324    Fit-tielet lok, l-applikazzjoni ta’ multa simbolika kienet ġustifikata mill-fatt li l-effett tal-ksur fuq is-suq rilevanti ma kienx sinjifikanti.

325    Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud, għar-raġunijiet esposti fil-punti 260 sa 273 iktar ’il fuq.

326    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-proċeduri kien eċċessiv minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni.

327    Lanqas dan l-argument ma jista’ jiġi milqugħ. Hekk kif ġie nnotat fil-punt 315 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax validament tallega li l-proċeduri li wasslu rispettivament għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002 u għal dik tad-deċiżjoni kkontestata kienu twal b’mod mhux normali.

328    F’kull każ, għandu jitfakkar li, għalkemm l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura l-osservanza tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, C‑282/95 P, Ġabra p. I‑1503, punti 36 u 37; Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, punti 167 sa 171, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 40), biex jiġi deċiż li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, għandu jiġi evalwat l-impatt tat-tul tal-proċeduri fuq id-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punti 73 u 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

329    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tippretendix li t-tul tal-proċeduri kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha. Għalhekk, is-sempliċi allużjoni għat-tul tal-proċeduri ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ multa simbolika.

330    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, f’din il-kawża, iċ-ċirkustanzi għall-applikazzjoni ta’ multa simbolika kienu sodisfatti ma tistax tiġi aċċettata u li għalhekk din il-parti tal-ħames motiv, kif ukoll il-motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

331    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. Minbarra dan, f’dak li jikkonċerna t-talba, ippreżentata sussidjarjament, intiża għal bidla fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ma hemmx lok, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li din it-talba tintlaqa’.

 Fuq l-ispejjeż

332    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

333    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it‑talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Lucchini SpA hija ikkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Popescu

Berardis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Diċembru 2014.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

1. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

2. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

3. Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

4. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA

Is-suġġett tat-tilwima

Il-preżentazzjoni tar-rikorrenti

Il-fatti li wasslu għall-kawża

L-ewwel deċiżjoni

Żviluppi sussegwenti għan-notifika tal-ewwel deċiżjoni

Id-deċiżjoni li temenda

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq l-ammissibbiltà tal-annessi magħquda mar-replika

2. Fuq it-talbiet intiżi għall-kisba tal-konstatazzjoni tal-ineżistenza jew tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq żball ta’ liġi fl-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament Nru 1/2003

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u fuq żball ta’ liġi

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura amministrattiva u fuq in-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA, bħala regola iktar favorevoli mill-Artikolu 81 KE

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq assenza ta’ prova u ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt sostantiv

3. Fuq it-talbiet intiżi biex jinkiseb tnaqqis fl-ammont tal-multa

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni

Fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-assenza ta’ prova

Fuq l-applikazzjoni żbaljata taż-żieda ta’ 105 % abbażi tat-tul tal-ksur

Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti oħra

Fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ multa simbolika

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.