Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2010 - Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-90/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ferriere Nord SpA (Osoppo, l-Italja) (rappreżentanti: W. Viscardini, G. Donà, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Prinċipalment, tannulla, skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2009 C(2009) 7492 finali, tat-30 ta' Settembru - kif emendata u kkompletata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-8 ta' Diċembru 2009 C(2009) 9912 finali, nnotifikata fid-9 ta' Diċembru 2009 - li biha r-rikorrenti ġiet ikkundannata tħallas multa għall-ammont ta' EUR 3.570.000,00 wara proċedura skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (COMP/37.956 - Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit, adozzjoni mill-ġdid).

Sussidjarjament, tannulla parzjalment id-Deċiżjoni C(2009) 7492 finali - kif emendata u kkompletata bid-Deċiżjoni C(2009) 9912 finali - u konsegwentement tnaqqas il-multa.

Fi kwanunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni, tat-30 ta' Settembru 2009, kif emendata u kkompletata bid-deċiżjoni tat-8 ta' Diċembru 2009, li biha l-Kummissjoni ssanzjonat ksur tal-Artikolu 65 KEFA abbażi tar-Regolament (KE) 1/20031.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali huma simili għal dawk invokati f'rikorsi oħra ppreżentati kontra l-imsemmija deċiżjoni.

B'mod partikolari, ir-rikorrenti tinvoka, fost l-oħrajn, il-motivi li ġejjin:

nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tissanzjona ksur tat-Trattar KEFA wara li dan skada;

nuqqas ta' notifika minn qabel ta' "dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet" ġdida;

nuqqas ta' seduta oħra quddiem l-Uffiċjal tas-Seduta;

rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta posterjuri għad-deċiżjoni tat-30 ta' Settembru 2009;

adozzjoni tad-deċiżjoni, tat-30 ta' Settembru 2009, mingħajr l-annessi msemmija fiha.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tal-imsemmija deċizjonijiet għal diversi motivi, fosthom dawn li ġejjin:

evalwazzjoni ġuridika tal-fatti żbaljata (rigward it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, l-ilmenti mressqa, il-prezz bażiku, il-prezzijiet għal daqsijiet supplimentari, il-limitazzjoni tal-produzzjoni u/jew tal-bejgħ);

nuqqas ta' proporzjonalità tal-multa meta mqabbla mal-gravità u mat-tul tal-akkordju;

nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' ċirkustanzi attenwanti;

applikazzjoni żbaljata tal-kriterji previsti mill-"Avviż tal-Kummissjoni, tat-18 ta' Lulju 1996, dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni jew it-tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell".

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).