Language of document : ECLI:EU:C:2024:87

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑25 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C27/23 [Hocinx] (i)

FV

vs

Caisse pour l’avenir des enfants

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 1(i) – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Allowance tal-familja – Direttiva 2004/38/KE – Punt 2 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ “membri tal-familja” – Esklużjoni tal-wild li jkun suġġett għal deċiżjoni ġudizzjarja ta’ tqegħid – Differenza fit-trattament bejn il-wild li jkun is-suġġett ta’ tali deċiżjoni fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza u l-wild mhux residenti – Assenza ta’ ġustifikazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Stat Membru jista’ jeskludi ħaddiem transkonfinali mill-benefiċċju ta’ allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju tal-attività tiegħu bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru fir-rigward tal-wild mingħajr rabta ta’ filjazzjoni li jkun tqiegħed fid-dar tiegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li tiegħu għandu l-kustodja, filwaqt li l-ulied li jkunu s-suġġett ta’ tqegħid fil-kura ġudizzjarju fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance mħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tagħhom?

2.        Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu) fil-kuntest ta’ tilwima bejn FV, ħaddiem fruntalier li jirrisjedi fil-Belġju, u l-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tal-Ulied, il-Lussemburgu, iktar ’il quddiem iċ-“CAE”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti allowance tal-familja lil wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ FV, li ma għandux rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan tal-aħħar.

3.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tinterpreta mill-ġdid l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 (2), moqrija flimkien mal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (3) u l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 (4), u hija mitluba tiddetermina jekk teżistix diskriminazzjoni indiretta, ipprojbita mill-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema.

4.        Din il-kawża hija estensjoni tal-kawża li tat lok għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (5), li kienet tirrigwarda l-istess allowance tal-familja taċ-CAE, u toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża sa fejn is-soluzzjoni mogħtija f’dik is-sentenza hija trasponibbli għal dan il-każ, billi tikkunsidra, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet tal-għoti ta’ din l-allowance tal-familja, il-kunċett ta’ “membru tal-familja” għandux jinkludi wkoll wild imqiegħed fid-dar ta’ ħaddiem fruntalier.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament Nru 492/2011

5.        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

[...]”

2.      IrRegolament Nru 883/2004

6.        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

i)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

1)      i)      kwalunkwe persuna definita jew rikonoxxuta bħala membru tal-familja jew indikata bħala membru tad-dar mil-leġislazzjoni li taħtha jingħataw il-benefiċċji;

ii)      fir-rigward ta’ benefiċċji mogħtija in natura skond it-Titolu III, Kapitolu 1 dwar benefiċċji marbuta mal-mard, benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità, kwalunkwe persuna definita jew rikonoxxuta bħala membru tal-familji jew indikata bħala membru tad-dar mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn din il-persuna għandha r-residenza tagħha;

2)      Jekk il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru li hija applikabbli taħt is-subparagrafu 1 ma tagħmilx distinzjoni bejn membri tal-familji u persuni oħra li tapplika għalihom, ir-raġel jew il-mara, l-ulied minorenni, u l-ulied li għandhom l-età tagħhom iżda għadhom jiddependu fuq il-ġenituri għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja;

3)      Jekk, taħt il-leġislazzjoni applikabbli taħt is-subparagrafi 1 u 2, persuna titqies bħala membru tal-familja jew membru tad-dar biss jekk hija tgħix fl-istess dar mal-persuna assigurata jew mal-persuna pensjonanta, din il-kondizzjoni għandha titqies bħallikieku sodisfatta jekk il-persuna konċernata tiddependi primarjament fuq il-persuna assigurata jew fuq il-persuna pensjonanta;

[...]”

7.        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Trattament ugwali”, jistabbilixxi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

8.        Skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

3.      IrRegolament Nru 987/2009

9.        L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament bażiku” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament bażiku, għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn. Fejn persuna hi intitolata li titlob il-benefiċċji ma teżerċitax id-dritt tagħha, applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja ppreżentata mill-ġenitur l-ieħor, persuna ttrattata bħala ġenitur, jew persuna jew istituzzjoni li tkun qed taġixxi bħala t-tutur tat-tifel/tifla jew tat-tfal għandha titqies mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hi applikabbli.”

4.      IdDirettiva 2004/38/KE

10.      Skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE (6):

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

[...]

ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b)”.

5.      IdDirettiva 2014/54/UE

11.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/54/UE (7) jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi fil-prattika tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament [Nru 492/2011]. Din id-Direttiva tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u għall-membri tal-familja tagħhom [...]”

12.      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

1.      Din id-Direttiva tapplika għas-suġġetti li ġejjin, kif imsemmija fl-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament [Nru 492/2011], fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema:

[...]

c)            l-aċċess għall-vantaġġi soċjali u fiskali;

[...]

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa identiku għal dak tar-Regolament [Nru 492/2011].”

B.      Iddritt Lussemburgiż

13.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma l-Artikoli 269 u 270 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali) (8).

14.      L-Artikolu 269 tal-Kodiċi intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Allowance għall-futur tal-ulied, iktar ’il quddiem ‘allowance tal-familja’ hija stabbilita.

Jagħti dritt għall-allowance tal-familja:

a)      kull wild, li jirrisjedi fil-fatt u b’mod kontinwu fil-Lussemburgu u li għandu d-domiċilju legali tiegħu hemmhekk;

b)      il-membri tal-familja tagħhom kif iddefiniti fl-Artikolu 270 ta’ kull persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti Ewropej jew ta’ strument ieħor bilaterali jew multilaterali konkluż mil-Lussemburgu fil-qasam tas-sigurtà soċjali u li jipprovdi għall-ħlas ta’ allowances tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-impjieg. Il-membri tal-familja għandhom jirrisjedu f’pajjiż kopert mir-regolamenti jew mill-istrumenti inkwistjoni.”

15.      L-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Għall-applikazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 269(1), jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna u jagħtu dritt għall-allowance tal-familja, l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra ż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna.”

16.      L-Artikolu 273(4) tal-istess kodiċi jippreċiża, għal dak li jirrigwarda ulied residenti:

“Fil-każ ta’ tqegħid ta’ wild b’deċiżjoni ġudizzjarja, l-allowance tal-familja titħallas lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild u li magħha l-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu.”

III. Ilfatti talkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

17.      FV, li jaħdem fil-Lussemburgu u jirrisjedi fil-Belġju, jibbenefika mill-istatus ta’ ħaddiem fruntalier u jiddependi b’hekk mill-iskema Lussemburgiża għall-allowances tal-familja. Sa mis‑26 ta’ Diċembru 2005, il-wild FW tqiegħed fid-dar ta’ FV permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja Belġjana. FV kien ilu diversi snin jibbenefika minn allowances tal-familja Lussemburgiżi fir-rigward tal-wild FW, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem fruntalier.

18.      Sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi tat‑23 ta’ Lulju 2016 li emendat il-Kodiċi, FV ma baqax jirċievi l-allowances tal-familja fir-rigward tal-wild imqiegħed fid-dar tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2017, il-bord tat-tmexxija taċ-CAE neħħa lil FV, b’effett retroattiv għall‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowances tal-familja miġbura fir-rigward tal-wild FW għar-raġuni li dan il-wild, peress li ma kellux rabta ta’ filjazzjoni ma’ FV, ma kellux il-kwalità ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi.

19.      Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) ikkonferma, permezz ta’ bidla, id-deċiżjoni taċ-CAE tas‑7 ta’ Frar 2017. FV appella fil-kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni).

20.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju, b’deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Jannar 2023, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu 45 TFUE u mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 492/2011], kif ukoll mill-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 883/2004] u mill-Artikolu 60 tar-Regolament [Nru 987/2009] jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħhom il-ħaddiema fruntalieri ma jkunux jistgħu jirċievu allowance tal-familja, marbuta mal-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dan l-Istat Membru, fir-rigward tat-tfal li jitqiegħdu magħhom permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk it-tfal kollha li jkunu ġew suġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja ta’ tqegħid u li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance li tingħata lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fdata bil-kustodja tal-minuri u li magħha l-minuri jkollu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu? Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tkun affettwata mill-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni lil dan il-minuri?”

21.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn FV, miċ-CAE kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża.

IV.    Analiżi ġuridika

22.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqrija flimkien mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħaddiema transkonfinali ma jistgħux jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minnhom, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dan l-Istat Membru fir-rigward tal-ulied li jkunu tqiegħdu magħhom u li tagħhom għandhom il-kustodja, filwaqt li l-ulied li jkunu suġġetti għal tqegħid fil-kura ġudizzjarju fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt jirċievu din l-allowance mħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild, u jekk il-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni lill-wild għandux effett fuq ir-risposta għal din id-domanda.

23.      Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, infakkar li, b’deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2017, iċ-CAE, billi bbaża ruħu fuq l-Artikoli 269 u 270 tal-Kodiċi, iddikjara li FV ma kienx għadu jibbenefika, b’effett retorattiv għall‑1 ta’ Awwissu 2016, mill-allowance tal-familja fir-rigward tal-wild FW, għar-raġuni li dan il-wild ma kellu ebda rabta familjari miegħu, u konsegwentement, ma setax jiġi kkunsidrat bħala membru tal-familja tiegħu b’applikazzjoni tal-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi (9). Fil-fatt, kif tindika l-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni ta’ wild mqiegħed f’kura permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali ma hijiex prevista mill-imsemmi kodiċi u għalhekk ma tagħtix dritt għal dan il-benefiċċju tal-familja (10).

24.      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega li wild resident għandu, fil-każijiet kollha, dritt dirett għall-ħlas ta’ benefiċċji tal-familja (11). Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-wild mhux residenti, tali dritt huwa previst biss bħala dritt derivat għall-“membri tal-familja” tal-ħaddiem transkonfinali, li ma jinkludux l-ulied imqiegħda permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ tali ħaddiem (12). Għalhekk din il-qorti, billi tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, trid tkun taf jekk din id-differenza fit-trattament hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li, il-kliem “wild ta’ ħaddiem transkonfinali” li jista’ jibbenefika indirettament minn vantaġġi soċjali, għandhom jinkludu wkoll wild li għandu rabta familjari mal-konjuġi jew is-sieħeb jew is-sieħba rreġistrata tal-ħaddiem ikkonċernat.

25.      FV u l-Kummissjoni jikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità. Mill-banda l-oħra, iċ-CAE jargumenta li, f’dan il-każ, il-wild FW ma għandu ebda rabta familjari mal-ħaddiem transkonfinali jew mal-konjuġi tiegħu. Għalhekk, huwa jsostni li FV ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament la direttament u personalment, u lanqas fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu.

26.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, ser neżamina fil-qosor l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011 għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Taqsima A); fit-tieni lok, ser nesponi l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, billi nirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Taqsima B); fit-tielet lok, ser nindirizza l-kunċett ta’ “membru tal-familja” għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja (Taqsima C); fir-raba’ lok, ser nikkunsidra, fid-dawl tal-ġurisprudenza, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, moqri flimkien, b’mod partikolari, mar-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011, sabiex niddetermina jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, billi neżamina, b’mod partikolari, l-argumenti mressqa miċ-CAE (Taqsima D), u fl-aħħar nett, fil-ħames u fl-aħħar lok, ser nippreċiża x’inhu l-effett tal-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni l-wild fuq ir-risposta proposta (Taqsima E).

A.      Fuq lapplikabbiltà tarRegolamenti Nri 883/2004 u 492/2011 għal fatti bħal dawk inkwistjoni filkawża prinċipali

27.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali li minnhom il-ħaddiema migranti u transkonfinali jistgħu jibbenefikaw fir-rigward ta’ uliedhom (13) u b’mod partikolari, tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, dwar l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011 għal allowance tal-familja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ser nindirizza din il-kwistjoni fil-qosor (14).

28.      Qabelxejn, nirrileva, li ħaddiem bħal FV, li filwaqt li jaħdem fil-Lussemburgu u għalhekk, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża fil-qasam tas-sigurta soċjali, jirrisjedi fil-Belġju (15), jaqa’, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament (16).

29.      Imbagħad, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, li allowance tal-familja, bħal dik prevista fl-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi, tikkostitwixxi benefiċċju ta’ sigurtà soċjali li jaqa’ taħt il-benefiċċji tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament (17). Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali allowance tal-familja titħallas fir-rigward tal-ulied kollha residenti fil-Lussemburgu kif ukoll fir-rigward tal-ulied kollha ta’ ħaddiema mhux residenti li għandhom rabta ta’ filjazzjoni ma’ dawn tal-aħħar. Konsegwentement, dan il-benefiċċju jingħata mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment (18). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li jidher li l-imsemmi benefiċċju jirrappreżenta kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied (19).

30.      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 492/2011 (20), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li mill-għan tal-ugwaljanza fit-trattament imfittex mill-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, estiż mill-imsemmija dispożizzjoni għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra, jinkludi l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk xierqa sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni, u għalhekk, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti (21).

31.      Huwa fid-dawl ta’ dan il-kunċett li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata minn ħaddiem fruntalier, bħal fil-każ ta’ FV, tikkostitwixxi vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (22).

32.      Għalhekk, ma hemm l-ebda dubju li allowance tal-familja bħal dik prevista fl-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni bħala allowance tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, u bħala vantaġġ socjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (23).

B.      Ilġurisprudenza talQorti talĠustizzja

1.      Ħarsa ġenerali filqosor talġurisprudenza dwar ilprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament filkuntest talmoviment liberu talħaddiema

33.      Kif nafu, l-Artikolu 45 TFUE jiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. Din il-libertà tikkostitwixxi waħda mill-pedamenti tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

34.      Huwa fis-sentenza Kempf (24) li sar riferiment għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja l-prinċipju li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (25). Tali interpretazzjoni wiesgħa hija meħtieġa peress li l-kunċett ta’ “ħaddiem” – kif ukoll dak ta’ “attività bħala persuna impjegata” – jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (26).

35.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din it-tieni dispożizzjoni (27). B’hekk, il-ħaddiema li diġà daħlu fis-suq tax-xogħol, kif inhu l-każ ta’ FV, jistgħu jippretendu, abbażi ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, l-istess vantaġġi soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali (28). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset diversi drabi li din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti kif ukoll lill-ħaddiema fruntalieri (29).

36.      Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha indiretti ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (30).

37.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, li tinsab fil-qalba tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom il-ħaddiema fruntalieri jistgħu jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minnhom, ta’ attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru fir-rigward tal-ulied tagħhom stess biss, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom ma għandhomx rabta ta’ filjazzjoni, iżda li huma jmantnu, filwaqt li l-ulied kollha residenti f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance (31).

38.      Kif indikajt fl-introduzzjoni tiegħi, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hijiex trasponibbli għas-sitwazzjoni ta’ FV fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik ta’ wild li tqiegħed fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Għalhekk, għandi neżamina jekk, fir-rigward tal-prinċipji fundamentali stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mfakkra iktar kmieni, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistax toħloq differenza fit-trattament fil-konfront tal-ħaddiema fruntalieri li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.

39.      Għalhekk, fid-dawl tad-differenzi bejn is-sitwazzjoni ġuridika ta’ wild imqiegħed f’kura ġudizzjarjament u dik ta’ wild li għandu rabta ta’ filjazzjoni, inkluż adottiv, ma’ wieħed jew mat-tnejn mill-ġenituri li jgħix magħhom, tqum mistoqsija preliminari: dik dwar jekk il-kunċett ta’ “membru ta’ familja” għandux, għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni, jinkludi wkoll wild imqiegħed fid-dar tal-ħaddiem fruntalier.

40.      Jiena konvint, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, li din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba affermattiva.

2.      Issentenza Caisse pour l’avenir des enfants: ilkunċett ta’ “membru talfamilja” fissens talpunt 2 talArtikolu 2 tadDirettiva 2004/38

41.      Il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “membru tal-familja” għandux, għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja, jinkludi wkoll wild imqiegħed fid-dar tal-ħaddiem fruntalier hija importanti sa fejn, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (32).

42.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, għall-kuntrarju ta’ din il-kawża (33), il-qorti tar-rinviju riedet tkun taf, permezz tat-tieni domanda tagħha, jekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” previst fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 kinitx applikabbli għall-allowance tal-familja prevista fl-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi, u fil-każ ta’ risposta affermattiva, permezz tat-tielet domanda, jekk l-esklużjoni tal-wild tal-konjuġi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi kinitx tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta.

43.      Sabiex tirrispondi għal dawn iż-żewġ domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-punti 40 u 64 tas-sentenza Depesme et, billi fakkret, minn naħa, li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li wild ta’ ħaddiem fruntalier, li jista’ jibbenefika indirettament mill-vantaġġi soċjali msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, ma huwiex biss il-wild li għandu rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem iżda wkoll il-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba rreġistrata tal-imsemmi ħaddiem, meta dan tal-aħħar jipprovdi għall-manteniment ta’ dan il-wild (34). Għalhekk, hija ddeċidiet li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-ħaddiem fruntalier li jista’ jibbenefika indirettament mill-ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, jikkorrispondi għal dak ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, li jinkludi b’mod partikolari l-konjuġi jew is-sieħeb jew is-sieħba li magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun daħal f’unjoni rreġistrata (35).

44.      Jiena naqbel ma’ din il-konklużjoni. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, minn naħa, l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (36) u l-fatt li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 irriproduċa biss, mingħajr emendi, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, u min-naħa l-oħra, il-premessa 1, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2014/54. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jikkorroboraw ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirriproduċi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 il-kunċett ta’ “membri tal-familja” kif kien iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 1612/68, imħassar u ssostitwit mir-Regolament Nru 492/2011 (37).

45.      Ċertament, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha f’dik is-sentenza fuq il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, jista’ jagħti x’jifhem li dan il-fatt jipprekludi li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” jista’, għall-finijiet tal-għoti ta’ allowance tal-familja fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, jinkludi b’mod partikolari wild imqiegħed f’kura permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem fruntalier.

46.      Madankollu, jiena konvint li dan ma huwiex il-każ, u dan għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem.

C.      Fuq ilkunċett ta’ “membru talfamilja” filkuntest speċifiku talugwaljanza fittrattament talħaddiema transkonfinali

47.      Fl-ewwel lok, kif diġà rrilevajt (38), għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi għandux jiġi estiż għall-ulied imqiegħda permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Din il-qorti tistaqsi biss jekk, għal dak li jirrigwarda d-dritt għall-allowances tal-familja inkwistjoni, id-differenza fit-trattament bejn il-wild mhux residenti mqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali u l-wild imqiegħed f’kura ġudizzjarjament residenti hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

48.      Għalhekk, il-problema legali fil-qalba tal-kawża prinċipali ma hijiex il-possibbiltà li ulied imqiegħda f’kura permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jitqiesu bħala “membri tal-familja” fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, iżda d-dritt għall-moviment liberu u l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiem transkonfinali. Issa, minkejja li l-persuni li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja huma ddeterminati mid-dritt nazzjonali (39), xorta jibqa’ l-fatt li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (40).

49.      F’dan il-kuntest, sabiex jiġu ddeterminati l-“membri tal-familja” ta’ ħaddiem, għandu jitfakkar, kif diġà argumentajt (41), li l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni huwa bbażat fuq ċertu numru ta’ prinċipji, b’mod partikolari dak tal-ugwaljanza fit-trattament. L-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija, barra minn hekk, żgurata minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam (42). B’hekk, sabiex tiġi żgurata bl-aħjar mod possibbli l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 8 (43) tiegħu, il-persuna li teżerċita b’mod partikolari attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru hija suġġetta, bħala regola ġenerali, għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru u għandha, skont dan l-artikolu, tibbenefika mill-istess benefiċċji bħaċ-ċittadini tal-istess Stat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-ħaddiema jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politiki soċjali tal-Istat Membru ospitanti bil-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dak l-Istat, bis-saħħa tal-attività bħala persuna impjegata li jeżerċitaw hemmhekk. Għalhekk, huma għandhom jibbenefikaw minnha taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali (44).

50.      Bl-istess mod, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi li l-ħaddiem ta’ Stat Membru ieħor jibbenefika mill-istess vantaġġi soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali. Kif diġà fakkart, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonkretizzaw, fl-oqsma rispettivi tagħhom, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 45(2) TFUE li jipproteġi lill-ħaddiema kkonċernati minn kull diskriminazzjoni, kemm diretta jew indiretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità li tirriżulta minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u għandhom jiġu interpretati bl-istess mod bħal din l-aħħar dispożizzjoni (45).

51.      Fit-tieni lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (46). Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li fil-kuntest tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema, il-kunċett ta’ “membru tal-familja” għandu jinftiehem b’mod wiesa’, b’tali mod li jkopri wkoll, jekk ikun il-każ, persuni oħra minbarra dawk elenkati fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari wild imqiegħed b’mod permanenti taħt tutela legali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, meta dawn ikunu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ wild previst minn din id-dispożizzjoni (47).

52.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-premessa 31 tad-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi li hija tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

53.      Il-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, huwa wieħed mill-prinċipji essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (48). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dan il-prinċipju bħala l-lenti li minnha għandhom jinqraw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (49). Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-interess tal-ulied li jkomplu bil-ħajja tal-familja tagħhom, protett mill-Artikolu 7 tal-Karta (50), li jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (51). Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja de facto bejn ġenituri ospitanti u wild imqiegħed fid-dar tagħhom għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ elementi, bħall-ħin imqatta’ flimkien, il-kwalità tar-relazzjonijiet kif ukoll ir-rwol assunt mill-adult lejn il-wild (52).

54.      F’dan il-każ, l-elementi li ġejjin jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, il-wild FW tqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru, jiġifieri l-Belġju, fid-dar ta’ FV u tal-konjuġi tiegħu u l-koppja għandhom żewġt itfal bijoloġiċi komuni; it-tieni nett, dan it-tqegħid ġudizzjarju għandu natura permanenti, peress li l-wild FW ilu jgħix fid-dar ta’ FV sa mill‑2005, jiġifieri sa mit-tfulija bikrija ħafna tiegħu (53); it-tielet nett, FV għandu d-dritt ta’ kustodja tal-wild FW u jmantih direttament, u fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, il-wild FW għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu ma’ FV.

55.      Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ddeterminat, wara eżami tas-sitwazzjoni familjari effettiva tal-ħaddiem ikkonċernat, jekk il-wild imqiegħed fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali huwiex, effettivament, “membru tal-familja” ta’ dan il-ħaddiem għall-finijiet tal-għoti ta’ allowances tal-familja.

56.      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, infakkar li mill-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 2019/111 (54) jirriżulta li t-tqegħid ta’ wild ma’ familja permezz ta’ fostering jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u mill-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali. Għalhekk, f’dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti Lussemburgiżi għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni ġudizzjarja ta’ tqegħid għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni.

57.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem fruntalier għandu, għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, peress li dan il-kunċett ikopri wkoll persuni oħra minbarra dawk elenkati fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38.

58.      Għad irid jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-prinċipji fundamentali stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fakkart (55), il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistax toħloq differenza fit-trattament fil-konfront ta’ ħaddiema fruntalieri li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.

D.      Illeġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fissens tal-Artikolu 45 TFUE u talArtikolu 7(2) tarRegolament Nru 492/2011?

1.      Fuq iddifferenza fittrattament ibbażata fuq irresidenza

59.      Iċ-CAE jargumenta, billi jibbaża ruħu fuq il-punt 51 tas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, li sa fejn wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali ma għandux rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem jew mal-konjuġi tiegħu, l-imsemmi ħaddiem ma jistax jinvoka l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għal dan il-wild. Għalhekk, iċ-CAE jsostni li għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għal dik is-sentenza.

60.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Minkejja li ż-żewġ kawżi jistgħu jkunu, sa ċertu punt, distinti, madankollu jiena tal-opinjoni li din id-distinzjoni ma tirrigwardax il-komparabbiltà tas-sitwazzjoni tal-ulied ikkonċernati fir-rigward tal-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni.

61.      Qabelxejn, huwa minnu li s-sitwazzjoni tal-ulied li jkunu s-suġġett ta’ tqegħid ġudizzjarju fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali hija distinta legalment minn dik ta’ ulied li għandhom rabta ta’ filjazzjoni, inkluż adottivi, ma’ wieħed jew maż-żewġ ġenituri li magħhom jgħixu. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, hemm diskriminazzjoni meta regoli differenti jiġu applikati għal sitwazzjonijiet komparabbli jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu suġġetti għall-istess regola (56). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-komparabbiltà oġġettiva taż-żewġ gruppi għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (57). Kif diġà rrilevajt, l-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (58), li jipprojbixxi l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta.

62.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, li tista’ tippreġudika iktar lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti huma ħafna drabi persuni li ma humiex ċittadini, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità li hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata (59).

63.      Fir-rigward ta’ din il-kawża, infakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi, l-ulied kollha li jirrisjedu effettivament u b’mod kontinwu fil-Lussemburgu u li għandhom hemmhekk id-domiċilju legali tagħhom jagħtu dritt għall-allowance tal-familja. Fil-kuntest ta’ din il-kategorija ta’ ulied residenti, l-Artikolu 273(4) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li fil-każ ta’ tqegħid permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, din l-allowance titħallas lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild u li magħha dan il-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu. Mill-banda l-oħra, wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma’ ħaddiem fruntalier, u għalhekk, mhux residenti, li għandu l-kustodja tiegħu ma jagħtix dritt għall-imsemmija allowance. Fil-fatt, skont l-Artikolu 269(1)(b) u l-Artikolu 270 tal-Kodiċi, jagħtu dritt għall-allowance tal-familja lil ħaddiem fruntalier biss l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra miż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna.

64.      Mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-ulied kollha residenti fil-Lussemburgu jistgħu jippretendu l-allowance tal-familja kkonċernata, li jimplika li l-ulied kollha li jagħmlu parti mid-dar tal-familja ta’ ħaddiem residenti fil-Lussemburgu jistgħu jippretendu din l-allowance, inkluż l-ulied imqiegħda fid-dar ta’ dan il-ħaddiem permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Mill-banda l-oħra, il-ħaddiema mhux residenti ma jistgħux jippretenduha fir-rigward tal-ulied imqiegħda fid-dar tagħhom permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li magħhom ma għandhomx rabta ta’ filjazzjoni.

65.      Għalhekk, nikkunsidra li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi żewġ sistemi differenti għal dak li jirrigwarda d-dritt għall-allowance tal-familja skont il-wild jirrisjedux jew le fil-Lussemburgu, u tistabbilixxi għalhekk differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju ta’ residenza, u għalhekk, ipprojbita mill-Artikolu 45(2) TFUE u mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Tali distinzjoni bbażata fuq ir-residenza fir-rigward tal-għoti ta’ vantaġġ soċjali tista’, fl-opinjoni tiegħi, tippreġudika iktar lil ħaddiema transkonfinali, u għalhekk, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata (60).

66.      Sabiex nagħlaq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt li d-dritt għal allowance tal-familja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħata direttament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-ulied residenti fil-Lussemburgu, inkluż lill-ulied imqiegħda f’kura ġudizzjarjament, filwaqt li, fir-rigward ta’ ħaddiema mhux residenti, dan id-dritt jingħata lill-ħaddiem fruntalier, għall-membri tal-familja tiegħu kif iddefiniti minn din il-leġiżlazzjoni, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċji tal-familja ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu li huma dovuti lil individwu indipendentement mis-sitwazzjoni tal-familja tiegħu (61).

2.      Fuq ilġustifikazzjoni taddiskriminazzjoni indiretta filkonfront ta’ ħaddiema transkonfinali

67.      Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi ġġustifikata, diskriminazzjoni indiretta għandha tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (62).

68.      Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tikkonstata ebda ġustifikazzjoni, u bla ħsara għall-verifiki li hija għandha twettaq, jiena ma nara ebda għan leġittimu li jippermetti l-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn il-wild imqiegħed f’kura ġudizzjarjament fit-territorju Lussemburgiż u l-wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali.

69.      Għalhekk, jiena nqis li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqrija flimkien mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u mal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħaddiema transkonfinali ma jistgħux jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minnhom, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dak l-Istat Membru fir-rigward tal-ulied li jkunu tqiegħdu magħhom f’kura u li tagħhom għandhom il-kustodja, filwaqt li l-ulied li jkunu s-suġġett ta’ tqegħid f’kura ġudizzjarju fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt jirċievu din l-allowance mħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild.

E.      Fuq leffett fuq irrisposta proposta talfatt li lħaddiem fruntalier imantni lillwild

70.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni lill-wild għandux effett fuq ir-risposta għad-domanda preliminari.

71.      Irrid nirrileva li mill-punt 50 tas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit li l-ħaddiem fruntalier imantni lill-wild, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan ir-rekwiżit għandu jirriżulta wkoll minn sitwazzjoni ta’ fatt, li hija l-amministrazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fuq il-bażi tal-provi prodotti mill-persuna kkonċernata, mingħajr il-ħtieġa li dawn jiddeterminaw ir-raġunijiet għal din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw l-ammont eżatt tagħha.

72.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa rilevanti li jiġi ppreċiżat li, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni għandha tiġi applikata fir-rigward tal-għoti ta’ allowance tal-familja lil ħaddiem mhux residenti biss jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi tali kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-allowance lil persuna residenti li hija fdata bil-kustodja tal-wild imqiegħed fid-dar tagħha u li magħha dan il-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu. Konklużjoni differenti tmur kontra l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema mhux residenti u l-ħaddiema residenti. F’din il-linja ta’ ideat, jiena tal-opinjoni li kwalunkwe rekwiżit fir-rigward tal-għoti ta’ allowance tal-familja li dan il-ħaddiem fruntalier għandu jipprovdi totalment għall-bżonnijiet tal-wild imqiegħed f’kura huwa ammissibbli biss jekk dan ir-rekwiżit japplika għall-persuna residenti fdata bil-kustodja tal-wild imqiegħed f’kura, peress li l-obbligu tal-manteniment jew l-eventwali parteċipazzjoni fil-manteniment tal-wild mill-ġenituri bijoloġiċi, jekk ikunu magħrufa, ma jwassalx effettivament għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-manteniment mill-ħaddiem transkonfinali li miegħu tqiegħed f’kura il-wild. Fi kwalunkwe każ, il-parteċipazzjoni fil-manteniment ta’ dan il-wild mill-ġenituri bijoloġiċi tista’ tkun limitata ħafna jew ineżistenti, minħabba s-sitwazzjoni ħafna drabi prekarja tagħhom (63).

V.      Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu):

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u mal-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħaddiema transkonfinali ma jistgħux jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minnhom, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dak l-Istat Membru fir-rigward tal-ulied li jkunu tqiegħdu magħhom u li tagħhom għandhom il-kustodja, filwaqt li l-ulied li jkunu s-suġġett ta’ tqegħid f’kura ġudizzjarjament fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt jirċievu din l-allowance mħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild. L-applikazzjoni ta’ kundizzjoni fir-rigward tal-għoti ta’ allowance tal-familja lil ħaddiem mhux residenti li tipprovdi li dan il-ħaddiem għandu jmantni lill-wild għandha tapplika biss jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi tali kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-allowance lil persuna residenti fdata bil-kustodja tal-wild imqiegħed fid-dar tagħha u li magħha dan il-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).


5      Sentenza tat‑2 ta’ April 2020 (C‑802/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Caisse pour l’avenir des enfants”, EU:C:2020:269).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU 2014, L 128, p. 8).


8      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli sa mill‑1 ta’ Awwissu 2016, data tad-dħul fis-seħħ tal-loi du 23 juillet 2016, portant modification du code de la sécurité sociale et de la loi modifiée du 4 décembre 1967 concernant l’impôt sur le revenu, et abrogeant la loi modifiée du 21 décembre 2007 concernant le boni pour enfant (il-Liġi tat‑23 ta’ Lulju 2016 li Temenda l-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, il-Liġi Emendata tal‑4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u li Tħassar il-Liġi Emendata tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Benefiċċji għall-Ulied) (Mémorial A 2016, p. 2348) (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi”).


9      Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kien abbażi tal-ex Artikoli 269(5) u l-ex Artikolu 270(5) tal-Kodiċi li FV ibbenefika, sal‑1 ta’ Awwissu 2016, mill-allowances tal-familja Lussemburgiżi fir-rigward tal-wild FW, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem fruntalier. Barra minn hekk, l-ex Artikolu 270(5) ta’ dan il-kodiċi kien jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jestendu l-grupp familjari tat-tutur jew tal-gwardjan effettiv għall-ulied imqiegħda permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.


10      L-ex Artikolu 269(5) tal-Kodiċi kien jipprevedi li “[l]-persuni suġġetti għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża għandhom dritt, fir-rigward tal-ulied li jirrisjedu f’pajjiż barrani li għandhom il-kwalità ta’ membri tal-familja tagħhom, għall-allowances tal-familja skont id-dispożizzjonijiet relatati mar-regolamenti komunitarji [...] fil-qasam tas-sigurtà soċjali”. Barra minn hekk, l-ex Artikolu 270(5) ta’ dan il-kodiċi kien jipprevedi li “[i]l-Caisse nationale des prestations familiales [il-Fond Nazzjonali għall-Benefiċċji tal-Familja] jista’ jestendi l-grupp tal-familja tat-tutur jew tal-gwardjan effettiv għall-ulied meħuda minn persuna li teżerċita t-tutela jew id-dritt ta’ kustodja skont deċiżjoni ġudizzjarja li għandha awtorità ta’ res judicata jew skont kwalunkwe miżura legali ta’ kustodja, debitament iċċertifikata mill-awtorità kompetenti, bil-kundizzjoni li t-tqegħid ikun permanenti u li din is-soluzzjoni tkun iktar favorevoli għall-benefiċjarju”. Korsiv miżjud minni.


11      Ara l-Artikolu 273(4) tal-Kodiċi.


12      Ara l-Artikolu 269(1) u l-Artikolu 270 tal-Kodiċi.


13      Fir-rigward tal-għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ fid-dawl tat-tkomplija ta’ studji universitarji għall-finijiet professjonali, ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 1988, Lair (39/86, EU:C:1988:322, punti 21 sa 24); fir-rigward tal-għajnuna għall-manteniment u għat-taħriġ fid-dawl tat-tkomplija ta’ studji ta’ livell sekondarju jew postsekondarju, ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punti 31 sa 36), u fir-rigward ta’ finanzjament ta’ studji mogħti minn Stat Membru għall-ulied tal-ħaddiema migranti, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1992, Bernini (C‑3/90, EU:C:1992:89, punti 23 u 29).


14      Infakkar li, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet il-ġurisprudenza tagħha dwar l-għajnuna finanzjarja għall-istudji terzjarji għall-allowances tal-familja fir-rigward tal-ulied tal-ħaddiema transkonfinali; ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et (C‑401/15 sa C‑403/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Depesme et, EU:C:2016:955).


15      L-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li “‘ħaddiema bejn il-fruntieri’ tfisser kwalunkwe persuna li twettaq attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru u li toqgħod fi Stat Membru ieħor fejn din il-persuna tirritorna, bħala regola, kuljum jew ta’ l-anqas darba fil-ġimgħa”.


16      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li “[d]an ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, [...] li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom”.


17      L-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li “‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I”.


18      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 37 u 39). Ara wkoll, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 60), u tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martínez Silva (C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 38 u 39). Ara wkoll, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martínez Silva (C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li benefiċċju jista’ jaqa’ simultanjament taħt ir-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament Nru 492/2011. Ara, b’mod partikolari, dwar l-allowances tat-twelid u tal-maternità, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1993, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑111/91, EU:C:1993:92, punti 20 u 22). Ara wkoll, is-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 43 u 45). Fil-fatt, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi r-rabta bejn dawn iż-żewġ regolamenti, peress li jaqgħu t-tnejn kemm taħt il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” kif ukoll taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Ara b’mod partikolari, Morsa, M., Sécurité sociale, libre circulation et citoyenneté européennes, 2012, Anthemis, p. 49. Dwar ir-rabta bejn dawn l-imsemmija regolamenti, ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:45, punt 127).


21      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” għall-ewwel darba fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Mejju 1979, Even u ONPTS (207/78, EU:C:1979:144, punt 22). Sa minn dakinhar, din id-definizzjoni ttenniet diversi drabi fil-ġurisprudenza tagħha. Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 25), u tat‑18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et (C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 25, 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li “[d]an ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: [...] benefiċċji marbuta mal-familja”.


24      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1986 (139/85, EU:C:1986:223, punt 13).


25      Ara wkoll, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 1987, Lebon (316/85, EU:C:1987:302, punt 23); tas‑26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 11); tas‑26 ta’ Frar 1992, Bernini (C‑3/90, EU:C:1992:89, punt 14), u tas‑6 ta’ Novembru 2003, Ninni-Orasche (C‑413/01, EU:C:2003:600, punt 23). Ara iktar reċenti, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, N. (C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 39), kif ukoll Depesme et (punt 58).


26      Sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 1986, Kempf (139/85, EU:C:1986:223, punt 13); u tat‑3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, EU:C:1986:284, punt 16), kif ukoll Depesme et (punt 58).


27      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑205/04, EU:C:2006:137, punt 15); tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 35); Depesme et (punt 35), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 44). Infakkar li, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1612/68 tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema hija rriprodotta fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi li riferimenti għar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għar-Regolament Nru 492/2011.


28      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Depesme et (punt 36).


29      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Geven (C‑213/05, EU:C:2007:438, punt 15), u tat‑18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et (C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 41).


30      Sentenzi tat‑12 ta’ Frar 1974, Sotgiu (152/73, EU:C:1974:13, punt 11); tat‑23 ta’ Mejju 1996, O'Flynn (C‑237/94, EU:C:1996:206, punt 17); tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 40); tal‑10 ta’ Lulju 2019, Aubriet (C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 26), kif ukoll Caisse pour l’avenir des enfants (punt 54).


31      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 64 u d-dispożittiv). Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 269(1) tal-Kodiċi ġie emendat bil-Liġi tat‑23 ta’ Diċembru 2022 (Mémorial A-2022-668 tat‑23 ta’ Diċembru 2022) sabiex jinkludi, fil-kunċett ta’ “membri tal-familja”, l-ulied tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba li l-persuna prevista minn dan l-artikolu tmantni jew li magħhom din il-persuna taqsam legalment, mal-konjuġi jew is-sieħeb jew is-sieħba tagħha, domiċilju komuni u residenza effettiva u kontinwa.


32      Nirrileva li l-isfond tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ dik il-kawża kien, bħal f’dan il-każ, ir-riforma tas-sistema tal-benefiċċji tal-familja fil-Lussemburgu, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2016 u li kienet emendat il-Kodiċi billi eskludiet, b’mod partikolari, l-ulied tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba mill-kunċett ta’ “membru tal-familja”, iddefinit fl-Artikolu 270 tiegħu. Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 17).


33      Kif diġà indikajt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-wild imqiegħed ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi. Madankollu, dan l-artikolu kien jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu, il-possibbiltà li l-grupp tal-familja tat-tutur jew tal-gwardjan effettiv jiġi estiż għall-ulied imqiegħda permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali. Dan l-element jippermetti li jinftiehmu aħjar it-termini li fihom il-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda tagħha.


34      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 49 u 50).


35      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 51). Ara, ukoll, is-sentenza Depesme et (punti 51 sa 54).


36      Ara s-sentenza Depesme et (punti 46 u 47), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’dawn il-kawżi magħquda (C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:430, punti 39 sa 43).


37      Nirrileva li l-premessa 1 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li “[i]l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u wieħed mill-pilastri tas-suq intern fl-Unjoni proklamat fl-Artikolu 45 [TFUE]. L-implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata aktar mil-liġi tal-Unjoni immirata biex tiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. ‘Membri tal-familja tagħhom’ għandha tinftiehem fl-istess sens tat-terminu kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/38] li tapplika wkoll għal membri tal-familja ta’ ħaddiema tal-fruntiera.” Korsiv miżjud minni. Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Ara l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009.


40      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 68 u 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004.


41      Ara l-punt 33 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Dan il-prinċipju, li jaqa’ taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa intiż sabiex jneħħi l-inugwaljanzi fit-trattament li, għall-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni, ikunu l-konsegwenza ta’ kumulu parzjali jew totali tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli.


43      Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 883/2004 tistabbilixxi li “[i]l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa ta’ importanza partikolari għal ħaddiema li ma humiex residenti fl-Istat Membru fejn jaħdmu, inklużi ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri”. Korsiv miżjud minni.


44      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:468, punti 108 u 109, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’mod partikolari, Fuchs, M., u Cornelissen, R. (editur), EU Social Security Law – A Commentary on EU Regulations 883/2004 and 987/2009, C.H. Beck-Hart-Nomos, 2015, p. 151.


45      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 1987, Lebon (316/85, EU:C:1987:302, punti 21 sa 23), u Depesme et (punt 58).


47      Mill-punt 2.1.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑2 ta’ Lulju 2009 dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-[Direttiva 2004/38] [COM(2009) 313 finali] jirriżulta li wild imqiegħed taħt tutela legali ta’ ċittadin tal-Unjoni jaqa’ fil-kunċett ta’ “dixxendent dirett”, fis-sens tal-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Ara, f’dan ir-rigward, Guild, E., Peers, S., Tomkin, J., The EU Citizenship Directive. A Commentary, it-tieni edizzjoni, Oxford, Oxford University Press, 2019, p. 43.


48      L-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprevedi d-dritt tal-ulied li l-aħjar interess tagħhom ikun jikkostitwixxi kunsiderazzjoni primarja fl-atti kollha li jikkonċernawhom. Għal ħarsa ġenerali tal-acquis tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-wild, ara Il-Kummissjoni Ewropea, DG Ġustizzja, EU Acquis and Policy Documents on the Rights of the Child, Diċembru 2015, p. 1 sa 83.


49      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 66, 81 u 85). Ara wkoll, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Valcheva (C‑335/17, EU:C:2018:359, punt 36), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑335/17, EU:C:2018:242, punti 33 sa 38).


50      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 70), kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 67).


51      Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) jirriżulta li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tagħha għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni. Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Qorti EDB, 22 ta’ Novembru 2010, Moretti u Benedetti vs L‑Italja (CE:ECHR:2010:0427JUD001631807, punt 48).


53      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tqegħid ġudizzjarju tal-wild FW seħħ qabel ma’ dan għalaq sena.


54      Regolament tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, L 178, p. 1).


55      Ara l-punti 33 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C‑94/07, EU:C:2008:425, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 42).


58      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 37, 38 u 39). Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62      Sentenza Caisse pour l’avenir des enfant (punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


63      Ir-raġunijiet tat-tqegħid ta’ tfal żgħar f’familja permezz ta’ fostering tista’ tkun minħabba l-assenza totali tal-ġenituri iżda wkoll minħabba problemi ta’ akkomodazzjoni, saħħa, faqar, abbuż, vjolenza, addizzjonijiet jew anki d-diffikultajiet tal-ġenituri li jassumu r-rwol tagħhom jew is-setgħa tal-ġenituri.