Language of document : ECLI:EU:T:2015:675

Kawża T‑245/11

ClientEarth

u

The International Chemical Secretariat

vs

Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti miżmuma mill-ECHA – Dokumenti li joriġinaw minn terzi – Terminu stabbilit sabiex tingħata risposta għal talba għal aċċess – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Interess pubbliku superjuri – Informazzjoni ambjentali – Emissjonijiet fl-ambjent”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ Settembru 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Firma ta’ avukat miktuba bl-idejn – Preżentata ta’ rikors f’isem iż-żewġ rikorrenti – Firma li qabilha jissemma wieħed biss mir-rikorrenti – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1) u 44(1))

2.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Rikors ippreżentat minn diversi rikorrenti kontra l-istess deċiżjoni – Locus standi ta’ wieħed minnhom – Ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu.

(Ir-Raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti skont is-sustanza tal-att

(Artikolu 263 TFUE)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Rifjut ta’ aċċess għal dokument minħabba li ma jeżistix jew minħabba li ma huwiex miżmum mill-istituzzjoni kkonċernata – Fatt li ma jistax iwassal għall-inapplikabbiltà tar-Regolament

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4 u 8(1) u 3)

5.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti ta’ istituzzjoni wara talba konfermattiva– Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(1))

6.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Kunċett – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent – Interess li għandu jipperdura sal-għoti tas-sentenza ġudizzjarja

(Ir-Raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

7.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti – Pubblikazzjoni matul il-kawża ta’ informazzjoni mitluba fuq is-sit tal-internet tal-aġenzija – Tmiem tal-interess ġuridiku

(Ir-Raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(1))

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Terminu stabbilit sabiex tingħata risposta għal talba għal aċċess – Qbiż – Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda – Żamma tal-kompetenza tal-istituzzjoni kkonċernata sabiex tirrispondi barra mit-termini stabbiliti għat-talba għal aċċess – Deċiżjoni ta’ estensjoni – Konsegwenzi ta’ qbiż tat-terminu

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(1) u (2))

9.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti

(Artikolu 15(3) TFUE; Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessi 4 u 11 u Artikoli 1 u 4)

10.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Tixrid fuq l-internet ta’ ċerta informazzjoni dwar sustanzi rreġistrati – Ismijiet u d-dettalji tar-reġistranti – Possibbiltà għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li ma tikkomunikax l-informazzjoni fl-assenza ta’ kunfidenzjalità mill-persuni kkonċernati – Assenza

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4,(2), l-ewwel inċiż u Nru 1907/2006, Artikolu 10(a)(xi), 118(2)(d) u 119(2)(d))

11.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Kundizzjonijiet – Preġudizzju konkret, effettiv u gravi għall-imsemmi proċess – Portata

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) u Nru 1907/2006, Artikolu 119(2))

12.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Portata – Portata tal-oneru tax-xogħol meħtieġa mit-talba ta’ aċċess – Esklużjoni

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(3))

13.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Rifjut għall-aċċess – Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti – Possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti – Limiti

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

14.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Preżunzjoni favur in-nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-kwantità eżatta ta’ sustanza mmanifatturata jew imqiegħda fis-suq – Obbligu tal-ECHA li tipprova l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati f’każ ta’ żvelar – Assenza

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4 u Nru 1907/2006, Artikolu 118(2)(ċ))

15.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba għal aċċess fir-rigward ta’ informazzjoni ambjentali – Applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 bħala lex specialis fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001– Effett – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Portata – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Esklużjoni

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1),(2), fl-ewwel u t-tielet inċiżi, 3 u 5, u Nru 1367/2006, Artikolu 6(1))

16.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba għal aċċess fir-rigward ta’ informazzjoni ambjentali – Regolament Nru 1367/2006 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u Nru 1367/2006, Artikolu 6(1))

17.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba għal aċċess fir-rigward ta’ informazzjoni ambjentali – Regolament Nru 1367/2006 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza – Neċessità li jitressqu kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-każ

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u Nru 1367/2006, Artikolu 6(1))

18.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba għal aċċess fir-rigward ta’ informazzjoni ambjentali – Regolament Nru 1367/2006 –Informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent – Kunċett – Informazzjoni dwar il-kwantità mmanifatturata jew mqiegħda fis-suq ta’ sustanzi kimiċi – Esklużjoni

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikolu 2(1)(d)(ii) u Nru 1907/2006, Artikolu 3(15))

19.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dokumenti li ġejjin minn terzi – Obbligu ta’ konsultazzjoni minn qabel tat-terzi kkonċernati – Portata

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(2) u (4))

20.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna determinata – Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti – Portata – Esklużjoni tal-obbligu – Informazzjoni li tirrigwarda l-kwantità eżatta ta’ sustanza kimika mmanifatturata jew mqiegħda fis-suq skont ir-Regolament Nru 1907/2006 – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2), l-ewwel inċiż (6) u Nru 1907/2006, Artikolu 118(2)(ċ))

21.    Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Ammissibbiltà – Soluzzjoni analoga għall-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv – Ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mqjjem insostenn ta’ ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(c) u 48(2); Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(6))

22.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Tixrid fuq l-internet ta’ ċerta informazzjoni dwar is-sustanzi rreġistrati – Total ta’ medda ta’ tunnellaġġ tas-sustanzi – Possibbiltà għal terz li jobbliga lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tikkomunika l-meddiet ta’ tunnellaġġ li jkunu għadhom ma ġewx stabbiliti filwaqt li titressaq talba għall-aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001 – Assenza

(Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 4(3)(a)); Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(1) u 4(4), Nru 1367/2006, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u Nru 1907/2006, Artikolu 118(1) u 119(2)(b))

23.    Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Evokazzjoni astratta – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(c))

1.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-oriġinali tal-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti. Fir-rigward ta’ rikors redatt u ppreżentat minn avukat f’isem żewġ rikorrenti, il-fatt li l-aħħar paġna tar-rikors fiha l-kliem “ippreżentat rispettivament”, segwita mill-firma tal-avukat u, iktar ’l isfel il-kliem, “għan-nom ta’” billi jsir riferiment għal wieħed biss mir-rikorrenti ma tiġix invalidata l-konklużjoni li l-imsemmi rikors huwa konformi kemm mal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll mal-Artikolu 44(1) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, minn naħa waħda, ma jirriżulta mill-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dan il-kliem huwa mandatorju u li l-avukat għandu jispeċifika fl-aħħar paġna tar-rikors, wara l-firma tiegħu, ir-rikorrenti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi sostnut b’mod raġonevoli, fid-dawl tal-fatt li kull wieħed mir-rikorrenti debitament iddelega setgħa ta’ rappreżentanza lill-avukat li ffirma r-rikors, li s-sempliċi fatt li tissemma rikorrenti waħda biss qabel u wara l-firma tal-avukat qed tillimita r-rappreżentanza quddiem il-qorti tal-Unjoni għal din ir-rikorrenti biss.

(ara l-punti 84, 88-92)

2.      Fir-rigward tal-uniku u l-istess rikors, meta wieħed mir-rikorrenti jkollu locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra, għajr sabiex wieħed jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju.

(ara l-punt 97)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 101-104)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 105, 106)

5.      Kif jipprevedi l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ċ-ċaħda ta’ talba konfermatorja, bħala prinċipju, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dan ir-rigward, jekk, ċertament, kull risposta għal talba għal informazzjoni ġenerali ma tikkostitwixxix neċessarjament deċiżjoni li twassal għar-rikors għal annullament, huwa madankollu differenti, fil-każ ta’ talba għal informazzjoni speċifikata, fir-risposta tagħha, l-ECHA ma llimitatx ruħha li tikkomunika sempliċement l-informazzjoni ġenerali, iżda hija adottat deċiżjoni li tiċħad it-talba għal informazzjoni. Indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija aġenzija kinitx obbligata jew le li tagħti l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni, b’mod partikolari skont ir-Regolament Nru 1049/2001, minn dan lanqas ma jirriżulta li hija deċiżjoni negattiva intiża li tipproduċi effetti legali u li tista’ tiġi kkontestata b’rikors.

(ara l-punti 107, 109, 110)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 114, 115)

7.      Fir-rigward, ta’ rikors ippreżentat kontra r-rifjut ta’ aġenzija tal-Unjoni li tiżvela l-informazzjoni li għaliha ntalab l-aċċess skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, meta, wara l-preżentata tar-rikors, l-informazzjoni mitluba li ġiet żvelata fuq is-sit tal-internet tal-aġenzija, il-kawża tilfet l-iskop tagħha u r-rikorrenti tilfu l-interess ġuridiku tagħhom, b’tali mod li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni. F’dan id-dawl, fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, it-talba tar-rikorrenti tista’ għaldaqstant tiġi kkunsidrata li ġiet sodisfatta. L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrifjuta l-aċċess għal dik l-informazzjoni, ma jipprovdi, għalhekk, ebda benefiċċju.

(ara l-punti 119, 120)

8.      L-iskadenza tat-termini previsti mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ma għandux l-effett li jċaħħad l-istituzzjoni mis-setgħa li tadotta deċiżjoni espliċita. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur ippreveda l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmi regolament billi pprovda, fl-Artikolu 8(3) tal-istess regolament, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni mill-istituzzjoni jagħti lok għad-dritt li jitressaq rikors ġudizzjarju. Il-qbiż tat-terminu ta’ risposta ma tistax madankollu tivvizzja d-deċiżjoni li tingħata dwar it-talba konfermatorja b’illegalità li tiġġustifika l-annullament tagħha. Dan japplika wkoll meta l-legalità jew il-validità ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni jiġu kkontestati. Fil-fatt, anki jekk l-invalidità tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tippermetti biss li jiġi kkunsidrat, l-iktar l-iktar, li t-terminu għar-risposta għat-talba konfermatorja ma jiġix estiż u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tkun ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu, iżda dan ma jaffettwax il-legalità tagħha.

(ara l-punti 130-132, 136)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 145, 146, 202)

10.    Fir-rigward ta’ talba għall-aċċess għall-ismijiet u d-dettalji tal-manifatturi u l-importaturi ta’ sustanzi kimiċi rreġistrati mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (ECHA), din tal-aħħar ma tistax tibbaża deċiżjoni ta’ rifjut għall-aċċess fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, peress li informazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 119(2)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 119(2) jipprevedi t-tixrid tal-informazzjoni kollha li tidher fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, salv talba ta’ kunfidenzjalità skont tal-Artikolu 10(a)(xi) tar-Regolament Nru 1907/2006.

Fil-fatt, meta jitqies, minn naħa waħda, li s-sistema ta’ tixrid fuq l-internet, stabbilita mill-Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1907/2006 hija eżawrjenti, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma huwiex applikabbli għall-informazzjoni intiża mill-Artikolu 119 tal-imsemmi regolament u, konsegwentement, ir-rifjut għal aċċess għall-informazzjoni dwar l-ismijiet u d-dettalji tar-reġistranti ma huwiex iġġustifikat. Meta jitqies, min-naħa l-oħra, li s-sistema prevista mill-imsemmi Artikolu 119 ma teskludix totalment, bħala prinċipju, is-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti prevista mill-Artikolu 118 tar-Regolament Nru 1907/2006 u r-Regolament Nru 1049/2001, lanqas ma jirriżulta li l-Artikolu 119(2)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li l-informazzjoni bħall-ismijiet u d-dettalji tar-reġistranti għandha tiġi żvelata fuq l-internet, għajr jekk l-ECHA tilqa’ talba ta’ kunfidenzjalità. Konsegwentement, fl-assenza ta’ din it-talba, l-ECHA, ma tistax timmotiva r-rifjut ta’ kull żvelar ta’ informazzjoni mitluba permezz tal-preżunzjoni legali prevista fl-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati. Fil-fatt, il-preżunzjoni legali tal-Artikolu 118 tar-Regolament Nru 1907/2006 tista’ biss tiġġustifika li informazzjoni, bħala prinċipju, ma tiġix żvelata filwaqt li dispożizzjoni iktar speċifika, jiġifieri l-Artikolu 119(2)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, teżiġi li din l-informazzjoni tiġi, bħala prinċipju, żvelata.

(ara l-punti 151-153)

11.    L-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt għall-aċċess għal dokumenti li tirrigwarda l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali prevista mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, teżiġi li jintwera li l-aċċess inkwistjoni seta’ jippreġudika konkretament l-interess protett mill-eċċezzjoni u li r-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Barra minn hekk, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali jrid ikun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokumenti msemmija jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. Issa, l-evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi tal-iżvelar tal-imsemmija dokumenti fuq il-proċess deċiżjonali invokati mill-istituzzjoni.

Fir-rigward ta’ talba għall-aċċess għal ismijiet u d-dettalji tal-manifatturi u l-importaturi ta’ sustanzi kimiċi rreġistrati mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-ismijiet tar-reġistranti ma hijiex informazzjoni fuq il-proċess innifsu, iżda hija pjuttost informazzjoni kkonċernata mid-deċiżjoni li tirriżulta mill-imsemmi proċess. L-aċċess għall-informazzjoni mitluba ma setgħetx tipprekludi lill-ECHA milli tiddeċiedi li tieħu miżuri sabiex timplementa l-obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni fuq l-internet, li jirriżultaw mill-Artikolu 119(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi. Fil-fatt, l-allegat riskju ta’ evitar ta’ dawn il-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 1907/2006 ma jirrigwardax il-proċess deċiżjonali, iżda pjuttost il-konsegwenzi ta’ żvelar eventwali tal-informazzjoni mitluba. Madankollu, huwa biss il-proċess deċiżjonali li huwa intiż bħala raġuni għal rifjut previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 156, 157, 160, 162)

12.    L-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa intiż biss li jipproteġi l-proċess deċiżjonali u mhux li jevita ammont ta’ xogħol eċċessiv lill-istituzzjonijiet ikkonċernati.

(ara l-punt 161)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 168-172, 231)

14.    L-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali skont liema l-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta ta’ sustanzi mmanifatturati jew imqiegħda fis-suq tippreġudika, bħala prinċipju, l-interessi kummerċjali tal-persuna kkonċernata. Meta tiġi applikata l-preżunzjoni legali ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità kkonċernata tista’ tikkunsidra li l-iżvelar jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuna kkonċernata mingħajr ma tkun obbligata li twettaq evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull dokument li qed jiġi mitlub l-iżvelar tiegħu. Minħabba din il-preżunzjoni legali u fl-assenza ta’ elementi konkreti li jistgħu jikkontestawha, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ma hijiex obbligata li tipprova li l-iżvelar tal-kwantità eżatta tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ talba ta’ aċċess għad-dokumenti, bħala prinċipju, għandu jkun ta’ natura konkreta u individwali. Dan il-prinċipju għandu fil-fatt xi eċċezzjonijiet, b’mod partikolari meta teżisti preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni jista’ jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Dan jgħodd b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, tali preżunzjoni hija prevista b’mod espliċitu minn dispożizzjoni legali, jiġifieri l-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006.

(ara l-punti 174, 176, 177)

15.    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, tistabbilixxi regola li tirrigwarda l-eċċezzjonijiet li jissemmew fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. It-tieni sentenza tal-istess paragrafu 1 ma ssemmix sempliċement l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, f’din id-dispożizzjoni hemm riferiment għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) u (5). Peress li l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jissemma fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma hijiex inkluża fil-kunċett ta’ eċċezzjonijiet l-oħra li jidhru fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1).

(ara punt 187)

16.    It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal‑Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, tirreferi biss għal interess pubbliku fl-iżvelar u mhux għal interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Ma jirriżultax mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 li l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali jippreżenta dejjem interess pubbliku superjuri.

(ara l-punt 189)

17.    Jekk huwa minnu li l-interess pubbliku superjuri jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument dan ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni madankollu l-kunsiderazzjonijiet ġenerali waħidhom ma jistabbilixxux li l-prinċipju ta’ trasparenza huwa partikolarment b’saħħtu li jista’ jissupera r-raġunijiet li jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni u li huwa l-applikant li għandu jinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat l-interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati.

Jirriżulta li interess pubbliku superjuri għall-iżvelar ma jirriżultax sempliċement mill-fatt, li l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali. Għalhekk, fir-rigward ta’ talba għall-informazzjoni ambjentali li tirrigwarda l-kwantità eżatta ta’ ċerti sustanzi perikolużi mmanifatturati jew mqiegħda fis-suq, l-applikant ma jistax jinvoka, b’mod ġeneriku, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma jargumenta bl-ebda mod li, fir-rigward il-kwantità eżatta ta’ sustanzi, peress li l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza jippermetti parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadin fil-proċess deċiżjonali turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali f’dan il-każ, xi saħħa partikolari.

(ara l-punti 193, 194, 196)

18.    Jekk ir-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, ma fihx definizzjoni espliċita tal-kunċett ta’ emissjonijiet fl-ambjent, fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(d)(ii) ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi konkluż, li jistgħu jikkostitwixxu biss dawk l-emissjonijiet fl-ambjent li għandhom jew jista’ jkollhom effett fuq l-elementi tal-ambjent. Għalhekk, is-sempliċi manifattura jew tqegħid fis-suq ta’ sustanza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala r-rilaxx ta’ din is-sustanza fl-ambjent, b’tali mod li l-informazzjoni dwar il-kwantità mmanifatturata jew imqiegħda fis-suq lanqas ma tista’ tikkostitwixxi informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti skont liema sustanza li hija mqiegħda fis-suq tinteraġixxi neċessarjament mal-ambjent u mal-bnedmin, b’tali mod li t-tqegħid fis-suq jikkostitwixxu diġà l-emissjoni fl-ambjent. L-ewwel nett, l-interazzjoni mas-saħħa jew is-sigurtà tal-bnedmin ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti emissjoni fl-ambjent u li din l-emissjoni tippreżumi rilaxx fl-ambjent li għandu jew jista’ jkollu effett fuq l-elementi tal-ambjent. F’dan ir-rigward, jekk huwa minnu li r-riskju astratt tal-emissjoni ta’ sustanza jeżisti minn meta tiġi mmanifatturata u li huwa ċertament possibbli li dan ir-riskju jiżdied bit-tqegħid fis-suq tas-sustanza ma jirriżultax minn dan lanqas li la l-produzzjoni u lanqas it-tqegħid fis-suq ta’ sustanza ma jimplikaw diġà l-emissjoni ta’ din is-sustanza fl-ambjent.

Konsegwentement, jeżistu sustanzi, jiġifieri b’mod partikolari s-sustanzi intermedji skont l-Artikolu 3(15) tar-Regolament 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi li jekk jintużaw bil-mod kif suppost jintużaw, ma jirrilaxxawx emissjonijiet fl-ambjent. Jekk is-sustanzi kollha, barra s-sustanzi intermedji, jistgħu jiġu rrilaxxati fl-ambjent fil-mument taċ-ċiklu ta’ attività tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li, għal dawn is-sustanzi, il-kwantità mmanifatturata jew mqiegħda fis-suq tista’ tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni li tirrigwarda sustanzi rrilaxxati fl-ambjent li għandhom jew li jista’ jkollhom effett fuq l-elementi tal-ambjent.

(ara l-punti 205, 206, 208-213)

19.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 222, 223)

20.    Mill-kliem tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jirriżulta li, jekk parti biss mid-dokument mitlub huwa kopert minn xi eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li d-derogi ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(6) tal-imsemmi regolament jimplika eżami konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument. Fil-fatt, tali eżami ta’ kull dokument biss jista’ jippermetti lill-istituzzjoni tevalwa l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali lill-applikant. Evalwazzjoni ta’ dokumenti li trid titwettaq b’kategoriji pjuttost milli fir-rigward tal-elementi konkreti ta’ informazzjoni li jinsabu f’dawn id-dokumenti hija insuffiċjenti, peress li l-eżami meħtieġ mill-istituzzjoni għandu jippermettilha tevalwa konkretament jekk eċċezzjoni invokata tapplikax realment għall-informazzjoni kollha li tinsab fl-imsemmija dokumenti.

Fir-rigward ta’ talba għall-informazzjoni li tirrigwarda l-ammont eżatt ta’ ċerti sustanzi mmanifatturati jew mqiegħda fis-suq, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (ECHA), ma hijiex obbligata li twettaq eżami każ b’każ, fid-dawl tal-preżunzjoni legali prevista fl-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, skont liema l-iżvelar tal-kwantità eżatta tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati, tkopri s-sustanzi kollha inkwistjoni. Barra dan, l-applikant ma argumentax, la għat-totalità tas-sustanzi msemmija u lanqas għas-sustanzi speċifiċi, elementi li jistgħu jikkontestaw din il-preżunzjoni legali u lanqas ma pprova l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika, minn tal-inqas għal parti mis-sustanzi, l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba. Għaldaqstant, l-ECHA, tista’ tikkunsidra li l-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta tat-totalità tas-sustanzi inkwistjoni hija koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 118(2)(ċ), ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri li jipproteġi l-interessi kummerċjali.

(ara l-punti 229, 230, 232, 239)

21.    Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tal-motivi invokati u li l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Hija meħtieġa soluzzjoni analoga għal ilment invokat insostenn ta’ motiv.

Għalhekk, huwa ammissibbli ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità invokat fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut għall-aċċess għal dokumenti, insostenn ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni intiża li tikkontribwixxi għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju billi jippermetti l-iżvelar parzjali jekk parti biss tad-dokument mitlub hija kkonċernata minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, bil-għan li ma jiġux maqbuża l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. F’dan il-kuntest, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jikkostitwixxix motiv ġdid, iżda lment li jispeċifika l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 235-237)

22.    Fir-rigward tal-obbligu tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), li tippubblika, konformement mal-Artikolu 119(2)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ li fih kull sustanza kienet ġiet irreġistrata, l-imsemmi regolament ma jirrelatax dan l-obbligu mad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previst fl-Artikolu 118(1) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li tiġi imposta l-osservanza tal-obbligu ta’ tixrid fuq l-internet permezz ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti. F’dan id-dawl, talba għall-aċċess għad-dokumenti ma tistax tobbliga l-ECHA sabiex toħloq ċerta informazzjoni li ma teżistix, anki jekk it-tixrid ta’ din l-informazzjoni huwa previst mill-Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant, l-ECHA kienet intitolata li tirrifjuta tat-talba għall-aċċess għat-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ tal-kwantità ta’ ċerti sustanzi minħabba li hija ma kellhiex l-informazzjoni mitluba. Peress li ma hijiex obbligata li tikkonsulta lill-partijiet terzi għal informazzjoni li ma hijiex fil-pussess tagħha, ma jistax jiġi allegat li l-ECHA kisret l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi espliċitament li talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi rrifjutata jekk l-awtorità pubblika li lilha tiġi indirizzata t-talba ma jkollhiex fil-pussess tagħha l-informazzjoni mitluba. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu japplika għal kwalunkwe talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, li jwassal ukoll li jiġi konkluż li dan ir-riferiment jirrigwarda biss id-dokumenti eżistenti u fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li t-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali, dan il-fatt ma jikkontestax il-legalità taċ-ċaħda tat-talba għall-aċċess għal din l-informazzjoni.

(ara l-punti 252, 253, 259)

23.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 256)