Language of document : ECLI:EU:T:2023:830

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl ta’ azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi – Kunċett ta’ ‘negozjanti ewlenin’ – Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Dritt għall-proprjetà – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għal ħajja privata – Applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru – Moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni”

Fil-Kawża T‑313/22,

Roman Arkadyevich Abramovich, li jirrisjedi f’Nemchinovo (ir-Russja), irrappreżentat minn T. Bontinck, A. Guillerme, S. Bonifassi, M. Brésart, L. Burguin, J. Goffin, J. Bastien, R. Lööf, avukati, u M. C. Zatschler, SC,

rikorrent,

vs

IlKunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u M.‑C. Cadilhac, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, C. Giolito, L. Puccio u M. Carpus Carcea, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża),

komposta minn D. Spielmann, President, V. Valančius, R. Mastroianni (Relatur), M. Brkan u M. I. Gâlea, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Mejju 2022;

–        id-deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2022 li biha l-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tal-Kunsill;

–        in-noti ta’ adattament ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Novembru 2022, fit‑23 ta’ Marzu 2023 u fis‑17 ta’ Mejju 2023;

wara s-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2023,

wara li kkunsidrat, fid-dawl tat-tmiem tas-servizz tal-Imħallef Valančius fis‑26 ta’ Settembru 2023, l-Artikolu 22 u l-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, Roman Arkadyevich Abramovich, jitlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament, fl-ewwel lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 44, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 67), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 66) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti inizjali”), fit-tieni lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022”), fit-tielet lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma ta’ Marzu 2023”), u, fir-raba’ lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/811 tat‑13 ta’ April 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 101, p. 67) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/806 tat‑13 ta’ April 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 101, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti ta’ żamma ta’ April 2023” u, meħuda konġuntement mal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023, l-“atti ta’ żamma”), sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien, l-“atti kkontestati”) jikkonċernaw lilu, u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-ħlas ta’ kumpens għad-danni allegatament subiti minnu wara l-adozzjoni tal-atti inizjali.

 Ilfatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrent huwa negozjant ta’ nazzjonalità Russa, Iżraeljana u Portugiża.

3        Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16). Fl-istess jum, huwa adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014 L 294, p. 64).

4        Fil‑21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità awtoproklamati tar-“Repubblika Popolari ta’ Donetsk” u tar-“Repubblika Popolari ta’ Lougansk” u ordna l-iskjerament ta’ forzi militari Russi f’dawn iż-żoni.

5        Fit‑22 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ppubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea li tikkundanna dawn l-azzjonijiet, sa fejn dawn kienu jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali. Huwa ħabbar li l-Unjoni sejra tirreaġixxi għal dawn l-aħħar imsemmija istanzi ta’ ksur mill-Federazzjoni Russa bl-adozzjoni b’urġenza ta’ miżuri restrittivi addizzjonali.

6        Fit‑23 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta l-ewwel sensiela ta’ miżuri restrittivi. Dawn kienu jikkonċernaw, fl-ewwel lok, restrizzjonijiet applikabbli għar-relazzjonijiet ekonomiċi mar-reġjuni mhux ikkontrollati mill-Gvern ta’ Donetsk u ta’ Lougansk, fit-tieni lok, restrizzjonijiet għall-aċċess għas-suq finanzjarju, b’mod partikolari billi jipprojbixxu l-finanzjament tal-Federazzjoni Russa, tal-Gvern tagħha u tal-Bank Ċentrali tagħha, u, fit-tielet lok, iż-żieda ta’ membri tal-Gvern, ta’ banek, ta’ negozjanti, ta’ mexxejja kif ukoll ta’ 336 membru tal-Gosudarstvennaya Duma Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (id-Douma tal-Istat tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa) fil-lista ta’ persuni, entitajiet u organi li huma suġġetti għal miżuri restrittivi.

7        Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukraina u, fl-istess jum, il-forzi armati Russi attakkaw l-Ukraina f’diversi bnadi tal-pajjiż.

8        Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta t-tieni sensiela ta’ miżuri restrittivi. Fl-ewwel lok, dawn kienu miżuri individwali li jikkonċernaw persuni fil-politika jew fin-negozju involuti fil-ħsara għall-integrità tat-territorju Ukrain. Fit-tieni lok, dawn kienu miżuri restrittivi applikabbli fil-qasam finanzjarju, tad-difiża, tal-enerġija, fis-settur tal-avjazzjoni u tal-industrija tal-ispazju. Fit-tielet lok, dawn kienu miżuri li jissospendu l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim li jipprovdi għal miżuri intiżi li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Federazzjoni Russa li jitolbu viża għal żmien qasir.

9        Fl-istess data, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 50, p. 1), u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 51, p. 1), bil-ħsieb b’mod partikolari li jemenda l-kriterji li b’applikazzjoni tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi setgħu jiġu ssuġġettati għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Skont il-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329, il-Kunsill qies li kien hemm il-ħtieġa li jiġu emendati l-kriterji ta’ deżinjazzjoni sabiex jinkludu persuni u entitajiet li jappoġġaw jew jibbenefikaw mill-Gvern Russu kif ukoll il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jipprovdulu sors sostanzjali ta’ dħul u persuni fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati ma’ persuni jew entitajiet elenkati fil-lista.

10      L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, jipprovdi dan li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

[…]

d)      persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;

[…]

g)      negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

[…]

2.      L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

11      Il-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar huma ddefiniti mill-Artikolu 2(3) sa (6) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata.

12      L-Artikolu 1(1)(b) u (e) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata jistabbilixxi d-dħul jew it-tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri ta’ persuni fiżiċi li jissodisfaw kriterji essenzjalment identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(d) u (g) ta’ dik id-deċiżjoni.

13      Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament 2022/330, jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini sostanzjalment identiċi għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1)(a) sa (g) ta’ dan ir-regolament kif emendat essenzjalment jirriproduċi l-Artikolu 2(1)(a) sa (g) tal-imsemmija deċiżjoni.

14      F’dan il-kuntest, permezz tal-atti inizjali, il-Kunsill żied l-isem tar-rikorrent fil-listi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi inklużi fl-anness tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata u fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat (iktar ’il quddiem il-“lista inkwistjoni”).

15      Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma dawn li ġejjin:

“[Ir-rikorrent] huwa negozjant ewlieni Russu li għandu rabtiet fit-tul u mill-qrib ma l-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin. Kellu aċċess privileġġat għall-President u żamm relazzjonijiet tajbin ħafna miegħu. Din ir-rabta mal-mexxej Russu għenitu jżomm il-ġid konsiderevoli tiegħu. Huwa azzjonist ewlieni tal-grupp tal-azzar Evraz, li huwa wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja.

Għalhekk kien u għadu qed jibbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll negozjant Russu ewlieni li jopera fir-Russja u negozjant involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

16      Fis‑16 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż għall-attenzjoni tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata u bir-Regolament Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/427 (ĠU 2022, C 121 I, p. 1). Dan l-avviż kien jindika, b’mod partikolari, li l-persuni kkonċernati setgħu jressqu quddiem il-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni, billi jehmżu magħha dokumenti ta’ sostenn.

17      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2022, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-provi bir-referenza WK 3624/2022, tat‑12 ta’ Marzu 2022 (iktar ’il quddiem l-“ewwel fajl WK”), li fuq il-bażi tiegħu huwa kien stabbilixxa d-deċiżjoni tiegħu.

18      Fil‑25 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent ressaq talba għal eżami mill-ġdid tal-atti inizjali.

 Fatti li seħħew wara lpreżentata tarrikors preżenti

19      Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022, li permezz tagħhom il-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tar-rikorrent ġew imġedda sal‑15 ta’ Marzu 2023. F’dawn l-atti, il-Kunsill iġġustifika t-tiġdid tal-imsemmija miżuri billi rriproduċa l-motivi kollha tal-atti inizjali.

20      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li magħha kien mehmuż il-fajl tal-provi bir-referenza WK 17693/2022, tal‑15 ta’ Diċembru 2022 (iktar ’il quddiem it-“tieni fajl WK”), il-Kunsill indika lir-rikorrent li kellu l-intenzjoni li jġedded il-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu u stiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

21      Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Jannar 2023, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-provi l-ġodda.

22      Permezz tal-atti ta’ żamma ta’ Marzu 2023, il-miżuri restrittivi meħuda kontrih ġew estiżi sal‑15 ta’ Settembru 2023. Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu.

23      Permezz tal-atti ta’ żamma ta’ April 2023, saret emenda f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-espożizzjoni tal-motivi li tikkonċerna lir-rikorrent kif ukoll fit-taqsima intitolata “informazzjoni ta’ identifikazzjoni” li tikkonċerna lilu.

24      Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni ġew emendati fl-atti ta’ żamma ta’ April 2023 kif ġej:

“[Ir-rikorrent] huwa oligarka Russu li għandu rabtiet twal u mill-qrib ma’ Vladimir Putin. Huwa kellu aċċess privileġġat għall-President, u żamm relazzjonijiet tajbin ħafna miegħu. Din il-konnessjoni mal-mexxej Russu għenitu jżomm il-ġid konsiderevoli tiegħu. Huwa azzjonist ewlieni tal-grupp tal-azzar Evraz, li huwa wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja.

Għalhekk huwa kien qed jibbenefika wkoll minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll wieħed min-negozjanti Russi ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

25      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill indika lir-rikorrent, b’risposta għal ittra ta’ dan tal-aħħar tal‑4 ta’ Mejju 2023, ir-raġunijiet għall-imsemmija emenda.

 It-talbiet talpartijiet

26      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lilu;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tas-somma ta’ miljun ewro, fuq bażi provviżorja, favur il-fondazzjoni karitattiva li qiegħda tiġi stabbilita fil-kuntest tal-bejgħ ta’ Chelsea FC għall-benefiċċju tal-vittmi ta’ kunflitti, bħala kumpens għad-danni morali subiti;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

28      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka, fir-rigward tat-talba tiegħu għal annullament, erba’ motivi, ibbażati formalment, l-ewwel wieħed, fuq “ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni”, it-tieni wieħed, fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, it-tielet wieħed, fuq “ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità” u, ir-raba’ wieħed, fuq “ksur tad-drittijiet fundamentali”. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-illegalità tal-aġir tal-Kunsill ikkawżatlu danni li jeħtieġ li jiġi kkumpensat għalihom. Fil-kuntest tal-ewwel żewġ noti ta’ adattament tiegħu, ir-rikorrent iqajjem ukoll argumenti bbażati fuq “ksur tad-drittijiet tad-difiża” u fuq l-“interpretazzjoni żbaljata mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu ta’ eżami mill-ġdid fil-kuntest tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023”, li essenzjalment huma marbuta mal-ewwel motiv, b’tali mod li sejrin jiġu analizzati bħala parti minn dan l-ewwel motiv.

 Fuq ittalba għal annullament

 Fuq lewwel motiv

29      L-ewwel motiv jista’ jiġi subdiviż essenzjalment f’żewġ partijiet, li minnhom l-ewwel parti tikkonċerna l-“ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni” u t-tieni waħda hija kkostitwita minn argumenti mressqa mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel żewġ noti ta’ adattament, diretti speċifikament kontra l-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023.

–       Fuq lewwel parti, li tirrigwarda l“ksur taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u talobbligu ta’ motivazzjoni”

30      Ir-rikorrent isostni li l-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill ma tippermettilux jiddefendi ruħu korrettement. B’mod partikolari, huwa jallega li l-Kunsill ma speċifikax in-natura u l-portata tar-“rabtiet” jew tar-“relazzjonijiet” mal-President Putin.

31      Skont ir-rikorrent, il-Kunsill ma kkomunikalux informazzjoni affidabbli u kredibbli li jippermettulu jivverifika l-motivi tal-inklużjoni u taż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, kif ukoll ir-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom huwa qies li l-atti kkontestati kienu ġġustifikati.

32      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li l-provi inklużi fil-proċess, komposti unikament minn artikoli tal-istampa jew minn estratti u minn screenshots minn siti tal-internet, ma jippermettux li jiġi identifikat xi att ta’ sostenn jew vantaġġ riċevut min-naħa tal-President Putin.

33      Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ma identifikax il-persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet li mingħandhom huwa bbenefika.

34      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-allegazzjonijiet tal-Kunsill ippoġġuh fl-obbligu li jipproduċi provi negattivi, u b’hekk jaqilbu fuqu l-oneru tal-prova.

35      Fir-replika, ir-rikorrent jinvoka l-assenza ta’ bażi fattwali aġġornata għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa jallega li l-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest u ċ-ċirkustanzi tal-każ, sa fejn dan tal-aħħar ma jagħmel l-ebda riferiment għal sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejnu u bejn is-“sitwazzjonijiet miġġielda”, jiġifieri l-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

36      Fin-noti ta’ adattament, ir-rikorrent isostni li l-ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li, sa fejn huwa kkonċernat il-grupp tal-azzar Evraz (iktar ’il quddiem “Evraz”), l-istatus tiegħu ta’ azzjonist tal-kumpannija omm tippermettilu jeżerċita influwenza fuq is-sitwazzjonijiet li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-Kunsill ma jibbażax ruħu iktar fuq il-provi annessi mal-ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li jagħmlu riferiment b’mod ġenerali għar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ Evraz u, b’mod partikolari, għall-kuntratti li s-sussidjarji ta’ dan tal-aħħar ikkonkludew mal-gwardja nazzjonali tal-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, il-provi inklużi fit-tieni fajl WK, minkejja li, fil-maġġoranza tagħhom, jippreċedu l-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022, ma ġewx invokati waqt l-adozzjoni tagħhom.

37      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

38      Skont il-ġurisprudenza, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha kemm mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, kif ukoll permezz tal-komunikazzjoni tal-motivi magħmula fuq talba tagħha (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      L-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 49 u 50, u tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħrajn li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. B’mod partikolari ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju huwa suffiċjentement immotivat meta jseħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda kontriha. Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu ta’ żmien li fihom għandu jseħħ (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċarat li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma kellhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti f’li jiġu espressi formalment il-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Għalkemm dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jgħodd ukoll għad-distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-motivazzjoni u dik tal-prova tal-aġir allegat, li wkoll taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att inkwistjoni u timplika li għandha tiġi vverifikata r-realtà tal-fatti msemmija f’dan l-att kif ukoll il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Chyzh et vs Il‑Kunsill, T‑276/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:748, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Preliminarjament, kif irrikonoxxa r-rikorrent waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tiegħu marbuta mal-eżattezza, man-natura mhux attwali tal-allegazzjonijiet li jinsabu fir-raġunijiet għall-inklużjoni u mal-kontenut tat-tieni fajl WK jaqgħu taħt il-fondatezza tal-atti kkontestati u ma jirrigwardawx l-eżistenza jew in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tagħhom. Dan jgħodd ukoll għall-argument tiegħu marbut mal-allegata inverżjoni tal-oneru tal-prova, li jirrigwarda l-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi.

45      Fil-kawża preżenti, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest ġenerali li wassal lill-Kunsill sabiex jadotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni huwa espost b’mod ċar fil-premessi tal-atti kkontestati, li b’mod partikolari, jagħmlu riferiment għall-agressjoni militari mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata min-naħa tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Bl-istess mod, il-bażijiet legali li fuqhom ġew adottati l-imsemmija atti, jiġifieri l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE, huma b’mod ċar identiċi. Il-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija dik esposta fil-punti 14 u 24 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-kuntest u ċ-ċirkustanzi ta’ madwar l-adozzjoni tal-imsemmija atti kienu magħrufa sewwa mir-rikorrent.

46      Fit-tieni lok, minn qari tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-Kunsill inkluda l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni billi bbaża ruħu fuq żewġ kriterji, li huma msemmija espliċitament fir-raġunijiet għall-inklużjoni, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 2(1)(d) u (g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“kriterju (d)” u l-“kriterju (g)”) (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent.

47      Fit-tielet lok, ir-raġunijiet għall-inklużjoni previsti fil-punti 15 u 24 iktar ’il fuq ippermettew lir-rikorrent jifhem li ismu ġie inkluż u miżmum fil-listi inkwistjoni b’mod partikolari minħabba l-fatt li huwa kellu rabtiet mill-qrib u dejjiema mal-President Putin li, indipendentement min-natura tagħhom, għenuh iżomm livell ta’ ġid kunsiderevoli, tant li bbenefika minn persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Barra minn hekk, ir-rikorrent huwa identifikat bħala wieħed mill-azzjonisti prinċipali tal-kumpannija omm ta’ Evraz, li hija inkluża fost il-kontribwenti l-iktar importanti tar-Russja, tant li huwa identifikat bħala negozjant ewlieni attiv fis-settur ekonomiku li jipprovdi jew jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

48      F’dan ir-rigward, b’mod iktar partikolari, tan-natura allegatament vaga u ġenerika tar-riferiment għal persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet, hemm lok li jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li, billi jsir riferiment għall-“mexxej Russu” fis-singular, fatt li jippermetti l-identifikazzjoni faċli tal-President Putin bħala l-persuna Russa responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet li mingħandha bbenefika r-rikorrent, jirriżulta li l-espożizzjoni tal-motivi hija suffiċjentement preċiża.

49      Fl-aħħar nett, fl-assenza ta’ tibdil tar-raġunijiet għall-inklużjoni u ta’ żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, ir-rikorrent ma jistax jallega li l-Kunsill ma għamilx riferiment, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-atti ta’ żamma, għall-provi li ġew trażmessi lilu permezz tal-ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-atti kkontestati jistabbilixxu sal-grad rikjest mil-liġi l-punti ta’ dritt u ta’ fatt li, skont il-Kunsill, jikkostitwixxu l-bażi tagħhom.

51      Għaldaqstant jeħtieġ li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti, ibbażata fuq il“ksur taddrittijiet taddifiża” u fuq l“interpretazzjoni żbaljata millKunsill talobbligu tiegħu ta’ eżami millġdid filkuntest taladozzjoni talatti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023”

52      Essenzjalment, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ma pprovdilux il-possibbiltà li jinstema’ qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023 u li ma tax risposta sostanzjali għal ċertu numru ta’ elementi u ta’ argumenti li tressqu minnu.

53      Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill ma evalwax mill-ġdid in-neċessità taż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-konfront tiegħu, li għamel riferiment għal elementi mhux attwali u li ma ħax inkunsiderazzjoni t-tibdil fiċ-ċirkustanzi li kien hemm wara l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, f’dak li għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, mar-rwol li huwa kellu f’diversi sforzi umanitarji u fil-medjazzjoni bejn il-partijiet kif ukoll mar-relazzjonijiet tiegħu mal-President Putin.

54      Għaldaqstant, ir-rikorrent iqis li l-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023 ma kinux jiġu adottati li kieku l-Kunsill kien eżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tiegħu u li kieku semgħu.

55      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

56      Id-dritt għal smigħ f’kull proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tgħarraf, b’mod utli u b’mod effettiv, il-fehma tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni, b’mod partikolari, ta’ żamma tal-isem ta’ persuna f’lista li tifforma parti mill-anness ta’ att li jipprovdi għal miżuri restrittivi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li din l-awtorità għandha kontra din il-persuna sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha, sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ ta’ jekk ikunx utli li tressaq każ quddiem il-qorti tal-Unjoni. Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna li turi utilment il-perspettiva tagħha fir-rigward tal-motivi meqjusa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112, u tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 93).

58      L-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet koperti minn miżuri restrittivi huwa impost meta l-Kunsill ikun ikkunsidra, fid-deċiżjoni li tipprovdi għaż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha f’din il-lista, provi ġodda kontriha, jiġifieri provi li ma kinux ġew ikkunsidrati fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha f’din l-istess lista (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 33).

60      Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtu lill-partijiet ikkonċernati d-dritt għal seduta, u dan billi l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub hija suffiċjenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 93, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 105).

61      Għaldaqstant, meta osservazzjonijiet huma fformulati mill-persuna kkonċernata rigward l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u ta’ provi eventwali li jiskaġunaw mehmuża ma’ dawn tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114).

62      Fil-kawża preżenti, fir-rigward tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022, il-Kunsill ippubblika avviż, fis‑16 ta’ Marzu 2022 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, li permezz tiegħu dawn ġew informati bil-possibbiltà li jressqu talba għal eżami mill-ġdid qabel l‑1 ta’ Ġunju 2022. Għaldaqstant, ir-rikorrent seta’ jressaq l-ewwel talba tiegħu għal eżami mill-ġdid fil‑25 ta’ Mejju 2022, b’tali mod li kellu l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija atti ta’ żamma.

63      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-neċessità taż-żamma tal-miżuri kontra r-rikorrent, fl-ittra tiegħu tal‑15 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill mhux biss fakkar l-argumenti invokati fir-risposta, peress li l-osservazzjonijiet inklużi fit-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrent kienu simili għall-motivi invokati fir-rikors, iżda wkoll inkluda xi speċifikazzjonijiet addizzjonali li jikkonċernaw ir-rabtiet li r-rikorrent kellu mal-President Putin kif ukoll il-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġuri ta’ Evraz, li kienu jiġġustifikaw iż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-konfront tiegħu. Barra minn hekk, il-Kunsill seta’ jirrileva l-assenza ta’ tibdil taċ-ċirkustanzi, fatt li huwa, b’mod partikolari, ikkonfermat mill-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 fuq il-bażi tal-istess provi tal-atti inizjali. F’dan ir-rigward u fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-involviment tar-rikorrent f’attivitajiet karitattivi, fi sforzi umanitarji u ta’ medjazzjoni ma jistax jitqies bħala tibdil taċ-ċirkustanzi.

64      Għaldaqstant, il-Kunsill ma kisirx l-obbligu li jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrent qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022.

65      Fir-rigward tal-atti ta’ żamma ta’ Marzu 2023, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kunsill informa lir-rikorrent, b’ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li huwa kien qiegħed jipprevedi li jżomm l-isem tiegħu fil-listi inkwistjoni, billi bbaża ruħu fuq l-istess motivazzjoni, u stiednu jippreżenta osservazzjonijiet, kif dan fil-fatt għamel permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Jannar 2023.

66      B’hekk, ir-rikorrent seta’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu marbuta mal-provi l-ġodda li l-Kunsill kien ittrażmettielu permezz tal-ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, akkumpanjata mit-tieni fajl WK.

67      Minn dan isegwi li l-Kunsill ittrażmetta lir-rikorrent il-provi l-ġodda qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Marzu 2023 u li dan tal-aħħar seta’ jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar dawn tal-aħħar qabel iż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-konfront tiegħu.

68      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, minkejja li l-Kunsill ċaħad it-tieni talba għal eżami mill-ġdid u li ddeċieda li jżomm l-imsemmija miżuri inkwistjoni fil-konfront tar-rikorrent, dan ma jistax juri li huwa kiser l-obbligu tiegħu ta’ eżami mill-ġdid. Fil-fatt, minn naħa, ma kien hemm l-ebda tibdil taċ-ċirkustanzi fir-rigward tal-adozzjoni tal-atti inizjali u, min-naħa l-oħra, xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrent milli jipproduċi provi ġodda waqt it-tieni talba għal eżami mill-ġdid insostenn tal-argument marbut mat-tibdil taċ-ċirkustanzi li allegatament seħħ sa mill-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. Barra minn hekk, fl-ittra tal‑14 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill speċifika r-raġunijiet li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem tar-rikorrent fl-imsemmija listi, jiġifieri, minn naħa, l-attività tiegħu ta’ negozjant ewlieni u, min-naħa l-oħra, ir-rabtiet tiegħu mal-President Putin.

69      Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ risposta sostanzjali għal ċerti argumenti tar-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuni koperti minn att li jikkawża preġudizzju jesprimu b’mod utli l-opinjoni tagħhom, dan ma jistax jimponi fuqhom li jaderixxu magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2017, Arbuzov vs Il-Kunsill, T‑221/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:478, punt 84, u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 330).

70      Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-Kunsill ma kkonkludiex favur l-assenza ta’ fondatezza tat-tiġdid tal-miżuri restrittivi, u lanqas ma qies utli li jipproċedi għal verifiki fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent ma jistax jimplika li ma ħax inkunsiderazzjoni tali osservazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punti 330 u 331).

71      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent marbut man-natura mhux attwali tal-provi l-ġodda, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn dan jikkonċerna żball ta’ evalwazzjoni, ma jistax jiġi invokat b’mod utli insostenn tal-parti preżenti.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kunsill issodisfa l-obbligi tiegħu marbuta mar-rispett tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-parti preżenti u, konsegwentement, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”

73      Ir-rikorrent essenzjalment isostni li l-Kunsill ma jipproduċix elementi konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi kkostitwita bażi fattwali suffiċjentement solida sabiex tiġi sostnuta l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni b’applikazzjoni tal-kriterji (d) u (g).

74      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

75      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tieni motiv għandu jitqies bħala li huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u mhux fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-Kunsill għandu ċertu setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk humiex issodisfatti l-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom iwettqu stħarriġ, bħala prinċipju sħiħ, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il-Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tirrikjedi, b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li biha ġew adottati jew miżmuma fis-seħħ il-miżuri restrittivi, li hija ta’ portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, hija msejsa fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-veradiċità astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119, u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 128).

77      Tali evalwazzjoni għandha titwettaq billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġa min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna jew l-entità suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il‑Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punti 63 u 66).

78      Jispetta lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi. Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ mill-Kunsill li jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li tiegħu jintalab l-annullament. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121 u 122, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 67; ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’din l-ipoteżi, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata għas-suġġett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 124).

80      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-istħarriġ tal-legalità eżerċitat fir-rigward taż-żamma tal-isem tal-persuna kkonċernata fil-listi inkwistjoni, jeħtieġ jitfakkar li l-miżuri restrittivi huma ta’ natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri restrittivi tiegħu, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il-Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 67).

81      Minn dan jirriżulta li sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-isem ta’ persuna f’lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, ma huwiex ipprojbit li l-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-istess provi li jkunu ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti tal-isem tar-rikorrent fl-imsemmija lista, dment li, minn naħa, ir-raġunijiet għall-inklużjoni jibqgħu ma jinbidlux u, min-naħa l-oħra, l-kuntest ma jkunx evolva b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru bla ebda valur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 99). F’dan ir-rigward, l-evoluzzjoni tal-kuntest jinkludi fih it-teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tas-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi kif ukoll is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il-Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 78; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il-Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 101), u, min-naħa l-oħra, taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, il-kisba tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri restrittivi (sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 56; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punti 82 sa 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jinkludi u sussegwentement li jżomm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, fl-ewwel lok bl-eżami tal-applikazzjoni għal dan tal-aħħar tal-kriterju (g).

–       Fuq lapplikazzjoni għarrikorrent tal-kriterju (g)

83      Ir-rikorrent jikkontesta, b’mod ġenerali, li l-fatt li huwa azzjonist maġġuri ta’ Evraz jista’ jimplika kemm kontribuzzjoni sinjifikattiva għad-dħul fiskali tal-Federazzjoni Russa b’rabta mal-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, kif ukoll rabtiet mal-Gvern Russu.

84      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jispeċifika li Evraz ma jikkostitwixxix sors importanti ta’ dħul lill-Federazzjoni Russa minħabba l-assenjazzjoni tat-taxxi mħallsa minn dan tal-aħħar favur il-baġit reġjonali, li huwa indipendenti mill-baġit federali.

85      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jinvoka l-effetti negattivi li l-azzjonijiet tal-Gvern Russu fl-Ukraina kellhom fuq Evraz.

86      Fit-tielet lok, ir-rikorrent jirrileva li huwa kellu biss 28.64 % mill-kapital azzjonarju tal-kumpannija omm ta’ Evraz, fatt li la kien jagħtih il-kwalità ta’ azzjonist maġġoritarju u lanqas il-possibbiltà li jiddetermina t-tranżazzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

87      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li l-attivitajiet ta’ Evraz ma humiex limitati għar-Russja, iżda jiġu eżerċitati wkoll fl-Istati Uniti u fil-Kanada, kif ukoll fir-Repubblika Ċeka u fil-Kazakistan.

88      Fil-ħames lok, ir-rikorrent josserva li l-kontribuzzjonijiet personali fiskali tiegħu fir-Russja ma humiex sinjifikattivi u li, konsegwentement, ma jistax jitqies bħala kontribwent importanti għall-Federazzjoni Russa. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta l-applikazzjoni tal-kriterju tas-“settur ta’ attività”, li huwa diskriminatorju sabiex jiġi ddeterminat is-sors sostanzjali tad-dħul. Huwa jżid li l-fatt li Evraz huwa fornitur tal-azzar tal-kumpannija nazzjonali tal-linji tal-ferrovija ma jistax ikun determinanti sabiex jintwera l-għoti ta’ sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

89      Fis-sitt u fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “negozjant ewlieni” fir-Russja u jfakkar li l-patrimonju tiegħu ġie investit fil-parti l-kbira tiegħu barra l-imsemmi pajjiż, jiġifieri, b’mod partikolari, fl-Iżrael, fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti u fil-Kanada u li, barra minn hekk, huwa kien filantropu rikonoxxut li l-azzjonijiet karitattivi tiegħu kienu jestendu lejn il-pajjiżi kollha li fihom huwa jopera.

90      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

91      F’dan il-każ, ir-raġuni kkunsidrata fir-rigward tar-rikorrent li taqa’ taħt il-kriterju (g) hija marbuta mal-fatt li, peress li huwa azzjonist maġġuri jew wieħed mill-azzjonisti prinċipali ta’ Evraz, li huwa wieħed mill-ikbar kontribwenti tar-Russja, huwa negozjant ewlieni attiv fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu jew jikkostitwixxu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

92      Il-kriterju (g) juża l-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin” b’rabta mal-eżerċizzju ta’ “[attività] f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern [Russu]”, mingħajr ebda kundizzjoni oħra li tikkonċerna rabta, diretta jew indiretta, mal-imsemmi gvern. Fil-fatt, il-finalità segwita minn dan il-kriterju hija li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn tal-aħħar iġibu fi tmiemhom l-azzjonijiet tagħhom u l-linji politiċi tagħhom li jiddestabilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż.

93      F’dan ir-rigward, teżisti rabta loġika bejn il-fatt li jiġu mmirati negozjanti ewlenin li għandhom attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu dħul sostanzjali lill-Gvern Russu, minn naħa, u l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, li huwa, b’mod partikolari, li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa kif ukoll li tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar intiża sabiex tikkomprometti l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il-Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Madankollu, l-ebda waħda mill-premessi jew mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata u tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat ma tippermetti li jiġi konkluż li huwa l-Kunsill li għandu juri l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib jew ta’ relazzjoni ta’ interdipendenza bejn il-persuna li isimha huwa inkluż fil-listi inkwistjoni u l-Gvern Russu jew l-azzjonijiet tiegħu li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

95      Tali interpretazzjoni tippreġudika mhux biss il-kliem tal-kriterju (g) iżda wkoll l-għan previst.

96      Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-kliem tal-kriterju (g), hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-persuni koperti għandhom jitqiesu bħala ewlenin minħabba l-importanza tagħhom fis-settur ekonomiku li fih huma jeżerċitaw l-attività tagħhom u l-importanza ta’ dan is-settur għall-ekonomija Russa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il-Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin” għandu jinftiehem bħala li jipprevedi l-importanza ta’ dawn tal-aħħar fid-dawl, skont il-każ, tal-istatus professjonali tagħhom, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, tal-portata tal-assi kapitali tagħhom u tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan impriża waħda jew iktar li fihom huma jeżerċitaw dawn l-attivitajiet.

97      Min-naħa l-oħra, l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ma huwiex dak li jiġu ssanzjonati ċerti persuni jew ċerti entitajiet minħabba r-rabtiet tagħhom mas-sitwazzjoni fl-Ukraina jew minħabba r-rabtiet tagħhom mal-Gvern Russu, iżda, kif huwa mfakkar fil-punt 93 iktar ’il fuq, li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn tal-aħħar iġibu fi tmiemhom l-azzjonijiet tagħhom u l-linji politiċi tagħhom li jiddestabilizzaw l-Ukraina kif ukoll dik li tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li jiġi promoss it-tmiem tal-kriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il-Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      B’mod definittiv, il-kriterju (g) għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa intiż li japplika għal “negozjanti ewlenin” fis-sens deskritt fil-punt 96 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, li huma s-setturi ekonomiċi li fihom huma attivi dawn il-persuni li għandhom jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

99      Huwa għaldaqstant fuq id-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tal-kriterju (g) li jeħtieġ li tiġi evalwata l-fondatezza tar-raġunijiet ikkunsidrati fl-atti kkontestati.

100    Fil-kawża preżenti, ġaladarba dawn ir-raġunijiet għall-inklużjoni u għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni baqgħu ma nbidlux, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn l-atti inizjali minn naħa u l-atti ta’ żamma min-naħa l-oħra u dan peress li l-verifika tal-informazzjoni allegata fl-espożizzjoni tal-motivi kif ukoll fil-provi, li jinsabu fl-ewwel u fit-tieni fajls WK, essenzjalment tikkonċerna l-istess ċirkustanzi fattwali.

101    Ir-raġunijiet ikkunsidrati fir-rigward tar-rikorrent, marbuta mal-kriterju (g) huma relatati mal-fatt li huwa kien, fil-mument tal-adozzjoni kemm tal-atti inizjali kif ukoll tal-atti ta’ żamma, azzjonist maġġuri jew wieħed mill-azzjonisti prinċipali ta’ Evraz, li huwa wieħed mill-iktar kontribwenti Russi u jopera, b’mod partikolari, f’settur ekonomiku li jipprovdi jew jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

102    Madankollu, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent kellu fil-pussess dirett tiegħu 28.64 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija omm ta’ Evraz u li hemm biss tliet azzjonisti oħrajn li għandhom parteċipazzjoni azzjonarja li teċċedi 5 %.

103    Minkejja li r-rikorrent jikkontesta l-kwalità tiegħu ta’ azzjonist maġġuri ta’ Evraz kif ukoll is-setgħa tiegħu li jiddetermina t-tranżazzjonijiet tal-imsemmi grupp jew ta’ kontroll ta’ dan tal-aħħar, huwa stabbilit mhux biss li huwa wieħed mill-azzjonisti l-iktar importanti tal-kumpannija omm ta’ Evraz, iżda wkoll, skont il-prospectus ta’ din tal-aħħar infilzat fil-proċess mir-rikorrent, li huwa l-azzjonist prinċipali fiha.

104    Fil-fatt, fi ħdan il-kumpannija omm ta’ Evraz, ir-rikorrent huwa detentur ta’ perċentwali ogħla ta’ drittijiet tal-vot minn fost l-erba’ azzjonisti prinċipali, inkluż huwa wkoll, li, ikkunsidrati flimkien, huma detenturi ta’ 63.35 % ta’ dawn id-drittijiet, filwaqt li l-kapital azzjonarju rimanenti huwa varjabbli, u għandhom il-kapaċità li jeżerċitaw kontroll fuq l-għażla tal-amministraturi, id-dikjarazzjoni tad-dividendi, il-ħatra tad-diretturi u deċiżjonijiet politiċi oħrajn tal-imsemmija kumpannija omm. F’dan ir-rigward, kif jenfasizza l-Kunsill, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija omm huwa kompost minn ħdax-il membru, li minnhom hemm sitt amministraturi mhux eżekuttivi indipendenti, u li r-rikorrent għandu d-dritt li jaħtar, waħdu, sa tliet amministraturi. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki jekk il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-kumpannija omm inkwistjoni, bħala sempliċi investitur, tikkostitwixxi parteċipazzjoni minoritarja li ma tippermettilu jeżerċita l-ebda forma ta’ kontroll fuq din tal-aħħar, xorta waħda tibqa’ sinjifikattiva, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li Evraz huwa wieħed mill-gruppi prinċipali Russi fil-qasam tal-azzar u tal-mini. Minn dan isegwi li, bħala azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm inkwistjoni għal diversi snin, ir-rikorrent jista’ jiġi kklassifikat bħala negozjant ewlieni skont il-kriterju (g).

105    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tan-natura “ewlenija” tar-rikorrent, hemm lok li jiġi speċifikat li, sabiex jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “negozjanti ewlenin”, kif ġie indikat fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, il-kriterju (g) ma jirrikjedix l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib jew ta’ relazzjoni ta’ interdipendenza mal-Gvern Russu jew mal-President tal-Federazzjoni Russa. Dan lanqas ma jiddependi minn tip ta’ imputabbiltà lir-rikorrent tad-deċiżjoni li tiġi segwita l-invażjoni tal-Ukraina jew ta’ rabta diretta jew indiretta mal-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, tant li l-argument tar-rikorrent marbut mal-assenza ta’ benefiċċju mill-attivitajiet tal-Gvern Russu fl-Ukraina għandu jiġi miċħud bħala infondat.

106    Minn dan isegwi li kien b’mod ġust li l-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrent kien negozjant ewlieni b’mod partikolari minħabba l-istatus professjonali tiegħu, l-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, il-portata tal-assi kapitali tiegħu fi ħdan Evraz u, b’mod iktar partikolari, il-kwalità ta’ azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm tal-imsemmi grupp ta’ kumpanniji (ara l-punt 96 iktar ’il fuq).

107    Barra minn hekk, ir-rikorrent essenzjalment jikkontesta li huwa jeżerċita attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu fis-sens tal-kriterju (g).

108    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, kif jagħmel il-Kunsill, li għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, il-frażi “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” li tinsab fil-kriterju (g) tagħmel riferiment, fid-dawl tal-kliem ta’ din tal-aħħar, għad-dħul provenjenti minn setturi ekonomiċi importanti tal-Federazzjoni Russa u mhux biss għat-taxxi mħallsin min-negozjanti ewlenin. Fil-fatt, minkejja li l-kliem tal-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329 jindika li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni għandhom jiġu emendati sabiex jinkludu l-“persuni u entitajiet li [jipprovdu lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa] sors sostanzjali ta’ dħul”, xorta jibqa’ l-fatt li ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni tal-imsemmi kriterju f’sens kuntrarju għall-kliem tiegħu, li huwa ċar ħafna. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrent tippreġudika l-għan segwit mill-miżuri restrittivi inkwistjoni li huwa dak li tiddgħajjef il-kapaċità tal-Federazzjoni Russa li tmexxi ’il quddiem il-gwerra tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukraina.

109    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li la d-Deċiżjoni 2014/145 ma kienet emendata u lanqas ir-Regolament Nru 269/2014 kif emendat ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “sors sostanzjali ta’ dħul”, xorta jibqa’ l-fatt li l-użu tal-aġġettiv klassifikattiv “sostanzjali”, li huwa marbut mal-kelma “sors”, jimplika li dan is-sors għandu jkun sinjifikattiv u għaldaqstant mhux wieħed negliġibbli.

110    Barra minn hekk, għalkemm il-kontribuzzjoni ta’ Evraz favur il-baġit tal-Federazzjoni Russa tista’ tkun utli sabiex tiġi ddeterminata l-importanza ekonomika ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari sabiex tiġi stabbilita n-natura ewlenija tan-negozjant li huwa l-azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm tiegħu, din ma hijiex determinanti sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk is-settur ekonomiku li fih huwa attiv ir-rikorrent jipprovdix sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

111    F’dan il-każ, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-settur ekonomiku li fih jintervjeni r-rikorrent permezz ta’ Evraz jipprovdix sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, ma jistax jiġi validament sostnut li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tas-settur tal-azzar u tal-mini.

112    Fil-fatt, tali sors sostanzjali ta’ dħul ipprovdut mis-settur tal-azzar u tal-mini lill-Gvern Russu jista’ jiġi dedott mill-kuntest kif ukoll mid-dokument Nru 2 tal-ewwel fajl WK li jindika li dan is-settur kien jirrappreżenta, fl‑2016, it-tielet l-ikbar settur ekonomiku f’termini ta’ dħul fiskali fir-Russja u li, fost l-ewwel 50 kontribwent Russu ewlieni, li 10 minnhom, fosthom Evraz, kienu joperaw fl-imsemmi settur. Minn dan id-dokument jirriżulta wkoll li, filwaqt li l-piż fiskali globali fuq l-ekonomija Russa naqas fl‑2016, dan żdied minn 12.4 % għal 12.9 % għal dawn il-kontribwenti.

113    Barra minn hekk, mid-dokument Nru 10 tal-ewwel fajl WK kif ukoll mill-passat ta’ Evraz, infilzat fil-proċess mir-rikorrent jirriżulta li l-kumpannija omm ta’ dan il-grupp ta’ kumpanniji tikkostitwixxi waħda mill-ikbar impriżi tal-azzar u tal-mini vertikalment integrati fid-dinja, li tinkludi fiha diversi sussidjarji.

114    Dan huwa kkorroborat ukoll mir-rapport annwali tal-kumpannija omm ta’ Evraz għas-sena 2021, infilzat fil-proċess mir-rikorrent, li jindika d-dħul skont is-settur ta’ attività. Minn dan ir-rapport jirriżulta b’mod partikolari li l-attivitajiet tal-azzar irrapportaw 12.5 biljun dollari tal-Istati Uniti (USD), b’kont meħud ukoll tad-dħul ta’ dan is-settur fir-reġjun tal-Amerika ta’ Fuq (ekwivalenti għal USD 2.3 biljun). B’mod iktar preċiż, minkejja li l-imsemmija kumpannija omm teżerċita l-attivitajiet tagħha f’diversi setturi tal-ekonomija Russa, id-dħul, mis-settur tal-azzar biss, li fir-Russja żdied minn 48.3 % bejn l‑2020 u l‑2021, jirrappreżenta 66.3 % tad-dħul totali tagħha. Skont l-imsemmi rapport, din il-kumpannija omm hija “leader fis-swieq tal-kostruzzjoni u tal-prodotti ferrovjarji fir-Russja”. Fil-fatt, hija għandha 28 % tal-partijiet tas-suq Russu tar-roti tal-linji tal-ferrovija kif ukoll 97 % ta’ dak tal-ferroviji.

115    Barra minn hekk, mill-prospectus marbut ma’ Evraz jirriżulta li, fl‑2018, dan tal-aħħar kien ir-raba’ l-ikbar produttur ta’ azzar mhux maħdum fir-Russja u l-ikbar manifattur f’termini ta’ volum ta’ prodotti twal għall-kostruzzjoni u l-industriji ferrovjarji f’dan il-pajjiż u fil-Komunità tal-Istati Indipendenti (KIS). Ir-rapport annwali tal-kumpannija omm ta’ Evraz għas-sena 2021 jindika wkoll li 94.8 % minn 71 210 impjegat ta’ Evraz huma impjegati fir-Russja u fil-KIS.

116    Għaldaqstant, dawn l-elementi kkunsidrati flimkien jippermettu li jiġi stabbilit li s-settur ekonomiku inkwistjoni, jiġifieri s-settur, li fih jopera, b’mod partikolari, Evraz, jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

117    Iċ-ċirkustanza, jekk jiġi preżunt li avverat ruħha, li d-dħul fiskali provenjenti mis-settur tal-azzar u tal-mini huwa prinċipalment assenjat lill-baġit tal-entitajiet federali lokali hija rrilevanti. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, imfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva, li tkun tillimitah għad-dħul fiskali affettwat mill-baġit federali ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, anki jekk dan is-sors ta’ dħul la huwa ddestinat għall-baġit federali, u lanqas direttament użat mill-imsemmi Gvern sabiex isostni l-ispejjeż militari tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li jippermetti lil dan il-gvern, fil-globalità tiegħu, mingħajr ebda distinzjoni bejn dħul li joriġina mill-baġit federali u dak mill-baġits reġjonali, li jimmobilizza ulterjorment riżorsi għall-azzjonijiet tiegħu intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

118    Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq elementi ta’ kuntest iktar personali, jiġifieri l-attivitajiet umanitarji tiegħu u r-rwol tiegħu fin-negozjati tal-paċi, għandhom jitwarrbu bħala ineffettivi. Fil-fatt, tali elementi ma humiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk humiex f’dan il-każ issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-kriterju (g) kif speċifikat fil-punti 92 sa 97 iktar ’il fuq.

119    Fl-aħħar nett, l-ilment imqajjem mir-rikorrent fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament, li skontu, billi bbaża ruħu fuq il-provi inklużi fit-tieni fajl WK, il-Kunsill wettaq, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, żbalji li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-kuntratti bejn is-sussidjarji ta’ Evraz u l-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa u l-eżistenza ta’ abbozz ta’ liġi dwar l-ekonomija tal-gwerra li kienet tobbliga lil impriżi bħal Evraz li jipprovdu materjali u servizzi lill-armata ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li kien biss b’mod sussidjarju li l-Kunsill għamel riferiment għal dawn l-elementi u li, sa fejn ma użaħhomx sabiex isostni l-atti ta’ żamma, billi ma humiex marbuta direttament mal-kriterju (g), l-imsemmi lment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

120    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu jipprovaw il-fatt li s-settur ekonomiku li fih huwa attiv ir-rikorrent jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu.

121    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-raġuni għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, ibbażata fuq l-istatus ta’ negozjant ewlieni li huwa attiv fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, li jikkorrispondi għall-kriterju (g), hija suffiċjentement fondata, b’tali mod li, fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jinkludi u sussegwentement li jżomm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

122    Issa, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi, u fid-dawl tan-natura preventiva tagħhom, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li, tal-inqas, wieħed mill-motivi msemmija huwa suffiċjentement preċiż u konkret, li huwa sostnut u minnu nnifsu jikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex isostni din id-deċiżjoni, iċ-ċirkustanza li oħrajn minn dawn il-motivi ma jkunux, ma tistax tiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat, u dan mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilmenti l-oħrajn imqajma mir-rikorrent intiżi li jpoġġu f’dubju l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterju (d).

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

124    It-tielet motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

–       Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament

125    Ir-rikorrent essenzjalment isostni li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma diskriminatorji. Fl-opinjoni tiegħu, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tal-kriterju (g) mill-Kunsill hija wiesgħa wisq, sa fejn din tippermetti li jiġu ssanzjonati n-negozjanti kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, li jeżerċitaw jew li kienu eżerċitaw attività ekonomika sinjifikattiva fir-Russja u li josservaw l-obbligi fiskali tagħhom, fuq din il-bażi waħedha. Fit-tieni lok, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju mill-Kunsill hija diskriminatorja sa fejn l-imsemmi kriterju kien jikkonċerna n-negozjanti u l-impriżi ta’ nazzjonalità Russa filwaqt li jinjora l-impriżi barranin, meta dawn tal-aħħar ukoll joperaw fit-territorju Russu u jħallsu ammonti rappreżentanti ta’ taxxi favur il-baġit tal-Federazzjoni Russa. Fit-tielet lok, ir-rikorrent iqis li huwa ssanzjonat minħabba elementi li huwa ma għandu l-ebda kontroll fuqhom, irrispettivament mill-ammont ta’ taxxi mħallsa, l-assenjazzjoni tad-dħul fiskali bejn ir-reġjuni u l-Gvern Federali jew l-użu tal-baġit lil dan tal-aħħar. Peress li ma għandu l-ebda strument sabiex jinfluwenza l-politika fiskali Russa u l-allokazzjoni tal-prodott tal-attivitajiet ta’ Evraz, l-ebda miżura restrittiva li tikkonċernah ma tista’ tbiddel l-obbligi ta’ dan tal-aħħar bħala kontribwent Russu.

126    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

127    Jeħtieġ jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Vnesheconombank vs Il-Kunsill, T‑737/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:543, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Fil-kawża preżenti, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-interpretazzjoni tal-kriterju (g) mill-Kunsill hija wiesgħa wisq, sa fejn din essenzjalment tippermetti li jiġu ssanzjonati n-negozjanti kollha rrispettivament mill-oriġini tagħhom, li jeżerċitaw jew li kienu eżerċitaw attività ekonomika sinjifikattiva fir-Russja u filwaqt li josservaw l-obbligi fiskali tagħhom, fuq din il-bażi waħedha, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jispeċifikax kif u fir-rigward ta’ liema persuni hija diskriminatorja din l-interpretazzjoni allegatament wiesgħa wisq ta’ dan il-kriterju. Għall-kuntrarju ta’ dan li jsostni r-rikorrent, ma humiex koperti, in-negozjanti kollha li jeżerċitaw attività ekonomika sinjifikattiva fir-Russja u li jħallsu jew ħallsu taxxi f’dan il-pajjiż fuq din il-bażi, u dan peress li jistgħu jkunu koperti biss minn dan il-kriterju dawk in-negozjanti li huma attivi f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu. Fi kwalunkwe każ, ir-raġunijiet li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rikorrent huwa azzjonist maġġuri ta’ Evraz, wieħed mill-ikbar kontribwenti tal-Federazzjoni Russa. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, huwa ġie ssuġġettat għall-miżuri restrittivi inkwistjoni wara evalwazzjoni individwali, ibbażata fuq provi konkreti li jikkonċernawh.

129    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kriterju (g), huwa s-settur ekonomiku, u mhux in-negozjanti bħala tali u lanqas il-kumpanniji li huma azzjonisti fihom, li huwa identifikat bħala li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu (ara l-punt 98 iktar ’il fuq). Għalhekk, il-ħlas ta’ taxxi mir-rikorrent jew mill-kumpannija omm ta’ Evraz jew is-sussidjarji tagħha ma huwiex fih innifsu rilevanti. L-imsemmi kriterju jirreferi għad-dħul kollu ġġenerat mis-settur ekonomiku li fih ikunu attivi n-negozjanta jew in-negozjant partikolari, u għaldaqstant jinkludi fih, b’mod partikolari iżda mhux biss, id-dħul fiskali ġġenerat minn dan is-settur.

130    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-applikazzjoni tal-kriterju (g) mill-Kunsill hija diskriminatorja sa fejn l-imsemmi kriterju jikkonċerna n-negozjanti u l-impriżi ta’ nazzjonalità Russa u mhux l-impriżi barranin, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li dan il-kriterju ma jikkonċernax in-nazzjonalità tal-persuni indikati, iżda kull persuna fiżika li għandha l-kwalità ta’ negozjant jew negozjanta ewlenija fis-sens tal-imsemmi kriterju. Konsegwentement, il-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ kwalunkwe nazzjonalità jekk ikunu jissodisfaw il-kriterju inkwistjoni.

131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi preżunt li l-Kunsill ma adotta ebda miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront ta’ ċerti persuni li jissodisfaw il-kriterju (g), u eżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha marbuta ma’ dawn il-persuni, tali ċirkustanza ma tistax tiġi invokata b’suċċess mir-rikorrent, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni għandhom jiġu kkonċiljati mal-prinċipju ta’ legalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2016, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, T‑68/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:263, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-Kunsill ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta, fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li huwa għandu sabiex jistabbilixxi jekk humiex issodisfatti l-kriterji ta’ deżinjazzjoni, iddeċieda li jinkludi u li jżomm l-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

132    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jispjegax ir-raġunijiet għaliex l-allegata assenza ta’ influwenza fuq l-assenjazzjoni tad-dħul fiskali Russu u fuq l-allokazzjoni tal-prodott tal-attivitajiet ta’ Evraz tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, b’tali mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

133    Għaldaqstant, jeħtieġ li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

134    Ir-rikorrent jallega li l-miżuri restrittivi inkwistjoni meħuda kontrih ma humiex xierqa kif ukoll huma sproporzjonati, sa fejn dawn ma jeżerċitaw l-ebda pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi u lanqas ma jista’ jkollhom effett utli, peress li huwa ma jipparteċipa f’ebda azzjoni marbuta mal-annessjoni tal-Krimea u mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.

135    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis, minn naħa, li l-miżuri inkwistjoni meħuda kontrih ma humiex neċessarji sabiex jinkisbu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, u dan peress li la kien involut u lanqas ikkonsultat f’ebda deċiżjoni marbuta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Barra minn dan, huwa jsostni li l-imsemmija miżuri huma mbegħdin mill-allegat għan li tiġi affettwata l-politika tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina, b’kunsiderazzjoni tal-kontribuzzjoni mhux sostanzjali favur il-baġit federali, u hemm riskju li dawn ikollhom konsegwenzi negattivi fuq l-attivitajiet tiegħu lil hinn mir-Russja. Barra min hekk, huwa jsostni li dawn il-miżuri ġew adottati minħabba l-istatus tiegħu ta’ azzjonist tal-kumpannija omm ta’ Evraz, liema kumpannija ma hija suġġetta għal ebda miżura simili. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li l-miżuri inkwistjoni huma sproporzjonati, sa fejn jipprekluduh milli jintervjeni b’mod effikaċi bħala strument ta’ komunikazzjoni fil-kuntest tan-negozjati tal-paċi.

136    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

137    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa riprodott fl-Artikolu 5(4) TUE, jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 122, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 133).

138    Għaldaqstant, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li min-naħa ta’ dan tal-aħħar jinvolvu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Fil-kawża preżenti, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-importanza essenzjali tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll il-promozzjoni ta’ soluzzjoni paċifika għall-kriżi f’dan il-pajjiż, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesgħa taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21(2)(c) TUE, il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħhom għar-rikorrent ma humiex manifestament sproporzjonati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150).

141    Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li, fil-premessi 2 sa 10 tad-Deċiżjoni 2022/329, il-Kunsill għamel riferiment għal degradazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni fl-Ukraina li wasslet, fl‑24 ta’ Frar 2022, għall-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa bi ksur manifest tal-integrità territorjali, tas‑sovranità u tal-indipendenza ta’ dan l-Istat. Għaldaqstant, huwa minħabba l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, ikkaratterizzata mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa, li l-Kunsill qies li kellu jestendi ċ-ċirku tal-persuni u tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu. Madankollu, minn dan l-approċċ ibbażat fuq il-progressività ta’ ksur għad-drittijiet abbażi tal-effettività tal-miżuri jirriżulta li l-proporzjonalità tagħhom hija stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 126, u tal‑25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 104).

142    Fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’kont meħud ukoll tan-negozjanti li jeżerċitaw attivitajiet f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, il-Kunsill seta’ b’mod leġittimu jispera li tali azzjonijiet jieqfu jew li dawn isiru jiswew iktar flus għal dawk li jwettquhom, bil-ħsieb li jiġi promoss it-twaqqif tal-ksur manifest tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il-Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 157).

143    Fil-kawża preżenti, fil-kuntest tat-tieni motiv, ġie stabbilit li l-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent kienu ġġustifikati minħabba li s-sitwazzjoni tiegħu kienet tippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju (g). Fil-fatt, id-deżinjazzjoni tar-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist prinċipali tal-kumpannija omm ta’ Evraz, tieħu inkunsiderazzjoni s-settur ta’ attività li fih topera din il-kumpannija, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din hijiex ukoll suġġetta għal sanzjonijiet individwali bħala persuna legali u x’inhi l-kontribuzzjoni fiskali li minnha kien jibbenefika l-Gvern Russu.

144    Barra minn hekk, huwa irrilevanti l-fatt li r-rikorrent ma huwa involut f’ebda deċiżjoni marbuta mal-annessjoni tal-Krimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, peress li l-miżuri restrittivi ma ġewx imposti fuqu għan din ir-raġuni, iżda minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li huwa negozjant ewlieni attiv f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu, responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn att tal-Unjoni li jistabbilixxi sistema ta’ miżuri restrittivi hija ta’ natura li tiġġustifika l-konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi, inklużi dawk li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 361, u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150).

145    Fir-rigward tan-natura adegwata tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li huma fundamentali għall-komunità internazzjonali daqs dawk imsemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq, l-imsemmija miżuri ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala inadegwati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2020, Kalai vs Il‑Kunsill, T‑178/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:580, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li miżuri oħrajn inqas restrittivi ma jippermettux li jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq il-persuni Russi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-rikorrent baqa’ ma pprovax li l-Kunsill seta’ jipprevedi li jadotta miżuri inqas restrittivi, iżda fl-stess ħin adegwati daqs dawk li ġew previsti.

147    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent marbut mar-riperkussjonijiet fuq il-parteċipazzjoni tiegħu fin-negozjati tal-paċi, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata kif ukoll l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat kienu jipprovdu għall-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu tal-fondi ffriżati sabiex jiġu moqdija l-ħtiġiet essenzjali jew issodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi oħrajn. Konformement mal-Artikolu 1(6) tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ wkoll tawtorizza d-dħul tal-persuni koperti fit-territorju tiegħu, b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji urġenti jew meta l-persuna tiċċaqlaq sabiex tipparteċipa f’laqgħat intergovernattivi u f’laqgħat li l-inizjattiva għalihom tkun ittieħdet mill-Unjoni jew li din tal-aħħar tkun ospitat, jew f’laqgħat ospitati minn Stat Membru li jkollu l-presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-għanijiet strateġiċi tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

148    Barra minn hekk, kif jenfasizza ġustament il-Kunsill, il-parteċipazzjoni fin-negozjati għall-paċi u, b’mod iktar ġenerali, l-għoti ta’ għajnuna umanitarja ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar in-neċessità tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent jew negozjanti ewlenin Russi oħrajn sabiex tiżdied il-pressjoni fuq il-President Putin u l-Gvern tiegħu.

149    Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-miżuri restrittivi inkwistjoni la huma diskriminatorji u lanqas sproporzjonati.

150    Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu miċħuda kemm il-parti preżenti kif ukoll it-tielet motiv kollu kemm hu.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet fundamentali

151    Skont ir-rikorrent, l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni jikkostitwixxu limitazzjoni mhux iġġustifikata u sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali tiegħu, fosthom, b’mod partikolari, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-libertà ta’ intrapriża, kif ukoll id-dritt għal moviment liberu fit-territorji tal-Istati Membri. Huwa jqis li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni wasslet ukoll għal ksur tad-dritt tiegħu għal preżunzjoni ta’ innoċenza u kkawżatlu danni morali li rriżultaw minn ħsara għar-reputazzjoni tiegħu.

152    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

153    Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, id-dritt għal-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal moviment u residenza jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u huma sanċiti, rispettivament, fl-Artikoli 7, 16, 17 u 45 tal-Karta.

154    Ċertament, il-miżuri restrittivi li jinkludu l-atti kkontestati, minkejja n-natura konservatorja tagħhom, iwasslu għal limitazzjonijiet fl-eżerċizzju mir-rikorrent tad-drittijiet fundamentali previsti fil-punt 153 iktar ’il fuq.

155    Madankollu, id-drittijiet fundamentali li jipprevalixxi ruħu minnhom ir-rikorrent ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jipprovdi, minn naħa, li, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti [mill-] Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, li “jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

156    Għalhekk, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali għandha tissodisfa erba’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, din għandha tkun “prevista mil-liġi”, fis-sens li l-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta miżuri li jistgħu jillimitaw id-drittijiet fundamentali ta’ persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha bażi legali għal dan il-għan. Fit-tieni lok, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet. Fit-tielet lok, għandu jkollha l-mira li tilħaq għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. Fir-raba’ lok, għandha tkun proporzjonata (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 145 u 222 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-erba’ kundizzjonijiet huma ssodisfatti fil-kawża preżenti.

158    Fl-ewwel lok, il-limitazzjonijiet inkwistjoni huma “previsti mil-liġi”, peress li huma stabbiliti fl-atti li huma b’mod partikolari ta’ portata ġenerali u li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll prevedibbiltà suffiċjenti, fatt li barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent.

159    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjonijiet inkwistjoni josservawx l-“essenza” tad-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma limitati ratione temporis u riversibbli. Fil-fatt, minn naħa, dawn japplikaw għal sitt xhur u huma suġġetti għal reviżjoni kostanti, kif prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata, u, min-naħa l-oħra, jistgħu jingħataw derogi għall-miżuri restrittivi applikati, kemm inkonnessjoni mal-iffriżar ta’ fondi kif ukoll tar-restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri (ara l-punt 147 iktar ’il fuq).

160    Fit-tielet lok, il-limitazzjonijiet inkwistjoni jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. Fil-fatt, dawn huma intiżi, b’mod partikolari, li joħolqu pressjoni, b’mod dirett jew indirett, fuq il-persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet u fuq il-Gvern Russu responsabbli għall-invażjoni tal-Ukraina, sabiex titnaqqas il-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jipproċedu bl-azzjonijiet tagħhom li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u sabiex dawn jintemmu bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-istabbiltà Ewropea u dik dinjija. Madankollu, dan huwa għan li jaqa’ taħt dawk segwiti fil-kuntest tal-PESK u huma previsti fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, b’mod partikolari, bħall-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti, it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u tal-protezzjoni tas-soċjetajiet ċivili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 226).

161    Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-limitazzjonijiet inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li huma fundamentali għall-komunità internazzjonali daqs dawk imsemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq, il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala inadegwati. Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li miżuri restrittivi oħrajn ma kinux jippermettu li jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq il-persuni Russi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata kif ukoll l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat kienu jipprovdu għall-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu tal-fondi ffriżati sabiex jiġu moqdija l-ħtiġiet essenzjali jew li jiġu ssodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi oħrajn.

163    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-allegat ksur, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata, tad-dritt tar-rikorrent, bħala ċittadin Portugiż u għaldaqstant tal-Unjoni, li jiċċaqlaq liberament fit-territorju ta’ din tal-aħħar, sanċit fl-Artikolu 21 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li l-adozzjoni ta’ atti fil-qasam tal-PESK, kif previst mit-Trattati, tista’ tillimita d-dritt għal moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Fil-fatt, ir-rikorrent sempliċement isostni li r-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tiegħu hija sproporzjonata.

164    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jispjegax kif tali restrizzjoni hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan segwit. Fil-fatt, fl-atti tiegħu, huwa sempliċement jagħmel riferiment ġenerali għall-argumenti tiegħu fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jesponi r-raġunijiet għaliex l-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-imsemmi motiv huma rilevanti sabiex jiġi sostnut ksur sproporzjonat tal-moviment liberu tiegħu fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq ksur sproporzjonat tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni.

165    Fir-rigward tal-allegazzjoni li biha r-rikorrent jistaqsi dwar il-possibbiltà li l-Kunsill jadotta restrizzjoni għall-moviment liberu abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, anki jekk jiġi preżunt li tali allegazzjoni tikkostitwixxi argument awtonomu, għandu jiġi kkonstatat li lanqas din l-allegazzjoni ma hija fondata u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment huma biss dawk previsti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata u li dawn ma humiex inklużi fir-Regolament Nru 269/2014 kif emendat. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessi tal-imsemmija deċiżjoni, din tal-aħħar ma ġietx adottata abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, iżda abbażi tal-Artikolu 29 TUE.

166    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrent bl-ebda mod ma jissostanzja kif il-miżuri restrittivi meħuda kontrih jippreġudikaw id-dritt tiegħu tar-rispett għall-ħajja privata.

167    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt tar-rikorrent għall-preżunzjoni tal-innoċenza, li huwa jsemmi fl-atti tiegħu mingħajr ma jissostanzjah b’argumenti speċifiċi, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, sa fejn il-miżuri restrittivi meħuda kontrih ma għandhomx l-effett li jikkonfiskaw il-beni tar-rikorrenti, iżda sempliċement li jiffriżawhom fuq bażi kawtelatorja, hemm lok li jitqies li tali miżuri ma humiex ta’ natura kriminali u għaldaqstant ma għandhomx l-effett li jiksru d-dritt għal preżunzjoni ta’ innoċenza, rikonoxxut fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, liema dritt jeżiġi li kull persuna mixlija bi ksur għandha tkun preżunta li hija innoċenti sakemm tiġi legalment stabbilita l-ħtija tagħha. Fir-rigward tal-allegat dannu morali minħabba l-ħsara lir-reputazzjoni tiegħu, li wkoll jissemma’ fil-kuntest ta’ dan l-ilment, dan ma jistax jiġi invokat utilment sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt tar-rikorrent għal preżunzjoni ta’ innoċenza.

168    Jeħtieġ li jiġi konkluż li l-limitazzjonijiet inkwistjoni, li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent fl-atti kkontestati, ma humiex sproporzjonati u ma jistgħux jivvizzjaw l-imsemmija atti b’illegalità.

169    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi miċħud ir-raba’ motiv u, għaldaqstant, it-talba għal annullament kollha kemm hi.

 Fuq ittalba għal kumpens għaddanni

170    Ir-rikorrent jitlob il-kumpens għall-ħsara kkawżata lir-reputazzjoni tiegħu, li huwa stmat provviżorjament għal EUR 1 miljun.

171    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

172    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għall-aġir illegali tal-istituzzjonijiet jew tal-organi tagħha, jirrikjedi li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuna leża (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina f’ordni partikolari, huma kumulattivi, b’tali mod li n-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa suffiċjenti sabiex jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2023, Klymenkoż vs Il‑Kunsill, T‑470/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:26, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Madankollu, minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-rikorrent sabiex juri l-illegalità tal-atti kkontestati li permezz tagħhom ismu ġie inkluż fil-listi inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda, u dan sa fejn fil-kawża preżenti ma ġietx issodisfatta l-kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-aġir attribwit minnu lill-Kunsill. Għaldaqstant, ġaladarba ma hijiex issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 172 iktar ’il fuq, ma tistax tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

175    Għaldaqstant, it-talba għal kumpens għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata r-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan tal-aħħar u l-ksur tal-obbligu inkwistjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

176    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-Kunsill.

177    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Irrikors huwa miċħud.

2)      Roman Arkadyevich Abramovich għandu jbati lispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti millKunsill talUnjoni Ewropea.

3)      IlKummissjoni Ewropea għandha tbati lispejjeż tagħha.

Spielmann

Mastroianni

Brkan

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023.

Firem


Werrej


Il fatti li wasslu għall-kawża

Fatti li seħħew wara l preżentata tarrikors preżenti

It-talbiet tal partijiet

Id dritt

Fuq it talba għal annullament

Fuq l ewwel motiv

– Fuq lewwel parti, li tirrigwarda l“ksur taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u talobbligu ta’ motivazzjoni”

– Fuq ittieni parti, ibbażata fuq il“ksur taddrittijiet taddifiża” u fuq l“interpretazzjoni żbaljata millKunsill talobbligu tiegħu ta’ eżami millġdid filkuntest taladozzjoni talatti ta’ żamma ta’ Settembru 2022 u ta’ Marzu 2023”

Fuq it tieni motiv, ibbażat fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”

– Kunsiderazzjonijiet preliminari

– Fuq lapplikazzjoni għarrikorrent tal-kriterju (g)

Fuq it tielet motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

– Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament

– Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq ir raba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet fundamentali

Fuq it talba għal kumpens għaddanni

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.