Language of document : ECLI:EU:T:2023:862

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Tassazzjoni tal-awtoritajiet portwali fl-Italja – Eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Għajnuna eżistenti – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ – Vantaġġ – Selettività – Distorsjoni tal-kompetizzjoni – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑166/21,

Autorità di sistema portuale del Mar Ligure occidentale, stabbilita f’Genova (l-Italja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab anness (1), irrappreżentati minn F. Munari, I. Perego, G. M. Roberti u S. Zunarelli, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Associazione Porti Italiani (Assoporti), stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn Munari, Perego, Roberti u Zunarelli, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, O. Porchia, L. Madise, P. Nihoul, u S. Verschuur (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tad‑19 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Autorità di sistema portuale del Mar Ligure occidentale (l-Awtorità tas-Sistema Portwali tal-Baħar Liguri tal-Punent, l-Italja) u r-rikorrenti oħra li isimhom jinsab anness, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1757 tal‑4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.38399 – 2019/C (ex 2018/E) li l-Italja implimentat – Tassazzjoni Korporattiva tal-Portijiet fl-Italja (ĠU 2021, L 354, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Fuq il-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-amministrazzjoni tal-portijiet Taljani

2        L-Artikolu 28 tal-codice della navigazione (il-Kodiċi tan-Navigazzjoni) jipprevedi li l-lido, il-plajja, il-portijiet u l-estwarji, li jappartjenu għall-Istat bis-saħħa tal-Artikolu 822 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili), jagħmlu parti mill-beni ta’ dominju pubbliku marittimu.

3        Il-legge no 84 – Riordino della legislazione in materia portuale (il-Liġi Nru 84 dwar ir-Riorganizzazzjoni tal-Leġiżlazzjoni Portwali) tat‑28 ta’ Jannar 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 28, tal‑4 ta’ Frar 1994, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 84/94”), tirregola l-attivitajiet portwali kif ukoll il-kompiti u l-funzjonijiet tal-autorità di sistema portuale (l-Awtoritajiet ta’ Sistema Portwali, iktar ’il quddiem il-“PSA”).

4        Il-PSA huma organi pubbliċi mhux ekonomiċi mogħnija b’personalità ġuridika li jamministraw port jew numru ta’ portijiet ta’ importanza nazzjonali jew internazzjonali fl-Italja. Il-Liġi Nru 84/94 tistabbilixxi sittax-il PSA li jkopru s-57 port prinċipali fl-Italja (b’mod partikolari Trieste, Genova, Livorno, Cagliari u Gioia Tauro)

5        L-Artikolu 6(4)(a) tal-Liġi Nru 84/94 jipprovdi li l-PSA huma inkarigati mill-amministrazzjoni esklużiva taż-żoni u tal-beni ta’ dominju pubbliku marittimu fid-distrett tagħhom.

6        Skont l-Artikolu 6(5) tal-Liġi Nru 84/94, il-PSA huma suġġetti għal leġiżlazzjoni speċjali u jgawdu minn awtonomija amministrattiva, organizzattiva, regolatorja, baġitarja u finanzjarja. Il-paragrafi 7, 8 u 9 tal-imsemmi artikolu jipprevedu rispettivament li l-PSA jkunu suġġetti għall-gwida u għas-sorveljanza tal-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Taljan, li l-ġestjoni ta’ kontabbiltà u dik finanzjarja hija rregolata b’digriet approvat mill-imsemmi ministru, bi ftehim mal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi Taljan, u li l-ġestjoni finanzjarja tagħhom hija suġġetta għall-verifika tal-Corte de conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja).

7        Konformement mal-Artikolu 6(4) tal-Liġi Nru 84/94, il-PSA jwettqu numru ta’ kompiti, inkluż il-gwida, l-ippjanar, il-koordinazzjoni, ir-regolamentazzjoni u l-kontroll tal-operazzjonijiet portwali, bħat-tagħbija, il-ħatt, it-trasbord, il-ħażna u l-manutenzjoni b’mod ġenerali tal-merkanzija u ta’ kull materjal ieħor, imwettqa ġewwa l-port (iktar ’il quddiem l-“operazzjonijiet portwali”).

8        L-Artikolu 6(11) tal-Liġi Nru 84/94, jipprevedi li l-PSA la jistgħu jwettqu operazzjonijiet portwali, u lanqas ma jistgħu jwettqu attivitajiet relatati mill-qrib magħhom, sew jekk direttament u sew jekk permezz ta’ kumpanniji li fihom ikollhom sehem.

9        Skont l-Artikolu 16(2) tal-Liġi Nru 84/94, il-PSA jirregolaw u jħarsu l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet portwali minn terzi, jiġifieri impriżi, kif ukoll l-applikazzjoni tat-tariffi ppubblikati minn kull impriża. Fuq dawn l-aspetti, il-PSA jagħtu rendikont b’mod regolari lill-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport.

10      Konformement mal-Artikolu 16(3) u (4) tal-Liġi Nru 84/94, il-PSA huma inkarigati mill-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-operazzjonijiet portwali fi ħdan il-portijiet ġestiti minnhom. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jingħataw lill-impriżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iffissati permezz ta’ digriet mill-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport. L-impriżi awtorizzati biex jeżerċitaw operazzjonijiet portwali għandhom jiġu rreġistrati f’reġistri miżmuma mill-PSA u jkunu suġġetti għall-ħlas ta’ tariffa annwali kif ukoll għall-għoti ta’ garanzija.

11      Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 36 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, il-PSA jistgħu jagħtu konċessjonijiet lill-impriżi għaż-żamma u l-użu ta’ beni ta’ dominju pubbliku għal ċertu perijodu. Dawn il-konċessjonijiet jirrigwardaw iż-żoni ta’ dominju pubbliku u l-mollijiet inklużi fiż-żona portwali (pereżempju l-kiri lil terzi impriżi ta’ artijiet u infrastruttura portwali).

12      L-Artikolu 37 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi, barra minn hekk, li, fil-każ ta’ numru ta’ talbiet għal konċessjoni, il-preferenza għandha tingħata lill-applikant li joffri l-ikbar garanzija ta’ użu vijabbli tal-konċessjoni u li għandu l-intenzjoni jqiegħed din il-konċessjoni għal użu li jissodisfa l-iktar interess pubbliku importanti.

13      Il-PSA għandhom diversi riżorsi finanzjarji, b’mod partikolari:

–        il-ħlasijiet ta’ ankraġġ u l-ħlasijiet fuq il-merkanzija żbarkata u imbarkata mħallsa mill-vapuri b’korrispettiv għall-għoti ta’ aċċess għall-portijiet (iktar ’il quddiem it-“tariffi portwali”);

–        id-dħul irċevut b’korrispettiv tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali (iktar ’il quddiem it-“tariffi ta’ awtorizzazzjoni”);

–        it-tariffi rċevuti b’korrispettiv għall-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet (iktar ’il quddiem it-“tariffi ta’ konċessjoni”).

14      Sabiex ikopru l-ispejjeż ikkawżati mix-xogħlijiet imwettqa minnhom, il-PSA, konformement mal-Artikolu 5(8) tal-Liġi Nru 84/94, jistgħu jżidu t-tariffi ta’ konċessjoni jew it-tariffi portwali billi jimponu sovrataxxi fuq il-merkanzija imbarkata jew żbarkata.

15      Barra minn hekk, l-Artikolu 13(1)(d) u (e) tal-Liġi Nru 84/94 jipprevedi li l-PSA jirċievu kontribuzzjonijiet minn reġjuni, awtoritajiet lokali u minn awtoritajiet u organi pubbliċi oħra kif ukoll dħul ieħor differenti.

 Fuq il-leġiżlazzjoni Taljana dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji

16      It-Titolu II tad-decreto del Presidente della Repubblica no 917 – Approvazione del testo unico delle imposte sui redditi (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917, li japprova t-test uniku tat-taxxa fuq id-dħul ikkonsolidat), tat‑22 ta’ Diċembru 1986 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tal‑31 ta’ Diċembru 1986, iktar ’il quddiem it-“TUIR”) jinkludi r-regoli applikabbli fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji (iktar ’il quddiem l-“IRES”).

17      L-Artikolu 73(1) tat-TUIR jipprevedi li huma suġġetti għall-IRES:

“a)      il-kumpanniji limitati b’ishma u s-soċjetajiet in akkomandita limitati b’ishma, il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, il-kumpanniji kooperattivi u l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni mutwa, kif ukoll il-kumpanniji Ewropej […] u l-kumpanniji kooperattivi Ewropej […], stabbiliti fit-territorju tal-Istat;

b)      l-organi pubbliċi u privati minbarra l-kumpanniji, […] stabbiliti fit-territorju tal-Istat, li jkollhom bħala għan esklużiv jew prinċipali t-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali;

c)      l-organi pubbliċi u privati minbarra l-kumpanniji, […] li ma jkollhomx bħala għan esklużiv jew prinċipali t-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali, […] stabbiliti fit-territorju tal-Istat;

d)      il-kumpanniji u l-organi ta’ kwalunkwe natura […] bi jew mingħajr personalità ġuridika, li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Istat.”

18      L-Artikolu 74(1) tat-TUIR jeżenta lil numru sostanzjali ta’ entitajiet statali u organi pubbliċi mill-IRES, bħall-organi u l-amministrazzjonijiet tal-Istat, inklużi dawk organizzati b’mod awtonomu, ir-reġjunijiet, il-provinċji, il-komuni, il-komunitajiet ta’ mal-muntanji u l-organi ta’ ġestjoni tad-“dominju pubbliku kollettiv”.

19      L-Artikolu 74(2)(a) tat-TUIR jindika li l-attivitajiet tal-istat ma jikkostitwixxux attivitajiet kummerċjali.

20      L-awtoritajiet Taljani kkunsidraw li l-PSA kienu jikkostitwixxu organi ta’ ġestjoni tad-dominju pubbliku kollettiv, fis-sens tal-Artikolu 74(1) tat-TUIR, u qiesu li dawn kienu jeżerċitaw esklużivament attivitajiet statali u, għalhekk, mhux ekonomiċi. Fuq din il-bażi, huma eżentaw il-PSA mill-IRES (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mill-IRES”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-proċedura amministrattiva

21      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet kwestjonarju komprensiv lill-Istati Membri dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-portijiet u dwar forom oħra ta’ sostenn possibbli favur tipi differenti ta’ investiment marbuta mal-portijiet jew mal-ġestjoni tal-portijiet.

22      Ir-Repubblika Taljana wieġbet l-imsemmi kwestjonarju permezz tal-ittri tat‑12 ta’ Settembru u tal‑1 ta’ Ottubru 2013. Matul is-snin 2014 u 2017, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari, li ntbagħtet mill-awtoritajiet Taljani.

23      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ April 2018, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), informat lir-Repubblika Taljana li kienet qed tqis l-eżenzjoni mill-IRES bħala skema ta’ għajnuna eżistenti, inkompatibbli mas-suq intern, u stednitha tressaq l-osservazzjonijiet tagħha.

24      Sussegwentement, seħħew numru ta’ laqgħat bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana kif ukoll skambju ta’ mistoqsijiet u tweġibiet matul is-sena 2018.

25      Fit‑8 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni pproponiet lir-Repubblika Taljana tadotta miżuri xierqa konformement mal-Artikolu 22 tar-Regolament 2015/1589 sabiex ittemm l-eżenzjoni mill-IRES fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi tal-PSA u, konsegwentement, sabiex tiggarantixxi li dawn jiġu ssuġġettati għall-IRES bl-istess mod bħall-impriżi l-oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jinfurmawha bil-miktub u fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-proposta li kienu qed jaċċettaw il-miżuri proposti konformement mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2015/1589.

26      Fis‑7 ta’ Marzu 2019, ir-Repubblika Taljana ċaħdet il-proposta tal-Kummissjoni.

27      Billi l-awtoritajiet Taljani ma aċċettawx il-miżuri xierqa, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-15 ta’ Novembru 2019, li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament 2015/1589. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Taljana u lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.

28      L-awtoritajiet Taljani bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2020. Sussegwentement, il-Kummissjoni rċeviet ukoll osservazzjonijiet ta’ numru ta’ partijiet interessati.

29      Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ngħalqet mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Id-deċiżjoni kkontestata

30      Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel, il-Kummissjoni kkonstatat li l-PSA jeżerċitaw kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi.

31      B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni tikkunsidra tliet attivitajiet tal-PSA bħala attivitajiet ta’ natura ekonomika (premessi 85 sa 129 tad-deċiżjoni kkontestata):

–        l-għoti ta’ aċċess għall-portijiet suġġett għal remunerazzjoni (jiġifieri, il-ħlasijiet ta’ ankraġġ u l-ħlasijiet fuq il-merkanzija żbarkata u imbarkata, iktar ’il quddiem l-“għoti ta’ aċċess għall-portijiet”);

–        l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet suġġett għal remunerazzjoni għall-operazzjonijiet portwali msemmija fl-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 84/94 (iktar ’il quddiem l-“għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali”);

–        l-għoti ta’ konċessjonijiet suġġett għal remunerazzjoni għall-kiri ta’ artijiet u ta’ infrastruttura portwali fiż-żoni ta’ dominju pubbliku u mollijiet li jinsabu fiż-żoni portwali u inklużi fl-ambitu tal-konfini politiċi territorjali (iktar ’il quddiem l-“attribuzzjoni ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet”).

32      It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-eżenzjoni mill-IRES tagħti lok għal telf ta’ dħul fiskali ekwivalenti għall-konsum ta’ riżorsi tal-Istat taħt il-forma ta’ spejjeż fiskali – liema fatt jikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (premessi 130 sa 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      It-tielet, il-Kummissjoni ssostni li l-eżenzjoni mill-IRES tikkostitwixxi vantaġġ jekk isir paragun ma’ impriżi oħra li ma jibbenefikawx minn tali eżenzjoni minkejja li dawn jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fl-Italja (premessi 135 sa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Ir-raba’, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni mill-IRES tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-PSA sa fejn il-PSA jistgħu jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom u ma’ portijiet oħra fl-Ewropa. Konsegwentement, l-imsemmija eżenzjoni tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (premessi 139 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Il-ħames, il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija ta’ natura selettiva. L-eżenzjoni mill-IRES tidderoga, mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida, mill-prinċipju tas-sistema Taljana ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji, li skontha l-IRES tapplika għat-tipi kollha ta’ dħul irċevut minn kumpanniji jew minn organi pubbliċi jew privati minbarra l-kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi. Konsegwentement, il-PSA huma vvantaġġati meta mqabbla ma’ kumpanniji oħra li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fl-Italja (premessi 158 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni mill-IRES tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 175 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonstata li l-eżenzjoni mill-IRES ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, kemm jekk fuq il-bażi tal-Artikolu 93, tal-Artikolu 106(2) jew tal-Artikolu 107(2) u (3) TFUE (premessi 177 sa 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Peress li s-sistema fiskali applikabbli għall-awtoritajiet portwali Taljani qabel l‑1958, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, kienet identika għall-eżenzjoni mill-IRES u li l-imsemmija awtoritajiet portwali la qatt ġew issuġġettati għall-IRES u lanqas għat-taxxa fuq il-kumpanniji fis-seħħ qabel l-IRES, il-Kummissjoni kkonkludiet li din hija skema ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589 (premessi 195 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-Kummissjoni ordnat ir-revoka tal-eżenzjoni mill-IRES (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L-eżenzjoni [mill-IRES] favur [il-PSA] tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti li hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

[Ir-Repubblika Taljana] għandha tneħħi l-eżenzjoni [mill-IRES] [i]msemmija fl-Artikolu 1. Il-miżura li biha [r-Repubblika Taljana] tissodisfa l-obbligi tagħha għandha tiġi adottata fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Din il-miżura għandha tapplika mill-bidu tas-sena fiskali wara l-adozzjoni tagħha u mhux aktar tard mill-2022.

Artikolu 3

[Ir-Repubblika Taljana] għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-miżuri li tkun ħadet biex tikkonforma ruħha magħha.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.”

 It-talbiet tal-partijiet

40      Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Associazione Porti Italiani (Assoporti), intervenjenti fil-kuntest ta’ din il-kawża, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

41      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

42      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti, jinvokaw erba’ motivi.

43      L-ewwel, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikoli 107 u 296 TFUE billi kklassifikat lill-PSA bħala impriżi. It-tieni, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 107 TFUE billi kkunsidrat li l-eżenzjoni mill-IRES kienet tagħti lok għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. It-tielet, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 107 TFUE billi kkunsidrat li l-eżenzjoni mill-IRES kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-PSA. Ir-raba’, il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 107 TFUE billi kkunsidrat li l-eżenzjoni mill-IRES setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 107 u 296 TFUE minħabba l-klassifikazzjoni tal-PSA bħala impriżi

44      L-ewwel motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet.

45      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti u l-intervenjenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-istatus legali tal-PSA fl-ordinament ġuridiku Taljan. Permezz tat-tieni parti, huma jikkontestaw in-natura ekonomika tal-attivitajiet portwali tal-PSA u jinvokaw ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali. Fil-kuntest tat-tielet parti, huma jopponu l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tan-natura tat-tariffi portwali. Permezz tar-raba parti, huma jinvokaw suċċessivament il-ksur ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati u allegat użu ħażin ta’ poter.

46      Għandu jiġi miċħud minnufih l-argument imqajjem numru ta’ drabi mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-klassifikazzjoni tal-PSA bħala impriżi.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE huwa motiv separat minn dak ibbażat fuq in-natura infondata tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li l-ewwel motiv, li jirreferi għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għal motivazzjoni insuffiċjenti, jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 KE u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, it-tieni motiv, li jikkonċerna l-legalità fuq il-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tat-Trattat, fis-sens tal-Artikolu 263 KE, u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent. Għalhekk l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni separata minn dak tal-fondatezza tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 52).

48      Issa, f’dan il-każ, kif tqajjem ġustament il-Kummissjoni, mhux biss, wara kollox, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma identifikawx il-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li fir-rigward tagħhom jakkużaw lill-Kummissjoni talli allegatament wettqet ksur tal-Artikolu 296 TFUE, iżda għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddedikat il-premessi 85 sa 129 ta’ din id-deċiżjoni għall-klassifikazzjoni tal-PSA bħala impriżi, b’mod li l-imsemmija deċiżjoni ppermettiet, minn naħa, lir-rikorrenti u lill-intervenjenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda f’dan ir-rigward, liema fatt wara kollox jirriżulta mill-eżami tal-motivi differenti li huma qajmu, u min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-kontroll tagħha.

49      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

50      Fir-rigward tal-argumenti l-oħra mqajma mir-r-rikorrenti u l-intervenjenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, jeħtieġ qabel kollox li jiġu eżaminati l-argumenti mqajma fir-raba’ parti.

 Fuq ir-raba parti, ibbażata fuq il-ksur ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat u fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

51      Ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 345 TFUE billi injorat li t-Trattati UE u FUE kienu jippermettu lill-Istati Membri jżommu l-proprjetà pubblika tagħhom, inkluż infrastruttura portwali, u li jirriżervaw ir-regolamentazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ din il-proprjetà esklużivament għal entitajiet infrastatali, bħall-PSA. Setturi li ma nfetħux għas-suq ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

52      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 3 TUE u 7 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 121(1) TFUE, billi limitat il-prerogattivi tal-Istat fil-qasam tal-politika ekonomika u industrijali u billi ssuġġettat is-sistemi fiskali tal-Istati Membri għall-awtorizzazzjoni bil-quddiem tagħha.

53      Ulterjorment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter billi fittxet armonizzazzjoni, permezz ta’ applikazzjoni mingħajr distinzjoni tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat, għad-diversi Stati Membri li l-metodi ta’ ġestjoni tal-infrastruttura portwali tagħhom għandhom karatteristiċi differenti minn dawk tal-Italja. Id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ prossimità, ta’ sussidjarjetà, ta’ separazzjoni tal-poteri u ta’ proċess deċiżjonali demokratiku.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, tissuġġetta l-politika ekonomika u industrijali tal-Istati Membri għall-awtorizzazzjoni bil-quddiem tagħha, liema fatt jikser numru ta’ regoli u ta’ prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

56      Issa, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti u l-intervenjenti, id-deċiżjoni kkontestata tħalli lir-Repubblika Taljana kull libertà li torganizza u tirregolamenta s-settur portwali Taljan kif tqis xieraq, mingħajr ħsara, b’mod partikolari, għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tisfurzax lir-Repubblika Taljana tilliberalizza jew tipprivatizza s-settur portwali tagħha u din ma timponi ebda bidla fl-istatus legali jew fil-proprjetà tal-PSA. Id-deċiżjoni kkontestata tirrikjedi sempliċement li l-attivitajiet tal-PSA li huma ta’ natura ekonomika jiġu ntaxxati bl-istess mod bħall-attivitajiet ekonomiċi f’setturi oħra. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 345 TFUE ma jeżentax lil entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku mir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 67).

57      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 3 TUE, l-Artikoli 7 u 121(1) TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ prossimità, ta’ sussidjarjetà, ta’ separazzjoni tal-poteri u ta’ proċess deċiżjonali demokratiku.

58      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat użu ħażin ta’ poter, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li użu ħażin ta’ poter jeżisti meta att jiġi adottat bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk eċċepiti (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑442/04, EU:C:2008:276, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet ħsieb tapplika r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat marbuta mat-trattament fiskali tal-PSA fl-Italja, billi rrikjediet li dan it-trattament jiġi mmodifikat, mingħajr madankollu ma użat is-setgħat tagħha biex tilħaq għanijiet oħra.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni tal-istatus legali tal-PSA

60      Ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, taħt id-dritt Taljan, il-PSA huma kkunsidrati bħala entitajiet infrastatali, jiġifieri korpi pubbliċi mhux ekonomiċi ta’ importanza nazzjonali li jaġixxu f’isem l-Istat għas-sempliċi finijiet tal-interess ġenerali.

61      Il-PSA huma ekwivalenti għall-entitajiet lokali l-oħra li jeżerċitaw rwol ta’ awtorità pubblika u ġew ikkonċepiti biex jimlew kompiti tipiċi ta’ awtorità pubblika, bħall-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ dominju pubbliku u l-ġbir ta’ taxxi.

62      B’hekk, il-leġiżlatur Taljan għamel l-għażla li jipprojbixxi l-eżerċizzju, mill-PSA, ta’ kull attività ekonomika. Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi madwar l-istatus tagħhom, il-PSA ma għandhom ebda skop ta’ lukru.

63      Barra minn hekk, huwa biss l-Istat li huwa responsabbli mill-funzjonament tagħhom u mill-vijabbiltà ekonomika tagħhom. Il-PSA huma entitajiet li ma jistgħux ifallu inkwantu l-indebitament tagħhom jikkostitwixxi dejn tal-Istat li, skont id-dritt Taljan, ma huwiex suġġett għal falliment. Dawn il-karatteristiċi partikolari għall-PSA ġew ikkonfermati, numru ta’ drabi, mill-ġurisprudenza u mill-prassi amministrattiva Taljana.

64      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (sentenza tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punti 21 u 22; ara, ukoll, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, EU:C:2011:112, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 118/85, EU:C:1987:283, punt 7; ara, ukoll, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni u Ir-Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Min-naħa l-oħra, ma humiex ta’ natura ekonomika l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fejn għalhekk l-imsemmija attivitajiet ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30, u tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni, C‑666/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:225, punt 70).

68      Il-fatt li entità għandha prerogattivi ta’ awtorità pubblika għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha ma jipprekludix, fih innifsu, li tiġi kklassifikata bħala impriża sa fejn din teżerċita attivitajiet oħra ta’ natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punti 74 u 75, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass‑Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 37). Sa fejn entità pubblika teżerċita attività ekonomika li tista’ tiġi ddissoċjata mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, din l-entità, fir-rigward ta’ din l-attività, taġixxi bħala impriża (sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2019, Aanbestedingskalender et vs Il‑Kummissjoni, C‑687/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:932, punt 18, u tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 82).

69      B’hekk, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-istatus legali ta’ entità rregolata mid-dritt nazzjonali huwa mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ din tal-aħħar bħala impriża. Anki korp li huwa integrat fl-amministrazzjoni tal-Istat u li magħha jiġi assorbit f’persuna ġuridika waħda jista’ jiġi kklassifikat bħala impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 118/85, EU:C:1987:283, punt 13). Barra minn hekk, il-fatt li entità ma hijiex suġġetta għal falliment minħabba, pereżempju, garanzija illimitata mill-Istat, ma huwiex tali li ma tkunx suġġetta għall-klassifikazzjoni bħala impriża.

70      Bl-istess mod, il-fatt li l-offerta ta’ oġġetti u ta’ servizzi ssir mingħajr skop ta’ lukru ma huwiex ta’ ostakolu biex dawn l-operazzjonijiet fis-suq ikollhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra li jkollhom skop ta’ lukru (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      B’hekk, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma waslux juru żball tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-istatus legali tal-PSA.

72      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi marbut mal-evalwazzjoni tan-natura ekonomika tal-attivitajiet tal-PSA

73      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li tinkludi żewġ ilmenti, ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostnu li l-Kummissjoni marret kontra l-Artikolu 107(1) TFUE billi kkunsidrat li l-PSA kienu jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi billi jwettqu t-tliet attivitajiet indikati fil-punt 31 iktar ’il fuq, jiġifieri l-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet, l-għoti ta’ aċċess għall-portijiet u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament permezz tar-riferiment għad-deċiżjonijiet meħuda preċedentement dwar il-portijiet Belġjani, Franċiżi u tal-Pajjiżi l-Baxxi

74      Ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostnu li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li għamlet riferiment għad-deċiżjonijiet meħuda preċedentement dwar il-portijiet Belġjani, Franċiżi u tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex issostni li l-PSA kienu jeżerċitaw ċerti attivitajiet ekonomiċi.

75      Il-ġestjonarji ta’ portijiet fl-Istati Membri kkonċernati mill-imsemmija deċiżjonijiet huma madankollu kumpanniji limitati b’ishma u li jipprovdu oġġetti u servizzi b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet u servizzi portwali (bħall-operazzjonijiet ta’ tagħbija, ħatt, trażbord, ħażna u manutenzjoni tal-merkanzija) huma pprovduti direttament hemmhekk mill-portijiet fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet tas-suq. Billi injorat dawn id-differenzi fundamentali, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

76      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa stabbilit permezz tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 54 u 55).

78      Essenzjalment, ir-rikorrenti u l-intervenjenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ttrattat b’mod identiku l-ġestjonarji tal-portijiet Belġjani, Franċiżi u tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn naħa, u l-PSA, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant hemm lok li jiġu eżaminati d-deċiżjonijiet ikkonċernati fid-dawl tad-differenzi invokati mir-rikorrenti.

79      Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti u l-intervenjenti, in-natura possibbli ta’ dritt privat tal-ġestjonarji tal-portijiet Belġjani, Franċiżi u tal-Pajjiż l-Baxxi ma kellha ebda rwol fl-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tagħhom. Kif inhu indikat fil-punt 65 iktar ’il fuq, l-istatus legali ta’ entità fil-fatt ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tan-natura ekonomika tal-attivitajiet eżerċitati mill-imsemmija entità. Din il-klassifikazzjoni tiddependi biss min-natura tal-attività kkonċernata.

80      Barra minn hekk, il-fatt li, fil-kawżi li wasslu għad-deċiżjonijiet meħuda preċedentement dwar il-portijiet Belġjani u Franċiżi, il-ġestjonarji ta’ dawn l-aħħar jwettqu b’mod dirett ċerti operazzjonijiet portwali (bħall-operazzjonijiet ta’ tagħbija, ħatt, trażbord, ħażna u manutenzjoni tal-merkanzija) huwa nieqes minn rilevanza peress li dawn huma operazzjonijiet portwali li fir-rigward tagħhom, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qalitx li dawn jitwettqu wkoll mill-PSA.

81      Issa, għall-kuntrarju, fir-rigward tal-għoti ta’ aċċess għall-portijiet u tal-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u mollijiet, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjonijiet meħuda preċedentement dwar il-portijiet Belġjani u Franċiżi, jiġifieri fil-premessa 67 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2115 tas‑27 ta’ Lulju 2017 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.38393 (2016/C, eks 2015/E) implimentata mill-Belġju – It-taxxa fuq il-portijiet fil-Belġju (ĠU 2017, L 332, p. 1), u fil-premessa 61 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2116 tas‑27 ta’ Lulju 2017 dwar skema ta’ għajnuna Nru SA.38398 (2016/C, ex 2015/E) implimentata minn Franza – Taxxa tal-portijiet fi Franza (ĠU 2017, L 332, p. 24), il-Kummissjoni kklassifikat attivitajiet ekwivalenti bħala attivitajiet ekonomiċi.

82      Din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali numru ta’ drabi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2019, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il‑Kummissjoni, T‑673/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:643, punti 63 sa 65; tal‑20 ta’ Settembru 2019, Le Port de Bruxelles u Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni, T‑674/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:651, punti 63 sa 65, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Havenbedrijf Antwerpen u Maatschappij van de Brugse Zeehaven vs Il‑Kummissjoni, T‑696/17, EU:T:2019:652, punti 49 u 50).

83      Għaldaqstant il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ għoti ta’ aċċess u ta’ għoti ta’ konċessjonijiet billi rriferiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għad-deċiżjonijiet meħuda preċedentement dwar il-portijiet Belġjani, Franċiżi u tal-Pajjiżi l-Baxxi, ġaladarba ttrattat sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod ugwali.

84      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali, għandu jiġi kkonstatat li tali attività għadha ma ġietx issuġġettata għal eżami mill-Kummissjoni. Fuq dan il-punt, hekk kif isostnu ġustament ir-rikorrenti u l-intervenjenti, ir-raġunament segwit fid-deċiżjonijiet meħuda preċedentement dwar il-portijiet Belġjani u Franċiżi ma jistax jiġi traspost direttament għas-sitwazzjoni tal-PSA.

85      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 2), li għaliha jirreferu kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni, lanqas ma tirrigwarda attivitajiet ekwiparabbli għal dik tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet mill-PSA. Minkejja li din is-sentenza tagħmel riferiment għal “permessi” mogħtija mill-ġestjonarju tal-ajruporti ta’ Orly u ta’ Roissy‑Charles‑de‑Gaulle, dawn ma humiex ekwiparabbli għal dawk f’dan il-każ.

86      Fil-fatt, il-permessi tal-ġestjonarji ajruportwali kienu jikkorrispondu għal konċessjonijiet kummerċjali mogħtija lil numru limitat ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ catering tal-ajru fl-ajruport ta’ Orly kif ukoll għal konċessjonijiet ta’ okkupazzjoni ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-perimetru tiegħu. Bħala korrispettiv, l-imsemmija fornituri kienu impenjaw ruħhom li jħallsu lill-ġestjonarju tal-ajruport remunerazzjoni komposta minn imposta għall-okkupazzjoni tal-art proporzjonali għaż-żona okkupata kif ukoll imposta ta’ ċertu perċentwali tad-dħul mill-bejgħ magħmul mal-kumpanniji tal-ajru.

87      Billi ta l-imsemmija konċessjonijiet, il-ġestjonarju tal-ajruport li jeżerċita attività ekonomika kien qed jisfrutta l-ispazju kummerċjali li jinsab fil-perimetru tal-ajruport, filwaqt li, fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija minnhom, il-PSA, li jagħmlu użu mill-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika, jipproċedu għall-kontroll tal-osservanza, mill-fornituri tal-operazzjonijiet portwali, tar-rekwiżiti legali applikabbli, kif inhu indikat fil-punti 100 sa 102 iktar ’il quddiem.

88      B’hekk, mill-punti preċedenti ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ttrattat sitwazzjonijiet differenti b’mod ugwali. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni ġiet wara investigazzjonijiet relatati mal-każ inkwistjoni u l-applikazzjoni tal-istess prinċipji legali.

89      Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ suq li fuqu l-PSA joffru s-servizzi tagħhom

90      Ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti, isostnu li, fl-assenza ta’ suq li fih il-PSA joffru s-servizzi tagħhom, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala impriżi. Id-deċiżjoni kkontestata tassumi li teoretikament jeżisti suq, filwaqt li tinjora l-fatt li l-leġiżlazzjoni Taljana tagħti monopolju legali lill-PSA li jeskludi kull kompetizzjoni, anki potenzjali, bejn il-portijiet differenti.

91      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

92      F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li r-rikorrenti u l-intervenjenti b’mod żbaljat isostnu li l-PSA ma huma esposti għal ebda kompetizzjoni. Fil-fatt, għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti, kull PSA għandha monopolju legali fil-portijiet ġestiti minnha, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, teżisti kompetizzjoni bejn ċerti portijiet Taljani, minn naħa, u ċerti portijiet fi Stati Membri oħra, min-naħa l-oħra.

93      Fil-fatt, fir-rigward tal-għoti ta’ aċċess għall-portijiet, kif inhu kkonstatat ġustament fil-premessi 142 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata, teżisti kompetizzjoni bejn ċerti portijiet Taljani u ċerti portijiet ta’ Stati Membri oħra, ladarba l-operaturi ta’ servizzi portwali jistgħu jużaw numru ta’ portijiet biex jilħqu l-istess żoni interni.

94      Barra minn hekk, fir-rigward tal-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet, kif ġie kkonstatat ġustament fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, portijiet differenti jinsabu f’kompetizzjoni biex jiġbdu lejhom konċessjonarji li jistgħu joperaw iż-żoni tagħhom ta’ dominju pubbliku, peress li konċessjonarji potenzjali jistgħu jippruvaw joffru servizzi portwali wkoll f’portijiet oħra.

95      Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti u tal-intervenjenti li l-għoti ta’ aċċess għall-portijiet u l-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet ma jikkostitwixxux servizzi pprovduti f’suq speċifiku għandu jiġi miċħud.

96      Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali fil-premessi 25 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi konkluż li dan huwa servizz ipprovdut f’suq speċifiku.

97      Fil-fatt, kif ġie espost fl-imsemmija premessi, il-PSA jirregolaw u jissorveljaw l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet portwali mwettqa minn impriżi terzi (b’mod partikolari operazzjonijiet ta’ tagħbija, ħatt, trażbord, ħażna u manutenzjoni tal-merkanzija u ta’ kull materjali marbut mal-vapuri) li l-eżekuzzjoni tagħhom hija suġġetta għal awtorizzazzjoni bil-quddiem.

98      Din l-awtorizzazzjoni tingħata mill-PSA kkonċernata meta l-impriża terza tissodisfa l-kundizzjonijiet iffissati permezz ta’ digriet mill-Ministru għall-Infrastruttura u tat-Trasport (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tul tal-awtorizzazzjoni huwa marbut mal-programm operazzjonali propost mill-impriża terza (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata). L-impriżi terzi awtorizzati huma inklużi f’reġistri separati amministrati mill-PSA (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata) u t-tariffi tagħhom huma ppubblikati mill-PSA (premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Barra minn hekk, in-numru massimu ta’ awtorizzazzjonijiet li jistgħu jingħataw huwa ddeterminat mill-PSA (wara konsultazzjoni ma’ kumitat konsultattiv lokali), fuq il-bażi tar-rekwiżiti ta’ funzjonament tal-port u tat-traffiku u billi jiżguraw livell massimu ta’ kompetizzjoni fis-settur (premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

100    Dawn il-kompiti jidhru li jikkorrispondu għal rwol ta’ kontroll li jikkonsisti fil-verifika dwar jekk l-impriżi interessati jistgħux jipprovdu l-operazzjonijiet portwali li jipproponu konformement mar-rekwiżiti legali. L-eżerċizzju ta’ tali kompiti huwa, bħala prinċipju, prerogattiva ta’ awtorità pubblika ta’ natura mhux ekonomika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, EU:C:1997:160, punt 22, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il‑Kummissjoni, T‑673/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:643, punt 91).

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li kien jaqa’ fuqha fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali fis-sens li jikkostitwixxi servizz ipprovdut f’suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 95).

102    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għal dak li jikkonċerna l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali u li tiġi miċħuda t-tieni parti fir-rigward tal-kumplament.

 Fuq it-tielet parti, dwar in-natura tat-tariffi miġbura mill-PSA

103    Ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostnu li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE billi kkunsidrat b’mod żbaljat li t-tariffi miġbura mill-PSA kienu jikkostitwixxu taxxi u mhux remunerazzjoni għal servizzi ta’ natura ekonomika. Dan ma jirriżultax biss mill-klassifikazzjoni tal-varji tariffi bis-saħħa tad-dritt Taljan iżda wkoll mill-fatt li dawn tal-aħħar huma ddeterminati mill-Istat u ma huma marbuta mal-valur kummerċjali ta’ ebda servizz speċifiku.

104    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

105    Għandu jitfakkar, kif ġie indikat fil-punt 69 iktar ’il fuq, li l-klassifikazzjoni ta’ entità bis-saħħa tad-dritt nazzjonali ma hijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tagħha bħala impriża fis-sens tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

106    Bl-istess mod, il-modalitajiet ta’ finanzjament, b’mod partikolari l-ispjegazzjoni mogħtija mill-partijiet jew mid-dritt nazzjonali fir-rigward tad-dħul ta’ entità, ma humiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tagħha bħala impriża. B’hekk, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, it-terminoloġija użata fuq livell nazzjonali għall-ammonti miġbura, sew jekk jissejħu tariffi, ħlasijiet portwali jew dazji portwali, ma taffetwax din il-klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni (T‑108/16, EU:T:2018:145, punt 124).

107    Barra minn hekk, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma rnexxielhomx jistabbilixxu l-allegazzjoni tagħhom li t-tariffi ta’ konċessjoni u t-tariffi portwali għandhom jitqiesu bħala taxxa dovuta lill-Istat pjuttost milli korrispettiv għal servizz ta’ natura ekonomika. B’mod partikolari, l-argument prinċipali mqajjem f’dan ir-rigward, jiġifieri li l-Istat jiddetermina l-ammont tal-imsemmija tariffi, huwa inkorrett.

108    Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li t-tariffi ta’ konċessjoni huma kkostitwiti minn parti fissa u minn parti varjabbli li l-PSA jistgħu jnaqqsu bil-għan li jinċentivaw lill-konċessjonarji jilħqu l-għanijiet ta’ interess pubbliku u ta’ politika ġenerali. Billi jiffissaw dawn it-tariffi, il-PSA jistgħu jadottaw kriterji oħra minbarra dawk iddikjarati fil-liġi applikabbli, iżda, fi kwalunkwe każ, l-ammont ta’ dawn it-tariffi ma jistax ikun inqas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji legali.

109    Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, sabiex ikopru l-ispejjeż ikkawżati mix-xogħlijiet li jwettqu, il-PSA jistgħu jimponu sovrataxxi fuq il-merkanzija imbarkata jew żbarkata kif ukoll iżidu t-tariffi ta’ konċessjoni.

110    Għaldaqstant, l-influwenza tal-PSA fuq l-ammont tat-tariffi ta’ konċessjoni u tat-tariffi portwali tidher li tikkonferma n-natura ekonomika tas-servizzi pprovduti minnhom b’korrispettiv tal-ħlas ta’ dawn it-tariffi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78).

111    B’hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni weriet suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li t-tariffi ta’ konċessjoni u t-tariffi portwali kienu jikkostitwixxu l-korrispettiv għal attivitajiet ta’ natura ekonomika mwettqa mill-PSA.

112    Min-naħa l-oħra, hekk kif ikkonfermat waqt is-seduta, il-Kummissjoni la eżaminat il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi ta’ awtorizzazzjoni, la l-ammont tagħhom, u lanqas il-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-Istat f’dan ir-rigward.

113    Kif sostnew ir-rikorrenti u l-intervenjenti fir-rikors u waqt is-seduta, mingħajr ma ġew ikkontestati mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, l-imsemmija tariffi jikkonċernaw ammont stabbli u relattivament żgħir, fejn il-parametri bażiċi tiegħu huma ffissati b’digriet ministerjali, u li jista’ jinkrementa kemxejn skont id-dħul mill-bejgħ tal-entità kkonċernata.

114    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita li skontha l-fatt li prodott jew servizz ipprovdut minn organu pubbliku u li jkun marbut mal-eżerċizzju minn dan tal-aħħar ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika huwa pprovdut b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni previst mil-liġi ma huwiex biżżejjed biex l-attività pprattikata tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika u biex l-entità li teżerċitaha tiġi kklassifikata bħala impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, EU:C:1997:160, punti 22 sa 25, u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑347/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:418, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Fin-nuqqas ta’ turija min-naħa tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tan-natura, tal-metodu ta’ kalkolu u tal-ammont tat-tariffi, li dawn tal-aħħar jirrappreżentaw korrispettiv għal servizz ta’ natura ekonomika, l-argument tar-rikorrenti u tal-intervenjenti, li l-imsemmija tariffi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala taxxa dovuta lill-Istat pjuttost milli bħala tali korrispettiv, ma jistax jiġi miċħud.

116    Dan huwa ulterjorment iktar minnu peress li, kif ġie indikat fil-punt 84 iktar ’il fuq, ebda deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni ma tiddeċiedi dwar in-natura ekonomika ta’ attività bħall-għoti mill-PSA ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali.

117    Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punti 96 sa 102 iktar ’il fuq, b’ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-imsemmija attività tikkonsisti fil-provvista ta’ servizz ipprovdut f’suq.

118    B’hekk, il-Kummissjoni ma werietx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li t-tariffi ta’ awtorizzazzjoni kienu jikkostitwixxu korrispettiv għal servizz ta’ natura ekonomika mogħti mill-PSA.

119    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ t-tielet parti tal-ewwel ilment għal dak li jikkonċerna l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali u li din tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

120    Konsegwentement, hemm lok li jiġu eżaminati t-tieni sar-raba’ motivi biss fir-rigward tal-għoti ta’ aċċess għall-portijiet u l-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat” konformement mal-Artikolu 107(1) TFUE

121    Ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostnu li l-eżenzjoni mill-IRES ma timplika ebda oneru finanzjarju għall-Istat Taljan peress li l-attivitajiet tal-PSA huma suġġetti għall-verifika tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja), ir-riżultati tagħhom jiġu inklużi fir-riżultat ikkonsolidat tal-Istat u d-dejn tagħhom jiġi kkunsidrat bħala dejn tal-Istat. Dawn l-aspetti partikolari tas-sistema portwali Taljana ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

122    Barra minn hekk, ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, jenfasizzaw li d-dħul mill-PSA għandu jintuża biss għat-twettiq tal-missjoni istituzzjonali tagħhom, b’mod partikolari li l-infrastruttura ta’ dominju pubbliku tinżamm sigura u fi stat tajjeb. Għal din ir-raġuni, l-eżenzjoni mill-IRES ma twassalx għal telf ta’ riżorsi għall-Istat, peress li, fl-assenza tal-imsemmija eżenzjoni, l-Istat għandu jżid il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tiegħu lill-PSA.

123    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

124    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-kunċett ta’ “għajnuna” jinkludi mhux biss kontributi pożittivi, bħal sussidji, iżda wkoll miżuri li, f’forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment ikunu ta’ piż fuq il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fil-veru sens tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues et vs Il‑Kummissjoni et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata)

125    Barra minn hekk, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom ikunu ta’ benefiċċju lil impriża, jiġifieri entità li teżerċita attivitajiet ekonomiċi. Jekk tali entità tkun ġuridikament distinta mill-Istat, l-għoti ta’ vantaġġ lil din l-entità fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jimplika neċessarjament trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

126    Minkejja li l-PSA huma entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku bis-saħħa tad-dritt Taljan, dawn huma kkostitwiti bħala entitajiet legali distinti mill-Istat kif ukoll minn entitajiet pubbliċi oħra fl-Italja.

127    Minħabba l-eżenzjoni mill-IRES, il-PSA huma eżenti mill-ħlas tat-taxxi li setgħu kienu dovuti minħabba l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Fl-assenza ta’ din l-eżenzjoni, ċerti ammonti tat-taxxa kienu jitħallsu mill-PSA lill-Istat. B’hekk, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ dawn l-ammonti jagħti lok għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14, u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑425/11, EU:T:2014:768, punt 40).

128    Barra minn hekk, għandu jitfakkar, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li kull impriża, ikun liema jkun l-istatus legali tagħha, tista’ tkun benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Li jiġi aċċettat l-argument li r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma humiex applikabbli minħabba l-fatt li l-benefiċjarju huwa impriża pubblika u li l-vantaġġ mogħti jibqa’ fl-isfera ekonomika tal-Istat fis-sens wiesa’, jikkomprometti l-effett utli ta’ dawn ir-regoli u jintroduċi diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-benefiċjarji pubbliċi u l-benefiċjarji privati, bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità msemmi fl-Artikolu 345 TFUE (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 67).

129    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament issostni, fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-amministrazzjoni fiskali Taljana, billi teżenta lill-PSA mill-IRES minkejja l-fatt li dawn jeżerċitaw attività ekonomika, tirrinunzja minn dħul li jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat. B’hekk, l-eżenzjoni mill-IRES jagħti lok għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

130    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ selettività

131    Fil-kuntest tat-tielet motiv, li huwa maqsum f’ħames partijiet, ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostnu essenzjalment li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kriterju tas-selettività.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-konfużjoni bejn il-kriterju tal-vantaġġ u dak tas-selettività

132    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti, jesponu li, kuntrarjament għal ġurisprudenza stabbilita li skontha l-kriterju tal-vantaġġ u dak tas-selettività għandhom jiġu kkunsidrati b’mod separat, id-deċiżjoni kkontestata ħalltet dawn iż-żewġ kriterji billi applikat il-metodu ssuġġerit għall-eżami tal-kriterju tas-selettività għall-kriterju tal-vantaġġ ekonomiku.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

134    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li għandha ssir distinzjoni skont il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala “skema ta’ għajnuna” jew bħala “għajnuna individwali” fis-sens tal-Artikolu 1(d) u (e) tar-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, meta jsir l-eżami ta’ għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jippermetti, bħala prinċipju, li jiġi preżunt li l-miżura hija selettiva. Min-naħa l-oħra, fl-eżami ta’ skema ta’ għajnuna, huwa neċessarju li jiġi identifikat jekk il-miżura inkwistjoni, minkejja l-konstatazzjoni li hija tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tibbenefikax esklużivament lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60; tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 49, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 34).

135    F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni, jiġifieri l-eżenzjoni mill-IRES, tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna.

136    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti u l-intervenjenti, iż-żewġ kriterji ta’ selettività u ta’ vantaġġ huma eżaminati b’mod separat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kemm fil-premessi 135 sa 138 kif ukoll fil-premessi 158 sa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega suċċessivament li l-vantaġġ mogħti lill-PSA jikkonsisti fl-eżenzjoni tal-attivitajiet allegatament ekonomiċi tagħhom mill-PSA u li dan il-vantaġġ jingħata biss lill-PSA u mhux lil persuni taxxabbli oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ta’ referenza.

137    F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti u l-intervenjenti josservaw ġustament li s-sustanza tal-analiżi tal-vantaġġ u dik tal-analiżi tas-selettività fil-biċċa l-kbira jikkoinċidu, din il-konstatazzjoni hija inerenti għall-fatt li l-metodi ta’ analiżi ta’ dawn iż-żewġ aspetti huma simili.

138    Fil-fatt, l-eżistenza potenzjali ta’ vantaġġ hija ddeterminata fuq il-bażi ta’ deroga mil-livell normali ta’ tassazzjoni, jiġifieri b’rabta mal-assenza ta’ eżenzjoni fiskali.

139    Mingħajr il-ħtieġa li wieħed jara kontradizzjoni, tali deroga mil-livell normali ta’ tassazzjoni tikkostitwixxi wkoll il-punt inizjali tal-analiżi tas-selettività li tikkonċentra lilha nnifisha fuq il-kwistjoni dwar jekk l-istess vantaġġ huwiex irċevut minn persuni taxxabbli oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punti 54 sa 57, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 60).

140    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq determinazzjoni żbaljata tas-sistema ta’ referenza

141    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti f’dan ir-rigward, isostnu li peress li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat lill-PSA bħala entitajiet kummerċjali suġġetti għall-IRES konformement mal-Artikolu 73(1)(c) tat-TUIR, filwaqt li dawn fil-verità kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 74 tat-TUIR u għalhekk huma, a priori, eżenti mill-IRES, hija identifikat sistema ta’ referenza li kienet artifiċjalment wiesgħa.

142    Skont ir-rikorrenti u l-intervenjenti, il-PSA jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali differenti mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 73 tat-TUIR, inkwantu dawn jeżerċitaw biss attivitajiet mhux kummerċjali. Konsegwentement, l-Artikolu 73 tat-TUIR, li japplika għall-entitajiet li jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali, u l-Artikolu 74 tat-TUIR, li japplika biss għal entitajiet statali u pubbliċi li ma jeżerċitawx attivitajiet kummerċjali, għandhom kampi ta’ applikazzjoni distinti u jikkostitwixxu, għalhekk, sistemi ta’ referenza separati. Ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti, iqisu li s-sistema ta’ referenza jmissha għalhekk kienet limitata għall-Artikolu 74 tat-TUIR.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

144    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar b’mod preliminari li, sabiex miżura fiskali nazzjonali tiġi kklassifikata bħala selettiva, il-Kummissjoni għandha tidentifika, inizjalment, is-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali normali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u turi, sussegwentement, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza sa fejn hija tintroduċi distinzjoni bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema ta’ referenza, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Barra minn hekk, sabiex tiġi ddefinita s-sistema ta’ referenza, jeħtieġ li jiġi identifikat il-qafas tar-regoli li jinfluwenzaw il-piż fiskali tal-impriżi (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2017:1017, punt 109). Dan l-approċċ jiggarantixxi li miżura fiskali tiġi evalwata fid-dawl ta’ qafas li jiġbor fih id-dispożizzjonijiet kollha rilevanti.

146    Is-sistema ta’ referenza ma tistax tkun ikkostitwita minn xi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li nħarġu artifiċjalment minn qafas leġiżlattiv usa’ (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 103).

147    Fi kliem ieħor, meta l-miżura fiskali inkwistjoni tkun inseparabbli mis-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, ikun għal din is-sistema li jeħtieġ li jsir riferiment (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 63).

148    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fil-premessi 159 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, identifikat is-sistema tal-IRES previst mit-TUIR bħala sistema ta’ referenza li tapplika, essenzjalment, għad-dħul iġġenerat mill-entitajiet kollha li jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali. Skont il-Kummissjoni, din is-sistema ta’ referenza tinkludi d-definizzjoni ta’ persuni taxxabbli u ta’ dħul taxxabbli li jirriżulta mill-Artikolu 72 moqri flimkien mal-Artikolu 73 tat-TUIR.

149    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 72 tat-TUIR joħroġ bil-prinċipju li l-IRES tapplika għad-dħul kollu. L-Artikolu 73(1) tat-TUIR jissuġġetta għall-IRES lill-kumpanniji kummerċjali kif ukoll organi pubbliċi jew privati oħra li għandhom, jew ma għandhomx, bħala għan esklużiv jew prinċipali t-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali.

150    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti, jallegaw li s-sistema ta’ referenza hija kkostitwita biss mill-Artikolu 74 tat-TUIR.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi artikolu jipprevedi, minn naħa, li ċerti entitajiet statali u ċerti awtoritajiet territorjali ma humiex suġġetti għall-IRES, u, min-naħa l-oħra, li l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet statali minn organi pubbliċi ma jitqiesx li huwa ta’ natura kummerċjali. F’dan il-każ, skont l-interpretazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali Taljana, il-PSA jeżerċitaw biss funzjonijiet statali u, konsegwentement, ma għandhomx ikunu suġġetti għall-IRES.

152    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu jagħmel parti minn sistema fiskali usa’ li jiffissa d-dispożizzjonijiet Taljani kollha relatati mal-IRES. Din is-sistema tiddefinixxi, fost oħrajn, il-persuni taxxabbli, il-benefiċċju taxxabbli u r-rati ta’ taxxa. Skont il-paragrafu 73(1)(b) u (c) tat-TUIR (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), il-persuni taxxabbli jinkludu, fost oħrajn, organi pubbliċi, sew jekk l-attivitajiet tagħhom ikunu ta’ natura ekonomika u sew jekk ma jkunux.

153    Issa, l-Artikolu 74 tat-TUIR ma jistax jiġi sseparat mis-sistema tal-IRES previst mit-TUIR. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżenta lil ċerti entitajiet u ċerti attivitajiet mit-tassazzjoni tal-IRES, li tippreżumi l-eżistenza ta’ regola prinċipali li tipprevedi t-tassazzjoni tal-imsemmija entitajiet u tal-imsemmija attivitajiet. Din ir-regola prinċipali hija prevista, fost oħrajn, mill-Artikolu 73(1)(b) u (c) tat‑TUIR li jippreċiża li l-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali minn entità rregolata mid-dritt pubbliku jew privat huwa l-kriterju determinanti għall-issuġġettar għall-IRES. Mingħajr l-imsemmija regola prinċipali, li tirriżulta mis-sistema usa’ tal-IRES, b’mod partikolari mill-Artikolu 73(1)(b) u (c) tat-TUIR, l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 74(2) tat‑TUIR hija nieqsa minn kull utilità.

154    Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li d-dħul provenjenti mill-attivitajiet kummerċjali fis-sens tat-TUIR, li jidher li jikkorrispondi mal-kunċett ta’ “attività ekonomika” fis-sens tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi ntaxxat bis-saħħa tal-Artikolu 73(1) tat-TUIR. Fil-fatt, waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li, fl-ipoteżi fejn attività jew numru ta’ attivitajiet tal-PSA jiġu kklassifikati bħala ekonomiċi, id-dħul provenjenti minn din jew dawn l-attivitajiet għandu jiġi ssuġġettat għall-IRES.

155    Fil-verità, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-sistema ta’ referenza, huwa fil-biċċa l-kbira msejjes fuq l-ipoteżi li l-PSA ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika. Issa, kif jirriżulta mill-punti 95 u 111 iktar ’il fuq, l-għoti ta’ aċċess għall-portijiet u l-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ żoni ta’ dominju pubbliku u ta’ mollijiet ġustament ġew ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala attivitajiet ekonomiċi. B’hekk, l-ipoteżi sottostanti għall-argument tar-rikorrenti ma tistax tiġi aċċettata.

156    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq id-deroga mis-sistema ta’ referenza

157    Ir-rikorrenti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-intervenjenti, isostnu li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat it-tieni stadju tal-analiżi tas-selettività billi ħadet ħsieb tidentifika deroga mis-sistema ta’ referenza mingħajr ma identifikat l-impriżi li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali bħall-PSA.

158    Skont ir-rikorrenti, sa fejn l-Artikolu 74 tat-TUIR huwa s-sistema ta’ referenza, l-eżenzjoni mill-IRES ma tiddevjax mill-imsemmija sistema u, ġaladarba l-entitajiet kollha kkonċernati mill-imsemmi artikolu jaqgħu taħt l-istess sistema ta’ referenza, ma teżisti ebda deroga favur waħda mill-kategoriji ta’ entitajiet iċċitati.

159    Barra minn hekk, l-għan tas-sistema tal-IRES prevista mit-TUIR ma huwiex li jiġi ntaxxat id-dħul tal-kumpanniji u ta’ entitajiet legali oħra, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn jeżerċitawx jew le attivitajiet ekonomiċi. L-għan tal-Artikolu 74 tat-TUIR huwa li l-amministrazzjoni pubblika ma tiġix issuġġettata għall-IRES.

160    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

161    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar b’mod preliminari li t-tieni stadju għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività potenzjali ta’ miżura fiskali nazzjonali huwa, skont ġurisprudenza stabbilita, dak li jiġi ddeterminat jekk il-miżura fiskali inkwistjoni tidderogax mis-sistema ta’ referenza, sa fejn din tintroduċi distinzjonijiet bejn operaturi li jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Huwa għaldaqstant fid-dawl tal-għan tas-sistema ta’ referenza li għandu jiġi eżaminat jekk il-PSA jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli għall-entitajiet l-oħra li huma suġġetti għall-IRES u li ma humiex eżenti bis-saħħa tal-Artikolu 74 tat-TUIR.

163    Kif inhu indikat fil-punt 153 iktar ’il fuq, l-għan tas-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema tal-IRES u b’mod partikolari l-Artikoli 72 u 73 tat-TUIR, huwa essenzjalment li d-dħul iġġenerat minn kull entità li teżerċita attivitajiet ekonomiċi jiġi ssuġġettat għall-IRES, sew jekk entità tkun irregolata mid-dritt privat u sew jekk mid-dritt pubbliku, kif tqajjem ġustament il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 54, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il‑Kummissjoni, T‑673/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:643, punt 178).

164    Fid-dawl ta’ dan l-għan, is-sitwazzjoni fattwali u legali tal-PSA, sa fejn dawn jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi, hija paragunabbli, jekk mhux identika, għal dik ta’ entitajiet oħra suġġetti għall-IRES, u mhux għal dik tal-Istat u għal dik tal-organi pubbliċi fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. F’dan is-sens, ma teżisti ebda differenza bejn l-attivitajiet ekonomiċi tal-PSA u dawk ta’ entitajiet oħra suġġetti għall-IRES. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, billi eżenta d-dħul tal-PSA mill-IRES, inkluż id-dħul li jirriżulta mill-attivitajiet ekonomiċi, l-Artikolu 74 tat-TUIR, hekk kif inhu interpretat u applikat mill-amministrazzjoni fiskali Taljana, jidderoga mis-sistema ta’ referenza għall-benefiċċju tal-PSA.

165    Barra minn hekk, għandu mill-ġdid jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-assenza ta’ deroga mis-sistema ta’ referenza, huwa essenzjalment imsejjes fuq il-premessa żbaljata li l-PSA ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika. Issa, kif diġà ġie indikat fil-punti 95 u 111 iktar ’il fuq, din il-premessa għandha tiġi miċħuda. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 163 u 164 iktar ’il fuq, fl-ipoteżi fejn attività jew numru ta’ attivitajiet tal-PSA jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi, id-dħul provenjenti minn dawn l-attivitajiet għandu jiġi ssuġġettat għall-IRES.

166    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-ġustifikazzjoni tad-deroga permezz tan-natura jew tal-istruttura tas-sistema ta’ referenza

167    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata inkwantu din ikkonkludiet li l-eżenzjoni mill-IRES ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tal-istruttura jew tan-natura tas-sistema fiskali. Fil-fatt, l-imsemmija eżenzjoni hija ġġustifikata, peress li tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew li jiggwidaw is-sistema ta’ referenza, bħall-prinċipju li l-Istat ma jiġix intaxxat, il-prinċipju “taxxa fuq taxxa ma tiswiex” u l-prinċipju li l-organi ġestjonarji tad-dominju kollettiv ma humiex suġġetti għall-IRES.

168    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

169    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar preliminarjament li miżura li tidderoga mis-sistema ta’ referenza tista’ tiġi ġġustifikata permezz tan-natura jew tal-istruttura ġenerali ta’ din is-sistema, li jfisser li l-miżura titlef in-natura selettiva tagħha. Dan huwa l-każ fejn miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew li jiggwidaw is-sistema ta’ referenza jew fejn din tirriżulta minn mekkaniżmi inerenti għas-sistema neċessarji għall-funzjonament u għall-effikaċja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 69).

170    Kif tqajjem ġustament il-Kummissjoni, huwa l-Istat Membru, u jekk ikun il-każ il-partijiet interessati, li għandhom juru li d-deroga mis-sistema ta’ referenza hija effettivament iġġustifikata permezz tan-natura jew tal-istruttura ġenerali tal-imsemmija sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 146).

171    Issa kif osservat il-Kummissjoni, la l-awtoritajiet Taljani u lanqas il-partijiet interessati ma ressqu argumenti f’dan ir-rigward waqt il-proċedura amministrattiva – liema fatt wara kollox la ġie kkontestat mill-PSA u lanqas mill-intervenjenti. L-assenza ta’ tali argumenti hija suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-miżura inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata bin-natura u l-istruttura tas-sistema ta’ referenza. L-affermazzjoni tal-PSA li, essenzjalment, il-Kummissjoni missha weriet l-assenza ta’ tali ġustifikazzjoni għalhekk tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita fuq dan il-punt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑159/01, EU:C:2004:246, punt 43, u tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 103).

172    Huwa minnu li l-PSA sostnew li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 74 tat-TUIR kienet tirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt fiskali Taljan, jiġifieri l-prinċipju li l-Istat ma jiġix intaxxat, il-prinċipju “taxxa fuq taxxa ma tiswiex” u l-prinċipju li l-organi ġestjonarji tad-dominju kollettiv ma humiex suġġetti għall-IRES.

173    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv jistrieħ mill-ġdid fuq il-premessa żbaljata li l-PSA jeżerċitaw biss attivitajiet ta’ natura mhux ekonomika. B’hekk, kif ġie indikat fil-punti 85, 86, 107 u 111 iktar ’il fuq, din il-premessa għandha madankollu tiġi miċħuda.

174    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-raba’ parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tad-deċiżjonijiet mogħtija preċedentement dwar il-portijiet Belġjani, Franċiżi u tal-Pajjiżi l-Baxxi

175    Ir-rikorrenti jenfasizzaw id-differenzi bejn is-sistema tal-IRES prevista mit-TUIR, minn naħa, u s-sistemi fiskali inkwistjoni fid-deċiżjonijiet mogħtija preċedentement dwar il-portijiet Belġjani, Franċiżi u tal-Pajjiżi l-Baxxi.

176    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

177    Għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva tal-eżenzjoni mill-IRES, iddikjarata fil-premessi 158 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistrieħx fuq id-deċiżjonijiet mogħtija preċedentement dwar il-portijiet Belġjani, Franċiżi u tal-Pajjiżi l-Baxxi. Konsegwentement id-differenzi eventwali bejn il-kawżi li wasslu għall-imsemmija deċiżjonijiet u għal din il-kawża huma mingħajr effett fuq il-legalità tal-imsemmija analiżi mill-Kummissjoni.

178    Minn dan jirriżulta li l-ħames parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti

179    Ir-rikorrenti u l-intervenjenti jsostnu li d-deċiżjoni hija żbaljata inkwantu din tikkonkludi li l-eżenzjoni mill-IRES toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

180    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti ġaladarba l-Kummissjoni ppreżumiet sempliċement li l-miżura inkwistjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri mingħajr madankollu ma tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ elementi.

181    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti u l-intervenjenti jindikaw li, peress li l-Artikolu 107(1) TFUE japplika biss għas-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni, dan ma jistax ikun applikabbli għas-settur portwali Taljan li huwa magħluq għall-kompetizzjoni u ma huwiex liberalizzat.

182    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi indikat li l-impriżi li riedu jistabbilixxu ruħhom qrib port setgħu jagħmlu dan anki barra mill-port f’territorju li la kien fil-pussess jew ġestit minn PSA, fejn għalhekk il-PSA jinsabu f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra li jikru artijiet barra mill-portijiet. Skont ir-rikorrenti u l-intervenjenti, kull territorju kostali Taljan li jista’ jilqa’ attivitajiet portwali jaqa’ taħt id-dominju tal-Istat, fejn għalhekk kull impriża li tixtieq teżerċita tali attività hija suġġetta għall-awtorità tal-PSA.

183    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tikser il-ġurisprudenza li skontha, fl-assenza ta’ politika fiskali armonizzata fuq livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tipproċedi għal eżami komparattiv tar-regoli fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri differenti. B’hekk, l-eżistenza ta’ distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata fuq livell nazzjonali u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet eżistenti fi Stati Membri oħra.

184    Fil-ħames lok, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter u b’inkompetenza u tikser l-Artikoli 107, 116 u 117 TFUE peress li, sa fejn il-Kummissjoni tixtieq tikkundanna d-distorsjonijiet li jirriżultaw mid-disparitajiet li jeżistu bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, hija missha intervjeniet fuq il-bażi tal-Artikoli 116 u 117 TFUE u mhux bis-saħħa tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

185    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

186    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

187    Fil-fatt, kif tqajjem ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata, inkwantu l-Kummissjoni ddedikat il-premessi 139 sa 157 għall-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, mill-eżami tad-diversi motivi jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ppermettiet lir-rikorrenti jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda f’dan ir-rigward u lill-Qorti Ġenerali tagħmel l-istħarriġ tagħha.

188    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE għandu jiġi miċħud.

189    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti u tal-intervenjenti li, essenzjalment, il-Kummissjoni wettqet kunsiderazzjoni żbaljata tal-fatt li s-settur portwali Taljan huwa kkaratterizzat b’assenza ta’ liberalizzazzjoni kkawżata mill-eżistenza ta’ monopolju legali f’kull port Taljan.

190    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, hekk kif ġie indikat fil-punt 93 iktar ’il fuq, teżisti kompetizzjoni bejn ċerti portijiet Taljani u ċerti portijiet ta’ Stati Membri oħra ġaladarba l-operaturi ta’ servizzi portwali għandhom l-għażla bejn numru ta’ portijiet biex jilħqu l-istess żoni interni. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-PSA jinsabu f’kompetizzjoni sabiex jiġbdu lejhom konċessjonarji li jkunu jistgħu joperaw iż-żoni ta’ dominju pubbliku fil-portijiet ġestiti minnhom.

191    L-eżistenza ta’ din il-kompetizzjoni potenzjali hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-eżenzjoni mill-IRES tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 65).

192    Fit-tielet lok, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn il-PSA u operaturi li jikru l-artijiet tagħhom barra mill-portijiet, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-kuntest ġeografiku u spazjali madwar il-portijiet ikkonċernati ma jidhirx li jippermetti lil terzi joperaw artijiet f’kompetizzjoni mal-PSA, liema fatt, wara kollox, ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

193    Madankollu din il-konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex titqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-eżenzjoni mill-IRES tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

194    Fil-fatt, ir-raġunijiet l-oħra elenkati fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, kif ġie indikat fil-punti 92 sa 94 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni li għaliha huma esposti l-portijiet Taljani, huma suffiċjenti sabiex tiġi ssostanzjata l-imsemmija konklużjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ineffettiv.

195    Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-fiskalità diretta ma timplikax li d-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata biss mill-perspettiva nazzjonali. Fil-fatt, filwaqt li l-kundizzjoni dwar is-selettività, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi evalwata biss fuq livell ta’ Stat Membru wieħed biss u tirriżulta biss minn analiżi tad-differenza fit-trattament bejn is-sempliċi impriżi jew produzzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-istess paragrafu ta’ dan l-artikolu, ma tillimitax ruħha neċessarjament għall-impriżi jew għall-produzzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat peress li, sabiex taqa’ taħt l-Artikolu 107 TFUE, miżura ta’ għajnuna għandha toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑73/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:711, punti 28 u 29).

196    Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat, bħall-eżenzjoni mill-IRES, il-Kummissjoni tista’ tieħu ħsieb li teżamina karatteristiċi tal-imsemmija skema sabiex tevalwa jekk din hijiex tali li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tkun tivvantaġġja essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 1987, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 18). Peress li s-settur portwali huwa kkaratterizzat minn kummerċ transkonfinali, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata ġustament li l-eżenzjoni mill-IRES setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn ċerti portijiet Taljani u ċerti portijiet ta’ Stati Membri oħra.

197    Fl-aħħar nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq użu ħażin tal-poter, li huma mingħajr rilevanza fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kif inhu indikat fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq. Għall-istess raġunijiet, l-argumenti tar-rikorrenti dwar inkompetenza għandhom ukoll jiġu miċħuda.

198    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Konklużjoni

199    Minkejja li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa redatt f’termini ġenerali, billi jikkwalifika l-eżenzjoni mill-IRES bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti inkompatibbli mas-suq intern u billi jordna lir-Repubblika Taljana tneħħi l-imsemmija eżenzjoni, mill-premessi tal-imsemmija deċiżjoni, li fid-dawl tagħhom għandu jiġi interpretat id-dispożittiv tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, T‑208/06, EU:T:2011:701, punt 131), jirriżulta li dan jirrigwarda biss l-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati mill-PSA.

200    Kif inhu indikat fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma werietx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali kienu jikkostitwixxu attività ekonomika. Fid-dawl tan-natura separabbli tal-attivitajiet tal-PSA kklassifikati bħala ekonomiċi fid-deċiżjoni kkontestata u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni mir-Repubblika Taljana, jeħtieġ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata inkwantu din tikklassifika bħala attività ekonomika l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 77, u tat‑30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑239/01, EU:C:2003:514, punt 33). Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

201    Kif inhu indikat fil-punt 200 iktar ’il fuq, jeħtieġ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tikklassifika waħda mit-tliet attivitajiet eżerċitati mill-PSA, jiġifieri l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali, bħala attività ekonomika.

202    Konformement mal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mill-kapijiet tat-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ikun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

203    Issa, jeħtieġ li jiġi osservat li kemm ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti, kif ukoll il-Kummissjoni tilfu fir-rigward ta’ parti mit-talbiet tagħhom u li d-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata parzjalment.

204    Barra minn hekk, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali dwar il-pubblikazzjoni tar-risposta fis-sit internet “Shipping Italy”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmija pubblikazzjoni tikkostitwixxi użu improprju tal-atti proċedurali min-naħa tar-rikorrenti u li għandu jkollu impatt fuq l-ispejjeż, bis-saħħa tal-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jispeċifika li l-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki rebbieħa, parzjalment jew totalment għall-ispejjeż, jekk dan ikun jidher li huwa ġustifikat minħabba l-imġieba tagħha.

205    Madankollu, il-Kummissjoni ma pproduċietx provi li juru li r-rikorrenti huma responsabbli mill-pubblikazzjoni tar-risposta fuq l-internet. Għalhekk, ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza s-sors tal-iżvelar tal-imsemmi dokument. Konsegwentement, minkejja li tali inċident ma huwiex feliċi, fin-nuqqas ta’ provi tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-talba ta’ din tal-aħħar ma tistax tintlaqa’.

206    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li kull parti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1757 tal4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.38399 – 2019/C (ex 2018/E) li l-Italja implimentat – Tassazzjoni Korporattiva tal-Portijiet fl-Italja, hija annullata inkwantu din tikklassifika l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operazzjonijiet portwali bħala attività ekonomika.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Autorità di sistema portuale del Mar Ligure occidentale u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab anness, l-Associazione Porti Italiani (Assoporti) u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Papasavvas

Porchia

Madise

Nihoul

 

      Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Diċembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.