Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2024 – Zardini vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-9/24)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Alessandro Zardini (Marano di Valpollicella, l-Italja) (rappreżentant: M. Velardo, avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2023, li biha r-rikorrent ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva għall-kompetizzjoni EPSO/AD/371/19, wara li kiseb marka ta’ 122.5/180, li hija insuffiċjenti sabiex jilħaq il-marka minima ta’ 124/180;

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tad-19 ta’ Ottubru 2023, li tiċħad impliċitament l-appell amministrattiv ippreżentat skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tad-19 ta’ Ġunju 2023, wara s-skiet min-naħa tal-istituzzjoni għal erba’ xhur mid-data tal-preżentata tal-appell intern;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati. Żball manifest ta’ evalwazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati. Nuqqas ta’ evalwazzjoni oġġettiva tal-kandidati u ksur tal-ewwel u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba ksur tar-regoli relatati mal-lingwi li jistgħu jintużaw matul il-kompetizzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni oġġettiva, il-ksur tal-ewwel u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal peress li t-testijiet assenjati ppreżentaw grad ogħla ta’ kumplessità minn dawk li għamlu l-kandidati l-oħra. Ġew adottati metodi differenti ta’ żvolġiment tal-kompetizzjoni, li ma ppermettewx intervalli xierqa bejn it-testijiet. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tad-diplomi mill-Bord tal-Għażla ma kinitx żgurata matul il-fażi tal-evalwazzjoni tat-talenti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju relatat ta’ ugwaljanza tal-partijiet fil-kawża (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati (Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal), sa fejn il-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjonijiet ikkontestati u ma weġbitx għall-ilment.

5    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-kandidati u n-nuqqas ta’ oġġettività fl-evalwazzjonijiet, minħabba n-nuqqas ta’ stabbiltà tal-Bord tal-Għażla.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal peress li l-President ma wettaqx ir-rwol tiegħu ta’ osservazzjoni u n-numru ta’ kandidati ammessi fil-lista ta’ riżerva ma kienx jammonta għad-doppju tal-pożizzjonijiet li kellhom jimtlew permezz tal-kompetizzjoni.

____________