Language of document : ECLI:EU:T:2010:271

Kawża T-335/08

BNP Paribas u Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Taljani fir-rigward ta’ ċerti banek ristrutturati — Skema ta’ riallinjament tal-valuri fiskali tal-assi — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna — Rikors għal annullament — Interess individwali — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Vantaġġ — Natura selettiva — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali — Rikors ta’ impriża li bbenefikat minn għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li għandha tiġi rkuprata — Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikolu 253 KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Deroga mis-sistema fiskali ġenerali

(Artikolu 87(1) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Nuqqas ta’ osservazzjonijiet mill-persuni kkonċernati — Nuqqas ta’ effett fuq il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (Artikolu 88(2) KE)

1.      Persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minnha ħlief jekk id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni. Għaldaqstant ma huwiex ammissibbli, fil-prinċipju, li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din l-impriża, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tinvolvi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

Madankollu, impriża li ma hijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni bħala impriża tas-settur ikkonċernat, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, tinsab f’pożizzjoni differenti. Tali impriża hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli.

(ara l-punti 64-66)

2.      Il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li hija tadotta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tadotta deċiżjoni bħal din. Madankollu, hija obbligata, skont l-Artikolu 253 KE, issemmi għall-inqas il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’hekk il-qorti Komunitarja u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat it-Trattat.

(ara l-punti 93, 94)

3.      Waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 87(1) KE, hija l-kundizzjoni li miżura trid tkun ta’ natura speċifika jew inkella selettiva. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE jitlob li l-miżura inkwistjoni tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ impriżi oħra, li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan ta’ din il-miżura, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, ma tagħmilx differenza jekk is-sitwazzjoni tal-allegat benefiċjarju tal-miżura tkunx marret għall-aħjar jew għall-agħar meta mqabbla mal-pożizzjoni legali preċedenti jew jekk, bil-kontra ta’ dan, ma tkunx evolviet matul iż-żmien. Għandu biss jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura tal-Istat tkunx tali li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward tal-għan tal-miżura kkonċernata.

Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment għall-eżami ta’ selettività ta’ miżura għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, peress li l-istess eżistenza ta’ vantaġġ ma tistax tiġi stabbilita ħlief meta mqabbla ma’ taxxa msejħa “normali”, jiġifieri, it-taxxa li hija applikabbli normalment għall-impriżi li, fid-dawl tal-għan tal-iskema kkontestata, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli ma’ dik tal-impriżi benefiċjarji ta’ din l-iskema. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali vantaġġ ekonomiku għall-impriżi benefiċjarji ta’ eżenzjoni mit-taxxa normali ma tistax tiġi kkontestata għar-raġuni li jeżistu eżenzjonijiet oħra tal-istess taxxa favur impriżi oħra. Għaldaqstant, il-fatt li jeżistu eżenzjonijiet oħra mill-iskema tat-taxxa normali, minbarra l-iskema inkwistjoni, ma timminax il-konstatazzjoni li din l-iskema għandha, fil-fatt, natura derogatorja.

Fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rigward għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni oġġettiva. Fil-fatt, sabiex tiddetermina jekk, oġġettivament, l-iskema inkwistjoni tagħtix vantaġġ ekonomiku meta mqabbla mat-taxxa li dderogat minnha u li kienet normalment tapplika fin-nuqqas tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina din l-iskema b’mod oġġettiv. Ma huwiex obbligu tal Kummissjoni li tikkunsidra l-għażliet suġġettivi li setgħu jagħmlu l-benefiċjarji ta’ din l-iskema fin-nuqqas tagħha.

(ara l-punti 160‑162, 169, 187, 204)

4.      L-Artikolu 88(2) KE jimponi fuq il-Kummissjoni li tiġbor l-informazzjoni mingħand il-partijiet ikkonċernati qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha. Madankollu, huwa ma jipprojbixxix lilha milli, fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, hija tikkonkludi li għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt u punti ta’ liġi eventwali li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u abbażi ta’ preżunzjonijiet liema hija l-informazzjoni li setgħet tiġi sottomessa lilha.

(ara l-punt 188)