Language of document : ECLI:EU:C:2023:944


 


 



Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (ItTmien Awla) tas27 ta’ Novembru 2023 –
Groupama Asigurări

(Kawża C310/23)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza – Artikolu 267 TFUE – Interpretazzjoni ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolamenti (KE) Nru 864/2007 u (KE) Nru 593/2008 – Inċident ikkawżat minn vettura li tirmonka semikarru – Vettura u semikarru assigurati minn assiguraturi differenti – Inċident li seħħ f’Stat Membru differenti minn dak tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni – Azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi – Liġi applikabbli”

1.      Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet – Interpretazzjoni tal-motivi ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja – Inklużjoni

(il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 18, 19, u d-dispożittiv 1)

2.      Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament Nru 593/2008 – Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali – Regolament Nru 864/2007 – Inċident ikkawżat minn vettura tal-irmonk li tinkludi semikarru rmunkat, b’kull vettura tkun assigurata minn assiguraturi differenti – Azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi – Tqassim tal-obbligu ta’ kumpens – Possibbiltà għall-assiguratur tal-vettura tal-irmonk li jeżerċita d-drittijiet tal-vittma kontra l-assiguratur tas-semikarru – Liġi applikabbli

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, Artikolu 7, u Nru 864/2007, Artikolu 4 et seq.)

(ara l-punti 21, 22, u d-dispożittiv 2)

Dispożittiv

1)

Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija wara talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali oħra, tista’ tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn il-motivi.

2)

Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II),

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru mressqa mill-assiguratur ta’ vettura tal-irmonk, li kkumpensa lill-vittma ta’ inċident ikkawżat mis-sewwieq ta’ din il-vettura, kontra l-assiguratur ta’ semikarru, li, meta seħħ dan l-inċident, kien imqabbad mal-imsemmija vettura, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi stabbilit, konformement mal-liġi applikabbli ddeterminata bis-saħħa tal-Artikoli 4 et seq. tar-Regolament Nru 864/2007, jekk u sa liema punt id-danni li għandhom jitħallsu lil din il-vittma għandhomx jitqassmu, fejn applikabbli, f’partijiet ugwali, bejn, minn naħa, is-sewwieq u d-detentur tal-vettura tal-irmonk ikkonċernata u, min-naħa l-oħra, id-detentur tas-semikarru li kien imqabbad ma’ din tal-aħħar, u għalhekk bejn l-assiguraturi rispettivi ta’ din il-vettura u ta’ dan is-semikarru. It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk, konformement mal-liġi applikabbli, bis-saħħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 593/2008, għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, l-assiguratur tal-imsemmija vettura tal-irmonk, li kkumpensa lill-imsemmija vittma, jistax, b’surroga, jeżerċita d-drittijiet ta’ din tal-aħħar kontra l-assiguratur tal-imsemmi semikarru, kif irrikonoxxut mil-liġi applikabbli bis-saħħa tal-Artikoli 4 et seq. tar-Regolament Nru 864/2007.