Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski rayonen sad – il-Bulgarija) – P. G.

(Kawża C-319/23 1 , Avdzhilov 2 )

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali fil-qasam kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Talba għal kumpens tal-passiġġieri tal-ajru għall-kanċellazzjoni ta’ titjira – Artikolu 5(1)(ċ) – Artikolu 7(1)(a) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi fora li għandhom ġurisdizzjoni favur konsumaturi)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent fil-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas: P. G.

Dispożittiv

It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta din id-dispożizzjoni hija applikabbli, qorti ta’ Stat Membru adita b’azzjoni intiża sabiex jinkiseb kumpens abbażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandha tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha kemm internazzjonali kif ukoll territorjali fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja l-eventwali eżistenza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ fora oħra li għandhom ġurisdizzjoni favur konsumaturi.

____________

1     Data ta’ preżentata: 25.5.2023.

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.