Language of document : ECLI:EU:T:2009:519

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

17 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tas-soda fil-Komunità (bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda) – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal‑Artikolu 82 KE – Ftehim ta’ provvista għal perijodu eċċessivament twil – Tnaqqis għal fedeltà – Preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew sanzjonijiet – Terminu raġonevoli – Forom proċedurali sostanzjali – Suq ġeografiku rilevanti – Eżistenza tal-pożizzjoni dominanti – Abbuż mill-pożizzjoni dominanti – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Multa – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti – Reċidiva – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑57/01,

Solvay SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Simont, P.‑A. Foriers, G. Block, F. Louis u A. Vallery, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u J. Currall, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2003/6/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura skont l‑Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/33.133– C: Karbonat tas-soda – Solvay) (ĠU 2003, L 10, p. 10), u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat‑tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Solvay SA, hija kumpannija rregolata bid-dritt Belġjan, attiva fis-setturi tal-farmaċija, tal-kimika, tal-plastika u tal-ipproċessar. Hija b’mod partikolari tipproduċi l-karbonat tas-soda.

2        Il-karbonat tas-soda huwa preżenti kemm fin-natura taħt il-forma ta’ mineral ta’ trona (soda naturali), kif ukoll miksub permezz ta’ proċess kimiku (soda sintetiku). Is-soda naturali jinkiseb permezz tat-tifrik, purifikazzjoni jew kalċinazzjoni tal-minerali ta’ trona. Is-soda sintetiku jirriżulta mir-reazzjoni tal-melħ ordinarju u tal-kalċju permezz tal-proċedura “ammonijaku – soda” implementata mill-aħwa Solvay fl-1863.

3        Fis-7 ta’ Frar 1978, ir-rikorrenti kkonkludiet ma’ tliet produtturi tal-ħġieġ, li kienu t-tliet klijenti tradizzjonali prinċipali fil-Belġju, kuntratti “għal bżonnijiet kollha”, għal tul ta’ ħames snin, li kienu jinkludu klawżoli ta’ allinjament ta’ prezzijiet.

4        Dawn il-ftehim taw lok għal proċedura ġudizzjarja mressqa minn produttur Amerikan ta’ karbonat tas-soda quddiem il-qrati Belġjani. B’sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1989, il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, filwaqt li rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti ta’ Kassazzjoni, ċaħdet l-azzjoni ta’ dan il-produttur Amerikan.

5        Parallelament, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fetħet proċedura skont l-Artikolu 81 KE. B’ittra tal-21 ta’ Ottubru 1980, hija kkomunikat lir-rikorrenti l-elementi tal-ftehim li hija tikkunsidra bħala kontestabbli fir-rigward tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Hija b’mod partikolari indikat li hija ma setgħetx taċċetta ftehim ta’ tip “għal bżonnijiet kollha” jew “perċentwali tal-bżonnijiet kollha”, iżda li hija tawtorizza kuntratti ta’ tip “tunnellaġġ” sa fejn dawn iħallu lill-klijent liberu li jiffornixxi ruħu, għal parti mhux insinjifikattiva tal-bżonnijiet tiegħu, mingħand produtturi oħra. Il-Kummissjoni ffissat it-tul tal-kuntratti għal provvista għal mhux iktar minn sentejn u rriżervat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-klawżola ta’ kompetizzjoni.

6        Fis-16 ta’ Diċembru 1980, ir-rikorrenti ttrażmettiet lill-Kummissjoni abbozz ta’ ittra, iddestinata lid-direttorati nazzjonali tagħha, intiża sabiex dawn jadottaw kuntratti tat-tip “tunnellaġġ” li jsegwu ċerti linji gwida li ġew żviluppati b’kunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni.

7        B’ittra tat-2 ta’ Frar 1981, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-linji gwida li jinsabu fl-abbozz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 1980 kienu konformi mat-talbiet tagħha għal emendi fil-kuntratti għal provvista tal-karbonat tas-soda. Hija madankollu għamlet riżervi fuq il-klawżola ta’ kompetizzjoni, imsejħa “klawżola Ingliża”, u talbet l-emenda tal-kuntratti konklużi mat-tliet produtturi tal-ħġieġ Belġjani.

8        Skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-klawżola ta’ kompetizzjoni, ir-rikorrenti adattat l-abbozz tal-ittra u, fid-19 ta’ Frar 1981, indirizzat ittra lid-dipartimenti nazzjonali differenti tagħha fejn stednithom jemendaw il-kuntratti ta’ tunnellaġġ tagħhom mal-industrija tal-ħġieġ wara osservazzjonijiet mill-Kummissjoni. B’ittra tad-29 ta’ Ottubru 1981, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni bil-progress tan-negozjati mal-industrija tal-ħġieġ sabiex tikkonforma l-kuntratti eżistenti mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

9        F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 81 KE. Hija ppubblikat ukoll stqarrija għall-istampa fil-5 ta’ Frar 1982, li fiha hija indikat li, fis-settur tal-karbonat tas-soda, ir-rikorrenti kienet emendat il-kuntratti għal provvista tagħha sabiex tagħmilhom kompatibbli mad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

10      Fil-mument tal-fatti li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, ir-rikorrenti kienet preżenti fis-settur tal-karbonat tas-soda permezz ta’ unitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni stabbiliti f’disa’ pajjiżi Ewropej, jiġifieri l-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u l-Isvizzera. Hija kellha wkoll unitajiet ta’ produzzjoni fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fil-Belġju, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall.

11      Fl-1987, il-kapaċità totali ta’ produzzjoni tar-rikorrenti kienet tirrappreżenta madwar 4 miljun tunnellata u l-produzzjoni tagħha fl-Ewropa kienet ta’ madwar 3.7 miljun tunnellata.

12      B’faks trażmessa fit-2 ta’ Novembru 1998, li la għandha data u lanqas ma hija ffirmata, iżda li għandha l-isem u l-indirizz tar-rikorrenti stampati fuqha u li hija indirizzata lill-Kummissjoni, huwa indikat li, fl-1988, il-kapaċità ta’ produzzjoni dinjija tal-karbonat tas-soda kienet ta’ 37 miljun tunnellata u l-konsum dinji tal-karbonat tas-soda kien ta’ 31 miljun tunnellata.

13      Fl-1988, ir-rikorrenti kellha b’mod partikolari 52.5 % tas-suq Ġermaniż, 96.9 % tas-suq Awstrijak, 82 % tas-suq Belġjan, 99.6 % tas-suq Spanjol, 54.9 % tas-suq Franċiż, 95 % tas-suq Taljan, 14.7 % tas-suq Olandiż, 100 % tas-suq Portugiż u 76.1 % tas-suq Svizzeru.

14      Fl-1989, il-konsum tal-karbonat tas-soda fil-Komunità Ewropea kien ta’ madwar 5.5 miljun tunnellata, li l-valur tas-suq tiegħu kien ta’ madwar ECU 900 miljun.

15      Minbarra r-rikorrenti, il-produtturi Komunitarji kienu, matul il-perijodu bejn l-1987 u l-1989, il-kumpanniji Imperial Chemical Industries (iktar ’il quddiem “ICI”), Rhône-Poulenc, AKZO, Matthes & Weber, kif ukoll il-kumpannija Chemische Fabrik Kalk (iktar ’il quddiem “CFK”), sussidjarja ta’ Kali & Salz, li hija parti mill-grupp BASF.

16      Ir-rikorrenti kellha bħala klijenti impriżi tas-setturi tal-ħġieġ, tal-kimika u tal-metallurġija. Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, il-klijent l-iktar importanti tagħha kien Saint-Gobain SA u l-kumpanniji l-oħra tal-istess grupp (iktar ’il quddiem il-“grupp Saint-Gobain”), mhux biss għall-karbonat tas-soda, iżda wkoll għall-attivitajiet kollha tar-rikorrenti. Dan il-grupp kellu sussidjarji fl-Istati differenti tal-Ewropa tal-Lvant, li kienu jiffornixxu ruħhom għal karbonat tas-soda mingħand id-direttorati nazzjonali tar-rikorrenti.

17      Fl-1988, l-importazzjonijiet ta’ provenjenza mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, li kienu milquta mid-dazji antidumping mad-dħul tagħhom fil-Komunità, kienu jirrappreżentaw b’mod partikolari 8.1 % tas-suq Ġermaniż, 2 % tas-suq Awstrijak, 2.1 % ta-suq Belġjan, 1.4 % tas-suq Franċiż u 3 % tas-suq Taljan.

18      Għalkemm l-importazzjonijiet ta’ provenjenza mill-Istati Uniti kienu wkoll milquta mid-dazji antidumping, ċerti importazzjonijiet kienu madankollu jseħħu taħt is-sistema tal-perfezzjonament attiv. Fl-1988, l-importazzjonijiet tas-soda Amerikan kienu jirrappreżentaw 2.4 % tas-suq Belġjan, 0.9 % tas-suq Franċiż, 3 % tas-suq Olandiż u ma kinux ikopru s-suq Ġermaniż.

19      Fil-5 ta’ April 1989, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar verifika li kellha sseħħ għand AZKO, CFK, ICI, Matthes & Weber, Rhône Poulenc u Solvay skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (Każ IV/33.133) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ verifika”), li tinkludi b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“[Billi] l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni turi li s-suq tal-karbonat tas-soda dens fil-[Komunità] huwa rigorożament maqsum skont il-fruntieri nazzjonali, kull produttur bħala prinċipju jillimita l-bejgħ tiegħu fil-Komunità għas-suq ‘lokali’ tiegħu, jiġifieri l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom jinsabu ċ-ċentri ta’ produzzjoni tiegħu;

[l]i Solvay li għandha seba’ fabbriki installati fil-[Komunità] hija l-uniku produttur li jipprovdi l-maġġoranza tal-Istati Membri u li bl-ebda mod ma jiffornixxi fir-Renju Unit u fir-Repubblika tal-Irlanda, li huma t-territorji rriżervati ta’ ICI;

[l]i ICI ma tidhirx li tiffornixxi fil-[Komunità] barra mis-suq lokali tagħha, li huwa kkostitwit mir-Renju Unit u mill-Irlanda u l-produtturi l-oħra jidhru wkoll li jillimitaw il-provvista tagħhom lis-swieq nazzjonali tradizzjonali tagħhom;

[l]i skont informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni, jeżistu listi ta’ prezzijiet differenti għal kull Stat Membru, iżda peress li x-xerrejja jiffornixxu lilhom infushom biss mingħand il-produttur nazzjonali, il-produtturi ma jixtiqux ibiegħu fis-swieq nazzjonali ta’ produtturi oħra;

[l]i fuq kollox, fl-Istati Membri fejn jeżistu diversi produtturi, dawn japplikaw listi ta’ prezzijiet identiċi u jipprattikaw żieda fil-prezzijiet li huma kemm kważi konkomitanti kif ukoll uniformi;

[l]i huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk ir-riġidità apparenti tas-suq fil-[Komunità] u n-nuqqas apparenti tal-kompetizzjoni [humiex] ir-riżultat ta’ akkordji jew ta’ prattiki miftiehma bejn il-produtturi fis-sens tal-Artikolu [81 KE];

[l]i barra dan huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk ftehim li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu [81 KE] japplikawx għall-karbonat tas-soda ħafif, ukoll prodott mis-sitt produtturi;

[l]i kull akkordju jew prattika miftehma li jinkludu t-tqassim tas-swieq nazzjonali u/jew il-ftehim fuq il-prezzijiet jistgħu jikkostitwixxu ksur gravi għall-Artikolu [81 KE] u li n-natura tagħhom stess tħalli jidher li huma applikati skont metodi estremament sigrieti;

[l]i sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ssir taf bil-punti ta’ fatt kollha li jikkonċernaw il-ftehim jew prattiki miftiehma possibbli kif ukoll l-identità tal-partijiet ikkonċernati, deċiżjoni għandha tittieħed li tobbliga lill-impriżi jissottomettu ruħhom għal verifika skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Sussegwentement għal dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ verifika jipprovdi li r-rikorrenti kif ukoll is-sussidjarji Ġermaniżi u Spanjoli tagħha kienu “obbligati li jissottomettu ruħhom għal verifika dwar […] is-sehem possibbli tagħhom għal akkordji u/jew għal prattiki miftehma li jmorru kontra l-Artikolu [81 KE] li għandu bħala effett it-tqassim tas-swieq nazzjonali u ftehim tal-prezzijiet tal-karbonat tas-soda [u fuq] l-implementazzjoni ta’ arranġamenti ta’ xiri esklużiv ma’ xerrejja li jistgħu jirrestrinġu jew jeliminaw il-kompetizzjoni u jsaħħu r-riġidità tas-suq tal-karbonat tas-soda fil-[Komunità]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

21      Fuq il-bażi tad-deċiżjoni ta’ verifika, il-Kummissjoni għamlet verifiki għand produtturi differenti ta’ karbonat tas-soda stabbiliti fil-Komunità. Hija elevat diversi dokumenti fil-bini tal-impriżi kkonċernati.

22      Fil-21 ta’ Ġunju 1989, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti, sussegwentement, fit-8 ta’ Lulju 1989, talba għal informazzjoni lis-sussidjarja Ġermaniża tagħha, li kienet relatata kemm mal-Artikolu 81 KE u mal-Artikolu 82 KE.

23      Fid-19 ta’ Frar 1990, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ex officio kontra r-rikorrenti, ICI u CFK, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17.

24      Fit-13 ta’ Marzu 1990, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti, lil ICI u lil CFK. Kull waħda minn dawn il-kumpanniji rċeviet biss il-parti jew il-partijiet tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar il-ksur li kienet tikkonċernaha, li magħha kienu annessi l-provi kontriha relatati.

25      Il-Kummissjoni stabbilixxiet fajl wieħed għall-ksur kollu msemmi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

26      F’dak li jikkonċerna din il-kawża, il-Kummissjoni kkonkludiet taħt it-Titolu IV, intitolat “Solvay”, tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li r-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti li hija kellha fis-suq tal-karbonat tas-soda fl-Ewropa tal-Lvant kontinentali.

27      Fit-28 ta’ Mejju 1990, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha bħala tweġiba għall-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni.

28      Fid-19 ta’ Diċembru 1990, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 91/299/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/33.133 – C: Karbonat tas-soda – Solvay) (ĠU 1991 L, 152, p. 21). F’din id-deċiżjoni, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Marzu 1991, hija kkonstatat li “[ir-rikorrenti kienet] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE], sa minn madwar l-1983 [u] sa dan il-jum, permezz ta’ aġir intiż li jeskludi jew jillimita b’mod qawwi l-kompetizzjoni u jikkonsisti li […] jiġu konklużi ftehim ma’ klijenti li jobbligawhom li jiffornixxu ruħhom [mingħandha] għall-bżonnijiet ta’ soda kollha tagħhom jew għal parti kbira ħafna minnhom għal perijodu indefinit jew eċċessivament twil [, li] tagħti tnaqqis sostanzjali u inċitazzjonijiet finanzjarji oħra skont it-tunnallaġġ marġinali li jeċċedi t-tunnellaġġ kuntrattwali ta’ bażi tal-klijent sabiex tiżgura li jiffornixxi ruħu [mingħandha] għall-bżonnijiet kollha tagħhom jew l-ikbar parti tagħhom [u li] tissuġġetta l-għoti tat-tnaqqis għall-kunsens tal-klijent li jiffornixxi ruħu [mingħandha] għall-bżonnijiet kollha tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

29      Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 91/299, “multa ta’ ECU 20 miljun ġiet imposta [fuq ir-rikorrenti] minħabba l-ksur […] ikkonstatat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjoni 91/927/KEE dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/33.133 – A: Karbonat tas-soda – Solvay, ICI) (ĠU 1991, L 152, p. 1) li fiha hija kkonstatat li “[r-rikorrenti] u ICI [kienu] kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [81 KE] billi pparteċipaw, sa mill-1 ta’ Jannar 1973 [u] sa mill-inqas il-bidu ta’ din il-proċedura, fi prattika miftiehma li biha huma llimitaw il-bejgħ ta’ soda tagħhom fil-Komunità għas-swieq interni rispettivi tagħhom, jiġifieri l-Ewropa tal-Punent kontinentali għar-[rikorrenti] u r-Renju Unit u l-Irlanda għal ICI” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rikorrenti u ICI ġew ikkundannati rispettivament għal multa ta’ ECU 7 miljuni.

31      Fl-istess jum, il-Kummissjoni barra minn hekk adottat id-Deċiżjoni 91/928/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/33.133 – B: Karbonat tas-soda – Solvay, CFK) (ĠU 1991, L 152, p. 16) li fiha kkonstatat li “[r-rikorrenti] u CFK [kienu] kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [81 KE] billi pparteċipaw, sa minn madwar l-1987 [u] sa dak il-jum, għal ftehim tat-tqassim tas-suq li permezz tiegħu [ir-rikorrenti] kienet iggarantixxiet lil CFK tunnellaġġ annwali minimu ta’ bejgħ ta’ soda fil-Ġermanja kkalkolat b’referenza għall-bejgħ li sar minn CFK fl-1986, u kkumpensat lil CFK kull defiċit billi tixtri t-tunnellaġġi meħtieġa sabiex tagħmel bejgħ sal-minimu ggarantit” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rikorrenti u CFK ġew ikkundannati għal multa rispettivament ta’ ECU 3 miljuni u ta’ ECU 1 000 000.

32      Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjoni 91/300/KEE dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/33.133 – D: Karbonat tas-soda – ICI) (ĠU 1991, L 152, p. 40), li fiha hija kkonstatat li “ICI [kienet] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE], sa minn madwar l-1983 [u] sa dak il-jum, permezz ta’ aġir intiż sabiex jeskludi jew jillimita b’mod qawwi l-kompetizzjoni u jikkonsisti li […] tagħti tnaqqis sostanzjali u inċitazzjonijiet finanzjarji oħra relatati ma’ tunnellaġġ marġinali b’mod li tiżgura li l-klijent jiffornixxi ruħu għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew il-parti kbira minnhom [mingħand] ICI [sabiex] tiżgura l-kunsens tal-kljienti li jiffornixxu ruħhom [mingħand] ICI sabiex ikopru l-bżonnijiet kollha jew kważi kollha tagħhom jew jillimitaw ix-xiri tagħhom mingħand il-kompetituri għal kwantità speċifika [u], f’tal-inqas każ wieħed, [li] tissuġġetta l-għoti ta’ tnaqqis u vantaġġi finanzjarji oħra għall-kunsens tal-klijent li jiffornixxi ruħhu [mingħand] ICI għall-bżonnijiet kollha tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. ICI ġiet ikkundannata għal multa ta’ ECU 10 miljuni.

33      Fit-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2009) li kellu bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 91/299. Fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet ukoll l-annullament tad-Deċiżjonijiet 91/297 u 91/298. Fl-14 ta’ Mejju 1991, ICI talbet l-annullament tad-Deċiżjonijiet 91/297 u 91/300.

34      B’sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑31/91, Ġabra p. II‑1825, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solvay III”), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 91/2999 għar-raġuni li l-awtentifikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet seħħet wara n-notifika tagħha, ħaġa li kienet tikkostitwixxi ksur tal-forma proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

35      Fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali annullat ukoll id-Deċiżjoni 91/298 sa fejn hija tikkonċerna r-rikorrenti (sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑31/91, mhux ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solvay II”) kif ukoll id-Deċiżjoni 91/300 (sentenza ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑37/91, Ġabra p. II‑1901, iktar ’il quddiem is-“sentenza ICI II”) minħabba l-awtentifikazzjoni irregolari tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 91/297 (sentenzi Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solvay I”, u ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, iktar ’il quddiem is-“sentenza ICI I”), sa fejn hija tikkonċerna r-rikorrenti f’dawn iż-żewġ kawżi, għal ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

36      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu 1995, il-Kummissjoni ppreżentat appelli mis-sentenzi Solvay II, punt 35 iktar ’il fuq, Solvay III, punt 34 iktar ’il fuq, u ICI II, punt 35 iktar ’il fuq.

37      Permezz ta’ sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, Ġabra p. I‑2341), u Il-Kummissjoni vs Solvay (C‑287/95 P u C‑288/95 P, Ġabra p. I 2391), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli mis-sentenzi ICI II, punt 35 iktar ’il fuq, Solvay II, punt 35 iktar ’il fuq, u Solvay III, punt 34 iktar ’il fuq.

38      It-Tlieta, 12 ta’ Diċembru 2000, aġenzija tal-istampa ppubblikat stqarrija għall-istampa miktuba kif ġej:

“Il-Kummissjoni Ewropea timponi multa fuq il-kumpanniji ta’ industrija tal-kimika li huma Solvay SA u Imperial Chemical Industries plc […] nhar l-Erbgħa minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, iddikjara kelliem għall-istampa nhar it-Tlieta.

Il-multi għall-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq tal-karbonat tas-soda kienu ġew imposti oriġinarjament għaxar snin ilu, iżda dawn kien ġew annullati mill-ogħla qorti Ewropea minħabba motivi ta’ proċedura.

Il-Kummissjoni ser tadotta mill-ġdid l-istess deċiżjoni nhar l-Erbgħa, iżda f’forma korretta, iddikjara l-kelliem għall-istampa.

Is-sustanza tad-deċiżjoni ma ġiet qatt ikkontestata mill-kumpanniji. Aħna ser nadottaw mill-ġdid l-istess deċiżjoni, qalet din.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

39      Fit-13 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/6/KE dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (COMP/33.133 – C: Karbonat tas-soda – Solvay) (ĠU 2003, L 10, p. 10, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

40      Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjonijiet 2003/5/KE dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (COMP/33.133 – B: Karbonat tas-soda – Solvay, CFK) (ĠU 2003, L 10, p. 1), u 2003/7/KE dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/33.133 – D: Karbonat tas-soda – ICI) (ĠU 2003, L 10, p. 33).

41      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi d-dispożittiv li ġej:

“Artikolu 1

Solvay […] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE] mill-1983 sa madwar tmiem l-1990 permezz ta’ aġir intiż li jeskludi jew jillimita b’mod qawwi l-kompetizzjoni u jikkonsisti li:

a)      jiġu konklulżi ftehim ma’ klijenti li jobbligawhom li jiffornixxu ruħhom [mingħand] Solvay għall-bżonnijiet ta’ soda kollha jew għal parti kbira ħafna tagħhom għal perijodu indefinit jew eċċessivament twil;

b)      tagħti tnaqqis sostanjali u inċitazzjonijiet finanzjarji oħra skont it-tunnallaġġ marġinali li jeċċedi t-tunnellaġġ kuntrattwali ta’ bażi tal-klijent sabiex jiġi żgurat li jiffornixxi ruħu [mingħand] Solvay għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew l-ikbar parti tagħhom

c)      jissuġġetta l-għoti tat-tnaqqis għall-kunsens tal-klijent li jiffornixxi ruħu [mingħandha] għall-bżonnijiet kollha tiegħu.

Artikolu 2

Multa ta’ EUR 20 miljun hija imposta fuq Solvay għall-ksur speċifikat fl-Artikolu 1(b) u (c).

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

42      Id-deċiżjoni kkontestata hija miktuba prattikament fl-istess termini bħad-Deċiżjoni 91/299. Il-Kummissjoni għamlet biss xi bidliet ta’ kitba u żiedet parti ġdida intitolata “Proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [Ġenerali] u l-Qorti tal-Ġustizzja”.

43      F’din il-parti l-ġdida tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II-931, iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali”) ikkunsidrat li hija kellha “id-dritt li tistabbilixxi [mill-]ġdid deċiżjoni li kienet ġiet annullata minħabba difetti proċedurali puri, mingħajr ma bdiet proċedura amministrattiva ġdida” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li hija ma kinitx “obbligata li torganizza seduta ġdida jekk it-test tad-deċiżjoni l-ġdida ma [kienx fih] ilmenti oħra jekk mhux dawk ifformulati fl-ewwel deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 199)

44      Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li t-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jiġi pprorogat mill-perijodu li matulu r-rikors kontra d-Deċiżjoni 91/928 kien is-suġġett ta’ proċedura pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61) (premessi 204 u 205). Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kellha sax-xahar ta’ Settembru 2004 sabiex tistabbilixxi deċiżjoni ġdida (premessa 207). Minbarra dan, hija indikat li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża jekk id-deċiżjoni l-ġdida kienet stabbilita f’terminu raġonevoli (premessa 199).

45      F’dak li jikkonċerna l-ksur hekk imsejjaħ, il-Kummissjoni ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata li l-prodott u ż-żona ġeografika li fir-rigward tagħhom is-saħħa ekonomika tar-rikorrenti kellha tiġi evalwata kienu s-suq tas-soda u l-Komunità, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda (premessa 136).

46      Sabiex tiġi evalwata s-saħħa fis-suq tar-rikorrenti għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi rilevanti u kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li, matul il-perijodu kkunsidrat kollu, ir-rikorrenti kienet okkupat pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE (premessi 137 sa 148).

47      Fir-rigward tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kienet “rabtet” lill-klijenti tagħha permezz ta’ diversi mekkaniżmi li kollha kellhom l-istess għan ta’ esklużjoni (premessa 150). F’dan ir-rigward, hija tesponi li:

–        sa mill-1982, ir-rikorrenti kienet adottat sistema ta’ tnaqqis progressiv li kienu intiżi espressament sabiex jiżguraw il-fedeltà tal-klijent u sabiex teskludi jew tillimita l-kompetizzjoni (premessi 151 sa 160);

–        ir-rikorrenti kienet ikkonkludiet protokoll sigriet ma’ Saint-Gobain, iddestinat sabiex jikkonfermaha fil-pożizzjoni ta’ fornitur esklużiv jew kważi esklużiv ta’ Saint-Gobain fl-Ewropa tal-Punent, ħlief fi Franza. Għalhekk, il-ħlas tat-tnaqqis “grupp” ta’ 1.5 %, ikkalkolat fuq ix-xiri kollu ta’ Saint-Gobain fl-Ewropa, kien suġġett għall-kundizzjoni li Saint-Gobain tkompli tagħti lir-rikorrenti l-prijorità għall-provvista tagħha (premessi 161 sa 165);

–        ir-rikorrenti kienet ikkonkludiet ftehim ta’ esklużività, espressament u bħala fatt, ma’ wħud mill-klijenti tagħha (premessi 166 sa 176);

–        diversi forom ta’ klawżoli ta’ kompetizzjoni u tal-mekkaniżmi simili kienu saħħew ir-rabta mar-rikorrenti, u għalhekk limitaw il-possibbiltà għall-klijent li jbiddel il-fornitur u għamlu iktar diffiċli l-aċċess tal-kompetituri għall-provvista tal-klijenti stabbiliti tar-rikorrenti (premessi 177 sa 180);

–        is-sistema ta’ tnaqqis applikata mir-rikorrenti kienet tikkostitwixxi prattiki diskriminatorji (premessi 181 sa 185).

48      Skont id-deċiżjoni kkontestata, “[t]-tnaqqis għal fedelità u l-inċitazzjonijiet finanzjarji oħra offerti mir-[rikorrenti] sabiex tiġi żgurata l-esklużività kienu affettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri billi saħħew ir-rabtiet bejn il-klijenti u l-fornitur dominanti” u “[d]-diversi mekkaniżmi użati mir-[rikorrenti] sabiex jorbtu lill-klijenti kellhom bħala riżultat li jsaħħu r-riġidità strutturali u d-diviżjoni tas-suq tas-soda skont fruntieri nazzjonali, li joħolqu dannu jew jheddu għalhekk li joħolqu dannu għat-twettiq tal-għan ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 187).

49      Il-Kummissjoni ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata li l-ksur imwettaq kien ta’ gravità estrema peress li r-rikorrenti kienet l-ewwel produttur tas-soda tal-Komunità u li dan il-ksur kien ippermettilha li tikkonsolida l-kontroll tas-suq tagħha billi tiġi eskluża kompetizzjoni effettiva fil-parti l-kbira tas-suq komuni (premessa 191).

50      Minbarra dan il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkonktestata li l-ksur kien beda approssivament fl-1983, jiġifieri ftit taż-żmien wara n-negozjati magħha u l-għeluq tal-fajl, u kien kompla tal-inqas sa tmiem is-sena 1990 (premessa 195).

51      Fit-13 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll stqarrija għall-istampa li hija kienet ser tadotta deċiżjonijiet li jimponu fuq ir-rikorrenti u fuq ICI multi identiċi għal dawk li kienu inizjalment imposti fuqhom fil-kawża “Karbonat tas-soda”.

 Proċedura

52      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Marzu 2001, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

53      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali li tordna lill-Kummissjoni li tipproduċi d-dokumenti kollha tal-fajl tagħha sabiex teżamina jekk l-aċċess għal dawn id-dokumenti matul il-proċedura amministrattiva setax jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

54      Fit-8 ta’ Mejju 2001, il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali u nħatar Imħallef Relatur.

55      Wara awtorizzazzjoni mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, rispettivament fis-6 u fit-23 ta’ Diċembru 2002, fuq il-konsegwenzi li kellhom jittieħdu minn din il-kawża tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja”).

56      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet mill-1 ta’ Ottubru 2003, l-Imħallef Relatur ġie assenjat fl-Ewwel Awla, u l-kawża preżenti ġiet assenjata lilha fit-8 ta’ Ottubru 2003.

57      Fid-19 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-annessi tagħha kif ukoll lista enumerattiva ddettaljata tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl. Din il-lista kellha tinkludi indikazzjoni fil-qasir li permezz tagħha jiġu identifikati l-awtur, in-natura u l-kontenut ta’ kull dokument. Il-Qorti Ġenerali talbet ukoll lill-Kummissjoni tindikalha liema minn fost dawn id-dokumenti kienu aċċessibbli lir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva.

58      Fit-13 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni pproduċiet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet u l-annessi tagħha kif ukoll il-lista enumerattiva mitluba. Hija talbet terminu ta’ żmien sabiex twieġeb għall-aħħar mistoqsija tal-Qorti Ġenerali.

59      B’ittra tal-10 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ppreċiżat li, waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti li kienu jsostnu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li kienu mehmuża magħha. Barra minn hekk, hija rreferiet għal 65 “fajls sussidjarji” li kienu jifformaw il-fajl, fosthom 22 “fajls sussidjarji” li kienu ġejjin mis-sede tar-rikorrenti jew minn waħda mis-sussidjarji tagħha (jiġifieri l-“fajls sussidjarji” Nri 2 sa 14, 24 sa 27, 50 sa 52, 62 sa 65 u parti mill-“fajl sussidjarju” Nru 61). Skont il-Kummissjoni, il-proċedura segwita fl-1990 kienet tosserva l-ġurisprudenza eżistenti dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Hija żiedet tgħid li, wara qari mill-ġdid tal-fajl tal-investigazzjoni, xejn ma kien jindika f’dan l-istadju li d-drittijiet tad-difiża kienu nkisru waqt il-proċedura amministrattiva, anki meta dan il-fajl tal-investigazzjoni ġie eżaminat fid-dawl tal-ġurisprudenza ulterjuri dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

60      B’ittra tal-21 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni indirizzat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali lista enumerattiva rriveduta tad-dokumenti li jifformaw il-fajl amminstrattiv iktar komplet minn dak ipprovdut fit-13 ta’ Frar 2004. Bħal-lista preċedenti, din il-lista enumerattiva rriveduta kienet tagħmel referenza għal 65 “fajls sussidjarji”. Hija enumerat ukoll xi dokumenti li l-parti l-kbira tagħhom kienu ġejjin mill-kumpannija Oberland Glas.

61      B’ittra tal-21 ta’ Lulju 2004, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti tindika d-dokumenti li jinsabu fil-lista enumerattiva rriveduta li hija ma kellhiex komunikazzjoni dwarhom waqt il-proċedura amministrattiva u li, fil-fehma tagħha, setgħu jkollhom elementi li setgħu kienu utli għad-difiża tagħha.

62      B’ittra tad-29 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti sostniet li l-lista enumerattiva rriveduta kienet inkompleta u impreċiża. Hija indikat ukoll, fost id-dokumenti indikati f’din il-lista enumerattiva rriveduta, dawk li fil-fehma tagħha kienu jidhru bħala utli għad-difiża tagħha u li hija xtaqet tikkonsulthom. Fil-fehma tagħha, dawn id-dokumenti setgħu jippermettulha tiżviluppa l-argument tagħha fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti, fin-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti u fin-nuqqas ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti.

63      Peress li b’effett mit-13 ta’ Settembru 2004 nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla fil-kompożizzjoni ġdida tagħha, li lilha ġiet assenjata din il-kawża fis-7 ta’ Ottubru 2004.

64      Fis-17 ta’ Diċembru 2004, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta fir-Reġistru d-dokumenti tal-fajl imsemmija mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Settembru 2004, f’verżjonijiet kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali.

65      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni ppreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti tal-fajl mitluba. Hija talbet terminu addizzjonali sabiex tipproduċi eventwali verżjoni mhux kunfidenzjali, peress li l-impriżi kkonċernati kellhom jiġu kkonsultati fuq l-interess tagħhom li tinżamm il-kunfidenzjalità. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll dan li ġej:

“[I]l-lista, għalkemm [tinkludi] l-fajls kollha fil-pussess tagħha sa dak il-jum, ma tinkludix il-fajls kollha li kienu ssemmew quddiem il-Qorti Ġenerali fl-ewwel kawża Karbonat tas-soda. Dawk il-fajls li kienu neqsin baqgħu ma nstabux, minkejja tfittxija twila.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

66      B’ittra tal-15 ta’ Marzu 2005, wara li indikat li l-impriżi kkonċernati ma talbux trattament kunfidenzjali, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet li ġejjin:

“F’dak li jikkonċerna l-fajls li baqgħu ma nstabux, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li ma tistax tagħti tweġiba totalment ta’ min joqgħod fuqha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

Il-fajl amministrattiv ([jiġifieri] il-fajl li jkopri l-proċedura sa mill-ftuħ tal-inkjesta sa ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) li għandha attwalment il-Kummissjoni jinkludi 65 diviżjonijiet enumerati li jkopru l-perijodu [minn] sa Settembru 1989 [kif ukoll] il-fajl bin-numru 71 u li fih id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-annessi tagħha [kif ukoll] diviżjoni mhux enumerata msejħa ‘Oberland Glas’. Għaldaqstant, huwa veru li ħames diviżjonijiet huma neqsin.

F’dak li jikkonċerna l-kontenut tad-diviżjonijiet neqsin, il-Kummissjoni b’dispjaċir tħabbar li huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-lista kompleta tad-dokumenti li sparixxew, minħabba li l-werrej ta’ dawn id-diviżjonijiet ukoll ma nstabx. Fid-dawl ta’ dan, hemm kull raġuni biex wieħed jemmen li tal-inqas uħud fosthom kellhom korrispondenza skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, li jikkorrispondi għall-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni lill-Qorti Ġenerali rigward il-fajl amministrattiv fl-1990. Pereżempju, huwa probabbli li t-tweġiba ta’ […] ICI għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 1989 kienet tagħmel parti mill-fajls neqsin: din it-talba magħmula lil ICI tinsab fil-fajl amministrattiv li huwa dejjem f’idejn il-Kummissjoni, iżda t-tweġiba [hija] nieqsa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

67      Fl-14 ta’ April 2005, ir-rikorrenti kkonsultat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali d-dokumenti tal-fajl imsemmija fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Settembru 2004.

68      Fil-15 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-utilità għad-difiża tagħha tad-dokumenti kkonsultati. Fis-18 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

69      Wara l-waqfien tal-funzjonijiet tal-Imħallef Relatur inizjalment maħtur, il-President tal-Qorti Ġenerali, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2006, ħatar Imħallef Relatur ġdid.

70      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula mill-25 ta’ Settembru 2007, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha l-kawża preżenti ġiet assenjata fil-5 ta’ Ottubru 2007.

71      Fit-12 ta’ Frar 2008, minħabba impediment tal-Imħallef Tchipev, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Dittrich sabiex jikkompleta l-Awla.

72      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet, fil-5 ta’ Mejju 2008, mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni. Il-partijiet irrispondewhom fit-terminu mogħti.

73      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008.

 It-talbiet tal-partijiet

74      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tistabbilixxi d-dekorrenza tat-termini tal-proċeduri minħabba li għadda ż-żmien u, f’kull każ, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tikkonstata li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi kienet preskritta u, f’kull każ, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija timponi fuqha multa ta’ EUR 20 miljuni;

–        iktar sussidjarjament, tgħid li ma hemmx iktar lok li tiġi imposta multa jew, tal-inqas, li tnaqqasha sostanzjalment;

–        bħala miżura istruttorja, tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti interni kollha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-minuti uffiċjali tal-laqgħat kollha tal-kulleġġ tal-kummissarji li matulhom id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet diskussa;

–        tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tagħha fil-Każ COMP/33.133;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

75      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

76      It-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha b’din id-deċiżjoni.

 1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

77      Ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment erba’ motivi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma bbażati, l-ewwel nett, fuq id-dekorrenza tat-terminu, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, it-tielet nett, fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq ġeografiku kkunsidrat mill-Kummissjoni, ir-raba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti, il-ħames nett, fuq in-nuqqas ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u, is-sitt nett, fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq id-dekorrenza tat-terminu

78       L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati rispettivament fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ preskrizzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 2988/74 u ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ preskrizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-rikorrenti ssostni li r-raġunament segwit mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-osservanza tar-regoli ta’ preskrizzjoni jmur kontra l-kelma u l-ispirtu tar-Regolament Nru 2988/74.

80      Skont ir-rikorrenti, l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Awwissu 1995, li ma għandux effett sospensiv skont l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kellu bħala suġġett mhux id-Deċiżjoni 92/298, li kienet waqfet teżisti b’mod retroattiv, iżda s-sentenza Solvay III, punt 34 iktar ’il fuq, li tannulla din id-deċiżjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura fuq l-appell hija limitata għal punti ta’ dritt u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel verifika tal-legalità billi tirreferi għall-evalwazzjoni sovrana tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-punti ta’ fatt.

81      Jekk il-“proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, għandhom jinftehmu fil-preżent bħala li jinkludu l-Qorti Ġenerali, l-istabbiliment ta’ livell doppju ta’ ġurisdizzjoni ma jistax jippermetti li jinkludi l-perijodu ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni sabiex ikopri proċedura li s-suġġett tagħha ma huwiex id-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, li jiġi sostnut li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jimplika li tiġi sospiża l-preskrizzjoni matul it-tul ta’ proċedura dwar appell iwassal sabiex jingħata effett lil deċiżjoni annullata ab initio, ħaġa li hija mingħajr preċedent fil-prassi komuni tal-Istati Membri.

82      Filwaqt li rreferiet għall-punt 1098 tas-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tosserva li l-għan tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 huwa li jippermetti s-sospensjoni tal-preskrizzjoni meta l-Kummissjoni tkun prekluża milli tintervjeni minħabba raġuni oġġettiva li ma hijiex imputabbli lilha, fid-dawl tal-fatt ukoll li rikors ikun pendenti. Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet issostni li kienet prekluża milli taġixxi filwaqt li r-rikors kien pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, sa minn meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, kienet libera li tadotta deċiżjoni ġdida. Il‑Kummissjoni kienet għalhekk, meta ppreżentat appell, għaddiet mir-riskju li tara l-azzjoni tagħha preskritta meta hija kienet taf bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555), li kienet tat deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-atti adottati mill-kulleġġ tal-kummissarji. Għalhekk, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni filwaqt li l-appell tagħha kien pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi ġġustifikat b’raġuni oġġettiva.

83      Konsegwentement, kien biss it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li kien ittieħed inkunsiderazzjoni bħala li jipproroga t-terminu ta’ preskrizzjoni. Dan kien intemm fis-27 ta’ Jannar 2000, sew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

84      Ir-rikorrenti tosserva wkoll li, fis-sentenza PCV II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, id-deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni kienet ġiet adottata f’terminu inqas mit-terminu ta’ ħames snin miżjud biss mit-“terminu ta’ sospensjoni” dwar il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, ma kinitx ġiet eżaminata l-kwistjoni jekk appell għandux effett sospensiv fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74.

85      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid tgħid li l-argument sostnut mill-Kummissjoni kien iċaħħad lis-sentenza Solvay II, punt 34 iktar ’il fuq, minn kull effett peress li dan ma kienx ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ħaġa li tipprekludi l-awtorità ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, li tingħata interpretazzjoni wiesgħa lill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, li tkopri sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni ma hijiex prekluża milli taġixxi, imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

86      Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati wara s-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħu kellhom, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-intenzjoni li jiddeċiedu l-kwistjoni jekk l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra sentenza ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali għandux bħala effett li jissospendi l-preskrizzjoni waqt it-tul tal-proċedura f’appell.

87      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

88      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 2988/74 stabbilixxa leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettall it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha d-dritt, mingħajr ma tippreġudika r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li timponi multi fuq l-impriżi li huma s-suġġett ta’ proċeduri skont ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II-913, punt 324, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 223).

89      Għalhekk, skont l-Artikolu 1(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 2988/74 kif ukoll l-Artikolu 2(3) tal-istess regolament, il-preskrizzjoni tal-proċeduri skadiet meta l-Kummissjoni ma imponietx multa jew sanzjoni fil-ħames snin wara l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma, fil-frattemp, kien seħħ att ta’ interruzzjoni jew, l-iktar, fl-għaxar snin wara l-istess bidu tad-dekorrenza jekk ikunu twettqu atti ta’ interruzzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, it-terminu ta’ preskrizzjoni hekk iddefinit huwa pprorogat mill-perijodu li matulu l-preskrizzjoni hija sospiża skont l-Artikolu 3 tiegħu (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, punt 140).

90      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet għandha tiġi sospiża għal dak iż-żmien li fih id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

91      F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni applikat ir-regoli ta’ preskrizzjoni bil-mod li ġej.

92      L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward ta’ ksur kontinwu jew kontinwat, it-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda minn tmiem is-sena 1990. Hija żiedet tgħid ukoll li, anki jekk jiġi presuppost li l-ksur kien intemm fil-31 ta’ Diċembru 1990 u li l-adozzjoni u n-notifika tad-Deċiżjoni 91/298 ma kinux interrompew it-terminu ta’ preskrizzjoni, hija kellha terminu li kien jestendi tal-inqas sa tmiem is-sena 1995 sabiex tistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha (premessa 203).

93      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jiġi pprorogat mill-perijodu li matulu r-rikors kontra deċiżjoni kien pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali (premessa 204). Issa, f’dan il-każ, peress li r-rikors kien ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju 1991, fejn is-sentenza kienet ingħatat mill-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 1995, fejn l-appell kien ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu 1995 u fejn is-sentenza kienet ingħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ April 2000, il-preskrizzjoni kienet ġiet sospiża għal perijodu minimu ta’ tmien snin, disa’ xhur u erbat ijiet (premessa 206). Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li hija kellha terminu li kien japplika sax-xahar ta’ Settembru 2004 sabiex tadotta deċiżjoni ġdida (premessa 207).

94      Minn dan jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata, tat-13 ta’ Diċembru 2000, ġiet adottata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

95      Tali raġunament huwa konformi mar-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-każ.

96      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-ksur ikkontestat lir-rikorrenti kien intemm qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299, fid-19 ta’ Diċembru 1990. Konsegwentement, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekkorri f’din id-data.

97      Sussegwentement, kif isostnu ġustament il-partijiet, ir-referenza għall-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għal “proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej” għandha tinftiehem, sa mill-ħolqien tal-Qorti Ġenerali, bħala li tirreferi l-ewwel nett għall-proċedura pendenti quddiemha, peress li r-rikorsi jimponu sanzjonijiet jew multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha. Konsegwentement, il-preskrizzjoni ġiet sospiża matul it-tul tal-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali.

98      Fl-aħħar nett, mill-punt 157 tas-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni hija sospiża sakemm id-deċiżjoni inkwistjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti “quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.” Għalhekk, f’dan il-każ, il-preskrizzjoni ġiet ukoll sospiża matul it-tul kollu tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma kien hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-perijodu minn meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali sakemm tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

99      Konsegwentement, wara din is-sospensjoni tal-preskrizzjoni, ebda perijodu ta’ iktar minn ħames snin ma kien għadda, f’dan il-każ, sa minn tmiem il-ksur inkwistjoni jew wara interruzzjoni kwalunkwe tal-preskrizzjoni.

100    Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-osservanza tar-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 2988/74.

101    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jikkontesta din il-kunsiderazzjoni.

102    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti. In-nuqqas ta’ effett sospensiv ta’ appell ma huwiex ta’ natura li jċaħħad minn kull effettività l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. L-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu appell kien pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma jistax jiġi milqugħ, peress li jkollu bħala riżultat li jċaħħad is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’appell mis-sens u l-effetti tagħha.

103     It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, li jiġi stabbilit livell doppju ta’ ġurisdizzjoni ma jippermettix li jintlaħaq il-perijodu ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jipproteġi lill-Kummissjoni kontra l-effett tal-preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet li fihom hija għandha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja, fil-kuntest ta’ proċeduri li hija ma tikkontrollax, qabel ma tkun taf jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat jew le b’illegalità (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, punt 144).

104    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li s-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, jirriżulta bil-kontra b’mod ċar mit-test ta’ din is-sentenza, ikkonfermat b’appell, li, b’mod ġenerali, għandu jiżdied mat-terminu ta’ preskrizzjoni l-perijodu li matulu l-preskrizzjoni ġiet sospiża, jiġifieri mhux biss il-perijodu li matulu l-proċedura kienet pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda wkoll il-perijodu li matulu l-proċedura kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

105    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni matul it-tul ta’ proċedura ta’ appell twassal sabiex toħloq effetti fuq deċiżjoni annullata fl-ewwel istanza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni tippermetti biss lill-Kummissjoni li tadotta eventwalment deċiżjoni ġdida fl-ipoteżi fejn l-appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni jkun miċħud. Din is-sospensjoni tal-preskrizzjoni ma għandha ebda effett fuq id-deċiżjoni li tkun ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

106    Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni jmissha adottat deċiżjoni ġdida mingħajr ma tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-Kummissjoni ma kinitx formalment prekluża milli taġixxi wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali, mingħajr ma dan jimplika għaldaqstant li l-Kummissjoni kellha bilfors tadotta deċiżjoni ġdida mingħajr ma tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li eżerċitat id-drittijiet tad-difiża tagħha billi ppreżentat appell u li stenniet is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tadotta deċiżjoni ġdida. Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 hija barra minn hekk konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il‑Kummissjoni, T‑73/95, Ġabra p. II‑381, punt 29).

107    Is-sitt nett, għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 proposta mir-rikorrenti twassal għal diffikultajiet prattiċi serji. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti riskju li żewġ deċiżjonijiet li jkollhom l-istess suġġett jeżistu flimkien fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

108    Minbarra dan, jidher li jmur kontra r-rekwiżiti ta’ ekonomija tal-ġudizzju amministrattiv li fuq il-Kummissjoni tiġi imposta, bl-uniku għan li jiġi evitat li ma jkunx hemm preskrizzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida qabel ma tkun taf jekk id-deċiżjoni inizjali hijiex jew le vvizzjata b’illegalità.

109    Minn dan kollu jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli

–       L-argumenti tal-partijiet

110    Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet taf bl-“akkużi kontra tagħha” fit-13 ta’ Marzu 1990, data li fiha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet indirizzata lilha, jiġifieri ħdax-il sena qabel id-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors. Minbarra dan, il-kwistjoni ta’ din il-kawża hija partikolarment importanti għaliha peress li, fid-Deċiżjoni 91/298 imbagħad fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni akkużatha bi ksur li kien ta’ “gravità estrema”, u imponiet fuqha multa ta’ EUR 20 miljuni. Madankollu, fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ebda deċiżjoni definittiva ma kienet ġiet adottata f’dak li jikkonċerna l-akkużi fformulati fir-rigward tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

111    Filwaqt li rreferiet għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“KEDB”) iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, ir-rikorrenti tosserva li, ikkunsidrata kollha kemm hi, il-proċedura mibdija fi Frar 1990 kienet manifestament qabżet terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza Komunitarja tipprovdi biss li t-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata f’kull stadju. Għalhekk, xejn ma jista’ jiġġusitifka li l-Kummissjoni tkun stenniet ħames snin u nofs sabiex tadotta deċiżjoni ġdida, speċjalment meta l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandux effett sospensiv.

112    Wara s-sentenza Solvay III, punt 34 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet għażlet mhux biss li tippreżenta rikors li hija setgħet tistenna li dan jiġi miċħud fid-dawl tas-sentenza Il-Kummissjoni vs BASF et, punt 82 iktar ’il fuq, iżda wkoll li tistenna li jiġi deċiż qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni stenniet ukoll tmien xhur wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Solvay, punt 37 iktar ’il fuq, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni l-ġdida kienet ġiet adottata f’terminu ta’ xahar u nofs.

113    Barra minn hekk, il-Kummissjoni fixklet it-terminu raġonevoli u t-terminu ta’ preskrizzjoni billi b’mod żbaljat kienet awtorizzat li d-deċiżjoni l-ġdida tiġi adottata fis-sena 2004. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tindikax l-elementi li fuqhom hija tibbaża sabiex tikkunsidra li t-terminu raġonevoli kien ġie osservat f’dan il-każ. Skont ir-rikorrenti, indipendentement minn dik li tista’ tkun il-ġustifikazzjoni tat-tul ta’ kull stadju tal-proċedura, “terminu ta’ erbatax sa sittax–il sena, jew iktar, sabiex il-proċedura kollha bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni definittiva tal-Qorti Ġenerali jew tal-Qorti tal-Ġustizzja” ma jkunx jista’ jiġi kkwalifikat bħala raġonevoli.

114    Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tikkonstata l-iskadenza tat-terminu raġonevoli u li tannulla d-deċiżjoni kkontestata peress li ma jkunx iktar possibbli f’dan l-istadju li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli fuq l-akkużi fformulati kontra r-rikorrenti. Kull soluzzjoni oħra, li tikkonsisti pereżempju li jittieħed kunsiderazzjoni tal-iskadenza tat-terminu raġonevoli fl-iffissar tal-ammont tal-multa, ma tirrimedjax il-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li, skont prinċipji mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hija ma urietx li din l-iskadenza tat-terminu raġonevoli ħolqot dannu għad-drittijiet tad-difiża tagħha, ħaġa li tikkostitwixxi raġuni distinta ta’ annullament. Fil-fatt, il-kriterju ta’ preġudizzju lid-drittijiet tad-difiża huwa differenti mid-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli fil-qasam kriminali.

115    F’kull każ, ir-rikorrenti ssostni li l-iskadenza tat-terminu raġonevoli u d-deterjorament tal-provi li jirriżulta minn dan jipprekluduha milli tiddefendi ruħha, billi jċaħħduha b’mod partikolari mill-possibbiltà li ssostni argumenti mressqa fir-rikors. F’kull każ, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tistax issejjaħ lill-ex impjegati tagħha, li kienu impjegati fis-settur u s-sussidjarja kkonċernati. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tafferma li hija ma tistax tipprovdi analiżi ddettaljati tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ provvista tal-karbonat tas-soda fis-snin 80, peress li diversi mill-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha kienu sadanittant għalqu u l-arkivji relatati ma’ dawn il-unitajiet ta’ produzzjoni ma kinux ġew sistematikament ikkonservati.

116    Ir-rikorrenti tqis li n-nuqqas ta’ azzjoni żbaljat tal-Kummissjoni matul il-ħames snin u nofs wara s-sentenza Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq, għandu jkun speċjalment issanzjonat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li hija setgħet leġittimament temmen li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat milli tiftaħ mill-ġdid il-fajl, għalkemm hija ma ppruvatx tikkonserva sistematikament element tal-fatti u tad-dokumenti li seta’ kien utli għad-difiża tagħha. Minbarra dan, il-politika ta’ arkivjar tagħha kien jimponi fuqha, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, distruzzjoni sistematika tal-arkivji wara għaxar snin, jew wara ħames snin.

117    Fl-aħħar nett, li jiġi kkunsidrat li l-oneru tal-prova tan-natura irraġonevoli huwa biss tar-rikorrenti jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgħid li huma l-awtoritajiet nazzjonali, quddiem perijodi twal ta’ inattività, li għandhom jispjegaw ir-raġunijiet, li jistgħu jkunu ġġustifikati biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kuntrarjament għall-Kummissjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata b’manuvra intiża li ddewwem il-proċedura sa mill-1989. Hija tosserva li l-Kummissjoni wriet lilha nfisha inkapaċi li tosserva r-regoli interni ta’ awtentifikazzjoni tagħha u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, ħaġa li dewmet l-eżami fil-fond tad-deċiżjoni inizjali b’diversi snin.

118     Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

119    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli hija neċessarja, fil-qasam tal-kompetizzjoni, għall-proċeduri amministrattivi applikati skont ir-Regolament Nru 17, li jistgħu jwasslu għas-sanzjonijiet stabbiliti minnu u għall-proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti Komunitarja (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, punt 179).

120    L-ewwel nett, insostenn tal-ilment tagħha bbażat fuq in-natura irraġonevoli tat-tul tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari l-fatt li, minkejja li l-appell ma għandux effett sospensiv, il-Kummissjoni, mingħajr ebda raġuni, stenniet ħames snin u nofs sabiex tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/298 permezz tas-sentenza Solvay II, punt 34 iktar ’il fuq.

121    Madankollu, kif ġie kkonstatat waqt l-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-preskrizzjoni ġiet sospiża skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 matul it-tul tal-proċedura kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara l-introduzzjoni tal-appell kontra s-sentenza Solvay III, punt 34 iktar ’il fuq. Għalhekk, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju tat-terminu raġonevoli mill-fatt biss li stenniet lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali appell qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

122    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, iktar ġeneralment, li t-tul tal-proċedura amministrattiva, kollu kemm hu, jiġifieri bejn minn meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, qabeż terminu raġonevoli.

123    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

124    Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami ta’ lment li jirrigwarda ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-proċedura amministrattiva u l-proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, il-perijodu li matulu l-qorti Komunitarja eżaminat il-legalità tad-Deċiżjoni 91/299 kif ukoll il-validità tas-sentenza Solvay III, punt 34 iktar ’il fuq, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit it-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, punt 123).

125    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika t-tul tal-proċedura amministrattiva bejn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 37 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

126    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-perijodu beda fis-6 ta’ April 2000, data meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 37 iktar ’il fuq, u ntemm fit-13 ta’ Diċembru 2000 bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva konsegwentement dam tmien xhur u sebat ijiem.

127    Matul dan il-perijodu, il-Kummissjoni pproċediet biss għal bidliet ta’ forma tad-Deċiżjoni 91/299, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ passaġġ ġdid dwar il-“proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [Ġenerali] u l-Qorti tal-Ġustizzja”, dwar l-evalwazzjoni tal-osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni. Barra minn hekk, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma kienet ippreċeduta minn att istruttorju supplimentari, peress li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-inkjesta li saret għaxar snin qabel. Madankollu, għandu jiġi ammess li, anki f’dawn iċ-ċirkustanzi, ċerti verifiki u prattiki fi ħdan l-amministrazzjoni setgħu jirriżultaw indispensabbli għall-finijiet li jintlaħqu dawn il-konklużjonijiet.

128    Minn din il-perspettiva, ma hemmx iktar lok li jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ tmien xhur u sebat ijiem li għadda minn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 37 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkunsidrata għandu jiġi kkunsidrat bħala li kien irraġonevoli.

129    Fir-raba’ lok, fir-rigward tat-tul tal-proċedura amministrattiva bejn minn meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma sostnietx li hija setgħet, inkwantu tali, tiġi kkritikata. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tafferma li n-natura raġonevoli tat-terminu kellha tiġi evalwata mit-13 ta’ Marzu 1990, jiġifieri d-data li fiha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet indirizzata lilha, mingħajr ma jiġi kkontestat il-perijodu ta’ ħdax-il xahar u nofs li kien għadda bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299, fl-1 ta’ Marzu 1991.

130    Minn dan kollu jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqet ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tul tal-proċedura amministrattiva kollha huwa eċċessiv f’dan il-każ.

131    Fil-fatt, anki jekk għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-fażi tal-proċedura amministrattiva qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 51), hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tul tal-proċedura amministrattiva kollha ma huwiex eċċessiv fid-dawl b’mod partikolari tal-verifiki li saru mix-xahar ta’ April 1989, tat-talbiet għal informazzjoni effettwati sussegwentement kif ukoll tal-ftuħ tal-proċedura ex officio tad-19 ta’ Frar 1990.

132    Hemm lok li jingħad ukoll li, f’kull każ, il-ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni ħlief meta din tinkludi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, meta ma huwiex stabbilit li d-dekorrenza eċċessiva taż-żmien affettwat il-kapaċità tal-impriżi kkonċernati sabiex jiddefendu ruħhom effettivament, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli huwa mingħajr effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, punt 122).

133    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li huwa diffiċli għaliha li tiddefendi ruħha kontra akkużi li jirrigwardaw fatti li allegatament seħħew f’dak iż-żmien, peress li hija ma tistax iktar issejjaħ lill-impjegati tagħha li kienu attivi fil-mument tal-fatti fis-settur u s-sussidjarja kkonċernati.

134    Madankollu, il-Kummissjoni ma wettqitx att istruttorju bejn minn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 37 iktar ’il fuq, u d-deċiżjoni kkontestata.

135    Minbarra dan, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li din hija bbażata fuq l-istess motivi bħal dawk tad-Deċiżjoni 91/299, li l-kontenut ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huwa kważi identiku u li l-Kummissjoni ma ħadet inkunsiderazzjoni ebda element ġdid li jeħtieġ l-eżerċizzju ta’ dritt tad-difiża.

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura.

137    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma tqiegħedx direttament inkwistjoni t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u sussegwentement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 91/299.

138    F’kull każ, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, japplika fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq impriża multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. In-natura raġonevoli tat-terminu hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-parti interessata, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti. Il-lista ta’ dawn il-kriterji ma hijiex eżawrjenti u l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu ma teżiġix eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta’ kull wieħed minnhom meta t-tul tal-proċedura jidher iġġustifikat fir-rigward ta’ wieħed biss. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża tista’ tiġi aċċettata sabiex jiġi ġġustifikat terminu prima facie twil wisq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I-729, punti 115 sa 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Minbarra dan, fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417), wara li kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex tiggarantixxi rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità ta’ proċedura, iddikjarat il-motiv ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura fondat għall-finijiet tal-annullament tas-sentenza kkontestata sa fejn iffissa l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal ECU 3 miljuni. Fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li t-tul tal-proċedura kellu effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-motiv ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza kkontestata kollha, iżda li ammont ta’ ECU 50 000 kien jikkostitwixxi kumpens ekwu, minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura, u b’hekk naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża kkonċernata.

140    Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li t-tul tal-proċedura kellu impatt fuq is-soluzzjoni tal-kawża, skadenza eventwali tat-terminu raġonevoli mill-qorti Komunitarja f’dan il-każ, anki jekk tiġi kkunsidrata stabbilita, ma għandha ebda impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

141    Għandu jingħad li, fir-rikors, ir-rikorrenti espressament irrinunzjat għall-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-multa bħala kumpens għall-allegat ksur tad-dritt tagħha għal smigħ f’terminu raġonevoli. Hija barra minn hekk ma ressqitx talba għad-danni.

142    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda u, konsegwentement, li jiġi miċħud l-ewwel motiv kollu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali meħtieġa għall-adozzjoni u l-awtentifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

143    It-tieni motiv huwa essenzjalment artikolat fuq tmien partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tielet nett, fuq id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ mill-ġdid, ir-raba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti, il-ħames nett, fuq il-kompożizzjoni irregolari ta’ dan il-kumitat konsultattiv, is-sitt nett, fuq l-użu ta’ dokumenti elevati bi ksur tar-Regolament Nru 17, is-seba’ nett, fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u, it-tmien nett, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità.

144    Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina s-seba’ parti tat-tieni motiv fil-kuntest tas-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, wara l-eżami tal-motivi kollha bbażati fuq il-mertu tal-kawża.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità

–       L-argumenti tal-partijiet

145    Ir-rikorrenti tosserva li, skont l-ittra ta’ motivazzjoni tal-10 ta’ Jannar 2001, iffirmata mill-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-kulleġġ tal-kummissarji fit-13 ta’ Diċembru 2000.

146    Madankollu, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kelliem għall-istampa tal-Kummissjoni, riprodotti fi stqarrija għall-istampa ta’ aġenzija tal-istampa tat-12 ta’ Diċembru 2000, li d-deċiżjoni li tiġi adottata mill-ġdid id-Deċiżjoni 91/299 kienet diġà meħuda mhux iktar tard minn lejliet il-jum meta l-kulleġġ tal-kummissarji kien iltaqa’ biex jiddelibera.

147    Skont ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-fatt li l-kulleġġ tal-kummissarji ddelibera f’data qabel it-12 ta’ Diċembru 2000, għandu jiġi dedott li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità.

148    Barra minn hekk, anki jekk jiġi presuppost li d-deċiżjoni kkontestata ġiet realment adottata mill-kulleġġ tal-kummissarji, jirriżulta mill-istqarrija għall-istampa ta’ aġenzija tal-istampa tat-12 ta’ Diċembru 2000 li l-Kummissjoni kienet apparentement iddeċidiet li tadotta deċiżjoni ġdida bil-kontenut identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/299 għar-raġuni li r-rikorrenti ma kienet qatt ikkontestat il-fondatezza ta’ din tal-aħħar. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet ikkritikat l-evalwazzjoni legali u fattwali magħmula mill-Kummissjoni kif ukoll il-prinċipju u l-ammont tal-multa. Konsegwentement, il-kulleġġ tal-kummissarji ma kien qatt ġie korrettament informat bil-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-mument meta ġie deċiż li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata.

149    Ir-rikorrenti tistaqsi wkoll lill-Qorti Ġenerali li tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti interni kollha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-minuti uffiċjali ta’ kull laqgħa tal-kulleġġ tal-kummissarji li matulha l-abbozz ta’ deċiżjoni kien ġie diskuss kif ukoll id-dokumenti prodotti lill-kulleġġ.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

151    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ kolleġjalità huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil-parteċipazzjoni għat-teħid ta’ deċiżjoni u jimplika b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet jiġu ddeliberati flimkien u li l-membri kollha tal-kulleġġ jkunu kollettivament responsabbli, fuq livell politiku, għad-deċiżjonijiet adottati kollha kemm huma (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑191/95, Ġabra p. I‑5449, punt 29, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, Ġabra p. I‑9989, punt 79).

152    L-osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġjalità, u speċjalment ir-rekwiżit li d-deċiżjonijiet ikunu ddeliberati flimkien, jinteressa b’mod partikolari s-suġġetti ta’ dritt ikkonċernati mill-effetti legali li huma jipproduċu, fis-sens li għandu jiġi żgurat li dawn id-deċiżjonijiet kienu effettivament ittieħdu mill-kulleġġ u jikkorrispondu eżattament għar-rieda ta’ dan tal-aħħar. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-atti, ikkwalifikati espressament bħala deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni għandha tieħu fir-rigward tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fid-dawl tal-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni u li għandhom bħala għan li jiġi kkonstatat ksur għal dawn ir-regoli, li jingħataw ordnijiet fir-rigward ta’ dawn l-impriżi u li jiġi impost fuqhom sanzjonijiet pekunjarji (sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 82 iktar ’il fuq, punti 64 u 65).

153    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li, skont stqarrija għall-istampa ta’ aġenzija tal-istampa tat-12 ta’ Diċembru 2000, il-kelliem għall-istampa tal-Kummissjoni kien ħabbar li hija kienet ser tadotta mill-ġdid l-istess deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2000.

154    Madankollu, anki jekk jiġi presuppost li l-kelliem għall-istampa tal-Kummissjoni qal dak li tirreferi għalih ir-rikorrenti, is-sempliċi fatt li stqarrija għall-istampa ta’ kumpannija privata ssemmi dikjarazzjoni li ma tippreżenta ebda natura uffiċjali ma jistax ikun biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kolleġjalità. Fil-fatt, il-kulleġġ tal-kummissarji b’ebda mod ma kien marbut ma’ din id-dikjarazzjoni u, waqt il-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2000, huwa kien għalhekk seta’ jiddeċiedi wkoll, skont deliberazzjoni konġunta, li ma jadottax id-deċiżjoni kkontestata.

155    Għandu jingħad ukoll li l-istqarrija għall-istampa uffiċjali tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Diċembru 2000.

156    Barra minn hekk, anki jekk jiġi presuppost li l-kelliem għall-istampa tal-Kummissjoni kien iddikjara li r-rikorrenti qatt ma kienet ikkontestat il-fondatezza tad-Deċiżjoni 91/299, tali argument ma huwiex effettiv. Fil-fatt, mill-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li l-kontenut tagħha kien kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/299, għar-raġuni li din kienet ġiet annullata minħabba difett proċedurali. Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti kienet ikkritikat il-fondatezza tad-Deċiżjoni 91/299 huwa rrilevanti.

157    Minn dan kollu jirriżulta li ma hemmx lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tipproduċi d-dokumenti interni kollha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

158    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

–       L-argumenti tal-partijiet

159    Ir-rikorrenti tħalli x’jinftiehem li l-formalitajiet ta’ awtentifikazzjoni stabbiliti bir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (ĠU 1999, L 252, p. 41) li kienu japplikaw fil-kumment tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma humiex konformi ma’ dawk stabbiliti mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs BASF et, punt 82 iktar ’il fuq (punti 73 sa 76), u Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 37 iktar ’il fuq (punti 44 sa 49).

160    Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, fis-seħħ fi żmien tal-fatti, ma jimponi ebda formalità sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi awtentifikata, li ma hijiex iffirmata anki jekk hija ssemmi l-isem tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni. B’mod partikolari, ma huwiex previst li l-atti adottati għandhom ikunu mehmuża man-nota rikapitolattiva fil-mument meta hija stabbilita, minkejja li “l-awtentifikazzjoni ta’ waħda jew tal-oħra ta’ dawn in-noti ma għandhiex rabta diretta mal-att adottat”. F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni huwa differenti mill-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura (ĠU L 149, p. 21).

161    Għalhekk, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jiksru n-natura fundamentali tal-formalitajiet ta’ awtentifikazzjoni u jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx validament awtentifikata.

162    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

163    Il-Qorti Ġenerali tqis, l-ewwel nett, li l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li hija teċċepixxi l-illegalità ta’ dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni fis-seħħ waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

164    Tali eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

165    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 241 KE għandu japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet ta’ regoli ta’ proċedura ta’ istituzzjoni li, minkejja li dawn ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u ma jipproduċux effetti analogi għal dawk ta’ regolament fis-sens ta’ dan l-artikolu tat-Trattat, jiddeterminaw il-forom sostanzjali meħtieġa għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-persuni li huma d-destinatarji tagħhom. Huwa importanti, fil-fatt, li kull destinatarju ta’ deċiżjoni jkun jista’ jikkontesta b’mod inċidentali l-legalità tal-att li jikkundizzjona l-validità formali ta’ din id-deċiżjoni, minkejja l-fatt li l-att inkwistjoni ma jikkostitwixxix il-bażi ġuridika tagħha, peress li ma kienx fil-pożizzjoni li jitlob l-annullament ta’ dan l-att qabel ma rċieva notifika tad-deċiżjoni inkwistjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità peress li huma jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi (sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, punti 286 u 287).

166    Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża.

167    Fil-fatt, l-Artikolu 241 KE ma għandux bħala għan li jippermetti lil parti li tikkontesta l-applikabbiltà ta’ xi att ta’ natura ġenerali kwalunkwe favur rikors kwalunkwe. L-att ġenerali, li l-illegalità tiegħu hija mqajma, għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, punti 288 u 289, u l-ġurisprudenza ċċitata).

168    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ġiet awtentifikata skont dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura. Għalhekk teżisti rabta legali diretta bejn din id-deċiżjoni u dan l-artikolu tar-Regoli ta’ Proċedura li r-rikorrenti tinvoka l-illegalità tiegħu. Isegwi li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura, applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonstatata, jista’ jkun is-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

169    Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-formalitajiet ta’ awtentifikazzjoni stabbiliti bir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni humiex konformi jew le mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

170    F’dan il-każ, it-test ta’ referenza huwa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi dan li ġej:

“L-atti adottati fil-laqgħa huma magħquda b’mod indissoċjabbli, fil-lingwa jew lingwi awtentiċi, ma’ nota rikapitolattiva fformulata fi tmiem il-laqgħa tal-Kummissjoni li matulha huma ġew adottati. Dawn l-atti għandhom jiġu awtentifikati bil-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali fl-aħħar paġna tan-nota rikapitolattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

171    Fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, ġiet eżaminata l-legalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Frar 1993 (ĠU L 230, p. 15) li kien miktub kif ġej:

“L-atti adottati fil-laqgħa […] għandhom jiġu annessi, fil-lingwa jew lingwi awtentiċi, mal-minuti uffiċjali tal-laqgħa tal-Kummissjoni li matulha jkunu ġew adottati jew li matulha tkun ittieħdet nota tal-adozzjoni tagħhom. Dawn l-atti għandhom jiġu awtentifikati bil-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali fl-ewwel paġna tal-minuti uffiċjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

172    F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni kienu jikkostitwixxu fihom infushom garanzija suffiċjenti sabiex tiġi kkontrollata, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-korrispondenza perfetta tat-testi nnotifikati jew ippubblikati mat-test adottat mill-kulleġġ u, bl-istess mod, mar-rieda tal-awtur tagħhom. Fil-fatt, peress li dan it-test kien anness mal-minuti uffiċjali u li l-ewwel paġna tiegħu kienet iffirmata mill-President u mis-Segretarju Ġenerali, kienet teżisti rabta bejn dawn il-minuti uffiċjali u d-dokumenti li huma jkopru li kien jippermetti li jiġi żgurat il-kontenut u l-forma eżatti tad-deċiżjoni tal-kulleġġ. F’dan ir-rigward, kellha tiġi preżunta awtorità li kienet aġixxiet skont il-leġiżlazzjoni applikabbli sakemm in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-aġir tagħha ma jkunx ġie kkonstatat mill-qorti Komunitarja. Għalhekk, l-awtentifikazzjoni prevista skont il-kundizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura kellha titqies li hija legali (sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, punti 302 sa 304).

173    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jipprovdi proċedura ta’ awtentifikazzjoni iktar formalista minn dik eżaminata fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq.

174    Fil-fatt, l-emendi magħmula bejn iż-żewġ verżjonijiet tat-test huma li ġejjin: l-atti adottati f’laqgħa ma humiex iktar biss “annessi” mal-minuti uffiċjali, iżda “magħquda b’mod indissoċjabbli”; il-frażi “minuti uffiċjali” ġiet issostitwita bi “nota rikapitolattiva”; in-nota tiġi stabbilita “fi tmiem il-laqgħa”; fl-aħħar nett, il-firma ma hijiex iktar fl-“ewwel paġna tal-minuti uffiċjali” iżda “fl-aħħar paġna tan-nota rikapitolattiva”.

175    Dawn l-emendi, meħuda flimkien, isaħħu l-garanziji offerti mill-proċedura ta’ awtentifikazzjoni sabiex tiġi żgurata b’mod partikolari l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

176    Għalhekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni applikabbli fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ivvizzjat b’illegalità.

177    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ ġdid

–       L-argumenti tal-partijiet

178    Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, fil-punti 246 sa 252 tas-sentenza tagħha PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, kien ġie kkunsidrat li, meta deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi annullata minħabba difett proċedurali, seduta ġdida tal-impriżi kkonċernati ma hijiex meħtieġa, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ġdida, ħlief meta jitressqu lmenti ġodda.

179    Madankollu, din is-soluzzjoni ma tistax tiġi trasposta għall-fatti tal-każ. Minn naħa, il-proċedura amministrattiva fiha bosta difetti minħabba l-użu mill-Kummissjoni ta’ dokumenti elevati b’għan li ma kienx dak li għalih hija kienet awtorizzata sabiex tieħu għarfien u minħabba l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-analiżi li saret fid-Deċiżjoni 91/297, annullata minħabba diversi raġunijiet li ma humiex dik ta’ pura forma, u li ma ġietx adottata mill-ġdid.

180    Għalhekk, l-annullament tad-Deċiżjoni 91/297 kien affettwa l-validità tal-miżuri preparatorji għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fis-sentenza Solvay I, punt 35 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li r-rifjut totali ta’ żvelar tad-dokumenti oppost mill-Kummissjoni kiser id-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti għall-fajl. Barra minn hekk, dan id-difett proċedurali jaffettwa kemm il-proċedura amministrattiva dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE kif ukoll dik li tikkonċerna l-Artikolu 81 KE. Għalhekk, il-Kummissjoni jmissha fetħet mill-ġdid il-proċedura billi tagħtiha aċċess sħiħ għall-fajl tagħha u tippermettilha sussegwentement li ssostni l-osservazzjonijiet kollha bil-miktub u orali tagħha dwar dan is-suġġett.

181    Minbarra dan, l-interpretazzjoni li saret fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’l fuq, peress li hija tillimita d-dritt għal smigħ għall-unika possibbiltà għall-impriża kkonċernata li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ilmenti kkunsidrati fir-rigward tagħha, hija żbaljata fil-liġi. Fil-fatt, kull impriża kkonċernata għandha wkoll id-dritt għal smigħ u li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-prinċipju, l-opportunità u l-ammont tal-multi. Filwaqt li tirreferi ruħha għall-ġurisprudenza, ir-rikorrenti tafferma li l-impriżi potenzjalment destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkontesta ksur min-naħa tagħhom u li timponi fuqhom multa minħabba dan il-fatt għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jsostnu l-osservazzjonijiet kollha tagħhom fir-rigward tal-multa fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Madankollu, mill-fatt tad-dekorrenza tat-terminu f’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li hija kellha osservazzjonijiet ġodda xi ssostni fir-rigward tal-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi fuqha multi, fir-rigward tal-iskadenza tat-terminu raġonevoli, kif ukoll l-ammont tal-multa.

182    Ir-rikorrenti tqis li, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/297, hija kellha b’mod partikolari tinstema’ fir-rigward tal-koerenza interna tal-analiżi tal-Kummissjoni, li ppreżentat il-ksur allegati għall-Artikoli 81 KE u 82 KE bħala li jsostnu lil xulxin, u fuq il-validità ta’ ċerti affermazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżistenza ta’ akkordju ma’ ICI, li huma direttament meħuda mid-Deċiżjoni 91/297 jew jaqsmu l-filosofija tagħha, bi ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

183    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

184    Meta l-Kummissjoni, wara l-annullament tad-deċiżjoni li tissanzjona impriżi li kisru l-Artikolu 81(1) KE, minħabba difett proċedurali li jikkonċerna esklużivament il-kundizzjonijiet tal-adozzjoni definittiva tagħha mill-kulleġġ tal-kummissarji, tadotta deċiżjoni ġdida, b’kontenut sostanzjalment identiku u fondat fuq l-istess ilmenti, hija ma għandhiex l-obbligu li tagħmel seduta ġdida tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, punti 246 sa 253, ikkonfermata bis-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, punti 83 sa 111).

185    Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt li jistgħu jitqajmu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 233 KE, bħal dawk dwar id-dekorrenza tat-terminu, il-possibbiltà ta’ tkomplija tal-proċedimenti, l-aċċess għall-fajl li huwa inerenti għat-tkomplija tal-proċedura, l-intervent ta’ uffiċjal tas-seduta u tal-kumitat konsultattiv kif ukoll eventwali implikazzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dawn ma jeżiġux iktar seduti ġodda, peress li ma jemendawx il-kontenut tal-ilmenti, billi jkunu suġġetti biss, skont il-każ, għal stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, punt 93).

186    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkwotat kważi l-kontenut kollu tad-Deċiżjoni 91/299. Hija sempliċement ikkompletat id-deċiżjoni kkontestata b’silta li tikkonċerna l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

187    Ċertament, fil-parti tad-deċiżjoni kkonstatata stabbilita għall-fatti, il-Kummissjoni żiedet ukoll kunsiderazzjonijiet li ħadet mid-Deċiżjoni 91/297, li sussegwentement ġiet annullata bis-sentenza Solvay I, punt 35 iktar ’il fuq. Din il-parti tinkludi b’mod partikolari referenzi għal ICI.

188    Madankollu, minn naħa, id-Deċiżjoni 91/299, fl-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata, kienet espressament tirreferi għad-Deċiżjoni 91/297 f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni dwar il-prodott u s-suq tas-soda (ara l-punt I B tal-premessi tad-Deċiżjoni 91/299). Fir-replika, ir-rikorrenti rrikonoxxiet barra minn hekk li s-siltiet tad-Deċiżjoni 91/297 li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata kienu “parti integrali” mid-Deċiżjoni 91/299.

189    Min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni, li hija biss ta’ natura fattwali, ma hijiex rilevanti f’dak li jikkonċerna l-ksur ikkontestat lir-rikorrenti f’din il-kawża. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-aġir li bih hija akkużata r-rikorrenti huwa abbuż minn pożizzjoni dominanti u mhux ftehim konkluż ma’ impriża oħra jew prattiki miftiehma li għandhom bħala riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

190    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata u d-Deċiżjoni 91/299 għandhom kontenut sostanzjalment identiku u huma fondati fuq l-istess motivi.

191    Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 184 u 185 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu f’dan il-każ li tisma’ mill-ġdid lir-rikorrenti qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

192    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-użu ta’ dokumenti elevati bi ksur tar-Regolament Nru 17 u fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, dawn huma s-suġġett ta’ lmenti indipendenti u għalhekk ser jiġu eżaminati separatament.

193    Minn dan kollu jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti

–       L-argumenti tal-partijiet

194    Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 254 sa 257 tas-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, li tipprovdi li konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv ma kinitx meħtieġa f’din il-kawża. Skont ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza, l-obbligu li tikkonsulta l-kumitat konsultattiv ma jirriżultax mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1963, dwar is-seduti previsti fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 (ĠU 127, p. 2268), li huwa limitat li jirregola l-kronoloġija tal-proċedura li għandha tiġi segwita, iżda l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti. Minbarra dan, anki jekk il-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv tikkostitwixxi garanzija proċedurali sinjifikattiva, hija ssegwi għan li ma huwiex is-sempliċi smigħ tal-impriża kkonċernata mill-abbozz ta’ deċiżjoni, kif jikkonferma l-fatt li r-rinunzja għas-smigħ mill-impriża ma tneħħix l-obbligu lill-Kummissjoni li tikkonsulta l-kumitat konsultattiv.

195    Konsegwentement, f’dan il-każ, il-kumitat konsultattiv jmissu ġie kkonsultat dwar il-pjan tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni kkontestata wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Solvay, punt 37 iktar ’il fuq, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli.

196    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

197    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti:

“3.      Kumitat Konsultattiv fuq il-Prattiċi Restrittivi u l-Monopolji għandu jiġi konsultat qabel ma tittieħed kull deċiżjoni wara l-proċedura taħt il-paragrafu 1, u kull deċiżjoni fir-rigward tat-tiġdid, l-emendar jew ir-revoka ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu [81](3) [KE].

[…]

5.      Il-konsultazzjoni għandha sseħħ waqt laqgħa konġunta msejħa mill-Kummissjoni; din il-laqgħa għandha ssir mhux qabel erbatax il-ġurnata wara l-ħruġ tan-notifika li sejħet għaliha. In-notifika għandha, fir-rigward ta’ kull każ li għandu jiġi eżaminat, tkun akkumpanjata minn sommarju tal-kas flimkien ma ndikazzjoni tad-dokumenti l-aktar importanti, u abbozz preliminari tad-deċiżjoni.”

198    Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 99/63 jipprovdi:

“Qabel ma jiġi kkonsultat il-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ seduta skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

199    Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 99/63 li s-seduta tal-impriżi kkonċernati u l-konsultazzjoni tal-kumitat huma meħtieġa fl-istess sitwazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 54, u s-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, punt 115).

200    Ir-Regolament Nru 99/63 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204), fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-Artikolu 2(1) tiegħu huwa miktub f’termini li jixbhu dawk tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 99/63.

201    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti kien ġie kkonsultat qabel id-Deċiżjoni 91/299. Ir-rikorrenti ma tikkontesta la l-eżistenza u lanqas ir-regolarità ta’ din il-konsultazzjoni.

202    Għalhekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix emendi sostanzjali fir-rigward tad-Deċiżjoni 91/299, il-Kummissjoni, li ma kellhiex obbligu li tisma’ mill-ġdid lir-rikorrenti qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata, ma kellhiex l-obbligu wkoll li tagħmel konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, punt 118).

203    Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti.

–       L-argumenti tal-partijiet

204    Ir-rikorrenti ssostni li, wara l-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti, li seħħet qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 92/299 u tad-deċiżjoni kkontestata, tliet Stati aderixxew mal-Komunità, fl-1 ta’ Jannar 1995. Peress illi dan il-kumitat konsultattiv huwa kompost minn rappreżentant ta’ kull Stat Membru, dan il-kumitat konsultattiv ma kienx iktar validament kompost fil-mument meta l-Kummissjoni stabbilixxiet l-abbozz li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni jmissha għalhekk għamlet konsultazzjoni ġdida mal-kumitat konsultattiv regolarment kompost.

205    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

206    Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti:

“Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost minn uffiċjali kompetenti fil-materja tal-Prattiċi restrittivi u l-Monopolji. Kull Stat Membru għandu jappunta uffiċjal sabiex jirrappreżentah li, jekk ikun prevenut milli jattendi, jista’ jiġi mibdul minn uffiċjal ieħor.”

207    Skont il-ġurisprudenza, il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ istituzzjoni ma taffettwax il-kontinwità tal-istituzzjoni stess, fejn l-atti definittivi jew preparatorji tagħha jikkonservaw, bħala prinċipju, l-effetti kollha tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4033, punt 36).

208    Minbarra dan, ma jeżisti ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jimponi l-kontinwità tal-kompożizzjoni tal-korp amministrattiv li quddiemu titressaq proċedura li tista’ twassal għal multa (sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 43 iktar ’il fuq, punti 322 u 323).

209    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tikkonsulta mill-ġdid il-kumitat konsultattiv wara l-adeżjoni ta’ tliet Stati addizzjonali fil-Komunità.

210    Għaldaqstant, il-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq l-użu ta’ dokumenti elevati bi ksur tar-Regolament Nru 17

–       L-argumenti tal-partijiet

211    Ir-rikorrenti tfakkar li, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti, il-Kummissjoni setgħet tordna verifiki għand l-impriżi permezz ta’ deċiżjoni, li tindika s-suġġett u l-għan ta’ dawn il-verifiki u li, skont l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti, l-informazzjoni miksuba b’ riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 setgħet tintuża biss għall-għan tat-talba jew l-investigazzjoni rilevanti.

212    F’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ verifika tal-5 ta’ April 1989, li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini tagħha u f’dawk tas-sussidjarji tagħha fil-Ġermanja u Spanja, kienet tirreferi biss għall-Artikolu 81 KE u ordnat lis-sitt produtturi kkonċernati li jissottomettu ruħhom għal verifika dwar, minn naħa, is-sehem possibbli tagħhom għal akkordji u/jew għal prattiki miftiehma li għandhom bħala effett it-tqassim tas-swieq nazzjonali u ftehim tal-prezzijiet tal-karbonat tas-soda u, min-naħa l-oħra, fuq l-implementazzjoni ta’ arranġamenti ta’ xiri esklużiv ma’ xerrejja li setgħu jirrestrinġu jew jeliminaw il-kompetizzjoni u jsaħħu r-riġidità tas-suq tal-karbonat tas-soda fil-Komunità.

213    Minbarra dan, jirriżulta minn dokumenti li tħallew fil-bini tar-rikorrenti minn wieħed mill-uffiċjali li għamel l-investigazzjoni li l-Kummissjoni ma kellha ebda indikazzjoni preliminari, ebda suppożizzjoni jew ebda indikazzjoni ta’ ksur għall-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet interessat ruħha għar-relazzjonijiet mal-klijenti sa fejn il-kuntratti konklużi magħhom setgħu jikkostitwixxu ftehim ta’ qsim tas-suq. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, minn ittri bejnha u l-Kummissjoni jirriżulta li din, fit-22 ta’ Mejju 1989, kienet aċċettat ir-riżerva espliċita, espressa minnha, intiża li tipprojbixxi l-użu ta’ dokumenti elevati b’għan li ma kienx dak tal-verifiki fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE.

214    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni indirizzatilha, fil-21 ta’ Ġunju 1989, kif ukoll lil waħda mis-sussidjarji Ġermaniżi tagħha, jiġifieri DSW, fit-8 ta’ Lulju 1989, talbiet għal informazzjoni. Kuntrarjament għad-deċiżjoni ta’ verifika, dawn it-talbiet kienu jirreferu kemm għall-Artikolu 81 KE kif ukoll l-Artikolu 82 KE. Ir-rikorrenti tafferma li t-talba li kienet indirizzata lilha ssemmi wkoll li l-Kummissjoni eżaminat il-“kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-kuntratti għal provvista mal-klijenti intiżi sabiex jiżguraw l-esklużività ta’ formiment permezz ta’ tnaqqis għal fedeltà diskriminatorji.”

215    Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-Kummissjoni kienet awtorizzata, minn naħa, li televa d-dokumenti li hija kienet skopriet waqt verifiki sa fejn dawn jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ verifika u, min-naħa l-oħra, li tiftaħ inkjesta sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ ksur preżunt fl-Artikolu 82 KE li hija kienet saret taf bih wara verifiki effettwati. Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża d-dokumenti elevati fil-kuntest tal-proċedura ulterjuri intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur preżunt lill-Artikolu 82 KE, jekk dan ma huwiex bħala bażi tad-deċiżjoni li tinfetaħ din il-proċedura. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, fl-ikbar parti kbira tagħhom, id-dokumenti msemmija fil-parti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar l-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti kienu apparentement ġew elevati waqt verifiki li saru għandha u għand is-sussidjarji tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet użat id-dokumenti inkwistjoni b’għan differenti minn dak li għalih kienu nkisbu. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u d-dritt għas-segretezza professjonali, kif iggarantiti mill-Artikolu 14(3) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti.

216    Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li d-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li ntużaw insostenn tal-ilmenti bbażati fuq l-Artikolu 82 KE kellhom jiġu skartati, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti trażmessi minnha u mis-sussidjarja tagħha bħala tweġiba għal talbiet għal informazzjoni li kienu ġew indirizzati lilhom wara l-verifiki. Minbarra dan, minħabba l-fatt tad-dekorrenza tat-terminu, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx fil-pożizzjoni li tiddetermina, fost id-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dawk li kienu ġew elevati fil-bini tagħha u dawk li kienu ġew ikkomunikati lill-Kummisjsoni bħala tweġiba għal talbiet għal informazzjoni. Sa fejn kull wieħed mill-ilmenti magħmul mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq dokumenti li kellhom jiġu skartati, id-deċiżjoni kkontestata għalhekk għandha tiġi annullata kollha kemm hi. Minbarra dan, l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni kellhom bħala bażi, tal-inqas impliċitament, ċerti dokumenti akkużatorji annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali ma hija fil-pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u r-regolarità tal-motivazzjoni tagħha.

217    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

218    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, kemm l-għan tar-Regolament Nru 17 kif ukoll l-elenkar, permezz tal-Artikolu 14 tiegħu, tas-setgħat li għandhom l-uffiċjali tal-Kummissjoni juru li l-verifiki jistgħu jkollhom portata wiesgħa ħafna. F’dan ir-rigward, id-dritt li jidħlu f’kull bini, art u mezzi ta’ trasport tal-impriżi għandu importanza partikolari sa fejn għandu jippermetti lill-Kummissjoni li tirċievi l-provi tal-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni fil-postijiet fejn dawn jinsabu normalment, jiġifieri fil-bini kummerċjali tal-impriżi. Dan id-dritt ta’ aċċess ikun mingħajr utilità jekk l-uffiċjali tal-Kummissjoni kellhom jillimitaw ruħhom sabiex jitolbu l-produzzjoni ta’ dokumenti jew ta’ fajls li huma jistgħu jidentifikaw minn qabel b’mod preċiż. Tali dritt jimplika, bil-kontra, il-fakultà li titfittex informazzjoni differenti li għadha mhux magħrufa jew mhux għal kollox identifikata. Mingħajr din il-possibbiltà, ikun impossibbli għall-Kummissjoni li tirċievi l-informazzjoni neċessarja għall-investigazzjoni fil-każ fejn hija tiltaqa’ ma’ rifjut ta’ kollaborazzjoni jew ukoll attitudni ta’ ingombru min-naħa tal-impriżi kkonċernati. Jekk l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 jagħti għalhekk lill-Kummissjoni setgħet investigattivi wiesgħa, l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-impriżi kkonċernati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tindika s-suġġett u l-għan tal-investigazzjoni. Dan l-obbligu jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali sabiex mhux biss tidher in-natura ġustifikata tal-intervent maħsub ġewwa l-impriżi kkonċernati, iżda wkoll li dawn ikunu fil-pożizzjoni li jevalwaw il-portata tal-obbligu ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jippreżervaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 199 iktar ’il fuq, punti 26 sa 29).

219    Isegwi li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ verifika ma jistax jiġi ristrett skont kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-effettività tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk huwa veru li l-Kummisjoni ma għandhiex obbligu li tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ verifika l-informazzjoni kollha li hija għandha rigward il-ksur preżunt u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, hija għandha, min-naħa l-oħra, tindika b’mod ċar il-preżunzjonijet li hija għandha l-intenzjoni li tinvestiga (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 199 iktar ’il fuq, punt 41).

220    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ verifika tirreferi biss għall-Artikolu 81 KE.

221    Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li tagħmel analiżi legali preċiża tal-ksur, il-fatt li d-deċiżjoni ma tirreferix espressament għall-Artikolu 82 KE ma jistax iwassal, minnu nnifsu, li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17.

222    Huwa veru li jirriżulta mill-kliem tad-deċiżjoni ta’ verifika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni biss li tinvestiga jekk ir-rikorrenti pparteċipatx għal akkordji u/jew għal prattiki miftiehma. Ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li abbuż minn pożizzjoni dominanti kien ukoll suspettat. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma talbitx id-dokumenti li hija użat fil-proċedura skont l-Artikolu 82 KE fil-kuntest ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ verifika ġodda.

223    Madankollu, mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “[r-rikorrenti] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE permezz ta’ aġir intiż li jeskludi jew jillimita b’mod qawwi l-kompetizzjoni u jikkonsisti li […] jiġu konklużi ftehim ma’ klijenti li jobbligawhom li jiffornixxu ruħhom mingħand ir-rikorrenti għall-bżonnijiet ta’ soda kollha tagħhom jew għal parti kbira ħafna minnhom għal perijodu indefinit jew eċċessivament twil [, li] tagħti tnaqqis sostanzjali u inċitazzjonijiet finanzjarji oħra skont tunnallaġġ marġinali li jeċċedi t-tunnellaġġ kuntrattwali ta’ bażi tal-klijent sabiex jiġi żgurat li jiffornixxi ruħu mingħand ir-rikorrenti għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew il-parti kbira tagħhom [u li] tissuġġetta l-għoti tat-tnaqqis għall-kunsens tal-klijent li jiffornixxi ruħu mingħand ir-rikorrenti għall-bżonnijiet kollha tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

224    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-“implementazzjoni ta’ arranġamenti ta’ xiri esklużiv” imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ verifika, tikkorrispondi għal dak li kien ġie finalment aċċettat fid-deċiżjoni kkontestata kontra r-rikorrenti. Fil-fatt, il-ksur tal-Artikolu 82 KE akkużat lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata kien twettaq fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ parti mill-klijentela tagħha u li essenzjalment kien jikkonstisti f’arranġamenti ta’ esklużività.

225    Jeżisti għalhekk xebh materjali bejn il-prattiki li l-Kummissjoni qieset li huma fl-oriġini tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata u dawk li fuqhom hija kienet tat awtorizzazzjoni lill-uffiċjali tagħha li jwettqu inkjesta fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ verifika.

226    Peress li parti mill-fatti li għalihom l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu ġew awtorizzati sabiex jiksbu provi fir-rigward tal-ksur fl-Artikolu 81 KE kienu l-istess bħal dawk li sussegwentement ikkostitwixxew il-bażi tal-ilmenti ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti kkontestati lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, l-elevazzjoni ta’ dokumenti ma qabżitx il-qafas ta’ legalità kkostitwit mid-deċiżjoni ta’ verifika. Fil-fatt, din fiha l-elementi essenzjali meħtieġa mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17.

227    Konsegwentement, jidher li d-dokumenti użati fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-ilmenti ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, indipendentement mill-kwistjoni jekk ġewx elevati matul verifiki li seħħew f’April 1989 jew jekk ġewx ikkomunikati wara talbiet għal informazzjoni indirizzati ulterjorment lir-rikorrenti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, inkisbu legalment mill-Kummissjoni.

228    Minn dan kollu jirriżulta li l-Kummissjoni użat dawn id-dokumenti b’mod legali bħala provi fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq l-Artikolu 82 KE.

229    Barra minn hekk, jirriżulta biss mill-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 1989 li hija kkonfermat li d-dispożizzjonjiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti, kienu japplikaw għad-dokumenti rċevuti matul verifiki u li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux intużaw bħala provi fil-kuntest ta’ proċedura antidumping. Għalhekk il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fis-sens li l-inkjesta tikkonċerna biss ksur tal-Artikolu 81 KE u li l-analiżi tal-ksur inkwistjoni bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti hija barra mill-għan tal-inkjesta.

230    Għalhekk, is-sitt parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

231    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi prattikament kelma b’kelma deċiżjoni adottata għaxar snin qabel u li hija ma tieħu ebda kunsiderazzjoni tad-dekorrenza tat-terminu u tal-konsegwenzi tal-annullament tad-Deċiżjoni 91/297. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tagħtiha aċċess komplet tal-fajl.

232    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata peress li hija għandha bħala effett li tiftaħ mill-ġdid proċedura żmien twil wara l-fatti, kif ukoll li hija, f’kull każ, mingħajr effettività.

233    Fuq kollox, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija tqis xieraq li timponi fuqha mill-ġdid “deċiżjoni drakonjana” meta hija kienet barra minn hekk naqset milli tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/297. Il-Kummissjoni kienet għaldaqstant ikkunsidrat bħala ħaġa waħda l-ksur li taw lok għad-Deċiżjonijiet 91/297, 91/298 u 91/299, li kienu ġew miktuba minn din il-perspettiva. Il-Qorti Ġenerali hija għalhekk fl-impossibbiltà li tevalwa l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ġdida li l-kontenut tagħha huwa kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/298.

234    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

235    Ir-rikorrenti, fid-dawl ta’ allegat ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità, tuża l-istess argumenti bħal dawk diġà invokati, ibbażati b’mod partikolari fuq id-dekorrenza tat-terminu u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, li l-Qorti Ġenerali qed teżamina wkoll.

236    L-uniku element ġdid jikkonċerna n-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li l-kontenut tagħha huwa kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/299. Issa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat l-għażla tagħha li tadotta mill-ġdid id-Deċiżjoni 91/299 fil-premessi 196 sa 207 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiżdiedu mad-Deċiżjoni 91/299. Għalhekk, l-ilment invokat mir-rikorrenti huwa nieqes minn fatt.

237    Konsegwentement, it-tmien parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

238    Minn dan kollu jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, bla ħsara għall-eżami tas-seba’ parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, li ser tiġi kkunsidrata fil-kuntest tas-sitt motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq ġeografiku

 L-argumenti tal-partijiet

239    Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju tal-partijiet mis-suq, minkejja li jikkostitwixxi prova importanti tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, qatt ma huwa minnu nnifsu deċiżiv, partikolarment fl-ipoteżi fejn dawn il-partijiet mis-suq huma għal ammont raġonevoli. Għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra, bħal, b’mod partikolari, il-barrieri għad-dħul fis-suq, l-integrazzjoni vertikali, is-saħħa finanzjarja, il-progress teknoloġiku, is-setgħa ta’ kumpens tal-klijenti jew ukoll l-istruttura tal-ispejjeż.

240    Ir-rikorrenti tikkontesta li l-Kummissjoni żammet dimensjoni Komunitarja tas-suq ġeografiku rilevanti wara li elenkat diversi elementi li “għandhom b’mod ċar dimensjoni nazzjonali”. Jekk il-Kummissjoni kienet għamlet analiżi preliminari tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, hija kienet tikkonkludi li l-firxa tas-suq kienet limitata għat-territorju nazzjonali.

241    In-natura żbaljata tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija kkonfermata bid-deċiżjoni tal-“awtorità Taljana tal-kompetizzjoni” tal-10 ta’ April 1997, fil-kawża Solvay vs Sodi, li fiha s-suq ġeografiku rilevanti kien ġie ddefinit bħala s-suq Taljan tal-karbonat tas-soda. Fil-komunikazzjoni pppubblikata skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 17 dwar talba ta’ negative clearance jew ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) [KE] (Każ IV/E‑2/36.732 – Solvay-Sisecam) (ĠU 1999, C 272, p. 14), il-Kummissjoni kienet ukoll irrikonoxxiet li d-delimitazzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti kienet kwistjoni “partikolarment komplessa” u li diviżjoni f’termini ta’ swieq nazzjonali ma kinitx iktar daqshekk rilevanti bħal ma kienet.

242    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-isfera ta’ influwenza tagħha kienet tikkorrispondi għall-Ewropa tal-Punent kontinentali. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li din l-analiżi kienet fondata fuq l-eżistenza ta’ ftehim bejnha u ICI u kellu bħala uniku għan li jasal għall-konklużjoni li hija kellha parti mis-suq importanti, f’termini assoluti u relattivi, fuq is-“suq ikkunsidrat”. Il-Kummissjoni ma kinitx għalhekk ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterji abitwali li jippermettu li jiġi delimitat b’eżattezza s-suq ġeografiku rilevanti, jiġifieri t-territorju li fih il-kundizzjonijiet tas-suq huma biżżejjed omoġenji sabiex l-operaturi kollha preżenti jsibu ruħhom f’kompetizzjoni wieħed mal-ieħor.

243    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, meta ma ppreċiżatx ir-raġunijiet li wassluha li ma tkomplix il-prattika stabbilita tagħha sabiex tiddelimita s-suq ġeografiku rilevanti, il-Kummissjoni ma mmotivatx regolarment id-deċiżjoni kkontestata.

244    Minbarra dan, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li ddeċidiet kemm li l-Benelux u r-Renju Unit kienu jikkostitwixxu swieq distinti kif ukoll li l-Benelux u l-Portugall, fejn hija kienet f’sitwazzjoni ta’ monopolju ta’ fatt, kienu jagħmlu parti mill-istess suq.

245    Ir-rikorrenti żżid tgħid li, fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “s-suq tradizzjonali ta’ Solvay ikopri l-Komunità kollha bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fejn, minħabba d-dispożizzjonijiet antikompetittivi tagħhom, is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni kienet għal kollox differenti”. Madankollu, skont ir-rikorrenti, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni spjegat, b’mod kontradittorju, li ICI u hija ma kinux f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni sabiex jeskludu r-Renju Unit u l-Irlanda mis-suq ġeografiku rilevanti. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ssemmix il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-swieq tal-Italja, ta’ Spanja, tal-Portugall, tal-Greċja u tad-Danimarka, anki jekk hija tikkonkludi, mingħajr l-inqas ġustifikazzjoni addizzjonali, bl-omoġenjità tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fit-territorju kollu tal-Ewropa kontinentali. Fir-rigard tal-parti mis-suq nazzjonali tagħha, ir-rikorrenti tosserva li dan ma kiex għal kollox omoġenju, peress li, skont l-Istati, dan kien jeżisti, jiġifieri għal 15 %, 50 %, 80 % jew 100 %. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali biex tistieden lill-Kummissjoni tispjega x’wassalha sabiex tikkunsidra li l-istruttura tas-suq kienet identiku kullimkien fl-Ewropa tal-Punent kontinentali.

246    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

247    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi eżaminat jekk impriża tokkupax pożizzjoni dominanti fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 82 KE, importanza fundamentali għandha tingħata sabiex jiġi stabbilit is-suq inkwistjoni u lid-delimitazjoni tal-parti sostanzjali tas-suq komuni fejn l-impriża hija f’pożizzjoni li eventwalment twettaq prattiki abbużivi li jostakolaw kompetizzjoni effettiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, Ġabra p. I‑7791, punt 32, u tat-23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus, C‑209/98, Ġabra p. I‑3743, punt 57).

248    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-delimitazzjoni tas-suq ma għandha ebda rwol dwar jekk għandux jiġi applikat l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, id-definizzjoni adegwata tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u tiġi qabel id-deċiżjoni dwar aġir allegatament antikompetittiv, peress li, qabel ma tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, li jippresupponi li s-suq kien delimitat qabel. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, huwa biex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk għandux bħala għan jew bħala effett li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni li, skont il-każ, għandu jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 230, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 27).

249    Fl-istruttura tal-Artikolu 82 KE, is-suq ġeografiku jista’ jiġi ddefinit bħala t-territorju li fih l-operaturi ekonomiċi kollha jinsabu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jixxiebhu f’dak li jikkonċerna l-prodotti kkonċernati. Ma huwa bl-ebda mod neċessarju li l-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi jkunu perfettament omoġenji. Huwa biżżejjed li huma jkunu jixxiebhu jew biżżejjed omoġenji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punti 44 u 53, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2001, AAMS vs Il‑Kummissjoni, T‑139/98, Ġabra p. II‑3413, punt 39). Għalhekk, huma biss iż-żoni li fihom il-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kompetizzjoni huma eteroġenji li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu suq uniformi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 92).

250    Fl-aħħar nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minkejja li l-qorti Komunitarja teżerċita, bħala regola ġenerali, stħarriġ ġudizzjarju sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni humiex sodisfatti jew le, l-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandu, madankollu, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 64, u tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 87).

251    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dedikata għas-suq inkwistjoni, iddefinixxiet is-suq ġeografiku rilevanti kif ġej:

“136. Il-prodott u ż-żona ġeografika inkwistjoni li fir-rigward tagħhom is-saħħa ekonomika ta’ Solvay kellha tiġi evalwata huma għalhekk is-suq tas-soda fil-Komunità (bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

252    Bħala tweġiba għal mistoqsija bil-mitkub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li passaġġi oħra tad-deċiżjoni kkontestata kienu jirreferu għall-istess suq ġeografiku bħal dak identifikat fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata.

253    Il-Kummissjoni tinvoka b’mod partikolari l-premessi 8, 18 sa 20, 23, 26, 36 sa 38, 40 sa 42, 43, 133, 137, 137, 188 u 191, li jirreferu għall-“Ewropa tal-Punent”, għall-“Ewropa tal-Lvant” jew għall-“Komunità”.

254    Minbarra dan, id-definizzjoni tas-suq ġeografiku mogħtija fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex f’kontradizzjoni ma’ premessi oħra tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċtitata fil-punt 249 iktar ’il fuq jirriżulta li huwa biżżejjed li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jkunu simili jew biżżejjed omoġenji f’dak li jikkonċerna l-prodotti kkonċernati. Għalhekk, diversi swieq nazzjonali jistgħu flimkien jiffurmaw suq ġeografiku, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, fil-każ fejn il-kundizzjonjiet oġġettivi ta’ kompetizzjoni jkunu biżżejjed omoġenji.

255    Minbarra dan, il-fatt li l-produtturi kellhom tendenza sabiex jikkonċentraw il-bejgħ tagħhom fl-Istati Membri fejn kellhom kapaċitajiet ta’ produzzjoni ma jeskludix li l-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kompetizzjoni kienu biżżejjed omoġenji.

256    F’kull każ, minn eżami tar-raba’ motiv invokat mir-rikorrenti (ara l-punti 261 sa 305 iktar ’il quddiem) jirriżulta li hija tinsab f’pożizzjoni dominanti, li s-suq ġeografiku rilevanti huwa ddefinit bħala li huwa l-Komunità, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, jew bħal ma kienu kull wieħed mill-Istati li fihom il-ksur tal-Artikolu 82 KE kien ġie kkontestat lilha fis-suq tal-karbonat tas-soda.

257    Bħal ma tindika l-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[… A]nki jekk kull wieħed mis-swieq nazzjonali partikolarment milquta mill-aġir ta’ esklużjoni ta’ Solvay kien ikkunsidrat bħala suq distint, Solvay baqgħet dominanti f’kull wieħed minnhom, u l-parti l-kbira tal-kunsiderazzjonijiet mogħtija iktar ’il fuq japplikaw ukoll għaliha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

258    Fil-fatt, jirriżulta mill-partijiet mis-swieq miżmuma mir-rikorrenti li hija kienet ukoll f’pożizzjoni dominanti f’kull wieħed mill-Istati fejn hija kienet wettqet il-ksur tal-Artikolu 82 KE li kienet ġiet akkużata bih.

259    Minn dan jirriżulta li, anki jekk jiġi presuppost li l-Kummissjoni ma kinitx iddefiniet is-suq ġeografiku rilevanti b’mod korrett, dan l-iżball ma setax kellu influwenza determinanti fir-rigward tal-konklużjoni. Tali żball, anki jekk jiġi kkunsidrat stabbilit, ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

260    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti

 L-argumenti tal-partijiet

261    Ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni li d-dokumenti tagħha stess jikkonfermaw l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fl-Ewropa tal-Punent.

262    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex sostnut mill-fatti.

263    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li, fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, anki jekk kull wieħed mis-swieq nazzjonali partikolarment milquta mill-aġir ta’ esklużjoni kien ikkunsidrat bħala suq distint, hija baqgħet dominanti fuq kull wieħed minnhom.

264    Issa, skont ir-rikorrenti, il-parti mis-suq tagħha fis-swieq nazzjonali ma kienx ta’ 70 % u, anki jekk din il-parti mis-suq kienet sinjifikattiva, din ma tiżvelax b’mod sinjifikattiv is-saħħa fis-suq. Għalhekk, matul il-perijodu kkunsidrat, il-parti mis-suq tagħha kien biss ta’ 56.7 % fil-Benelux, 54.9 % fi Franza u 52.5 % fil-Ġermanja. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-fatt li hija l-uniku produttur ta’ karbonat tas-soda li teżerċita l-attività tagħha fil-Komunità kollha huwa rrilevanti. Il-kapaċità totali ta’ produzzjoni tagħha fl-Ewropa, fin-nuqqas ta’ kull kunsinna sinjifikattiva ta’ unitajiet differenti ta’ produzzjoni tagħha fi swieq nazzjonali oħra fejn hija kellha unitajiet ta’ produzzjoni, hija wkoll irrilevanti. Fuq livell nazzjonali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha kienu paragunabbli ma’ dawk tal-kompetituri nazzjonali tagħha.

265    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ssostni li l-protezzjoni li kienet ġiet mogħtija permezz tal-miżuri antidumping kienet unikament sa fejn l-importazzjonjiet ta’ provenjenza mill-Ġermanja tal-Lvant u għad-destinazzjoni tal-Ġermanja tal-Punent ma kinux suġġetti għad-dazji antidumping u għad-dazji doganali u fejn, f’kull każ, is-sistema ta’ perfezzjonament attiv kienet tippermetti lill-produtturi tal-ħġieġ li jixtru mingħand produtturi Amerikani u mingħand produtturi tal-Ewropa tal-Lvant kwantitajiet sinjifikattivi ta’ karbonat tas-soda eżentati mid-dazji antidumping.

266    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni jmissha ħadet kunsiderazzjoni tal-possibbiltà għall-klijenti li jużaw is-soda kawstiku u l-kalċin minflok il-karbonat tas-soda. Fil-fatt, fir-relazzjoni tagħha mal-klijentela, hija tqis li kienet ġiet suġġetta għal pressjoni kompetittiva kkawżata minn dawn il-prodotti.

267    Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li hija ma kellhiex pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali kkunsidrati, l-uniċi li setgħu jiġu ammessi f’termini ġeografiċi.

268    Fuq kollox, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet kunsiderazzjoni tas-setgħa ta’ xiri kompenstariċi importanti li kellhom uħud mill-klijenti li jipproduċu l-ħġieġ tagħha. Fil-fatt, hija ma kinitx ivverifikat sa fejn it-tunnellaġġ meħud minn dawn il-kljienti kien neċessarju sabiex hija tibqa’ eżistenti għal żmien twil, b’mod partikolari minħabba l-importanza tal-ispejjeż fissi f’din l-industrija peżanti. Il-Kummissjoni lanqas ma kienet ikkalkolat ir-rwol tal-kompetituri lokali u lanqas l-impatt tal-importazzjonijiet ta’ provenjenza mill-Istati Uniti u mill-Ewropa tal-Lvant.

269    Anki jekk jiġi presuppost li s-suq ġeografiku rilevanti huwa ta’ dimensjoni Ewropea, l-analiżi tal-Kummissjoni hija ineżatta u “motivata ħażin”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-pressjoni kompetittiva li ġejja, l-ewwel nett, minn kompetituri Komunitarji li jappartjenu lil gruppi industrijali kbar, it-tieni nett, kompetituri Amerikani u kompetituri tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, li kapaċi joffru prezzijiet li jħajjruk tixtri, u, it-tielet nett, klijenti li jappartjenu wkoll lil gruppi kbar.

270    Ir-rikorrenti tallega wkoll kontradizzjoni bejn il-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li r-riskju priniċpali għaliha kien ġej mhux minn produtturi Ewropej oħra, iżda mill-karbonat tas-soda Amerikan, u l-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din hija “tidher li kellha bħala l-ewwel preokkupazzjoni li żżomm il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Ewropew kontra l-aġitazzjoni tal-produtturi żgħar kif ukoll kontra t-theddida li hija kienet tirċievi mill-importazzjonijiet mill-Ewropa tal-Lvant u mill-Istati Uniti tal-Amerika”. Is-saħħa fis-suq tal-kompetituri tagħha kienet iktar importanti tant li, waqt l-inkjesta tagħha li saret fl-1980 u fl-1981, il-Kummissjoni ma kienet imponiet fuqhom ebda bidla fil-prattiki kompetittivi tagħhom, b’mod li huma setgħu jipproteġu lill-klijenti tagħhom permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-bżonnijiet kollha għal perijodu twil.

271    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet okkupat pożizzjoni dominanti matul il-perijodu kkunsidrat kollu.

272    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva b’mod partikolari li l-Kummissjoni injorat totalment il-kriterju tas-setgħa kumpensatur tal-kljienti, li għalih il-Qorti Ġenerali rreferiet fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni (T‑68/89, T‑77/89 u T‑78/89, Ġabra p. II‑1403). Bl-istess mod, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1998, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ IV/M.1225 – Enso vs Stora) (ĠU 1999, L 254, p. 9), kienet ġiet eżaminata l-kwistjoni tas-saħħa ta’ xiri kompensatriċi tal-klijenti fis-suq tal-kartun għall-imballaġġ ta’ likwidi. Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-fatt tal-istruttura tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, l-ispejjeż varjabbli kienu żgħar meta pparagunati mal-ispejjeż totali, u għalhekk il-kljienti tagħha setgħu jhedduha li jwassluha sabiex titlef parti sinjifikattiva, jew ukoll it-total kollu, tal-fornituri tagħha. Ir-rikorrenti tqis għalhekk li l-Kummissjoni jmissha fittxet jekk hija kinitx jew le f’pożizzjoni li ġġib ruħha, b’mod kunsiderevoli, b’mod indipendenti meta pparagunata mal-klijentela tagħha.

273    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx regolarment id-deċiżjoni kkontestata peress li astjeniet, minn naħa, milli tispeċifika liema kriterji, fost dawk ikkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Komunitarju, kienu japplikaw għall-analiżi tal-pożizzjoni tagħha fis-swieq nazzjonali u, min-naħa l-oħra, milli timplementa konkretament dawn il-kriterji f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet prevalenti f’dawn is-swieq.

274    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

275    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-pożizzjoni dominanti msemmija mill-Artikolu 82 KE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi indipendentement, b’mod sostanzjali, mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, finalment, mill-konsumaturi (sentenzi United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq, punt 65, u Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 250 iktar ’il fuq, punt 229). Tali pożizzjoni, bid-differenza ta’ sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ kważi monopolju, ma teskludix l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni, iżda tqiegħed lill-impriża li tibbenefika minnha f’pożizzjoni li tiddeċiedi, jew tal-inqas li tinfluwenza b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom din il-kompetizzjoni ser tiżviluppa u, f’kull każ, li ġġib ruħha prinċipalment mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni tagħha u mingħajr madankollu li din l-attitudni ma toħolqilha dannu. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffman-La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 39).

276    L-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi fatturi li, meħuda waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti (sentenza United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq, punt 66). L-eżami tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni għandu jsir billi l-ewwel nett tiġi eżaminata l-istruttura tagħha u sussegwentement is-sitwazzjoni kompetittiva f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq, punt 67).

277    Partijiet mis-suq estremament importanti jikkostitwixxu minnhom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-pussess ta’ parti minn suq estremament importanti jqiegħed lill-impriża li żżommha matul perijodu ta’ ċertu tul, permezz tal-volum ta’ produzzjoni u tal-offerta li hija tirrappreżenta – mingħajr ma l-possessuri ta’ partijiet sensittivament iktar imnaqqsa jkunu fil-pożizzjoni li jissodisfaw malajr it-talba li huma jixtiequ jieħdu mill-impriża li għandha l-parti kunsiderevolment l-iktar kbira – , f’sitwazzjoni ta’ saħħa li tagħmel minnha sħab obbligatorja u li, ukoll minħabba dan il-fatt, tiżguralha, tal-inqas matul perijodi relattivament twal, l-indipendenza ta’ aġir karatteristiku tal-pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffman-La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punt 154).

278    Għalhekk, parti mis-suq minn 70 % sa 80 % tikkostitwixxi, minnha nfisha, indikazzjoni ċara tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il‑Kummissjoni, T‑30/89, Ġabra p. II‑1439, punt 92, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 907).

279    Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti mis-suq ta’ 50 % tikkostitwixxi minnha nfisha, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 60).

280    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kellha parti mis-suq ta’ “madwar 70 % fl-Ewropa tal-Punent”, u dan “għall-perijodu kkunsidrat kollu”.

281    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax li għandha parti mis-suq importanti ħafna, jekk jiġi presuppost li s-suq huwa ta’ dimensjoni Komunitarja. Hija tindika għalhekk li, jekk is-suq huwa Ewropew, il-parti mis-suq tagħha kien ivarja bejn 60 % u 70 %.

282    Jirriżulta wkoll miċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti, li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni, li, fl-1998, hija kellha b’mod partikolari 52.5 % mis-suq Ġermaniż, 96.9 % mis-suq Awstrijak, 82 % mis-suq Belġjan, 99.6 % mis-suq Spanjol, 54.9 % mis-suq Franċiż, 95 % mis-suq Taljan, 14.7 % mis-suq Olandiż u 100 % mis-suq Portugiż.

283    Miż-żamma ta’ tali partijiet, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali relatati ma’ dan il-każ, ir-rikorrenti kienet iżżomm pożizzjoni dominanti kemm fis-suq Komunitarju, kif ukoll fis-swieq nazzjonali differenti li fihom hija kienet wettqet il-ksur tal-Artikolu 82 KE li kienet ġiet akkużata bih, jekk jiġi presuppost li s-suq ġeografiku għandu jiġi ddefinit bħala tali.

284    Fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka diversi elementi li jikkompletaw l-eżami tagħha tal-partijiet mis-suq tar-rikorrenti u li jersqu lejn is-sens tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tagħha.

285    Peress li, b’definizzjoni, dawn l-elementi ma jistgħux jintrabtu ma’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni dominanti, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-kriterji tar-rikorrenti fir-rigward tagħhom.

286    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka tliet argumenti li għandhom jiġu analizzati sabiex jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, kinux jeżistu tali ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

287    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega pressjoni kompetittiva sinjifikattiva li ġejja minn impriżi Komunitarji u mhux Komunitarji.

288    F’dan ir-rigward, għandu mal-ewwel jitfakkar li l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ kompetizzjoni ma hijiex inkompatibbli mal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni.

289    Minbarra dan, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-kompetituri Komunitarji, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element preċiż insostenn tal-argument tagħha.

290    F’kull każ, jirriżulta mill-figuri pprovduti fir-rikors mir-rikorrenti stess li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ parti mis-suq għolja tar-rikorrenti fil-Benelux, fi Franza u fil-Ġermanja, kif ukoll il-pożizzjoni ta’ monopolji jew ta’ kważi monopolju tagħha fl-Italja, fi Spanja jew fil-Portugall.

291    Fir-rigward tal-kompetituri mhux Komunitarji, ir-rikorrenti ssostni li l-importazzjonijiet ta’ provenjenza mill-Ġermanja tal-Lvant kienu għolew għal 8 % tal-bejgħ totali fil-Ġermanja tal-Puntent, perċentwali li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Madankollu, li s-suq ġeografiku huwa ta’ dimensjoni Komunitarja jew li huwa ta’ dimensjoni nazzjonali, tali perċentwali ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tar-rikorrenti fis-suq inkwistjoni.

292    Fir-rigward tal-importazzjonijiet Amerikani, il-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li, sal-1990, il-kunsinni tal-produtturi Amerikani fl-Ewropa tal-Punent kontinentali kienu biss ta’ 40 000 tunnellata b’kollox, u dan taħt is-sistema ta’ perfezzjonament attiva għal kważi t-totalità tagħhom.

293    Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, anki jekk jiġi kkunsidrat li din il-kwantità kienet twettqet f’sena, hija kienet tirrappreżenta biss madwar 0.07 % tal-konsum totali ta’ karbonat tas-soda fil-Komunità, li tela’ għal madwar 5.5 miljun tunnellata fl-1989. Tali parti mis-suq ma tistax tiġi kunsidrata bħala sinjifikattiva.

294    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-klijenti tagħha kienu użaw it-theddida li jagħmlu użu mis-sistema ta’ perfezzjonament attiva sabiex jiffornixxu ruħhom mingħand produtturi Amerikani u produtturi tal-Ewropa tal-Lvant, hija ma sostniet ruħha bl-ebda prova. F’kull każ, dan l-argument ma huwiex effettiv peress li l-uniku fatt li l-kljienti jużaw tali theddida ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li teskludi pożizzjoni dominanti.

295    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-karbonat tas-soda permezz tas-soda kawstiku u l-kalċin, li jikkostitwixxi fil-fehma tagħha pressjoni kompetittiva fir-relazzjoni tagħha mal-klijentela.

296    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 139 sa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet analiżi ddettaljata tal-livell ta’ sostituzzjoni possibbli tas-soda kawstiku mal-karbonat tas-soda u kkonstatat li, fil-prattika, il-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni sinjifikattiva fir-rigward tas-saħħa fis-suq tar-rikorrenti. Fir-rikors, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element li jista’ jikkontesta din l-analiżi.

297    Fir-rigward tal-kalċin, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bżonnijiet tas-soda ta’ kljient għall-produzzjoni tal-ħġieġ bewwaq setgħu jitnaqqsu sa 15 % bl-użu tal-kalċin. Dan l-ammont ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni ammettiet ukoll li kien possibbli li l-użu tal-kalċin inaqqas id-dipendenza tal-klijenti fir-rigward tal-fornituri tas-soda inġenerali mingħajr madankollu ma jnaqqas il-kapaċità ta’ produttur tas-soda b’saħħtu li jeskludi l-produtturi ż-żgħar. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet kunsiderazzjoni ta’ din il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-karbonat tas-soda mal-kalċin.

298    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni sinjifikattiva fir-rigward tas-saħħa fis-suq tar-rikorrenti.

299    It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-klijenti.

300    Madankollu, skont iċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti stess u kkonfermati mill-Kummissjoni, il-produzzjoni totali tar-rikorrenti fl-Ewropa, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, kienet ta’ 3.7 miljun tunnellata u t-total tal-bejgħ tagħha fl-Ewropa kien ta’ 3.1 miljun tunnellata.

301    Fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-klijent prinċipali tar-rikorrenti kien il-grupp Saint-Gobain, li miegħu kienet ikkonkludiet kuntratti għal perijodu indeterminat fl-Istati Membri differenti li wasslu għal bejgħ ta’ iktar minn 500 000 tunnellata fis-sena fl-Ewropa tal-Punent.

302    Konsegwentement, il-parti mill-bejgħ tar-rikorrenti lil Saint-Gobain, l-ikbar klijent tagħha, tirrappreżenta madwar 14 % tal-ammont tal-produzzjoni tagħha u 16 % tal-bejgħ tagħha fl-Ewropa.

303    Għalhekk, jekk jiġi presuppost li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju tas-saħħa kumpensatorja tal-kljienti tar-rikorrenti, mill-perċentwali indikati iktar ’il fuq jirriżulta li la Saint-Gobain u lanqas ebda wieħed mill-klijenti tagħha ma kienet f’pożizzjoni li tikkontrobilanċja s-saħħa tagħha fis-suq.

304    Bħala konklużjoni, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li tiġi kkontestata l-konstatazzjoni li hija kienet f’pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni.

305    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti

306    Il-ħames motiv huwa maqsum f’ħames partijiet, dwar, rispettivament, it-tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali, it-tnaqqis “grupp” mogħti lil Saint-Gobain, il-ftehim ta’ esklużività, il-klawżoli ta’ kompetizzjoni u n-natura diskriminatorja tal-prattiki kkontestati lir-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, dwar it-tnaqqis fuq it-tunellaġġ marġinali

–       L-argumenti tal-partijiet

307    Ir-rikorrenti ssosnti li hija ma stabbilixxietx politika ġenerali ta’ fedeltà. F’dan ir-rigward, in-noti ta’ strateġija msemmija fil-premessi 53 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata kienu kkunsidraw ir-rieda li jiġu favoriti l-klijenti li jimpenjaw ruħhom għal żmien stabbilit, li kien ekonomikament iġġustifikat. L-għan kien li jiġi rrenumerat il-vantaġġ ekonomiku li r-rikorrenti tieħu miċ-ċertezza ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha għal żmien limitat, iżda ċertament, ta’ mhux iktar minn sentejn, ammess espressament mill-Kummissjoni fl-1981.

308    Il-fatt li t-tnaqqis mogħtija jikkonċernaw it-tunellaġġ marġinali huwa ġġustifikat mill-istruttura ta’ spejjeż partikolari tal-produzzjoni tal-karbonat tas-soda. Fil-fatt, l-ispejjeż varjabbli jirrappreżentaw proporzjon żgħir ħafna tal-ispejjeż totali. Waqt in-negozjar u l-iffissar tal-prezz ta’ bejgħ tal-karbonat tas-soda fil-bidu tas-sena, l-ispejjeż totali kollha, maqsuma skont it-tunnellaġġi li l-klijenti tagħha impenjaw ruħhom li jieħdu, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tal-kwantitajiet addizzjonali eventwalment mixtrija mill-klijenti matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ir-rikorrenti tosserva li, peress li l-ispejjeż fissi kienu diġà ġew koperti mill-kwantitajiet fissi, hija kellha marġni ħafna ikbar ta’ manuvra fl-iffissar tal-prezz u fid-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis li għandu jingħata lill-klijent ikkonċernat.

309    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat b’mod ineżatt l-effetti li jirriżultaw mill-għoti ta’ allegati tnaqqis għal fedeltà mid-direttorat nazzjonali Ġermaniż lill-klijenti Ġermaniżi tagħha. Fil-fatt, hija b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-produtturi l-oħra ta’ karbonat tas-soda ma kinux kompetituri ħlief fuq it-tunnellaġġ marġinali. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-kompetituri tagħha li xtaqu jbigħu lill-klijenti tagħha li bbenefikaw minn tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali setgħu jipproponu li jiġu kkunsinnati lilhom kwantitajiet ogħla mit-tunnellaġġi marġinali, jew il-bżonnijiet kollha tagħhom, li kien jippermettilhom li joffru prezzijiet medji kompetittivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx eżaminat il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-kompetituri tagħha u l-istruttura ta’ spejjeż tagħhom f’dak iż-żmien.

310    Minbarra dan, ir-rikorrenti tqis li t-tul tal-kuntratti, li kien limitat għal sentejn, kien jippermetti lill-kompetituri tagħha li jikkontestaw il-pożizzjoni tagħha fi żmien qasir. Fid-dawl tan-negozjati tal-klijenti, kien ukoll possibbli għalihom, waqt il-perijodu kuntrattwali, li jikkontestaw l-“impenn ta’ tunnellaġġ” tagħhom”.

311    Konsegwentement, is-sistema ta’ tnaqqis stabbilita f’dan il-każ hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tawtorizza s-sistemi ta’ tnaqqis meta dawn huma ġġustifikati minn korrispettiv ekonomiku.

312    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 823/95, li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ karbonat disodiku li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 83, p.8), sabiex tiddeduċi minnu li s-sistema ta’ tnaqqis fuq l-ogħla livell kellha effett limitat ħafna fl-Ewropa, peress li din is-sistema kienet esklużivament applikata għal kwantitajiet żgħar fi swieq partikolari.

313    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

314    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ abbuż huwa kunċett oġġettiv li jirreferi għall-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-kompetizzjoni tkun diġà ddgħajfet u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jissussistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 91, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 549).

315    Għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nfisha ma timplika ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata, din l-impriża għandha, irrispettivament mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li permezz tal-aġir tagħha ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 57, u s-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 250 iktar ’il fuq, punt 229). Bl-istess mod, jekk l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma ċċaħħadx impriża li tinsab f’din il-pożizzjoni mid-dritt li tippreserva l-interessi kummerċjali proprji tagħha, meta dawn huma mhedda, u jekk din l-impriża għandha l-possibbiltà, sa livell raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tikkunsidra xierqa sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, ma jistax madankollu jiġi aċċettat dan l-aġir meta dan għandu bħala għan li jsaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u li jabbużaha (sentenza United Brands u United Brands Continental vs Il‑Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq, punt 189, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 55).

316    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-għoti ta’ tnaqqis minn impriża f’pożizzjoni dominanti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tnaqqis għal fedeltà, li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jiffornixxi ruħu esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, jmur kontra l-Artikolu 82 KE. Tali tnaqqis iwassal, fil-fatt, sabiex tiġi prekluża, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, il-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 518, u s-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 315 iktar ’il fuq, punt 56).

317    Sistema ta’ tnaqqis li għandha bħala effett l-esklużjoni mis-suq hija kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 82 KE jekk hija applikata minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tnaqqis marbut mat-twettiq ta’ għan ta’ xiri jikser l-Artikolu 82 KE (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 315 iktar ’il fuq, punt 57).

318    Is-sistemi ta’ tnaqqis kwantitattivi, marbuta esklużivament mal-volum tax-xiri li sar mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, huma ġeneralment ikkunsidrati li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni pprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda tal-kwantità pprovduta tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis għal kwantità għalhekk huma kkunsidrati bħala li jirriflettu ż-żieda ta’ effiċjenza u tal-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 315 iktar ’il fuq, punt 58).

319    Minn dan isegwi li sistema ta’ tnaqqis fejn ir-rata ta’ tnaqqis fil-prezz tiżdied skont il-volum mixtri ma tiksirx l-Artikolu 82 KE, ħlief jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis juru li s-sistema ma tistrieħx fuq korrispettiv ekonomikament ġustifikat, iżda twassal, permezz ta’ tnaqqis għal fedeltà u ta’ mira, sabiex tipprekludi l-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 90, u Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 315 iktar ’il fuq, punt 59).

320    Sabiex tiġi ddeterminata l-eventwali natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv, għandhom għalhekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwasslux, permezz ta’ vantaġġ li ma jistrieħ fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li jitneħħa lix-xerrej, jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, tal-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess tas-suq lill-kompetituri, u li lis-sħab kummerċjali jiġu applikati kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li permezz ta’ obbligu formali tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 90, u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 315 iktar ’il fuq, punt 60).

321    F’dan il-każ, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dedikata għall-aġir tar-rikorrenti intiż sabiex tiġi eskluża l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni l-ewwel nett irreferiet, fil-premessi 53 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, għal strateġija kummerċjali min-naħa tagħha wara 1982.

322    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq żewġ noti ta’ strateġija tal-1988, li skont dawn ir-rikorrenti ppruvat toħloq fedeltà mal-klijenti tagħha permezz tal-għoti ta’ tnaqqis kuntrattwali.

323    Fil-premessi 56 sa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat sussegwentement is-sistema ta’ tnaqqis implementata mir-rikorrenti fil-Ġermanja u fi Franza.

324    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssemmi dan li ġej:

“Barra t-tnaqqis użwali ta’ kwantità fuq it-tunnellaġġ ta’ bażi għall-klijenti kbar, fl-1982, Solvay tat żewġ forom addizzjonali ta’ tnaqqis fil-Ġermanja:

–        tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali, imsejjaħ ‘Spitzenrabatt’, li kien kważi dejjem iffissat għal 20 % tal-prezz tal-lista,

–        ħlas annwali speċjali għal kull ċekk DEM [sa 3.4 miljun (marki Ġermaniżi) f’każ wieħed] bil-kundizzjoni li l-klijent jiffornixxi ruħu [għand] Solvay għall-bżonnijiet kollha jew dawk essenzjali tiegħu.

[…]

Għalhekk, fil-każ ta’ Vegla, li kienet tagħmel parti mill-grupp Saint-Gobain u kienet il-klijent prinċipali ta’ Solvay fil-Ġermanja, is-sistema ta’ tnaqqis ħadmet kif ġej għall-1989:

1) fuq it-tunnellaġġ kuntrattwali ta’ bażi ta’ 85 000 tunnellata, tnaqqis ta’ 10 %;

2) għat-tunnellaġġ ‘marġinali’ ta’ 43 000 tunnellata, tnaqqis ta’ 20 %;

3) ċekk li jikkorrispondi għat-tunnellaġġ marġinali ta’ DEM 3 349 000.

[…]

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, bħal f’dak ta’ Vegla, is-sistema ta’ tnaqqis tafferma l-pożizzjoni ta’ Solvay bħala fornitur esklużiv. Madankollu, din is-sistema kienet intiża wkoll sabiex iżżomm il-parti dominanti ta’ Solvay meta l-klijenti kellhom bħala politika li jaqsmu l-attività tagħhom bejn żewġ fornituri. Flachgals, it-tieni klijenta ta’ Solvay fil-Ġermanja, kienet taqsam l-attivitajiet tagħha bl-ingrossa fi proporzjoni ta’ 70 għal 30 bejn Solvay u M & W. Mill-1983, il-kundizzjonijiet ta’ prezz applikati minn Solvay lil Flachglas kienu jipprevedu tnaqqis ta’ kwantità ta’ 8.5 % għal kull kwantità sa 70 kilotunnellata, 20 % fuq kull tunnellata marġinali, kif ukoll ċekk minn DEM 500 000 sa 750 000. Dan it-tnaqqis addizzjonali skont iċ-ċekk kien ifisser li l-prezz reali ta’ kull tunnellaġġ marġinali iktar minn 70 kilotunnellata kien (skont il-kwantità) biss ta’ DEM 250 jew 260 kull tunnellata. Kien estremament diffiċli għat-tieni fornitur jikkompeti għall-parti ‘essenzjali’ tal-provvista miżmuma minn Solvay, li (kif jirriżulta mid-dokumenti stess ta’ Solvay) kien protett mill-‘barriera’ tat-tnaqqis. Anki jekk it-tieni fornitur kien f’pożizzjoni li jagħti prezz fatturat ta’ DEM 332.40 (prezz tal-lista -20 %), kien improbabbli ħafna li l-klijent xtaq jirriskja li jitlef iċ-ċekk sostanzjali li l-ħlas tiegħu kien b’mod ċar suġġett għax-xiri minnu ta’ tunnellaġ li kien adegwat għal Solvay minbarra t-tunnellaġġ kuntrattwali ta’ bażi. Dokumenti miksuba minn Matthes & Weber jikkonfermaw li kien impossibbli għal din il-kumpannija li tieħu parti mill-provvista ta’ Flachglas miżmuma minn Solvay.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

325    Ir-rikorrenti fl-ebda mument ma tikkontesta l-elementi kkunsidrati fir-rigward tagħha f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ tnaqqis implementat fi Franza. Fil-fatt, hija tagħmel biss referenza għas-sistema implementata fil-Ġermanja.

326    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat biss jekk is-sistema ta’ tnaqqis stabbilita mir-rikorrenti fil-Ġermanja kinitx tikkostitwixxi sistema ta’ tnaqqis kwantitattivi, li permezz tagħhom il-fornitur seta’ jibbenefika lill-klijenti tiegħu permezz tal-ekonomiji ta’ skala miksuba permezz tal-impenji ta’ xiri tagħhom jew ukoll permezz ta’ sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà li, permezz ta’ vantaġġ li ma jistrieħ fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, huwa intiż li jirrestrinġi l-għażla tal-klijenti tar-rikorrenti fis-sorsi ta’ provvista tagħhom.

327    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza u l-kontenut taż-żewġ noti ta’ strateġija tal-1998, iżda ssostni li dawn kellhom bħala għan li jiffavorixxu l-klijenti li jimpenjaw ruħhom għal perijodu, li jkun ekonomikament iġġustifikat.

328    Konformement mal-ġurisprudenza, għandhom jiġi evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis.

329    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għal tnaqqis ta’ kwantità marbut biss mal-volum tax-xiri, ebda progressività ma kienet prevista fir-rati ta’ tnaqqis mogħtija fuq il-kwantitajiet ta’ bażi u l-kwantitajiet marġinali, is-sistema tipprovdi l-passaġġ ta’ rata minn madwar 7 % sa 10 % applikat fuq l-ewwel kwantitajiet għal rata ta’ 20 % mogħtija għat-tieni kwantitajiet, ammont barra minn hekk ikkompletat bl-applikazzjoni ta’ ħlas speċjali b’ċekk.

330    Minbarra dan, ir-rata ta’ 20 % bdiet tapplika minn meta l-klijent ordna lir-rikorrenti kwantitajiet addizzjonali fir-rigward ta’ dawk iffissati kuntrattwalment, indipendentement mill-importanza f’termini assoluti ta’ dawn tal-aħħar, hekk kif jirriżulta mill-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata.

331    It-tnaqqis fil-prezzijiet għalhekk ma seħħx gradwalment, skont kwantitajiet iffissati kuntrattwalment, iżda biss meta l-kwantitajiet laħqu ċeru livell iffissat fuq livell viċin bżonnijiet stabbiliti waqt in-negozjati tal-kuntratt. Madankollu, f’sistema ta’ tnaqqis għal kwantità, il-vantaġġ għandu jgħaddi fuq il-prezz tat-tunnellaġġ ta’ bażi, skont kwantitajiet mixtrija.

332    L-applikazzjoni kumulattiva ta’ dan it-tnaqqis kellha bħala konsegwenza li l-prezz unitarju offert għall-kwantitajiet marġinali kien b’mod sinjifikattiv inqas mill-prezz medju mħallas mill-kljient għall-kwantitajiet ta’ bażi ffissati kuntrattwalment, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessi 61 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata.

333    Konsegwentement, il-klijenti kienu inċitati sabiex jiffornixxu ruħhom mingħand ir-rikorrenti wkoll għat-tunnellaġġi li jaqbżu l-kwantitajiet kuntrattwali, sa fejn il-fornituri l-oħra kienu diffiċilment setgħu joffru, fuq dawn it-tunnellaġġi, prezzijiet kompetittivi meta pparagunati ma’ dawk offerti mir-rikorrenti (premessi 63 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

334    Minbarra dan, skont is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 315 iktar ’il fuq (punti 107 sa 109), ir-rikorrenti għandha turi li s-sistema ta’ tnaqqis tagħha kienet ibbażata fuq ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva. Madankollu, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda indikazzjoni konkreta f’dan ir-rigward. Hija tindika biss li din kienet renumerazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku li hija tieħu miċ-ċertezza ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha.

335    Dan l-argument huwa wisq ġenerali u ma jistax jikkostitwixxi ġustifikazzjoni li tippermetti li tiġi spjegata konkretament l-għażla ta’ tnaqqis applikati.

336    Fuq kollox, in-natura ta’ fedeltà tas-sistema ta’ tnaqqis implementata tirriżulta mill-provi dokumentarji eżaminati fil-premessi 68 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

337    Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċeduri antidumping, l-invokazzjoni tar-Regolament Nru 823/95 hija rrilevanti, peress li kien ġie adottat f’kuntest legali totalment differenti.

338    Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi presuppost li t-tnaqqis ġie applikat biss fuq kwantitajiet żgħar, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirristrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir huwa, jew jista’ jkollu tali effett (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 315 iktar ’il fuq, punt 239).

339    Madankollu, dan huwa l-każ f’sitwazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali implementata mir-rikorrenti fil-Ġermanja.

340    Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kkonkludiet li s-sistema ta’ tnaqqis li hija kienet stabbilixxiet fil-Ġermanja kellha bħala għan li toħloq fedeltà fil-kljient u setgħet ikollha effett ta’ esklużjoni fuq il-kompetizzjoni.

341    Għalhekk, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar it-tnaqqis “grupp” mogħti lil Saint-Gobain

–       L-argumenti tal-partijiet

342    Ir-rikorrenti ssostni li l-protokoll sigriet konkluż ma’ Saint-Gobain ma kienx jikkostitwixxi kuntratt esklużiv jew kważi esklużiv, peress li hija kienet tipprovdi biss madwar 67 % tal-bżonnijiet kollha ta’ Saint-Gobain fl-Ewropa.

343    Ir-rikorrenti ssostni li l-kunsinni seħħew fuq livell nazzjonali minħabba raġunijiet ibbażati fuq ir-realtà ekonomika, jiġifieri essenzjalment l-ispejjeż ta’ trasport. Minbarra dan, it-tnaqqis ta’ 1.5 % kien ingħata fuq il-kwantitajiet effettivament mixtrija mis-sussidjarji nazzjonali u fuq it-talba ta’ Saint-Gobain. Dan huwa tnaqqis addizzjonali ta’ kwantità, li kien limitat għal livell moderat sabiex tiġi evitata kull kuntrarjetà mar-regoli ta’ kompetizzjoni Komunitarji.

344    Ir-rikorrenti żżid tgħid li dan it-tnaqqis ma kienx ikkalkolat fuq is-somma tax-xiri tal-grupp. Il-bażi tat-tnaqqis għal kull wieħed mis-sussidjarji ta’ Saint-Gobain kien ikkostitwit mill-prezz ta’ bejgħ lilha, immoltiplikat mill-bejgħ lilha. Konsegwentment, it-tnaqqis huwa marbut max-xiri li s-sussidjarji ta’ Saint-Gobain kienu impenjaw ruħhom li jwettqu direttament mingħand direttorati nazzjonali differenti tar-rikorrenti.

345    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299, il-Kummissjoni aċċettat kuntratt li hija kienet ikkonkludiet mal-grupp Saint-Gobain fl-1994 li skont dan il-kumpanniji tal-grupp Saint-Gobain kienu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet privileġġati f’dak li jikkonċerna l-provvista ta’ karbonat tas-soda, fid-dawl tal-fatt li t-tul tal-kuntratt kien ta’ tliet snin u li dan ma ġiex ipprorogat.

346    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-protokoll sigriet li hija kkonkludiet mal-grupp Saint-Gobain ma kienx ipprekluda lis-sussidjarji nazzjonali ta’ Saint-Gobain milli jużaw it-theddida għan-negozjar tal-kundizzjonijiet kuntrattwali iktar vantaġġużi, jew ukoll li jiksru l-kuntratt tagħhom, bħal fil-każ ta’ Saint-Gobain France.

347    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

348    Fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-protokoll sigriet kien iddestinat sabiex jikkonferma r-rikorrenti fil-pożizzjoni ta’ fornitur esklużiv jew kważi esklużiv ta’ Saint-Gobain fl-Ewropa tal-Punent, ħlief fi Franza.

349    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dan il-protokoll sigriet, u lanqas il-kontenut tal-klawżola 4 ta’ dan il-protokoll li kienet miktuba kif ġej:

“Fil-kuntest ta’ dan il-protokoll, Solvay tagħti minbarra dan lil Saint-Gobain tnaqqis addizzjonali ta’ 1.5 % ikkalkolat fuq ix-xiri kollu ta’ karbonat tas-soda ta’ Saint-Gobain mingħand Solvay fl-Ewropa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

350    Ir-rikorrenti ssostni li dan it-tnaqqis kien jikkostitwixxi tnaqqis addizzjonali għal kwantità, mogħti skont xiri tas-sussidjarji ta’ Saint-Gobain mingħand id-direttorati nazzjonali differenti tagħha.

351    Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija ssostni li t-tnaqqis ta’ 1.5 % ma kienx jirrappreżenta tnaqqis fil-kwantità, peress li kull wieħed mis-sussidjarji ta’ Saint-Gobain kien irċieva tnaqqis li ma kienx esklużivament marbut mal-kwantitajiet mixtrija minnu, iżda li kien ukoll skont il-kwantitajiet mixtrija mis-sussidjarji l-oħra. Peress li ġie kkalkolat fuq il-produzzjoni tal-grupp kollu, dan it-tnaqqis, li ma kienx jikkorrispondi għal vantaġġ ekonomiku marbut mal-kwantitajiet ikkunsinnati, kellu għalhekk bħala għan u bħala effett li joħloq fedeltà tal-grupp kollu u għalhekk kien jikkostitwixxi tnaqqis għal fedeltà.

352    F’dan ir-rigward, jirriżulta mit-test stess tal-klawżola 4 tal-protokoll sigriet li t-tnaqqis kien ikkalkolat fuq ix-“xiri kollu” ta’ karbonat tas-soda minn Saint-Gobain mingħand ir-rikorrenti fl-Ewropa.

353    Minbarra dan, meta l-Qorti Ġenerali kienet stednitha tippreċiża l-argument tagħha fuq mistoqsija bil-miktub fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti kkuntentat ruħha tafferma li t-tnaqqis ma kienx “bħal ma protokoll iħalli x’jaħseb” ikkalkolat jew mogħti fuq is-somma tax-xiri kollu ta’ Saint-Gobain meħud bħala ħaġa waħda mingħandha fl-Ewropa.

354    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kunsiderazzjonijiet sostnuti ta’ natura li jikkontestaw l-interpretazzjoni letterali tal-klawżola 4 tal-protokoll sigriet, għandu jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis ta’ 1.5 % mogħti indipendentement minn kull kunsiderazzjoni marbuta mal-vantaġġi ekonomiċi f’termini ta’ effiċjenza u ta’ ekonomiji ta’ skala li kull sussidjarja ta’ Saint-Gobain kienet kisbet mill-fatt tax-xiri ta’ karbonat tas-soda biss, kien jikkostitwixxi tnaqqis għal fedeltà.

355    Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-ammont moderat ħafna tat-tnaqqis kien jippermetti li jiġi evitat kull effett antikompetittiv. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk modest, l-ammont ta’ tnaqqis għal fedeltà jeżerċita influwenza fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

356    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni aċċettat il-konklużjoni ta’ kuntratt li skont dan Saint-Gobain kienet tibbenefika minn kundizzjonijiet privileġġati bil-kunsens tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ittra tal-Kummissjoni, prodotta mir-rikorrenti, tindika li “l-applikazzjoni tal-Artikolu [82] tat-Trattat ma setgħetx tiġi eskluża”.

357    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-protokoll sigriet ma pprekludiex lis-sussidjarji nazzjonali ta’ Saint-Gobain milli jużaw it-theddida sabiex jinnegozjaw kundizzjonijiet kuntrattwali iktar vantaġġużi jew ukoll li jiksru l-kuntratt tagħhom fil-każ ta’ Saint-Gobain France, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element insostenn ta’ din l-affermazzjoni. F’kull każ, dan l-argument ma huwiex effettiv peress li ma huwiex relatat ma’ ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika l-aġir ikkwalifikat ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti.

358    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li t-tnaqqis “grupp” mogħti lil Saint Gobain kien kontra l-Artikolu 82 KE.

359    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, dwar il-ftehim ta’ esklużività

–       L-argumenti tal-partijiet

360    Ir-rikorrenti ssostni li, għall-ftehim ta’ esklużività espressa konklużi ma’ impriżi differenti, il-Kummissjoni ddeduċiet, b’mod żbaljat, minn diversi dokumenti li wħud mill-klijenti tagħha kienu aċċettaw jew kienu ġew kostretti jaċċettaw li jiffornixxu ruħhom esklużivament mingħand id-direttorat nazzjonali kkonċernat.

361    Fir-rigward tal-esklużività ta’ fatt, ir-rikorrenti tosserva li ma jirriżultax mill-proċess li hija imponiet fil-kuntratt il-kwantitajiet li kellhom jiġu pprovduti billi tiżgura ruħha minn qabel li dawn kienu qrib il-bżonnijiet totali tal-klijent. Barra minn hekk, l-iffissar ta’ dawn il-kwantitajiet kien totalment iġġustifikat, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ ħażna tal-klijenti u tal-ħtieġa ta’ provvista regolari u konstanti fil-karbonat tas-soda.

362    Fuq kollox, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha attitudni kontradittorja. Minn naħa, din kienet awtorizzataha, fl-1981, sabiex tissostitwixxi l-kuntratti eżisteni b’kuntratti ta’ tul massimu ta’ sentejn jew b’kuntratti għal tul indeterminat li jipprovdi avviż bil-quddiem ta’ sentejn. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat, preżentement, li dan it-tul huwa eċċessiv.

363    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li, waqt il-perijodu kkunsidrat, kemm Glaberbel kif ukoll Saint-Gobain kienu barra minn hekk iddenunzjaw il-kuntratt tagħhom magħha f’dak li jikkonċerna Franza.

364    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

365    Skont ġurisprudenza stabbilita, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti fis-suq, il-fatt li torbot – anki jekk fuq it-talba tagħhom – xerrejja permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiffornixxu ruħhom għall-bżonnijiet kollha jew parti kunsiderevoli tal-bżonnijiet kollha tagħhom esklużivament mingħandha jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni huwa stipulat mingħajr kundizzjonijiet oħra, kemm hekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess iseħħ meta din l-impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, kemm ftehim magħmula ma’ dawn ix-xerrejja, u kemm unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri t-tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent – indipendentement mill-ammont, kunsiderevoli jew minimu, tax-xiri tagħha – jiffornixxi ruħu esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffman-Laroche vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 89). Fil-fatt, l-impenji ta’ provvista esklużiva ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il-korrispettiv ta’ tnaqqis jew l-għoti ta’ tnaqqis għal fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi inċitat jiffornixxi ruħu esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma jibbażawx fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda li għandha tendenza li ċċaħħad lix-xerrej, jew li tirrestrinġi fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu u li tostakola l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra (sentenza Hoffman-Laroche vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 90).

366    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet l-eżistenza ta’ esklużivitajiet espressi u esklużivitajiet ta’ fatt.

367    F’dak li jikkonċerna Vegla, Oberland Glas u Owens Corning, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata li kien espressament miftiehem li l-klijent jiffornixxu ruħu għall-bżonnijiet kolha tiegħu mingħand ir-rikorrenti. Hija sostniet ruħha f’dan ir-rigward fuq provi dokumentarji ddettaljati fl-ewwel parti tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 92 sa 97 u 110).

368    Wara mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreċiżat ir-referenzi tad-dokumenti tal-proċess li fuqhom hija bbażat sabiex tasal għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ esklużivitajiet espressi.

369    Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dawn id-dokumenti, iżda tallega li dawn ġew interpretati ħażin mill-Kummissjoni.

370    Fir-rigward ta’ Vegla, ir-rikorrenti tammetti li “huwa mingħajr dubju preċiż li s-sussidjarja Ġermaniża tar-rikorrenti (DSW) tidher li xi drabi interpretat dan il-kuntratt fis-sens ta’ esklużività”. Hija tindika madankollu li DSW mhux dejjem kellha l-istess intepretazzjoni, mingħajr ma ssostni din l-affermazzjoni bil-fatti jew bi provi.

371    Fir-rigward ta’ Oberland Glas, ir-rikorrenti ssostni li dan kien “fatt iżolat” mingħajr ma tikkontesta l-eżistenza tiegħu.

372    Fir-rigward ta’ Owens Corning, ir-rikorrenti rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ proposti min-naħa ta’ wħud mid-direttorati nazzjonali tagħha. L-unika difiża tagħha tikkonsisti li jiġi ddikjarat li ma jirriżultax mid-dokumenti inkwistjoni li dawn l-offerti jew dawn l-impenji ta’ esklużività kienu ġew aċċettati.

373    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament li r-rikorrenti kienet ikkonkludiet esklużivitajiet espressi.

374    Fir-rigward tal-esklużivitajiet ta’ fatt, il-Kummissjoni ħabbret, fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-każijiet li ma humiex l-esklużivitajiet espressi, it-tunnellaġġ kuntrattwali previst fil-kuntratt prinċipali għal perijodu indeterminat, li kien jirrikjedi avviż bil-quddiem ta’ sentejn, kien jikkorrispondi mal-bżonnijiet kollha tal-klijent, ma’ madankollu ċerta marġni, ġeneralment ta’ bejn wieħed u ieħor 15 %, u li l-klijent indika lir-rikorrenti fil-bidu ta’ kull sena l-kwantità eżatta tal-bżonnijiet tagħha f’dan il-perijodu.

375    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 365 iktar ’il fuq, huwa mingħajr effett il-fatt li l-esklużività hija stabbilita fuq it-talba tal-klijent. Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-kwantitajiet kienu stabbiliti mill-klijenti tagħha skont ix-xewqat tagħhom.

376    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-ftehim ta’ esklużività konklużi ma’ BSN, Verlipack u Verreries d’Albi.

377    Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni, ittra ta’ Saint-Roch lill-Kummissjoni, fil-21 ta’ Diċembru 1989, li tinsab fil-proċess, tindika li r-rikorrenti kienet tiffornixxi 100 % tat-tunnellaġġ mixtri minn Saint‑Roch bejn l-1982 u l-1987, sussegwentement fl-1989, u kważi t-totalità kollha tat-tunnellaġġi fl-1988. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li Solvay kellha effettivament esklużività ta’ fatt f’dak li jikkonċerna Saint-Roch.

378    Bl-istess mod, il-Kummissjoni tinvoka ittra indirizzata lilha minn Glaverbel, fit-18 ta’ Diċembru 1989, li wkoll tinsab fil-proċess, li tikkonferma li l-fornituri kollha tagħha barra mill-Ġermanja tal-Lvant kienu ġejjin mir-rikorrenti.

379    Jirriżulta minn dan kollu li, fis-suq inkwistjoni, ir-rikorrenti ffornixxiet, għall-bżonnijiet kollha tagħhom, lil tal-inqas żewġ impriżi fost dawk iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Saint-Roch u Glaverbel.

380    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li r-rikorrenti kienet ikkonkludiet ftehim ta’ esklużività espressi u li kienu jeżistu esklużivitajiet ta’ fatt.

381    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-attitudni kontradittorja tal-Kummissjoni, mill-premessi 192 u 193 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara li indikat il-ftehim tagħha fuq perijodu ta’ avviż bil-quddiem ta’ sentejn fil-każ tal-kuntratti għal perijodu indeterminat, il-Kummissjoni ma imponietx multa fuq ir-rikorrenti ħlief għat-tnaqqis għal fedeltà u l-“ftehim ta’ esklużività uffiċjali”. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa nieqes minn fatt.

382    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li Glaverbel u Saint-Gobain kienu ddenunzjaw il-kuntratt rispettiv tagħhom magħha f’dak li jikkonċerna Franza, barra li ma huwiex sostnut, ma jbiddel xejn min-natura illegali tal-ftehim ta’ esklużività.

383    Konsegwentement, it-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-klawżoli ta’ kompetizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

384    Ir-rikorrenti tindika li l-klawżoli ta’ kompetizzjoni li jinsabu fil-kuntratti tagħha, li huma kkontestati, kienu ġew adattati skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

385    Minbarra dan, fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet assimilat abbużivament il-klawżoli ta’ riżerva li jinsabu f’ċerti kuntratti ma’ klawżoli ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, mill-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, dawn il-klawżoli ma setgħux minnhom infushom jiġu kkritikati, iżda li, jekk il-klawżoli ta’ riżerva kienu jippermettu lill-klijent li juża l-offerti kompetittivi sabiex inaqqas il-prezz li għandu jitħallas lir-rikorrenti, kien ftit probabbli li kompetitur jasal effettivament sabiex jikseb u jikkonserva parti mill-provvista.

386    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

387    Fil-premessi 112 sa 122 tad-deċiżjoni kkotestata, il-Kummissjoni tipprovdi elementi ddettaljati fir-rigward tal-klawżoli ta’ kompetizzjoni li jinsabu fil-kuntratti konklużi mir-rikorrenti.

388    Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dawn il-klawżoli ta’ kompetizzjoni.

389    L-uniku argument tagħha jikkonsisti li hija tindika li dawn kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni fl-1981.

390    Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kinitx aċċettat fl-1981 il-“klawżola ta’ kompetizzjoni” jew “klawżola Ingliża” kif kkontestata lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-kawża fil-premessi 112 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata.

391    Fir-rigward tal-klawżoli ta’ riżerva, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn id-“diversi forom ta’ klawżoli ta’ kompetizzjoni” tal-“mekkaniżmi oħra simili esposti fil-premessi 111 sa 123”. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti huwa nieqes minn fatt. Barra minn hekk, l-essenzjali tal-argument tal-Kummissjoni jikkonċerna l-klawżoli ta’ kompetizzjoni hekk imsejħa.

392    Għalhekk, ir-raba’ parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, dwar in-natura diskriminatorja tal-prattiki kkontestati

–       L-argumenti tal-partijiet

393    Ir-rikorrenti tallega li l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ prattiki diskriminatorji min-naħa tagħha ma jibbaża fuq ebda element fattwali kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. L-unika referenza għal allegata differenza ta’ trattament tidher fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti stabbilita għad-deskrizzjoni legali tat-tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali. Huwa wkoll żbaljat li jiġi allegat, minn naħa, li s-sussidjarji tal-grupp Saint-Gobain, u b’mod partikolari Vegla, jibbenefikaw minn trattament inqas favorevoli, min-naħa l-oħra li Vegla hija ħafna inqas ittrattata sew minn PLM. Madankollu, il-produtturi ta’ ħġieġ ċatt, bħal Vegla, huma attivi f’suq li huwa differenti minn dak tal-produtturi tal-ħġieġ bewwaq, bħal PLM.

394    F’kull ipoteżi, il-Kummissjoni kienet b’mod inkorrett evalwat ir-rwol tal-prezz tal-karbonat tas-soda fuq l-ispejjeż tal-produtturi tal-ħġieġ. Fil-fatt, jekk il-karbonat tas-soda jikkostitwixxi l-materja prima l-iktar importanti fil-produzzjoni tal-ħġieġ, huwa jirrappreżenta biss minn 2 sa 6 % tal-prezz ta’ bejgħ medju tal-ħġieġ. Għalhekk, differenza fl-ammont ta’ tnaqqis fuq il-prezz tal-karbonat tas-soda ma tistax ikollha influwenza sinjifikattiva fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-ħġieġ ikkonċernati.

395    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

396    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, impriża f’pożizzjoni dominanti għandha d-dritt li tagħti kunsens lill-klijenti tagħha għal tnaqqis għal kwantità, marbuta esklużivament mal-volum tax-xiri li jseħħ mingħandha. Madankollu, il-metodi ta’ kalkolu ta’ dawn it-tnaqqis ma għandhomx jirriżultaw fir-rigward tas-sħab kummerċjali f’kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti, bi ksur tat-tieni paragrafu (ċ) tal-Artikolu 82 KE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li hija l-essenza stess ta’ sistema ta’ tnaqqis għal kwantità li l-iktar xerrejja jew utenti importanti ta’ prodott jew ta’ servizz jibbenefikaw mill-prezzijiet medji unitarji iżgħar jew, bl-istess mod, ta’ rati medji ta’ tnaqqis ogħla minn dawk li huma kkunsentiti lix-xerrejja u lill-utenti l-inqas importanti ta’ dan il-prodott jew servizz. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, anki fil-każ ta’ progress lineari tar-rati ta’ tnaqqis skont kwantitajiet ma’ tnaqqis massimu, ir-rata medja ta’ tnaqqis tiżdied (jew il-prezz medju jonqos) matematikament, fl-ewwel żmien, f’proporzjon ogħla miż-żieda tax-xiri u, fit-tieni żmien, f’proporzjon inqas miż-żieda tax-xiri, qabel ma tistabbilizza ruħha lejn ir-rata massima ta’ tnaqqis. L-uniku fatt li r-riżultat ta’ sistema ta’ tnaqqis għal kwantità jwassal li ċerti klijenti jibbenefikaw, fuq kwantitajiet partikolari, minn rata medja ta’ tnaqqis proporzjonalment iktar għolja minn dik mogħtija lil klijenti oħra fir-rigward tad-differenza ta’ volumi ta’ xiri rispettivi tagħhom huwa inerenti għal din it-tip ta’ sistema u ma jistax waħdu jippermetti li jiġi dedott li s-sistema hija diskriminatorja. Madankollu, meta l-limiti tal-livelli differenti ta’ tnaqqis, marbuta mar-rati prattikati, iwasslu sabiex jiġi rriżervat il-benefiċċju ta’ tnaqqis, jew tnaqqis addizzjonali, lil ċerti sħab kummerċjali filwaqt li jagħtuhom vantaġġ ekonomiku mhux iġġustifikat skont il-volum ta’ attività li huma jġibu u b’eventwali ekonomiji ta’ skala li huma jippermettu lill-fornitur li jwettaq fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, sistema ta’ tnaqqis għal kwantità twassal għall-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti. Fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi, limitu għoli tas-sistema li jista’ jintlaħaq biss minn xi sħab partikolarment importanti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, jew in-nuqqas ta’ linearità taż-żieda tar-rati ta’ tnaqqis mal-kwantitajiet, jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet ta’ tali trattament diskriminatorju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Mejju 2001, Il‑Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑163/99, Ġabra p. I-2613, punti 50 sa 53).

397    F’dan il-każ, kif diġà kien indikat waqt l-eżami tal-ewwel parti tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet dwar is-sisema ta’ tnaqqis implementata fi Franza.

398    Madankollu, is-sistema ta’ tnaqqis implementata mir-rikorrenti ma ssegwix progress lineari skont kwantitajiet, anki bejn l-impriżi li jibbenefikaw minn tali tnaqqis. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mid-deċiżjoni kkontestata li t-tnaqqis mogħti lil Durant u lil Perrier kienu ta’ ammont differenti (premessi 75 u 76).

399    Għalhekk, minn dan l-uniku fatt, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ prattiki diskriminatorji kien ibbażat fuq elementi fattwali kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata.

400    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ suq differenti għall-produtturi ta’ ħġieġ bewwaq u dawk ta’ ħġieġ ċatt, għandu jitfakkar li s-suq inkwistjoni huwa dak tal-karbonat tas-soda u mhux dak tal-ħġieġ. Konsegwentement, ma għandhiex issir distinzjoni bejn il-produtturi ta’ ħġieġ, fost il-kljienti tal-produtturi ta’ karbonat tas-soda.

401    Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-ispejjeż minimi ta’ karbonat tas-soda. Madankollu, din l-affermazzjoni la hija sostnuta u lanqas hija ta’ natura li tikkontesta n-natura diskriminatorja tal-prattiki kkontestati lir-rikorrenti.

402    Għaldaqstant, il-ħames parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda, u konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

403    Is-sitt motiv huwa essenzjalment artikolat fi tliet partijiet, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ aċċess għal dokumenti akkużatorji, fuq l-eżistenza ta’ dokumenti utli għad-difiża fost id-dokumenti tal-fajl ikkonsultati fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni kompleta tal-fajl mir-rikorrenti.

404    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, anki jekk din hija proċedura amministrattiva. Dan jeħtieġ li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jkunu f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jippreżentaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenza Hoffman-La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 11, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 49).

405    Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, li huwa korollarju mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn tal-aħħar jinkludu kemm id-dokumenti akkużatorji kif ukoll dawk li jiskaġunaw, salv is-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 68, u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoeschst vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 145).

406    Fir-rigward tal-elementi akkużatorji, l-impriża kkonċernata għandha turi li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kienet tkun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu sabiex takkuża lil din l-impriża kellu jiġi skartat bħala prova ta’ akkuża. Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, li kieku hija setgħet tagħmel użu minnhom matul il-proċedura amministrattiva, hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u setgħet għalhekk tinfluwenza, b’xi mod kwalunkwe, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, tal-inqas fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-aġir li ġiet akkużata bih, u, għaldaqstant, il-livell tal-multa. Il-possibbiltà li dokument mhux żvelat seta’ kellu influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juru li d-dokumenti mhux żvelati setgħu kellhom – fir-rigward ta’ dawn il-provi – importanza li ma kienx imissha ġiet injorata (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 405 iktar ’il fuq, punti 73 sa 76, u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoescht vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 146).

407    Fl-aħħar nett, ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl jista’ jwassal għal annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biss jekk l-aċċess irregolari għall-fajl tal-investigazzjoni matul il-proċedura amministrattiva kien ipprekluda lill-impriża jew lill-impriżi kkonċernati milli jkunu jafu dwar id-dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħhom u kien, b’dan il-mod, kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Dan ikun il-każ jekk l-iżvelar ta’ dokument seta’ wassal għal possibbiltà, anki żgħira, li l-proċedura amministrattiva tasal għal konklużjoni fis-sitwazzjoni fejn l-impriża kkonċernata setgħet tagħmel użu minnu matul l-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 405 iktar ’il fuq, punti 73 sa 76).

408    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi evalwat jekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ aċċess għal dokumenti akkużatorji

–       L-argumenti tal-partijiet

409    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma tindikax fuq liema provi dokumentarji huma fondati ċerti obbligi fir-rigward tagħha, b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-premessi 138 sa 176 tad-deċiżjoni kkontestata.

410    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tagħha għandhom jiġu miċħuda, peress li d-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma fihom ebda element ta’ natura li jsostni dawn l-allegazzjonijiet.

411    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

412    Skont il-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Sabiex tiġi evalwata s-saħħa fis-suq tar-rikorrenti għall-għanijiet ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi kollha inkwistjoni, inklużi l-elementi li ġejjin:

[…]

ix)      ir-rwol tradizzjonali ta’ Solvay bħala impriża li teżerċita influwenza predominanti fuq il-prezzijiet;

x)      il-perċezzjoni li kellhom il-produtturi Komunitarji oħra ta’ Solvay bħala produttur dominanti, u n-nuqqas ta’ retiċenza li jikkompetu b’mod aggressiv magħha fir-rigward tal-klijenti tradizzjonali tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

413    Barra minn hekk, rigward il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ esklużività, fil-premessa 176 huwa stabbilit dan li ġej:

“Peress li huwa impossibbli li jiġi previst b’ċertezza liema ser tkun is-sitwazzjoni sentejn iktar tard, fejn it-terminu twil ta’ avviż bil-quddiem kellu effett ta’ dissważjoni kunsiderevoli, il-klijenti jaħsbuha qabel itemmu rabta ma’ Solvay. Uħud minnhom tal-inqas ikkunsidraw li dan il-perijodu twil ta’ avviż bil-quddiem kien oppressiv.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

414    Għandu jiġi rrilevat li dawn it-tliet affermazzjonijiet jikkostitwixxu affermazzjonijiet ta’ natural ġenerali, li jinsabu fit-tieni parti tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikata għall-evalwazzjoni ġuridika.

415    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tispjegax sa fejn dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jkollhom influwenza fuq il-konstatazzjoni tal-ksur ikkontestat. Madankollu, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ elementi akkużatorji, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kienet tkun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu sabiex takkuża lil din l-impriża kellu jiġi skartat bħala prova ta’ akkuża.

416    Għaldaqstant, l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ dokumenti utli għad-difiża fost id-dokumenti tal-fajl ikkonsultati fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

417    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn tal-aħħar jinkludu kemm id-dokumenti akkużatorji kif ukoll dawk li jiskaġunaw, salv is-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra. Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 145 u 146, u l-ġurisprudenza ċċitata).

418    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil-15 ta’ Lulju 2005, wara l-konsultazzjoni ta’ dokumenti tal-fajl.

419    Ir-rikorrenti ssostni li l-aċċess għal dawn id-dokumenti waqt il-proċedura amminstrattiva kien jippermettilha li tressaq argumenti utli għad-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna s-suq ġeografiku rilevanti, is-suq tal-prodott inkwistjoni, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti u l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti.

–       Fuq is-suq ġeografiku rilevanti

420    Skont ir-rikorrenti, mid-dokumenti kkonsultati jirriżulta li l-kwistjoni tas-suq ġeografiku hija partikolarment kumplessa. Minn naħa, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-importanza tal-ispejjeż ta’ trasport tal-karbonat tas-soda filwaqt li dawn l-ispejjeż ma jippermettux lil produttur barrani li jikkompeti ma’ produttur lokali fil-parametru naturali tal-klijentela tal-fabbrika tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-klijenti jagħtu l-preferenza lill-produttur lokali, li lilhom jiggarantixxi kontinwità ta’ kunsinna u, għalhekk, ċertezza dejjem ikbar ta’ provvista. Ir-rikorrenti tinvoka f’dan ir-rigward dokumenti li jikkonċernaw Akzo u Rhône-Poulenc.

421    Skont ir-rikorrenti, jekk id-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti kkunsidrata fid-deċiżjoni kkontestata ma tikkorrispondix mar-realtà kif maħsuba mill-kompetituri tagħha, ma jidhirx possibbli li jiġi ddefinit is-suq ġeografiku rilevanti bħala li jsegwi b’mod strett il-fruntieri nazzjonali. Fil-fatt, is-suq huwa kkaratterizzat minn ragruppamenti reġjonali li l-kontorn tagħha huma diffiċli li jiġu ddeterminati b’eżattezza. F’kull każ, id-determinazzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti ma huwiex possibbli fuq il-bażi ta’ inkjesta frammentata magħmula mill-Kummissjoni.

422    Dan ir-raġunament għandu jiġi miċħud.

423    Fir-rigward tal-importanza tal-ispejjeż ta’ trasport tal-karbonat tas-soda, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li n-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumebti Akzo u ta’ Rhône-Poulenc seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-proċess jirriżulta fil-fatt li r-rikorrenti ma injoratx dan l-element, peress li fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija indikat li l-karbonat tas-soda huwa prodott “li ma huwiex partikolarment ipproċessat u għalhekk ma huwiex partikolarment għali” u li “l-ispejjeż tat-trasport huma għalhekk fattur importanti ta’ prezz li jaqa’ fuq l-utenti.” Hija għalhekk setgħet tinvoka dan l-argument waqt il-proċedura amministrattiva, anki jekk hija ma kellhiex aċċess għad-dokumenti ta’ Akzo u ta’ Rhône-Poulenc.

424    Fir-rigward tal-fatt li l-klijenti taw il-preferenza għall-produtturi lokali, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma injoratx dan l-element, peress li, fid-19 ta’ Frar 1981, ir-rikorrenti indirizzat ittra lid-direttorati nazzjonali differenti tagħha fejn stednithom jemendaw il-kuntratti ta’ tunnellaġġ tagħhom mal-industrija tal-ħġieġ wara li saru osservazzjonijiet mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija ma tistax tibbaża ruħha fuq il-preferenza mogħtija lill-produtturi lokali sabiex jiġi stabbilit li n-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti ta’ Akzo u ta’ Rhône-Poulenc seta’ influwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

425    Għaldaqstant, l-ilment invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq is-suq tal-prodott inkwistjoni

426    Ir-rikorrenti tafferma li d-dokument li nstabu għand il-kompetituri tagħha u l-klijenti tagħha kienu jippermettulha li tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq tal-prodott inkwistjoni. Fil-fatt, is-soda kawstiku kien eżerċita pressjoni kompetittiva fuq il-produtturi ta’ karbonat tas-soda matul l-ikbar parti tal-perijodu meta twettaq il-ksur ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata.

427    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti, l-ikbar produttur ta’ karbonat tas-soda fl-Ewropa fiż-żmien tal-fatti, setgħet tipprovdi għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni l-elementi neċessarji għas-sostituzzjoni tal-karbonat tas-soda permezz tas-soda kawstiku. Fil-fatt, skont il-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet barra minn hekk wieħed mill-ikbar produtturi ta’ soda kawstiku.

428    Minbarra dan, l-elementi mressqa mir-rikorrenti wara l-konsultazzjoni tal-fajl ma jikkontestawx l-analiżi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija ammettiet li kienet teżisti ċerta sostitwibbiltà tal-karbonat tas-soda mas-soda kawstiku (premessi 137 sa 143).

429    Għalhekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li n-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni seta’ influwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

430    Għaldaqstant, l-ilment invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti

431    Skont ir-rikorrenti, l-eżami tad-dokumenti elevati mingħand il-kompetituri tagħha, b’mod partikolari mingħand Rhône-Poulenc u Akzo, jikkonferma li l-Kummissjoni ma analizzatx żewġ elementi fundamentali, jiġifieri l-kapaċità reali tal-produtturi kontinentali l-oħra li jikkompetu u s-setgħa kumpensatorja tal-klijenti. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzoni sal-valur ġust tagħha l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-importazzjonijiet ta’ provenjenza mill-Ewropa tal-Lvant u l-Istati Uniti. Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tagħha fir-reġjuni fejn il-prattiki antikompetittivi huma kkontestati lilha ma ntwerietx.

432    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienet diġà żviluppat dawn l-argumenti. B’mod partikolari, hija kienet indikat dan li ġej:

“Mhux biss [Solvay] ma hijiex fil-pożizzjoni li taġixxi fis-suq mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni, b’mod partikolari tal-kompetizzjoni tal-produtturi tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u produtturi Amerikani iżda wkoll u fuq kollox, hija tinsab fi stat ta’ dipendenza jew, tal-inqas, ta’ interdipendenza fir-rigward tal-klijenti tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

433    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pprovdiet lill-Kummissjoni diversi dokumenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

434    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti wara l-konsultazzjoni tal-fajl ma jurux sa fejn id-diversi dokumenti invokati, ġejjin b’mod partikolari minn Akzo jew minn Rhône-Poulenc, setgħu kienu utli għad-difiża tagħha.

435    Għalhekk, l-ilment invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti

436    Ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti misjubin għand il-kompetituri tagħha juru li d-deċiżjoni kkontestata hija “inadegwata” fir-rigward tal-analiżi tal-“prattiki ta’ esklużjoni” kkontestati lilha. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma kellhom la l-għan u lanqas l-effett attribwit mid-deċiżjoni kkotestata. Il-fabbriki ta’ Rhône-Poulenc u ta’ Akzo kienu ħadmu b’kapaċità sħiħa matul il-parti l-kbira tal-perijodu kkunsidrat. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li hija ma eskludietx l-opportunatijiet kollha ta’ bejgħ tal-kompetituri.

437    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, studju ta’ Akzo dwar l-ispejjeż dirett ta’ produzzjoni tad-diversi fabbriki juri l-interess ekonomiku leġittimu għaliha li tagħti tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali ladarba l-ispejjeż fissi huma koperti. Minbarra dan, il-fatt li tagħti tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali jikkostitwixxi prattika użwali fis-suq.

438    Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni semmiet li “fil-bidu tas-snin 80, it-talba għal soda [kienet] naqset fil-pajjiżi żviluppati, ir-raġunijiet pinċipali kienu r-reċessjoni ekonomika, ir-riċiklaġġ ta’ ħġieġ u s-sostituzzjoni tal-imballaġġi tal-ħġieġ bl-imballaġġi tal-plastika u/jew tal-aluminju”, li “[d]awn l-aħħar snin, [kien ġie] osservat rkupru sinjifikattiv tat-talba fid-dinja u l-produzzjoni kollha tas-soda [kienet] setgħet tiġi eżawrita” u li “[l]-unitajiet ta’ produzzjoni [għalhekk jaħdmu] f’kapaċità sħiħa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

439    Fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ukoll li l-unitajiet ta’ produzzjoni kienu jaħdmu b’kapaċità sħiħa fl-1990.

440    Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet informata b’din is-sitwazzjoni ta’ fatt waqt il-proċedura amministrattiva u meta, fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li r-rikorrenti kienet “eskludiet l-opportunitajiet kollha ta’ bejgħ tal-kompetituri għal żmien twil”.

441    Għalhekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li n-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti ta’ Akzo u ta’ Rhône-Poulenc kien influwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

442    It-tieni nett, fir-rigward tal-interess ekonomiku għar-rikorrenti li tagħti tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali, għandu jiġi rrilevat li hija setgħet tiżviluppa dan l-argument waqt il-proċedura amministrattiva, fid-dawl tal-ispejjeż tagħha stess, mingħajr ma kien hemm bżonn għaliha li tibbaża fuq id-dokumenti tal-kompetituri tagħha.

443    Ir-rikorrenti, barra minn hekk, invokat dan l-argument fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi indikat li dan t-tnaqqis kien jikkorrispondi għal “vantaġġ għal [Solvay]”. Hija żiedet ukoll dan li ġej:

“Il-limiti ffissati mill-klijenti fir-realtà kienu biss ir-rifless tal-limitu tad-dħul tal-produtturi tas-soda. Ta’ minn wieħed jaf, fil-fatt, li ladarba dan il-limitu jintlaħaq minħabba l-kopertura tal-ispejjeż fissi, kull tunnellata addizzjonali mibjugħa toħloq profitt li jsir dejjem importanti. Il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova, ma turix, f’dan ir-rigward, li t-tnaqqis inkwistjoni li huwa inkontestabbilment marbut mal-volumi huwa ta’ rata tali li ma jikkorrispondi ma’ ebda vantaġġ ekonomiku preċiż għal [Solvay].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

444    It-tielet nett, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti fuq tunnellaġġ marġinali, huwa biżżejjed li jiġi indikat li l-argument tar-rikorrenti li dawn jikkostitwixxu prattika użwali ma huwiex ta’ natura li juri li t-tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali, meta dan jingħata minn impriża f’pożizzjoni dominanti, kien konformi mal-Artikolu 82 KE.

445    Konsegwentement, l-ilment invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

446    Bħala konklużjoni, mill-eżami tad-dokumenti invokati mir-rikorrenti wara l-aċċess għall-fajl jirriżulta li, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant, it-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni kompleta tal-fajl mir-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

447    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma setgħet tikseb lista enumerattiva kompleta tal-fajl tal-Kummissjoni. Minbarra dan, matul il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299, il-Kummissjoni kienet sempliċement tagħtha aċċess għad-dokumenti akkużatorji, annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Konsegwentement, skont id-deskrizzjoni tal-proċess li tirriżulta mis-sentenza Solvay I, punt 35 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ġiet miċħuda l-aċċess għall-“fajls sussidjarji” kollha li jikkonċernaw il-kompetituri tagħha (Rhône-Poulenc, CFK, Matthes & Weber, Akzo u ICI) kif ukoll xi għaxar fajls li kien fihom it-tweġibiet għall-mistoqsijiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni applikabbli tiegħu fil-mument tal-fatti, b’mod partikolari dawk indirizzati mill-Kummissjoni lil xi wħud mill-klijenti tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li hija għalhekk kienet prekluża milli teżamina jekk dawn il-fajls kienx fihom elementi utli għad-difiża tagħha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-suq ġeografiku rilevanti, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti u l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti. Id-deterjorament tal-provi li jirriżulta maż-żmien li jkun għadda mid-diversi fatti kkontestati kien għaldaqstant għamel iktar importanti l-aċċess għall-fajl.

448    Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-15 ta’ Lulju 2005, ippreżentati wara l-konsultazzjoni tal-fajl fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tqis li hija ma tistax tindika sa fejn id-dokumenti neqsin mill-fajl kienu utli għad-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, minn naħa, il-Kummissjoni espressament irrikonoxxiet it-telf ta’ ħames diviżuri u li, min-naħa l-oħra, hija ma tistax tiggarantixxi n-natura kompleta tad-diviżuri li għad għandha, fin-nuqqas ta’ numerazzjoni kontinwa tad-dokumenti u tal-lista enumerattiva. Minn dan hija tiddeduċi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, peress li l-Qorti Ġenerali ma hijiex fil-pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità.

449    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

450    L-ewwel nett, għandu jiġi sostnut li, matul il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299, il-Kummissjoni ma stabbilietx il-lista enumerattiva tad-dokumenti li jikkomponu l-fajl u li hija kkomunikat lir-rikorrenti biss id-dokumenti akkużatorji, li kienu annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

451    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, waqt is-seduta, li, f’ċerti kawżi, il-prassi kienet ikkonsistiet li lill-impriżi kkonċernati tiġi indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jkollha biss ċerti dokumenti, minħabba n-natura voluminuża tal-fajl, u sussegwentement dawn l-impriżi kienu mistiedna jikkonsultaw fl-uffiċċji tagħha d-dokumenti kollha aċċessibbli bl-għajnuna ta’ lista enumerattiva. Madankollu, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni 91/299, ir-Relatur iddeċieda, skont il-Kummissjoni, li “jissimplifika l-proċedura” billi kkunsidra li, peress li d-dokumenti kollha invokati kienu ġew ikkomunikati mad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, il-konsultazzjoni kienet inutli u konsegwentement, li lista enumerattiva ma kinitx neċessarja.

452    Issa, hemm lok li jitfakkar li, fil-paġni 40 u 41 tat-Tnax-il Rapport fuq il-politika tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet, f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-fajl, ir-regoli li ġejjin:

“Il-Kummissjoni tagħti lill-impriżi implikati f’proċeduri l-fakultà li jkollhom għarfien tal-fajl li jikkonċernahom. L-impriżi huma informati bil-kontenut tal-fajl tal-Kummissjoni permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew bl-ittra ta’ rifjut ta’ talba għal lista tad-dokumenti kollha li jikkomponu l-fajl, flimkien mal-indikazzjoni tad-dokumenti jew partijiet tagħhom li jkunu aċċessibbli lilhom. L-impriżi huma mistiedna li jeżaminaw fuq il-post id-dokumenti aċċessibbli. Jekk impriża tixtieq teżamina xi wħud minnhom biss, il-Kummissjoni tista’ tgħaddilha kopji. Il-Kummissjoni tikkunsidra bħala kunfidenzjali, u konsegwentement inaċċessibbli għal impriża partikolari, id-dokumenti li ġejjin: id-dokumenti jew partijiet tagħhom li fihom sigrieti ta’ kawżi ta’ impriżi oħra; id-dokumenti interni tal-Kummissjoni, bħan-noti, abbozzi jew dokumenti ta’ xogħol oħra; kull informazzjoni kunfidenzjali oħra, bħal dik li tippermetti li jiġu identifikati dawk li jressqu lment li jixtiequ ma jiżvelawx l-identità tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni bil-kundizzjoni li tiġi osservata n-natura kunfidenzjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

453    Minn dawn ir-regoli jirriżulta li, waqt il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tagħmel aċċessibbli lir-rikorrenti d-dokumenti kollha akkużatorji u li jiskaġunawha li hija rċeviet waqt l-inkjesta, bla ħsara għas-sigrieti ta’ kawżi ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punti 51 sa 54, u tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II‑2667, punti 39 sa 41).

454    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni 91/299, il-Kummissjoni ma segwietx ir-regoli li hija imponiet fuqha nfisha fl-1982, billi ma stabbilixxietx lista enumerattiva tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl u ma tatx aċċess lir-rikorrenti għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl.

455    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, peress li d-Deċiżjoni 91/299 ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba nuqqas ta’ awtentifikazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kellha d-dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tiftaħ mill-ġdid il-proċedura amministrattiva.

456    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkomunikatx lir-rikorrenti d-dokumenti kollha tal-fajl li kienu aċċessibbli għaliha u ma stidnithiex tikkonsulta dawn id-dokumenti fl-uffiċċji tagħha, b’mod li l-proċedura amministrattiva kienet irregolari f’dan ir-rigward.

457    Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet tad-difiża ma jinkisrux minħabba irregolarità proċedurali ħlief jekk din kellha impatt konkret fuq il-possibbiltà li l-impriżi inkwistjoni jiddefendu ruħhom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 55, u General Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 314 iktar ’il fuq, punt 632).

458    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tar-rikors ġuridiku ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, ordnat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ddestinati sabiex jiżguraw aċċess komplet għall-fajl, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela dokument jew li tikkomunika dokument setax kien ta’ dannu għad-difiża tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 405 iktar ’il fuq, punt 102).

459    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi llimitat ruħha għal stħarriġ ġudizzjarju tal-motivi mqajma, tali eżami ma għandux la bħala għan u lanqas bħala effett li jissostitwixxi verifika kompleta tal-każ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. L-għarfien tardiv ta’ ċerti dokumenti tal-fajl ma jpoġġix lill-impriża, li tkun ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess dokumenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha quddiem din l-istituzzjoni (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 405 iktar ’il fuq, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, meta l-aċċess għall-fajl huwa żgurat fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, l-impriża kkonċernata ma għandhiex turi li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti mhux ikkomunikati, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li dawn id-dokumenti setgħu kienu utli għad-difiża tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 128, u s-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 55 iktar ’il fuq, punt 318).

460    F’dan il-każ, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pproduċiet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dokumenti annessi. Hija stabbilixxiet ukoll lista enumerattiva tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl, fil-kompożizzjoni attwali tiegħu.

461    Issa, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li teżisti inċertezza dwar il-kontenut eżatt tal-fajl fil-kompożizzjoni inizjali tiegħu. Fil-fatt, bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ċertament indikat li l-fajl, fil-kompożizzjoni attwali tiegħu, kien kopja tal-fajl fil-kompożizzjoni inizjali tiegħu. Dan kien kompost minn “fajls sussidjarji” enumerati minn 1 sa 71, skont l-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni. Madankollu, fl-istess żmien, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali bl-eżistenza ta’ “fajl sussidjarju” mhux enumerat, imsemmi “Oberland Glas”.

462    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament li tilfet il-ħames “fajls sussidjarji” enumerati minn 66 sa 70. Fil-fatt mill-ittra tagħha tal-15 ta’ Marzu 2005 jirriżulta li hija waslet għal din il-konklużjoni billi kkonstatat li hija kellha “fajls sussidjarji” enumerati minn 1 sa 65 u li l-“fajl sussidjarju” 71 kien fih id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

463    Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni indikat li kien “ftit probabbli li l-fajls li ma nstabux kien fihom dokumenti li jiskaġunaw”. Mistiedna tippreċiża waqt is-seduta s-sens ta’ din il-frażi, hija indikat li kien “plawżibbli” li dawn il-“fajls sussidjarji” ma kienx fihom dokument li jiskaġuna u li, mill-aspett ta’ “statistika” ma jistgħux ikunu utli għad-difiża tar-rikorrenti.

464    Minn dawn it-tweġibiet jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex fil-pożizzjoni li tidentifika, b’mod ċert, l-awtur, in-natura u l-kontenut ta’ kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu fil-“fajls sussidjarji” Nru 66 sa 70.

465    Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti kellhiex il-possibbiltà li tagħmel eżami tad-dokumenti kollha li kienu jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha u, fl-ipoteżi fejn dan ma huwiex il-każ, jekk il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl kienx ta’ importanza tali li kellu bħala effett li jċaħħad minn kull sustanza din il-garanzija proċedurali. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-aċċess għall-fajl jaqa’ taħt il-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża (sentenza Solvay I, punt 35 iktar ’il fuq, punt 59), u l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni matul il-proċedura qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni jista’, bħala prinċipju, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni meta jikkawża dannu lid-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, punt 459 iktar ’il fuq, punt 127).

466    F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan ikkawżax dannu għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-ilmenti fformulati kontriha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata.

467    Skont il-ġurisprudenza, ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni, peress li dan jiddependi essenzjalment mill-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur ikkontestat lill-impriża kkonċernata (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 405 iktar ’il fuq, punt 127). Għalhekk għandu jsir eżami sommarju tal-ilmenti sostanzjali li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata (sentenza Solvay I, punt 35 iktar ’il fuq, punt 60).

468    Huwa wkoll meħtieġ li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża fid-dawl tal-argumenti konkretament invokati mill-impriża kkonċernata kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI II, punt 35 iktar ’il fuq, punt 59).

469    F’dan il-każ, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument żviluppat mir-rikorrenti u l-ilmenti dwar il-mertu li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, u kkonkludiet li l-motivi invokati mir-rikorrenti kellhom kollha jiġu miċħuda.

470    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-parti mis-suq miżmuma mir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi li r-rikorrenti kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni. Madankollu, ebda indikazzjoni ma tippermetti preżunzjoni li r-rikorrenti setgħet issir taf fil-“faljs sussidjarji” neqsin b’dokumenti li jikkontestaw il-konstatazzjoni li hija kienet iżżomm pożizzjoni dominanti fis-suq tal-karbonat tas-soda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI II, punt 35 iktar ’il fuq, punt 61). Minbarra dan, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq, partijiet mis-suq estremament importanti jikkostitwixxu minnhom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Issa, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti li huma relatati mal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali huma kemm kkontestati mill-ammonti li jidhru fir-rikors u pprovduti mir-rikorrenti jew li jidhru fid-deċiżjoni kkotestata u li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, kif ukoll mhux effettivi. Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi presuppost li tali fatti kienu eżistew u li huma msemmija fid-dokumenti li jinsabu fil-“fajls susidjarji” neqsin, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjorahom fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod li ma saritilhiex ħsara lid-drittijiet tad-difiża tagħha f’dan ir-rigward.

471    F’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-suq ġeografiku, għandu jitfakkar li kien ikkonstatat fil-punt 259 iktar ’il fuq, li eventwali żball tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma setax ikollu influwenza determinanti fir-rigward tal-konklużjoni. Minn dan isegwi li huwa eskluż li r-rikorrenti setgħet issib fid-diviżjonijiet neqsin dokumenti li setgħu jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tagħha.

472    Fir-rigward tal-abbuż tal-pożizzjoni dominanti, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li r-rikorrenti ma tikkontesta f’ebda mument il-konstatazzjonijiet dwar is-sistema ta’ tnaqqis implementata fi Franza.

473    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li n-natura ta’ fedeltà tas-sistema ta’ tnaqqis implementata mir-rikorrenti tirriżulta minn provi dokumentarji diretti. Madankollu, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, unikament fuq provi dokumentarji diretti sabiex tistabbilixxi l-ksur differenti, ir-rikorrenti għandha tagħmel mill-aħjar sabiex tindika sa fejn provi oħra setgħu kkontestaw in-natura ta’ fedeltà tas-sistema ta’ tnaqqis implementata jew, tal-inqas, liema dawl differenti seta’ ngħata lill-provi dokumentarji diretti li ma ġewx ikkontestati. Fid-dawl tas-sistema tal-prova adottata fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-kuntratti konklużi mir-rikorrenti jippreżentaw natura ta’ fedeltà, l-aċċess għall-“fajls sussidjarji” neqsin ma kien jagħti ebda possibbiltà li bih il-proċedura amministrattiva tasal għal konklużjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Ciment”, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 263 u 264, u l-ġurisprudenza ċċitata).

474    Fir-rigward tat-tnaqqis “grupp” mogħti lil Saint-Gobain, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma tikkontestax la l-eżistenza tal-protokoll sigriet u lanqas il-kontenut tal-klawżola 4 ta’ dan il-protokoll (ara l-punt 349 iktar ’il fuq) u li jirriżulta mit-test stess ta’ din il-klawżola li t-tnaqqis kien ikkalkolat fuq ix-“xiri kollu” ta’ karbonat tas-soda minn Saint-Germain mingħand ir-rikorrenti fl-Ewropa (ara l-punt 352 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti jmissha għamlet l-aħjar li setgħet sabiex tindika sa fejn provi oħra setgħu jikkontestaw il-kontenut tal-protokoll sigriet jew, tal-inqas, jagħtuh dawl ġdid.

475    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-protokoll sigriet ma pprekludiex lis-sussidjarji nazzjonali ta’ Saint-Gobain milli jużaw it-theddida sabiex jinnegozjaw kundizzjonijiet kuntrattwali iktar vantaġġuzi jew ukoll li jitterminaw il-kuntratt tagħhom, kien ikkonstatat fil-punt 357 iktar ’il fuq li dan ma huwiex effettiv. Anki jekk jiġi presuppost li l-“fajls sussidjarji” mitlufin fihom dokumenti li jsostnu dan l-argument, dan ma jistax ikun utli għad-difiża tar-rikorrenti.

476    Fir-rigward tal-ftehim ta’ esklużività espressi, għandu jiġi sostnut li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi dokumentarji diretti u li l-rikorrenti ma spjegatx kif dokumenti li jinsabu fil-“fajls sussidjarji” neqsin setgħu jikkontestaw l-eżistenza tal-ftehim ta’ esklużività jew jagħtu dawl differenti għall-provi dokumentarji.

477    Fir-rigward tal-esklużivitajiet ta’ fatt, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-ftehim konklużi ma’ diversi produtturi tal-ħġieġ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 376 iktar ’il fuq).

478    F’dak li jikkonċerna l-klawżoli ta’ kompetizzjoni, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza tagħhom u żbaljat meta sostniet li l-Kummissjoni aċċettat tali klawżoli fl-1981 (ara l-punti 388 sa 390 iktar ’il fuq). Minbarra dan, fir-rigward tal-klawżoli ta’ riżerva, għandu jitfakkar li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni assimilat dawn il-klawżoli ma’ klawżoli ta’ kompetizzjoni huwa nieqes minn fatt (ara punt 391 iktar ’il fuq).

479    Għalhekk jista’ jiġi eskluż li l-rikorrenti setgħet issib dokumenti utli għad-difiża tagħha fuq dawn il-punti fil-“fajls sussidjarji” neqsin.

480    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura diskriminatorja tal-prattiki kkontestati, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti sabiex tikkontesta dan ma humiex effettivi.

481    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tagħmel eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li setgħu kienu rilevanti għad-difiża tagħha. Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrenti ma kellhiex aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni, din iċ-ċirkustanza ma pprekludithiex f’dan il-każ milli tiżgura d-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna l-ilmenti dwar il-mertu li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata.

482    Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma hemmx iktar lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata minħabba li ħames “fajls sussidjarji” li għalihom ir-rikorrenti qatt ma kellha aċċess sparixxew mill-fajl. Għaldaqstant, it-tielet parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 2. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

483    It-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa huma artikolati, essenzjalment, fuq ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur, it-tieni nett, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur, it-tielet nett, fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, ir-raba’ nett, fuq in-natura sproporzjonata tal-multa u l-ħames nett, fuq id-dekorrenza tat-terminu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

484    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha tosserva l-Linji ta’ gwida dwar il-medoti tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida għall-kalkolu tal-multi”). Madankollu, fir-rigward f’dan il-każ tal-fatti qabel l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, bħala prinċipju, li teħodhom inkunsiderazzjoni, taħt żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, meta dawn il-linji gwida jsegwu l-prinċipji stabbiliti mill-prassi tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, meta huma jintroduċu flessibbiltà fil-politika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

485    Fir-rigward tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka diversi argumenti sabiex tikkontestata l-ammont.

486    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li hija qatt ma eskludiet l-opportunitajiet ta’ bejgħ kollha tal-kompetituri tagħha, peress li l-parti mis-suq tagħha kienet sew inqas minn 100 % fis-swieq nazzjonali rilevanti. Minbarra dan, it-tul tal-kuntratti li kien jorbotha mal-klijenti tagħha kien għal mhux iktar minn sentejn, li ma jikkostitwixxix tul manifestament twil, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fl-1981. Barra minn hekk, ma ntweriex li l-prattiki allegatament abbużivi kellhom effett negattiv fuq il-konsumaturi.

487    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tar-referenza fid-deċiżjoni kkontestata għall-ksur fl-Artikolu 81 KE f’dak li jikkonċernaha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/297 permezz tas-sentenza Solvay I, punt 35 iktar ’il fuq, ebda deċiżjoni ġdida ma kienet ġiet adottata skont l-Artikolu 81 KE.

488    It-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li wħud mid-direttorati ta’ tmexxija tagħha ta’ livell għoli, avżati bl-obbligu li jirrispettaw id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, kienu ħasbu li jikkonformaw miegħu billi japplikaw il-linji li rriżultaw minn negozjati li saru mal-Kummissjoni fl-1981. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata fiha kuntradizzjoni fil-premessi 192 u 193 tagħha peress li, minn naħa, il-Kummissjoni indikat li kienet ħadet biss inkunsiderazzjoni t-tnaqqis għal fedeltà u l-ftehim ta’ esklużività uffiċjali sa fejn ir-rikorrenti setgħet leġittimament taħseb li l-klawżoli tal-kompetizzjoni, il-kuntratti ta’ tunnellaġġ ma’ marġni bejn wieħed u ieħor ta’ 15 % u l-kuntratti għal perijodu indeterminat flimkien ma’ avviż bil-quddiem qabel ta’ sentejn kienu ġew aċċettati fl-1981 u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet qieset li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom tendenza fil-prattika li jsaħħu l-esklużività tar-rikorrenti.

489    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tafferma li l-kundanni preċedenti għal multi sostanzjali minħabba l-fatt ta’ kollużjoni fl-industrija tal-kimika ma setgħux jiġi kkunsidrati bħala ċirkustanza aggravanti f’dak li jikkonċernaha. Fil-fatt, skont il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, l‑eżistenza ta’ każ ta’ reċidiva jippresupponi ksur tal-istess tip. Madankollu, ir-rikorrenti tosserva li hija qatt ma ġiet ikkundannata għal abbuż minn pożizzjoni dominanti mill-Kummissjoni.

490    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

491    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, minkejja li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont ta’ kull multa, mingħajr ma hija obbligata li tapplika formula matematika preċiża, hija madankollu l-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, b’kompetenza assoluta skont l-Artikolu 229 KE fuq ir-rikorsi ppreżentati mid-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tiffissa multa u tista’, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 sa T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 165, u tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 358).

492    L-ewwel nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multa, għandu jitfakkar li, peress li d-Deċiżjoni 91/299 kienet ġiet annullata minħabba difett proċedurali, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tadotta deċiżjoni ġdida, mingħajr ma tinbeda proċedura amministrattiva ġdida.

493    Peress li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huwa kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/299 u li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma fondati fuq l-istess motivi, id-deċiżjoni kkontestata hija suġġetta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299.

494    Fil-fatt, il-Kummissjoni applikat diversi drabi l-proċedura fl-istadju fejn l-iżball ta’ proċedura kien twettaq u, mingħajr ma għamlet evalwazzjoni ġdida tal-każ fid-dawl tar-regoli li ma kinux jeżistu fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/299, adottat deċiżjoni ġdida. Issa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida teskludi permezz ta’ ipoteżi l-applikazzjoni tal-linji gwida wara l-ewwel adozzjoni.

495    Konsegwentement, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma japplikawx f’dan il-każ.

496    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur ikkontestati lir-rikorrenti, jiġifieri t-tnaqqis għal fedeltà u l-ftehim ta’ esklużività uffiċjali, kienu ta’ “gravità estrema” (premessi 191 sa 193 tad-deċiżjoni kkontestata).

497    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont iċ-ċirkustanzi tal-ksur u tal-gravità tal-ksur, u l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura tar-restrizzjonijiet magħmula fuq il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata).

498    Għalhekk, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni imputabbli fuq impriża, sabiex jiġi stabbilit ammont ta’ multa li jkun proporzjonali miegħu, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni t-tul partikolarment twil ta’ ċertu ksur, tan-numru u tad-diversità tal-ksur, li kkonċerna l-prodotti kollha jew kważi kollha tal-impriża inkwistjoni u fejn xi elementi tiegħu affettwaw l-Istati Membri kollha, tal-gravità partikolari tal-ksur li jaqa’ taħt strateġija deliberata u koerenti intiża, permezz ta’ prattiki eliminatorji diversi fir-rigward tal-kompetituri u permezz ta’ politika ta’ fedeltà tal-klijenti, li żżomm artifiċjalment jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-swieq fejn il-kompetizzjoni kienet diġà limitata, tal-effetti ta’ abbuż partikolariment dannużi fuq il-pjan tal-kompetizzjoni u tal-vantaġġ meħud mill-impriża mill-ksur tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punti 240 u 241).

499    F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-prattiki kkontestati lir-rikorrenti kienu jiġġustifikaw il-kwalifika bħala “gravità estrema” kkunsidrata mill-Kummissjoni.

500    Fil-fatt, meta tat tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali lill-klijenti tagħha u meta kkonkludiet ftehim ta’ fedeltà magħhom, ir-rikorrenti żammet artifiċjalment jew saħħet il-pożizzjoni dominanti tagħha fuq is-suq inkwistjoni, fejn il-kompetizzjoni kienet diġà limitata.

501    Minbarra dan, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur.

502    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq li r-rikorrenti kienet eskludiet l-opportunitajiet ta’ bejgħ kollha tal-kompetituri tagħha, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, permezz tal-politika ta’ fedeltà tal-klijenti tagħha, hija fittxet li teskludi mis-suq il-kompetituri tagħha. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-parti mis-suq tagħha kienet inqas minn 100 % ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-prattika tagħha ma kellhiex effett ta’ esklużjoni.

503    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma kinitx uriet speċifikament l-effett negattiv tal-prattiki tar-rikorrenti fuq il-konsumaturi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżistenza ta’ ksur għall-Artikolu 82 KE, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-aġir inkwistjoni kkawżax dannu għall-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑95/04 P, Ġabra p. I‑2331, punti 106 u 107, u l-ġurisprudenza ċċitata).

504    It-tieni nett, fir-rigward tar-referenza għall-Artikolu 81 KE, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat biss li l-ksur ikkontestat, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, kien iktar gravi mill-ksur fl-Artikolu 81 KE li kienu wkoll ikkontestat lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni għalhekk bl-ebda mod ma kkunsidratx il-fatt li l-ksur fl-Artikolu 82 KE u dak tal-Artikolu 81 KE kienu awtonomi u li għalhekk kellhom jiġu suġġetti għal trattament differenti.

505    It-tielet nett, fir-rigward tal-adattament tal-kuntratti tagħha mir-rikorrenti u tal-allegata kontradizzjoni li tinsab fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet aċċettati fl-1982 mill-Kummissjoni.

506    Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-reċidiva, għandu jiġi rrilevat li, bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li l-ilment li jinsab fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontesta, li jgħid li r-rikorrenti ġiet imposta diversi drabi multi sostanzjali minħabba l-kollużjoni fl-industrija tal-kimika (perossidi, polypropylene, PVC) kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti.

507    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-analiżi tal-gravità tal-ksur imwettaq għandha tieħu inkunsiderazzjoni reċidiva eventwali (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 405 iktar ’il fuq, punt 91, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 348).

508    Il-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu mifhum f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur ġdid wara li kienet ġiet sanzjonata għal ksur li jixxiebah (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 617).

509    Il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, anki jekk ma japplikawx għal din il-kawża, għandhom l-istess sens meta jirreferu għal “ksur tal-istess tip”.

510    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur li għalih ir-rikorrenti ġiet imposta diversi drabi multi sostanzjali minħabba l-kollużjoni fl-industrija kimika huma marbuta kollha mal-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, kif ippreċiżat il-Kummissjoni huma kkontestati d-Deċiżjoni 87/74 KEE tagħha, tat-23 ta’ Novembru 1984, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/30.907 – Peroxygene) (ĠU 1984, L 35, p.1), id-Deċiżjoni 86/398/KEE tagħha, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.149149 – Polypropylene) (ĠU L 230 p. 1) u, fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni 89/190/KEE tagħha, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.865, PVC) (ĠU 1989, L 74, p. 1) tagħha. Minbarra dan, il-prattiki li kienu s-suġġett tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti huma differenti ħafna minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

511    Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li kienet teżisti ċirkustanza aggravanti kontra r-rikorrenti u, għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi emendata billi jitnaqqas l-ammont tal-multa li ġie impost fuqha b’ammont ta’ 5 %.

512    Konsegwentement, l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas b’EUR 1 000 000.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-perijodu tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

513    Ir-rikorrenti tesponi li, fin-nuqqas ta’ kull politika ċentralizzata min-naħa tagħha u tal-fatt li l-kundizzjonijiet kuntrattwali kienu ffissati fuq il-livell nazzjonali, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika tal-allegati ksur, li kienu wassluha sabiex titlob tul differenti tal-ksur għal kull wieħed mill-Istati kkonċernati. Tali teħid inkunsiderazzjoni kellu wkoll influwenza fuq l-ammont tal-multa, b’mod partikolari fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

514    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

515    Skont il-premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur beda lejn l-1983, jiġifieri ftit żmien ħafna wara n-negozjati bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni u l-għeluq tal-fajl tal-Kummissjoni, u kienu komplew tal-inqas sat-tmiem is-sena 1990.

516    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq ġeografiku inkwistjoni bħala li kien ta’ dimensjoni Komunitarja.

517    Isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet it-tul tal-ksur b’eżami għal kull Stat. Bħal ma hija kellha tagħmel, hija ffissat id-dati tal-bidu u ta’ tmiem tal-ksur fis-suq ġeografiku rilevanti, jiġifieri l-Ewropa tal-Punent kontinentali kollu.

518    F’kull każ, jekk il-Kummissjoni jmissha tagħmel distinzjoni bejn it-tul tal-ksur skont swieq nazzjonali differenti, hija kellha għalhekk timponi diversi multi, li l-ammont totali tagħhom ma kienx inqas minn dak stabbilit mid-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li eventwali żball tal-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti ma jiġġustifikax la l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas it-tnaqqis tal-multa.

519    Għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti

520    It-tielet motiv huwa artikolat f’ħames partijiet, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqsa ta’ reċidiva, il-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-bona fide tar-rikorrenti, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-“attitudni sorprendenti” tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ reċidiva

521    Ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma kienet is-suġġett ta’ proċeduri skont l-Artikolu 82 KE min-naħa tal-Kummissjoni.

522    F’dan ir-rigward, kif kien indikat iktar ’il fuq, l-analiżi tal-gravità tal-ksur imwettaq għandha tieħu inkunsiderazzjoni eventwali reċidiva, u għalhekk din tista’ tiġġustifika żieda tal-ammont tal-multa.

523    Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ reċidiva ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti peress li, bħala prinċipju, impriża għandha l-obbligu li ma twettaqx ksur tal-Artikolu 82 KE.

524    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni.

525    Ir-rikorrenti tafferma li hija kkooperat fl-inkjesta kemm waqt iż-żjarat li saru mill-Kummissjoni fil-bini tagħha kif ukoll meta wieġbet għall-mistoqsijiet għal informazzjoni tagħha.

526    Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, intitolat “Talbiet għall-informazzjoni”:

“4. It-titolari ta’ l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni legali, kumpaniji jew ditti, jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalita legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom skond il-liġi jew skond il-kostituzzjoni tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba.

5. Meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew tipprovdi informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni għandha permess ta’ deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi fornuta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tistabilixxi limitu taż-żmien xieraq li fih din għandha tiġi fornuta u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) u l-Artikolu 16(1)(ċ) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

527    Hija ġurisprudenza stabbilita li kooperazzjoni matul l-inkjesta li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont l-Artikolu 11(4) u 5 tar-Regolament Nru 17 ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punti 341 u 342, u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 218). Min-naħa l-oħra, tali tnaqqis huwa ġġustifikat meta l-impriża tkun ipprovdiet informazzjoni li tmur lil hinn sew minn dik li l-produzzjoni tagħha tista’ tkun meħtieġa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 137).

528    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement issostni li hija wieġbet għat-talbiet għal informazzjoni li ġew indirizzati lilha. Peress li dan l-aġir jaqa’ taħt l-obbligi li għandha r-rikorrenti, huwa ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

529    Fir-rigward tal-kooperazzjoni allegata tar-rikorrenti mal-Kummissjoni waqt żjarat li saru fil-bini tagħha, għandu jiġi rrilevat li dan l-aġir juri wkoll obbligi fuq l-impriża u ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

530     Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u tal-bona fide tar-rikorrenti

531    Ir-rikorrenti tindika li, wara negozjati li saru waqt l-ewwel proċedura fl-1981, hija emmnet li l-kuntratti tagħha, bħal dawk li ġew adattati, u l-politika kummerċjali tagħha kienu jwieġbu għar-rekwiżiti tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-diskussjonijiet li saru fl-1981 jikkonfermaw il-bona fide tagħha, peress li hija mal-ewwel biddlet il-kuntratti kollha tagħha sabiex tagħmilhom konformi mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ dak iż-żmien.

532    Minbarra dan, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Liège, tal-20 ta’ Ottubru 1989, fil-kawża FMC, ir-rikorrenti kienet leġittimament setgħet temmen li hija ma kellhiex pożizzjoni dominanti.

533    Madankollu, l-ewwel nett, fir-rigward tan-negozjati li saru bejn 1980 u 1982, għandu jitfakkar li, kif tippreċiża l-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet aċċettati fl-1982 mill-Kummissjoni.

534    Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti bbażati fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Liège, tal-20 ta’ Ottubru 1989, ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, fil-kawża li kienet tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Appell ta’ Liège ma tatx deċiżjoni dwar il-mertu fir-rigward tal-eżistenza jew le ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tar-rikorrenti.

535    Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

536    Ir-rikorrenti tqis li n-natura inċerta tal-kunċett ta’ “pożizzjoni dominanti” u tal-applikazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni tagħha, fid-dawl tan-natura raġonevoli tal-parti mis-suq tagħha, tas-setgħa kumpensatorja tal-klijenti tagħha u tas-saħħa tas-suq relattiv tagħha, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-iffissar tal-ammont tal-multa.

537    F’dan ir-rigward, għandha l-ewwel nett titfakkar il-ġurisprudenza dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni dominanti ta’ impriża fis-suq komuni li kienet diġà ffissata sew. B’mod partikolari, fis-sentena Hoffman-La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet il-kunċett ta’ “pożizzjoni dominanti”. Fil-fatt, fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, huwa ppreċiżat li l-pożizzjoni dominanti msemmija mill-Artikolu 82 KE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi b’mod indipendenti b’mod kunsiderevoli fir-rigward tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, finalment, tal-konsumaturi.

538    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess, issostni li “parti mis-suq tvarja essenzjalment għal madwar 50 % jekk is-swieq huma nazzjonali u minn 60 sa 70 % jekk is-suq huwa Ewropew”. Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq, hija kellha parti mis-suq estremament sinjifikattiva li kienet tikkostitwixxi, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti.

539    Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-“attitudni sorprendenti” tal-Kummissjoni

540    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet ammettiet fl-1981 prattiki kkunsidrati minn dak iż-żmien bħala ksur gravi ħafna. Għalhekk, hija kienet daret fuq il-pożizzjoni tagħha mingħajr spjegazzjonijiet.

541    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat distinzjoni bejn il-prattiki li hija kienet tissanzjona f’din il-kawża u dawk li hija kienet aċċettat fl-1982, li għalihom hija ma ġietx imposta multa.

542    Konsegwentement, il-ħames parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u t-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multa

543    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni imponiet fuqha multa li l-ammont tagħha kien sproporzjonat. Hija ssostni li dan l-ammont kien “eżorbitanti” fiż-żmien meta l-fatti inkriminanti kienu seħħew. Minn naħa, il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti, b’mod partikolari l-bona fide tagħha, l-aspettattivi leġittimi tagħha u ċ-ċertezza legali tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-attivitajiet tagħha li kienu realment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-attivitajiet tagħha fi Franza, fil-Ġermanja u fil-Belġju.

544    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li l-ksur ikkontestat lir-rikorrenti kien ta’ “gravità estrema”. Fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat b’mod partikolari li r-rikorrenti kienet l-ewwel produttur ta’ soda fil-Komunità, li l-ksur kien ippermettielha li ssaħħaħ id-dominanza tagħha fis-suq billi ġiet eskluża kompetizzjoni effettiva fil-parti l-kbira tas-suq komuni u li, billi eskludiet l-opportunitajiet ta’ bejgħ kollha tal-kompetituri għal żmien twil, ir-rikorrenti kienet ikkawżat ħsara fit-tul lill-istruttura tas-suq ikkonċernat, għad-dannu tal-konsumaturi.

545    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament timponi multa ta’ EUR 20 miljun fuq ir-rikorrenti.

546    B’mod purament indikattiv, għandu jiġi osservat li l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, minkejja li ma humiex applikabbli f’dan il-każ, jipprovdu li, għal ksur “gravi”, ammont ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa maħsuba jvarja minn EUR 1 sa 20 miljun.

547    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kienu ġew miċħuda fil-punti 536 sa 542 iktar ’il fuq.

548    Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-post tal-ksur, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 bħala l-ogħla limitu tal-multa li tista’ tiġi imposta jfisser id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, li jagħti biss indikazzjoni approssimattiva tal-importanza u tal-influwenza tagħha fis-suq. Id-dispożizzjoni msemmija ’il fuq tar-Regolament Nru 17 ma fiha ebda limitu territorjali fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ imwettaq. Fl-osservanza tal-limitu ffissat minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-multa mid-dħul mill-bejgħ tal-għażla tagħha, f’termini ta’ bażi ġeografika u ta’ prodotti kkonċernati (ara s-sentenza Ciment, punt 476 iktar ’il fuq, punti 5022 u 5023, u l-ġurisprudenza ċċitata).

549    Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni kriterju territorjali fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

550    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tallegax li l-Kummissjoni qabżet l-ammont minimu tal-multa li jista’ jkun impost fuqha skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

551    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq id-dekorrenza tat-terminu

552    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li iktar minn ħdax-il sena kienu għaddew minn tmiem l-allegat ksur. Ir-rikorrenti tistaqsi liema hija l-“attwalità” tan-natura punittiva u dissważiva tal-multa, meta hija adattat il-politika kummerċjali tagħha skont ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni. Hija ma tistax tara liema ġustifikazzjoni tista’ tingħata għan-natura dissważiva tal-multa fir-rigward tal-impriżi terzi.

553    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni osservat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/71 kif ukoll il-prinċipju tat-terminu raġonevoli. Għalhekk, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li damet milli tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

554    Sussegwentement, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih twettaq dan il-ksur u toqgħod attenta mill-effett dissważiv tiegħu, speċjalment għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunuju 1983, Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 106, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II-897, punt 272).

555    Konsegwentement, multa, anki jekk hija adottata mill-ġdid wara ċertu tul ta’ żmien, ma tistax titlef in-natura punittiva u dissważiva tagħha, peress li huwa stabbilit li l-impriża kkonċernata kisret id-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, f’dan il-każ, permezz ta’ ksur ta’ gravità estrema.

556    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

557    Bħala konklużjoni, hekk kif jirriżulta mill-punti 507 sa 512 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi rriformulata, sa fejn hija tikkunsidra b’mod żbaljat iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva mwettqa mir-rikorrenti.

558    Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa ffissat għal EUR 19‑il miljun.

 Fuq l-ispejjeż

559    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

560    F’dan il-każ, it-talbiet tar-rikorrenti ġew iddikjarati parzjalment fondati. Il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi tiddeċiedi li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll 95 % ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni u li din tal-aħħar tbati 5 % tal-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq Solvay SA fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/6/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/133.33– C: Karbonat tas-soda – Solvay) huwa ffissat għal EUR 19‑il miljun.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u 95 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati 5 % tal-ispejjeż tagħha.

Meij

Vadapalas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2009.

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq id-dekorrenza tat-terminu

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ preskrizzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali meħtieġa għall-adozzjoni u l-awtentifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ ġdid

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq l-użu ta’ dokumenti elevati bi ksur tar-Regolament Nru 17

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq ġeografiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti

Fuq l-ewwel parti, dwar it-tnaqqis fuq it-tunellaġġ marġinali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, dwar it-tnaqqis “grupp” mogħti lil Saint-Gobain

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, dwar il-ftehim ta’ esklużività

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-klawżoli ta’ kompetizzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames parti, dwar in-natura diskriminatorja tal-prattiki kkontestati

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ aċċess għal dokumenti akkużatorji

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ dokumenti utli għad-difiża fost id-dokumenti tal-fajl ikkonsultati fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

– Fuq is-suq ġeografiku rilevanti

– Fuq is-suq tal-prodott inkwistjoni

– Fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti

– Fuq l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni kompleta tal-fajl mir-rikorrenti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-perijodu tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ reċidiva

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u tal-bona fide tar-rikorrenti

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-“attitudni sorprendenti” tal-Kummissjoni

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multa

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq id-dekorrenza tat-terminu

Fuq l-ispejjeż


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.