Language of document : ECLI:EU:T:2009:520

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

17 ta’ Diċembru 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tas-soda fil-Komunità – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ftehim li jiggarantixxi lil impriża tunnellaġġ minimu ta’ bejgħ fi Stat Membru u x-xiri ta’ kwantitajiet neċessarji sabiex jintlaħaq dan it‑tunnellaġġ minimu – Preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew sanzjonijiet – Terminu raġonevoli – Forom proċedurali sostanzjali – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Multa – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti”

Fil-Kawża T‑58/01,

Solvay SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Simont, P.‑A. Foriers, G. Block, F. Louis u A. Vallery, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u J. Currall, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2003/5/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/33.133 – B: Karbonat tas-soda – Solvay, CFK) (ĠU 2003, L 10, p. 1), u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat‑tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K.  Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Solvay SA, hija kumpannija rregolata bid-dritt Belġjan, attiva fis‑setturi tal-farmaċija, tal-kimika, tal-plastika u tal-ipproċessar. Hija b’mod partikolari tipproduċi l-karbonat tas-soda.

2        Il-karbonat tas-soda huwa preżenti kemm fin-natura taħt il-forma ta’ mineral ta’ trona (soda naturali), kif ukoll miksub permezz ta’ proċess kimiku (soda sintetiku). Is-soda naturali jinkiseb permezz tat-tifrik, purifikazzjoni jew kalċinazzjoni tal-minerali ta’ trona. Is-soda sintetiku jirriżulta mir-reazzjoni tal‑melħ ordinarju u tal-kalċju permezz tal-proċedura “ammonijaku – soda” implementata mill-aħwa Solvay fl-1863.

3        Fil-mument tal-fatti li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, ir-rikorrenti kienet preżenti fis-settur tal-karbonat tas-soda permezz ta’ unitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni stabbiliti f’disa’ pajjiżi Ewropej, jiġifieri l-Ġermanja, l‑Awstrija, il-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u l‑Isvizzera. Hija kellha wkoll unitajiet ta’ produzzjoni fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fil-Belġju, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall. Fl-1988, hija kellha b’mod partikolari 52.2 % tas-suq Ġermaniż.

4        Minbarra r-rikorrenti, il-produtturi Komunitarji kienu, matul il-perijodu bejn l‑1987 u l-1989, il-kumpanniji Imperial Chemical Industries (iktar ’il quddiem “ICI”), Rhône-Poulenc, AKZO, Matthes & Weber, kif ukoll il-kumpannija Chemische Fabrik Kalk (iktar ’il quddiem “CFK”), sussidjarja ta’ Kali & Salz, li tappartjeni lill-grupp BASF. Il-kapaċità annwali ta’ produzzjoni tagħhom kienet dan li ġej: 580 000 tunnellata għal Rhône-Poulenc, 435 000 tunnellata għal AKZO, 320 000 tunnellata għal Matthes & Weber u madwar 260 000 tunnellata għal CFK.

5        F’April 1989, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet verifiki ma’ diversi produtturi tal-karbonat tas-soda tal-Komunità, skont l-Artikolu 14(3) tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti. Hija elevat diversi dokumenti fil-bini tal-kumpanniji kkonċernati.

6        Fid-19 ta’ Frar 1990, il-Kummissjoni fetħet proċedura ex officio kontra r-rikorrenti, ICI u CFK, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17.

7        Fit-13 ta’ Marzu 1990, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti, lil ICI u lil CFK. Kull waħda minn dawn il-kumpanniji rċeviet biss il-parti jew il-partijiet tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar il-ksur li kienet tikkonċernaha, li magħha kienu mehmuża fl-anness il-provi kontriha relatati.

8        Il-Kummissjoni stabbilixxiet fajl wieħed għall-ksur kollu msemmi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

9        F’dak li jikkonċerna din il-kawża, il-Kummissjoni kkonkludiet, taħt it-Titolu III, intitolat “Il-ftehim Solvay/CFK”, tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat ma’ CFK għal ftehim u/jew għal prattika miftiehma li jmur kontra l-Artikolu 81 KE.

10      Fit-28 ta’ Mejju 1990, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha bħala tweġiba għall-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni.

11      Fid-19 ta’ Diċembru 1990, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 91/928/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/33.133 – B: Karbonat tas-soda – Solvay, CFK) (ĠU 1991, L 152, p. 16). F’din id-deċiżjoni, innotifikata b’ittra tal-1 ta’ Marzu 1991, hija kkonstatat li “[r-rikorrenti] u CFK [kienu] kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [81 KE] billi pparteċipaw, sa minn madwar l-1987 [u] sa dak il-jum, għal ftehim tat-tqassim tas-swieq li permezz tiegħu [ir-rikorrenti] kienet iggarantixxiet lil CFK tunnellata [tunnellaġġ] annwali minima ta’ bejgħ ta’ soda fil-Ġermanja kkalkolat b’referenza għall-bejgħ li sar minn CFK fl-1986, u kkumpensat lil CFK kull defiċit billi tixtri t-tunnellaġġi meħtieġa sabiex tagħmel bejgħ sal-minimu ggarantit” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rikorrenti u CFK ġew ikkundannati għal multa rispettivament ta’ ECU 3 miljuni u ta’ ECU 1 000 000.

12      Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 91/927/KEE dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] IV/33.133 – A: Karbonat tas-soda – Solvay, ICI) (ĠU 1991, L 152, p. 1) li fiha hija kkonstatat li “[r-rikorrenti] u ICI [kienu] kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [81 KE] billi pparteċipaw, sa mill-1 ta’ Jannar 1973 [u] sa mill-inqas il-bidu ta’ din il-proċedura, fi prattika miftiehma li biha huma llimitaw il-bejgħ ta’ soda tagħhom fil-Komunità għas-swieq interni rispettivi tagħhom, jiġifieri l-Ewropa tal-Punent kontinentali għar-[rikorrenti] u r-Renju Unit u l-Irlanda għal ICI” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rikorrenti u ICI ġew ikkundannati rispettivament għal multa ta’ ECU 7 miljuni.

13      Fl-istess jum, il-Kummissjoni barra minn hekk adottat id-Deċiżjoni 91/299/KEE dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/33.133 – C: Karbonat tas-soda – Solvay) (ĠU 1991, L 152, p. 21), li fiha hija kkonstatat li “[r-rikorrenti kienet] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE], sa minn madwar l-1983 [u] sa dan il-jum, permezz ta’ aġir intiż li jeskludi jew jillimita b’mod qawwi l-kompetizzjoni u jikkonsisti li […] jiġu konklużi ftehim ma’ klijenti li jobbligawhom li jiffornixxu ruħhom [mingħandha] għall-bżonnijiet ta’ soda kollha tagħhom jew għal parti kbira ħafna minnhom għal perijodu indefinit jew eċċessivament twil [, li] tagħti tnaqqis sostanzjali u inċitazzjonijiet finanzjarji oħra skont it-tunnallaġġ marġinali li jeċċedi t-tunnellaġġ kuntrattwali ta’ bażi tal-klijent sabiex tiżgura li jiffornixxi ruħu [mingħandha] għall-bżonnijiet kollha tagħhom jew l-ikbar parti tagħhom [u li] tissuġġetta l-għoti tat-tnaqqis għall-kunsens tal-klijent li jiffornixxi ruħu [mingħandha] għall-bżonnijiet kollha tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Multa ta’ ECU 20 miljun ġiet imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-ksur ikkonstatat.

14      Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjoni 91/300/KEE dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/33.133 – D: Karbonat tas-soda – ICI) (ĠU 1991, L 152, p. 40), li fiha hija kkonstatat li “ICI [kienet] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE], sa minn madwar l-1983 [u] sa dak il-jum, permezz ta’ aġir intiż sabiex jeskludi jew jillimita b’mod qawwi l-kompetizzjoni u jikkonsisti li […] tagħti tnaqqis sostanzjali u inċitazzjonijiet finanzjarji oħra relatati ma’ tunnellaġġ marġinali b’mod li tiżgura li l-klijent jiffornixxi ruħu għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew il-parti kbira minnhom [mingħand] ICI [sabiex] tiżgura l-kunsens tal-kljienti li jiffornixxu ruħhom [mingħand] ICI sabiex ikopru l-bżonnijiet kollha jew kważi kollha tagħhom jew jillimitaw ix-xiri tagħhom mingħand il-kompetituri għal kwantità speċifika [u], f’ta l-inqas każ wieħed, [li] tissuġġetta l-għoti ta’ tnaqqis u vantaġġi finanzjarji oħra għall-kunsens tal-klijent li jiffornixxi ruħu [mingħand] ICI għall-bżonnijiet kollha tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. ICI ġiet ikkundannata għal multa ta’ ECU 10 miljuni.

15      Fit-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2009) li kellu bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 91/298. Fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet ukoll l-annullament tad-Deċiżjonijiet 91/297 u 91/299. Fl-14 ta’ Mejju 1991, ICI talbet l-annullament tad-Deċiżjonijiet 91/297 u 91/300. Fir-rigward ta’ CFK, hija ma ppreżentatx rikors u ħallset il-multa ta’ ECU 1 miljun li kienet ġiet imposta fuqha bid-Deċiżjoni 91/298.

16      B’sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni (T‑31/91, Ġabra p. II‑1821, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solvay II”), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 91/298, sa fejn tikkonċerna r-rikorrenti, għar-raġuni li l-awtentifikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kienet seħħet wara n-notifika tagħha, ħaġa li kienet tikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

17      Fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali annullat ukoll id-Deċiżjoni 91/299 (sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑32/91, Ġabra p. II‑1825, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solvay III”) kif ukoll id-Deċiżjoni 91/300 (sentenza ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑37/91, Ġabra p. II‑1901, iktar ’il quddiem is-“sentenza ICI II”) minħabba l-awtentifikazzjoni irregolari tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 91/297 (sentenzi Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, iktar ’il quddiem is-“sentenza Solvay I”, u ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, iktar ’il quddiem is-“sentenza ICI I”) sa fejn hija tikkonċerna r-rikorrenti f’dawn iż-żewġ kawżi, minħabba ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

18      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu 1995, il-Kummissjoni ppreżentat appelli mis-sentenzi Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq, Solvay III u ICI II, punt 17 iktar ’il fuq.

19      B’sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, Ġabra p. I‑2341), u Il‑Kummissjoni vs Solvay (C‑287/95 P u C‑288/95 P, Ġabra p. I‑2391), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli kontra s-sentenzi ICI II, punt 17 iktar ’il fuq, Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq, u Solvay III, punt 17 iktar ’il fuq.

20      It-Tlieta, 12 ta’ Diċembru 2000, aġenzija tal-istampa ppubblikat stqarrija għall-istampa miktuba kif ġej:

“Il-Kummissjoni Ewropea timponi multa fuq il-kumpanniji ta’ industrija tal-kimika li huma Solvay SA u Imperial Chemical Industries plc […] nhar l-Erbgħa minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, iddikjara kelliem tal-istampa nhar it-Tlieta.

Il-multi għall-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq tal-karbonat tas-soda kienu ġew imposti oriġinarjament għaxar snin ilu, iżda dawn kien ġew annullati mill-ogħla qorti Ewropea minħabba motivi ta’ proċedura.

Il-Kummissjoni ser tadotta mill-ġdid l-istess deċiżjoni nhar l-Erbgħa, iżda f’forma korretta, iddikjara l-kelliem għall-istampa.

Is-sustanza tad-deċiżjoni ma ġiet qatt ikkontestata mill-kumpanniji. Aħna ser nadottaw mill-ġdid l-istess deċiżjoni, qalet din.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      Fit-13 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/5/KE dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (COMP/33.133 – B: Karbonat tas-soda – Solvay, CFK) (ĠU 2003, L 10, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

22      Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjonijiet 2003/6/KE dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] COMP/33.133 – C: Karbonat tas-soda – Solvay) (ĠU 2003, L 10, p. 10), u 2003/7/KE dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/33.133 – D: Karbonat tas-soda – ICI) (ĠU 2003, L 10, p. 33).

23      Id-dispożittiv ikkontestat jinkludi d-dispożittiv li ġej:

“Artikolu 1

Solvay […] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 [KE] billi pparteċipat, minn madwar l-1987 u sa tmiem l-1990 mill-inqas, għal ftehim ta’ tqassim tas-swieq li permezz tiegħu Solvay iggarantixxiet lil CFK tunnellaġġ annwali minimu ta’ bejgħ tas-soda fil-Ġermanja kkalkolat b’referenza għall-bejgħ magħmul minn CFK fl-1986, u kkumpensat lil CFK kull defiċit billi xtrat it-tunnellaġġ meħtieġ sabiex iġġib il-bejgħ għall-minimu ggarantit.

Artikolu 2

Multa ta’ EUR 3 miljuni imposta fuq Solvay għall-ksur speċifikat fl-Artikolu 1.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Id-deċiżjoni kkontestata hija miktuba prattikament fl-istess termini bħad-Deċiżjoni 91/298. Il-Kummissjoni għamlet biss xi bidliet ta’ kitba u żiedet parti ġdida intitolata “Proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [Ġenerali] u l-Qorti tal-Ġustizzja”.

25      F’din il-parti l-ġdida tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali”) ikkunsidrat li hija kellha “id-dritt li tistabbilixxi [mill-]ġdid deċiżjoni li kienet ġiet annullata minħabba difetti proċedurali puri, mingħajr ma bdiet proċedura amministrattiva ġdida” u li hija ma kinitx “obbligata li torganizza seduta ġdida jekk it-test tad-deċiżjoni l-ġdida ma [kienx fih] ilmenti oħra jekk mhux dawk ifformulati fl-ewwel deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 70).

26      Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li t-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jiġi pprorogat mill-perijodu li matulu r-rikors kontra d-Deċiżjoni 91/928 kien is-suġġett ta’ proċedura pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61) (premessi 75 u 76). Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kellha sax-xahar ta’ Settembru 2004 sabiex tistabbilixxi deċiżjoni ġdida (premessa 78). Minbarra dan, hija indikat li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża jekk id-deċiżjoni l-ġdida kienet stabbilita f’terminu raġonevoli (premessa 70).

27      F’dak li jikkonċerna l-ksur hekk imsejjaħ, il-Kummissjoni ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata li arranġament jew ftehim kien ġie konkluż bejn ir-rikorrenti u CFK, fejn skont dan ir-rikorrenti kienet tiggarantixxi lil CFK bejgħ minimu annwali fis-suq Ġermaniż. Jekk il-bejgħ ta’ CFK fil-Ġermanja kien jaqa’ taħt il-minimu garantit, ir-rikorrenti kellha “tixtri d-defiċit” ta’ CFK (premessa 42). Skont il-Kummissjoni, il-garanzija ta’ CFK kienet inizjalment stabbilita għal 179 000 tunnellata, ammont apparentement ibbażat fuq il-bejgħ li sar minn CFK fil-Ġermanja fl-1986 u, sussegwentement, dan sar 190 000 tunnellata fl-1989 b’mekkaniżmu ta’ kumpens retroattiv għas-sena 1998 (premessi 43, 45 u 46).

28      Il-Kummissjoni rreferiet ukoll fid-deċiżjoni kkontestata għal laqgħa, li seħħet fl-14 ta’ Marzu 1989, li fiha kienu pparteċipaw ir-rappreżentanti għolja ta’ CFK u tal-kumpannija parent tagħha Kali & Salz, minn naħa, u ta’ Deutsche Solvay Werke (DSW), jiġifieri sussidjarja tar-rikorrenti. Skont il-Kummissjoni, kien sinjifikattiv ħafna li, minn din il-laqgħa, ebda dokumenti uffiċjali jew minuti uffiċjali ma ġew stabbiliti. Madankollu l-Kummissjoni żiedet li nota qasira bil-miktub kienet inqabdet mingħand DSW.

29      Il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li l-għan ta’ dan il-ftehim kien manifestament jidher li jwettaq il-kundizzjonijiet ta’ stabbiltà artifiċjali tas-suq u li, sabiex jerġa’ jseħħ aġir fil-qasam tal-prezzijiet li ma kienx ikkunsidrat bħala dannuż mir-rikorrenti, CFK ġiet iggarantita sehem minimu fis-suq Ġermaniż. Il-Kummissjoni żiedet ukoll li, billi rtirat mis-suq it-tunnellaġġ li CFK ma setgħetx tbigħ, ir-rikorrenti għamlet b’mod li l-livell tal-prezzijiet ma jkunx jista’ jinżel skont il-kompetizzjoni. Minn dan hija ddeduċiet li l-ftehim inkwistjoni, ta’ tip “kartell” li kienu ġew implementati u li kellhom l-effett imfittex, min-natura tagħhom stess kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (premessi 55 sa 58).

30      Fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li l-fatt li t-tunnellaġġ minimu ggarantit kien jikkonċerna biss il-bejgħ fis-suq Ġermaniż bl-ebda mod ma jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE. Skont il-Kummissjoni, kien ċar fir-rigward tal-azzjonijiet tar-rikorrenti fi Brussell li dan il-ftehim kien jagħmel parti minn politika ġenerali għall-kontroll tas-suq tas-soda fil-Komunità u li l-ftehim bejn ir-rikorrenti u CFK kellu bħala għan mhux biss li jnaqqas il-kompetizzjoni b’mod sostanzjali fil-Komunità, iżda wkoll li jżomm ir-riġidità tal-istruttura tas-suq u s-separazzjoni tiegħu skont fruntieri nazzjonali. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li, fin-nuqqas ta’ dan il-ftehim, kien għal kollox probabbli li t-tunnellaġġ meħud mir-rikorrenti skont il-garanzija kien tqiegħed fi swieq oħra tal-Komunità (premessa 59).

31      Il-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti u CFK kienu kisru l-Artikolu 81 KE billi pparteċipaw “sa minn madwar l-1986 [u] sa tmiem l-1990” għal dan il-ftehim (premessa 60).

32      Fir-rigward tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti u fuq CFK, il-Kummissjoni ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata li l-ksur kien “gravi” għar-raġuni li l-ftehim ta’ tqassim tas-swieq jikkostitwixxu min-natura tagħhom stess restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. F’dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tal-multi billi kkunsidrat li l-ftehim kien ġie konkluż f’xi żmien matul is-sena 1987 (premessi 62 u 63).

33      Minbarra dan, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq bħala l-ewwel produttur fil-Ġermanja u fil-Komunità (premessa 64). Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-ksur kien twettaq deliberatament u li ż-żewġ partijiet kellhom għarfien sħiħ tal-inkompatibbiltà tal-ftehim tagħhom mad-dritt Komunitarju (premessa 65).

34      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kienet diġà ġiet imposta diversi drabi multi sostanzjali mill-Kummissjoni minħabba kollużjoni fl-industrija tal-kimika.

35      Fit-13 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll stqarrija għall-istampa li kienet tindika li hija kienet ser tadotta d-deċiżjonijiet li jimponu fuq ir-rikorrenti u fuq ICI multi identiċi għal dawk li kienu ġew inizjalment imposti fuqhom fil-kawżi “Karbonat tas-soda”.

 Proċedura

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Marzu 2001, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

37      Fit-8 ta’ Mejju 2001, il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali u nħatar Imħallef Relatur.

38      Wara awtorizzazzjoni mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, rispettivament fis-6 u fit-23 ta’ Diċembru 2002, fuq il-konsegwenzi li kellhom jittieħdu minn din il-kawża tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja”).

39      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet mill-1 ta’ Ottubru 2003, l-Imħallef Relatur ġie assenjat fl-Ewwel Awla, u l-kawża preżenti ġiet assenjata lilha fit-8 ta’ Ottubru 2003.

40      Fid-19 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-annessi tagħha kif ukoll lista enumerattiva ddettaljata tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl. Din il-lista kellha tinkludi indikazzjoni suċċinta li permezz tagħha jiġu identifikati l-awtur, in-natura u l-kontenut ta’ kull dokument. Il-Qorti Ġenerali talbet ukoll lill-Kummissjoni tindikalha liema minn fost dawn id-dokumenti kellhom ikunu aċċessibbli lir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva.

41      Fit-13 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni pproduċiet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet u l-annessi tagħha kif ukoll il-lista enumerattiva mitluba. Hija talbet terminu ta’ żmien sabiex twieġeb għall-aħħar mistoqsija tal-Qorti Ġenerali.

42      B’ittra tal-10 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ppreċiżat li, waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti li kienu jsostnu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li kienu mehmuża magħha. Barra minn hekk, hija rreferiet għal 65 “fajls sussidjarji” li kienu jifformaw il-fajl, fosthom 22 “fajls sussidjarji” li kienu ġejjin mis-sede tar-rikorrenti jew minn waħda mis-sussidjarji tagħha (jiġifieri l-“fajls sussidjarji” Nri 2 sa 14, 24 sa 27, 50 sa 52, 62 sa 65 u parti mill-“fajl sussidjarju” Nru 61). Skont il-Kummissjoni, il-proċedura segwita fl-1990 kienet tosserva l-ġurisprudenza eżistenti dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Hija żiedet tgħid li, wara qari mill-ġdid tal-fajl tal-investigazzjoni, xejn ma kien jindika f’dan l-istadju li d-drittijiet tad-difiża kienu nkisru waqt il-proċedura amministrattiva, anki meta dan il-fajl tal-investigazzjoni ġie eżaminat fid-dawl tal-ġurisprudenza ulterjuri dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

43      B’ittra tal-21 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni indirizzat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali lista enumerattiva rriveduta tad-dokumenti li jifformaw il-fajl amminstrattiv iktar komplet minn dak ipprovdut fit-13 ta’ Frar 2004. Bħal-lista preċedenti, din il-lista enumerattiva rriveduta kienet tagħmel referenza għal 65 “fajls sussidjarji”. Hija enumerat ukoll xi dokumenti li l-parti l-kbira tagħhom kienu ġejjin mill-kumpannija Oberland Glas.

44      B’ittra tal-21 ta’ Lulju 2004, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti sabiex tindika d-dokumenti li jinsabu fil-lista enumerattiva rriveduta li hija ma kellhiex komunikazzjoni dwarhom waqt il-proċedura amministrattiva u li, fil-fehma tagħha, setgħu jkollhom elementi li setgħu kienu utli għad-difiża tagħha.

45      B’ittra tad-29 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti ssostni li l-lista enumerattiva rriveduta kienet inkompleta u impreċiża. Hija indikat ukoll, fost id-dokumenti repertorji f’din il-lista enumerattiva rriveduta, dawk li fil-fehma tagħha kienu jidhru bħala utli għad-difiża tagħha u li hija xtaqet tikkonsultahom. Fil-fehma tagħha, dawn id-dokumenti setgħu jippermettulha li tiżviluppa l-argument tagħha f’dak li jikkonċerna l-effett tal-ftehim inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

46      Peress li b’effett mit-13 ta’ Settembru 2004 nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat fir-Raba’ Awla fil-kompożizzjoni ġdida tagħha, li lilha ġiet assenjata din il-kawża fis-7 ta’ Ottubru 2004.

47      Fis-17 ta’ Diċembru 2004, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lir-Reġistru d-dokumenti tal-fajl imsemmija mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Settembru 2004, f’verżjonijiet kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali.

48      B’ittra tat-28 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni ppreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti tal-fajl mitluba. Hija talbet terminu addizzjonali sabiex tipproduċi eventwali verżjoni mhux kunfidenzjali, peress li l-impriżi kkonċernati kellhom jiġu kkonsultati fuq l-interess tagħhom li tinżamm il-kunfidenzjalità. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll dan li ġej:

“[I]l-lista, għalkemm [tinkludi] l-fajls kollha fil-pussess tagħha sa dak il-jum, ma tinkludix il-fajls kollha li kienu ssemmew quddiem il-Qorti Ġenerali fl-ewwel kawża Karbonat tas-soda. Dawk il-fajls li kienu neqsin baqgħu ma nstabux, minkejja tfittxija twila.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

49      B’ittra tal-15 ta’ Marzu 2005, wara li indikat li l-impriżi kkonċernati ma talbux trattament kunfidenzjali, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet li ġejjin:

“F’dak li jikkonċerna l-fajls li baqgħu ma nstabux, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li ma tistax tagħti tweġiba totalment ta’ min joqgħod fuqha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

Il-fajl amministrattiv ([jiġifieri] il-fajl li jkopri l-proċedura sa mill-ftuħ tal-inkjesta sa ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) li għandha attwalment il-Kummissjoni jinkludi 65 diviżjonijiet enumerati li jkopru l-perijodu [minn] sa Settembru 1989 [kif ukoll] il-fajl bin-numru 71 u li fih id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ Marzu 1990 u l-annessi tagħha [kif ukoll] diviżjoni mhux enumerata msejħa ‘Oberland Glas’. Għaldaqstant, huwa veru li ħames diviżjonijiet huma neqsin.

F’dak li jikkonċerna l-kontenut tad-diviżjonijiet neqsin, il-Kummissjoni b’dispjaċir tħabbar li huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-lista kompleta tad-dokumenti li sparixxew, minħabba li l-werrej ta’ dawn id-diviżjonijiet ukoll ma nstabx. Fid-dawl ta’ dan, hemm kull raġuni biex wieħed jemmen li tal-inqas uħud fosthom kellhom korrispondenza skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, li jikkorrispondi għall-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni lill-Qorti Ġenerali rigward il-fajl amministrattiv fl-1990. Pereżempju, huwa probabbli li t-tweġiba ta’ […] ICI għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 1989 kienet tagħmel parti mill-fajls neqsin: din it-talba magħmula lil ICI tinsab fil-fajl amministrattiv li huwa dejjem f’idejn il-Kummissjoni, iżda it-tweġiba [hija] nieqsa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50      Fl-14 ta’ April 2005, ir-rikorrenti kkonsultat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali d-dokumenti tal-fajl imsemmija fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Settembru 2004.

51      Fil-15 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-utilità għad-difiża tagħha tad-dokumenti kkonsultati. Fis-17 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

52      Wara l-waqfien tal-funzjonijiet tal-Imħallef Relatur inizjalment maħtur, il-President tal-Qorti Ġenerali, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2006, appunta Imħallef Relatur ġdid.

53      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula mill-25 ta’ Settembru 2007, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha l-kawża preżenti ġiet assenjata fil-5 ta’ Ottubru 2007.

54      Fit-12 ta’ Frar 2008, minħabba l-impediment tal-Imħallef Tchipev, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Dittrich sabiex jikkompleta l-Awla.

55      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet, fil-5 ta’ Mejju 2008, mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni. Il-partijiet irrispondewhom fit-terminu mogħti.

56      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008.

 It-talbiet tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tistabbilixxi d-dekorrenza tat-termini tal-proċeduri minħabba li għadda ż-żmien u, f’kull każ, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tikkonstata li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi kienet preskritta u, f’kull każ, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija timponi fuqha multa ta’ EUR 3 miljuni;

–        iktar sussidjarjament, tgħid li ma hemmx iktar lok li tiġi imposta multa jew, tal-inqas, li tnaqqasha sostanzjalment;

–        bħala miżura istruttorja, tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti interni kollha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-minuti uffiċjali tal-laqgħat kollha tal-kulleġġ tal-kummissarji li matulhom id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet diskussa;

–        tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tagħha fil-Każ COMP/33.133;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

58      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

59      It-talbiet tar-rikorrenti intiżi, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha b’din id-deċiżjoni.

 1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

60      Ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment erba’ motivi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma bbażati, l-ewwel nett, fuq il-mogħdija taż-żmien, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-forom sostanzjali, it-tielet nett, fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-mogħdija taż-żmien

61      L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati rispettivament fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ preskrizzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 2988/74 u ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ preskrizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

62      Ir-rikorrenti ssostni li r-raġunament segwit mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-osservanza tar-regoli ta’ preskrizzjoni jmur kontra l-kelma u l-ispirtu tar-Regolament Nru 2988/74.

63      Skont ir-rikorrenti, l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Awwissu 1995, li ma għandux effett sospensiv skont l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kellu bħala suġġett mhux id-Deċiżjoni 92/298, li kienet waqfet teżisti b’mod retroattiv, iżda s-sentenza Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq. Fil-fatt, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura fuq l-appell għandha tkun limitata għal punti ta’ dritt u l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel verifika tal-legalità billi tirreferi għall-evalwazzjoni sovrana tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-punti ta’ fatt.

64      Jekk il-“proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, għandhom jinftehmu fil-preżent bħala li jinkludu l-Qorti Ġenerali, l-istabbiliment ta’ livell doppju ta’ ġurisdizzjoni ma jistax jippermetti li jinkludi l-perijodu ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni sabiex ikopri proċedura li s-suġġett tagħha ma huwiex id-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, li jiġi sostnut li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jimplika li tiġi sospiża l-preskrizzjoni matul it-tul ta’ proċedura dwar appell iwassal sabiex jingħata effett lil deċiżjoni annullata ab initio, ħaġa li hija mingħajr preċedent fil-prassi komuni tal-Istati Membri.

65      Filwaqt li rreferiet għall-punt 1098 tas-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tosserva li l-għan tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 huwa li jippermetti s-sospensjoni tal-preskrizzjoni meta l-Kummissjoni tkun prekluża milli tintervjeni minħabba raġuni oġġettiva li ma hijiex imputabbli lilha, fid-dawl tal-fatt ukoll li rikors ikun pendenti. Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet issostni li kienet prekluża milli tieħu azzjoni filwaqt li r-rikors kien pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, sa minn meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, kienet libera li tadotta deċiżjoni ġdida. Il‑Kummissjoni kienet għalhekk, meta ppreżentat appell, għaddiet mir-riskju li tara l-azzjoni tagħha preskritta meta hija kienet taf bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555), li kienet tat deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-atti adottati mill-kulleġġ tal-kummissarji. Għalhekk, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni filwaqt li l-appell tagħha kien pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi ġġustifikat b’raġuni oġġettiva.

66      Konsegwentement, kien biss it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li kien ittieħed inkunsiderazzjoni bħala li jipproroga t-terminu ta’ preskrizzjoni. Dan kien intemm fil-15 ta’ Jannar 2000, sew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

67      Ir-rikorrenti tosserva wkoll li, fis-sentenza PCV II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, id-deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni kienet ġiet adottata f’terminu inqas mit-terminu ta’ ħames snin miżjud biss mit-“terminu ta’ sospensjoni” dwar il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, ma kinitx ġiet eżaminata l-kwistjoni jekk appell għandux effett sospensiv fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74.

68      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid tgħid li l-argument sostnut mill-Kummissjoni kien iċaħħad lis-sentenza Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq, minn kull effett peress li dan ma kienx ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ħaġa li tipprekludi l-awtorità ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, li tingħata interpretazzjoni wiesgħa lill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, li tkopri sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni ma hijiex prekluża milli tieħu azzjoni, imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

69      Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati wara s-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħu kellhom, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-intenzjoni li jiddeċiedu l-kwistjoni jekk l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra sentenza ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali għandux bħala effett li jissospendi l-preskrizzjoni waqt it-tul tal-proċedura f’appell.

70      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

71      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 2988/74 stabbilixxa leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettall it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha d-dritt, mingħajr ma tippreġudika r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li timponi multi fuq l-impriżi li huma s-suġġett ta’ proċeduri skont ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 324, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 223).

72      Għalhekk, skont l-Artikolu 1(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 2988/74 kif ukoll l-Artikolu 2(3) tal-istess regolament, il-preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet skadiet peress li l-Kummissjoni ma imponietx multa jew sanzjoni fil-ħames snin wara l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma, fil-frattemp, kien seħħ att ta’ interruzzjoni jew, l-iktar, fl-għaxar snin wara l-istess bidu tad-dekorrenza jekk jitwettqu atti ta’ interruzzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, it-terminu ta’ preskrizzjoni hekk iddefinit huwa pprorogat mill-perijodu li matulu l-preskrizzjoni hija sospiża skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 140).

73      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet għandha tiġi sospiża għal dak iż-żmien li fih id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

74      F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni applikat ir-regoli ta’ preskrizzjoni bil-mod li ġej.

75      L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward ta’ ksur kontinwu jew kontinwat, li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda minn tmiem is-sena 1990. Hija żiedet tgħid ukoll li, anki jekk jiġi presuppost li l-ksur kien intemm fid-19 ta’ Diċembru 1990 u li l-adozzjoni u n-notifika tad-Deċiżjoni 91/298 ma kinux interrompew it-terminu ta’ preskrizzjoni, il-Kummissjoni kellha terminu li kien jestendi tal-inqas sa’ tmiem is-sena 1995 sabiex tistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha (premessa 74).

76      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jiġi pprorogat mill-perijodu li matulu r-rikors kontra deċiżjoni kien pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali (premessa 75). Issa, f’dan il-każ, peress li r-rikors kien ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju 1991, fejn is-sentenza kienet ingħatat mill-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 1995, fejn l-appell kien ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu 1995 u fejn is-sentenza kienet ingħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ April 2000, il-preskrizzjoni kienet ġiet sospiża għal perijodu minimu ta’ tmien snin, disa’ xhur u erbat ijiet (premessa 77). Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li hija kellha terminu li kien japplika sax-xahar ta’ Settembru 2004 sabiex tadotta deċiżjoni ġdida (premessa 78).

77      Minn dan jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata, tat-13 ta’ Diċembru 2000, ġiet adottata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri meta l-ksur intemm, jiġifieri fl-1989, kif indikat fil-punti 293 sa 305 iktar ’il quddiem, u mhux fl-1990, kif tindika l-Kummissjoni.

79      Sussegwentement, kif isostnu ġustament il-partijiet, ir-referenza għall-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għal “proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej” għandha tinftiehem, sa mill-ħolqien tal-Qorti Ġenerali, bħala li hija intiża l-ewwel nett għall-proċedura pendenti quddiemha, peress li r-rikorsi li jimponu sanzjonijiet jew multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Konsegwentement, il-preskrizzjoni ġiet sospiża matul it-tul tal-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali.

80      Fl-aħħar nett, mill-punt 157 tas-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni hija sospiża sakemm id-deċiżjoni inkwistjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti “quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [Ġenerali] u l-Qorti tal-Ġustizzja.” Konsegwentement, il-preskrizzjoni ġiet ukoll sospiża matul it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma kien hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-perijodu minn meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali sakemm tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

81      Minn dan jirriżulta li preskrizzjoni ma nkisbitx f’dan il-każ, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fl-1989 u li l-Kummissjoni imponiet multa fit-13 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri f’terminu ta’ ħames snin wara l-bidu tad-dekorrenza ta’ preskrizzjoni pprorogata mill-perijodu li matulu l-preskrizzjoni ġiet sospiża. F’dan ir-rigward, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-data li fiha l-ksur intemm ma għandux konsegwenza fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fl-osservanza tar-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 2988/74.

82      Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jikkontesta din il-kunsiderazzjoni.

83      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti. In-nuqqas ta’ effett sospensiv ta’ appell ma huwiex ta’ natura li jċaħħad minn kull effettività l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. L-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu appell kien pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma jistax jiġi milqugħ, peress li jkollu bħala riżultat li jċaħħad is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’appell mis-sens u l-effetti tagħha.

84      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, li jiġi stabbilit livell doppju ta’ ġurisdizzjoni ma jippermettix li jintlaħaq il-perijodu ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jipproteġi lill-Kummissjoni kontra l-effett tal-preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet li fihom hija għandha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja, fil-kuntest ta’ proċeduri li hija ma tikkontrollax, qabel ma tkun taf jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat jew le b’illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 144).

85      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li s-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, iktar ’il fuq, li ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, jirriżulta bil-kontra b’mod ċar mit-test ta’ din is-sentenza li, b’mod ġenerali, għandu jiżdied mat-terminu ta’ preskrizzjoni l-perijodu li matulu l-preskrizzjoni ġiet sospiża, jiġifieri mhux biss il-perijodu li matulu l-proċedura kienet pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda wkoll il-perijodu li matulu l-proċedura kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

86      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni matul it-tul ta’ proċedura ta’ appell twassal sabiex toħloq effetti fuq deċiżjoni annullata fl-ewwel istanza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni tippermetti biss lill-Kummissjoni li tadotta eventwalment deċiżjoni ġdida fl-ipoteżi fejn l-appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni jkun miċħud. Din is-sospensjoni tal-preskrizzjoni ma għandha ebda effett fuq id-deċiżjoni li tkun ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

87      Il-ħames nett, fil-każ ta’ appell, il-Kummissjoni ċertament ma hijiex formalment prekluża milli tieħu azzjoni u li tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali. Madankollu, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li timponi sanzjonijiet jissospendi l-preskrizzjoni fil-qasam ta’ proċedimenti sakemm il-qorti Komunitarja tkun definittivament tat deċiżjoni dwar dan ir-rikors (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 147). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jipproteġi lill-Kummissjoni kontra l-effett tal-preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet li fihom hija jkollha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja fil-kuntest ta’ proċeduri li hija ma tikkontrollax, qabel ma tkun taf jekk l-att ikkontestat huwiex jew le vvizzjat b’illegalità. L-Artikolu 3 jikkonċerna għalhekk ipoteżijiet li fihom in-nuqqas ta’ azzjoni tal-istituzzjoni ma huwiex il-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ diliġenza (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 144). Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ppreżentat appell, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha, u stenniet is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Solvay, punt 19 iktar ’il fuq, qabel ma tadotta deċiżjoni ġdida.

88      Is-sitt nett, għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 proposta mir-rikorrenti twassal għal diffikultajiet prattiċi serji. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti riskju li żewġ deċiżjonijiet li jkollhom l-istess suġġett jeżistu flimkien fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

89      Minbarra dan, jidher li jmur kontra r-rekwiżiti ta’ ekonomija tal-ġudizzju amministrattiv li fuq il-Kummissjoni tiġi imposta, bl-uniku għan li jiġi evitat li ma jkunx hemm preskrizzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida qabel ma tkun taf jekk id-deċiżjoni inizjali hijiex jew le vvizzjata b’illegalità.

90      Minn dan kollu jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli

–       L-argumenti tal-partijiet

91      Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet taf bl-“akkużi kontra tagħha” fit-13 ta’ Marzu 1990, data li fiha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet indirizzata lilha, jiġifieri ħdax-il sena qabel id-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors. Minbarra dan, il-kwistjoni ta’ din il-kawża hija partikolarment importanti għaliha peress li, fid-Deċiżjoni 91/298 imbagħad fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni akkużatha bi ksur gravi, u imponiet fuqha multa ta’ EUR 3 miljuni. Madankollu, fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ebda deċiżjoni definittiva ma kienet ġiet adottata f’dak li jikkonċerna l-akkużi fformulati fir-rigward tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

92      Filwaqt li rreferiet għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“KEDB”) iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, ir-rikorrenti tosserva li, ikkunsidrata kollha kemm hi, il-proċedura mibdija fi Frar 1990 kienet manifestament qabżet terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza Komunitarja tipprovdi biss li t-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata f’kull stadju. Għalhekk, xejn ma jista’ jiġġustifika li l-Kummissjoni tkun stenniet ħames snin u nofs sabiex tadotta deċiżjoni ġdida, speċjalment meta l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandux effett sospensiv.

93      Wara s-sentenza Solvay , punt 16 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet għażlet mhux biss li tippreżenta rikors li hija setgħet tistenna li dan jiġi miċħud fid-dawl tas-sentenza Il-Kummissjoni vs BASF et, punt 65 iktar ’il fuq, iżda wkoll li tistenna li jiġi deċiż qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni stenniet ukoll tmien xhur wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Solvay, punt 19 iktar ’il fuq, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni l-ġdida kienet ġiet adottata f’terminu ta’ xahar u nofs.

94      Barra minn hekk, il-Kummissjoni fixklet it-terminu raġonevoli u t-terminu ta’ preskrizzjoni billi b’mod żbaljat kienet awtorizzat li d-deċiżjoni l-ġdida tiġi adottata fis-sena 2004. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tindikax l-elementi li fuqhom hija tibbaża sabiex tikkunsidra li t-terminu raġonevoli kien ġie osservat f’dan il-każ. Skont ir-rikorrenti, indipendentement minn dik li tista’ tkun il-ġustifikazzjoni tat-tul ta’ kull stadju tal-proċedura “terminu ta’ erbatax sa sittax-il sena, jew iktar, sabiex il-proċedura kollha bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni definittiva tal-Qorti Ġenerali jew tal-Qorti tal-Ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jkunx jista’ jiġi kkwalifikat bħala raġonevoli.

95      Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tikkonstata l-iskadenza tat-terminu raġonevoli u li tannulla d-deċiżjoni kkontestata peress li ma jkunx iktar possibbli f’dan l-istadju li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli fuq l-akkużi fformulati kontra r-rikorrenti. Kull soluzzjoni oħra, li tikkonsisti pereżempju li jittieħed kunsiderazzjoni tal-iskadenza tat-terminu raġonevoli fl-iffissar tal-ammont tal-multa, ma tirrimedjax il-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li, skont prinċipji mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hija ma wrietx li din l-iskadenza tat-terminu raġonevoli ħolqot dannu għad-drittijiet tad-difiża tagħha, ħaġa li tikkostitwixxi raġuni distinta ta’ annullament. Fil-fatt, il-kriterju ta’ preġudizzju lid-drittijiet tad-difiża huwa differenti mid-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli fil-qasam kriminali.

96      F’kull każ, ir-rikorrenti ssostni li l-iskadenza tat-terminu raġonevoli u d-deterjorament tal-provi li jirriżulta minn dan jipprekluduha milli tiddefendi ruħha, billi jċaħħduha b’mod partikolari mill-possibbiltà li ssostni argumenti mressqa fl-atti. F’kull każ, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tistax issejjaħ lill-ex impjegati tagħha, li kienu impjegati fis-settur u s-sussidjarja kkonċernati. Għalhekk, ir-rikorrenti tallega li hija “ostakolata konkretament fid-difiża tagħha”.

97      Ir-rikorrenti tqis li n-nuqqas ta’ azzjoni żbaljat tal-Kummissjoni matul il-ħames snin u nofs wara s-sentenza Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq, għandu jkun speċjalment issanzjonat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li hija setgħet leġittimament temmen li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat milli tiftaħ mill-ġdid il-fajl, għalkemm hija ma ppruvatx tikkonserva sistematikament punti ta’ fatt u tad-dokumenti li seta’ kien utli għad-difiża tagħha. Minbarra dan, il-politika ta’ arkivjar tagħha kien jimponi fuqha, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, distruzzjoni sistematika tal-arkivji wara għaxar snin, jew wara ħames snin.

98      Fl-aħħar nett, li jiġi kkunsidrat li l-oneru tal-prova tan-natura irraġonevoli huwa biss tar-rikorrenti jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgħid li huma l-awtoritajiet nazzjonali, quddiem perijodi twal ta’ inattività, li għandhom jispjegaw ir-raġunijiet, li jistgħu jkunu ġġustifikati biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kuntrarjament għall-Kummissjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata b’manuvra intiża li ddewwem il-proċedura sa mill-1989. Hija tosserva li l-Kummissjoni wriet lilha nfisha inkapaċi li tosserva r-regoli interni ta’ awtentifikazzjoni tagħha u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, ħaġa li dewmet l-eżami fil-fond tad-deċiżjoni inizjali b’diversi snin.

99      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

100    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli hija neċessarja, fil-qasam tal-kompetizzjoni, għall-proċeduri amministrattivi applikati skont ir-Regolament Nru 17, li jistgħu jwasslu għas-sanzjonijiet stabbiliti minnu u għall-proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti Komunitarja (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 179).

101    L-ewwel nett, insostenn tal-ilment tagħha bbażat fuq in-natura irraġonevoli tat-tul tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari l-fatt li, minkejja li l-appell ma għandux effett sospensiv, il-Kummissjoni, mingħajr ebda raġuni, stenniet ħames snin u nofs sabiex tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/298 permezz tas-sentenza Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq.

102    Madankollu, kif ġie kkonstatat waqt l-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-preskrizzjoni ġiet sospiża skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 matul it-tul tal-proċedura kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara l-introduzzjoni tal-appell kontra s-sentenza Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq. Għalhekk, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju tat-terminu raġonevoli mill-fatt biss li stenniet lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali appell qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

103    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, iktar ġeneralment, li t-tul tal-proċedura amministrattiva, kollu kemm hu, jiġifieri bejn minn meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, qabeż terminu raġonevoli.

104    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

105    Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami ta’ lment li jirrigwarda ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċedura amministrattiva u l-proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, il-perijodu li matulu l-qorti Komunitarja eżaminat il-legalità tad-Deċiżjoni 91/298 kif ukoll il-validità tas-sentenza Solvay II, punt 16 iktar ’il fuq, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit it-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punti 202 sa 204).

106    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika t-tul tal-proċedura amministrattiva bejn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 19 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-perijodu beda fis-6 ta’ April 2000, data meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 19 iktar ’il fuq, u ntemm fit-13 ta’ Diċembru 2000 bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva konsegwentement dam tmien xhur u sebat ijiem.

108    Matul dan il-perijodu, il-Kummissjoni pproċediet biss għal bidliet ta’ forma tad-Deċiżjoni 91/298, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ passaġġ ġdid dwar il-“proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [Ġenerali] u l-Qorti tal-Ġustizzja”, dwar l-evalwazzjoni tal-osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni. Barra minn hekk, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma kienet ippreċeduta minn att istruttorju supplimentari, peress li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq ir-riżultati tal-inkjesta li saret għaxar snin qabel. Madankollu, għandu jiġi ammess li, anki f’dawn iċ-ċirkustanzi, ċerti verifiki u prattiki fi ħdan l-amministrazzjoni setgħu jirriżultaw indispensabbli għall-finijiet li jintlaħaq tali riżultat.

109    Minn din il-perspettiva, ma hemmx iktar lok li jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ tmien xhur u sebat ijiem li għadda minn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 19 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkunsidrata għandu jiġi kkunsidrat bħala li kien irraġonevoli.

110    Fir-raba’ lok, fir-rigward tat-tul tal-proċedura amministrattiva bejn minn meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/298, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma sostnietx li hija setgħet, inkwantu tali, tiġi kkritikata. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tafferma li n-natura raġonevoli tat-terminu kellha tiġi evalwata mit-13 ta’ Marzu 1990, jiġifieri d-data li fiha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet indirizzata lilha, mingħajr ma jiġi kkontestat il-perijodu ta’ ħdax-il xahar u nofs li kien għadda bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/298, fl-1 ta’ Marzu 1991.

111    Minn dan kollu jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqet ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tul tal-proċedura amministrattiva kollha huwa eċċessiv f’dan il-każ.

112    Fil-fatt, anki jekk għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-fażi tal-proċedura amministrattiva qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 51), hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-tul tal-proċedura amministrattiva kollha ma huwiex eċċessiv fid-dawl b’mod partikolari tal-verifiki li saru mix-xahar ta’ April 1989, tat-talbiet għal informazzjoni effettwati sussegwentement kif ukoll tal-ftuħ tal-proċedura ex officio tad-19 ta’ Frar 1990. F’dawn iċ-ċirkustanzi, la t-tul ta’ madwar ħdax-il xahar bejn il-verifiki li saru mix-xahar ta’ April 1989 mill-Kummissjoni u d-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u lanqas it-tul tal-proċedura amministrattiva kollha ma setgħu jitiqesu li huma irraġonevoli.

113    Hemm lok li jingħad ukoll li, f’kull każ, il-ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni ħlief meta din tinkludi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, meta ma huwiex stabbilit li l-mogħdija eċċessiva taż-żmien affettwat il-kapaċità tal-impriżi kkonċernati sabiex jiddefendu ruħhom b’mod effettiv, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli huwa mingħajr effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punt 122).

114    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li huwa diffiċli għaliha li tiddefendi ruħha kontra akkużi li jirrigwardaw fatti li allegatament seħħew f’dak iż-żmien, peress li hija ma tistax iktar issejjaħ lill-impjegati tagħha li kienu attivi fil-mument tal-fatti fis-settur u s-sussidjarja kkonċernati.

115    Madankollu, il-Kummissjoni ma wettqitx att istruttorju bejn minn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 19 iktar ’il fuq, u d-deċiżjoni kkontestata.

116    Minbarra dan, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li din hija bbażata fuq l-istess motivi bħal dawk tad-Deċiżjoni 91/298, li l-kontenut ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huwa kważi identiku u li l-Kummissjoni ma ħadet inkunsiderazzjoni ebda element ġdid li jeħtieġ l-eżerċizzju ta’ dritt tad-difiża.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura.

118    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fl-atti, ir-rikorrenti ma tqiegħedx direttament inkwistjoni t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u sussegwentement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni 91/298.

119    F’kull każ, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, japplika fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq impriża multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. In-natura raġonevoli tat-terminu hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-parti interessata, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti. Il-lista ta’ dawn il-kriterji ma hijiex eżawrjenti u l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu ma teżiġix eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta’ kull wieħed minnhom meta t-tul tal-proċedura jidher iġġustifikat fir-rigward ta’ wieħed biss. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża tista’ tiġi aċċettata sabiex jiġi ġġustifikat terminu prima facie twil wisq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punti 115 sa 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Minbarra dan, fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417), wara li kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex tiggarantixxi rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità ta’ proċedura, iddikjarat il-motiv ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura fondat għall-finijiet tal-annullament tas-sentenza kkontestata sa fejn iffissa l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal ECU 3 miljuni. Fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li t-tul tal-proċedura kellu effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-motiv ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza kkontestata kollha, iżda li ammont ta’ ECU 50 000 kien jikkostitwixxi sodisfazzjon ekwu, minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura, u b’hekk naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża kkonċernata.

121    Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li t-tul tal-proċedura kellu impatt fuq is-soluzzjoni tal-kawża, skadenza eventwali tat-terminu raġonevoli mill-qorti Komunitarja f’dan il-każ, anki jekk tiġi kkunsidrata stabbilita, ma għandha ebda impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

122    Għandu jingħad li, fl-atti, ir-rikorrenti espressament irrinunzjat għall-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-multa bħala kumpens għall-allegat ksur tad-dritt tagħha għal smigħ f’terminu raġonevoli. Hija barra minn hekk ma ressqitx talba għad-danni.

123    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda u, konsegwentement, li jiġi miċħud l-ewwel motiv kollu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali

124    It-tieni motiv huwa essenzjalment artikolat fuq seba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tielet nett, fuq id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ mill-ġdid, ir-raba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv, il-ħames nett, fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-kumitat konsultattiv, is-sitt nett, fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u, is-seba’ nett, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità.

125    Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina s-sitt parti tat-tieni motiv fil-kuntest tar-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, wara l-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-mertu tal-kawża.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità

–       L-argumenti tal-partijiet

126    Ir-rikorrenti tosserva li, skont l-ittra ta’ motivazzjoni tal-10 ta’ Jannar 2001, iffirmata mill-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-kulleġġ tal-kummissarji fit-13 ta’ Diċembru 2000.

127    Madankollu, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tal-Kummissjoni, riprodotti fi stqarrija għall-istampa ta’ aġenzija tal-istampa tat-12 ta’ Diċembru 2000, li d-deċiżjoni li tiġi adottata mill-ġdid id-Deċiżjoni 91/298 kienet diġà meħuda mhux iktar tard minn lejliet il-jum meta l-kulleġġ tal-kummissarji kien iltaqa’ biex jiddelibera.

128    Skont ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-fatt li l-kulleġġ tal-kummissarji ddelibera f’data qabel it-12 ta’ Diċembru 2000, għandu jiġi dedott li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità.

129    Barra minn hekk, anki jekk jiġi presuppost li d-deċiżjoni kkontestata ġiet realment adottata mill-kulleġġ tal-kummissarji, jirriżulta mill-istqarrija għall-istampa ta’ aġenzija tal-istampa tat-12 ta’ Diċembru 2000 li l-Kummissjoni kienet apparentement iddeċidiet li tadotta deċiżjoni ġdida bil-kontenut identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/298 għar-raġuni li r-rikorrenti ma kienet qatt ikkontestat il-fondatezza ta’ din tal-aħħar. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet ikkritikat l-evalwazzjoni legali u fattwali magħmula mill-Kummissjoni kif ukoll il-prinċipju u l-ammont tal-multa. Konsegwentement, il-kulleġġ tal-kummissarji ma kien qatt ġie korrettament informat bil-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-mument meta ġie deċiż li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata.

130    Ir-rikorrenti tistaqsi wkoll lill-Qorti Ġenerali li tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti interni kollha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-minuti uffiċjali ta’ kull laqgħa tal-kulleġġ tal-kummissarji li matulha l-abbozz ta’ deċiżjoni kien ġie diskuss kif ukoll id-dokumenti prodotti lill-kulleġġ.

131    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

132    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ kolleġjalità huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil-parteċipazzjoni għat-teħid ta’ deċiżjoni u jimplika b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet jiġu ddeliberati flimkien u li l-membri kollha tal-kulleġġ jkunu kollettivament responsabbli, fuq il-livell politiku, għad-deċiżjonijiet adottati kollha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑191/95, Ġabra p. I‑5449, punt 29, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, Ġabra p. I‑9989, punt 79).

133    L-osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġjalità, u speċjalment in-neċessità li d-deċiżjonijiet ikunu ddeliberati flimkien, jinteressa b’mod partikolari s-suġġetti ta’ dritt ikkonċernati mill-effetti legali li huma jipproduċu, fis-sens li huma għandhom jiġu żgurati li dawn id-deċiżjonijiet kienu effettivament ittieħdu mill-kulleġġ u jikkorrispondu eżattament għar-rieda tiegħu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-atti, ikkwalifikati espressament bħala deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni għandha tieħu fir-rigward tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fid-dawl tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni u li għandhom bħala għan li jiġi kkonstatat ksur ta’ dawn ir-regoli, li jingħataw ordnijiet fir-rigward ta’ dawn l-impriżi u li jiġi impost fuqhom sanzjonijiet pekunjarji (sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 65 iktar ’il fuq, punti 64 u 65).

134    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li, skont stqarrija għall-istampa ta’ aġenzija tal-istampa tat-12 ta’ Diċembru 2000, il-kelliem tal-Kummissjoni kien ħabbar li hija kienet ser tadotta mill-ġdid l-istess deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2000.

135    Madankollu, anki jekk jiġi presuppost li l-kelliem tal-Kummissjoni qal dak li tirreferi għalih ir-rikorrenti, is-sempliċi fatt li stqarrija għall-istampa ta’ kumpannija privata ssemmi dikjarazzjoni li ma tippreżenta ebda natura uffiċjali ma jistax ikun biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kolleġjalità. Fil-fatt, il-kulleġġ tal-kummissarji b’ebda mod ma kien marbut ma’ din id-dikjarazzjoni u, waqt il-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2000, huwa kien għalhekk seta’ jiddeċiedi wkoll, skont deliberazzjoni konġunta, li ma jadottax id-deċiżjoni kkontestata.

136    Għandu jingħad ukoll li l-istqarrija għall-istampa uffiċjali tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Diċembru 2000.

137    Barra minn hekk, anki jekk jiġi presuppost li l-kelliem tal-Kummissjoni kien iddikjara li r-rikorrenti qatt ma kienet ikkontestat il-fondatezza tad-Deċiżjoni 91/298, tali argument ma huwiex effettiv. Fil-fatt, mill-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li l-kontenut tagħha kien kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/298, għar-raġuni li din kienet ġiet annullata minħabba difett proċedurali. Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti kienet ikkritikat il-fondatezza tad-Deċiżjoni 91/298 huwa irrilevanti.

138    Minn dan kollu jirriżulta li ma hemmx lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tipproduċi d-dokumenti interni kollha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

139    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

–       L-argumenti tal-partijiet

140    Ir-rikorrenti tħalli x’jinftiehem li l-formalitajiet ta’ awtentifikazzjoni stabbiliti bir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (ĠU 1999, L 252, p. 41) li kienu japplikaw fil-kumment tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma humiex konformi ma’ dawk stabbiliti mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs BASF et, punt 65 iktar ’il fuq (punti 73 sa 76), u Il-Kummissjoni vs Solvay, punt 19 iktar ’il fuq (punti 44 sa 49).

141    Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, fis-seħħ fi żmien tal-fatti, ma jimponi ebda formalità sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi awtentikata, li ma hijiex iffirmata anki jekk hija ssemmi l-isem tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni. B’mod partikolari, ma huwiex previst li l-atti adottati għandhom ikunu mehmuża man-nota rikapitolattiva fil-mument meta hija stabbilita, minkejja li “l-awtentifikazzjoni ta’ waħda jew tal-oħra ta’ dawn in-noti ma għandhiex rabta diretta mal-att adottat”. F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni huwa differenti mill-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura (ĠU L 149, p. 21).

142    Għalhekk, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jiksru n-natura fundamentali tal-formalitajiet ta’ awtentifikazzjoni u jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx validament awtentikata.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

144    Il-Qorti Ġenerali tqis, l-ewwel nett, li l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li hija teċċepixxi l-illegalità ta’ dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni fis-seħħ waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

145    Tali eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

146    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 241 KE għandu japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet ta’ regoli ta’ proċedura ta’ istituzzjoni li, minkejja li dawn ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u ma jipproduċux effetti analogi għal dawk ta’ regolament fis-sens ta’ dan l-artikolu tat-Trattat, jiddeterminaw il-forom sostanzjali meħtieġa għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-persuni li huma d-destinatarji tagħhom. Huwa importanti, fil-fatt, li kull destinatarju ta’ deċiżjoni jkun jista’ jikkontesta b’mod inċidentali l-legalità tal-att li jikkundizzjona l-validità formali ta’ din id-deċiżjoni, minkejja l-fatt li l-att inkwistjoni ma jikkostitwixxix il-bażi ġuridika tagħha, peress li ma kienx fil-pożizzjoni li jitlob l-annullament ta’ dan l-att qabel ma rċieva notifika tad-deċiżjoni inkwistjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità peress li huma jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi (sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punti 286 u 287).

147    Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża.

148    Fil-fatt, l-Artikolu 241 KE ma għandux bħala għan li jippermetti lil parti li tikkontesta l-applikabbiltà ta’ xi att ta’ natura ġenerali li jkun favur rikors kwalunkwe. L-att ġenerali, li l-illegalità tiegħu hija mqajma, għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punti 288 u 289, u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ġiet awtentikata skont dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura. Għalhekk teżisti rabta legali diretta bejn din id-deċiżjoni u dan l-artikolu tar-Regoli ta’ Proċedura li r-rikorrenti tinvoka l-illegalità tiegħu. Isegwi li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura, applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonstatata, jista’ jkun is-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

150    Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-formalitajiet ta’ awtentifikazzjoni stabbiliti bir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni humiex konformi jew le mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

151    F’dan il-każ, it-test ta’ referenza huwa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi dan li ġej:

“L-atti adottati fil-laqgħa huma magħquda b’mod indissoċjabbli, fil-lingwa jew lingwi awtentiċi, ma’ nota rikapitolattiva fformulata fi tmiem il-laqgħa tal-Kummissjoni li matulha huma ġew adottati. Dawn l-atti għandhom jiġu awtentikati bil-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali fl-aħħar paġna tan-nota rikapitolattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

152    Fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, ġiet eżaminata l-legalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Frar 1993 (ĠU L 230, p. 15) li kien miktub kif ġej:

“L-atti adottati fil-laqgħa […] għandhom jiġu annessi, fil-lingwa jew lingwi awtentiċi, mal-minuti uffiċjali tal-laqgħa tal-Kummissjoni li matulha jkunu ġew adottati jew li matulha tkun ittieħdet nota tal-adozzjoni tagħhom. Dawn l-atti għandhom jiġu awtentikati bil-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali fl-ewwel paġna tal-minuti uffiċjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

153    F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-regoli dettaljati stabbiliti minn din id-dispożizzjoni kienu jikkostitwixxu fihom infushom garanzija suffiċjenti sabiex tiġi kkontrollata, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-korrispondenza perfetta tat-testi nnotifikati jew ippubblikati mat-test adottat mill-kulleġġ u, bl-istess mod, mar-rieda tal-awtur tagħhom. Fil-fatt, peress li dan it-test kien anness mal-minuti uffiċjali u li l-ewwel paġna tiegħu kienet iffirmata mill-President u mis-Segretarju Ġenerali, kienet teżisti rabta bejn dawn il-minuti uffiċjali u d-dokumenti li huma jkopru li kien jippermetti li jiġi żgurat il-kontenut u l-forma eżatti tad-deċiżjoni tal-kulleġġ. F’dan ir-rigward, kellha tiġi preżunta awtorità li kienet aġixxiet skont il-leġiżlazzjoni applikabbli sakemm in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-aġir tagħha ma jkunx ġie kkonstatat mill-qorti Komunitarja. Għalhekk, l-awtentifikazzjoni prevista skont ir-regoli dettaljati tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura kellha titqies li hija legali (sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punti 302 sa 304).

154    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jipprovdi proċedura ta’ awtentifikazzjoni iktar formalista minn dik eżaminata fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq.

155    Fil-fatt, l-emendi magħmula bejn iż-żewġ verżjonijiet tat-test huma li ġejjin: l-atti adottati f’laqgħa ma humiex iktar biss “annessi” mal-minuti uffiċjali, iżda “magħquda b’mod indissoċjabbli”; il-frażi “minuti uffiċjali” ġiet issostitwita b’“nota rikapitolattiva”; in-nota tiġi stabbilita “fi tmiem il-laqgħa”; fl-aħħar nett, il-firma ma hijiex iktar fl-“ewwel paġna tal-minuti uffiċjali” iżda “fl-aħħar paġna tan-nota rikapitolattiva”.

156    Dawn l-emendi, meħuda flimkien, isaħħu l-garanziji proċedurali offerti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

157    Għalhekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni applikabbli fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ivvizzjat b’illegalità.

158    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ ġdid.

–       L-argumenti tal-partijiet

159    Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, fil-punti 246 sa 252 tas-sentenza tagħha PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, kien ġie kkunsidrat li, meta deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi annullata minħabba difett proċedurali, seduta ġdida tal-impriżi kkonċernati ma hijiex meħtieġa, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ġdida, ħlief meta jitressqu lmenti ġodda.

160    Madankollu, din is-soluzzjoni ma tistax tiġi trasposta għall-fatti tal-każ. Minn naħa, il-proċedura amministrattiva fiha bosta difetti minħabba l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-analiżi tad-Deċiżjoni 91/297, annullata minħabba diversi raġunijiet li ma humiex dawk ta’ forma pura, u li ma ġietx adottata mill-ġdid.

161    Għalhekk, l-annullament tad-Deċiżjoni 91/297 kienet affettwat l-validità tal-miżuri preparatorji għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fis-sentenza Solvay I, punt 17 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li r-rifjut totali ta’ żvelar tad-dokumenti oppost mill-Kummissjoni kiser id-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti għall-fajl. Barra minn hekk, dan id-difett proċedurali jaffettwa kemm il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/298 kif ukoll dik li tikkonċerna d-Deċiżjoni 91/297. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tiftaħ mill-ġdid il-proċedura billi tagħtiha aċċess sħiħ għall-fajl tagħha u tippermettilha sussegwentement li ssostni l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha dwar dan is-suġġett.

162    Minbarra dan, l-interpretazzjoni li saret fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’l fuq, peress li hija tillimita d-dritt għal smigħ għall-unika possibbiltà għall-impriża kkonċernata li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ilmenti kkunsidrati fir-rigward tagħha, hija żbaljata fil-liġi. Fil-fatt, kull impriża kkonċernata għandha wkoll id-dritt għal smigħ u li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-prinċipju, l-opportunità u l-ammont tal-multi. Filwaqt li tirreferi ruħha għall-ġurisprudenza, ir-rikorrenti tafferma li l-impriżi potenzjalment destinatarji ta’ deċiżjoni li tikkontesta ksur min-naħa tagħhom u li timponi fuqhom multa minħabba dan il-fatt għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jsostnu l-osservazzjonijiet kollha tagħhom fir-rigward tal-multa fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Madankollu, mill-fatt tal-mogħdija taż-żmien f’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li hija kellha osservazzjonijiet ġodda xi ssostni fir-rigward tal-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi fuqha multi, fir-rigward tal-iskadenza tat-terminu raġonevoli, kif ukoll l-ammont tal-multa.

163    Ir-rikorrenti tqis li, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/297, hija kellha tinstema’ dwar il-koerenza interna tal-analiżi tal-Kummissjoni, li ppreżentat fid-deċiżjoni kkontestata l-ksur ikkontestat bħala li jsaħħaħ l-effetti ta’ allegata politika ġenerali antikompetittiva, u fuq il-validità ta’ ċerti affermazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżistenza ta’ akkordju ma’ ICI, li huma direttament meħuda mid-Deċiżjoni 91/297.

164    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

165    Meta l-Kummissjoni, wara l-annullament tad-deċiżjoni li tissanzjona impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, minħabba difett proċedurali li jikkonċerna esklużivament ir-regoli dettaljati tal-adozzjoni definittiva tagħha mill-kulleġġ tal-kummissarji, tadotta deċiżjoni ġdida, b’kontenut sostanzjalment identiku u fondat fuq l-istess ilmenti, hija ma għandhiex l-obbligu li tisma’ mill-ġdid lill-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punti 83 sa 111).

166    Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt li jistgħu jitqajmu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 233 KE, bħal dawk dwar il-mogħdija taż-żmien, il-possibbiltà ta’ tkomplija tal-proċedimenti, l-aċċess għall-fajl li huwa inerenti għat-tkomplija tal-proċedura, l-intervent tal-uffiċjal tas-seduta u tal-kumitat konsultattiv kif ukoll eventwali implikazzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dawn ma jirrikjedux iktar seduti ġodda, peress li ma jemendawx il-kontenut tal-ilmenti, billi huma suġġetti biss, skont il-każ, għal stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 93).

167    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkwotat kważi l-kontenut kollu tad-Deċiżjoni 91/298. Hija sempliċement ikkompletat id-deċiżjoni kkontestata b’silta li tikkonċerna l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

168    Ċertament, fil-parti tad-deċiżjoni kkonstatata stabbilita għall-fatti, il-Kummissjoni żiedet ukoll kunsiderazzjonijiet li ħadet mid-Deċiżjoni 91/297, li sussegwentement ġiet annullata bis-sentenza Solvay I, punt 17 iktar ’il fuq.

169    Madankollu, minn naħa, id-Deċiżjoni 91/298, fl-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata, kienet espressament tirreferi għad-Deċiżjoni 91/297 f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni dwar il-prodott u s-suq tas-soda (ara l-punt I B tal-premessi tad-Deċiżjoni 91/298). Fir-replika, ir-rikorrenti rrikonoxxiet barra minn hekk li s-siltiet tad-Deċiżjoni 91/297 li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata kienu “parti integrali” mid-Deċiżjoni 91/298.

170    Min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni, li tippreżenta unikament natura fattwali, ma hijiex rilevanti f’dak li jikkonċerna l-ksur ikkontestat lir-rikorrenti f’din il-kawża. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-aġir inkwistjoni jikkonċerna akkordju konkluż bejn ir-rikorrenti u CFK u mhux il-prattiki antikompetittivi bejn ir-rikorrenti u ICI.

171    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata u d-Deċiżjoni 91/298 għandhom kontenut sostanzjalment identiku u huma fondati fuq l-istess motivi.

172    Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 165 u 166 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tisma’ mill-ġdid lir-rikorrenti qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

173    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, dan huwa s-suġġett ta’ lment indipendenti u għalhekk ser jiġi eżaminat separatament.

174    Minn dan kollu jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti.

–       L-argumenti tal-partijiet

175    Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 254 sa 257 tas-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, li tipprovdi li konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv ma kinitx meħtieġa f’din il-kawża. Skont ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza, l-obbligu li tikkonsulta l-kumitat konsultattiv ma jirriżultax mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1963, dwar is-seduti previsti fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 (ĠU 127, p. 2268), li huwa limitat li jirregola l-kronoloġija tal-proċedura li għandha tiġi segwita, iżda l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti. Minbarra dan, anki jekk il-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv tikkostitwixxi garanzija proċedurali sinjifikattiva, hija ssegwi għan li ma huwiex is-sempliċi smigħ tal-impriża kkonċernata mill-abbozz ta’ deċiżjoni, kif jikkonferma l-fatt li r-rinunzja għas-smigħ mill-impriża ma tneħħix l-obbligu lill-Kummissjoni li tikkonsulta l-kumitat konsultattiv.

176    Konsegwentement, f’dan il-każ, il-kumitat konsultattiv kellu jiġi kkonsultat dwar il-pjan tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni kkontestata wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Solvay, punt 19 iktar ’il fuq, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli.

177    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

178    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti:

“3.      Kumitat Konsultattiv fuq il-Prattiċi Restrittivi u l-Monopolji għandu jiġi konsultat qabel ma tittieħed kull deċiżjoni wara l-proċedura taħt il-paragrafu 1, u kull deċiżjoni fir-rigward tat-tiġdid, l-emendar jew ir-revoka ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu [81](3) [KE].

[…]

5.      Il-konsultazzjoni għandha sseħħ waqt laqgħa konġunta msejħa mill-Kummissjoni; din il-laqgħa għandha ssir mhux qabel erbatax il-ġurnata wara l-ħruġ tan-notifika li sejħet għaliha. In-notifika għandha, fir-rigward ta’ kull każ li għandu jiġi eżaminat, tkun akkumpanjata minn sommarju tal-kas flimkien ma ndikazzjoni tad-dokumenti l-aktar importanti, u abbozz preliminari tad-deċiżjoni.”

179    Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 99/63 jipprovdi:

“Qabel ma jiġi kkonsultat il-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ seduta skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

180    Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 99/63 li s-seduta tal-impriżi kkonċernati u l-konsultazzjoni tal-kumitat huma meħtieġa fl-istess sitwazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 54, u s-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 115).

181    Ir-Regolament Nru 99/63 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204), fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-Artikolu 2(1) tiegħu huwa miktub f’termini li jixbhu dawk tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 99/63.

182    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti kien ġie kkonsultat qabel id-Deċiżjoni 91/298. Ir-rikorrenti ma tikkontesta la l-eżistenza u lanqas ir-regolarità ta’ din il-konsultazzjoni.

183    Għalhekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix emendi sostanzjali fir-rigward tad-Deċiżjoni 91/298, il-Kummissjoni, li ma għandhiex obbligu li tisma’ mill-ġdid lir-rikorrenti qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata, ma kellhiex l-obbligu wkoll li tagħmel konsultazzjoni ġdida mal-kumitat konsultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 118).

184    Konsegwentement, hemm lok li r-raba’ parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti.

–       L-argumenti tal-partijiet

185    Ir-rikorrenti ssostni li, wara l-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti, li seħħet qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 92/298 u tad-deċiżjoni kkontestata, tliet Stati aderixxew mal-Komunità, fl-1 ta’ Jannar 1995. Peress illi dan il-kumitat konsultattiv huwa kompost minn rappreżentant ta’ kull Stat Membru, dan il-kumitat konsultattiv ma kienx iktar validament kompost fil-mument meta l-Kummissjoni stabbilixxiet l-abbozz li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni jmissha għalhekk għamlet konsultazzjoni ġdida mal-kumitat konsultattiv regolarment kompost.

186    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

187    Skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti:

“Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost minn uffiċjali kompetenti fil-materja tal-Prattiċi restrittivi u l-Monopolji. Kull Stat Membru għandu jappunta uffiċjal sabiex jirrappreżentah li, jekk ikun prevenut milli jattendi, jista’ jiġi mibdul minn uffiċjal ieħor.”

188    Skont il-ġurisprudenza, il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ istituzzjoni ma taffettwax il-kontinwità tal-istituzzjoni stess, fejn l-atti definittivi jew preparatorji tagħha jikkonservaw, bħala prinċipju, l-effetti kollha tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4033, punt 36).

189    Minbarra dan, ma jeżisti ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jimponi l-kontinwità tal-kompożizzjoni tal-korp amministrattiv li quddiemu titressaq proċedura li tista’ twassal għal multa (sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punti 322 u 323).

190    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tikkonsulta mill-ġdid il-kumitat konsultattiv wara l-adeżjoni ta’ tliet Stati addizzjonali fil-Komunità.

191    Għaldaqstant, il-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

192    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi prattikament kelma b’kelma deċiżjoni adottata għaxar snin qabel u li hija ma tieħu ebda kunsiderazzjoni tal-mogħdija taż-żmien u tal-konsegwenzi tal-annullament tad-Deċiżjoni 91/297. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tagħtiha aċċess komplet tal-fajl.

193    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata sa fejn hija għandha bħala effett li tiftaħ mill-ġdid proċedura żmien twil wara l-fatti, u għalhekk hija f’kull każ nieqsa minn kull effett utli.

194    Fuq kollox, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija tqis xieraq li timponi fuqha mill-ġdid “deċiżjoni drakonjana” meta hija kienet barra minn hekk naqset milli tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/297. Il-Kummissjoni kienet għaldaqstant ikkunsidrat bħala ħaġa waħda l-ksur li ta lok għad-Deċiżjonijiet 91/297, 91/298 u 91/299, li kienu ġew miktuba minn din il-perspettiva. Il-Qorti Ġenerali hija għalhekk fl-impossibbiltà li tevalwa l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ġdida li l-kontenut tagħha huwa kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/298.

195    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

196    Ir-rikorrenti, taħt kopertura ta’ allegat ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità, tuża l-istess argumenti bħal dawk diġà invokati, ibbażati b’mod partikolari fuq il-mogħdija taż-żmien u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, li l-Qorti Ġenerali qed teżamina wkoll.

197    L-uniku element ġdid jikkonċerna n-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li l-kontenut tagħha huwa kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/298. Issa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat l-għażla tagħha li tadotta mill-ġdid id-Deċiżjoni 91/298 fil-premessi 67 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiżdiedu mad-Deċiżjoni 91/298. Għalhekk, l-ilment invokat mir-rikorrenti huwa nieqes minn fatt.

198    Konsegwentement, is-seba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

199    Minn dan kollu jirriżulta li t-tieni motiv kollu għandu jiġi miċħud, bla ħsara għall-eżami tas-sitt parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, li ser tiġi kkunsidrata fil-kuntest tar-raba’ motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

 L-argumenti tal-partijiet

200    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni “mmotivat b’mod żbaljat” id-deċiżjoni kkontestata peress li, sabiex tipprova turi l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, hija limitat ruħha sabiex tirreferi għal allegata politika ġenerali min-naħa tagħha sabiex tikkontrolla s-suq tas-soda fil-Komunità u sabiex tafferma li l-allegat ftehim bejnha u CFK kien jagħmel parti minn din il-politika ġenerali.

201    Skont ir-rikorrenti, din ir-referenza għal allegata politika ġenerali tikkonċerna l-approċċ tal-Kummissjoni li, fil-kawżi “Karbonat tas-soda”, dejjem ikkunsidrat li l-ksur allegat għall-Artikoli 81 KE u 82 KE kien isaħħaħhom sabiex jifformaw strateġija globali intiża sabiex tqassam is-swieq u tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

202    Issa, l-ewwel nett, il-Kummissjoni qatt ma waslet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat “kartell Ewropew” bejn il-produtturi kollha tal-karbonat tas-soda.

203    It-tieni nett, l-aġir akkużat mill-Kummissjoni, li għandu jiġi kkunsidrat abbużiv, jikkostitwixxi fatti iżolati u mingħajr impatt sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni.

204    It-tielet nett, l-allegat ftehim inkwistjoni kien jikkonċerna tunnellaġġi minimi, fejn il-Kummissjoni ssemmi l-ammont ta’ 11 000 tunnellata fuq sentejn għal suq ta’ iktar minn miljun tunnellata, jiġifieri 1 % tal-konsum annwali fis-suq Ġermaniż u madwar 4 % tal-kapaċità totali ta’ produzzjoni ta’ CFK. Minbarra dan, dan iwassal, b’ipoteżi, fuq kwantitajiet ta’ karbonat tas-soda li CFK ma kienet qatt fil-pożizzjoni li tqiegħed fis-suq. Konsegwentement, l-allegat ftehim ma huwiex ta’ natura li joħloq effett ħażin sinjifikattiv għall-kummerċ bejn Stati Membri.

205    Fir-replika, ir-rikorrenti tosserva li, jekk hija ma fformulatx motiv speċifiku fir-rigward tal-eżistenza tal-allegat ftehim li l-Kummissjoni qed takkużaha li kkonkludiet ma’ CFK, dan ma jfissirx li hija tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali ftehim.

206    Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li l-prezzijiet ipprattikati fil-Ġermanja kienu ogħla mill-bqija tal-Komunità. Għalhekk, jekk CFK kienet xtaqet tqiegħed dawn it-tunnellaġġi fi Stati Membri oħra, hija jmissha sofriet tnaqqis fi dħul li ma kienx fl-interess tagħha li żżid billi tkompli tnaqqas il-prezzijiet f’dawn is-swieq. Fin-nuqqas tal-allegat ftehim, huwa fis-suq Ġermaniż li CFK kellha interess li tqiegħed it-tunnellaġġi li DSW ma kinitx assorbiet.

207    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

208    L-Artikolu 81(1) KE japplika biss għal ftehim li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. Skont ġurisprudenza stabbilita, ftehim bejn impriżi, sabiex ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, għandu, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi kollha ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermetti li jiġi kkunsidrat bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huwa jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn Stati Membri, f’sens li jista’ jippreġudika t-twettiq tal-għanijiet ta’ suq uniku bejn l-Istati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 22, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 63). Għalhekk, l-effett tal-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi fatturi li, meħuda waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C‑250/92, Ġabra p. I‑5641, punt 54, u tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il‑Kummissjoni, C‑359/01 P, Ġabra p. I‑4933, punt 27).

209    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-influwenza ta’ akkordju fuq il-kummerċ huwa sfavorevoli, newtrali jew favorevoli ma tantx huwa rilevanti. Fil-fatt, restrizzjoni ta’ kompetizzjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta hija tista’ toħloq distorsjoni li altrimenti kienu jsegwu fit-tendenzi tal-kummerċ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 172).

210    Minbarra dan, il-kapaċità ta’ akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, jiġifieri l-effett potenzjali tiegħu, hija biżżejjed sabiex dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u ma huwiex neċessarju li jintwera effett ħażin effettiv fuq il-kummerċ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 166). Madankollu, huwa neċessarju li l-effett potenzjali tal-akkordju fuq il-kummerċ bejn l-Istati jkun sinjifikattiv, jew, fi kliem ieħor, li ma jkunx insinjifikattiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punti 12 u 17, u s-sentenza CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 207).

211    Barra minn hekk, akkordju li jkun mifrux mat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida t-tqassim ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il‑Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 37).

212    F’dan il-każ, fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat tliet elementi sabiex tikkunsidra li l-ftehim inkwistjoni kien jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri: l-ewwel nett, dan il-ftehim “kien jagħmel parti minn politika ġenerali għall-kontroll tas-suq tas-soda fil-Komunità”; it-tieni nett, dan il-ftehim “kellu bħala għan mhux biss li jnaqqas il-kompetizzjoni b’mod sostanzjali fil-Komunità, iżda wkoll li jżomm ir-riġidità tal-istruttura tas-suq u s-separazzjoni tiegħu skont fruntieri nazzjonali”; it-tielet nett, “fin-nuqqas ta’ dan il-ftehim, huwa għal kollox probabbli li t-tunnellaġġ meħud minn Solvay skont il-garanzija kien tqiegħed minn CFK f’swieq oħra tal-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

213    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-ewwel żewġ elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni.

214    Għandu sussegwentement jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tqajjem ebda motiv intiż li jikkontesta l-eżistenza ta’ ftehim bejnha u CFK, li skont dan, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, “[hija] ggarantixxiet lil CFK tunnellaġġ annwali minimu ta’ bejgħ ta’ soda fil-Ġermanja […] u kkumpensat lil CFK kull defiċit billi xtrat mingħandha t-tunnellaġġi meħtieġa biex iġġib il-bejgħ tagħha għall-minimu ggarantit.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

215    Issa, ftehim ta’ garanzija dwar tunnellaġġ annwali minimu ta’ bejgħ f’suq nazzjonali, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, jista’ mid-definizzjoni tiegħu joħloq distorsjoni mid-direzzjoni li altrimenti kienu jsegwu fit-tendenzi tal-kummerċ. Fil-fatt, dan iwassal sabiex tiġi rtirata mis-suq parti mill-produzzjoni ta’ karbonat tas-soda, li setgħet tiġi esportata lejn Stati Membri oħra.

216    Konsegwentement, anki jekk jiġi presuppost li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ politika ġenerali ta’ kontroll tas-suq tas-soda huwa fondat, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-konklużjoni tal-Kummissjoni intiża għall-konstatazzjoni ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri tintwera b’mod suffiċjenti mill-fatt li l-ftehim inkwistjoni seta’ joħloq distorsjoni fit-tendenzi kummerċjali.

217    Ir-rikorrenti tallega wkoll li, fid-dawl tal-importanza minima tat-tunnellaġġi inkwistjoni, il-ftehim ma kienx ta’ natura li jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri.

218    Issa, skont il-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li s-suq Ġermaniż kien jirrappreżenta madwar 1 080 000 tunnellata fl-1986 u fl-1987, il-garanzija ta’ CFK kienet ġiet inizjalment iffissata, fl-1987, għal 179 000 tunnellata, ammont sussegwentement miżjud. F’dan ir-rigward, hemm lok li ssir referenza mhux għall-ammont effettivament mixtri mir-rikorrenti mingħand CFK kull sena, iżda għall-ammont li r-rikorrenti setgħet tasal biex tixtri mingħand CFK, skont il-ftehim, jiġifieri 179 000 tunnellata inizjalment.

219    Kif issostni ġustament il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha, dan l-ammont, ta’ 179 tunnellata, li jirrappreżenta 16.57 % tas-suq Ġermaniż fl-1987, ma jistax jitqies li huwa insinjifikattiv.

220    Jirriżulta minn dan kollu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-akkordju inkwistjoni seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

221    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

222    Ir-raba’ motiv huwa essenzjalment artikolat fuq żewġ partijiet, ibbażati rispettivament fuq l-eżistenza ta’ dokumenti utli għad-difiża fost id-dokumenti tal-fajl ikkonsultati fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u tan-nuqqas ta’ konsultazzjoni kompleta tal-fajl mir-rikorrenti.

223    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, anki jekk din hija proċedura amministrattiva. Dan jeħtieġ li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jkunu f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jippreżentaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 1978, Hoffman-La Roche, 102/77, Ġabra p. 1139, punt 11, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-29 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II-3085, punt 49).

224    Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, li huwa korollarju mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn tal-aħħar jinkludu kemm id-dokumenti akkużatorji kif ukoll dawk li jiskaġunaw, salv is-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C-213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 68, u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoeschst vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 145).

225    Fir-rigward tal-elementi akkużatorji, l-impriża kkonċernata għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat li l-Kummissjoni bbażat fuqu sabiex takkuża lil din l-impriża kellu jiġi skartat bħala prova ta’ akkuża. Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, li kieku hija setgħet tagħmel użu minnhom matul il-proċedura amministrattiva, hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u setgħet għalhekk tinfluwenza, b’xi mod kwalunkwe, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u tat-tul tal-aġir li ġiet akkużata bih, u, għaldaqstant, il-livell tal-multa. Il-possibbiltà li dokument mhux żvelat seta’ kellu influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juru li d-dokumenti mhux żvelati setgħu kellhom – fir-rigward ta’ dawn il-provi – importanza li ma kienx imissha ġiet injorata (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 73 sa 76, u s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoescht vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 146).

226    Fl-aħħar nett, ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl jista’ jwassal għal annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biss jekk l-aċċess irregolari għall-fajl tal-investigazzjoni matul il-proċedura amministrattiva kien ipprekluda lill-impriża jew lill-impriżi kkonċernati milli jkunu jafu dwar id-dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħhom u kien, b’dan il-mod, kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Dan ikun il-każ jekk l-iżvelar ta’ dokument seta’ wassal għal possibbiltà, anki żgħira, li l-proċedura amministrattiva tasal għal riżultat differenti fis-sitwazzjoni fejn l-impriża kkonċernata setgħet tagħmel użu minnu matul l-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 73 sa 76).

227    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi evalwat jekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ dokumenti utli għad-difiża fost id-dokumenti tal-fajl ikkonsultati fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

228    Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti, fir-rigward tal-elementi ta’ skaġunar, l-impriża kkonċernata għanda tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

229    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil-15 ta’ Lulju 2005, wara l-konsultazzjoni ta’ dokumenti tal-fajl.

–       L-argumenti tal-partijiet

230    Ir-rikorrenti ssostni li l-aċċess għal dawn id-dokumenti waqt il-proċedura amminstrattiva kien jippermettilha li tressaq argumenti utli għad-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

231    Minn naħa, ir-rikorrenti tafferma li l-dokumenti li jidhru fil-fajl tal-investigazzjoni li għalihom hija ma kellhiex aċċess matul il-proċedura amministrattiva kienu ppermettewlha li turi li hija ma kinitx stabbilixxiet strateġija kummerċjali ta’ kontroll tas-suq u li, matul l-istess perijodu, CFK kienet tipprovdi l-karbonat tas-soda lil kompetituri oħra. B’mod partikolari, jirriżulta minn nota interna ta’ CFK li, fl-1988, din kienet ipprovditilha 2 544 tunnellata ta’ karbonat tas-soda, wara diffikultajiet ta’ produzzjoni li hija ltaqgħet magħhom fil-fabbriki tagħha fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Barra minn hekk, jeżistu dokumenti oħra fil-fajl tal-investigazzjoni li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għalihom waqt il-proċedura amministrattiva li kienu jagħtu prova li l-produtturi kollha tal-karbonat tas-soda kienu jfornu regolarment lil xulxin.

232    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti tal-fajl li għalihom hija ma kellhiex aċċess waqt il-proċedura amministrattiva juru li, matul is-snin fejn CFK wettqet il-kunsinni inkwistjoni, it-tipoloġija u l-volum tal-esportazzjonijiet tagħhom lejn Stati oħra tal-Komunità rriżultaw simili. Konsegwentement, il-kunsinni lir-rikorrenti ma kellhomx effetti fuq it-tendenzi tal-kummerċ fil-Komunità.

233    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti invokati mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

234    Għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-element, meqjus mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim inkwistjoni kien jagħmel parti minn politika ġenerali għall-kontroll tas-suq tas-soda fil-Komunità huwa mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 216 iktar ’il fuq). Għalhekk, id-dokumenti invokati mir-rikorrenti wara l-konsultazzjoni tal-fajl, ukoll meta dawn kienu jwasslu biex juru n-nuqqas ta’ strateġija kummerċjali min-naħa tagħha intiża għall-kontroll tas-suq, ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

235    F’kull każ, ir-rikorrenti, li kienet l-ewwel produttur tal-karbonat tas-soda fil-Komunità fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, kellha bilfors elementi ta’ informazzjoni li jippermettulha tinvoka u ssostni fl-1990 il-fatt li l-produtturi ta’ karbonat tas-soda kienu jfornu ruħhom regolarment bejniethom. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tinvoka diversi dokumenti li jindikaw li bejgħ tal-karbonat tas-soda kien seħħ bejnha u l-kompetituri tagħha, ħaġa li hija evidentement ma setgħetx tinjora.

236    Barra minn hekk, l-argument li l-kunsinni lir-rikorrenti ma kellhomx effett fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn il-Komunità ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effett tal-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan tal-ftehim kien li jitwettqu l-kundizzjonijiet ta’ stabbiltà artifiċjali tas-suq, ħaġa li r-rikorrenti ma tikkontestax. Issa, peress li l-ftehim kien intiż li jżomm l-istruttura eżistenti tas-suq tal-karbonat tas-soda, jirriżulta b’mod loġiku minn dan li l-esportazzjonijiet ta’ CFK fil-Komunità kellhom jibqgħu stabbli. Konsegwentement, mhux talli l-argument tar-rikorrenti ma jikkontestax il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, iżda pjuttost dan jikkonfermhom.

237    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti seta’ wassal għal possibbiltà, anki żgħira, li l-proċedura amministrattiva tasal għal riżultat differenti fis-sitwazzjoni fejn hija setgħet tibbaża fuqhom matul din il-proċedura bħal ma teżiġi l-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 73 sa 76).

238    Għalhekk, mill-eżami tad-dokumenti invokati mir-rikorrenti wara l-aċċess għall-fajl jirriżulta, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tar-raba’ motiv invokat mir-rikorrenti tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni kompleta tal-fajl mir-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

239    Fl-atti, ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma setgħet tikseb lista enumerattiva kompleta tal-fajl tal-Kummissjoni. Minbarra dan, matul il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/298, il-Kummissjoni kienet sempliċement tatha aċċess għad-dokumenti akkużatorji, annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Konsegwentement, skont id-deskrizzjoni tal-proċess li tirriżulta mis-sentenza Solvay I, punt 17 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ġiet miċħuda l-aċċess għall-“fajls sussidjarji” kollha li jikkonċernaw il-kompetituri tagħha (Rhône-Poulenc, CFK, Matthes & Weber, Akzo u ICI) kif ukoll xi għaxar fajls li kien fihom it-tweġibiet għall-mistoqsijiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni applikabbli tiegħu fil-mument tal-fatti, b’mod partikolari dawk indirizzati mill-Kummissjoni lil xi wħud mill-klijenti tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li hija għalhekk kienet prekluża milli teżamina jekk dawn il-fajls kienx fihom elementi utli għad-difiża tagħha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq Ġermaniż, il-kuntest tal-allegat ftehim u l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri. Id-deterjorament tal-provi li jirriżulta maż-żmien li jkun għadda mid-diversi fatti kkontestati kien għaldaqstant għamel iktar importanti l-aċċess għall-fajl.

240    Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-15 ta’ Lulju 2005, ippreżentati wara l-konsultazzjoni tal-fajl fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tqis li hija ma tistax tindika sa fejn id-dokumenti neqsin mill-fajl kienu utli għad-difiża tagħha. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, minn naħa, il-Kummissjoni espressament irrikonoxxiet it-telf ta’ ħames diviżuri u li, min-naħa l-oħra, hija ma tistax tiggarantixxi n-natura kompleta tad-diviżuri li għad għandha, fin-nuqqas ta’ numerazzjoni kontinwa tad-dokumenti u tal-lista enumerattiva. Minn dan hija tiddeduċi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, peress li l-Qorti Ġenerali ma hijiex fil-pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità.

241    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

242    L-ewwel nett, għandu jiġi sostnut li, matul il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/298, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx f’lista enumerattiva d-dokumenti li jikkomponu l-fajl u li hija kkomunikat lir-rikorrenti biss id-dokumenti akkużatorji, li kienu annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

243    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, waqt is-seduta, li, f’ċerti kawżi, il-prassi kienet ikkonsistiet li lill-impriżi kkonċernati tiġi indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jkollha biss ċerti dokumenti, minħabba n-natura voluminuża tal-fajl, u sussegwentement dawn l-impriżi kienu mistiedna jikkonsultaw fl-uffiċċji tagħha d-dokumenti kollha aċċessibbli bl-għajnuna ta’ lista enumerattiva. Madankollu, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni 91/298, ir-Relatur iddeċieda, skont il-Kummissjoni, li “jissimplifika l-proċedura” billi kkunsidra li, peress li d-dokumenti kollha invokati kienu ġew ikkomunikati mad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, il-konsultazzjoni kienet inutli u konsegwentement, li lista enumerattiva ma kinitx neċessarja.

244    Issa, hemm lok li jitfakkar li, fil-paġni 40 u 41 tat-Tnax-il Rapport fuq il-politika tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet, f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-fajl, ir-regoli li ġejjin:

“Il-Kummissjoni tagħti lill-impriżi implikati f’proċeduri l-fakultà li jkollhom għarfien tal-fajl li jikkonċernahom. L-impriżi huma infurmati bil-kontenut tal-fajl tal-Kummissjoni permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew bl-ittra ta’ rifjut ta’ talba għal lista tad-dokumenti kollha li jikkomponu l-fajl, flimkien mal-indikazzjoni tad-dokumenti jew partijiet tagħhom li jkunu aċċessibbli lilhom. L-impriżi huma mistiedna li jeżaminaw fuq il-post id-dokumenti aċċessibbli. Jekk impriża tixtieq teżamina xi wħud minnhom biss, il-Kummissjoni tista’ tgħaddilha kopji. Il-Kummissjoni tikkunsidra bħala kunfidenzjali, u konsegwentement inaċċessibbli għal impriża partikolari, id-dokumenti li ġejjin: id-dokumenti jew partijiet tagħhom li fihom sigrieti ta’ kawżi ta’ impriżi oħra; id-dokumenti interni tal-Kummissjoni, bħan-noti, abbozzi jew dokumenti ta’ xogħol oħra; kull informazzjoni kunfidenzjali oħra, bħal dik li tippermetti li jiġu identifikati dawk li jressqu lment li jixtiequ ma jiżvelawx l-identità tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni bil-kundizzjoni li tiġi osservata n-natura kunfidenzjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

245    Minn dawn ir-regoli jirriżulta li, waqt il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/298, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tagħmel aċċessibbli lir-rikorrenti d-dokumenti kollha akkużatorji u li jiskaġunawha li hija rċeviet waqt l-inkjesta, bla ħsara għas-sigrieti ta’ kawżi ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punti 51 sa 54, u tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II‑2667, punti 39 sa 41).

246    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni 91/298, il-Kummissjoni ma segwietx ir-regoli li hija imponiet fuqha nfisha fl-1982, billi ma stabbilixxietx lista enumerattiva tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl u ma tatx aċċess lir-rikorrenti għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl.

247    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, peress li d-Deċiżjoni 91/298 ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba nuqqas ta’ awtentifikazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kellha d-dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tiftaħ mill-ġdid il-proċedura amministrattiva.

248    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkomunikatx lir-rikorrenti d-dokumenti kollha tal-fajl li kienu aċċessibbli għaliha u ma stidnithiex tikkonsulta dawn id-dokumenti fl-uffiċċji tagħha, b’mod li l-proċedura amministrattiva kienet irregolari f’dan ir-rigward.

249    Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet tad-difiża ma jinkisrux minħabba irregolarità proċedurali ħlief jekk din kellha impatt konkret fuq il-possibbiltà li l-impriżi inkwistjoni jiddefendu ruħhom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 55, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II-5575, punt 632).

250    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tar-rikors ġuridiku ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, ordnat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ddestinati sabiex jiżguraw aċċess komplet għall-fajl, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela dokument jew li tikkomunika dokument setax kien ta’ dannu għad-difiża tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 102).

251    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi limitat ruħha għal stħarriġ ġudizzjarju tal-motivi mqajma, tali eżami ma għandux la bħala għan u lanqas bħala effett li jissostitwixxi investigazzjoni kompleta tal-każ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. L-għarfien tardiv ta’ ċerti dokumenti tal-fajl ma jpoġġix lill-impriża, li tkun ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess dokumenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha quddiem din l-istituzzjoni (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, meta l-aċċess għall-fajl huwa żgurat fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, l-impriża kkonċernata ma għandhiex turi li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti mhux ikkomunikati, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li dawn id-dokumenti setgħu kienu utli għad-difiża tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 128, u s-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 38 iktar ’il fuq, punt 318).

252    F’dan il-każ, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pproduċiet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dokumenti annessi. Hija stabbilixxiet ukoll lista enumerattiva tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl, fil-kompożizzjoni attwali tiegħu.

253    Issa, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li teżisti inċertezza dwar il-kontenut eżatt tal-fajl fil-kompożizzjoni inizjali tiegħu. Fil-fatt, il-Kummissjoni ċertament indikat li l-fajl, fil-kompożizzjoni attwali tiegħu, kien kopja tal-fajl fil-kompożizzjoni inizjali tiegħu, fejn dan kien kompost minn “fajls sussidjarji” enumerati minn 1 sa 71. Madankollu, fl-istess żmien, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali bl-eżistenza ta’ “fajl sussidjarju” mhux enumerat, imsemmi “Oberland Glas”.

254    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament li tilfet il-ħames “fajls sussidjarji” enumerati minn 66 sa 70. Fil-fatt mill-ittra tagħha tal-15 ta’ Marzu 2005 jirriżulta li hija waslet għal din il-konklużjoni billi kkonstatat li hija kellha “fajls sussidjarji” enumerati minn 1 sa 65 u li l-“fajl sussidjarju” 71 kien fih id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

255    Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni indikat li kien “ftit probabbli li l-fajls li ma nstabux kien fihom dokumenti li jiskaġunaw”. Mistiedna tippreċiża waqt is-seduta s-sens ta’ din il-frażi, hija indikat li kien “plawżibbli” li dawn il-“fajls sussidjarji” ma kienx fihom dokument li jiskaġuna u li, mill-aspett ta’ “statistika” ma jistgħux ikunu utli għad-difiża tar-rikorrenti.

256    Minn dawn it-tweġibiet jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex fil-pożizzjoni li tidentifika, b’mod ċert, l-awtur, in-natura u l-kontenut ta’ kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu fil-“fajls sussidjarji” Nru 66 sa 70.

257    Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti kellhiex il-possibbiltà li tagħmel eżami tad-dokumenti kollha li kienu jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha u, fl-ipoteżi fejn dan ma huwiex il-każ, jekk il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl kienx ta’ importanza tali li kellu bħala effett li jċaħħad minn kull sustanza din il-garanzija proċedurali. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-aċċess għall-fajl jaqa’ taħt il-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża (sentenza Solvay I, punt 17 iktar ’il fuq, punt 59), u l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni matul il-proċedura qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni jista’, bħala prinċipju, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni meta jikkawża dannu lid-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, punt 127).

258    F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan ikkawżax dannu għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-ilmenti fformulati kontriha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata.

259    Skont il-ġurisprudenza, ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni, peress li din tiddependi essenzjalment mill-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur ikkontestat lill-impriża kkonċernata (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 217). Għalhekk għandu jsir eżami sommarju tal-ilmenti sostanzjali li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata (sentenza Solvay I, punt 17 iktar ’il fuq, punt 60).

260    Huwa wkoll meħtieġ li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża fid-dawl tal-argumenti konkretament invokati mill-impriża kkonċernata kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI II, punt 17 iktar ’il fuq, punt 59).

261    Issa, f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument żviluppat mir-rikorrenti u l-ilmenti dwar il-mertu li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, u kkonkludiet li l-motiv invokat mir-rikorrenti kellu jiġi miċħud.

262    Peress li r-rikorrenti ma qajmitx fl-atti argument intiż sabiex jikkontesta l-eżistenza tal-ftehim imsemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ebda indikazzjoni ma tippermetti li jiġi preżunt li hija setgħet issib fil-fajls sussidjarji li kienu neqsin dokumenti li kienu jippermettulha tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti ma kinitx ikkonkludiet il-ftehim imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, hija setgħet issostni dan fl-atti, anki fin-nuqqas ta’ aċċess komplet tal-fajl. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ politika ġenerali ta’ kontroll tas-suq tas-soda, għandu jitfakkar li, kif kien indikat fil-punt 215 iktar ’il fuq, ftehim ta’ garanzija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ b’definizzjoni joħloq distorsjoni fit-tendenzi tal-kummerċ.

263    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tagħmel eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li setgħu kienu rilevanti għad-difiża tagħha. Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrenti ma kellhiex aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni, din iċ-ċirkustanza ma pprekludithiex f’dan il-każ milli tiżgura d-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna l-ilmenti dwar il-mertu li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata.

264    Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma hemmx iktar lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata minħabba li ħames “fajls sussidjarji” li għalihom ir-rikorrenti qatt ma kellha aċċess sparixxew mill-fajl. Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, ir-rabta motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 2. Fuq it-talbiet intiżi għat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa

265    It-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa huma artikolati, essenzjalment, fuq ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur, it-tieni nett, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur, it-tielet nett, fuq li ċirkustanzi aggravanti kienu bi żball ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni, ir-raba’ nett, fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti u, il-ħames nett, fuq in-natura sproporzjonata tal-multa, b’mod partikolari fir-rigward tal-mogħdija taż-żmien.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur


 L-argumenti tal-partijiet

266    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha tosserva l-Linji ta’ gwida dwar il-medoti tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida għall-kalkolu tal-multi”). Madankollu, fir-rigward f’dan il-każ tal-fatti qabel l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, bħala prinċipju, li teħodhom inkunsiderazzjoni, taħt żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, meta dawn il-linji gwida jsegwu l-prinċipji stabbiliti mill-prassi tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, meta huma jintroduċu flessibbiltà fil-politika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

267    Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ma tispjegax sa fejn l-allegat ftehim jikkonsisti fi ftehim ta’ tqassim tas-suq, peress li din il-klassifikazzjoni tidher għall-ewwel u l-aħħar darba fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet insinjifikattivi kkonċernati mill-allegat ftehim. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma kinitx la mmotivat u lanqas uriet li l-ftehim inkwistjoni kien ġie implementat f’kundizzjonijiet ta’ segretezza stretti ħafna.

268    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

269    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, minkejja li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont ta’ kull multa, mingħajr ma hija obbligata li tapplika formula matematika preċiża, hija madankollu l-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, b’ġurisdizzjoni sħiħa skont l-Artikolu 229 KE fuq ir-rikorsi ppreżentati mid-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tiffissa multa u tista’, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 sa T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 165, u FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, punt 208 iktar ’il fuq, punt 358).

270    L-ewwel nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multa, għandu jitfakkar li, peress li d-Deċiżjoni 91/298 kienet ġiet annullata minħabba difett proċedurali, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tadotta deċiżjoni ġdida, mingħajr ma tinbeda proċedura amministrattiva ġdida.

271    Peress li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huwa kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/298 u li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma fondati fuq l-istess motivi, id-deċiżjoni kkontestata hija suġġetta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/298.

272    Fil-fatt, il-Kummissjoni kompliet il-proċedura fl-istadju fejn l-iżball ta’ proċedura kien twettaq u, mingħajr ma għamlet evalwazzjoni ġdida tal-każ fid-dawl tar-regoli li ma kinux jeżistu fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/298, adottat deċiżjoni ġdida. Issa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida teskludi permezz ta’ ipoteżi l-applikazzjoni tal-linji gwida wara l-ewwel adozzjoni.

273    Konsegwentement, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma japplikawx f’dan il-każ.

274    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur ikkontestat lir-rikorrenti, jiġifieri l-ftehim konkluż ma’ CFK, kien “gravi” (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

275    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont iċ-ċirkustanzi tal-ksur u tal-gravità tal-ksur, u l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura tar-restrizzjonijiet magħmula fuq il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata).

276    F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-prattika kkontestata lir-rikorrenti kienet tiġġustifika tal-anqas il-kwalifika bħala “gravi” mogħtija mill-Kummissjoni.

277    Fil-fatt, il-ftehim inkwistjoni kien intiż li joħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq Ġermaniż billi jiggarantixxi x-xiri ta’ ċertu kwantità ta’ karbonat tas-soda mingħand CFK sabiex jinżamm il-livell tal-prezzijiet.

278    Fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, l-għan tal-ftehim inkwistjoni kien ippreżentat kif ġej:

“L-għan tiegħu kien manifestament li jitwettqu l-kundizzjonijiet ta’ stabbiltià artifiċjali tas-suq. Bħala tpaċija lejn aġir fil-qasam tal-prezzijiet li ma kienx ikkunsidrat bħala dannuż minn Solvay, CFK kienet iggarantita sehem minimu fis-suq Ġermaniż. Meta rtirat mis-suq it-tunnellaġġ li CFK ma setgħetx tbigħ, Solvay għamlet mod li l-livell tal-prezzjiet ma setax jitnaqqas minħabba l-kompetizzjoni. Irriżulta ovvjament mid-dokumenti maqbuda li l-ftehim kienu ġew ipprattikati u kellhom l-effett imfittex. Dawn kienu l-ftehim klassiċi ta’ tip ‘kartell’ li min-natura tagħhom jirrestrinġu wkoll il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1)[KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

279    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, dan huwa ftehim ta’ tqassim tas-suq, fis-sens li l-impriżi kkonċernati ltaqgħu sabiex jirregolaw, fit-territorju Ġermaniż, it-tqegħid fis-suq tal-produzzjoni ta’ CFK.

280    Issa, l-akkordji ta’ dan it-tip huma fost l-eżempji ta’ akkordji espressament iddikjarati bħala inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 81(1)(ċ) KE. Fil-fatt, huma kklassifikati fil-ġurisprudenza bħala restrizzjonijiet manifesti tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T-384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136, u tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑94/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 173).

281    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura insinjifikattiva tal-kwantitajiet ikkonċernati mill-ftehim, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan l-argument kien diġà ġie eżaminat u li kien ġie miċħud (ara l-punti 218 u 219 iktar ’il fuq).

282    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ segretezza fl-implementazzjoni tal-ftehim, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi dan li ġej:

“Laqgħa seħħet fl-14 ta’ Marzu 1989, li fiha pparteċipaw rappreżentanti ta’ livell għoli ta’ CFK u tal-kumpannija parent tagħha Kali & Salz, minn naħa, u DSW, min-naħa l-oħra. Huwa sinjifikattiv ħafna li ebda dokument uffiċjali jew minuti ma kienu ġew stabbiliti minn din il-laqgħa. Effettivament ma tinstab ebda traċċa la għand CFK u lanqas għand Kali & Salz. Madankollu, nota qasira bil-miktub dwar din il-laqgħa ġiet maqbuda mingħand DSW.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

283    Fl-atti, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-Kummissjoni “la mmotivat u lanqas uriet” li l-ftehim inkwistjoni kien ġie implementat fil-kundizzjonijiet ta’ segretezza stretti ħafna. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija tinvoka n-nuqqas ta’ kull dokument uffiċjali, u dan anki jekk nota bil-miktub ġiet maqbuda mingħand DSW.

284    Madankollu, l-unika ċirkustanza tan-nuqqas ta’ dokument uffiċjali ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-ftehim kien ġie implementat f’kundizzjonijiet ta’ segretezza stretti ħafna peress li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, nota interna dwar din il-laqgħa kienet ġiet stabbilita mis-sussidjarja Ġermaniża tar-rikorrenti.

285    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni n-natura sigrieta tal-ftehim inkwistjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

286    Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-ftehim inkwistjoni jikkostitwixxi ksur flagranti tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni setgħet, f’kull każ, tikklassifika bħala gravi l-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

287    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

288    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet li l-inqas garanzija ta’ volum kienet ingħatat għas-sena 1990. Għalhekk, jekk jiġi presuppost li l-ksur huwa stabbilit, it-tul tiegħu għandu f’kull każ jitnaqqas bi kwart.

289    Il-Kummissjoni tirribatti li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet indirizzata lir-rikorrenti u lil CFK fl-14 ta’ Marzu 1990, indikat li l-ksur kien dam “sa dak in-nhar”. Hija ssostni għalhekk li tat lill-impriżi kkonċernati l-okkażjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar it-tul tal-ksur. Issa, fit-tweġibiet tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti u CFK sempliċement ċaħdu totalment l-eżistenza tal-ftehim, mingħajr ma ħadu pożizzjoni fuq il-kwistjoni tat-tul tiegħu u li ma kienu pprovdew ebda element li jippermetti li wieħed jaħseb li l-ksur kien intemm.

290    Il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-nuqqas tal-improbbabiltà tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti u CFK fit-tweġibiet tagħhom għall-ilmenti, hija għalhekk kellha bażi sabiex tikkonkludi li l-ftehim kien dam matul is-sena 1990. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel referenza għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slyn dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, 1914) li jgħidu li, mill-mument meta l-eżistenza ta’ dan l-akkordju hija stabbilita, dan l-akkordju huwa preżunt li jkompli sa prova kuntrarja. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tallega li bbażat ruħha fuq ċirkustanzi partikolari, li ma humiex relatati mal-istess natura tal-ftehim, iżda ma’ spjegazzjonijiet partikolari mill-impriżi inkwistjoni dwar l-eżistenza tal-ftehim.

291    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li hija ma wrietx li garanzija ta’ volum ingħata fl-1990, kif ukoll ma indikatx meta l-ftehim kien intemm. Hija tosserva li, fl-1989, tali garanzija kienet ingħatat u li l-volum kien żdied fil-kuntest ta’ politika strutturali u mhux ta’ kunsinni puntwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

292    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tikkontesta d-data tat-tmiem tal-ksur, iżda ma tikkontestax id-data tal-bidu tal-ksur, li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi għal “madwar l-1987”.

293    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, biex jiġi kkalkolat it-tul taż-żmien ta’ ksur li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandu jiġi ddeterminat biss it-tul ta’ żmien li fih eżista dan il-ftehim, jiġifieri l-perijodu li ddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d-data li fih ġie tterminat (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 280).

294    It-tul tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1)KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova jaqa’, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, għall-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79, u tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 51).

295    Dan it-tqassim tal-oneru tal-prova madankollu jista’ jvarja sa fejn il-punti ta’ fatt li waħda mill-partijiet tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fin-nuqqas tagħhom jista’ jiġi konkluż li l-prova tkun ingħatat (sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 294 iktar ’il fuq, punt 53; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 79).

296    F’dan il-każ, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li r-rikorrenti kienet kisret l-Artikolu 81 KE “billi pparteċipat, minn madwar l-1987 sa mill-inqas l-1990, għal ftehim ta’ tqassim tas-swieq”. Barra minn hekk, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tirreferi għall-perijodu bejn “minn madwar l-1986 sa tmiem l-1990”.

297    Min-naħa l-oħra, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li “sa minn data mhux magħrufa lejn l-1987 sa mill-inqas l-1989, Solvay u CFK ipparteċipaw għal ftehim jew għal prattika miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 81 [KE] fejn skont dawn, għal kull waħda mis-snin 1987, 1988 u 1989, Solvay iggarantiet lil CFK volum minimu ta’ bejgħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

298    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata fiha elementi kontradittorji fir-rigward tat-tmiem tal-ksur.

299    Minbarra dan, il-passaġġ tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-ftehim ta’ garanzija (premessi 42 sa 48) jsemmi biss ċifri sas-sena 1989, u s-sena 1990 ma hijiex imsemmija fil-passaġġ li jikkonċerna t-tul tal-ksur (premessi 63 sa 66).

300    Il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slyan fis-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 290 iktar ’il fuq, issostni li, peress li hija stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur, teżisti preżunzjoni fir-rigward tat-tkomplija tiegħu, u li, f’dan il-każ, hija r-rikorrenti li għandha turi li l-ftehim ma kienx għadu japplika fl-1990.

301    Madankollu għandu jiġi enfasizzat, hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim inkwistjoni kien eżista sa tmiem is-sena 1990 tidher unikament fid-dispożittiv u fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur għall-Artikolu 81 KE mingħajr ma ssib l-inqas bażi la fil-motivi stabbiliti għall-klassifikazzjoni tal-ftehim (premessi 53 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata) u lanqas f’dawk li kienu kkunsidraw it-tul tal-ftehim (premessi 63 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kontradizzjoni tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-tmiem tal-ksur, il-preżunzjoni invokata mill-Kummissjoni ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ, anki jekk ir-rikorrenti ma kienet ressqet ebda element intiż li jindika li l-akkordju kien intemm fis-sena 1989.

302    Fil-fatt, anki jekk jiġi presuppost li jippreżentaw irwieħhom ċirkustanzi partikolari li fihom jista’ jseħħ tibdil fl-oneru tal-prova fir-rigward tat-tul tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 2801 sa 2804), ma jirriżultax li l-Kummissjoni setgħet, f’deċiżjoni li tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tirrinunzja milli tevoka b’mod sostnut it-tmiem tat-tul tal-ksur u milli tagħti informazzjoni dwar it-tul tal-ksur li hija jkollha skont il-każ.

303    Minn dan kollu jirriżulta li l-Kummissjoni, li fuqha jibbaża l-oneru tal-prova fil-kawża prinċipali, ma wrietx li l-ksur inkwistjoni kien kompla sa tmiem is-sena 1990.

304    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ksur inkwistjoni seħħ mill-1987 sal-1989 u mhux mill-1987 sal-1990. Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jiddikjara li r-rikorrenti kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE billi pparteċipat, sa minn madwar l-1987 u sa mill-inqas tmiem l-1990, għal ftehim ta’ tqassim tas-swieq.

305    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi rriformulata mill-ġdid billi jitnaqqas l-ammont tal-multa li kien ġie impost fuq ir-rikorrenti b’25 %.

306    Konsegwentement, l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas b’ EUR 750 000.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ċirkustanzi aggravanti li kienu b’mod żbaljat ikkunsidrati mill-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

307    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni la mmotivat u lanqas iġġustifikat il-klassifikazzjoni tal-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni bħala pożizzjoni dominanti, u għalhekk din il-klassifikazzjoni għandha tiġi skartata.

308    Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-ksur allegat kien twettaq deliberatament.

309    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-premessi 18 u 22, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi li r-rikorrenti kellha pożizzjoni dominanti, peress li kienet l-ewwel produttur fil-Ġermanja u fil-Komunità, b’sehem mis-suq rispettivament ta’ 52 % u 60 %. Skont il-Kummissjoni, din il-motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tad-Deċiżjoni 91/299 tal-istess jum.

310    Barra minn hekk, in-natura deliberata tal-ksur hija msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 58 li l-partijiet kellhom għarfien sħiħ li pparteċipaw għal ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

311    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq kull produttur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni dominanti ta’ Solvay fis-suq inkwantu l-ewwel produtur fil-Ġermanja u fil-Komunità. Solvay ikkunsidrat li, bħala tali, hija kellha responsabbiltà partikolari fejn għandha tiġi żgurata l-‘istabbiltà’ tas-suq. CFK kienet produttur tas-soda relattivament żgħir, iżda hija kienet parti volontarja għall-prattika kollużorja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

312     Barra minn hekk, fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat dan li ġej:

“Il-ksur twettaq deliberatament u ż-żewġ partijiet kellhom għarfien sħiħ tal-inkompatibbiltà evidenti tal-ftehim tagħhom mad-dritt Komunitarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

313    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma mmotivatx il-klassifikazzjoni tal-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni bħala pożizzjoni dominanti, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

314    Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti jirreferi għal sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika li tagħti setgħa lill-entità li żżommha li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tipprovdilha l-possibbiltà ta’ aġir indipendenti sa ċertu punt li jista’ jiġi evalwat fir-rigward tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u finalment tal-konsumaturi. Kemm jekk hija tifforma entità individwali jew entità kollettiva, entità li żżomm iktar minn 50 % tas-suq tista’ tgawdi minn tali indipendenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punti 931 u 932).

315    Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “[r-rikorrenti] kienet il-produttur prinċipali, b’madwar 60 % tas-suq totali tal-Komunità” (premessa 18) u li l-parti tagħha mis-suq kienet ta’ “52 % fil-Ġermanja” (premessa 22).

316    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

317    Sussegwentement, anki jekk jiġi presuppost li r-rikorrenti tqajjem motiv ta’ mertu dwar in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti, dan huwa inammissibbli. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tindika dan li ġej:

“[Hija] tirreferi għall-Qorti Ġenerali għall-iżviluppi li seħħew fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni fil-kawża skont l-Artikolu 82 KE ippreżentat dak il-jum [minnha] rigward in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tal-karbonat tas-soda kkunsidrati. Ir-rikorrenti żżid il-paġni rilevanti ta’ dan ir-rikors fl-anness għal dan ir-rikors [l-atti].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

318    Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li r-rikors ikun ibbażat fuqhom, jirriżultaw tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehmu mit-test tal-atti stess. Għalkemm dan it-test jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’referenza għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, referenza globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mal-atti, ma tistax tikkumpensa n-nuqqas tal-elementi essenzjali fl-atti. Minbarra dan, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tirreferi wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbilltà tar-replika li hija ddestinata, skont l-Artikolu 47(1) tal-istess regolament, sabiex tikkompleta l-atti (sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punti 39 u 40).

319    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-ksur allegat kien twettaq b’mod deliberat u ma huwiex motivat fuq dan il-punt, japplikaw l-osservazzjonijiet li ġejjin.

320    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jista’ jitqies li twettaq deliberatament ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE, mhux neċessarju li l-impriża kienet taf li kienet qed tirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda huwa suffiċjenti li hija ma setgħetx tinjora li l-aġir akkużat kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, u ftit huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-impriża kellhiex jew le għarfien tal-ksur tal-Artikolu 81 KE (ara s-sentenza Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, punt 280 iktar ’il fuq, punt 155, u l-ġurisprudenza ċċitata).

321    Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza u quddiem ftehim ta’ tqassim tas-suq, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora li l-ftehim inkwistjoni kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, konsegwentement, il-ksur kien twettaq deliberatament.

322    Minbarra dan għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, fil-premessi 57 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehim inkwistjoni kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li “l-għan tiegħu kien manifestament li jwettaq il-kundizzjonijiet ta’ stabbiltà artifiċjali tas-suq”. Minbarra dan, fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li ż-żewġ partijiet imisshom kellhom għarfien sħiħ tal-inkompatibbiltà evidenti tal-ftehim tagħhom mad-dritt Komunitarju.

323    Konsegwentement, il-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement fid-dritt id-deċiżjoni kkontestata.

324    Għandu jingħad ukoll li huwa eskluż li r-rikorrenti setgħet issib elementi utli għad-difiża tagħha fuq dawn il-punti fil-fajls sussidjarji neqsin.

325    Fil-fatt, minn naħa, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti kienet ġiet ikonstatata essenzjalment fuq il-bażi tas-sehem fis-suq li hija kellha, peress li ebda indikazzjoni ma tippermetti li jiġi preżunt li r-rikorrenti setgħet issib fil-fajls sussidjarji neqsin dokumenti li jikkonfermaw il-konstatazzjoni li hija kellha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-karbonat tas-soda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI II, punt 17 iktar ’il fuq, punt 61).

326    Minbarra dan, fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-ksur kien twettaq b’mod deliberat, huwa eskluż li r-rikorrenti setgħet issib dokumenti utli għad-difiża tagħha fil-fajls sussidjarji li kienu sparixxew, peress li ma huwiex meħtieġ li l-impriża kellha għarfien li kienet qed tikser l-Artikolu 81 KE.

327    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti

328    Ir-raba’ motiv huwa artikolat f’żewġ partijiet, ibbażati rispettivament fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni u fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kompetizzjoni.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni

329    Ir-rikorrenti tafferma li hija kkooperat fl-inkjesta kemm waqt iż-żjarat li saru mill-Kummissjoni fil-bini tagħha kif ukoll meta wieġbet għall-mistoqsijiet għal informazzjoni tagħha.

330    Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, intitolat “Talbiet għall-informazzjoni”:

“4. It-titolari ta’ l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni legali, kumpaniji jew ditti, jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalita legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom skond il-liġi jew skond il-kostituzzjoni tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba.

5. Meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tfornix l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew tforni informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni għandha permess ta’ deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi fornuta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tistabilixxi limitu taż-żmien xieraq li fih din għandha tiġi fornuta u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) u l-Artikolu 16(1)(ċ) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

331    Hija ġurisprudenza stabbilita li kooperazzjoni matul l-inkjesta li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont l-Artikolu 11(4) u 5 tar-Regolament Nru 17 ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II-907, punti 341 u 342, u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 218). Min-naħa l-oħra, tali tnaqqis huwa ġġustifikat meta l-impriża tkun ipprovdiet informazzjoni li tmur lil hinn sew minn dik li l-produzzjoni tagħha tista’ tkun meħtieġa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 137).

332    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement issostni li hija wieġbet għat-talbiet għal informazzjoni li kienu ġew indirizzati lilha. Peress li dan l-aġir jaqa’ taħt l-obbligi li għandha r-rikorrenti, huwa ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

333    Fir-rigward tal-kooperazzjoni allegata tar-rikorrenti mal-Kummissjoni waqt żjarat li saru fil-bini tagħha, għandu jiġi rrilevat li dan l-aġir jaqa’ wkoll taħt l-obbligi fuq l-impriża u ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

334    Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kompetizzjoni

335    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ effett fuq il-kompetizzjoni tal-allegat ftehim, fid-dawl tat-tunnellaġġi insinjifikattivi inkwistjoni.

336    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-ftehim bejn ir-rikorrenti u CFK, li kien jirrappreżenta 16.57 % tas-suq Ġermaniż fl-1987, ma jistax jiġi kkunsidrat li jittratta tunnellaġġi insinjifikattivi (ara l-punti 218 u 219 iktar ’il fuq).

337    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti, li huwa nieqes minn fatt, għandu jiġi miċħud.

338    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multa, b’mod partikolari fir-rigward tal-mogħdija taż-żmien

339    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li iktar minn ħdax-il sena kienu għaddew minn tmiem l-allegat ksur. Ir-rikorrenti tistaqsi liema hija l-“attwalità” tan-natura punittiva u dissważiva tal-multa, meta hija adattat il-politika kummerċjali tagħha skont ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni. Hija ma tistax tara liema ġustifikazzjoni tista’ tingħata għan-natura dissważiva tal-multa fir-rigward tal-impriżi terzi.

340    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li l-ksur ikkontestat lir-rikorrenti kien “gravi”. Fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, hija b’mod partikolari indikat li l-ftehim ta’ tqassim tas-swieq jikkostitwixxu min-natura tagħhom stess restrizzjonijiet importanti tal-kompetizzjoni u li, f’dan il-każ, il-partijiet kienu rrestrinġew il-kompetizzjoni bejniethom permezz ta’ mekkaniżmu intiż li joħloq kundizzjonijiet artifiċjali ta’ stabbilità tas-suq.

341    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament timponi multa fuq ir-rikorrenti.

342    B’mod purament indikattiv, għandu jiġi osservat li l-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi, minkejja li dawn ma japplikawx f’dan il-każ, jipprovdu li, għal ksur “serju”, l-inqas ammonti għall-kalkolu tal-multa maħsuba huma minn EUR 1 sa 20 miljun.

343    Fir-rigward tal-mogħdija taż-żmien, jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni osservat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/71 kif ukoll il-prinċipju tat-terminu raġonevoli. Għalhekk, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li damet milli tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

344    Sussegwentement, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih twettaq dan il-ksur u toqgħod attenta mill-effett dissważiv tiegħu, speċjalment għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (sentenza Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 290 iktar ’il fuq, punt 106, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 272).

345    Konsegwentement, multa, anki jekk hija adottata mill-ġdid wara ċertu tul ta’ żmien, ma tistax titlef in-natura punittiva u dissważiva tagħha, bil-kundizzjoni li huwa stabbilit li l-impriża kkonċernata kisret id-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, f’dan il-każ, permezz ta’ ksur gravi.

346    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

347    Bħala konklużjoni, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tqis b’mod żbaljat li l-ksur seħħ bejn madwar l-1987 u sa tmiem l-1990.

348    Konsegwentement, hemm lok li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jiġi ffissat għal EUR 2.25 miljuni.

 Fuq l-ispejjeż

349    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

350    F’dan il-każ, it-talbiet tar-rikorrenti ġew iddikjarati parzjalment fondati. Il-Qorti Ġenerali tqis li saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi ddeċidiet li r-rikorrenti għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni u li din tal-aħħar għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha u kwart tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/5/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/13. 133 – B: Karbonat tas-soda – Solvay, CFK) hija annullata sa fejn hija tiddikjara li Solvay SA kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE fl-1990.

2)      L-ammont tal-multa impost fuq Solvay huwa ffissat għal EUR 2.25 miljuni.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Ir-rikorrenti għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha u kwart tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Meij

Vadapalas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2009.

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-mogħdija taż-żmien

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ preskrizzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ ġdid.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ġdida tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalitŕ, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ dokumenti utli għad-difiża fost id-dokumenti tal-fajl ikkonsultati fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni kompleta tal-fajl mir-rikorrenti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2. Fuq it-talbiet intiżi għat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ċirkustanzi aggravanti li kienu b’mod żbaljat ikkunsidrati mill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kompetizzjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multa, b’mod partikolari fir-rigward tal-mogħdija taż-żmien

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.