Language of document : ECLI:EU:T:2009:520

Kawża T-58/01

Solvay SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-soda fil-Komunità — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ftehim li jiggarantixxi lil impriża tunnellaġġ minimu ta’ bejgħ fi Stat Membru u x-xiri ta’ kwantitajiet neċessarji sabiex jintlaħaq dan it-tunnellaġġ minimu — Preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew sanzjonijiet — Terminu raġonevoli — Forom proċedurali sostanzjali — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Dritt ta’ aċċess għall-fajl — Multa — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet — Sospensjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija s-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/74, Artikolu 3)

2.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kamp ta’ applikazzjoni — Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Proċedura ġudizzjarja — Distinzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolament tal-Kunsill Nru 17)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolament tal-Kunsill Nru 17)

4.      Kummissjoni — Prinċipju ta’ kolleġjalità — Portata — Deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni

(Trattat ta’ Għaqda, Artikolu 17)

5.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Regolament intern ta’ istituzzjoni

(Artikolu 241 KE)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet — Awtentifikazzjoni tal-atti adottati — Regoli

(Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni tal-1999, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16)

7.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Kamp ta’ applikazzjoni — Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Portata tal-prinċipju wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Aċċess għall-fajl — Suġġett — Nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-każ inkwistjoni

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess irregolari għall-fajl — Aċċess iggarantit matul il-proċedura ġudizzjarja

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa — Annullament minħabba difett proċedurali

(Regolament tal-Kunsill Nru 17)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Tqassim tas-suq — Ksur li jista’ jiġi kkwalifikat bħala gravi indipendentement min-natura sigrieta tiegħu

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

14.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

15.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Karatterizzazzjoni permezz taż-żamma ta’ parti estremament importanti tas-suq

(Artikolu 82 KE)

16.    Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Sunt tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Kollaborazzjoni tal-impriża waqt verifiki mill-uffiċjali tal-Kummissjoni — Esklużjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14)

18.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

1.      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni, il-preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet hija sospiża għal dak iż-żmien li fih id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ “proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej”. Din ir-referenza għandha tinftiehem, sa mill-ħolqien tal-Qorti Ġenerali, bħala li hija intiża l-ewwel nett għall-proċeduri pendenti quddiemha, peress li r-rikorsi li jimponu sanzjonijiet jew multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

Il-preskrizzjoni hija wkoll sospiża matul it-tul ta’ proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li l‑Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti, in-nuqqas ta’ effett sospensiv ta’ appell ma huwiex ta’ natura li jċaħħad minn kull effettività l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. Minbarra dan, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jipproteġi lill-Kummissjoni kontra l-effett tal-preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet li fihom hija għandha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja, fil-kuntest ta’ proċeduri li hija ma tikkontrollax, qabel ma tkun taf jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat jew le b’illegalità. Is-sospensjoni tal-preskrizzjoni tippermetti biss lill-Kummissjoni li tadotta eventwalment deċiżjoni ġdida fl-ipoteżi fejn l-appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni jkun miċħud. Din is-sospensjoni tal-preskrizzjoni ma għandha ebda effett fuq id-deċiżjoni li tkun ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fil-każ ta’ appell, il-Kummissjoni ċertament ma hijiex formalment prekluża milli tieħu azzjoni u li tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali. Madankollu, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li timponi sanzjonijiet jissospendi l-preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet sakemm il-qorti Komunitarja tkun definittivament tat deċiżjoni dwar dan ir-rikors. Jekk il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti riskju li żewġ deċiżjonijiet li jkollhom l-istess suġġett jeżistu flimkien fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Jidher li jmur kontra r-rekwiżiti ta’ ekonomija tal-ġudizzju amministrattiv li fuq il-Kummissjoni tiġi imposta, bl-uniku għan li jiġi evitat li ma jkunx hemm preskrizzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida qabel ma tkun taf jekk id-deċiżjoni inizjali hijiex jew le vvizzjata b’illegalità.

Fl-aħħar nett, peress li l-preskrizzjoni ġiet sospiża skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 matul it-tul tal-proċedura kollha ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju tat-terminu raġonevoli mill-fatt biss li stenniet lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali appell qabel ma tadotta deċiżjoni ġdida.

(ara l-punti 73, 79, 80, 83, 84, 86-89, 102)

2.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ lment li jirrigwarda ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċedura amministrattiva magħmula fil-qasam tal-kompetizzjoni skont ir-Regolament Nru 17 u l-proċeduri ġudizzjarji f’każ ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-perijodu li matulu l-qorti Komunitarja teżamina l-legalità tad-deċiżjoni u, f’każ ta’ appell, il-validità tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit it-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni.

(ara l-punt 105)

3.      Il-ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli matul l-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni ħlief meta din tinkludi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, meta ma huwiex stabbilit li l-mogħdija eċċessiva taż-żmien affettwat il-kapaċità tal-impriżi kkonċernati sabiex jiddefendu ruħhom b’mod effettiv, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli huwa mingħajr effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva.

(ara l-punt 113)

4.      Il-prinċipju ta’ kolleġjalità huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil-parteċipazzjoni għat-teħid ta’ deċiżjoni u jimplika b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet jiġu ddeliberati flimkien u li l-membri kollha tal-kulleġġ jkunu kollettivament responsabbli, fuq il-livell politiku, għad-deċiżjonijiet adottati kollha. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju, u speċjalment in-neċessità li d-deċiżjonijiet ikunu ddeliberati flimkien, jinteressa b’mod partikolari s-suġġetti ta’ dritt ikkonċernati mill-effetti legali li huma jipproduċu, fis-sens li huma għandhom jiġu żgurati li dawn id-deċiżjonijiet kienu effettivament ittieħdu mill-kulleġġ u jikkorrispondu eżattament għar-rieda tiegħu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-atti, ikkwalifikati espressament bħala deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni għandha tieħu fir-rigward tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fid-dawl tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni u li għandhom bħala għan li jiġi kkonstatat ksur ta’ dawn ir-regoli, li jingħataw ordnijiet fir-rigward ta’ dawn l-impriżi u li jiġi impost fuqhom sanzjonijiet pekunjarji.

Is-sempliċi fatt li stqarrija għall-istampa li ma tkunx ħarġet mill-Kummissjoni u li ma tippreżenta ebda natura uffiċjali tagħmel referenza għal dikjarjazzjoni magħmula mill-kelliem tal-Kummissjoni li tippreċiża d-data li fiha ser tingħata deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-kontenut tagħha, ma tistax tkun biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kolleġjalità. Fil-fatt, peress li b’ebda mod ma huwa marbut ma’ din id-dikjarazzjoni, il-kulleġġ tal-kummissarji jista’ jiddeċiedi, skont deliberazzjoni konġunta, li ma jadottax din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 132-136)

5.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 241 KE għandu japplika b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet ta’ regoli ta’ proċedura ta’ istituzzjoni li, minkejja li dawn ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u ma jipproduċux effetti analogi għal dawk ta’ regolament fis-sens ta’ dan l-artikolu tat-Trattat, jiddeterminaw il-forom sostanzjali meħtieġa għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-persuni li huma d-destinatarji tagħhom. Huwa importanti, fil-fatt, li kull destinatarju ta’ deċiżjoni jkun jista’ jikkontesta b’mod inċidentali l-legalità tal-att li jikkundizzjona l-validità formali ta’ din id-deċiżjoni, minkejja l-fatt li l-att inkwistjoni ma jikkostitwixxix il-bażi ġuridika tagħha, peress li ma kienx fil-pożizzjoni li jitlob l-annullament ta’ dan l-att qabel ma rċieva notifika tad-deċiżjoni inkwistjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità peress li huma jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi. L-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 241 KE ma għandux bħala għan li jippermetti lil parti li tikkontesta l-applikabbiltà ta’ xi att ta’ natura ġenerali li jkun favur rikors kwalunkwe. L-att ġenerali, li l-illegalità tiegħu hija mqajma, għandu jkun minbarra dan applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni.

(ara l-punti 146-148)

6.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni tal-1999 jipprovdi li l-atti adottati fil-laqgħa huma magħquda b’mod indissoċjabbli, fil-lingwa jew lingwi awtentiċi, ma’ nota rikapitolattiva fformulata fi tmiem il-laqgħa tal-Kummissjoni li matulha huma ġew adottati u li dawn l-atti għandhom jiġu awtentikati bil-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali fl-aħħar paġna tan-nota rikapitolattiva. Din id-dispożizzjoni ma hijiex ivvizzjata b’illegalità. Il-formalitajiet ta’ awtentifikazzjoni li hija tistabbilixxi huma konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 151, 156, 157)

7.      Meta l-Kummissjoni, wara l-annullament tad-deċiżjoni li tissanzjona impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, minħabba difett proċedurali li jikkonċerna esklużivament ir-regoli dettaljati tal-adozzjoni definittiva tagħha mill-kulleġġ tal-kummissarji, tadotta deċiżjoni ġdida, b’kontenut sostanzjalment identiku u fondat fuq l-istess ilmenti, hija ma għandhiex l-obbligu li tisma’ mill-ġdid lill-impriżi kkonċernati.

Hija lanqas ma għandha tagħmel konsultazzjoni ġdida mal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti, anki jekk, bejn il-konsultazzjoni ta’ dan il-kumitat u l-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida, diversi Stati Membri jkunu aderixxew mal-Komunità Ewropea u l-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat tkun konsegwentement inbidlet. Fil-fatt, il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ istituzzjoni ma taffettwax il-kontinwità tal-istituzzjoni stess, fejn l-atti definittivi jew preparatorji tagħha jikkonservaw, bħala prinċipju, l-effetti kollha tagħhom. Minbarra dan, ma jeżisti ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jimponi l-kontinwità tal-kompożizzjoni tal-korp amministrattiv li quddiemu titressaq proċedura li tista’ twassal għal multa.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt oħra li jistgħu jitqajmu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 233 KE, bħal dawk dwar il-mogħdija taż-żmien, il-possibbiltà ta’ tkomplija tal-proċedimenti, l-aċċess għall-fajl li huwa inerenti għat-tkomplija tal-proċedura, l-intervent tal-uffiċjal tas-seduta kif ukoll eventwali implikazzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dawn ma jirrikjedux iktar seduti ġodda, peress li ma jemendawx il-kontenut tal-ilmenti, billi huma suġġetti biss, skont il-każ, għal stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri.

(ara l-punti 165, 166, 183, 188-190)

8.      Ftehim bejn impriżi, sabiex ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, għandu, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi kollha ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermetti li jiġi kkunsidrat bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huwa jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn Stati Membri, f’sens li jista’ jippreġudika t-twettiq tal-għanijiet ta’ suq uniku bejn l-Istati. Għalhekk, l-effett tal-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi fatturi li, meħuda waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-influwenza ta’ akkordju fuq il-kummerċ huwa sfavorevoli, newtrali jew favorevoli ma tantx huwa rilevanti. Fil-fatt, restrizzjoni ta’ kompetizzjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta hija tista’ toħloq distorsjoni mid-direzzjoni li altrimenti kienu jsegwu fit-tendenzi tal-kummerċ.

Minbarra dan, il-kapaċità ta’ akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, jiġifieri l-effett potenzjali tiegħu, hija biżżejjed sabiex dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u ma huwiex neċessarju li jintwera effett ħażin effettiv fuq il-kummerċ. Huwa madankollu neċessarju li l-effett potenzjali tal-akkordju fuq il-kummerċ bejn l-Istati jkun sinjifikattiv, jew, fi kliem ieħor, li ma jkunx insinjifikattiv.

Ftehim ta’ garanzija dwar tunnellaġġ annwali minimu ta’ bejgħ f’suq nazzjonali, jista’ mid-definizzjoni tiegħu joħloq distorsjoni mid-direzzjoni li altrimenti kienu jsegwu fit-tendenzi tal-kummerċ. Fil-fatt, dan iwassal sabiex tiġi rtirata mis-suq parti mill-produzzjoni, li setgħet tiġi esportata lejn Stati Membri oħra.

(ara l-punti 208-210, 215)

9.      Korollarju mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika, fil-proċedura amministrattiva fil-qasam ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti akkużatorji kif ukoll dawk li jiskaġunaw, salv is-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Fir-rigward tal-elementi akkużatorji, l-impriża kkonċernata għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat li l-Kummissjoni bbażat fuqu sabiex takkuża lil din l-impriża kellu jiġi skartat bħala prova ta’ akkuża. Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, li kieku hija setgħet tagħmel użu minnhom matul il-proċedura amministrattiva, hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u setgħet għalhekk tinfluwenza, b’xi mod kwalunkwe, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u tat-tul tal-aġir li ġiet akkużata bih, u, għaldaqstant, il-livell tal-multa. Il-possibbiltà li dokument mhux żvelat seta’ kellu influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juru li d-dokumenti mhux żvelati setgħu kellhom - fir-rigward ta’ dawn il-provi - importanza li ma kienx imissha ġiet injorata.

Ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl jista’ jwassal għal annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biss jekk l-aċċess irregolari għall-fajl tal-investigazzjoni matul il-proċedura amministrattiva kien ipprekluda lill-impriża jew lill-impriżi kkonċernati milli jkunu jafu dwar id-dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħhom u kien, b’dan il-mod, kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Dan ikun il-każ jekk l-iżvelar ta’ dokument seta’ wassal għal possibbiltà, anki żgħira, li l-proċedura amministrattiva tasal għal riżultat differenti fis-sitwazzjoni fejn l-impriża kkonċernata setgħet tagħmel użu minnu matul l-imsemmija proċedura.

(ara l-punti 224-226, 237)

10.    L-aċċess għall-fajl jaqa’ taħt il-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni matul il-proċedura qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni jista’, bħala prinċipju, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni meta jikkawża dannu lid-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata.

Ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni, peress li dan jiddependi essenzjalment mill-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur ikkontestat lill-impriża kkonċernata. Għalhekk għandu jsir eżami sommarju tal-ilmenti sostanzjali li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata u jittieħdu inkunsiderazzjoni argumenti konkretament invokati mill-impriża kkonċernata kontra d-deċiżjoni kkontestata.

F’sitwazzjoni fejn, matul il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tissanzjona impriża, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx f’lista enumerattiva d-dokumenti li jikkomponu l-fajl u fejn hija ma kkomunikatx lill-impriża kkonċernata d-dokumenti kollha tal-fajl li kienu aċċessibbli għaliha, iżda biss id-dokumenti akkużatorji, mingħajr ma stednitha tikkonsulta fl-uffiċċji tagħha d-dokumenti kollha, il-proċedura amministrattiva hija rregolari. Madankollu, ma hemmx lok li d-deċiżjoni finali tkun annullata jekk ma kienx ġie stabbilit li l-impriża ma kellhiex il-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha, anki jekk, fil-kuntest tar-rikors ġuridiku ppreżentat kontra din id-deċiżjoni, sussegwentement għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi sabiex aċċess komplet tal-fajl ikun żgurat, jirriżulta li parti mill-fajl huwa nieqes.

(ara l-punti 242, 246, 248, 250, 257, 259, 260, 263, 264)

11.    Huwa possibbli għall-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona impriża għal ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, li tordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ddestinati sabiex jiżguraw aċċess komplet għall-fajl, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela dokument jew li tikkomunika dokument setax kien ta’ dannu għad-difiża tal-impriża akkużata. Dan l-eżami, li huwa limitat għal sħarriġ ġudizzjarju tal-motivi mqajma, ma għandux la bħala għan u lanqas bħala effett li jissostitwixxi investigazzjoni kompleta tal-każ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. L-għarfien tardiv ta’ ċerti dokumenti tal-fajl ma jpoġġix lill-impriża, li tkun ippreżentat rikors, fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess dokumenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha quddiem din l-istituzzjoni. Minbarra dan, meta l-aċċess għall-fajl huwa żgurat fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, l-impriża kkonċernata ma għandhiex turi li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti mhux ikkomunikati, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li dawn id-dokumenti setgħu kienu utli għad-difiża tagħha.

(ara l-punti 250, 251)

12.    Meta deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni hija annullata minħabba difett proċedurali, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tadotta deċiżjoni ġdida, mingħajr ma tinbeda proċedura amministrattiva ġdida. Peress li l-kontenut tad-deċiżjoni l-ġdida huwa kważi identiku għal dik preċedenti u li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma fondati fuq l-istess motivi, id-deċiżjoni l-ġdida hija suġġetta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tkompli l-proċedura fl-istadju fejn l-iżball ta’ proċedura kien twettaq u tadotta deċiżjoni ġdida, mingħajr ma tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-każ fid-dawl tar-regoli li ma kinux jeżistu fiż-żmien tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni.

(ara l-punti 270-272)

13.    Ftehim li permezz tiegħu l-impriżi għandhom l-intenzjoni li jirregolaw, fit-territorju ta’ Stat Membru, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li huma jipproduċu, jikkostitwixxi ftehim ta’ tqassim tas-suq. L-akkordji ta’ dan it-tip huma fost l-eżempji ta’ akkordji espressament iddikjarati bħala inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 81(1)(ċ) KE u huma restrizzjonijiet manifesti tal-kompetizzjoni li l-Kummissjoni tista’, f’kull każ, tikklassifika bħala gravi, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multi. Anki jekk il-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi n-natura sigrieta ta’ tali ftehim inkwistjoni mill-fatt biss tan-nuqqas ta’ dokument dwar il-laqgħa uffiċjali, hija tista’ madankollu tikkwalifika tali ksur bħala gravi fid-dawl tal-fatt li tali ftehim jikkostitwixxi restrizzjoni flagranti tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 279, 280, 284-286)

14.    Biex jiġi kkalkolat it-tul ta’ ksur li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandu jiġi ddeterminat biss it-tul ta’ żmien li fih eżista dan il-ftehim, jiġifieri l-perijodu li ddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d-data li fih ġie tterminat. It-tul tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova jaqa’, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, għall-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi. Dan it-tqassim tal-oneru tal-prova madankollu jista’ jvarja sa fejn il-punti ta’ fatt li waħda mill-partijiet tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fin-nuqqas tagħhom jista’ jiġi konkluż li l-prova tkun ingħatat. Anki jekk jiġi presuppost li jippreżentaw irwieħhom ċirkustanzi partikolari li fihom jista’ jseħħ tibdil fl-oneru tal-prova fir-rigward tat-tul tal-ksur, ma jirriżultax li l-Kummissjoni tista’, f’deċiżjoni li tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tirrinunzja milli tevoka b’mod sostnut it-tmiem tat-tul tal-ksur u milli tagħti informazzjoni dwar it-tul tal-ksur li hija jkollha skont il-każ.

(ara l-punti 293-295, 302)

15.    Il-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti jirreferi għal sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika li tagħti setgħa lill-entità li żżommha li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tipprovdilha l-possibbiltà ta’ aġir indipendenti sa ċertu punt li jista’ jiġi evalwat fir-rigward tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u finalment tal-konsumaturi. Kemm jekk hija tifforma entità individwali jew entità kollettiva, entità li żżomm iktar minn 50 % tas-suq tista’ tgawdi minn tali indipendenza.

Għandu jiġi miċħud ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti ta’ impriża meta din id-deċiżjoni tippreċiża b’mod partikolari li din l-impriża żżomm b’madwar 60 % mis-suq totali tal-Komunità.

(ara l-punti 314-316)

16.    Motiv li jirreferi lill-Qorti Ġenerali għall-iżviluppi li seħħew fil-kuntest ta’ rikors ieħor ippreżentat fl-istess jum mill-istess rikorrenti, fejn il-paġni rilevanti tiegħu huma annessi ma’ l-atti, huwa inammissibbli peress li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jibbaża ma jirriżultawx mit-test tal-atti stess. Għalkemm dan it-test jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’referenza għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li huma annessi miegħu, referenza globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi ma’ l-atti, ma tistax tikkumpensa n-nuqqas tal-elementi essenzjali fl-atti.

(ara l-punti 317, 318)

17.    Il-kooperazzjoni ta’ impriża mal-Kummissjoni waqt żjarat li jsiru fil-bini tagħha taqa’ taħt l-obbligi fuq l-impriża u ma tistax għalhekk tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis mill-ammont tal-multa imposta għal ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 331, 333)

18.    Fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti għall-ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih twettaq dan il-ksur u toqgħod attenta mill-effett dissważiv tiegħu, speċjalment għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità. Multa ma tistax għalhekk titlef in-natura punittiva u dissważiva tagħha, bil-kundizzjoni li huwa stabbilit li l-impriża kkonċernata kisret id-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ ksur gravi, anki jekk hija imposta minn deċiżjoni adottata, wara li għadda xi żmien, wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni.

(ara l-punti 344, 345)