Language of document : ECLI:EU:T:2009:519

Kawża T-57/01

Solvay SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tas-soda fil-Komunità (bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda) — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE — Ftehim ta’ provvista għal perijodu eċċessivament twil — Tnaqqis għal fedeltà — Preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew sanzjonijiet — Terminu raġonevoli — Forom proċedurali sostanzjali — Suq ġeografiku rilevanti — Eżistenza tal-pożizzjoni dominanti — Abbuż mill-pożizzjoni dominanti — Dritt ta’ aċċess għall-fajl — Multa — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Ċirkustanzi attenwanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet — Sospensjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija s-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/74, Artikolu 3)

2.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kamp ta’ applikazzjoni — Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Proċedura ġudizzjarja — Distinzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolament tal-Kunsill Nru 17)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolament tal-Kunsill Nru 17)

4.      Kummissjoni — Prinċipju ta’ kolleġjalità — Portata — Deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni

(Trattat ta’ Għaqda, Artikolu 17)

5.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Regolament intern ta’ istituzzjoni

(Artikolu 241 KE)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet — Awtentifikazzjoni tal-atti adottati — Regoli

(Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni tal-1999, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16)

7.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Kamp ta’ applikazzjoni — Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Portata tal-prinċipju wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Portata — Aċċess għall-bini tal-impriżi

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14)

9.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni ġeografika

(Artikolu 82 KE)

10.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Karatterizzazzjoni permezz taż-żamma ta’ parti estremament importanti tas-suq

(Artikolu 82 KE)

11.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis li għandu l-effett ta’ dekadenza fuq is-suq — Tnaqqis għal fedeltà

(Artikolu 82 KE)

12.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis għal kwantità — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis

(Artikolu 82 KE)

13.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kuntratti għal provvista esklużiva — Tnaqqis għal fedeltà

(Artikolu 82 KE)

14.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis għal kwantità — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Metodi ta’ kalkolu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE)

15.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi

16.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Aċċess għall-fajl — Suġġett — Nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-każ inkwistjoni

17.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess irregolari għall-fajl — Aċċess iggarantit matul il-proċedura ġudizzjarja — Regolarizzazzjoni — Esklużjoni

18.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa — Annullament minħabba difett proċedurali

(Regolament tal-Kunsill Nru 17)

19.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ksur ta’ gravità partikolari

(Artikolu 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

20.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Kunċett ta’ ksur tal-istess tip — Ksur tal-Artikoli 81 u 82 KE — Esklużjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

21.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ reċidiva — Esklużjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

22.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Kollaborazzjoni tal-impriża waqt verifiki mill-uffiċjali tal-Kummissjoni — Esklużjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14)

23.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-limitu superjuri tal-multa

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

24.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

1.      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni, il-preskrizzjoni fil-qasam ta’ azzjonijiet hija sospiża għal dak iż-żmien li fih id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ “proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej”. Din ir-referenza għandha tinftiehem, sa mill-ħolqien tal-Qorti Ġenerali, bħala li hija intiża l-ewwel nett għall-proċeduri pendenti quddiemha, peress li r-rikorsi li jimponu sanzjonijiet jew multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

Il-preskrizzjoni hija wkoll sospiża matul it-tul ta’ proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li l‑Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti, in-nuqqas ta’ effett sospensiv ta’ appell ma huwiex ta’ natura li jċaħħad minn kull effettività l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. Minbarra dan, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jipproteġi lill-Kummissjoni kontra l-effett tal-preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet li fihom hija għandha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja, fil-kuntest ta’ proċeduri li hija ma tikkontrollax, qabel ma tkun taf jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat jew le b’illegalità. Is-sospensjoni tal-preskrizzjoni tippermetti biss lill-Kummissjoni li tadotta eventwalment deċiżjoni ġdida fl-ipoteżi fejn l-appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni jkun miċħud. Din is-sospensjoni tal-preskrizzjoni ma għandha ebda effett fuq id-deċiżjoni li tkun ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fil-każ ta’ appell, il-Kummissjoni ċertament ma hijiex formalment prekluża milli tieħu azzjoni u li tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali. Madankollu, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li timponi sanzjonijiet jissospendi l-preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet sakemm il-qorti Komunitarja tkun definittivament tat deċiżjoni dwar dan ir-rikors. Jekk il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti riskju li żewġ deċiżjonijiet li jkollhom l-istess suġġett jeżistu flimkien fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Jidher li jmur kontra r-rekwiżiti ta’ ekonomija tal-ġudizzju amministrattiv li fuq il-Kummissjoni tiġi imposta, bl-uniku għan li jiġi evitat li ma jkunx hemm preskrizzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida qabel ma tkun taf jekk id-deċiżjoni inizjali hijiex jew le vvizzjata b’illegalità.

Fl-aħħar nett, peress li l-preskrizzjoni ġiet sospiża skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 matul it-tul tal-proċedura kollha ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju tat-terminu raġonevoli mill-fatt biss li stenniet lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali appell qabel ma tadotta deċiżjoni ġdida.

(ara l-punti 90, 97, 98, 102, 103, 105-108, 121)

2.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ lment li jirrigwarda ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċedura amministrattiva magħmula fil-qasam tal-kompetizzjoni skont ir-Regolament Nru 17 u l-proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-perijodu li matulu l-qorti Komunitarja teżamina l-legalità tad-deċiżjoni u, fil-każ ta’ appell, il-validità tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit it-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni.

(ara l-punt 124)

3.      Il-ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli matul l-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni ħlief meta din tinkludi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, meta ma huwiex stabbilit li l-mogħdija eċċessiva taż-żmien affettwat il-kapaċità tal-impriżi kkonċernati sabiex jiddefendu ruħhom b’mod effettiv, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli huwa mingħajr effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva.

(ara l-punt 132)

4.      Il-prinċipju ta’ kolleġjalità huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil-parteċipazzjoni għat-teħid ta’ deċiżjoni u jimplika b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet jiġu ddeliberati flimkien u li l-membri kollha tal-kulleġġ jkunu kollettivament responsabbli, fuq il-livell politiku, għad-deċiżjonijiet adottati kollha. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju, u speċjalment in-neċessità li d-deċiżjonijiet jkunu ddeliberati flimkien, jinteressa b’mod partikolari s-suġġetti ta’ dritt ikkonċernati mill-effetti legali li huma jipproduċu, fis-sens li huma għandhom jiġu żgurati li dawn id-deċiżjonijiet kienu effettivament ittieħdu mill-kulleġġ u jikkorrispondu eżattament għar-rieda tiegħu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-atti, ikkwalifikati espressament bħala deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni għandha tieħu fir-rigward tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fid-dawl tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni u li għandhom bħala għan li jiġi kkonstatat ksur ta’ dawn ir-regoli, li jingħataw ordnijiet fir-rigward ta’ dawn l-impriżi u li jiġi impost fuqhom sanzjonijiet pekunjarji.

Is-sempliċi fatt li stqarrija għall-istampa li ma tkunx ħarġet mill-Kummissjoni u li ma tippreżenta ebda natura uffiċjali tagħmel referenza għal dikjarjazzjoni magħmula mill-kelliem tal-Kummissjoni li tippreċiża d-data li fiha ser tingħata deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-kontenut tagħha, ma tistax tkun biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kolleġjalità. Fil-fatt, peress li b’ebda mod ma huwa marbut ma’ din id-dikjarazzjoni, il-kulleġġ tal-kummissarji jista’ jiddeċiedi, skont deliberazzjoni konġunta, li ma jadottax din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 151-155)

5.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 241 KE għandu japplika b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet ta’ regoli ta’ proċedura ta’ istituzzjoni li, minkejja li dawn ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u ma jipproduċux effetti analogi għal dawk ta’ regolament fis-sens ta’ dan l-artikolu tat-Trattat, jiddeterminaw il-forom sostanzjali meħtieġa għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-persuni li huma d-destinatarji tagħhom. Huwa importanti, fil-fatt, li kull destinatarju ta’ deċiżjoni jkun jista’ jikkontesta b’mod inċidentali l-legalità tal-att li jikkundizzjona l-validità formali ta’ din id-deċiżjoni, minkejja l-fatt li l-att inkwistjoni ma jikkostitwixxix il-bażi ġuridika tagħha, peress li ma kienx fil-pożizzjoni li jitlob l-annullament ta’ dan l-att qabel ma rċieva notifika tad-deċiżjoni inkwistjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità peress li huma jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi. L-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 241 KE ma għandux bħala għan li jippermetti lil parti li tikkontesta l-applikabbiltà ta’ xi att ta’ natura ġenerali li jkun favur rikors kwalunkwe. L-att ġenerali, li l-illegalità tiegħu hija mqajma, għandu jkun minbarra dan applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni.

(ara l-punti 165-167)

6.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni tal-1999 jipprovdi li l-atti adottati fil-laqgħa huma magħquda b’mod indissoċjabbli, fil-lingwa jew lingwi awtentiċi, ma’ nota rikapitolattiva fformulata fi tmiem il-laqgħa tal-Kummissjoni li matulha huma ġew adottati u li dawn l-atti għandhom jiġu awtentifikati bil-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali fl-aħħar paġna tan-nota rikapitolattiva. Din id-dispożizzjoni ma hijiex ivvizzjata b’illegalità. Il-formalitajiet ta’ awtentifikazzjoni li hija tistabbilixxi huma konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punti 170, 175, 176)

7.      Meta l-Kummissjoni, wara l-annullament tad-deċiżjoni li tissanzjona impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, minħabba difett proċedurali li jikkonċerna esklużivament ir-regoli tal-adozzjoni definittiva tagħha mill-kulleġġ tal-kummissarji, tadotta deċiżjoni ġdida, b’kontenut sostanzjalment identiku u fondat fuq l-istess ilmenti, hija ma għandhiex l-obbligu li tisma’ mill-ġdid lill-impriżi kkonċernati.

Hija lanqas ma għandha tagħmel konsultazzjoni ġdida mal-kumitat konsultattiv fil-qasam ta’ akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti, anki jekk, bejn il-konsultazzjoni ta’ dan il-kumitat u l-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida, diversi Stati Membri jkunu aderixxew mal-Komunità Ewropea u l-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat tkun konsegwentement inbidlet. Fil-fatt, il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ istituzzjoni ma taffettwax il-kontinwità tal-istituzzjoni stess, fejn l-atti definittivi jew preparatorji tagħha jikkonservaw, bħala prinċipju, l-effetti kollha tagħhom. Minbarra dan, ma jeżisti ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jimponi l-kontinwità tal-kompożizzjoni tal-korp amministrattiv li quddiemu titressaq proċedura li tista’ twassal għal multa.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt oħra li jistgħu jitqajmu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 233 KE, bħal dawk dwar il-mogħdija taż-żmien, il-possibbiltà ta’ tkomplija tal-proċedimenti, l-aċċess għall-fajl li huwa inerenti għat-tkomplija tal-proċedura, l-intervent tal-uffiċjal tas-seduta kif ukoll eventwali implikazzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dawn ma jirrikjedux iktar seduti ġodda, peress li ma jemendawx il-kontenut tal-ilmenti, billi huma suġġetti biss, skont il-każ, għal stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri.

(ara l-punti 184, 185, 202, 207-209)

8.      Mill-għan tar-Regolament Nru 17 kif ukoll mill-elenkar, permezz tal-Artikolu 14 tiegħu, tas-setgħat li għandhom l-uffiċjali tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-verifiki jistgħu jkollhom portata wiesgħa ħafna.

F’dan ir-rigward, id-dritt li jidħlu f’kull bini, art u mezzi ta’ trasport tal-impriżi għandu importanza partikolari sa fejn għandu jippermetti lill-Kummissjoni li tirċievi l-provi tal-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni fil-postijiet fejn dawn jinsabu normalment, jiġifieri fil-bini kummerċjali tal-impriżi.

Dan id-dritt ta’ aċċess ikun mingħajr utilità jekk l-uffiċjali tal-Kummissjoni kellhom jillimitaw ruħhom sabiex jitolbu l-produzzjoni ta’ dokumenti jew ta’ fajls li huma jistgħu jidentifikaw minn qabel b’mod preċiż. Tali dritt jimplika, bil-kontra, il-fakultà li titfittex informazzjoni differenti li għadha mhux magħrufa jew mhux għal kollox identifikata. Mingħajr din il-possibbiltà, ikun impossibbli għall-Kummissjoni li tirċievi l-informazzjoni neċessarja għall-verifika fil-każ meta hija tiltaqa’ ma’ rifjut ta’ kollaborazzjoni jew ukoll attitudni ta’ ingombru min-naħa tal-impriżi kkonċernati.

L-eżerċizzju ta’ setgħet investigattivi wiesgħa li għandha l-Kummissjoni huwa madankollu suġġett għal kundizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-impriżi kkonċernati. F’dan ir-rigward, l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tindika s-suġġett u l-għan tal-verifika jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali sabiex mhux biss tidher in-natura ġustifikata tal-intervent maħsub ġewwa l-impriżi kkonċernati, iżda wkoll li dawn ikunu fil-pożizzjoni li jevalwaw il-portata tal-obbligu ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jippreżervaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Isegwi li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet investigattivi ma tistax tiġi ristretta skont kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-effettività tal-verifika. F’dan ir-rigward, jekk huwa veru li l-Kummisjoni ma għandhiex obbligu li tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ verifika l-informazzjoni kollha li hija għandha rigward il-ksur preżunt u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, hija għandha, min-naħa l-oħra, tindika b’mod ċar il-preżunzjonijet li hija għandha l-intenzjoni li tinvestiga.

Peress li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tagħmel analiżi legali preċiża tal-ksur, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ verifika tirreferi unikament għall-Artikolu 81 KE u ma tirreferix espressament għall-Artikolu 82 KE ma jistax iwassal, minnu nnifsu, li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, anki jekk jirriżulta mill-kliem tad-deċiżjoni ta’ verifika li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni biss li tinvestiga jekk l-impriża pparteċipatx għal akkordji u/jew għal prattiki miftiehma, fejn ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li abbuż minn pożizzjoni dominanti huwa wkoll suspettat, l-elevazzjoni ta’ dokumenti ma taqbiżx il-qafas ta’ legalità kkostitwit mid-deċiżjoni ta’ verifika, peress li parti mill-fatti li għalihom l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu ġew awtorizzati sabiex jiksbu provi fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 81 KE huma l-istess bħal dawk li jikkostitwixxu l-bażi tal-ilmenti ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti kkontestati lill-impriża kkonċernata u li d-deċiżjoni ta’ verifika fiha l-elementi essenzjali meħtieġa mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17.

(ara l-punti 218-222, 225, 226)

9.      Fl-istruttura tal-Artikolu 82 KE, is-suq ġeografiku jista’ jiġi ddefinit bħala t-territorju li fih l-operaturi ekonomiċi kollha jinsabu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jixxiebhu f’dak li jikkonċerna l-prodotti kkonċernati. Ma huwa bl-ebda mod neċessarju li l-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi jkunu perfettament omoġenji. Huwa biżżejjed li huma jkunu jixxiebhu jew biżżejjed omoġenji. Għalhekk, huma biss iż-żoni li fihom il-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kompetizzjoni huma eteroġenji li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu suq uniformi.

Minkejja li l-qorti Komunitarja teżerċita, bħala regola ġenerali, stħarriġ ġudizzjarju sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni humiex sodisfatti jew le, l-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandu, madankollu, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 249, 250)

10.    Il-pożizzjoni dominanti msemmija mill-Artikolu 82 KE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi indipendentement, b’mod sostanzjali, mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, finalment, mill-konsumaturi. Tali pożizzjoni, bid-differenza ta’ sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ kważi monopolju, ma teskludix l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni, iżda tqiegħed lill-impriża li tibbenefika minnha f’pożizzjoni li tiddeċiedi, jew tal-inqas li tinfluwenza b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom din il-kompetizzjoni ser tiżviluppa u, f’kull każ, li ġġib ruħha prinċipalment mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni tagħha u mingħajr madankollu li din l-attitudni ma toħolqilha dannu.

L-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi fatturi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti. L-eżami tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni għandu jsir billi l-ewwel nett tiġi eżaminata l-istruttura tagħha u sussegwentement is-sitwazzjoni kompetittiva f’dan is-suq.

Partijiet mis-suq estremament importanti jikkostitwixxu minnhom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-pussess ta’ parti minn suq estremament importanti jqiegħed lill-impriża li żżommha matul perijodu ta’ ċertu tul, permezz tal-volum ta’ produzzjoni u tal-offerta li hija tirrappreżenta - mingħajr ma l-possessuri ta’ partijiet sensittivament iktar imnaqqsa jkunu fil-pożizzjoni li jissodisfaw malajr it-talba li huma jixtiequ jieħdu mill-impriża li għandha l-parti kunsiderevolment l-iktar kbira -, f’sitwazzjoni ta’ saħħa li tagħmel minnha sħab obbligatorja u li, ukoll minħabba dan il-fatt, tiżguralha, tal-inqas matul perijodi relattivament twal, l-indipendenza ta’ aġir karatteristiku tal-pożizzjoni dominanti.

Għalhekk, parti mis-suq minn 70 % sa 80 % tikkostitwixxi, minnha nfisha, indikazzjoni ċara tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Bl-istess mod, parti mis-suq ta’ 50 % tikkostitwixxi minnha nfisha, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti.

(ara l-punti 275-279)

11.    Sistema ta’ tnaqqis li għandha bħala effett l-esklużjoni mis-suq hija kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 82 KE jekk hija applikata minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Dan huwa l-każ ta’ tnaqqis għal fedeltà, li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jiffornixxi ruħu esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti. Tali tnaqqis iwassal, fil-fatt, sabiex tiġi prekluża, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, il-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri.

(ara l-punti 316, 317)

12.    Is-sistemi ta’ tnaqqis kwantitattivi, marbuta esklużivament mal-volum tax-xiri li jsir mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, huma ġeneralment ikkunsidrati li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni pprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda tal-kwantità pprovduta tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis għal kwantità għalhekk huma kkunsidrati bħala li jirriflettu ż-żieda ta’ effiċjenza u tal-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Minn dan isegwi li sistema ta’ tnaqqis fejn ir-rata ta’ tnaqqis fil-prezz tiżdied skont il-volum mixtri ma tiksirx l-Artikolu 82 KE, ħlief jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis juru li s-sistema ma tistrieħx fuq korrispettiv ekonomikament ġustifikat, iżda twassal, permezz ta’ tnaqqis għal fedeltà u ta’ mira, sabiex tipprekludi l-provvista tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri.

Sabiex tiġi ddeterminata l-eventwali natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv, għandhom għalhekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwasslux, permezz ta’ vantaġġ li ma jistrieħ fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li jitneħħa lix-xerrej, jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, tal-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess tas-suq lill-kompetituri, u li lis-sħab kummerċjali jiġu applikati kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta.

(ara l-punti 318-320)

13.    Il-fatt, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti fis-suq, li torbot - anki jekk fuq it-talba tagħhom - xerrejja permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiffornixxu ruħhom għall-bżonnijiet kollha jew parti kunsiderevoli tal-bżonnijiet kollha tagħhom esklużivament mingħandha jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni huwa stipulat mingħajr kundizzjonijiet oħra, kemm hekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess iseħħ meta din l-impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, kemm ftehim magħmula ma’ dawn ix-xerrejja, u kemm unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri t-tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent jiffornixxi ruħu esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, l-impenji ta’ provvista esklużiva ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il-korrispettiv ta’ tnaqqis jew l-għoti ta’ tnaqqis għal fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi inċitat jiffornixxi ruħu esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma jibbażawx fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda li għandha tendenza li ċċaħħad lix-xerrej, jew li tirrestrinġi fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu u li tostakola l-aċċess tas-suq lill-produtturi.

(ara l-punt 365)

14.    Impriża f’pożizzjoni dominanti għandha d-dritt li tagħti kunsens lill-klijenti tagħha għal tnaqqis għal kwantità, marbuta esklużivament mal-volum tax-xiri li jseħħ mingħandha. Madankollu, il-metodi ta’ kalkolu ta’ dan it-tnaqqis ma għandhomx jirriżultaw fir-rigward tas-sħab kummerċjali f’kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti, bi ksur tat-tieni paragrafu (ċ) tal-Artikolu 82 KE.

F’dan ir-rigward, hija l-essenza stess ta’ sistema ta’ tnaqqis għal kwantità li l-iktar xerrejja jew utenti importanti ta’ prodott jew ta’ servizz jibbenefikaw mill-prezzijiet medji unitarji iżgħar jew, bl-istess mod, ta’ rati medji ta’ tnaqqis ogħla minn dawk li huma kkunsentiti lix-xerrejja u lill-utenti l-inqas importanti ta’ dan il-prodott jew servizz. Anki fil-każ ta’ progress lineari tar-rati ta’ tnaqqis skont kwantitajiet ma’ tnaqqis massimu, ir-rata medja ta’ tnaqqis tiżdied (jew il-prezz medju jonqos) matematikament, fl-ewwel żmien, f’proporzjon ogħla miż-żieda tax-xiri u, fit-tieni żmien, f’proporzjon inqas miż-żieda tax-xiri, qabel ma tistabbilizza ruħha lejn ir-rata massima ta’ tnaqqis. L-uniku fatt li r-riżultat ta’ sistema ta’ tnaqqis għal kwantità jwassal li ċerti klijenti jibbenefikaw, fuq kwantitajiet partikolari, minn rata medja ta’ tnaqqis proporzjonalment iktar għolja minn dik mogħtija lil klijenti oħra fir-rigward tad-differenza ta’ volumi ta’ xiri rispettivi tagħhom huwa inerenti għal din it-tip ta’ sistema u ma jistax waħdu jippermetti li jiġi dedott li s-sistema hija diskriminatorja.

Madankollu, meta l-limiti tal-livelli differenti ta’ tnaqqis, marbuta mar-rati prattikati, iwasslu sabiex jiġi rriżervat il-benefiċċju ta’ tnaqqis, jew tnaqqis addizzjonali, lil ċerti sħab kummerċjali filwaqt li jagħtuhom vantaġġ ekonomiku mhux iġġustifikat skont il-volum ta’ attività li huma jġibu u b’eventwali ekonomiji ta’ skala li huma jippermettu lill-fornitur li jwettaq fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, sistema ta’ tnaqqis għal kwantità twassal għall-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti.

Fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi, limitu għoli tas-sistema li jista’ jintlaħaq biss minn xi sħab partikolarment importanti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, jew in-nuqqas ta’ linearità taż-żieda tar-rati ta’ tnaqqis mal-kwantitajiet, jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet ta’ tali trattament diskriminatorju.

(ara l-punt 396)

15.    Korollarju mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika, fil-proċedura amministrattiva fil-qasam ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti akkużatorji kif ukoll dawk li jiskaġunaw, salv is-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Fir-rigward tal-elementi akkużatorji, l-impriża kkonċernata għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat li l-Kummissjoni bbażat fuqu sabiex takkuża lil din l-impriża kellu jiġi skartat bħala prova ta’ akkuża. Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, li kieku hija setgħet tagħmel użu minnhom matul il-proċedura amministrattiva, hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u setgħet għalhekk tinfluwenza, b’xi mod kwalunkwe, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, tal-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u tat-tul tal-aġir li ġiet akkużata bih, u, għaldaqstant, il-livell tal-multa. Il-possibbiltà li dokument mhux żvelat seta’ kellu influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juru li d-dokumenti mhux żvelati setgħu kellhom - fir-rigward ta’ dawn il-provi - importanza li ma kienx imissha ġiet injorata.

Ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl jista’ jwassal għal annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biss jekk l-aċċess irregolari għall-fajl tal-investigazzjoni matul il-proċedura amministrattiva kien ipprekluda lill-impriża jew lill-impriżi kkonċernati milli jkunu jafu dwar id-dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħhom u kien, b’dan il-mod, kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Dan ikun il-każ jekk l-iżvelar ta’ dokument seta’ wassal għal possibbiltà, anki żgħira, li l-proċedura amministrattiva tasal għal riżultat differenti fis-sitwazzjoni fejn l-impriża kkonċernata setgħet tagħmel użu minnu matul l-imsemmija proċedura.

(ara l-punti 405-407)

16.    L-aċċess għall-fajl jaqa’ taħt il-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni matul il-proċedura qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni jista’, bħala prinċipju, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni meta jikkawża dannu lid-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata.

Ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni, peress li dan jiddependi essenzjalment mill-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur ikkontestat lill-impriża kkonċernata. Għalhekk għandu jsir eżami sommarju tal-ilmenti sostanzjali li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata.

F’sitwazzjoni fejn, matul il-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tissanzjona impriża, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx f’lista enumerattiva d-dokumenti li jikkomponu l-fajl u fejn hija ma kkomunikatx lill-impriża kkonċernata d-dokumenti kollha tal-fajl li kienu aċċessibbli għaliha, iżda biss id-dokumenti akkużatorji, mingħajr ma stednitha tikkonsulta fl-uffiċċji tagħha d-dokumenti kollha, il-proċedura amministrattiva hija rregolari. Madankollu, ma hemmx lok li d-deċiżjoni finali tkun annullata jekk ma kienx ġie stabbilit li l-impriża ma kellhiex il-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha, anki jekk, fil-kuntest tar-rikors ġuridiku ppreżentat kontra din id-deċiżjoni, sussegwentement għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi sabiex aċċess komplet tal-fajl ikun żgurat, jirriżulta li parti mill-fajl huwa nieqes.

(ara l-punti 450, 454, 456, 458, 465, 467, 468, 481, 482)

17.    Huwa possibbli għall-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona impriża għal ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, li tordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ddestinati sabiex jiżguraw aċċess komplet għall-fajl, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela dokument jew li tikkomunika dokument setax kien ta’ dannu għad-difiża tal-impriża akkużata. Dan l-eżami, li huwa limitat għal sħarriġ ġudizzjarju tal-motivi mqajma, ma għandux la bħala għan u lanqas bħala effett li jissostitwixxi investigazzjoni kompleta tal-każ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. L-għarfien tardiv ta’ ċerti dokumenti tal-fajl ma jpoġġix lill-impriża, li tkun ippreżentat rikors, fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess dokumenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha quddiem din l-istituzzjoni. Minbarra dan, meta l-aċċess għall-fajl huwa żgurat fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, l-impriża kkonċernata ma għandhiex turi li, kieku hija kellha aċċess għad-dokumenti mhux ikkomunikati, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li dawn id-dokumenti setgħu kienu utli għad-difiża tagħha.

(ara l-punti 458, 459)

18.    Meta deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni hija annullata minħabba difett proċedurali, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tadotta deċiżjoni ġdida, mingħajr ma tinbeda proċedura amministrattiva ġdida. Peress li l-kontenut tad-deċiżjoni l-ġdida huwa kważi identiku għal dik preċedenti u li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma fondati fuq l-istess motivi, id-deċiżjoni l-ġdida hija suġġetta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tkompli l-proċedura fl-istadju fejn l-iżball ta’ proċedura kien twettaq u tadotta deċiżjoni ġdida, mingħajr ma tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-każ fid-dawl tar-regoli li ma kinux jeżistu fiż-żmien tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni.

(ara l-punti 492-494)

19.    Sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni imputabbli fuq impriża, sabiex jiġi stabbilit ammont ta’ multa li jkun proporzjonali miegħu, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni t-tul partikolarment twil ta’ ċertu ksur, tan-numru u tad-diversità tal-ksur, li kkonċerna l-prodotti kollha jew kważi kollha tal-impriża inkwistjoni u fejn xi elementi tiegħu affettwaw l-Istati Membri kollha, tal-gravità partikolari tal-ksur li jaqa’ taħt strateġija deliberata u koerenti intiża, permezz ta’ prattiki eliminatorji diversi fir-rigward tal-kompetituri u permezz ta’ politika ta’ fedeltà tal-klijenti, li żżomm artifiċjalment jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-swieq fejn il-kompetizzjoni kienet diġà limitata, tal-effetti ta’ abbuż partikolariment dannużi fuq il-pjan tal-kompetizzjoni u tal-vantaġġ meħud mill-impriża mill-ksur tagħha.

Il-Kummissjoni tista’, ġustament, tikkwalifika bħala estremament gravi l-prattiki ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li, meta tagħti tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali lill-klijenti tagħha u meta tikkonkludi ftehim ta’ fedeltà magħhom, hija żżomm artifiċjalment jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq inkwistjoni, fejn il-kompetizzjoni hija diġà limitata.

(ara l-punti 498-500)

20.    L-analiżi tal-gravità ta’ ksur tar-regoli Komunitajri tal-kompetizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ta’ eventwali reċidiva. Il-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu mifhum f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur ġdid wara li tkun ġiet sanzjonata għal ksur li jixxiebah. Il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA, għandhom l-istess sens meta jirreferu għal “ksur tal-istess tip”. Il-Kummissjoni ma tistax għalhekk tikkunsidra ċirkustanza aggravanti għal reċidiva kontra impriża li tabbuża l-pożizzjoni dominanti li hija għandha fis-suq fis-sens tal-Artikolu 82 KE, minħabba prattiki ta’ kollużjoni preċedenti li huma marbuta mal-Artikolu 81 KE, li fuq kollox huma differenti ħafna minn dawk li taw lok għall-ksur tal-Artikolu 82 KE.

(ara l-punti 507-511)

21.    L-analiżi tal-gravità tal-ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ta’ eventwali reċidiva, fejn din tista’ tiġġustifika żieda tal-ammont tal-multa. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ reċidiva ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti peress li, bħala prinċipju, impriża għandha l-obbligu li ma twettaqx ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 522, 523)

22.    Il-kooperazzjoni ta’ impriża mal-Kummissjoni waqt żjarat li jsiru fil-bini tagħha taqa’ taħt l-obbligi fuq l-impriża u ma tistax għalhekk tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis mill-ammont tal-multa imposta għal ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 527, 529)

23.    Fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi fil-kawżi li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, id-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 bħala l-ogħla limitu tal-multa li tista’ tiġi imposta jfisser id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, li jagħti biss indikazzjoni approssimattiva tal-importanza u tal-influwenza tagħha fis-suq. Id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 17 ma fiha ebda limitu territorjali fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ imwettaq. Fl-osservanza tal-limitu ffissat minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-multa mid-dħul mill-bejgħ tal-għażla tagħha, f’termini ta’ bażi ġeografika u ta’ prodotti kkonċernati.

(ara l-punt 548)

24.    Fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti għall-ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih twettaq dan il-ksur u toqgħod attenta mill-effett dissważiv tiegħu, speċjalment għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità. Multa ma tistax għalhekk titlef in-natura punittiva u dissważiva tagħha, bil-kundizzjoni li huwa stabbilit li l-impriża kkonċernata kisret id-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ ksur ta’ gravità estrema, anki jekk hija imposta minn deċiżjoni adottata, wara li għadda xi żmien, wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni.

(ara l-punti 554, 555)