Language of document : ECLI:EU:T:2010:517

Kawża T-427/08

Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Akkordji — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Deċiżjoni li lment jiġi miċħud — Rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jipprovdu spare parts lil arluġġara indipendenti — Interess Komunitarju — Suq rilevanti — Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti — Iffissar tal-prijoritajiet mill-Kummissjoni

(Artikoli 81 KE, 82 KE u 85 KE)

2.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni — Kriterji — Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ

(Artikolu 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess Komunitarju fl-istruttorja ta’ kawża – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni motivata mill-fatt li l-persuna li tagħmel l-ilment tista’ tressaq kawża quddiem il-qorti nazzjonali — Legalità — Kundizzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

1.      Il-Kummissjoni, inkarigata mill-Artikolu 85(1) KE li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, għandha tiddefinixxi u timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għal dan il-għan għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-mod kif tittratta l-ilmenti.

Meta, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti gradi differenti ta’ prijorità lill-ilmenti mressqa quddiemha, hija mhux biss tista’ tistabbilixxi l-ordni li fiha ser jiġu eżaminati l-ilmenti, iżda tista’ wkoll tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex jitkompla l-eżami tal-każ.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma hijiex illimitata. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sabiex tiddeċiedi x’passi għandha tieħu fir-rigward ta’ lment. B’mod partikolari, hija għandha teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-persuna li tilmenta tgħarrafha bihom. Bl-istess mod, hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli għaddejja bl-eżami ta’ lment, u din il-motivazzjoni għandha tkun preċiża u dettaljata biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ twettaq stħarriġ effettiv tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li tistabbilixxi prijoritajiet.

L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lilha fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju magħmula mill-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti ineżatti sostantivament u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 26-28, 65)

2.      Fil-kuntest ta’ proċeduri għal abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq. L-interkambjabbiltà jew il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni ma tiġix evalwata biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tat-talba u tal-offerta fis-suq.

Mill-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità jirriżulta wkoll li suq ta’ prodotti rilevanti hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi illi huma kkunsidrati bħala li kapaċi li jiġu mibdula jew ikunu sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom.

Skont l-imsemmija komunikazzjoni, l-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tat-talba tinvolvi determinazzjoni tal-medda ta’ prodotti illi huma kkunsidrati bħala sostitwibbli mill-konsumatur. Mod wieħed kif tista’ ssir din id-determinazzjoni huwa li jsir eżerċizzju mentali li jippresupponi kambjament ipotetiku żgħir, iżda li jdum, fil-prezzijiet relattivi u tiġi evalwata r-reazzjoni li x’aktarx ikollhom il-klijenti għal dik iż-żieda. Fil-paragrafu 17 ta’ dan l-att il-mistoqsija illi għandha tkun imwieġba hija jekk il-klijenti tal-partijiet ibiddlu għal sostituti li huma disponibbli faċilment bħala risposta għal żieda ipotekalment żgħira (bejn il-5 % sal-10 %) iżda permanenti fil-prodotti u fiż-żoni li jkunu qed jiġu kkonsidrati. Jekk is-sostituzzjoni tkun biżżejjed illi tagħmel iż-żieda fil-prezz mhux profittabbli minħabba nuqqas fil-bejgħ, sostituzzjonijiet addizzjonali huma inklużi fis-suq rilevanti.

Barra minn hekk, skont il-paragrafu 56 tal-imsemmija komunikazzjoni, hemm ċerti żoni fejn l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ hawn fuq għandhom ikunu meħuda b’ċerta ħsieb. Dan huwa l-każ fejn meta wieħed ikun qed jikkonsidra swieq primarji u sekondarji, partikolarment, fejn l-atteġġjament tal-impriża f’dak il-punt ta’ ħin għandu jkun analizzat skont l-Artikolu 82 KE. Il-metodu ta’ kif tiddefinixxi suq f’dawn il-każijiet huwa l-istess, jiġifieri ssir stima tar-risposti tal-klijenti bbażata fuq d-deċiżjonijiet dwar ix-xiri tagħhom għal kambjamenti fil-prezzijiet, iżda jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, xkiel għas-sostituzzjoni imposta b’kundizzjonijiet fis-swieq konnessi. Definizzjoni dejqa għal suq għal prodotti sekondarji, pereżempju għall-spare parts, tista’ tirriżulta meta l-kompatibbiltà ma’ prodotti primarji hija importanti. Problemi biex jinstabu prodotti sekondarji kompatibbli flimkien ma’ eżistenza ta’ prezzijiet għolja u ħajja twila ta’ prodotti primarji jistgħu jwasslu għal żidiet relattivi fil-prezzijiet ta’ prodotti sekondarja li jagħtu profit. Definizzjoni ta’ suq differenti tista’ tingħata jekk sostituzzjoni sinjifikanti bejn prodotti sekondarji hija possibbli jew jekk il-karatteristiċi tal-prodotti primarji jrendu possibbli risposti malajr u diretti mill-konsumatur għal żidiet fil-prezzijiet relattivi tal-prodotti sekondarji possibbli.

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament li suq tal-ispare parts għal prodotti primarji ta’ ċerta ditta jista’ ma jikkostitwixxix suq rilevanti separat f’żewġ sitwazzjonijiet : fl-ewwel lok, f’każ li l-konsumatur ikun jista’ jdur għall-ispare parts immanifatturati minn manifattur ieħor; fit-tieni lok, f’każ li l-konsumatur jista’ jdur għal prodott primarju ieħor sabiex jevita żieda fil-prezz fis-suq tal-ispare parts. Madankollu, din il-konstatazzjoni tapplika bil-kundizzjoni li jintwera li, f’każ ta’ żieda moderata u permanenti fil-prezz tal-prodotti sekondarji, numru suffiċjenti ta’ konsumaturi jduru għal prodotti oħra, primarji jew sekondarji, sabiex irendu tali żieda mhux vantaġġuża. Konsegwentement, possibbiltà purament teoretika li konsumatur idur għal prodott primarju ieħor ma tistax tkun prova biżżejjed għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti.

Barra minn hekk, mis-suespost jirriżulta wkoll li s-sempliċi possibbiltà għall-konsumatur li jagħżel minn fost diversi trade marks eżistenti tal-prodott primarju ma hijiex biżżejjed sabiex is-suq primarju u s-swieq ta’ wara l-bejgħ jiġu ttrattati bħala suq wieħed, jekk ma jiġix stabbilit li din l-għażla tiġi eżerċitata b’mod partikolari skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq sekondarju. Barra minn hekk, jekk uħud mill-operaturi ekonomiċi huma speċjalizzati u huma attivi biss fis-suq ta’ wara l-bejgħ ta’ suq primarju, dan fih innifsu jikkostitwixxi indikazzjoni serja tal-eżistenza ta’ suq speċifiku.

(ara l-punti 67-70, 79, 80, 102, 105, 108)

3.      Sabiex jiġi evalwat l-interess Komunitarju biex titkompla l-investigazzjoni ta’ każ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġu ppreżentati lilha fl-ilment imressaq quddiemha. B’mod partikolari, għandha tibbilanċja l-importanza tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi meħtieġa, sabiex tkun tista’ taqdi, fl-aħjar kundizzjonijiet, id-dmir tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

(ara l-punt 158)

4.      Meta l-effetti tal-ksur allegat fl-ilment jinħassu biss, essenzjalment, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u l-kawżi relattivi għal dan il-ksur ikunu tressqu mill-persuna li tilmenta quddiem il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha d-dritt tiċħad l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, iżda bil-kundizzjoni li d-drittijiet tal-persuna li tilmenta jkunu jistgħu jiġu protetti b’mod sodisfaċenti mill-qrati nazzjonali, ħaġa li tippresupponi li dawn ikunu f’pożizzjoni li jiġbru informazzjoni fuq il-fatti biex jiddeterminaw jekk il-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxux ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat iċċitati iktar ’il fuq.

Madankollu, din il-kunsiderazzjoni waħedha li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex jittrattaw l-eventwali ksur li huwa s-suġġett tal-ilment ma hijiex biżżejjed biex jiġi sostnut li hemm nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed, meta l-prattika kkritikata hija preżenti f’għall-inqas ħames Stati Membri, jekk mhux, eventwalment, fl-Istati Membri kollha, u hija imputabbli lil impriżi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u l-postijiet ta’ produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni, ħaġa li tikkostitwixxi indizju li azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni tista’ tkun iktar effettiva milli diversi azzjonijiet fuq il-livell nazzjonali.

(ara l-punti 173, 176)