Language of document : ECLI:EU:C:2019:1111

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Tqegħid għad-dispożizzjoni – Artikolu 4 – Dritt ta’ distribuzzjoni – Eżawriment – Kotba elettroniċi – Suq virtwali ta’ kotba elettroniċi ‘użati’”

Fil-Kawża C‑263/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2018, fil-proċedura

Nederlands Uitgeversverbond,

Groep Algemene Uitgevers

vs

Tom Kabinet Internet BV,

Tom Kabinet Holding BV,

Tom Kabinet Uitgeverij BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, minn C. A. Alberdingk Thijm, C. F. M. de Vries u S. C. van Velze, advocaten,

–        għal Tom Kabinet Internet BV, Tom Kabinet Holding BV u Tom Kabinet Uitgeverij BV, minn T. C. J. A. van Engelen u G. C. Leander, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn P. Ngo, S. Wolff u J. Nymann‑Lindegren, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann, U. Bartl, J. Möller u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u A. Sampol Pucurull, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. De Luca, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u T. Rendas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u Z. Lavery, bħala aġenti, assistiti minn N. Saunders, QC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, A. Nijenhuis u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(1) u (2), u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Nederlands Uitgeversbond (iktar ’il quddiem “NUV”) u Groep Algemene Uitgevers (iktar ’il quddiem “GAU”), u, min-naħa l-oħra, Tom Kabinet Internet BV (iktar ’il quddiem “Tom Kabinet”), Tom Kabinet Holding BV u Tom Kabinet Uitgeverij BV dwar il-provvista ta’ servizz online li jikkonsisti f’suq virtwali ta’ kotba elettroniċi “użati”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (iktar ’il quddiem it-“TDA”), li ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), u daħal fis-seħħ, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 32, p. 1).

4        L-Artikolu 6 tat-TDA, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Artikolu 8 ta’ dan it-trattat, intitolat “Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku”, jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11(1)(ii), 11a(1)(i) u (ii), 11b(1)(ii), 14(1)(ii) u 14a(1) tal-Konvenzjoni ta’ Bern, l-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fil jew mingħajr fil, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li kull wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        Dikjarazzjonijiet komuni dwar it-TDA (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet komuni”) ġew adottati mill-konferenza diplomatika fl-20 ta’ Diċembru 1996.

7        Id-dikjarazzjonijiet komuni dwar l-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi trattat huma fformulati kif ġej:

“Kif użati f’dawn l-Artikoli, l-espressjonijiet ‘kopji’ u ‘oriġinali u kopji’, li huma suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt ta’ self taħt l-imsemmija artikoli, jirreferu esklużivament għal kopji fissi li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni bħala oġġetti tanġibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/29

8        Il-premessi 2, 4, 5, 9, 10, 15, 23 sa 25, 28 u 29 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew, meta ltaqa’ f’Korfu fl-24 u l-25 ta’ Ġunju 1994, enfasizza l-ħtieġa li jifforma qafas legali ġenerali u flessibbli f’livell tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ suq intern għal prodotti u servizzi ġodda. Leġislazzjoni importanti mill-Komunità diġà teżisti, jew l-adozzjoni tagħha miexja l quddiem sewwa. Id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest għax dawn jipproteġu u jistimulaw l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u l-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom.

[…]

(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.

(5)      L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

[…]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(15)      Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-‘Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO’ u t-‘Trattat dwar l-Artisti u l-Fonogrammi WIPO[’], li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. […] Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.

[…]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bhal din ta’ xogħol lill-publikku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, nkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

(24)      Id-dritt li jagħmel disponibbli lill-pubbliku s-suġġett imsemmi fl-Artikolu 3(2) għandu jiftiehem li jirregola l-atti kollha li jagħmlu disponibbli dan is-suġġett lill-membri tal-pubbliku li ma jkunx preżenti fejn joriġina l-att li jagħmel disponibbli, u li ma jirregola ebda atti oħra.

(25)      L-inċertezza legali dwar in-natura u l-livell ta’ protezzjoni ta’ l-atti ta’ trasmissjoni fuq talba ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u materjal protett bid-drittijiet relatati ma’ networks għandha tiġi superata bil-provvediment ta’ protezzjoni armonizzata f’livell tal-Komunità. Għandu jkun ċar li d-detenturi tad-drittijiet kollha rikonoxxuti minn din id-Direttiva għandu jkollhom dritt esklussiv biex jagħmlu disponibbli lill-pubbliku xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur jew kull suġġett ieħor permezz ta’ trasmissjonijiet interattivi fuq talba. Dawn it-trasmissjonijiet interattivi fuq talba huma karatterizzati mill-fatt li l-membri tal-pubbliku jistgħu jidħlu għalihom minn post u f’ħin individwalment magħżul minnhom.

[…]

(28)      Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. Drittijiet għall-awturi rigward kiri u self ġew stabbiliti fid-Direttiva [tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120)]. Id-dritt ta’ distribuzzjoni li hemm provdut dwaru f’din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kiri u self li hemm fil-Kapitolu I ta’ dik id-Direttiva.

(29)      Il-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari. Din tapplika wkoll rigward kopja materjali ta’ xogħol jew suġġett magħmul minn utent ta’ servizz bħal dan bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet. Għalhekk, l-istess japplika għall-kiri jew self ta’ l-oriġinal u kopji ta’ xogħolijiet jew suġġett ieħor li huma servizzi fin-natura tagħhom. Differenti minn CD-ROM jew CD-I, fejn proprjetà intellettwali hija inkorporta fil-medium tal-materjal, jiġifieri suġġett minn oġġetti, kull servizz on-line huwa fil-fatt att li għandu jkun regolat mill-awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jipprovdu hekk.”

9        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

[…]”

10      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

11      L-Artikolu 4 tal-imsemmija Direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.      Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

12      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

(a)      trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

(b)      użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.”

 Id-Direttiva 2009/24/KE

13      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16), intitolat “Atti ristretti”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

[…]

(c)      kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu.

2.      L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.”

 Id-dritt Olandiż

14      L-Artikolu 1 tal-Auteurswet (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), tat-23 ta’ Settembru 1912, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), jipprovdi:

“Id-drittijiet tal-awtur huma dritt esklużiv li għandu l-awtur ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jew tal-aventi kawża tiegħu, li jikkomunika jew jirriproduċi dak ix-xogħol, suġġett għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi.”

15      Skont l-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur:

“B’komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku, għandu jinftiehem:

1.      il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ kopja tax-xogħol kollu jew ta’ parti minnu;

[…]”

16      L-Artikolu 12b ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Jekk kopja ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku tkun tqegħdet f’ċirkulazzjoni għall-ewwel darba permezz ta’ trasferiment tal-proprjetà fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea mill-awtur tagħha jew mill-aventi kawża tiegħu jew bil-kunsens tagħhom, it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ din il-kopja b’mod ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kiri u tas-self, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur.”

17      L-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Ir-riproduzzjoni ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku tfisser it-traduzzjoni, il-kompożizzjoni mużikali, ir-reġistrazzjoni ċinematografika jew l-adattament teatrali u, b’mod ġenerali, kull adattament jew riproduzzjoni, totali jew parzjali, taħt forma emendata, li ma għandhom jitqiesu bħala xogħol oriġinali.”

18      L-Artikolu 13a tal-istess liġi jipprovdi:

“Ir-riproduzzjoni ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku ma tinkludix l-atti provviżorji ta’ riproduzzjoni li huma tranżitorji jew aċċessorji u li jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali minn proċess tekniku u li l-uniku skop tiegħu huwa li jippermetti:

a)      trażmissjoni f’netwerk bejn terzi permezz ta’ intermedjarju jew

b)      l-użu legali tiegħu

u li ma għandux valur ekonomiku awtonomu.”

19      L-Artikolu 16b tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur jipprovdi:

“Ir-riproduzzjoni ma għandhiex titqies bħala ksur tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku, jekk tkun ristretta għal ftit kopji intiżi esklużivament għall-prattika, għall-istudju jew għall-użu tal-persuna fiżika li twettaq ir-riproduzzjoni fl-assenza ta’ kull kunsiderazzjoni kummerċjali, kemm jekk diretta kif ukoll jekk indiretta, jew li tordna r-riproduzzjoni għall-bżonnijiet tagħha biss.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      NUV u GAU, assoċjazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jiddefendu l-interessi ta’ pubblikaturi Olandiżi, ġew awtorizzati minn diversi pubblikaturi jiżguraw il-protezzjoni u l-osservanza tad-drittijiet tal-awtur li ngħatawlhom minn detenturi ta’ dawn id-drittijiet permezz ta’ liċenzji esklużivi.

21      Tom Kabinet Holding hija l-azzjonista unika ta’ Tom Kabinet Uitgeverij, kumpannija pubblikatriċi ta’ kotba, kotba elettroniċi u databases, kif ukoll l-azzjonista unika ta’ Tom Kabinet. Din l-aħħar kumpannija tamministra sit tal-internet li fuqu, fl-24 ta’ Ġunju 2014, fetħet servizz online li jikkonsisti f’suq virtwali ta’ kotba elettroniċi “użati”.

22      Fl-1 ta’ Lulju 2014, NUV u GAU ppreżentaw rikors abbażi tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur kontra Tom Kabinet, Tom Kabinet Holding u Tom Kabinet Uitgeverij quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li jikkonċerna dan is-servizz online. Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) ċaħdet it-talba tagħhom peress li, skont din tal-aħħar, ma kien hemm ebda possibbiltà ta’ ksur prima facie tad-drittijiet tal-awtur.

23      NUV u GAU appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) li, permezz ta’ sentenza tat-20 ta’ Jannar 2015, ikkonfermat l-imsemmija sentenza filwaqt li pprojbixxiet lil Tom Kabinet milli toffri servizz online li jippermetti l-bejgħ ta’ kotba elettroniċi mniżżla illegalment. Ma ġie ppreżentat l-ebda appell fil-kassazzjoni minn din is-sentenza.

24      B’effett mit-8 ta’ Ġunju 2015, Tom Kabinet biddlet is-servizzi offruti sa dakinhar u ssostitwixxiethom bit-“Toms Leesclub” (il-klabb tal-qari ta’ Tom, iktar ’il quddiem il-“klabb tal-qari”), li fi ħdanu Tom Kabinet hija kummerċjant ta’ kotba elettroniċi. Il-klabb ta’ qari jipproponi lill-membri tiegħu, tramite ħlas ta’ somma finanzjarja, kotba elettroniċi “użati” li nxtraw minn Tom Kabinet, jew ingħataw b’xejn lil din tal-aħħar mill-membri ta’ dan il-klabb. F’dan l-aħħar każ, l-imsemmija membri għandhom jipprovdu l-link għat-tniżżil tal-ktieb inkwistjoni u jiddikjaraw li ma żammewx kopja ta’ dan il-ktieb. Sussegwentement, Tom Kabinet tniżżel il-ktieb elettroniku mis-sit tal-internet tal-kummerċjant u tpoġġi l-filigrana diġitali tagħha stess, li tippermetti għalhekk li jiġi kkonfermat li din hija kopja miksuba legalment.

25      Inizjalment, il-kotba elettroniċi disponibbli permezz tal-klabb tal-qari setgħu jinxtraw bi prezz fiss ta’ EUR 1.75 għal kull ktieb elettroniku. Wara l-ħlas, il-membru seta’ jniżżel il-ktieb elettroniku mis-sit internet ta’ Tom Kabinet u sussegwentement ibigħu mill-ġdid lil din tal-aħħar. L-affiljazzjoni mal-klabb tal-qari kienet suġġetta għall-ħlas mill-membru ta’ kontribuzzjoni mensili ta’ EUR 3.99. Kull ktieb elettroniku pprovdut minn membru mingħajr ħlas kien jippermettilu jibbenefika minn tnaqqis ta’ EUR 0.99 mill-kontribuzzjoni tax-xahar sussegwenti.

26      B’effett mit-18 ta’ Novembru 2015, l-adeżjoni mal-klabb tal-qari ma teżiġix iktar il-ħlas ta’ kontribuzzjoni mensili. Minn naħa, il-prezz ta’ kull ktieb elettroniku issa huwa ta’ EUR 2. Min-naħa l-oħra, il-membri tal-klabb tal-qari jeħtieġ ukoll ikollhom “krediti” sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw ktieb elettroniku fil-kuntest tal-klabb tal-qari, u tali krediti jistgħu jinkisbu billi huma jipprovdulu ktieb elettroniku bi ħlas jew mingħajr ħlas. Dawn il-krediti jistgħu wkoll jinxtraw waqt l-ordni.

27      NUV u GAU ppreżentaw rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) intiż sabiex Tom Kabinet, Tom Kabinet Holding u Tom Kabinet Uitgeverij jiġu preklużi, taħt piena ta’ penalità, milli jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur tal-membri tagħhom permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni jew tar-riproduzzjoni ta’ kotba elettroniċi. B’mod partikolari, huma jqisu li, fil-kuntest tal-klabb tal-qari, Tom Kabinet twettaq komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ kotba elettroniċi li ma hijiex awtorizzata.

28      F’sentenza interlokutorja tat-12 ta’ Lulju 2017, il-qorti tar-rinviju qieset li l-kotba elettroniċi inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala xogħlijiet, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, u li l-offerta ta’ Tom Kabinet, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

29      Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li r-risposti għad-domandi dwar jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-bogħod permezz ta’ tniżżil, bi ħlas, ta’ ktieb elettroniku għall-użu għal żmien indeterminat jistax jikkostitwixxi att ta’ distribuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, u jekk id-dritt ta’ distribuzzjoni jistax, għaldaqstant, jiġi eżawrit, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, ma humiex manifestament meħtieġa. Hija tistaqsi wkoll jekk il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur jistax, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ ktieb elettroniku, jopponi, abbażi tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, l-atti ta’ riproduzzjoni neċessarji għal trażmissjoni leġittima bejn akkwirenti sussegwenti tal-kopja li fir-rigward tagħha d-dritt ta’ distribuzzjoni jkun, skont il-każ, eżawrit. Ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda lanqas ma tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

1)      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom […] kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tinkludi wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-użu, mill-bogħod, permezz ta’ tniżżil mill-internet, għal perijodu mingħajr limitu, ta’ kotba elettroniċi (jiġifieri kopji b’format diġitali ta’ kotba protetti mid-drittijiet tal-awtur) permezz ta’ ħlas ta’ prezz iddestinat sabiex jippermetti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jirċievi remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa proprjetarju tiegħu?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, id-dritt ta’ distribuzzjoni fl-Unjoni relatat mal-orġinal jew ma’ kopji ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 4(2) td-Direttiva [2001/29], huwa eżawrit meta l-ewwel bejgħ jew kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ dan l-oġġett, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-użu, mill-bogħod, permezz ta’ tniżżil mill-internet, għal perijodu mingħajr limitu, ta’ kotba elettroniċi (jiġifieri kopji b’format diġitali ta’ kotba protetti mid-drittijiet tal-awtur) permezz ta’ ħlas ta’ prezz iddestinat sabiex jippermetti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jirċievi remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa proprjetarju tiegħu, isir fl-Unjoni mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu?

3)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li trasferiment bejn xerrejja sussegwenti ta’ eżemplar leġittimament akkwistat, li fuqu d-dritt ta’ distribuzzjoni ġie eżawrit, jinkludi l-awtorizzazzjoni sabiex jitwettqu l-atti ta’ riproduzzjoni previsti f’dan l-artikolu, sa fejn dawn l-atti ta’ riproduzzjoni huma neċessarji sabiex jiġi żgurat użu leġittimu ta’ dan l-eżemplar u, fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward?

4)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva [2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jistax iktar jipprekludi l-atti ta’ riproduzzjoni neċessarji għat-trasferiment bejn xerrejja sussegwenti tal-eżemplar akkwistat leġittimament li fuqu d-dritt ta’ distribuzzjoni ġie eżawrit, u, fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet applikabbli f’dan ir-rigward?

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirriformula d-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu l-qrati nazzjonali sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għal dawn il-finijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, minkejja li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk il-frażi “rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet [tal-awturi] jew tal-kopji tagħhom, […] kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor”, imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, tkoprix “it-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-użu, mill-bogħod, permezz ta’ tniżżil, għal żmien indeterminat, ta’ kotba elettroniċi […] bi ħlas ta’ prezz”, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem l-imsemmija qorti, tqum id-domanda dwar jekk il-provvista permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti tikkostitwixxix att ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(1) jew jekk tali provvista taqax taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Il-qofol ta’ din id-domanda fil-kawża prinċipali huwa l-punt dwar jekk tali provvista hijiex suġġetta għar-regola ta’ eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jew, kuntrarjament, ma taqax taħt tali regola, kif previst espressament fl-Artikolu 3(3) tal-istess direttiva fir-rigward tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

34      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi rrifformulata fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-provvista permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti taqax taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jew ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku” imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

35      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-awturi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fil jew mingħajr fil, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li kull wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment.

36      Fir-rigward tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, dan jipprevedi li l-awturi għandhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, b’bejgħ jew b’mod ieħor, tal-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ kopji tagħhom, u dan id-dritt, skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, jiġi eżawrit fil-każ tal-ewwel bejgħ jew tal-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fl-Unjoni tal-oriġinal tax-xogħol jew tal-kopja tiegħu mill-proprjetarju tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

37      La dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2001/29 ma jippermettu, fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom biss, li jiġi ddeterminat jekk il-provvista permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, b’mod partikolari, tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol b’mod li kull wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għalih mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment, jew att ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha u, skont il-każ, l-oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 31, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). It-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom barra minn hekk jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi jkunu speċifikament intiżi li jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 35; tat-13 ta’ Mejju 2015, Dimensione Direct Sales u Labianca, C‑516/13, EU:C:2015:315, punt 23; kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, Syed, C‑572/17, EU:C:2018:1033, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva 2001/29, din id-direttiva hija intiża, b’mod partikolari, li timplimenta ċerti obbligi li għandha l-Unjoni skont it-TDA. Isegwi li l-kunċetti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku”, imsemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu interpretati konformement mad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 6(1) tat-TDA rispettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg, C‑456/06, EU:C:2008:232, punt 31, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, Syed, C‑572/17, EU:C:2018:1033, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tat-TDA jiddefinixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni bħala d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-oriġinal u ta’ kopji tax-xogħlijiet tagħhom permezz ta’ bejgħ jew ta’ kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ proprjetà. Issa, mill-kliem stess tad-dikjarazzjonijiet komuni dwar l-Artikoli 6 u 7 tat-TDA jirriżulta li “l-espressjonijiet ‘kopji’ u ‘oriġinali u kopji’, li huma suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt ta’ self taħt l-imsemmija artikoli, jirreferu esklużivament għal kopji fissi li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni bħala oġġetti tanġibbli”, b’tali mod li l-imsemmi Artikolu 6(1) ma jistax ikopri d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet immaterjali bħal kotba elettroniċi.

41      L-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, tal-10 ta’ Diċembru 1997 (COM(97) 628 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”), li wasslet għad-Direttiva 2001/29, tikkonforma ma’ din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, f’tali proposta huwa rrilevat li t-termini “inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [ta’] xogħlijiet [ta’ awturi] b’mod li kull wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jinsabu fl-Artikolu 8 tat-TDA u li ġew essenzjalment riprodotti fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, jirriflettu l-proposta li kienet saret fuq dan il-punt mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha matul in-negozjati, u jikkonċernaw l-“attivitajiet interattivi”.

42      Fit-tieni lok, f’din l-istess espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva, il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat ukoll li din il-proposta “[kellha] opportunità li tarmonizza b’mod koerenti d-distribuzzjoni elettronika u d-distribuzzjoni materjali ta’ kontenut protett u li tiddistingwihom waħda mill-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

43      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrilevat li t-trażmissjoni interattiva fuq talba kienet tikkostitwixxi forma ġdida ta’ użu tal-proprjetà intellettwali, li fir-rigward tagħha l-Istati Membri kienu tal-fehma li kellha tkun koperta mid-dritt ta’ kontroll tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, filwaqt li ppreċiżat li kien komunement aċċettat li d-dritt ta’ distribuzzjoni, li japplika esklużivament għad-distribuzzjoni ta’ kopji fiżiċi, ma jkoprix tali trażmissjoni.

44      Dejjem fl-imsemmija dikjarazzjoni, il-Kummissjoni żiedet li l-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħol tkopri l-atti ta’ trażmissjoni interattiva fuq talba, u tikkonferma għalhekk li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku huwa wkoll rilevanti meta diversi persuni li ma humiex relatati, membri tal-pubbliku, jista’ jkollhom aċċess individwali, minn postijiet differenti u f’mumenti differenti, għal xogħol li huwa aċċessibbli għall-pubbliku fuq sit tal-internet, filwaqt li ppreċiżat li dan id-dritt ikopri kull komunikazzjoni “minbarra d-distribuzzjoni ta’ kopji fiżiċi”, peress li l-kopji materjali li jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni bħala oġġetti tanġibbli jaqgħu, min-naħa tagħhom, taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni.

45      Għalhekk, minn din l-istess espożizzjoni tal-motivi jirriżulta li l-intenzjoni sottostanti l-proposta ta’ direttiva kienet li jiġi żgurat li kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol, għajr it-tqassim ta’ kopji fiżiċi tiegħu, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku”, imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda taħt dik ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

46      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan ta’ din id-direttiva, kif stabbilit fil-preambolu tagħha, kif ukoll mill-kuntest tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.

47      Fil-fatt, mill-premessi 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li din hija intiża li toħloq qafas ġenerali u flessibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex tiffavorixxi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u taġġusta u tikkompleta r-regoli attwali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp teknoloġiku, li ħoloq forom ġodda ta’ sfruttament ta’ xogħlijiet protetti (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Circuit Globus Bucureşti, C‑283/10, EU:C:2011:772, punt 38).

48      Barra minn hekk, mill-premessi 4, 9 u 10 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din għandha bħala għan prinċipali l-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari, fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, SBS Belgium, C‑325/14, EU:C:2015:764, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, kif tenfasizza l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, għandu jinftiehem f’sens wiesa’ li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni u, għalhekk, kwalunkwe tali trażmissjoni jew ritrażmissjoni ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fil jew mingħajr fil, inkluż ix-xandir (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 36, kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Il-premessa 25 ta’ din id-direttiva żżid li l-proprjetarji tad-drittijiet irrikonoxxuti minnha għandhom id-dritt esklużiv li jqiegħdu x-xogħlijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ trażmissjonijiet interattivi fuq talba, liema trażmissjonijiet huma kkaratterizzati mill-fatt li kull wieħed jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment.

51      Barra minn hekk, il-premessi 28 u 29 tad-Direttiva 2001/29, dwar id-dritt ta’ distribuzzjoni, jistabbilixxu, rispettivament, li dan id-dritt jinkludi d-dritt esklużiv li tiġi kkontrollata “id-distribuzzjoni ta’ xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli” u li l-kwistjoni tal-eżawriment tad-dritt ma tqumx fil-każ ta’ servizzi, b’mod partikolari fil-każ ta’ servizzi online, peress li għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal CD-ROM jew CD-I, li għalihom il-proprjetà intellettwali hija inkorporata fuq mezz fiżiku, jiġifieri merkanzija, kull servizz online fil-fatt jikkostitwixxi att li għandu jiġi suġġett għal awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet tal-awtur jew id-dritt relatat jipprovdu hekk.

52      Fir-raba’ lok, interpretazzjoni tad-dritt ta’ distribuzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, fis-sens li dan id-dritt japplika biss għad-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet inkorporati fuq mezz materjali, tirriżulta wkoll mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-eżawriment ta’ dan id-dritt, fejn din tal-aħħar fil-fatt iddeċidiet li, billi fil-premessa 28 tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża t-termini “oġġett tanġibbli” u “dan l-għan”, huwa ried jagħti lill-awturi l-kontroll fuq l-ewwel tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ kull oġġett tanġibbli li jinkorpora l-kreazzjoni intellettwali tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Art & Allposters International, C‑419/13, EU:C:2015:27, punt 37).

53      Ċertament, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopji ta’ programmi tal-kompjuter, imsemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, li minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li dan l-eżawriment huwa limitat għall-kopji ta’ programmi tal-kompjuter li jinsabu fuq mezz materjali iżda li, għall-kuntrarju, għandu jitqies li l-imsemmija dispożizzjoni, billi tirreferi mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra għall-“bejgħ ta’ kopja ta’ programm”, ma tagħmel ebda distinzjoni skont il-forma materjali jew immaterjali tal-kopja inkwistjoni (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 55).

54      Madankollu, kif tirrileva ġustament il-qorti tar-rinviju u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, ktieb elettroniku ma jikkostitwixxix programm tal-kompjuter, b’mod li ma hemmx lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2009/24.

55      F’dan ir-rigward, minn naħa, kif indikat espressament l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 51 u 56 tas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407), id-Direttiva 2009/24, li tikkonċerna speċifikament il-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter, tikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tad-Direttiva 2001/29. Issa, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/24 juru b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jassimila, għall-finijiet tal-protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva, il-kopji materjali u immaterjali ta’ tali programmi tal-kompjuter, b’mod li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jikkonċerna dawn il-kopji kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 58 u 59).

56      Tali assimilazzjoni tal-kopji materjali u immaterjali ta’ xogħlijiet protetti għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2001/29 ma kinitx madankollu mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta ġiet adottata din id-direttiva. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, mix-xogħol preparatorju tagħha jirriżulta li kienet intiża distinzjoni ċara bejn it-tqassim elettroniku u d-distribuzzjoni materjali tal-kontenut protett.

57      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 61 tas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407) li, minn perspettiva ekonomika, il-bejgħ ta’ programm tal-kompjuter fuq mezz materjali u l-bejgħ ta’ programm tal-kompjuter permezz ta’ tniżżil minn fuq l-internet huma simili, peress li l-metodu ta’ trażmissjoni online huwa l-ekwivalenti funzjonali tal-konsenja ta’ mezz materjali, b’tali mod li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tiġġustifika li dawn iż-żewġ modi ta’ trażmissjoni jiġu ttrattati b’mod paragunabbli.

58      Madankollu, ma jistax jitqies li l-provvista ta’ ktieb fuq mezz materjali u l-provvista ta’ ktieb elettroniku huma ekwivalenti minn perspettiva ekonomika u funzjonali. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kopji diġitali dematerjalizzati, kuntrarjament għal kotba fuq mezz materjali, ma jiddeterjorawx bl-użu, b’mod li l-kopji użati jikkostitwixxu sostituti perfetti ta’ kopji ġodda. Barra minn hekk, l-iskambji ta’ tali kopji la jeżiġu sforz u lanqas spiża addizzjonali, b’mod li suq parallel ta’ beni użati jista’ jaffettwa l-interess tal-proprjetarji li jiksbu remunerazzjoni adegwata għax-xogħlijiet tagħhom b’mod ħafna iktar sinjifikattiv mis-suq ta’ beni użati ta’ oġġetti tanġibbli, bi ksur tal-għan imfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

59      Anki fis-sitwazzjoni fejn ktieb elettroniku jitqies bħala materjal kumpless (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Nintendo et, C‑355/12, EU:C:2014:25, punt 23), li jinkludi kemm xogħol protett kif ukoll programm tal-kompjuter li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-Direttiva 2009/24, ikun hemm lok li jitqies li tali programm ikun biss anċillari fir-rigward tax-xogħol inkluż f’tali ktieb. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, ktieb elettroniku huwa protett minħabba l-kontenut tiegħu, li għandu għalhekk jitqies bħala l-element essenzjali tiegħu, u l-fatt li programm tal-kompjuter jista’ jifforma parti minn ktieb elettroniku sabiex jippermetti l-qari tiegħu ma jistax jimplika l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet speċifiċi.

60      Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li l-provvista ta’ ktieb elettroniku, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi kklassifikata bħala komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tirrileva, minn naħa, li fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-kontenut stess tax-xogħol protett fl-offerta ta’ bejgħ tal-ktieb elettroniku fuq il-pjattaforma tal-klabb tal-qari, ma jistax ikun hemm inkwistjoni att ta’ komunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma jkun hemm ebda pubbliku peress li l-ktieb elettroniku jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ membru wieħed biss tal-klabb tal-qari.

61      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jinvolvi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk il-provvista ta’ ktieb elettroniku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi rrilevat, kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ikopri kull trażmissjoni jew ritrażmissjoni ta’ xogħol lill-pubbliku mhux preżenti fil-post ta’ oriġini tal-komunikazzjoni, bil-fil jew mingħajr fil.

63      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” fis-sens tal-istess dispożizzjoni, li jagħmel parti minn dak iktar wiesa’ ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jikkwalifika bħala att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, att għandu jissodisfa kumulattivament iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jaċċedi għall-oġġett protett inkwistjoni kemm mill-post kif ukoll fil-mument li huwa jagħżel individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, C More Entertainment, C‑279/13, EU:C:2015:199, punti 24 u 25), indipendentement minn jekk il-persuni li jsawru l-pubbliku jużawx jew le din il-possibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għal dak li jirrigwarda, speċifikament, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol jew ta’ oġġett protett b’mod li kull wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għalih mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva jirriżulta li “l-att determinanti huwa dak li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol, u għaldaqstant l-offerta lilu ta’ xogħol fuq sit aċċessibbli għall-pubbliku, att li jippreċedi l-istadju tat-trażmissjoni reali fuq talba” u li “huwa irrilevanti jekk persuna tkunx effettivament estrattat jew le dan ix-xogħol”.

65      Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li Tom Kabinet tqiegħed ix-xogħlijiet ikkonċernati għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna li tirreġistra fuq is-sit internet tal-klabb tal-qari, liema persuna jista’ jkollha aċċess għalihom mill-post u fil-mument li hija tagħżel individwalment, b’tali mod li l-provvista ta’ tali servizz għandha titqies bħala l-komunikazzjoni ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, mingħajr ma jkun neċessarju li l-imsemmija persuna tuża din il-possibbiltà sabiex testratta effettivament il-ktieb elettroniku minn dan is-sit tal-internet.

66      Fit-tieni lok, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ix-xogħlijiet protetti għandhom effettivament jiġu kkomunikati lil pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), liema komunikazzjoni hija diretta lejn numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva jirriżulta wkoll, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku huwa rilevanti wkoll meta diversi persuni li ma humiex relatati, membri tal-pubbliku, jista’ jkollhom aċċess individwali minn postijiet differenti u f’mumenti differenti għal xogħol li huwa aċċessibbli għall-pubbliku fuq sit tal-internet u, min-naħa l-oħra, li l-pubbliku huwa kompost mill-membri tiegħu individwalment.

68      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża, minn naħa, li l-kunċett ta’ “pubbliku” jinvolvi ċertu limitu de minimis, li jeskludi minn dan il-kunċett numru żgħir ħafna ta’ persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol protett, permezz ta’ tniżżil, mid-destinatarji potenzjali. Għaldaqstant, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru ta’ persuni li jistgħu jaċċedu għall-istess xogħol simultanjament, iżda wkoll kemm minnhom jistgħu jaċċedu għalih suċċessivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Issa, fil-każ ineżami, fid-dawl tal-fatt, enfasizzat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li kull persuna kkonċernata tista’ ssir membru tal-klabb tal-qari, kif ukoll tan-nuqqas ta’ miżura teknika, fil-kuntest tal-pjattaforma ta’ dan il-klabb, li tista’ tiggarantixxi li kopja waħda ta’ xogħol biss tista’ titniżżel matul il-perijodu li matul tiegħu l-utent ta’ xogħol ikollu effettivament aċċess għaliha u li, wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, il-kopja mniżżla minn dan l-utent ma tkunx tista’ tintuża iktar minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Vereniging Openbare Bibliotheken, C‑174/15, EU:C:2016:856), għandu jitqies li n-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess, parallelament jew suċċessivament, għall-istess xogħol permezz ta’ tali pjattaforma huwa sostanzjali. Għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha, ix-xogħol inkwistjoni għandu jitqies li huwa kkomunikat lil pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

70      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jikkwalifika bħala komunikazzjoni lill-pubbliku, xogħol protett għandu jiġi kkomunikat skont metodu tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati preċedentement jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni diġà mill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur meta awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tagħhom lill-pubbliku (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fil-każ ineżami, peress li, kif irrilevaw NUV u GAU, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ktieb elettroniku huwa ġeneralment akkumpanjat b’liċenzja ta’ użu li tawtorizza lill-utent li jkun niżżel il-ktieb elettroniku kkonċernat li jaqra tali ktieb minn fuq it-tagħmir tiegħu stess, hemm lok li jitqies li komunikazzjoni bħal dik imwettqa minn Tom Kabinet issir lil pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni diġà mill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u, għaldaqstant, lil pubbliku ġdid, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-provvista lill-pubbliku permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u, b’mod partikolari, taħt dak ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [ta’] xogħlijiet [ta’ awturi] b’mod li kull wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

 Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

73      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-provvista lill-pubbliku permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u, b’mod partikolari, taħt dak ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [ta’] xogħlijiet [ta’ awturi] b’mod li kull wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li huwa jagħżel individwalment”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.