Language of document : ECLI:EU:C:2019:1111

Kawża C263/18

Nederlands Uitgeverbond

u

Groep Algemene Uitgevers

vs

Tom Kabinet Internet BV et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-rechtbank Den Haag)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Diċembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Tqegħid għad-dispożizzjoni – Artikolu 4 – Dritt ta’ distribuzzjoni – Eżawriment – Kotba elettroniċi – Suq virtwali ta’ kotba elettroniċi ‘użati’”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Għan

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 2, 4, 5, 9 u 10 u Artikoli 3(1) u 4(1))

(ara l-punti 46-48)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Provvista lill-pubbliku permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti – Inklużjoni – Verifika li tinkombi lill-qorti nazzjonali

(Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, premssa 23 u Artikolu 3(1))

(ara l-punti 49, 61-66, 68 sa 72 u d-dispożittiv)

Sommarju

Il-bejgħ ta’ kotba elettroniċi użati permezz ta’ sit internet jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-awtur

Fis-sentenza Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18), mogħtija fid-19 ta’ Diċembru 2019, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvista lill-pubbliku permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tad-Direttiva 2001/29 dwar id-drittijiet tal-awtur (1).

Nederlands Uitgeversverbond (iktar ’il quddiem “NUV”) u Groep Algemene Uitgevers (iktar’ il quddiem “GAU”), żewġ assoċjazzjonijiet li kellhom l-għan li jiddefendu l-interessi tal-pubblikaturi Olandiżi, ippreżentaw rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) intiż sabiex jiġi prekluż, fost oħrajn, li l-kumpannija Tom Kabinet tqiegħed kotba elettroniċi għad-dispożizzjoni tal-membri tal- “klabb tal-qari” maħluq minn din tal-aħħar fis-sit internet tagħha jew li tirriproduċi dawn il-kotba. NUV u GAU jsostnu li dawn l-attivitajiet jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur tal-affiljati tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-kotba elettroniċi. Billi tipproponi kotba elettroniċi “użati” għall-bejgħ fil-kuntest ta’ dan il-klabb tal-qari, Tom Kabinet twettaq komunikazzjoni lill-pubbliku mhux awtorizzata ta’ dawn il-kotba. Tom Kabinet issostni, kuntrarjament, li tali attivitajiet jaqgħu taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni, li huwa suġġett mid-Direttiva msemmija iktar ’il fuq għal regola ta’ eżawriment meta l-oġġett ikkonċernat – f’dan il-każ il-kotba elettroniċi – jkun inbiegħ fl-Unjoni mill-proprjetarju tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu. Din ir-regola timplika li, wara l-bejgħ tal-kotba elettroniċi inkwistjoni, NUV u GAU ma jibqgħux jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu d-distribuzzjoni tagħhom lill-pubbliku.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-provvista permezz ta’ tniżżil ta’ ktieb elettroniku għal użu permanenti ma taqax taħt id-dritt ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku”, previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda effettivament taħt id-dritt ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, previst fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, li fir-rigward tiegħu l-eżawriment huwa eskluż skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeduċiet mit-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur, li wassal għal din id-direttiva, kif ukoll mix-xogħol preparatorju ta’ din tal-aħħar, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirriżerva din ir-regola ta’ eżawriment għad-distribuzzjoni ta’ oġġetti tanġibbli, bħall-kotba fuq mezz materjali. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ eżawriment għal kotba elettroniċi jkollha r-riskju li taffettwa l-interess tal-proprjetarji li jiksbu remunerazzjoni adegwata b’mod ħafna iktar sinjifikattiv milli fil-każ ta’ kotba fuq mezz materjali, peress li kopji diġitali dematerjalizzati ta’ kotba elettroniċi ma jiddeterjorawx bl-użu u b’hekk jikkostitwixxu, f’eventwali suq ta’ beni użati, sostituti perfetti ta’ kopji ġodda.

Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dan għandu jinftiehem f’sens wiesa’ li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni u, għalhekk, kwalunkwe tali trażmissjoni jew ritrażmissjoni ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fil jew mingħajr fil. Dan il-kunċett jinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku.

Fir-rigward tal-ewwel element, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li “l-att determinanti huwa dak li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol, u għaldaqstant l-offerta lilu ta’ xogħol fuq sit aċċessibbli għall-pubbliku, att li jippreċedi l-istadju tat-trażmissjoni reali fuq talba” u li “huwa irrilevanti jekk persuna tkunx effettivament estrattat jew le dan ix-xogħol”. Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li x-xogħlijiet ikkonċernati jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna li tirreġistra fis-sit internet tal-klabb tal-qari għandu jitqies bħala “komunikazzjoni” ta’ xogħol, mingħajr ma jkun neċessarju li l-persuna kkonċernata tuża din il-possibbiltà billi tikseb effettivament il-ktieb elettroniku minn dan is-sit tal-internet.

Fir-rigward tat-tieni element, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss in-numru ta’ persuni li jistgħu jaċċedu għall-istess xogħol simultanjament, iżda wkoll kemm minnhom jistgħu jaċċedu għalih suċċessivament. F’dan il-każ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, in-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess, parallelment jew suċċessivament, għall-istess xogħol permezz ta’ tali pjattaforma huwa sostanzjali. Għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha, ix-xogħol inkwistjoni għandu jitqies li jiġi kkomunikat lil pubbliku.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jikkwalifika bħala komunikazzjoni lill-pubbliku, xogħol protett għandu jiġi kkomunikat skont metodu tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati preċedentement jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni diġà mill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur meta awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tagħhom lill-pubbliku. F’dan il-każ, peress li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ktieb elettroniku jkun ġeneralment akkumpanjat b’liċenzja ta’ użu li tawtorizza lill-utent li jkun niżżel il-ktieb elettroniku kkonċernat li jaqra tali ktieb minn fuq it-tagħmir tiegħu stess, hemm lok li jitqies li komunikazzjoni bħal dik imwettqa minn Tom Kabinet issir lil pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni diġà mill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u, għaldaqstant, lil pubbliku ġdid.


1       Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230)