Language of document : ECLI:EU:T:2021:394

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

30 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Għajnuna mill-Istat – Settur bankarju – Proġett ta’ rikapitalizzazzjoni minn konsorzju rregolat mid-dritt privat bejn banek favur wieħed mill-membri tiegħu – Awtorizzazzjoni għall-intervent mill-Bank Ċentrali tal-Istat Membru – Rinunzja għat-twettiq tas-salvataġġ u ftuħ ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni – Direttivi 2014/49/UE u 2014/59/UE – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Talbiet għal informazzjoni u teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ eżami preliminari – Assenza ta’ rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑635/19,

Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro, stabbilita fi Pesaro (l-Italja),

Montani Antaldi Srl, stabbilita fi Pesaro,

Fondazione Cassa di Risparmio di Fano, stabbilita fi Fano (l-Italja),

Fondazione Cassa di Risparmio di Jesi, stabbilita fi Jesi (l-Italja),

Fondazione Cassa di Risparmio della Provincia di Macerata, stabbilita fi Macerata (l-Italja),

irrappreżentati minn A. Sandulli u B. Cimino, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Stancanelli, I. Barcew, A. Bouchagiar u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu materjali li r-rikorrenti allegatament ġarrbu b’mod partikolari minħabba l-aġir illegali tal-Kummissjoni li pprekluda s-salvataġġ ta’ Banca delle Marche,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn Z. Csehi, li qed jaġixxi bħala President, G. De Baere u G. Steinfatt (Relattriċi), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro, Montani Antaldi Srl, Fondazione Cassa di Risparmio di Fano, Fondazione Cassa di Risparmio di Jesi u Fondazione Cassa di Risparmio della Provincia di Macerata, iridu jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, minħabba li l-Kummissjoni Ewropea allegatament ipprekludiet, minħabba aġir allegatament illegali, b’mod partikolari, pressjoni illeċita eżerċitata fuq l-awtoritajiet Taljani, speċjalment fuq il-Bank Ċentrali tar-Repubblika Taljana, il-Banca d’Italia (iktar ’il quddiem il-“Bank tal-Italja”), is-salvataġġ tal-Banca delle Marche, li r-rikorrenti kienu azzjonisti tiegħu u li fih kellhom bonds subordinati, fatt li kkawżalhom dannu. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni pprekludiet tali salvataġġ mill-Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond Interbankarju għall-Protezzjoni tad-Depożiti, iktar ’il quddiem il-“FIPD”), l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti Taljana fil-forma ta’ konsorzju rregolat mid-dritt privat bejn banek li jamministraw fondi proprji, u wasslet lill-awtoritajiet Taljani, u b’mod partikolari lill-Bank tal-Italja, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali kompetenti, sabiex jiftaħ proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche skont ir-regoli tad-dritt Taljan li jittrasponu d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

2        Banca delle Marche, li nħolqot mill-amalgamazzjoni tal-banek tat-tfaddil ta’ Macerata (l-Italja), ta’ Pesaro (l-Italja), u ta’ Jesi (l-Italja), kienet l-istabbiliment bankarju prinċipali tar-reġjun Taljan Le Marche. Fit‑30 ta’ Settembru 2015, hija kellha wkoll network ta’ madwar 300 aġenzija, assi totali ta’ EUR 14 713-il biljun, tfaddil ta’ EUR 13 527 biljun u self nett ta’ EUR 12 237 biljun.

3        Fid‑9 ta’ Jannar 2012, il-Bank tal-Italja kkonstata li Banca delle Marche kienet turi “sinjali ta’ diffikultà dejjem tikber” u enfasizza li l-kontrolli mwettqa kienu wrew nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ kontroll intern li kellhom riperkussjonijiet inevitabbli fuq l-“espożizzjoni sinjifikattiva [tagħha] […] għar-riskji ta’ kreditu u finanzjarji”.

4        Fil‑25 ta’ Ġunju 2013, il-Bank tal-Italja rrileva li Banca delle Marche kellha “deterjorament sinjifikattiv tal-aspetti tekniċi, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji marbuta mal-kreditu u l-konsegwenzi li [kienu] jirriżultaw minn dan fuq il-profittabbiltà u [fuq] l-adegwatezza tal-fondi proprji”.

5        Fit‑8 ta’ Ottubru 2013, il-Bank tal-Italja ppropona lill-Ministero dell’ Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi) li jqiegħed lil Banca delle Marche taħt amministrazzjoni straordinarja, skont l-Artikoli 70 u 98 tat-Testo Unico Bancario italiano (it-Test Uniku Dwar il-Banek), introdott permezz tad-decreto legislativo (id-Digriet Leġiżlattiv) Nru 385, tal‑1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230, tat-30 ta’ Settembru 1993, suppliment ordinarju Nru 92), minħabba, b’mod partikolari, “disfunzjonijiet u irregolaritajiet […] serji”. F’din id-data, is-sitwazzjoni kontabbli ta’ Banca delle Marche kienet tinkludi fondi miġbura li jammontaw għal EUR 20.9 biljuni, fondi proprji regolatorji li jammontaw għal EUR 996 miljun, proporzjon ta’ fondi proprji totali ta’ 6.65 % u żbilanċ stmat meta mqabbel mar-rekwiżiti prudenzjali ta’ EUR 202 miljuni.

6        Fil‑15 ta’ Ottubru 2013, Banca delle Marche tqiegħdet taħt amministrazzjoni straordinarja. Il-kummissarji straordinarji ta’ Banca delle Marche għamlu l-ewwel tentattiv sabiex isolvu l-kriżi li kien għaddej minnha dan il-bank permezz ta’ intervent ta’ appoġġ min-naħa ta’ Credito Fondiario SpA (iktar ’il quddiem “FonSpa”) u tal-FIPD, li għalih dan tal-aħħar kien talab, fit‑12 ta’ Settembru 2014, u kiseb, fit‑3 ta’ Diċembru 2014, l-awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja. Madankollu, dan l-intervent ma seħħx minħabba d-diffikultajiet li rriżultaw għat-twettiq tar-rikapitalizzazzjoni ta’ Banca delle Marche, peress li FonSpa ma kinitx f’pożizzjoni li timmobilizza fis-suq l-ammont totali tar-riżorsi finanzjarji neċessarji.

7        Fl‑10 ta’ Ottubru 2014, fil-kuntest tal-fażi ta’ eżami preliminari miftuħa fuq inizjattiva tagħha stess fir-rigward tal-interventi ta’ appoġġ previsti mill-FIPD favur bank ieħor, Banca Tercas (SA.39451 (2014/CP)), u favur Banca delle Marche (SA.39543 (2014/CP)), il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani talba għal informazzjoni, filwaqt li enfasizzat li ma setax jiġi eskluż li l-imsemmija interventi kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

8        Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Taljani li l-intervent ta’ appoġġ favur Banca delle Marche propost mill-FIPD seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li, fil-każ li l-Bank tal-Italja kellu l-intenzjoni li jawtorizza tali intervent, kien xieraq li dawn l-awtoritajiet jikkomunikaw il-miżura inkwistjoni qabel l-approvazzjoni tagħha, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 108(3) TFUE.

9        Fis‑27 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-interventi ta’ appoġġ tal-FIPD favur il-Banca Tercas (SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)) (ĠU 2015, C 136, p. 17). F’din id-deċiżjoni, hija qieset, b’mod partikolari, li dawn l-interventi kienu kkostitwiti minn riżorsi tal-Istat u imputabbli lill-Istat Taljan.

10      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Awwissu 2015, dwar b’mod partikolari l-proċedura SA.39543, relatata ma’ Banca delle Marche, il-Kummissjoni fakkret dwar il-possibbiltà li l-intervent inkwistjoni kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u talbet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdulha informazzjoni aġġornata f’dan ir-rigward u sabiex ma jimplimentaw l-ebda miżura tal-FIPD qabel il-komunikazzjoni tagħha u l-kisba ta’ deċiżjoni min-naħa tagħha.

11      F’Settembru 2015, il-Bank tal-Italja informa lill-Kummissjoni bil-fatt li pjanijiet ta’ soluzzjoni intiżi li jiġu solvuti l-kriżijiet li kienu għaddejjin minnhom tliet banek, fosthom Banca delle Marche, kienu qed jiġu ppreparati u li dawn kienu jipprevedu l-assorbiment tat-telf mir-riżervi u mill-kapital irrappreżentat minn azzjonijiet, it-tnaqqis għal żero jew il-konverżjoni tal-krediti subordinati u żieda fil-kapital, jew permezz ta’ kapital privat, jew permezz tal-intervent tal-FIPD.

12      Skont il-kummissarji straordinarji, is-sitwazzjoni kontabbli ta’ Banca delle Marche fit‑30 ta’ Settembru 2015 kienet tindika fondi proprji netti, jiġifieri valur kontabbli tal-azzjonijiet, li jammonta għal EUR 13-il miljun, u defiċit patrimonjali ta’ EUR 1 432 biljun.

13      Fit‑8 ta’ Ottubru 2015, il-FIPD stabbilixxa u approva l-elementi prinċipali ta’ tentattiv ieħor ta’ intervent ta’ appoġġ li jikkonsisti f’injezzjoni ta’ kapital fil-Banca delle Marche sal-ammont ta’ EUR 1.2 biljuni, “permezz tal-finanzjament li [kien] fil-proċess li jsir effettiv grazzi għal ċerti banek membri tal-konsorzju”, flimkien ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ dan il-bank imfassal minn kumpannija ta’ konsulenti, u informa lill-Bank tal-Italja b’dan permezz ta’ ittri tad‑9 u tal‑15 ta’ Ottubru 2015. Fl-ittra tiegħu tad‑9 ta’ Ottubru 2015, il-FIPD ippreċiża li, konformement mal-imsemmija elementi prinċipali, minn naħa, l-intervent tiegħu jseħħ biss wara t-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-Direttiva 2014/59 (ara l-punt 1 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet konkreti tiegħu jkunu suġġetti għall-kunsill tal-FIPD wara li l-artikulazzjoni tat-tranżazzjoni dwar il-kapital tkun ġiet iddefinita, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-intervent kien ser jitwettaq permezz tal-finanzjament minn konsorzju ta’ banek skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Finalment ġie espost li din l-operazzjoni kollha kienet ikkundizzjonata, b’mod partikolari, mill-approvazzjoni tal-Bank tal-Italja tal-emenda tal-Istatut tal-FIPD intiża sabiex jiġi introdott il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ kontribuzzjoni ex ante kif ukoll mill-implimentazzjoni legali tal-operazzjoni ta’ żieda fil-kapital.

14      F’Ottubru 2015, il-Bank tal-Italja bagħat lill-Kummissjoni nota intitolata “Skema ta’ soluzzjoni għall-grupp Banca delle Marche”, li tfakkar is-sitwazzjoni kontabbli tal-imsemmi bank, il-fatt li huwa kien tqiegħed taħt amministrazzjoni straordinarja, it-tentattiv ta’ salvataġġ li ma rnexxiex bl-għajnuna ta’ FonSpa kif ukoll l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni awtorizzat mill-FIPD u mfassal minn kumpannija ta’ konsulenti. Minn dan il-Bank tal-Italja kkonkluda li, fid-dawl tal-fatt li, fil‑31 ta’ Diċembru 2015, kien preżunt li l-kapital tal-azzjonisti joqrob lejn żero, ir-rikapitalizzazzjoni tal-bank kienet ser tiġi implimentata, minn naħa, permezz ta’ tnaqqis għal żero jew il-konverżjoni tal-krediti subordinati (sa EUR 427.5 miljuni fit‑30 ta’ Settembru 2015) u, min-naħa l-oħra, minn żieda fil-kapital ta’ EUR 1.2 biljuni mill-FIPD. Flimkien ma’ din in-nota ġew mehmuża, b’mod partikolari, l-ittra tal-FIPD tad‑9 ta’ Ottubru 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u l-imsemmi pjan ta’ ristrutturazzjoni.

15      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Novembru 2015, il-kummissarji straordinarji ta’ Banca delle Marche indikaw lill-Bank tal-Italja s-sitwazzjoni imminenti ta’ waqfien tal-ħlas u indikaw il-biża’ tagħhom li s-salvataġġ tagħha ma setax iseħħ fi żmien xieraq fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

16      Fis‑16 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika Taljana ttrasponiet fid-dritt intern id-Direttiva 2014/59 permezz tal-adozzjoni tad-decreto legislativo (id-Digriet Leġiżlattiv) Nru 180/15 (GURI Nru 267, tas‑16 ta’ Novembru 2015, p. 1), dwar, b’mod partikolari, il-ħolqien tal-fond jew tal-fondi ta’ riżoluzzjoni mal-Bank tal-Italja, bil-possibbiltà li jiddelega l-funzjonijiet tiegħu lil skema ta’ garanzija tad-depożiti rrikonoxxuta skont l-Artikolu 96 tat-Test Uniku Dwar il-Banek (ara l-Artikoli 78 sa 86 tal-imsemmi digriet), bħall-FIPD.

17      Permezz ta’ ittra konġunta tad‑19 ta’ Novembru 2015, il-membri tal-Kummissjoni, J. Hill u M. Vestager, responsabbli, f’dak iż-żmien, l-ewwel wieħed, għall-istabbiltà finanzjarja, għas-servizzi finanzjarji u għall-unjoni tas-swieq kapitali u, it-tieni waħda, għall-kompetizzjoni, informaw lill-awtoritajiet Taljani bl-interpretazzjoni tagħhom tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifika fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37), moqrija flimkien mad-Direttiva 2014/59, u, b’mod iktar partikolari, kienu ġibdu l-attenzjoni tagħhom dwar il-fatt li l-użu ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti għar-rikapitalizzazzjoni ta’ bank, skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49 kien suġġett għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, skont din l-ittra, meta jiġi konkluż li l-użu ta’ tali skema jimplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, ir-riżoluzzjoni ta’ bank ikollha tiġi kkunsidrata fid-dawl tad-Direttiva 2014/59, li tikklassifika kull “għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” bħala “għajnuna Statali, li tiġi pprovduta sabiex tiġi ppreservata jew tinġieb lura l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ istituzzjoni”. Minħabba f’dan il-fatt, il-kundizzjonalità taħt din l-aħħar direttiva hija applikabbli. Jekk, għall-kuntrarju, l-użu tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti ma kienx ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, iżda bħala intervent purament privat, dan ma jwassalx għal riżoluzzjoni skont din id-direttiva.

18      Fil‑21 ta’ Novembru 2015, bi ftehim mal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi li ntlaħaq fit‑22 ta’ Novembru 2015, il-Bank tal-Italja beda proċedura ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 32 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/15, fil-konfront ta’ Banca delle Marche. Il-proġett ta’ riżoluzzjoni ġie kkomunikat lill-Kummissjoni fl‑20 ta’ Novembru 2015.

19      Fil-“proġett ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche”, tiegħu, il-Bank tal-Italja rrileva, b’mod partikolari, il-fatt li rikapitalizzazzjoni ta’ Banca delle Marche mill-FIPD ma setgħetx isseħħ, fl-assenza ta’ “evalwazzjoni pożittiva minn qabel min-naħa tal-Kummissjoni […] dwar il-kompatibbiltà ta’ [din l-operazzjoni] mar-regoli [tal-Unjoni] fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat”. Fil-kuntest tal-“evalwazzjoni provviżorja” tiegħu dwar il-kundizzjonijiet ta’ bidu ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 25 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/15 u tal-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59, il-Bank tal-Italja kkonstata l-falliment ta’ Banca delle Marche, kif kien jindika t-telf totali ta’ EUR 1 445 biljun u defiċit patrimonjali ta’ EUR 1 432 biljun fit‑30 ta’ Settembru 2015. Skont il-Bank tal-Italja, matul il-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, ma kienx possibbli li jiġu ddeterminati l-interventi tas-settur privat li setgħu jsolvu s-sitwazzjoni ta’ kriżi li kienet għaddejja minnha Banca delle Marche. Bl-istess mod, l-intervent tal-FIPD fil-rigward tagħha kien imprattikabbli u mhux adattat għar-rekwiżit ta’ riżoluzzjoni ta’ malajr tal-kriżi. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura pubblika li hija kienet tattribwixxi lill-interventi tal-iskemi ta’ garanzija, l-implimentazzjoni tal-intervent previst kienet teħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tiegħu mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Din l-operazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, iżda ma setgħetx titwettaq fl-assenza ta’ evalwazzjoni pożittiva minn qabel ta’ din tal-aħħar. Din l-evalwazzjoni provviżorja ġiet ikkonfermata mill-evalwazzjoni finali, li saret f’April 2016, minn espert indipendenti maħtur mill-Bank tal-Italja.

20      Ir-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, kif ordnata mill-Bank tal-Italja, kienet tikkonsisti fit-trasferiment tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ dan il-bank għal bank tranżitorju li jkun għadu kif inħoloq, jiġifieri Nuova Banca delle Marche SpA (iktar ’il quddiem il-“bank-tranżitorju”), li l-kapital tagħha jkun kien ġie sottoskritt mill-fond ta’ riżoluzzjoni li jkun għadu kif inħoloq permezz ta’ kontribuzzjonijiet tas-settur bankarju, sabiex jinżammu l-attivitajiet essenzjali tagħha sal-bejgħ tagħha fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa u nondiskriminatorja. B’mod parallel, kienu previsti, l-ewwel, trasferiment ulterjuri tal-assi żvalutati, imsejħa krediti improduttivi, mill-bank-tranżitorju lil kumpannija ġdida vettura għall-ġestjoni tal-assi jew lil istituzzjoni ta’ stralċ (bad bank), jiġifieri REV – Gestione Crediti SpA, ikkontrollata mill-fond ta’ riżoluzzjoni, għal prezz tax-xiri li jikkorrispondi għal madwar 18 % tal-valur inizjali, it-tieni, żvalutazzjoni sħiħa tar-riżervi u tal-kapital ikkostitwit minn azzjonijiet bil-konsegwenza tal-annullament tad-drittijiet amministrattivi u patrimonjali (write down) u, it-tielet, l-abbandun tal-bonds subordinati għall-obbligazzjonijiet tal-“ex” Banca delle Marche, li tkun saret “qoxra vojta”, mingħajr possibbiltà għad-detenturi li jirkupraw id-dejn tagħhom. L-għajnuna prevista għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche kienet taqa’, minn naħa, taħt l-“ewwel miżura”, li tikkonsisti f’injezzjoni ta’ kapital intiża sabiex tkopri l-fondi proprji negattivi tal-bank tranżitorju sa EUR 1 005 biljuni u f’rikapitalizzazzjoni ta’ dan il-bank fl-ammont ta’ EUR 1 041 biljun, u, min-naħa l-oħra, taħt it-“tieni miżura”, li tikkonsisti fi trasferiment tal-assi żvalutati li jammontaw għal EUR 916-il miljun lill-istruttura ta’ stralċ.

21      Fit‑22 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni, fi tmiem fażi ta’ eżami preliminari, adottat id-Deċiżjoni C(2015) 8371 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39543 (2015/N) implimentata mill-Italja – Għajnuna għar-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, fejn ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra l-miżuri ta’ għajnuna previsti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, minħabba li dawn kienu kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b)TFUE. F’din id-data, il-bilanċ tal-fondi proprji ta’ Banca delle Marche kien negattiv fl-ammont ta’ EUR 1 412-il biljun.

22      Fis‑26 ta’ Novembru 2015, il-laqgħa straordinarja tal-banek assoċjati fil-konsorzju tal-FIPD approvat l-emendi li saru għall-Istatut li jawtorizzaw l-intervent ex ante “volontarju” tal-FIPD. Sussegwentement, dawn l-emendi ġew approvati mill-Bank tal-Italja.

23      Bejn it‑22 ta’ Novembru u l‑31 ta’ Diċembru 2015, il-bank tranżitorju rreġistra madwar EUR 12-il miljun ta’ telf nett. Barra minn hekk, fl-2016, huwa ġġenera telf li jammonta għal madwar EUR 775 miljun, li minnhom EUR 668.7 miljuni kienu jirriżultaw minn deterjorament ġdid tas-self improduttiv.

24      Fid‑9 ta’ Diċembru 2015, il-kap tad-dipartiment ta’ sorveljanza tal-Bank tal-Italja nstema’ mill-Kumitat tal-Finanzi tal-Camera dei deputati (il-Kamra tad-Deputati, l-Italja). Mill-minuti ta’ din is-seduta jirriżulta, b’mod partikolari, dan li ġej:

“[I]l-ġestjoni [mill-kummissarji straordinarji ta’ Banca delle Marche] kompliet għal żmien twil […] Huwa f’dan il-mument li l-F[IPD] offra li […] [jassorbi] r-riskji relatati mas-self improduttiv. L-intervent tal-[FIPD] ippermetta, flimkien mar-riżorsi miġjuba minn banek oħrajn, li titwitta t-triq għal ħruġ mill-kriżi mingħajr ma jiġu ssagrifikati bl-ebda mod il-kredituri […] Dan ma kienx possibbli fid-dawl tal-opinjoni kkonċepita minn qabel – li aħna ma naqblux magħha – espressa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni [….], li qiesu li l-interventi tal-[FIPD] kellhom jiġu assimilati għal għajnuna mill-Istat […]

Kif diġà indikajt, dan it-tip ta’ intervent ġie kkunsidrat bir-reqqa u ġie ddefinit fid-dettall mill-[FIPD] […] Iżda dan ma setax jiġi implimentat sa fejn l-intervent tal-FIPD ġie kklassifikat mid-dipartimenti tal-Kummissjoni [….] bħala għajnuna mill-Istat billi l-użu tiegħu ġie assimilat għal użu ta’ fondi pubbliċi. Kif osservajt diġà, aħna ma naqblux ma’ din il-perspettiva. Fl-Italja, l-iskemi ta’ garanzija huma entitajiet privati; l-interventi alternattivi tagħhom għar-rimbors tad-depożitanti huma deċiżi b’mod awtonomu u ffinanzjati minn riżorsi wkoll privati […]”

25      Fit‑23 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2016/1208 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Italja favur Banca Tercas (ĠU 2016, L 203, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar Banca Tercas”), fejn ikklassifikat l-interventi tal-FIPD inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern u ordnat l-irkupru tagħha.

26      F’nota ppubblikata fuq is-sit internet tiegħu, fil‑25 ta’ Marzu 2016, intitolata “Il-kriżi ta’ Banca delle Marche”, il-Bank tal-Italja fakkar, essenzjalment, b’mod partikolari, li, f’Ottubru 2014, il-Kummissjoni kienet ikkomunikat lill-awtoritajiet Taljani talba għal informazzjoni dwar l-interventi ppjanati tal-FIPD favur Banca Tercas u Banca delle Marche, fid-dawl tal-fatt li dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Sussegwentement, dawn l-awtoritajiet bdew, bl-appoġġ tekniku tal-Bank tal-Italja, konsultazzjoni twila mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, li kienu jinvolvu diversi skambji ta’ ittri elettroniċi u diversi vjaġġi ta’ uffiċjali Taljani fi Brussell (il-Belġju), li fil-kuntest tagħha huma pprovaw jikkonvinċu lill-Kummissjoni bil-fatt li l-ipoteżi ta’ għajnuna mill-Istat kienet infondata. Skont il-Bank tal-Italja, kien madankollu indispensabbli li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-intervent tal-FIPD, li l-implimentazzjoni tiegħu kienet altrimenti twassal għall-ftuħ formali ta’ tilwima mal-Kummissjoni li jkollha titressaq quddiem il-qrati tal-Unjoni, bl-effetti negattivi immedjati kollha li dan kien jipproduċi. Issa, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ikkonfermaw il-pożizzjoni tagħhom ta’ rifjut fir-rigward ta’ dan l-intervent, anki fil-forma, kif previst fl-aħħar lok, li tippermetti li jitqassmu l-piżijiet (burden sharing), li, fi kwalunkwe każ, kienet tkun soluzzjoni ferm inqas dannuża minn dik li pprevaliet fl-aħħar. Din l-attitudni ġiet uffiċjalment ikkonfermata fl-ogħla livell fl-ittra tal-Membri tal-Kummissjoni, J. Hill u M. Vestager, tad‑19 ta’ Novembru 2015.

27      Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Diċembru 2016 (Kawża Nru 12884/2016), wara rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-Bank tal-Italja u l-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi intiż għall-annullament tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni meħuda fir-rigward ta’ Banca delle Marche u għall-kumpens għad-danni kkawżati minn din ir-riżoluzzjoni, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti.

28      Fl‑2017, meta nbiegħ il-bank tranżitorju, għajnuna mill-Istat ġdida, li tikkonsisti b’mod partikolari fir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 556 miljun li ġejjin mill-fond ta’ riżoluzzjoni, kienet neċessarja u l-prezz tal-bejgħ ġie ffissat għal euro simboliku (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 3000 finali, tat‑30 ta’ April 2017, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39543 (2017/N-2), SA.41134 (2017/N-2), SA.43547 (2017/N-2) (ĠU 2018, C 140, p. 1)).

29      Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019 (Kawża Nru 00550/2019), il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) ċaħad l-appell tar-rikorrenti mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio).

30      Permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni dwar Banca Tercas.

31      Fid‑29 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), li ġie rreġistrat bin-numru tal-kawża C‑425/19 P.

32      Wara talba għal reviżjoni mressqa mir-rikorrenti, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2019 (Kawża Nru 03465/2019), issospenda l-proċedura ta’ reviżjoni tas-sentenza tiegħu msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑425/19 P.

33      Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja et (C‑425/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:980), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba għal intervent tar-rikorrenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza minħabba li dawn ma kinux jiġġustifikaw interess fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-Kawża C‑425/19 P, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

34      Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni mis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

36      Fir-replika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tipproduċi l-fajl amministrattiv kollu marbut mal-kawża “Banca delle Marche (SA.39543 2014/CP)”, inklużi d-“dokumenti kunfidenzjali” kollha msemmija fir-risposta, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u tal-prinċipju ta’ kontradittorju, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura.

37      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ April 2020, wara talba għal miżura istruttorja tal-Kummissjoni intiża sabiex ir-rikorrenti jiġu ordnati jipproduċu l-minuti tal-laqgħa tal-FIPD tat‑8 ta’ Ottubru 2015 kif ukoll kull dokument ieħor li joriġina mill-FIPD u relatat mal-ittra tad‑9 ta’ Ottubru 2015, flimkien mal-Anness A.7 tar-rikors, ir-rikorrenti pproduċew provi ġodda relatati mal-imsemmija dokumenti. Fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ma opponietx li dawn il-provi jiġu inklużi fil-proċess u li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

38      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti allegatament kunfidenzjali li għalihom hija rreferiet fir-risposta. Il-Kummissjoni pproduċiet l-imsemmija dokumenti fit-terminu mogħti, filwaqt li ppreċiżat li hija ma kinitx tqishom iktar bħala kunfidenzjali.

39      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2021.

40      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tistabbilixxi u tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba li l-Kummissjoni pprekludiet, permezz ta’ istruzzjonijiet illegali kkomunikati lill-awtoritajiet Taljani, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ Banca delle Marche mill-FIPD;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-danni li hija kkawżatilhom, evalwati skont il-kriterji stabbiliti fil-punti 43 sa 51 tar-rikors jew sal-ammont li jitqies li huwa ekwu mill-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

41      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa suġġett għall-fatt li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fir-rigward b’mod partikolari tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali magħmula fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tagħha, b’tali mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Barra minn hekk, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tistax titqies li teżisti mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li huwa suġġett għalihom l-obbligu ta’ kumpens iddefinit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 165; ara, ukoll, id-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs BĊE, C-571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li n-nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet huwa biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi miċħud.

45      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tibda billi teżamina l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u d-dannu allegat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq.

 Fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta

46      Ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir illegali li bih hija kkritikata l-Kummissjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ksur tagħha tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif ikkonfermat mis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), kien il-kawża effettiva u esklużiva tad-dannu li huma ġarrbu. Fil-fatt, huwa stabbilit li, minn naħa, l-awtoritajiet Taljani fittxew is-soluzzjonijiet kollha possibbli sabiex jevitaw ir-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, iżda dawn saru impossibbli minħabba l-oppożizzjoni tal-Kummissjoni u li, min-naħa l-oħra, dawn is-soluzzjonijiet l-oħra llimitaw b’mod sinjifikattiv l-effetti dannużi fuq l-azzjonisti u fuq id-detenturi tal-obbligi kkonċernati. Huma jfakkru d-diversi passi ta’ kontroll imwettqa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni minn Ottubru 2014 fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li kienu għaddejjin, b’mod partikolari favur Banca Tercas u Banca delle Marche. Min-nota tal-Bank tal-Italja dwar il-kriżi ta’ Banca delle Marche jirriżulta li, sussegwentement, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, flimkien mal-appoġġ tekniku tal-Bank tal-Italja, beda konsultazzjoni twila mal-Kummissjoni, li rriżultat f’diversi skambji ta’ ittri elettroniċi u ta’ diversi movimenti ta’ uffiċjali Taljani fi Brussell, peress li l-awtoritajiet Taljani kienu konvinti li l-ipoteżi ta’ għajnuna mill-Istat kienet infondata u li kien possibbli li l-Kummissjoni tiġi konvinta minn dan. Minkejja dawn it-tentattivi sabiex tintwera l-legalità tal-perspettiva tal-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni bagħtet diversi ittri ta’ “ebusija dejjem tikber”, fosthom it-twissija iterattiva li l-implimentazzjoni ta’ tali appoġġ lil Banca delle Marche teżiġi l-komunikazzjoni lilha minn qabel u l-istennija tad-deċiżjoni tagħha. Skont ir-rikorrenti, kif jispeċifika l-Bank tal-Italja fin-nota tiegħu, “id-dipartimenti tal-[Kummissjoni] baqgħu b’mod persistenti jikkonfermaw il-pożizzjoni tagħhom ta’ rifjut fir-rigward tal-intervent tal-FIPD, anki fil-forma li tippermetti li jitqassmu l-piżijiet (burden sharing), kif previst fl-aħħar lok, li, fi kwalunkwe każ, kienet tkun soluzzjoni ferm inqas trawmatizzanti minn dik li pprevaliet fl-aħħar.” Din l-attitudni “ġiet uffiċjalment ikkonfermata fl-ogħla livell fl-ittra tal-Membri tal-Kummissjoni, J. Hill u M. Vestager, tad‑19 ta’ Novembru 2015”.

47      Ir-rikorrenti jqisu li din il-pożizzjoni illegali adottata mill-Kummissjoni rriżultat ta’ natura li tipparalizza kompletament l-azzjoni tal-awtoritajiet Taljani. Kif ġie speċifikat mill-Bank tal-Italja fin-nota tiegħu msemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq, kien indispensabbli li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni għall-intervent tal-FIPD, peress li mingħajr din l-awtorizzazzjoni l-implimentazzjoni tiegħu kienet twassal għall-ftuħ formali ta’ tilwima mal-Kummissjoni li jkollha titressaq quddiem il-qrati tal-Unjoni, bl-effetti negattivi immedjati kollha li dan kien jipproduċi. Għaldaqstant, permezz tal-azzjoni tagħha, il-Kummissjoni ostakolat is-salvataġġ ta’ Banca delle Marche minkejja l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Taljani.

48      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-effetti tas-salvataġġ ta’ Banca delle Marche mill-FIPD kienu jkunu differenti minn dawk li jirriżultaw mill-intervent tal-fond ta’ riżoluzzjoni. Tali salvataġġ kien ikun inqas dannuż għall-azzjonisti kkonċernati, li setgħu jżommu perċentwali ta’ azzjonijiet u jibqgħu azzjonisti filwaqt li setgħu jistennew żieda fil-valur tal-imsemmi bank meta dan jerġa’ jsir profittabbli. Għalhekk, fir-rapport finali tagħhom, il-kummissarji straordinarji ta’ Banca delle Marche ppreċiżaw li l-intervent “fil-forma li tippermetti li jitqassmu l-piżijiet (burden sharing), kif previst fl-aħħar lok, li, fi kwalunkwe każ, kienet tkun ‘soluzzjoni ferm inqas trawmatizzanti minn dik li [kienet] pprevaliet fl-aħħar’.” Fil-fatt, intervent tal-FIPD f’Ottubru u f’Novembru 2015 kien ikun ippermetta li Banca delle Marche tingħata riżorsi neċessarji sabiex tegħleb il-kriżi filwaqt li tkompli topera, kif ikkonfermat mill-imsemmi rapport finali u mill-Bank tal-Italja nnifsu, mingħajr ma jiġu ssagrifikati l-kredituri u billi jiġu ssagrifikati inqas l-azzjonisti.

49      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Fis-seduta, hija madankollu rrinunzjat li tikkontesta l-ammissibbiltà tan-nota tal-Bank tal-Italja msemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

50      Il-Qorti Ġenerali tfakkar, preliminarjament, li r-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li l-aġir u l-atti tal-Kummissjoni li pprekludew l-intervent tal-FIPD u, għaldaqstant, wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche huma r-riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ għajnuna, sa fejn hija qieset b’mod żbaljat li, minkejja n-natura privata tagħhom, l-interventi tal-FIPD kienu jikkostitwixxu miżuri imputabbli lill-Istat Taljan u li jinkludu riżorsi tal-Istat.

51      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ittri u t-teħid ta’ pożizzjoni provviżorja tal-Kummissjoni matul il-fażi ta’ eżami preliminari dwar is-sitwazzjoni ta’ Banca delle Marche, kif imfakkra fil-punti 7 et seq iktar ’il fuq, ma jinkludu ebda evalwazzjoni ġuridika fir-rigward tal-kriterji tal-kunċett ta’ għajnuna.

52      Għalhekk, l-ewwel, fit-talba għal informazzjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni sempliċement enfasizzat li ma setax jiġi eskluż li l-interventi previsti tal-FIPD favur Banca Tercas u Banca delle Marche jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

53      It-tieni, bl-istess mod, fl-ittra tagħha tat‑18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni sempliċement tindika lill-awtoritajiet Taljani li l-intervent ta’ appoġġ favur Banca delle Marche propost mill-FIPD seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li, fil-każ li l-Bank tal-Italja jkun ippreveda li jawtorizza tali intervent, kien ikun xieraq li dawn l-awtoritajiet jikkomunikaw il-miżura inkwistjoni qabel l-awtorizzazzjoni tagħha konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 108(3) TFUE (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

54      It-tielet, fl-ittra tagħha tal‑21 ta’ Awwissu 2015, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċedura SA.39543 dwar Banca delle Marche, il-Kummissjoni sempliċement fakkret dwar il-possibbiltà li l-intervent previst jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u stiednet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdulha informazzjoni aġġornata f’dan ir-rigward u ma jimplimentaw l-ebda miżura tal-FIPD qabel il-komunikazzjoni tagħha u l-kisba ta’ deċiżjoni min-naħa tagħha (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

55      Ir-raba’ nett, huwa biss permezz tal-ittra tad‑19 ta’ Novembru 2015, jiġifieri ġurnata biss qabel ma l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni bil-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, mibdija fil‑21 ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), li l-membri tal-Kummissjoni, J. Hill u M. Vestager, informaw lill-imsemmija awtoritajiet bl-interpretazzjoni tagħhom tar-rekwiżiti konġunti stabbiliti mid-Direttivi 2014/49 u 2014/59 u mir-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. B’mod iktar partikolari, huma ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-użu ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti għar-rikapitalizzazzjoni ta’ bank, skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49, kien suġġett għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, filwaqt li rrikonoxxew li, jekk l-użu tal-imsemmija skema ma kienx ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, iżda bħala intervent purament privat, huwa ma jagħtix lok għal riżoluzzjoni skont din id-direttiva (ara l-punti 17 u 18 iktar ’il fuq).

56      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li seħħew qabel ma nbdiet il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, kienu sempliċement ta’ natura proċedurali, billi fakkru lill-awtoritajiet Taljani bin-neċessità li jikkomunikaw minn qabel u li ma jimplimentawx miżuri ta’ għajnuna possibbli favur b’mod partikolari dan il-bank. Dawn id-dikjarazzjonijiet ma kienu jirrigwardaw l-ebda miżura konkreta, peress li l-ebda miżura ma kienet għada ġiet stabbilita jew ikkomunikata, u lanqas dwar il-mod preċiż ta’ kif il-Kummissjoni tinterpreta l-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE f’dan ir-rigward.

57      Ċertament, mid-dokumenti maħruġa mill-Bank tal-Italja, wara l-avvenimenti mfakkra fil-punti 52 sa 55 iktar ’il fuq, jirriżulta li dan tal-aħħar kien konvint li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu jqisu li l-interventi tal-FIPD favur bank fallut setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari, sa fejn kienu imputabbli lill-Istat Taljan u kienu joriġinaw minn riżorsi li fuqhom huwa kien jeżerċita l-kontroll tiegħu. Fil-fatt, fl-evalwazzjoni provviżorja tiegħu tal-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, il-Bank tal-Italja fakkar, essenzjalment, li huwa neċessarju li tiġi kkomunikata kwalunkwe eventwali miżura ta’ appoġġ tal-FIPD favur Banca delle Marche lill-Kummissjoni u li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ tali miżura mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara l-punt 19 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ix-xhieda ta’ wieħed mill-kollaboraturi tiegħu u n-nota tiegħu dwar il-kriżi ta’ Banca delle Marche huma intiżi li juru li, matul il-proċedura amministrattiva, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ddikjaraw li l-interventi ta’ appoġġ tal-FIPD kienu, jekk ikun il-każ, għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari minħabba li r-riżorsi tiegħu kienu ta’ natura statali jew pubblika. Għalhekk, il-minuti tal-imsemmija xhieda jesponu li, b’differenza mill-awtoritajiet Taljani u mill-Bank tal-Italja, il-Kummissjoni qieset li l-interventi tal-FIPD kellhom jiġu assimilati ma’ għajnuna mill-Istat billi kklassifikat ir-riżorsi tiegħu bħala fondi pubbliċi (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Kuntrarjament għal dak li tirrileva l-Kummissjoni, il-kontenut ta’ din ix-xhieda huwa kkonfermat min-nota tal-Bank tal-Italja dwar il-kriżi ta’ Banca delle Marche, li fiha huwa indikat b’mod ċar li l-awtoritajiet Taljani u l-Bank tal-Italja kienu pprovaw inutilment jikkonvinċu lid-dipartimenti tal-Kummissjoni li l-interventi previsti tal-FIPD favur Banca Tercas u l-Banca delle Marche ma setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

58      Madankollu, minn dawn il-provi ma jirriżultax li, fl-istadju rilevanti, jiġifieri immedjatament qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Bank tal-Italja u mill-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħhom u tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides sament Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punti 106 sa 108), li tinbeda r-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, il-Kummissjoni kienet, għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 57 iktar ’il fuq, heddet lill-awtoritajiet Taljani jew kienet eżerċitat pressjoni fuqhom li tibblokka jew tipprojbixxi interventi eventwali tal-FIPD favur Banca delle Marche fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE.

59      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-intervent tal-FIPD favur Banca Tercas, adottata fis‑27 ta’ Frar 2015, u għalhekk diversi xhur qabel ma nbdiet l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, li fiha l-Kummissjoni kienet qieset li dan l-intervent kien jissodisfa l-kriterji ta’ imputabbiltà u ta’ riżorsi tal-Istat (ara l-punti 45 sa 61 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ftuħ u l-punt 9 iktar ’il fuq). B’differenza għal dawn il-miżuri ta’ appoġġ favur Banca Tercas, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, la kien jeżisti proġett ta’ intervent fiss tal-FIPD favur Banca delle Marche, la kien hemm talba għal awtorizzazzjoni ta’ tali proġett indirizzata lill-Bank tal-Italja (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), u lanqas ma kien hemm komunikazzjoni formali ta’ dan il-proġett, jew kwalunkwe raġuni oħra sabiex il-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dan l-istadju, kien, fil-fatt, impossibbli għall-Kummissjoni li tkun taf bi preċiżjoni suffiċjenti jekk l-intervent eventwali previst mill-FIPD favur Banca delle Marche setax jissodisfa l-kriterji ta’ għajnuna mill-Istat.

60      Għall-kuntrarju, mill-evalwazzjoni provviżorja mwettqa mill-Bank tal-Italja li wasslet għall-ftuħ tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-elementi deċiżivi favur din id-deċiżjoni kienu l-falliment ta’ Banca delle Marche, kif indikat mit-telf totali ta’ EUR 1 445 biljun u defiċit patrimonjali ta’ EUR 1 432 biljun fit‑30 ta’ Settembru 2015, kif ukoll il-fatt li, matul il-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja, ma kienx possibbli li jiġu ddeterminati interventi min-naħa tas-settur privat li setgħu jsolvu s-sitwazzjoni ta’ kriżi tagħha. Għalhekk il-Bank tal-Italja enfasizza li l-intervent tal-FIPD kien imprattikabbli u mhux adattat għar-rekwiżit ta’ risoluzzjoni ta’ malajr tal-kriżi. F’dan il-kuntest, il-fatt, imfakkar mill-Bank tal-Italja, li l-implimentazzjoni ta’ tali intervent kienet teżiġi l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni skont ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kien, ċertament, aspett addizzjonali li kien jipprekludi tali soluzzjoni ta’ malajr, iżda, fid-dawl tan-natura mhux kompluta tal-proġett ta’ intervent tal-FIPD favur Banca delle Marche (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), ma kienx determinanti fih innifsu għad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni finalment meħud minn dawn l-awtoritajiet. Barra minn hekk, sa fejn il-Bank tal-Italja indika li dan l-intervent kien ġie ppreżentat lill-Kummissjoni, iżda ma setax jitwettaq fl-assenza ta’ evalwazzjoni pożittiva minn qabel min-naħa tagħha, huwa kien manifestament qed jirreferi għan-nota intitolata “Skema ta’ soluzzjoni għall-grupp Banca delle Marche” (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ma tistax tkun assimilata għal komunikazzjoni formali ta’ proġett ta’ intervent fiss u konkret li seta’ jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni jew awtorizzazzjoni min-naħa tagħha.

61      Fil-fatt, l-ewwel, din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, fit‑8 ta’ Ottubru 2015, il-FIPD kien stabbilixxa biss l-elementi prinċipali tat-tieni tentattiv ta’ intervent ta’ appoġġ favur Banca delle Marche, li kien jikkonsisti f’injezzjoni ta’ kapital fl-imsemmi bank sal-ammont ta’ EUR 1.2 biljuni, flimkien ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, li huwa informa lill-Bank tal-Italja bihom b’ittri tad‑9 u tal‑15 ta’ Ottubru 2015. Għalhekk, fl-ittra tiegħu tad‑9 ta’ Ottubru 2015, il-FIPD ippreċiża li, konformement mal-imsemmija elementi prinċipali, minn naħa, l-intervent tiegħu jseħħ biss wara t-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-Direttiva 2014/59 u wara l-approvazzjoni mill-Bank tal-Italja tal-emenda tal-Istatut tiegħu neċessarja għall-implimentazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet konkreti tiegħu jkunu suġġetti għall-kunsill tal-FIPD wara li l-artikulazzjoni tat-tranżazzjoni dwar il-kapital tkun ġiet iddefinita, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-intervent kien ser jitwettaq permezz tal-finanzjament minn konsorzju ta’ banek skont il-kundizzjonijiet tas-suq (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, kif issostni l-Kummissjoni, il-kontenut preċiż u l-modalitajiet għall-għoti ta’ tali intervent kienu għadhom ’il bogħod ħafna milli jkunu deċiżi mill-korpi interni tal-FIPD, għal liema raġuni, b’differenza għall-ewwel intervent propost mill-FIPD, iżda mhux imwettaq minnu (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), ma ntalbet l-ebda awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja fl-imsemmija ittra jew sussegwentement. Fil-fatt, b’differenza għall-ittra tal-FIPD li ntbagħtet lill-Bank tal-Italja, fit‑12 ta’ Settembru 2014, dwar il-proġett ta’ intervent bl-appoġġ ta’ FonSpa, l-ittri tiegħu tad‑9 u tal‑15 ta’ Ottubru 2015 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jinkludu tali talba għal awtorizzazzjoni. Bi tweġiba għal mistoqsija preċiża magħmula dwar dan mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti enfasizzaw li, f’dan l-istadju, il-kumpannija ta’ konsulenti inkarigata kienet diġà vvalidat l-intervent previst tal-FIPD u li, permezz tal-imsemmija ittri, dan kien indika lill-Bank tal-Italja li kien lest li jwettqu, iżda huma ma kinux f’pożizzjoni li jidentifikaw xi silta f’dawn l-ittri li setgħet tinftiehem li kienet talba għal awtorizzazzjoni.

62      It-tieni, saħansitra qabel it-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-Direttiva 2014/59 bl-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 180/15, fis‑16 ta’ Novembru 2015, li kien jirrendi possibbli, skont il-kliem stess tal-FIPD, tali intervent ta’ appoġġ, permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Novembru 2015, il-kummissarji straordinarji ta’ Banca delle Marche indikaw lill-Bank tal-Italja s-sitwazzjoni imminenti ta’ waqfien ta’ ħlas u indikaw li kienu qed jibżgħu li s-salvataġġ tiegħu ma setax iseħħ fi żmien xieraq minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Dan jindika fih innifsu l-impossibbiltà ta’ intervent ta’ malajr tal-FIPD, u dan indipendentement mill-bżonn eventwali li dan jiġi kkomunikat minn qabel lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE (ara l-punti 14 sa 16 iktar ’il fuq). Din l-impossibbiltà hija kkonfermata mill-fatt li l-laqgħa straordinarja tal-banek assoċjati fil-konsorzju tal-FIPD approvat l-emendi li saru għall-Istatut tal-FIPD, li rrendew tali intervent possibbli konformement mal-qafas leġiżlattiv il-ġdid, biss fis‑26 ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), jiġifieri ħamest ijiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche.

63      It-tielet, kuntrarjament għal dak li jqisu r-rikorrenti, la x-xhieda tal-kollaboratur tal-Bank tal-Italja, u lanqas in-nota ta’ dan tal-aħħar dwar il-kriżi ta’ Banca delle Marche (ara l-punti 24 u 26 iktar ’il fuq) ma huma ta’ natura li jikkontestaw l-evalwazzjoni preċedenti. Dawn id-dokumenti ġew stabbiliti żmien twil wara d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche u f’mument fejn, b’mod partikolari, il-Bank tal-Italja kien diġà espost għal rikorsi għad-danni ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-qrati Taljani. Barra minn hekk, in-nota dwar il-kriżi ta’ Banca delle Marche tistabbilixxi allegat rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta rikapitalizzazzjoni ta’ dan il-bank mill-FIPD, li kien “uffiċjalment ikkonfermata fl-ogħla livell fl-ittra tal-Membri tal-Kummissjoni, J. Hill u M. Vestager, tad‑19 ta’ Novembru 2015”, minkejja li tali kontenut ma jistax jiġi attribwit lill-imsemmija ittra (ara l-punt 55 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx plawżibbli li n-neċessità ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ tali miżura ta’ intervent tal-FIPD, li l-kontenut u l-modalitajiet tiegħu ma kinux speċifikati biżżejjed, b’mod partikolari fir-rigward tal-volum u tal-mod ta’ parteċipazzjoni tal-membri tiegħu, u lanqas deċiża mill-korpi interni tal-FIPD u mill-awtoritajiet kompetenti, waħedha pprekludiet is-salvataġġ ta’ Banca delle Marche, kif jidher minn parti mill-imsemmija xhieda. In-nota tal-Bank tal-Italja dwar il-kriżi ta’ Banca delle Marche ma tippermettix interpretazzjoni oħra. Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija nota tenfasizza l-ħtieġa ta’ komunikazzjoni ta’ tali miżura lill-Kummissjoni u l-kisba tal-approvazzjoni tagħha minn qabel, huwa b’mod inkoerenti li hija ma rrilevatx l-importanza tas-sitwazzjoni ta’ kriżi li kien għaddej minnha dan il-bank, kif kienet fil-bidu ta’ Novembru 2015 u kif kienet ġiet ikkonstatata fl-evalwazzjoni provviżorja mwettqa mill-Bank tal-Italja u li ppreċediet u ġġustifikat id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

64      Ir-raba’, din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għal dik tas-sentenzi tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) u tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) (ara l-punti 27 u 29 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti jallegaw, mingħajr bażi, li huma essenzjalment iddikjaraw li d-deċiżjoni tal-Bank tal-Italja li jordna r-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche ma kinitx “awtonoma”, iżda “imposta” mill-Kummissjoni. Fil-fatt, is-siltiet tal-imsemmija sentenzi invokati mir-rikorrenti sempliċement ifakkru, essenzjalment, ċerti fatti li huma esposti fil-punti 52 et seq iktar ’il fuq, mingħajr madankollu ma jagħmlu tali klassifikazzjoni ġuridika. Għalhekk, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio), ċertament, fakkret id-dikjarazzjonijiet tal-Bank tal-Italja li “espressament indika fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li l-intervent tal-[FIPD] ma [setax] iseħħ, peress li l-Kummissjoni […] kienet kuntrarja għalih, sa fejn dan ma kienx kompatibbli mar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u li l-intervent tal-[FIPD] kellu jiġi ppreżentat [lilha] minn qabel […] b’mod formali għall-eżami tiegħu sabiex hija tivverifika l-kompatibbiltà tiegħu mal-imsemmija regoli”. Issa, kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, it-tfakkir ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ma jindikax li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (it-Tribunal Amministrattiv Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) kienet tal-opinjoni li l-Bank tal-Italja ma kellux iktar marġni ta’ manuvra minħabba s-sempliċi fatt tal-attitudni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha stess u tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, din il-qorti enfasizzat pjuttost id-diversi elementi u d-data ekonomika li ġġustifikaw li jitqies li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, Banca delle Marche kienet falluta u li, għaldaqstant, ir-riżoluzzjoni tagħha kienet kemm raġonevoli kif ukoll konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, min-naħa tiegħu, fis-sentenza tiegħu, wara li, ċertament, enfasizza li, skont l-approċċ tagħha fil-kawża relatata ma’ Banca Tercas, il-Kummissjoni kienet tikklassifika l-interventi tal-FIPD bħala għajnuna mill-Istat (punti 8.3 u 8.4), il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ma wettaqx evalwazzjoni fil-fond ta’ dawn il-punti ta’ fatt u ta’ liġi, iżda sempliċement ċaħad il-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-ommissjoni li tinbeda proċedura ta’ salvataġġ ta’ Banca delle Marche u ta’ allegat dannu, kif ukoll tar-realtà tal-imsemmi dannu (punti 8.5 u 9).

65      Il-ħames, il-proċedura parallela fil-kawża relatata mal-Banca Tercas turi li, kieku l-awtoritajiet Taljani, il-Bank tal-Italja u l-FIPD kienu effettivament konvinti kemm mill-ħtieġa kif ukoll mill-possibbiltà li jsalvaw Banca delle Marche, huma setgħu jsegwu l-istess approċċ kontradittorju bħal f’din il-kawża l-oħra, li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-Banca Tercas, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), u għall-proċedura ta’ appell fil-Kawża C‑425/19 P. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-ewwel intervent tal-FIPD favur Banca Tercas kien twettaq ħafna żmien qabel it-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-Direttiva 2014/59, b’tali mod li dan l-aspett bħala tali ma jistax jispjega b’mod deċiżiv l-eżitazzjoni tas-settur bankarju privat Taljan li jagħti appoġġ lil Banca delle Marche. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li fil-frattemp kienet esprimiet il-kunsens tagħha fir-rigward ta’ tieni intervent tal-FIPD favur Banca Tercas fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u dan juri li hija ma kinitx neċessarjament indotta li tipprojbixxi kull intervent ta’ dan it-tip u li għandu jsir eżami każ b’każ, mingħajr ma jkun possibbli li r-riżultat ta’ eżami partikolari jiġi traspost għal każ ieħor.

66      Is-sitt, għandu jitfakkar li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-digriet tiegħu tat‑13 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs l-Italja et (C‑425/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:980, punti 17 sa 21), ċaħad it-talba għal intervent tal-appellanti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza minħabba li dawn ma kinux jiġġustifikaw interess fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-Kawża C‑425/19 P, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, hija qieset, b’mod partikolari, li l-appellanti ma kinux urew l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn, minn naħa, il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar Banca Tercas, jiġifieri l-ftuħ tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, ir-riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-aġir allegatament illegali li bih hija kkritikata l-Kummissjoni pprekluda s-salvataġġ ta’ Banca delle Marche minkejja l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Taljani u kien il-kawża effettiva u esklużiva tad-dannu mġarrab minnhom ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, l-evalwazzjoni globali tal-provi rilevanti twassal għall-konklużjoni li, għalkemm dan l-aġir kellu ċertu rwol fil-proċess ta’ evalwazzjoni li wassal lill-awtoritajiet Taljani sabiex jiddeċiedu dwar ir-riżoluzzjoni ta’ dan il-bank, fis-sens li huma qiesu li l-ħtieġa ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni dwar eventwali miżura ta’ appoġġ tal-FIPD favur l-imsemmi bank kienet tikkostitwixxi ostakolu għas-soluzzjoni ta’ malajr tal-kriżi finanzjarja li kienet għaddejja minnha Banca delle Marche, id-deċiżjoni tagħhom tal‑21 ta’ Novembru 2015 li tinbeda’ l-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, adottata fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħhom u tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq), baqgħet awtonoma, mhux influwenzata b’mod deċiżiv mill-attitudni tal-Kummissjoni, u kienet essenzjalment ibbażata fuq il-konstatazzjoni tagħhom tal-falliment ta’ din il-bank, li kien jikkostitwixxi l-kawża determinanti ta’ din ir-riżoluzzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019 L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 32).

68      Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti ma humiex f’pożizzjoni li juru b’mod suffiċjenti fid-dritt il-plawżibbiltà tal-ipoteżi kontrafattwali li, fl-assenza tal-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni, il-FIPD, bil-kunsens tal-awtoritajiet Taljani u, b’mod partikolari, tal-Bank tal-Italja, kien effettivament f’pożizzjoni li jwettaq is-salvataġġ ta’ Banca delle Marche f’Novembru 2015.

69      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u d-dannu allegat, li huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma humiex issodisfatti (ara l-ġurisprudenza tal-punt 44 iktar ’il fuq).

70      Fir-rigward tat-talba għal miżura istruttorja tar-rikorrenti dwar il-fajl amministrattiv kollu marbut mal-kawża “Banca delle Marche (SA.39543 2014/CP)”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-elementi inklużi fil-proċess sabiex tiddeċiedi l-kawża u li ma hemmx lok li r-rikorrenti jitqiegħdu f’pożizzjoni li jfittxu, fl-imsemmi proċess, dokumenti li ma jistgħux ikollhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ rabta kawżali.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro, Montani Antaldi Srl, Fondazione Cassa di Risparmio di Fano, Fondazione Cassa di Risparmio di Jesi u Fondazione Cassa di Risparmio della Provincia di Macerata huma kkundannata għall-ispejjeż.

Csehi

De Baere

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Ġunju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.