Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Diċembru 2008 - Angelidis vs Il-Parlament

(Kawża F-104/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Angel Angelidis (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: E. Boigelot, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Minn naħa, l-annulament tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti Nru 12564 adottat mill-President tal-Parlament Ewropew, tas-26 ta' Frar 2008, dwar il-pożizzjoni ta' Direttur tad-Direttorat Ġenerali għall-Politka Interna tal-Unjoni - Direttorat D Affarijiet Baġitarji, kif ukoll tal-proċedura ta' reklutaġġ mibdija b'dan l-avviż. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li tiġi miċħuda l-kadidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta' Direttur tal-Affarijiet Baġitarji tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna u li jiġi maħtur għal din l-istess kariga kandidat ieħor. Fl-aħħar nett, it-talba għall-kumpens għad-dannu morali u materjali mġarrab mir-rikorrent u għall-ħatra tiegħu għall-grad ta' Direttur "ad personam"

Talbiet tar-rikorrenti

-    jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-23 ta' Settembru 2008 u għalhekk l-avviż ta' pożizzjoni vakanti Nru 12564 adottat mill-President tal-Parlament Ewropew, tas-26 ta' Frar 2008, dwar il-pożizzjoni ta' Direttur tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna tal-Unjoni - Direttorat D Affarijiet Baġitarji;

-    għalhekk, jannulla l-proċedura ta' reklutaġġ mibdija minn dan l-avviż permezz ta' trasferiment jew ta' promozzjoni;

-    jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-21 ta' Novembru 2008 dwar il-ħatra tad-Direttur tal-Affarijiet Baġitarji tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna, kif ukoll id-deċiżjoni li tiġi miċħuda l-kandidatura tar-rikorrent għal din l-istess pożizzjoni;

-    jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta' kumpens għad-dannu morali u materjali, u kif ukoll għall-ħsara għall-karriera tar-rikorrent li huwa jevalwa, b'riżerva għal tkabbir jew tnaqqis fl-ammont matul il-proċedura, kollox inkluż, bħala EUR 25 000, u dan, meta jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-eżekuzzjoni b'mod żbaljat tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Settembru 2007, il-konstatazzjoni ta' abbuż gravi ta' poter u l-kundizzjonijiet li fihom saret din il-ħatra l-ġdida kkontestata;

-    fi kwalunkwe każ jew għall-inqas, jagħti lir-rikorrent il-grad ta' Direttur "ad personam" minħabba d-dannu gravi li ġarrab għall-karriera tiegħu sa fejn il-Parlament inġustament ċaħħdu milli jinħatar għal grad ogħla ;

-    jikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

____________