SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tieni Awla)
24 ta’ Settembru 2015
Kawża F‑92/14
Roderich Weissenfels
vs
Il-Parlament Ewropew
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rikors għad-danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni – Kontenut ta’ posta elettronika mibgħuta mill-amministrazzjoni lil uffiċjal pensjonant – Preġudizzju għall-unur tar-rikorrent – Assenza – Trażmissjoni mill-membri tal-persunal li jirrappreżentaw l-istituzzjoni, ta’ informazzjoni dwar ir-rikorrent lill-avukat tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali – Ksur tar-Regolament Nru 45/2001 – Dikjarazzjonijiet fattwali foloz ”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA taħt l-Artikolu 106a, li permezz tiegħu R. Weissenfels jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Marzu 2014 li tiċħad it-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu morali li huwa jallega li ssubixxa minħabba, minn naħa, id-dikjarazzjonijiet li jidhru fil-posta elettronika mibgħuta lilu mill-amministrazzjoni tal-Parlament u, min-naħa it-trażmissjoni ta’ ċerti dokumenti li fihom informazzjoni personali li jirrigwardawh lill-avukat tiegħu.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. R. Weissenfels għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.
Sommarju
1. Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Limiti – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Esklużjoni
(Artikolu 270 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel Artikolu tal-Anness I)
2. Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Illegalità – Kunċett – Trażmissjoni mill-aġenti li jirrappreżentaw istituzzjoni ta’ informazzjoni personali ta’ uffiċjal lill-avukat tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja – Esklużjoni
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340, TFUE)
1. Skont l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jillimita ruħu li jiddeċiedi fuq kawżi bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, skont l-Artikolu 270 TFUE, inklużi l-kwistjonijiet ta’ kumpens, fil-limiti taċ-ċirkustanzi ddeterminati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
F’dan ir-rigward, inkunsiderazzjoni tal-fatt li, sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-kawżi fil-qasam tas-servizz pubbliku li fuqhom għandha ġurisdizzjoni, il-qorti tal-Unjoni tapplika biss id-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni u mhux kwalunkwe dritt nazzjonali, ir-riferimenti magħmula minn parti għal xi dritt nazzjonali huma irrilevanti.
(ara l-punti 17 u 18)
2. It-trażmissjoni mill-membri tal-persunal li jirrappreżentaw istituzzjoni, ta’ dokumenti bħalma huma dikjarazzjonijiet tal-pensjoni ta’ uffiċjal, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja lil avukat preżunt li għandu l-fiduċja tal-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat u li, fi kwalunkwe każ, għandu, minħabba obbligi deontoloġiċi li huma oneru ta’ kull avukat, josserva n-natura eventwalment kunfidenzjali tal-informazzjoni riċevuta fil-kuntest tal-mandat tiegħu, ma tippreżenta l-ebda illegalità.
(ara l-punt 33)
Referenza:
Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti tas-6 ta’ Frar 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑67/12, EU:F:2013:12, punti 23 u 24, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑133/12, EU:F:2013:212, punti 38 sa 40