Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Awwissu 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein oikeus – il-Finlandja) – A vs B

(Kawża C-262/21 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Punt 11 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tneħħija jew żamma inġusta ta’ wild’ – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 – Talba għar-ritorn ta’ wild ta’ età żgħira li tiegħu l-ġenituri għandhom il-kustodja konġunta – Ċittadini ta’ pajjiż terz – Trasferiment tal-wild u ta’ ommu lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III))

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: B

Dispożittiv

Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tistax tikkostitwixxi tneħħija inġusta jew żamma inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni li fiha wieħed mill-ġenituri, mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, ikollu jieħu lill-wild tiegħu mill-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda mill-ewwel Stat Membru fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, u mbagħad ikollu jibqa’ f’dan it-tieni Stat Membru, wara li din id-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet annullata mingħajr ma l-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru jkunu, madankollu, iddeċidew li jieħdu mill-ġdid taħt ir-responsabbiltà tagħhom lill-persuni ttrasferiti jew li jawtorizzawhom jirrisjedu hemmhekk.

____________

1     ĠU C 252, 28.6.2021.