Language of document : ECLI:EU:T:2005:218

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

15 ta' Ġunju 2005 (*)

"Għajnuniet mill-Istat – Trasport marittimu – Għajnuniet eżistenti – Għajnuniet ġodda – Servizz ta' interess ekonomiku ġenerali"

Fil-kawża T-17/02,

Fred Olsen, SA, stabbilita f'Santa Cruz de Tenerife (Spanja), irrappreżentata minn R. Marín Correa u F. Marín Riaño, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Buendía Sierra, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta mir-

Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, abogado del Estado, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2001 dwar l-inkartament ta' għajnuniet mill-Istat NN 48/2001 – Spanja – Għajnuniet mogħtija lill-kumpannija marittima Trasmediterránea (ĠU C 96, 2002, p. 4),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju

A –  Regolament (KEE) Nru 3577/92

1        L-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta' Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, p. 7), jiddefinixxi l-obbligi ta' servizz pubbliku bħala l-obbligi li l-proprjetarju ta' vapur tal-Komunità in kwistjoni, jekk jikkunsidra l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess grad jew taħt l-istess kundizzjonijiet.

2        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 jipprovdi li, meta Stat Membru jikkonkludi kuntratti ta' servizz pubbliku jew jimponi obbligi ta' servizz pubbliku, huwa għandu jagħmel dan fuq bażi mhux diskriminatorja fir-rigward tal-proprjetarji kollha ta' vapuri tal-Komunità. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jillimitaw ruħhom għal ħtiġijiet dwar il-portijiet li għandhom jiġu servuti, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il-kapaċità li jipprovdu s-servizz, ir-rati li għandhom jiġu mitluba u l-ekwipaġġ tal-vapur. Meta jkun applikabbli, kull kumpens għal obbligi ta' servizz pubbliku għandu jkun disponibbli għall-proprjetarji kollha ta' vapuri tal-Komunità.

3        L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3577/92 jipprovdi, inter alia, li l-kabotaġġ fir-rigward ta' l-arċipelagu tal-Kanarji għandu jkun temporanjament eżentat mill-implementazzjoni tar-Regolament Nru 3577/92 sa l-1 ta' Jannar 1999.

B –  Regolament (KE) Nru 659/1999

4        Skond l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), "[f]ejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f'dik li [hija] l-kompatibilità mas-suq komuni ta' miżura notifikata, safejn taqa' fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu [87](1) [KE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni".

5        Skond l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 659/1999:

"Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sommarju tad-deċiżjonijiet li tieħu skond l-Artikolu 4(2) u (3) [...] L-avviż sommarju għandu jgħid li kopja tad-deċiżjoni tista' tinkiseb fil-verżjoni jew verżjonijiet tal-lingwa awtentika."

C –  Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu

6        Il-punt 9 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu (ĠU C 205, 1997, p. 5) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li fihom ir-rimbors tat-telf mill-operat li jirriżulta direttament mit-twettiq ta' ċerti obbligi ta' servizz pubbliku ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, dan il-punt jipprovdi li "jistgħu jiġu ġġustifikati eċċezzjonijiet [għal dawn il-kundizzjonijiet u proċeduri], per eżempju fil-każ tal-kabotaġġ mal-gżejjer li jinvolvi servizzi regolari b'laneċ" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minkejja dan, dan il-punt jindika li f'każijiet bħal dawn il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati u li l-Kummissjoni għandha tevalwahom fil-kuntest tar-regoli ġenerali dwar l-għajnuniet mill-Istat.

D –  Komunikazzjoni dwar is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fl-Ewropa

7        Skond il-punt 14 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa (ĠU C 17, 2001, p. 4):

"Servizzi ta' interess ġenerali ekonomiku huma differenti mis-servizzi ordinarji billi l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw illi jeħtieġu li jiġu pprovvduti saħansitra meta s-suq jista' ma jkollux l-inċentivi biżżejjed għalbiex jagħmel dan […] [J]ekk l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw illi ċerti servizzi huma fl-interess ġenerali u l-forzi tas-suq ma jirriżultawx fi provvediment sodisfaċenti [jistgħu ma jkunux tali li jassiguraw provvista sodisfaċenti ta' dawn is-servizzi], jistgħu jistabbilixxu numru ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tas-servizz [l-provvista ta' numru ta' servizzi speċifiċi] għalbiex jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet fil-għamla ta' obbligi [ta' servizzi] ta' interess ġenerali."

8        Skond il-punt 22 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa:

"Il-libertà ta' l-Istati Membri li jiddefinixxu [servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali] tfisser illi l-Istati Membri huma primarjament responsabbli li jiddefinixxu dak li jikkunsidraw [bħala tali servizzi] […] fuq il-bażi tal-karatteristiċi speċifiċi ta' l-attivitajiet. Din id-definizzjoni tista' tkun biss bla ħsara għall-kontroll ta' żball manifest. Jistgħu jikkonċedu drittijiet speċjali jew esklużivi li jkunu meħtieġa għall-impriżi fdati bil-ħidma tagħhom [bil-provvista ta' dawn is-servizzi], jirregolaw l-attivitajiet tagħhom u, meta approprjat [jekk ikun il-każ], jiffinanzjawhom [jissussidjawhom] […] Jekk servizz għandux jiġi kunsidrat bħala servizz ta' interess ġenerali u kif għandu jitħaddem huma kwistjonijiet li l-ewwel u qabel kollox jiġu deċiżi lokalment. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li jiżgura li l-mezzi mħaddna [mħaddma] huma kompatibbli mal-liġijiet Komunitarji. Madankollu, f'kull wieħed mill-każijiet, sabiex tapplika l-eċċezzjoni pprovduta bl-Artikolu 86(2) [KE], il-missjoni tas-servizz pubbliku teħtieġ li tiġi ddefinita biċ-ċar u trid tiġi fdata b'mod espliċitu permezz ta' att ta' [l-]awtorità pubblika (inklużi l-kuntratti) […]. Dan l-obbligu huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza [ċertezza] legali kif ukoll it-trasparenza rigward iċ-ċittadini [fil-konfront taċ-ċittadini] u huwa indispensabbli għall-Kummissjoni li twettaq l-istima tagħha tal-proporzjonalità [sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivverifika jekk kienx osservat il-kriterju ta' proporzjonalità]."

II –  Dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol

A –  Digriet Irjali Nru 1876/78

9        L-Artikolu 1 tar-Real Decreto Nru 1876/78, tat-8 ta' Lulju 1978, li jistabbilixxi r-regoli għall-provvista ta' servizzi ta' konnessjonijiet marittimi ta' interess nazzjonali (BOE Nru 1876/78, ta' l-10 ta' Awwissu 1978, p. 18761, aktar 'il quddiem id-"Digriet Irjali Nru 1876/78"), jawtorizza lill-Ministru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet Spanjol sabiex jikkonkludi mal-kumpannija Trasmediterránea, SA (aktar 'il quddiem "Trasmediterránea"), kuntratt li jirregola s-servizzi ta' konnessjonijiet marittimi ta' interess nazzjonali.

10      Skond l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali Nru 1876/78, il-kuntratt għandu, f'kull każ, jikkonforma mal-prinċipji bażiċi ta' l-ispeċifikazzjonijiet annessi ma' l-imsemmi digriet (aktar 'il quddiem l-"ispeċifikazzjonijiet").

11      Skond il-prinċipju bażiku Nru 5 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, kwalunkwe bidla fis-servizzi koperti mill-kuntratt għandha tiġi awtorizzata mill-amministrazzjoni kontraenti.

12      Il-prinċipju bażiku Nru 25 ta' l-ispeċifikazzjonijiet jipprovdi għal mekkaniżmu tal-kontabbiltà msejjaħ "kont ta' l-Istat" li permezz tiegħu jistgħu jiġi ddeterminati l-kontribuzzjonijiet ta' fondi pubbliċi meħtieġa sabiex jiġi assigurat il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tal-kuntratt. Dawn il-kontribuzzjonijiet jitniżżlu fil-kont ta' l-Istat li huwa kompost minn sezzjoni "operazzjonijiet" u minn sezzjoni "investimenti". Kull waħda minn dawn iż-żewġ sezzjonijiet għandha sotto-sezzjoni "dħul" u sotto-sezzjoni "ħruġ", li huma nfushom huma komposti minn diversi entrati.

13      Fil-fatt, skond il-prinċipju bażiku Nru 25, A, (a), ta' l-ispeċifikazzjonijiet, id-dħul tas-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat jinkludi, fost l-oħrajn, is-segwenti:

"1.      Dħul mit-traffiku – Il-kumpannija hija ffinanzjata, primarjament, mit-tariffi mħallsa mill-utenti tas-servizzi. [L-amministrazzjoni kontraenti] għandha, billi tapplika kriterji tas-suq, tiffissa t-tariffi li għandhom jiġu applikati […] għas-[servizzi pprovduti] fuq ir-rotot imniżżla fit-tabella tas-servizzi.

         […]

3.       Kontribuzzjonijiet ta' l-Istat (operazzjonijiet) – Għandhom jitqiesu bħala dħul għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-kont ta' l-Istat dawk l-ammonti mħallsa minnu bħala sussidju allokat għal kull sena finanzjarja sabiex tiġi bbilanċjata l-entrata A) ta' dan il-kont u li għandhom jidhru fil-baġit ġenerali ta' l-Istat."

14      Skond il-prinċipju bażiku Nru 25, A, (b), ta' l-ispeċifikazzjonijiet, il-ħruġ tas-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat jinkludi, fost l-oħrajn, is-segwenti:

"1.       L-ispejjeż marbuta mat-traffiku u ma' l-operazzjoni tal-vapuri li huma l-proprjetà tal-kumpannija u dawk marbuta mal-kera ta' vapuri, skond il-kuntratti approvati, inkluż iż-żamma tad-drittijiet soċjali mogħtija qabel.

[…]

5.      L-ispejjeż amministrattivi ġenerali li jirriżultaw mill-attività ta' operazzjoni tas-servizzi ta' konnessjonijiet marittimi ta' interess ġenerali, inklużi dawk marbuta maż-żamma tad-drittijiet soċjali rikonoxxuti qabel.

[…]

7.      Ir-rimunerazzjoni tal-kumpannija – Għall-finijiet ta' l-eżekuzzjoni ta' l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa ta' dan il-kuntratt, il-kumpannija għandu jkollha r-riżorsi adegwati u l-konċessjonijiet meħtieġa sabiex twettaq ir-ristrutturazzjoni teknika indispensabbli fir-rigward ta' l-operazzjonijiet u sabiex tilħaq vijabbiltà ekonomika adegwata sabiex tiggarantixxi provvista xierqa tas-servizzi. Għal dan il-għan, ir-rimunerazzjoni tal-kumpannija għandha tkun ikkostitwita minn perċentwali tad-dħul li jinkludi d-dħul mill-operazzjoni tas-servizzi tat-trasport u ta' l-ikel, liema perċentwali għandha tiġi stabbilita kull sena skond ir-relazzjoni eżistenti bejn, minn naħa, il-kontribuzzjonijiet ta' l-Istat għall-operazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-ħruġ totali relattiv għall-operazzjonijiet, wara t-tnaqqis tar-rimunerazzjoni nfisha.

Il-perċentwali li għandhom jiġu applikati [huma fi proporzjoni inversa għall-imsemmija relazzjoni]."

15      Skond il-prinċipju bażiku Nru 25, B, (a), ta' l-ispeċifikazzjonijiet, id-dħul tas-sezzjoni "investimenti" tal-kont ta' l-Istat huwa kompost mill-kontribuzzjonijiet ta' l-Istat. Skond din id-dispożizzjoni, "[g]ħandhom jitqiesu bħala dħul għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-kont ta' l-Istat, l-ammonti mħallsa minnu bħala sussidju allokat għal kull sena finanzjarja sabiex tiġi bbilanċjata [s-sezzjoni "investimenti"] ta' dan il-kont u li għandhom jidhru fil-baġit ġenerali ta' l-Istat".

16      Il-prinċipju bażiku Nru 26 ta' l-ispeċifikazzjonijiet jipprovdi li:

"L-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istat għandu jitħallas bil-quddiem f'erba' pagamenti, wieħed kull tliet xhur, segwiti b'aġġustament ta' l-interessi fil-mument tal-likwidazzjoni tal-kont. Fl-eventwalità li meta jingħalaq il-kont ta' l-Istat għal sena finanzjarja partikolari […] jirriżulta li jkun hemm bilanċ pożittiv, dan il-bilanċ pożittiv għandu jibqa' għad-dispożizzjoni tal-kumpannija u għandu jitniżżel bħala dħul fil-kont tas-sena finanzjarja ta' wara […] Jekk, għall-kuntrarju, wara din il-likwidazzjoni tal-kont jirriżulta li jkun hemm żbilanċ, l-Istat għandu jikkumpensa lill-kumpannija billi jħallasha l-ammont ta' l-imsemmi żbilanċ mill-baġit ġenerali ta' l-Istat għas-sena finanzjarja ta' wara."

17      Il-prinċipju bażiku Nru 28 ta' l-ispeċifikazzjonijiet jipprovdi li l-kumpannija għandha, kull erba' snin, tħejji pjan ta' investiment li jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-objettivi fir-rigward tal-politika tal-persunal. Dan il-pjan huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-gvern.

B –  Digriet Irjali Nru 1466/1997

18      Ir-Real Decreto Nru 1466/1997, tad-19 ta' Settembru 1997 (BOE ta' l-20 ta' Settembru 1997, p. 27712, aktar 'il quddiem id-"Digriet Irjali Nru 1466/1997"), jistabbilixxi l-qafas legali tar-rotot regolari ta' kabotaġġ marittimu tan-navigazzjoni ta' interess pubbliku fi Spanja, minbarra r-rotot regolari ta' kabotaġġ marittimu bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità Awtonoma tal-Kanarji.

C –  Digriet Nru 113/1998

19      Id-Digriet Nru 113/1998 tal-Consejería de Turismo y Transportes de la Comunidad Autónoma de Canarias (Kunsill tat-Turiżmu u tat-Trasport tal-Komunità Awtonoma tal-Kanarji), tat-23 ta' Lulju 1998, jistabbilixxi l-obbligi ta' servizz pubbliku fuq ir-rotot regolari ta' kabotaġġ marittimu bejn il-gżejjer tal-Komunità Awtonoma tal-Kanarji (Boletín Oficial de Canarias tad-29 ta' Lulju 1998, p. 8477, aktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 113/1998").

20      L-Anness tad-Digriet Nru 113/1998 jipprevedi ħames rotot marittimi u jiddefinixxi l-konnessjonijiet li għandhom jiġu assigurati bejn id-diversi gżejjer, il-frekwenzi, ir-regolarità, il-karatteristiċi tekniċi tal-bastimenti użati u t-tariffi massimi applikabbli. Ir-rotot ikkonċernati huma:

–        rotta 1: Santa Cruz de Tenerife - Las Palmas de Gran Canaria flimkien ma' Morro Jable u viċeversa;

–        rotta 2: Valle Gran Rey - Playa Santiago - San Sebastián Gomera - Los Cristianos u viċeversa;

–        rotta 3: Los Cristianos - San Sebastián Gomera - Valverde - Santa Cruz de La Palma u viċeversa;

–        rotta 4: Santa Cruz de Tenerife - Las Palmas de Gran Canaria - Puerto del Rosario - Arrecife u viċeversa;

–        rotta 5: Santa Cruz de Tenerife - Santa Cruz de La Palma u viċeversa.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Kuntratt ta' l-1978

21      Permezz ta' att notarili ta' l-4 ta' Settembru 1978, l-Istat Spanjol u Trasmediterránea kkonkludew kuntratt li kellu jirregola l-ġestjoni u l-provvista ta' servizzi ta' konnessjonijiet marittimi ta' interess nazzjonali għal perijodu ta' 20 sena mill-1 ta' Jannar 1978 (aktar 'il quddiem il-"kuntratt ta' l-1978"), skond id-Digriet Irjali Nru 1876/78 u l-ispeċifikazzjonijiet annessi miegħu. Skond dan il-kuntratt, Trasmediterránea kellha topera s-servizzi pubbliċi in kwistjoni f'isem l-Istat, fuq bażi temporanja, taħt it-tutela, l-ispezzjoni u s-sorveljanza ta' l-amministrazzjoni kontraenti.

22      Fid-19 ta' Mejju 1995, l-amministrazzjoni kontraenti xoljiet il-kuntratt ta' l-1978, li seta' jiġi mġedded b'mod taċitu għal perijodu ta' sentejn. Dan il-kuntratt intemm fil-31 ta' Diċembru 1997.

23      L-awtoritajiet Spanjoli llikwidaw il-kuntratt ta' l-1978 u allokaw, skond il-Liġi Nru 4/2001 ta' l-24 ta' April 2001 (BOE tal-25 ta' April 2001, p. 15021), kreditu straordinarju ta' 15 560 625 000 pesetas Spanjoli (ESP) (jiġifieri EUR
93 521 239.77) għat-tpaċija ta' l-iżbilanċ li rriżulta mill-operazzjoni tas-servizzi ta' konnessjonijiet marittimi ta' interess ġenerali għas-sena finanzjarja 1997 (aktar 'il quddiem is-"sussidju għall-1997") u għall-pagament għas-saldu tad-drittijiet u obbligi marbuta mal-kuntratt (aktar 'il quddiem is-"sussidju għal-likwidazzjoni").

24      Is-sussidju għall-1997 u s-sussidju għal-likwidazzjoni jpaċu, b'mod partikolari, spejjeż marbuta ma' tliet pjanijiet ta' ristrutturazzjoni tal-persunal ta' Trasmediterránea.

25      B'hekk, is-sussidju għall-1997 jpaċi, b'mod partikolari, spiża li tammonta għal ESP 2.201 biljun (jiġifieri EUR 13 228 276.42) imputati lis-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat għas-sena finanzjarja 1997 minħabba l-pjanijiet ta' ristrutturazzjoni għall-perijodi 1990-1994 u 1995-1997. L-imputazzjoni ta' l-ispejjeż marbuta mal-pjan ta' ristrutturazzjoni għall-perijodu 1990-1994 tirriżulta mill-firxa ta' dawn l-ispejjeż fuq diversi snin finanzjarji kif approvata mill-Intervención General de la Administración del Estado (l-Ispettorat Ġenerali ta' l-Istat, aktar 'il quddiem l-"IGAE"). L-imputazzjoni ta' l-ispejjeż marbuta mal-pjan ta' ristrutturazzjoni għall-perijodu 1995-1997 lill-kont ta' l-Istat għas-sena finanzjarja 1997 tirriżulta, fin-nuqqas ta' approvazzjoni mill-IGAE, mill-awtorizzazzjoni espressa ta' l-amministrazzjoni kontraenti li skondha dan il-pjan ta' ristrutturazzjoni jnaqqas il-kontribuzzjoni annwali ta' l-Istat taħt is-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat.

26      Is-sussidju għal-likwidazzjoni jpaċi, b'mod partikolari, l-ispejjeż marbuta mal-pjan ta' ristrutturazzjoni għall-perijodu 1996-1997, u jammonta għal ESP 2.624 biljuni (jiġifieri EUR 15 770 557.62). Meta saret il-likwidazzjoni dan l-ammont ġie imputat lis-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat permezz ta' żewġ deċiżjonijiet ta' l-amministrazzjoni kontraenti tas-26 ta' Ottubru 1998 u tal-25 ta' Frar 1999.

II –  Ilmenti tar-rikorrenti u proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978

27      Ir-rikorrenti hija kumpannija marittima stabbilita taħt id-dritt Spanjol li topera rotot marittimi bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji f'kompetizzjoni ma' Trasmediterránea. Hija ressqet diversi lmenti quddiem il-Kummissjoni fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978. B'risposta għal dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni bdiet proċedura sabiex teżamina dan il-kuntratt.

28      Fil-kuntest ta' din il-proċedura, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet Spanjoli, datata 3 ta' Diċembru 1997. F'din l-ittra, il-Kummissjoni esponiet li l-pagamenti magħmula mill-baġit ġenerali ta' l-Istat għat-tpaċija ta' l-iżbilanċ annwali li jirriżulta mill-operazzjonijiet setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Hija speċifikat li l-kundizzjonijiet li fihom kumpens mogħti minħabba żbilanċ mill-operat marbut direttament ma' l-eżekuzzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku jista' jevita li jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat ma jidhirx li huma sodisfatti f'dan il-każ.

29      Hija sostniet ukoll li għajnuna bħal din lanqas tista' taqa' taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 92(2) u (3) tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 87(2) u (3) KE).

30      Finalment, hija indikat li "l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 90(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86(2) KE), ma [kinitx] applikabbli, billi s-servizzi in kwistjoni ma [kellhomx] in-natura ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali minħabba li [kien] hemm kumpanniji oħra li [kienu] jinsabu f'kompetizzjoni ma' [Trasmediterránea] fuq ċerti rotot jew fuq ir-rotot kollha". Hija żiedet li "[l]-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat ma [kinitx tostakola], fid-dritt jew fil-fatt, l-operazzjoni tas-servizzi in kwistjoni safejn, skond ir-regoli dwar l-għajnuniet pubbliċi, hija meħtieġa sejħa għall-offerti".

31      Għaldaqstant, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli, skond l-Artikolu 93(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(1) KE) sabiex jadottaw il-miżuri xierqa bil-għan li jadattaw l-iskema tal-kuntratt ta' l-1978 għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u b'mod partikolari għar-regoli dwar il-kuntratti ta' servizz pubbliku (aktar 'il quddiem il-"proposta għal miżuri xierqa").

32      B'risposta għall-proposta għal miżuri xierqa, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu lill-Kummissjoni ittra, datata 21 ta' Jannar 1998, li fiha essenzjalment indikaw li, wara proċedura ta' aġġudikazzjoni abbażi tad-Digriet Irjali Nru 1466/1997, huma kienu kkonkludew kuntratt ġdid ma' Trasmediterránea (aktar 'il quddiem il-"kuntratt ta' l-1998"). Huma speċifikaw ukoll li l-kuntratt ta' l-1998 kif ukoll il-kjarifiki mogħtija lill-Kummissjoni dwar id-Digriet Irjali Nru 1466/1997 kellhom jiġu kkunsidrati bħala l-miżuri xierqa.

33      Il-kuntratt ta' l-1998 ma jkoprix is-servizzi ta' konnessjonijiet marittimi bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji, li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva ta' l-awtoritajiet tal-Komunità Awtonoma tal-Kanarji.

III –  Skema provviżorja għar-rotot ta' bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji

34      Permezz ta' ittra tat-18 ta' Diċembru 1997, Trasmediterránea talbet awtorizzazzjoni mingħand il-Gvern tal-Kanarji sabiex tkun tista', mill-ewwel tliet xhur tas-sena 1998, tipprovdi s-servizzi bejn il-gżejjer li hija kienet qiegħda tipprovdi sal-31 ta' Diċembru 1997 taħt il-kuntratt ta' l-1978.

35      Permezz ta' deċiżjoni ta' l-istess jum, l-awtoritajiet tal-Kanarji ħarġu awtorizzazzjoni provviżorja lil Trasmediterránea sabiex tkun tista' tipprovdi s-servizzi li hija kienet topera bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji taħt il-kuntratt ta' l-1978. Din id-deċiżjoni speċifikat li l-iżbilanċ li seta' jirriżulta mill-provvista ta' dawn is-servizzi seta' jiġi kopert meta l-fondi neċessarji jiġu ttrasferiti għal dan il-għan mill-baġit ġenerali ta' l-Istat lill-Gvern tal-Kanarji. Din l-awtorizzazzjoni provviżorja ġiet imġedda suċċessivament permezz ta' deċiżjonijiet tat-30 ta' Marzu, tal-11 ta' Ġunju u tad-9 ta' Ottubru 1998. Dawn l-erba' awtorizzazzjonijiet jikkostitwixxu l-iskema li taħtha Trasmediterránea pprovdiet is-servizzi li wasslu għas-sussidju għall-1998 (aktar 'il quddiem l-"iskema provviżorja"). Id-deċiżjoni tad-9 ta' Ottubru 1998 indikat li l-awtorizzazzjoni sabiex jiġu pprovduti dawn is-servizzi kienet qiegħda tingħata sakemm issir l-aġġudikazzjoni definittiva tar-rotot skond il-proċedura prevista fid-Digriet Nru 113/1998.

36      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-intervenjent indika, mingħajr ma ġie kontradett, essenzjalment, fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li s-servizzi offruti minn Trasmediterránea taħt l-iskema provviżorja kienu analogi għas-servizzi previsti fid-Digriet Nru 113/1998.

37      Bħala korrispettiv għall-provvista ta' servizzi ta' kabotaġġ marittimu bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu għas-sena 1998, Trasmediterránea talbet kumpens finanzjarju ta' ESP 2 538.9 miljuni (jiġifieri EUR 15 259 096.32) mingħand l-awtoritajiet tal-Kanarji.

38      L-awtoritajiet tal-Kanarji ċaħdu din it-talba b'deċiżjoni tad-29 ta' Marzu 1999. Trasmediterránea ressqet rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Sussegwentement, l-awtoritajiet tal-Kanarji ħatru espert sabiex iħejji rapport li abbażi tiegħu huma rrikonoxxew id-dritt ta' Trasmediterránea għar-rimbors ta' somma ta' ESP 1.650 biljuni (jiġifieri EUR 9 916 699.72) bħala kumpens finanzjarju għall-iżbilanċ ikkawżat mill-operazzjoni ta' ċerti rotot ta' trasport marittimu bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu fl-1998 (aktar 'il quddiem is-"sussidju għall-1998").

39      B'applikazzjoni tad-Digriet Nru 113/1998, l-awtoritajiet tal-Kanarji stiednu, fis-17 ta' Awwissu 1998, lill-eventwali kandidati sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni sabiex joperaw il-ħames rotot regolari ta' kabotaġġ bejn il-gżejjer iddefiniti fl-imsemmi digriet. Ma tressqet l-ebda applikazzjoni f'dan is-sens fit-terminu mogħti. Għaldaqstant, skond id-Digriet Nru 113/1998, l-awtoritajiet tal-Kanarji ħarġu sejħiet għal offerti fir-rigward tar-rotot ikkonċernati. L-ebda waħda minn dawn ir-rotot ma kienet is-suġġett ta' aġġudikazzjoni taħt l-imsemmi digriet qabel id-19 ta' Settembru 2002.

 Id-deċiżjoni kkontestata

40      Ir-rikorrenti ressqet diversi lmenti quddiem il-Kummissjoni dwar, b'mod partikolari, is-sussidji għall-1997, għal-likwidazzjoni u għall-1998. F'dawn l-ilmenti, ir-rikorrenti sostniet, inter alia, li s-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni kienu għajnuniet ġodda.

41      Minħabba dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni, fil-25 ta' Lulju 2001, dwar is-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni kif ukoll dwar is-sussidju għall-1998 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

42      Fir-rigward tas-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat, iżda billi huma bbażati fuq kuntratt konkluż mill-awtoritajiet Spanjoli u approvat minnhom, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fi Spanja, dawn huma għajnuniet eżistenti fis-sens ta' l-Artikolu 88 KE u ta' l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.

43      Fir-rigward, b'mod aktar partikolari, tal-parti tas-sussidju għal-likwidazzjoni li tkopri l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal, id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-miżuri dwar it-terminazzjoni ta' l-impjieg "jirriżultaw mill-applikazzjoni [tal-prinċipju bażiku] Nru 25 tal-kuntratt in kwistjoni li jipprovdi: a) li l-ispejjeż li jirriżultaw miż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jitniżżlu fil-kont bħala spejjeż ta' l-operat imħallsa mill-baġit ta' l-Istat, u b) għal miżuri ta' tnaqqis tal-persunal ta' l-impriża". Skond din id-deċiżjoni, "[i]l-miżuri msemmija fil-punt b), li jissemmew ukoll [fil-prinċipju bażiku Nru] 28, jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta' żewġ pjanijiet ta' tnaqqis tal-persunal, l-ewwel wieħed għall-perijodu 1990-1994 u t-tieni għall-perijodu 1995-1997".

44      Fir-rigward tas-sussidju għall-1998, id-deċiżjoni kkontestata tindika li dan huwa għajnuna ġdida fis-sens ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, li kien imissha ġiet innotifikata skond l-Artikolu 88(3) KE. Hija tispeċifika li din l-għajnuna ma tista' tibbenefika mill-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE. Hija tindika wkoll li għandu jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taqa' taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 86(2) KE.

45      F'dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tispeċifika li, "sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza u l-portata ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku mogħtija lil Trasmediterránea fl-1998 u jekk kienx meħtieġ li din tiġi kkumpensata minħabba l-ispejjeż li hija kellha tidħol għalihom sabiex tissodisfa dawn l-obbligi, il-Kummissjoni hija marbuta teżamina jekk jeżistux operaturi oħra li joffru servizzi analogi għal dawk ipprovduti minn [Trasmediterránea] u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fid-Digriet Nru 113/1998". Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-ebda operatur ieħor ma kien jissodisfa l-obbligi kollha previsti fid-Digriet Nru 113/1998 u li Trasmediterránea biss kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f'dan id-digriet fir-rigward tar-rotot Nru 1, Nru 3 u Nru 4 kif ukoll il-kundizzjonijiet stabbiliti għar-rotta Nru 2, minbarra fir-rigward tal-konnessjonijiet mal-port ta' Playa Santiago.

46      Fir-rigward tal-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju għall-1998, id-deċiżjoni kkontestata tindika:

"[I]l-metodu magħżul kien jikkonsisti f'evalwazzjoni ta' l-ispejjeż li operatur partikolari jkollu jidħol għalihom sabiex jissodisfa l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti mill-awtoritajiet tal-Kanarji fir-rigward tar-rotot in kwistjoni. Id-data ta' referenza fir-rigward tad-diversi entrati fil-kontijiet ingħataw mill-operaturi marittimi preżenti fis-suq, b'mod partikolari mill-operaturi privati, u […] mill-Instituto Canario de Estadísticas [(Istitut ta' l-Istatistika tal-Kanarji)]."

47      Id-deċiżjoni kkontestata tispeċifika wkoll li "il-kumpens mogħti lil Trasmediterránea huwa ftit anqas mill-istima ta' l-ispejjeż addizzjonali marbuta ma' l-obbligi ta' servizz pubbliku, liema stima ġiet ikkalkulata biss abbażi ta' l-ispiża tas-servizzi pprovduti minn Trasmediterránea sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fid-Digriet Nru 113/1998, billi mill-ammont totali ta' din l-ispiża tnaqqas id-dħul mill-operazzjoni ta' dawn is-servizzi".

48      Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sussidju għall-1998 huwa kkunsidrat li jaqa' taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 86(2) KE.

49      Fis-27 ta' Settembru 2001, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra elettronika lill-konsulenti legali tar-rikorrenti. Din l-ittra tipprovdi:

"Kif miftiehem fuq it-telefon, għandkom issibu mehmuża kopja ta' l-ittra mibgħuta lill-awtoritajiet Spanjoli fil-25 ta' Lulju 2001 – bid-data kunfidenzjali mħassra – dwar id-Deċiżjoni Trasmediterránea. Din l-ittra sejra tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fi żmien qasir. Din l-ittra fl-ebda każ ma torbot formalment lill-Kummissjoni."

50      Fl-20 ta' April 2002, il-Kummissjoni ppubblikat, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, avviż li permezz tiegħu hija informat lil terzi persuni, billi ġabret fil-qosor l-informazzjoni essenzjali tal-każ, li hija ma qajmitx oġġezzjoni fir-rigward tas-sussidji mogħtija lil Trasmediterránea (ĠU C 96, p. 4). Dan l-avviż jindika li "[i]t-test tad-deċiżjoni fil-verżjoni jew verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi, bid-data kunfidenzjali mħassra, huwa disponibbli fuq is-sit [internet tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni li l-indirizz elettroniku tiegħu huwa] http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/sgb/state_aids".

 Il-proċedura

51      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

52      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Mejju 2002, ir-Renju ta' Spanja talab sabiex jintervjeni f'dawn il-proċeduri in sostenn tal-Kummissjoni. Permezz ta' digriet tas-27 ta' Settembru 2002, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza aċċetta dan l-intervent. L-intervenjent ippreżenta n-nota ta' intervent tiegħu u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

53      Il-Qorti tal-Prim'Istanza, abbażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur, iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, wara li ħadet miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li kienu jikkonsistu f'sensiela ta' mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. L-intervenjent, mistieden sabiex iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet bil-miktub u qabel is-seduta, wieġeb għalihom permezz ta' ittra tal-5 ta' Lulju 2004.

54      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-13 ta' Lulju 2004.

55      Fis-seduta, ir-rikorrenti talbet awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta kopja tas-sentenza tat-Tribunal superior de justicia de Canarias (Spanja) Nru 551/2003, ta' l-24 ta' Ottubru 2003, li tannulla parzjalment id-Digriet Nru 113/1998. Wara li semgħet l-osservazzjonijiet tal-konvenuta u ta' l-intervenjent dwar il-preżentazzjoni ta' dan id-dokument, li tiegħu huma rċevew kopja, l-imsemmi dokument iddaħħal fil-proċess tal-kawża.

56      L-intervenjent talab awtorizzazzjoni sabiex jippreżenta kopja ta' l-appell imressaq kontra s-sentenza ta' l-24 ta' Ottubru 2003 quddiem it-Tribunal superior de justicia de Canarias. Permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Diċembru 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza aċċettat li kopja ta' dan id-dokument tiddaħħal fil-proċess tal-kawża u tiġi kkomunikata lill-konvenuta u lir-rikorrenti. L-intervenjent ma ppreżentax l-imsemmi dokument fit-terminu mogħti.

57      Il-proċedura orali ngħalqet fil-25 ta' Frar 2005.

 It-talbiet tal-partijiet

58      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tordna, bħala miżuri istruttorji, li l-Kummissjoni, ir-Renju ta' Spanja u Trasmediterránea jippreżentaw ċerti elementi ta' prova;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

59      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet tar-rikorrenti għall-produzzjoni ta' elementi ta' prova;

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

60      Ir-Renju ta' Spanja, li intervjena in sostenn tal-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet tar-rikorrenti għall-produzzjoni ta' elementi ta' prova;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

I –  L-argumenti tal-partijiet

61      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà b'att separat, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. In sostenn ta' din il-kontestazzjoni, hija inizjalment sostniet żewġ motivi ta' inammissibbiltà: l-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-natura tardiva tar-rikors, it-tieni fuq in-nuqqas ta' att li jista' jiġi kkontestat. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, matul is-seduta, il-Kummissjoni espressament indikat li hija kienet qiegħda żżomm ferm l-ewwel motiv ta' inammissibbiltà tagħha iżda kienet qiegħda tirtira t-tieni wieħed.

62      Fir-rigward tan-natura allegatament tardiva tar-rikors, il-Kummissjoni ssostni li, peress li t-test tad-deċiżjoni kkontestata kien ġie kkomunikat direttament lir-rikorrenti, it-terminu sabiex jitressaq rikors kontra din id-deċiżjoni beda jiddekorri mid-data ta' din il-komunikazzjoni, data li fiha r-rikorrenti saret taf bil-kontenut ta' l-imsemmija deċiżjoni.

63      F'dan il-każ, ir-rikorrenti kienet ġiet informata bit-test tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta' l-ittra elettronika li kienet intbagħtitilha mis-servizzi tal-Kummissjoni fis-27 ta' Settembru 2001, jiġifieri aktar minn erba' xhur qabel ma tressaq dan ir-rikors. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors huwa tardiv.

64      Madankollu, fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tammetti li l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata setgħet, minħabba l-forma tagħha, toħloq ċerta konfużjoni fil-moħħ tar-rikorrenti fir-rigward tal-portata tagħha. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet il-possibbiltà li l-kliem ta' l-ittra elettronika tas-27 ta' Settembru 2001 wassal lir-rikorrenti sabiex twettaq żball skużabbli fir-rigward tat-terminu applikabbli sabiex jitressaq rikors.

65      Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura tardiva tar-rikors tagħha.

66      F'dan ir-rigward hija ssostni, qabel kollox, li mill-formulazzjoni stess ta' l-Artikolu 230 KE jirriżulta li l-kriterju tad-data ta' meta r-rikorrent isir jaf b'att bħala l-punt tat-tluq tat-terminu sabiex jitressaq rikors huwa sussidjarju għall-kriterju tad-data tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika ta' l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punt 35).

67      Hija żżid, essenzjalment, li, peress li skond prattika stabbilita d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, bħal dik ikkontestata f'din il-kawża, huma ppubblikati, hija setgħet leġittimament tistenna li din il-pubblikazzjoni kienet ser isseħħ u, għaldaqstant, tikkunsidra li t-terminu sabiex jitressaq rikors ma kienx jibda jiddekorri qabel id-data ta' din il-pubblikazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Jannar 1999, BAI vs Il-Kummissjoni, T-14/96, Ġabra p. II-139, punti 35 et seq). Dan japplika aktar u aktar f'dan il-każ peress li, fl-ittra elettronika tas-27 ta' Settembru 2001, ġie indikat, minn naħa, li d-deċiżjoni kellha tiġi ppubblikata fi żmien qasir fil-Ġurnal Uffiċjali u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija ittra elettronika fl-ebda każ ma kienet torbot formalment lill-Kummissjoni.

68      Skondha, notifika formali mingħand il-Kummissjoni biss setgħet tkun determinanti sabiex tistabbilixxi l-punt tat-tluq tat-terminu sabiex jitressaq rikors. Issa, f'dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li n-natura formali tan-notifika kienet nieqsa minħabba li n-notifika ntbagħtet lil persuna li ma kellha l-ebda setgħa sabiex tirrappreżenta lir-rikorrenti, minħabba li n-natura informali tal-komunikazzjoni kienet enfasizzata mill-Kummissjoni u minħabba li, peress li ma kinitx id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, din id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi nnotifikata formalment lilha.

69      Barra minn hekk, din il-komunikazzjoni tikser manifestament il-Kodiċi ta' kondotta amministrattiva tajba għall-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku, anness mar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni (ĠU L 308, 2000, p. 26, 32), li jipprovdi li d-deċiżjonijiet innotifikati għandhom jindikaw b'mod ċar il-possibbiltà ta' rikors kif ukoll kif dan jista' jitressaq. Issa, f'dan il-każ, dan ir-rekwiżit ma ġiex irrispettat.

70      Hija ssostni wkoll, essenzjalment, li, skond il-prinċipji ta' dritt stabbiliti sewwa fid-dritt amministrattiv ta' l-Istati Membri, in-notifiki inkompleti jew dawk li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti formali preskritti f'dak li jirrigwarda s-sustanza, fosthom l-informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli, m'għandhom l-ebda effett, inkluż l-effett li jibda jiddekorri t-terminu sabiex jitressaq rikors. Prinċipji bħal dawn huma stabbiliti b'mod partikolari fl-Artikolu 58(2) tal-liġi Spanjola dwar is-sistema legali u dwar il-proċedura amministrattiva ordinarja.

71      Finalment, hija ssostni li hija ressqet rikors abbażi ta' l-informazzjoni li hija setgħet tikseb dwar id-deċiżjoni kkontestata billi tikkonsulta s-sit internet tal-Kummissjoni.

II –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

72      Skond il-ħames subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE, ir-rikorsi għal annullament għandhom jitressqu fi żmien xahrejn. Dan it-terminu jiddekorri, skond il-każ, mill-pubblikazzjoni ta' l-att, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta' dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih.

73      Mill-formulazzjoni stess ta' din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterju tad-data ta' meta r-rikorrent isir jaf bl-att bħala l-punt tat-tluq tat-terminu sabiex jitressaq rikors huwa sussidjarju għall-kriterji tad-data tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika ta' l-att (ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punt 35, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T-190/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni jew ta' notifika, hija l-persuna li taf bl-eżistenza ta' att li jikkonċernaha li għandha titlob it-test sħiħ tiegħu f'terminu raġonevoli, iżda li, suġġett għal din il-kundizzjoni, it-terminu sabiex jitressaq rikors jista' jibda jiddekorri biss mill-mument meta t-terza persuna kkonċernata tkun taf eżatt il-kontenut u l-motivi ta' l-att in kwistjoni, b'mod li tkun tista' teżerċita d-dritt tagħha li tressaq rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Lulju 1988, Dillinger Hüttenwerke vs Il-Kummissjoni, 236/86, Ġabra p. 3761, punt 14, u tad-19 ta' Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-309/95, Ġabra p. I-655, punt 18).

74      Fis-sens ta' din l-istess dispożizzjoni, in-notifika hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-awtur ta' att ta' portata individwali jikkomunika dan l-att lid-destinatarji tiegħu u b'hekk iqiegħdhom f'pożizzjoni li jsiru jafu bih (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 10, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T-338/94, Ġabra p. II-1617, punt 70). Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-Artikolu 254(3) KE li jipprovdi li d-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lil dawk lil lilhom ikunu indirizzati u jidħlu fis-seħħ meta ssir din in-notifika.

75      F'dan il-każ, ir-Renju ta' Spanja huwa l-uniku destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet innotifikata lilu permezz ta' ittra tal-Viċi-President tal-Kummissjoni, datata 25 ta' Lulju 2001.

76      Peress li r-rikorrenti mhijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju tan-notifika ta' l-att ma japplikax fir-rigward tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata f'punt 73 aktar 'il fuq, punt 17). Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li deċiżjoni tista' tiġi nnotifikata lil persuna li mhijiex id-destinatarja tagħha, fis-sens ta' l-Artikolu 254(3) KE, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata f'dan il-każ ma ġietx innotifikata lir-rikorrenti. F'dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, billi indikat espressament fl-ittra elettronika tagħha tas-27 ta' Settembru 2001 li l-ittra in kwistjoni fl-ebda każ ma kienet torbotha formalment, il-Kummissjoni rrifjutat li tiggarantixxi lir-rikorrenti li d-dokument li kien anness ma' l-ittra kien jikkorrispondi għad-deċiżjoni nnotifikata lill-awtoritajiet Spanjoli. Għaldaqstant, abbażi ta' din l-ittra, ir-rikorrenti ma setgħatx issir taf eżattament il-kontenut u l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata b'mod li tkun tista' teżerċita d-dritt tagħha li tressaq rikors. Għalhekk din l-ittra ma tistax tiġi kkunsidrata bħala notifika lir-rikorrenti fis-sens tal-ħames subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Marzu 1980, Könecke vs Il-Kummissjoni, 76/79, Ġabra p. 665, punt 7). It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-ittra elettronika in kwistjoni, li magħha kienet annessa kopja mingħajr data u mingħajr firma ta' l-ittra mibgħuta lill-awtoritajiet Spanjoli fil-25 ta' Lulju 2001, bid-data kunfidenzjali mħassra, ma kinitx indirizzata direttament lir-rikorrenti stess, iżda lill-avukat tagħha.

77      Fir-rigward ta' l-atti li, skond prassi stabbilita ta' l-istituzzjoni kkonċernata, huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, minkejja li din il-pubblikazzjoni mhijiex kundizzjoni meħtieġa għall-applikabbiltà tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza aċċettaw li l-kriterju tad-data ta' meta r-rikorrent isir jaf bl-att mhuwiex applikabbli u li t-terminu sabiex jitressaq rikors jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni (ara, fir-rigward ta' atti tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali li jorbtu lill-Komunità, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata f'punt 66 aktar 'il fuq, punt 39, u, fir-rigward ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jagħlqu proċedura ta' eżami ta' għajnuniet taħt l-Artikolu 88(2) KE, is-sentenza BAI vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 67 aktar 'il fuq, punt 36). F'tali ċirkustanzi, fil-fatt, it-terzi persuni kkonċernati jistgħu leġittimament jistennew li l-att in kwistjoni ser jiġi ppubblikat.

78      Skond l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata, safejn din taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u tiddeċiedi li din il-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni, għandhom ikunu s-suġġett ta' avviż sommarju fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li jsemmi l-possibbiltà li tinkiseb kopja tad-deċiżjoni fil-verżjoni jew verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi. Avviż bħal dan, li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi lil terzi persuni interessati ġabra fil-qosor ta' l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni, jindika, essenzjalment, l-Istat Membru kkonċernat, in-numru ta' l-għajnuna, it-titolu tagħha, l-iskop tagħha, il-bażi legali tagħha, l-ammont u l-intensità tagħha, il-baġit li kien allokat għaliha u t-tul tagħha.

79      Skond prassi stabbilita tal-Kummissjoni, żviluppata mix-xahar ta' Mejju 1999 wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, l-avviż sommarju msemmi fil-punt preċedenti jinkludi referenza għas-sit internet tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni bl-indikazzjoni li t-test sħiħ tad-deċiżjoni in kwistjoni, bid-data kunfidenzjali mħassra, huwa disponibbli fuq dan is-sit fil-verżjoni jew verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi.

80      Il-fatt li l-Kummissjoni tagħti lil terzi persuni aċċess sħiħ għat-test ta' deċiżjoni mqiegħda fuq is-sit internet tagħha, flimkien mal-pubblikazzjoni ta' avviż sommarju fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li jippermetti lill-persuni interessati sabiex jidentifikaw id-deċiżjoni in kwistjoni u li jinformahom b'din il-possibbiltà ta' aċċess permezz ta' l-internet, għandu jitqies bħala pubblikazzjoni fis-sens tal-ħames subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

81      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ftit hija rilevanti l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kellhiex għarfien biżżejjed tad-deċiżjoni kkontestata mis-27 ta' Settembru 2001, id-data ta' meta ntbagħtet l-ittra elettronika msemmija. Din il-kwistjoni mhijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-punt tat-tluq tat-terminu sabiex jitressaq rikors peress li f'dan il-każ m'hemmx lok li jiġi applikat il-kriterju ta' meta r-rikorrent isir jaf bid-deċiżjoni kkontestata, previst b'mod sussidjarju fil-ħames subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tistenna li d-deċiżjoni kkontestata kienet ser tkun is-suġġett ta' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, skond il-proċess deskritt fil-punt preċedenti.

82      Barra minn hekk, f'dan il-każ, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li l-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea ta' l-20 ta' April 2002 avviż sommarju dwar id-deċiżjoni kkontestata li fih indikat id-data ta' l-adozzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni, l-Istat Membru kkonċernat, in-numru ta' l-għajnuna, it-titolu tagħha, l-iskop tagħha, il-bażi legali tagħha, il-baġit li kien allokat għaliha u t-tul tagħha. Dan l-avviż indika wkoll li t-test tad-deċiżjoni kkontestata, fil-lingwa jew lingwi awtentiċi, bid-data kunfidenzjali mħassra, kien disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni u, f'dan ir-rigward, indika l-indirizz elettroniku li jagħti aċċess għal dan it-test. Barra minn hekk, bejn il-partijiet hemm qbil li t-test tad-deċiżjoni kkontestata verament jinsab fis-sit internet indikat.

83      Peress li r-rikors ġie ppreżentat fid-29 ta' Jannar 2002, jiġifieri saħansitra qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa mhuwiex tardiv.

84      Għandu jingħad ukoll, għall-kompletezza, li, f'dan il-każ, anki jekk jiġi applikat il-kriterju sussidjarju tad-data ta' meta r-rikorrent isir jaf bl-att, ir-rikors lanqas ma jista' jkun tardiv.

85      Fil-fatt, huwa paċifiku li, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li ġiet innotifikata b'mod validu lir-rikorrenti permezz tal-komunikazzjoni tas-27 ta' Settembru 2001 (ara l-punt 76 aktar 'il fuq), ir-rikorrenti madankollu ġiet informata dwar l-eżistenza ta' din id-deċiżjoni f'dik id-data. Għaldaqstant, kienet hija li, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 aktar 'il fuq, kellha titlob it-test sħiħ tagħha f'terminu raġonevoli li beda jiddekorri fis-27 ta' Settembru 2001.

86      Fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, u fid-dawl, b'mod aktar partikolari, tal-fatt li l-ittra elettronika tas-27 ta' Settembru 2001 indikat espressament li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi ppubblikata fi żmien qasir fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat li t-terminu raġonevoli sabiex tintalab komunikazzjoni tat-test sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikun aqsar mit-terminu meħtieġ mill-Kummissjoni sabiex tippubblika l-avviż dwar l-imsemmija deċiżjoni. Issa, huwa paċifiku li l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż seħħet fl-20 ta' April 2002, jiġifieri wara d-data li fiha ġie ppreżentat dan ir-rikors. Għaldaqstant dan ir-rikors mhuwiex tardiv.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv ta' inammissibbiltà bbażat fuq in-natura tardiva tar-rikors għandu jiġi miċħud u dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

88      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali, kemm fir-rigward tas-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni u kemm fir-rigward tas-sussidju għall-1998.

89      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, issostni li kull wieħed minn dawn iż-żewġ aspetti tad-deċiżjoni kkontestata huwa konformi mad-dritt.

I –  Fuq is-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni

90      Fir-rigward tas-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta' evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

91      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, tikkontesta l-fondatezza ta' dawn il-motivi.

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

92      Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-fatt li l-ilmenti tagħha rreferew espressament għall-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal imputati għas-sena finanzjarja 1997, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda motivazzjoni speċifika dwar dan il-punt. Hija żżid li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix dettalji dwar l-ammont tas-sussidju għall-1997 u sempliċement tindika li l-pagamenti kienu jikkonċernaw drittijiet u obbligi marbuta mal-kuntratt. Din il-motivazzjoni qasira ma tippermettix li jkunu magħrufa r-raġunijiet għalxiex il-Kummissjoni dehrilha li l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal kienu ġew imputati b'mod korrett, fatt li diġà jikkostitwixxi kawża għal annullament.

93      Hija żżid li s-sempliċi referenza għal żewġ klawżoli tal-kuntratt ta' l-1978 ma tistax, fin-nuqqas ta' minimu ta' motivi ta' dritt jew ta' fatt li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom, tikkostitwixxi motivazzjoni adegwata. B'mod aktar partikolari, hija ssostni li l-prinċipju bażiku Nru 28 ta' l-ispeċifikazzjonijiet jikkonċerna pjanijiet ta' investiment approvati mill-Gvern Spanjol, li ma jissemmewx fid-deċiżjoni kkontestata u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni fis-sottomissjonijiet tagħha.

94      Il-Kummissjoni ssostni li l-bażi kuntrattwali tal-pagamenti dwar l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal hija identika kemm jekk huma involuti pagamenti magħmula fil-kuntest tas-sussidju għall-1997 u kemm jekk dawn il-pagament saru fil-kuntest tas-sussidju għal-likwidazzjoni u li, għaldaqstant, ir-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata japplika mingħajr distinzjoni għaż-żewġ sussidji. Barra minn hekk, dan ir-raġunament jispjega b'mod suffiċjenti l-motivi għalxiex il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-pagamenti jirriżultaw mill-kuntratt ta' l-1978.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

95      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha tindika b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u b'mod li l-qorti kompetenti tkun tista' teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta' motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari skond il-kontenut ta' l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom biex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punti 35 u 36, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T-158/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata tindika li s-sussidju għall-1997 u s-sussidju għal-likwidazzjoni huma marbuta ma' l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' l-1978.

97      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata f'kuntest magħruf sewwa mir-rikorrenti. Fil-fatt, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li, sa minn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kellha fil-pussess tagħha r-rapport tat-Tribunal de Cuentas (Qorti ta' l-Awdituri Spanjola) dwar l-effetti ekonomiċi ta' l-iskadenza tal-kuntratt ta' l-1978 (aktar 'il quddiem ir-"rapport tat-Tribunal de Cuentas") li japprova s-sussidji kollha mogħtija lil Trasmediterránea fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-kontijiet marbuta ma' dan il-kuntratt. Dan ir-rapport jeżamina, b'mod partikolari, l-imputazzjoni ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal lill-kont ta' l-Istat bħala parti mil-likwidazzjoni tal-kuntratt u għas-sena finanzjarja 1997. Barra minn hekk, dan ir-rapport jindika b'mod ċar li l-ammont ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni imputati lill-kont ta' l-Istat taħt dawn iż-żewġ intestaturi.

98      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal fil-kuntest tas-sussidju għal-likwidazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tindika b'mod ċar li dan il-kumpens jirriżulta mill-prinċipji bażiċi Nri 25 u 28 ta' l-ispeċifikazzjonijiet. Huwa minnu li din il-motivazzjoni ma tirreferix speċifikament għas-sussidju għall-1997. Madankollu, il-kuntest li fih kienet ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata effettivament ippermetta lir-rikorrenti sabiex tifhem li din il-motivazzjoni kienet tapplika għall-kumpens kollu mogħti fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal, kemm jekk ġew imputati lill-kont ta' l-Istat għas-sena finanzjarja 1997 u kemm jekk ġew imputati bħala parti mil-likwidazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978. Ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta li hija fehmet li din il-motivazzjoni kienet tkopri l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni kollha peress li, fis-sottomissjonijiet tagħha, hija targumenta li r-referenza għall-prinċipji bażiċi Nri 25 u 28 ta' l-ispeċifikazzjonijiet ma tikkostitwixxix motivazzjoni adegwata għad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal kienx jirriżulta mill-kuntratt ta' l-1978.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx miktuba bil-preċiżjoni kollha mixtieqa fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni, dan il-fatt la jipprekludi lir-rikorrenti u lanqas lill-Qorti tal-Prim'Istanza milli jifhmu r-raġunament tal-Kummissjoni u milli jevalwaw il-fondatezza tiegħu.

100    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –  Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 88 KE

1.     L-argumenti tal-partijiet

101    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet xi żbalji ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li s-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni joriġinaw mill-kuntratt ta' l-1978. Għaldaqstant, huwa bi ksur ta' l-Artikolu 88 KE li l-Kummissjoni kklassifikat dawn is-sussidji bħala għajnuniet eżistenti. Dan il-motiv huwa kompost minn żewġ partijiet, bl-ewwel parti tiegħu marbuta ma' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal filwaqt li t-tieni parti tikkonċerna l-imputazzjoni ta' l-ispejjeż sostnuti minn Trasmediterránea u koperti mis-sussidju għal-likwidazzjoni.

a)     Fuq l-ewwel parti

102    Ir-rikorrenti tikkontesta, fl-ewwel lok, li l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal jirriżultaw mill-kuntratt ta' l-1978.

103    F'dan ir-rigward hija ssostni, l-ewwel nett, li l-prinċipju bażiku Nru 25 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, jikkonċerna biss l-ispejjeż ordinarji ta' l-operat, bl-esklużjoni ta' l-ispejjeż straordinarji bħalma huma dawk sostnuti minħabba r-ristrutturazzjoni tal-persunal. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, mill-formulazzjoni tal-punt 7 tal-prinċipju bażiku Nru 25, A, (b) ta' l-ispeċifikazzjonijiet, li jikkonċerna r-ristrutturazzjoni teknika, ma jirriżultax li Trasmediterránea għandha d-dritt li tirkupra l-ispejjeż straordinarji ta' ristrutturazzjoni tal-persunal u timputahom lill-kont ta' l-Istat. Din id-dispożizzjoni hija intiża biss sabiex tagħti inċentiv lil Trasmediterránea sabiex tassigura ġestjoni tajba u sabiex ittejjeb il-produttività tagħha. Dan il-mekkaniżmu ta' inċentiv jipprovdi li r-rimunerazzjoni ta' Trasmediterránea għal sena finanzjarja tiżdied meta l-kontribuzzjoni ta' l-Istat sabiex jiġi kopert l-iżbilanċ mill-operat f'dik is-sena finanzjarja tonqos. F'dawn iċ-ċirkustanzi, la jkun leġittimu u lanqas konformi mal-kuntratt jekk jiġi mitlub, abbażi tad-dispożizzjoni in kwistjoni, il-kumpens mill-Istat għal spejjeż straordinarji sostnuti għar-ristrutturazzjoni ta' l-impriża.

104    Sabiex issostni t-teżi tagħha li l-ispejjeż straordinarji huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju bażiku Nru 25 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, ir-rikorrenti titlob il-produzzjoni tar-rapporti ta' l-IGAE dwar il-kont ta' l-Istat għas-snin finanzjarji 1990 sa 1997.

105    It-tieni nett, hija ssostni li l-prinċipju bażiku Nru 28 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, imsemmi wkoll fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġġustifika l-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal permezz tas-sussidju għal-likwidazzjoni peress li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal pjanijiet ta' kull erba' snin suġġetti għall-approvazzjoni tal-Gvern Spanjol. Issa, skondha, kuntrarjament għal dak li tindika d-deċiżjoni kkontestata, l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni kkumpensati mis-sussidju għal-likwidazzjoni ma jirriżultawx mill-pjanijiet ta' ristrutturazzjoni 1990-1994 u 1995-1997, iżda jirriżultaw mill-pjan ta' ristrutturazzjoni 1996-1997 li mhuwiex pjan ta' kull erba' snin. Barra minn hekk, anki jekk, kif isostni r-Renju ta' Spanja, dan il-pjan ta' ristrutturazzjoni kien fil-verità jkopri l-perijodu 1996-1999, dan huwa pjan intiż sabiex ikollu effett f'mument meta l-kuntratt ta' l-1978 kien diġà ġie xolt u fir-rigward ta' snin finanzjarji li matulhom dan il-kuntratt ma jkunx għadu fis-seħħ. Barra minn hekk, kien biss fl-1999 li dan il-pjan ġie approvat mill-awtorità kontraenti.

106    In sostenn tal-pretensjonijiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-awtoritajiet ċentrali Spanjoli sabiex jipproduċu l-inkartament kollu marbut mal-pjanijiet ta' ristrutturazzjoni għall-perijodu 1995-1997.

107    Fit-tieni lok, hija ssostni li l-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal permezz tas-sussidji għal-likwidazzjoni u għall-1997 jirriżulta minn deċiżjonijiet awtonomi ta' l-amministrazzjoni kontraenti.

108    Fir-rigward tas-sussidju għal-likwidazzjoni, l-imputazzjoni ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni lill-kont ta' l-Istat kien ir-riżultat ta' deċiżjonijiet ta' l-amministrazzjoni kontraenti, datati rispettivament is-26 ta' Ottubru 1998 u l-25 ta' Frar 1999, li emendaw il-kuntratt ta' l-1978. Hija żżid, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta' Spanja, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet mhumiex sempliċement interpretazzjonijiet unilaterali tal-kuntratt ta' l-1978, awtorizzati mid-dritt amministrattiv Spanjol, iżda għandhom jiġu kkunsidrati bħala emendi veri u proprji tal-kuntratt ta' l-1978 peress li jiżbilanċjaw il-prestazzjonijiet previsti inizjalment, kif osserva t-Tribunal de Cuentas.

109    Fir-rigward tas-sussidju għall-1997, il-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni jirriżulta mid-deċiżjoni ta' l-amministrazzjoni kontraenti tax-xahar ta' Ottubru 1995 li tapprova l-pjan ta' ristrutturazzjoni tal-persunal għall-perijodu 1995-1997.

110    Anki jekk jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni ma tammonta għal xejn aktar minn interpretazzjoni unilaterali awtorizzata tal-kuntratt ta' l-1978, l-għoti tas-sussidju għall-1997 mhuwiex konformi ma' din l-interpretazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta' Ottubru 1995 kienet teżiġi li l-Istat jikseb tnaqqis fil-fondi mħallsa kull sena fil-forma ta' tnaqqis fi spejjeż oħra sabiex tiġi kkumpensata ż-żieda fl-ispejjeż tal-persunal, ħaġa li ma seħħitx f'dan il-każ.

111    Sabiex tipprova dan il-fatt ta' l-aħħar, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna l-produzzjoni tar-rapporti ta' l-IGAE dwar il-kont ta' l-Istat għas-snin finanzjarji 1990 sa 1997.

112    Il-Kummissjoni ssostni li l-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal fil-kuntest tas-sussidju għal-likwidazzjoni u fil-kuntest tas-sussidju għall-1997 jirriżulta mill-kuntratt ta' l-1978.

113    F'dan ir-rigward hija ssostni, fl-ewwel lok, li, b'applikazzjoni tal-punti 1, 5 u 7 tal-prinċipju bażiku Nru 25, A, (b), u tal-prinċipju bażiku Nru 28 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, l-ispejjeż ta' ristrutturazzjon tal-persunal ta' Trasmediterránea setgħu jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet ta' fondi pubbliċi fil-kuntest tal-kuntratt ta' l-1978.

114    Skondha, ir-rikorrenti tagħti lil dawn il-prinċipji bażiċi interpretazzjoni indebitament restrittiva minkejja t-tifsira litterali evidenti tagħhom. Din l-interpretazzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq id-dubji mqajma mill-IGAE fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva interna li ppreċediet il-ħlas ta' l-imsemmija sussidji.

115    Hija żżid li t-Tribunal de Cuentas, bħala l-korp ta' verifika esterna, ikkonkluda li l-iffinanzjar ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal mill-fondi pubbliċi kien perfettament konformi mad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' l-1978 u li dan l-iffinanzjar ippermetta tfaddil globali ta' ESP 12.255 biljuni ta' fondi pubbliċi matul il-perijodu 1990-1997.

116    Huwa minnu li l-opinjoni tat-Tribunal de Cuentas mhijiex deċiżiva. Madankollu, din l-opinjoni tikkorrobora n-natura raġonevoli ta' l-interpretazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978 sostnuta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, lanqas ma ġie allegat li tressaq xi rikors quddiem il-qrati nazzjonali intiż sabiex jikkontesta l-kompatibbiltà tal-pagamenti in kwistjoni mal-kuntratt ta' l-1978.

117    Hija ssostni, fit-tieni lok, li huwa diffiċli li jiġi immaġinat li, fin-nuqqas ta' xi att ġuridiku ieħor, deċiżjoni ta' l-amministrazzjoni kontraenti hija biżżejjed sabiex isir il-ħlas ta' l-ammonti in kwistjoni. Id-deċiżjonijiet li għalihom tirreferi r-rikorrenti m'emendawx il-kuntratt ta' l-1978 imma huma biss ir-risposta affermattiva ta' l-amministrazzjoni Spanjola għall-kwistjoni jekk Trasmediterránea kellhiex id-dritt, taħt il-kuntratt ta' l-1978, li tirċievi l-imsemmija pagamenti.

118    Minn dan hija tikkonkludi li, fid-dawl tat-test tal-kuntratt u ta' l-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll tal-pożizzjoni ta' l-amministrazzjoni Spanjola u tat-Tribunal de Cuentas kif esposta fir-rapport tiegħu, il-fondi pubbliċi intiżi għall-operazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni tal-persunal jirriżultaw mill-kuntratt ta' l-1978 u għalhekk jikkostitwixxu għajnuniet eżistenti.

119    Ir-Renju ta' Spanja jsostni li l-kuntratt ta' l-1978 ma fih l-ebda lista eżawrjenti u preċiża ta' l-entrati li jistgħu jidhru bħala spejjeż u bħala dħul taħt is-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat. Huwa jżid li l-kuntratt ta' l-1978 huwa kuntratt irregolat mid-dritt amministrattiv u li, għaldaqstant, l-amministrazzjoni kontraenti, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha sabiex tinterpreta kuntratti, prevista fir-regoli nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi, għandha l-poter li tiddeċiedi liema spejjeż għandhom jidhru fil-kont ta' l-Istat. Fil-fatt, l-allegati awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtorità kontraenti li abbażi tagħhom ir-rikorrenti tfittex li tiġġustifika l-klassifikazzjoni tas-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni bħala għajnuna ġdida huma biss il-manifestazzjoni ta' l-eżerċizzju tal-poter ta' interpretazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978 li għandha l-awtorità bħala l-korp responsabbli għall-konklużjoni tiegħu.

b)     Fuq it-tieni parti

120    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, sabiex japplikaw il-kuntratt ta' l-1978 b'mod korrett, l-awtoritajiet Spanjoli kien imisshom paċew l-ammont ta' l-obbligi imputabbli lil kull sena finanzjarja mal-bilanċ pożittiv ta' dik is-sena, b'mod li kien imisshom aċċettaw sussidju għal-likwidazzjoni biss għall-obbligi imputati lil snin finanzjarji bi żbilanċ jew lil dawk li fihom il-bilanċ pożittiv irreġistrat ma kienx jippermetti li jiġu kkumpensati l-obbligi rilevanti. Hija żżid li, peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma mxewx b'dan il-mod, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li s-sussidju għal-likwidazzjoni kien jirriżulta mill-kuntratt ta' l-1978 u lanqas, għaldaqstant, li dan is-sussidju kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

121    In sostenn tal-pretensjonijiet tagħha, hija ssostni, l-ewwel nett, li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-likwidazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978, din il-likwidazzjoni għandha ssir billi jiġu applikati r-regoli dwar il-kont ta' l-Istat li, skondha, jeżiġu li kull obbligu li jagħti lok għal kumpens fil-kuntest tas-sussidju għal-likwidazzjoni jitniżżel fis-sena finanzjarja li matulha nħoloq.

122    Ir-rikorrenti ssostni, it-tieni nett, li mill-prinċipju bażiku Nru 25 ta' l-ispeċifikazzjonijiet jirriżulta li Trasmediterránea għandha biss dritt għall-benefiċċju ta' kumpens ekonomiku għall-iżbilanċ li jirriżulta, jekk ikun il-każ, fl-aħħar tas-sena finanzjarja, mis-sezzjonijiet "operazzjonijiet" u "investimenti" tal-kont ta' l-Istat. Issa, skondha, is-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat għalqet b'bilanċ pożittiv għas-snin finanzjarji 1991 sa 1995 u dan kien ikun il-każ għas-sena finanzjarja 1997 li kieku ma kienx għall-imputazzjoni indebita ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal.

123    Mill-banda l-oħra, hija targumenta li mill-prinċipju bażiku Nru 25 ta' l-ispeċifikazzjonijiet ma jirriżultax li għandha ssir tpaċija bejn il-bilanċi pożittivi taħt is-sezzjoni "operazzjonijiet" u l-eventwali żbilanċi taħt is-sezzjoni "investimenti". Skondha, mill-formulazzjoni tal-punt 3 tal-prinċipju bażiku Nru 25, A, (a) u tal-punt 1 tal-prinċipju bażiku Nru 25, B, (a) ta' l-ispeċifikazzjonijiet jirriżulta li s-sussidju pubbliku, allokat għal kull sena finanzjarja, għandu jintuża bħala dħul sabiex jibbilanċja kull sezzjoni, ikkunsidrata separatament. L-iskop tas-separazzjoni taż-żewġ sezzjonijiet huwa preċiżament li jiġi ggarantit li Trasmediterránea tikseb sussidji ta' ammont ugwali għal dak ta' l-ispejjeż finanzjarji tagħha mniżżla fis-sezzjoni "investimenti", irrispettivament mill-ammont tad-dħul tagħha. Dawn l-ispejjeż għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss sabiex jibbilanċjaw, jekk ikun il-każ, is-sezzjoni "operazzjonijiet" li tirrifletti l-ispejjeż kurrenti l-oħra ta' Trasmediterránea.

124    Skond ir-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet tar-Renju ta' Spanja dwar it-tpaċija bejn iż-żewġ sezzjonijiet mhuma sostnuti minn ebda element ta' prova li jistabbilixxi mingħajr dubju l-mod kif ġie applikat il-kuntratt ta' l-1978 fir-rigward ta' l-eventwali tpaċija bejn iż-żewġ sezzjonijiet. Ma jistax jiġi kkunsidrat li din il-prova ngħatat permezz ta' referenza għal tabella li tinsab fir-rapport tat-Tribunal de Cuenta peress li ma jistax jiġi eskluż li din it-tabella hija żbaljata.

125    Hija targumenta wkoll li l-prinċipju bażiku Nru 26 ta' l-ispeċifikazzjonijiet ma jippermettix tpaċija bejn l-eventwali bilanċi pożittivi mill-operat f'sena finanzjarja u l-iżbilanċi li jirriżultaw fi snin finanzjarji oħra, tpaċija li kienet twassal għal tnaqqis fil-fondi kkontribwiti mill-Istat. Skondha, l-iżbilanċ jew il-bilanċ pożittiv li jirreferi għalih il-prinċipju bażiku Nru 26 jirriżulta biss meta l-fondi mħallsa bil-quddiem mill-Istat skond il-previżjonijiet tal-baġit jiġu bbilanċjati kontra l-kontribuzzjoni effettivament dovuta wara l-likwidazzjoni tal-kont ta' l-Istat.

126    Sabiex, minn naħa, jiġi stabbilit jekk seħħitx jew le tpaċija bejn il-bilanċ pożittiv mill-operat u l-iżbilanċ mill-investimenti u, min-naħa l-oħra, jiġi interpretat il-prinċipju bażiku Nru 26 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, hija titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna l-pubblikazzjoni tar-rapporti ta' l-IGAE dwar il-kont ta' l-Istat għas-snin finanzjarji 1990 sa 1997.

127    Ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna mingħand l-awtoritajiet Spanjoli l-produzzjoni ta' l-inkartament kollu dwar il-likwidazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978 sabiex ikunu magħrufa n-negozjati li seħħew bejn Trasmediterránea u l-Istat Spanjol matul il-likwidazzjoni tal-kuntratt kif ukoll l-elementi ta' dritt u ta' fatt li fuqhom l-Istat Spanjol finalment ibbaża ruħu sabiex jistabbilixxi l-kont ta' likwidazzjoni.

128    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, issostni, essenzjalment, li r-rikorrenti twettaq żball ta' fatt meta tikkunsidra li l-bilanċi pożittivi mill-operat miksuba minn Trasmediterránea matul ċerti snin finanzjarji servew sabiex ikabbru l-assi ta' Trasmediterránea aktar milli sabiex jikkumpensaw kontribuzzjonijiet oħra ta' fondi pubbliċi.

129    Huwa minnu li s-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat irreġistrat bilanċ pożittiv matul ċerti snin finanzjarji. Madankollu, is-sezzjoni "investimenti" tal-kont ta' l-Istat irreġistrat żbilanċ matul uħud mis-snin finanzjarji. Barra minn hekk, mir-rapport tat-Tribunal de Cuentas jirriżulta li l-bilanċi pożittivi mill-operat iċċitati aktar 'il fuq ġew sistematikament allokati sabiex jikkumpensaw l-iżbilanċi fis-sezzjoni "investimenti" bil-għan li titnaqqas il-kontribuzzjoni annwali ta' fondi pubbliċi. Peress li l-bilanċ pożittiv mill-operat qatt ma kien aktar mill-iżbilanċ mill-investiment, l-ebda sena finanzjarja ma kienet ikkaratterizzata minn bilanċ pożittiv fil-kont ta' l-Istat. F'dan ir-rigward, ir-Renju ta' Spanja essenzjalment jispeċifika li, matul l-20 sena ta' eżistenza tal-kuntratt ta' l-1978, wara tpaċija bejn is-sezzjonijiet "operazzjonijiet" u "investimenti", li għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ sezzjonijiet ta' l-istess kont, il-kont ta' l-Istat dejjem spiċċa bi żbilanċ.

130    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ikun inutli li tiġi diskussa l-interpretazzjoni tal-prinċipju bażiku Nru 26 ta' l-ispeċifikazzjonijiet li, fi kwalunkwe każ, jipprevedi tpaċija bejn is-snin finanzjarji.

131    Għaldaqstant, huwa ovvju li l-kwistjoni jekk l-obbligi li għandhom jiġu llikwidati għandhomx jiġu imputati lil sena finanzjarja preċiża jew le hija kompletament irrilevanti peress li, anki jekk din l-imputazzjoni annwali seħħet, dan ma kien jaffettwa bl-ebda mod il-volum totali tal-fondi pubbliċi rċevuti minn Trasmediterránea matul il-perijodu kollu tal-kuntratt ta' l-1978.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)     Fuq l-ewwel parti

132    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża n-natura kuntrattwali tal-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal ta' Trasmediterránea fuq żewġ prinċipji bażiċi ta' l-ispeċifikazzjonijiet, jiġifieri fuq il-prinċipji bażiċi Nri 25 u 28.

133    Skond ir-rikorrenti, in-natura kuntrattwali tal-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal ma tistax tirriżulta mill-punt 7 tal-prinċipju bażiku Nru 25, A, (b), li jipprevedi inċentiv għat-titjib tal-produttività ta' Trasmediterránea. Dan l-argument huwa irrilevanti, peress li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-prinċipju bażiku Nru 25 fl-intier tiegħu u ma ssemmix b'mod espliċitu d-dispożizzjoni ta' dan il-prinċipju li tipprevedi inċentiv għall-produttività. Anki jekk jiġi aċċettat, kif issostni r-rikorrenti, li n-natura kuntrattwali tal-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal ma tistax tiġi stabbilita abbażi tal-punt 7 tal-prinċipju bażiku Nru 25, A, (b) ta' l-ispeċifikazzjonijiet, dan ma jkunx ifisser, madankollu, li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978 billi kkunsidrat li l-prinċipju bażiku Nru 25, li fir-rigward tiegħu għandu jiġi mfakkar li huwa jipprovdi l-mekkaniżmu ta' kontabbiltà tal-kont ta' l-Istat, kien joffri bażi kuntrattwali għall-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni in kwistjoni.

134    Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-prinċipju bażiku Nru 25 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, ma jkoprix l-ispejjeż straordinarji u li l-ispejjeż marbuta mar-ristrutturazzjoni tal-persunal jikkostitwixxu spejjeż bħal dawn. F'dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova in sostenn tat-teżi tagħha li l-imsemmi prinċipju bażiku Nru 25 jistabbilixxi distinzjoni bejn, minn naħa, l-ispejjeż ordinarji ammissibbli u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż straordinarji li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, hija ma tressaq l-ebda raġuni għalxiex l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż straordinarji. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li jiġu ordnati miżuri istruttorji bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' din l-allegata distinzjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha għall-ammissibbiltà tal-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal.

135    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqitx elementi ta' prova suffiċjenti sabiex tistabbilixxi n-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal, ikkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni, jirriżulta mill-kuntratt ta' l-1978 bis-saħħa tal-prinċipju bażiku Nru 25. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi ma' l-evalwazzjoni tat-Tribunal de Cuentas – awtorità nazzjonali ta' verifika finanzjarja esterna – kif tirriżulta mir-rapport ta' din l-awtorità dwar il-likwidazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978, li l-validità tiegħu ma ġietx ikkontestata quddiem l-awtoritajiet Spanjoli kompetenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet ta' dawn il-proċeduri, għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju bażiku Nru 25 jikkostitwixxi bażi kuntrattwali valida għall-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni.

136    Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk kienx żbaljat li jiġi kkunsidrat li n-natura kuntrattwali tal-kumpens ta' l-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni tal-persunal kienet tirriżulta wkoll mill-prinċipju bażiku Nru 28 ta' l-ispeċifikazzjonijiet. Lanqas m'huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan il-kumpens jirriżultax minn awtorizzazzjonijiet awtonomi ta' l-awtoritajiet Spanjoli. Bl-istess mod, m'hemmx lok li l-Qorti tal-Prim'Istanza tippronunzja ruħha dwar it-talbiet għal miżuri istruttorji sabiex jiġu stabbiliti ċerti fatti dwar il-prinċipju bażiku Nru 28 u dwar l-awtorizzazzjonijiet awtonomi ta' l-awtoritajiet Spanjoli li, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jibdlu l-konklużjoni esposta fil-punt preċedenti.

137    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq it-tieni parti

138    Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li din wettqet żball ta' evalwazzjoni billi kkunsidrat li s-sussidju għal-likwidazzjoni kollu kien jirriżulta mill-kuntratt ta' l-1978. Skond ir-rikorrenti, il-kuntratt ta' l-1978 jimponi l-imputazzjoni ta' l-ispejjeż ta' likwidazzjoni lis-snin finanzjarji li magħhom huma marbuta dawn l-ispejjeż u t-twettiq ta' tpaċija bejn dawn l-ispejjeż u l-eventwali bilanċi pożittivi li jirriżultaw f'dawk is-snin finanzjarji. Is-sussidju għal-likwidazzjoni, għaldaqstant, seta' jkopri l-ispejjeż ta' likwidazzjoni biss sakemm is-snin finanzjarji li magħhom huma marbuta dawn l-ispejjeż ma rriżultawx f'bilanċ pożittiv suffiċjenti sabiex issir tpaċija.

139    Anki jekk jitqies li l-kuntratt ta' l-1978 jimponi li l-ispejjeż ta' likwidazzjoni jiġu imputati lis-snin finanzjarji li magħhom huma marbuta dawn l-ispejjeż u li ssir tpaċija bejn dawn l-ispejjeż u l-eventwali bilanċi pożittivi li jirriżultaw f'dawn is-snin finanzjarji, dan ma jfissirx, madankollu, li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-ammont kollu tas-sussidju għal-likwidazzjoni kien jirriżulta mill-kuntratt ta' l-1978.

140    Fil-fatt, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li s-sezzjoni "investimenti" tal-kont ta' l-Istat kellha żbilanċ matul il-perijodu kollu tal-kuntratt ta' l-1978 u li s-sezzjoni "operazzjonijiet" tal-kont ta' l-Istat ukoll kellha żbilanċ fis-snin finanzjarji kollha tal-kuntratt ta' l-1978 minbarra fis-snin finanzjarji 1987, 1988 u 1991 sa 1995. Minn dan jirriżulta li, ħlief f'dawn is-snin finanzjarji ta' l-aħħar, il-kont ta' l-Istat qatt ma kellu bilanċ pożittiv.

141    Fir-rigward tas-snin finanzjarji 1987, 1988 u 1991 sa 1995, huwa paċifiku li s-sezzjoni "investimenti" kellha żbilanċ akbar mill-bilanċ pożittiv tas-sezzjoni "operazzjonijiet", b'mod li, wara tpaċija bejn iż-żewġ sezzjonijiet, il-kont ta' l-Istat xorta waħda ma kellux bilanċ pożittiv f'dawn is-snin finanzjarji.

142    Huwa minnu li r-rikorrenti targumenta li t-tpaċija bejn iż-żewġ sezzjonijiet tal-kont ta' l-Istat mhijiex konformi mal-prinċipju bażiku Nru 25 ta' l-ispeċifikazzjonijiet. Madankollu, l-interpretazzjoni ta' dan il-prinċipju proposta mir-rikorrenti la hija sostnuta mill-formulazzjoni ta' din id-dispożizzjoni u lanqas mill-applikazzjoni tagħha fil-kuntest tal-kuntratt ta' l-1978. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-prinċipju bażiku Nru 25 ta' l-ispeċifikazzjonijiet jipprevedi l-possibbiltà ta' kontribuzzjonijiet ta' fondi pubbliċi sabiex tiġi bbilanċjata kull waħda miż-żewġ sezzjonijiet tal-kont ta' l-Istat bl-ebda mod ma jeskludi li l-ammont ta' dawn il-kontribuzzjonijiet jiġi kkalkulat wara li l-eventwali bilanċi pożittivi f'sezzjoni waħda jkunu ntużaw għat-tpaċija ta' l-iżbilanċi fis-sezzjoni l-oħra. F'dan ir-rigward, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, mir-rapport tat-Tribunal de Cuentas jirriżulta li l-bilanċi pożittivi mill-operat ġew sistematikament użati għat-tpaċija ta' l-iżbilanċi fis-sezzjoni "investimenti" bl-iskop li titnaqqas il-kontribuzzjoni annwali ta' fondi pubbliċi.

143    Minkejja li r-rikorrenti tallega li r-rapport tat-Tribunal de Cuentas jista' jkun fih żball fir-rigward tat-tpaċija bejn is-sezzjonijiet tal-kont ta' l-Istat, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tressaq l-ebda prova li jista' joħloq dubju dwar il-veraċità tad-data użata f'dan ir-rapport li hija stess ipproduċiet fil-kuntest ta' din il-kawża. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza tordna l-produzzjoni tar-rapporti ta' verifika ta' l-IGAE għas-snin finanzjarji 1990 sa 1997 sabiex tiġi stabbilita jekk seħħitx jew le tpaċija bejn iż-żewġ sezzjonijiet tal-kont ta' l-Istat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Lulju 1982, Klöckner-Werke vs Il-Kummissjoni, 119/81, Ġabra p. 2627, punt 8).

144    Peress li ma ġiex stabbilit li l-kont ta' l-Istat kellu xi bilanċ pożittiv li seta' jiġi użat għat-tpaċija ta' l-ispejjeż ta' likwidazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta aċċettat li s-sussidju għal-likwidazzjoni kien ikopri l-ispejjeż kollha ta' likwidazzjoni mingħajr ma allokat dawn l-ispejjeż lis-snin finanzjarji li magħhom kienu marbuta. Għaldaqstant, it-tieni parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

145    Finalment, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-awtoritajiet Spanjoli jipproduċu l-inkartament kollu dwar il-likwidazzjoni tal-kuntratt ta' l-1978 bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' negozjati bejn l-awtoritajiet Spanjoli u Trasmediterránea, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti ma tispjegax kif abbażi ta' tali negozjati jew taċ-ċirkustanzi tal-ħolqien tal-kont ta' likwidazzjoni jista' jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li s-sussidju għall-1997 u s-sussidju għal-likwidazzjoni jirriżultaw mill-kuntratt ta' l-1978. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li tintlaqa' t-talba għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti.

146    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv dwar l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċerna s-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni.

II –  Fuq is-sussidju għall-1998

147    Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tawtorizza l-ħlas tas-sussidju għall-1998 bħala għajnuna ġdida kompatibbli mas-suq komuni. F'dan ir-rigward hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 88 KE, l-Artikolu 86(2) KE u l-obbligu ta' motivazzjoni ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet.

148    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, tikkontesta l-fondatezza ta' dawn il-motivi.

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 88 KE

1.     L-argumenti tal-partijiet

149    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 88 KE minħabba li l-Kummissjoni, f'din id-deċiżjoni, ma rrispettatx il-portata tal-miżuri xierqa proposti fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978 billi kklassifikat is-sussidju għall-1998 bħala għajnuna ġdida u billi eżaminat il-kompatibbiltà ta' dan is-sussidju fid-dawl ta' l-Artikoli 86 KE u 87 KE.

150    F'dan ir-rigward hija ssostni, l-ewwel nett, li mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 659/1999 u mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta Stat Membru jaċċetta l-miżuri proposti mill-Kummissjoni, huwa jkun marbut, permezz ta' din l-aċċettazzjoni, li jimplementa l-imsemmija miżuri (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, u tal-15 ta' Ottubru 1996, IJssel-Vliet Combinatie, C-311/94, Ġabra p. I-5023, punti 35 etseq.). In-natura vinkolanti tal-miżuri xierqa proposti u aċċettati għandha tiġi infurzata wkoll fir-rigward tal-Kummissjoni li ma tistax, sussegwentement, tinjora l-kontenut u l-effetti tagħhom.

151    It-tieni nett, hija ssostni li r-Renju ta' Spanja aċċetta l-proposta għal miżuri xierqa magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978. Skondha, il-miżuri xierqa proposti u aċċettati kienu jistiednu lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex ixolju l-kuntratt ta' l-1978 b'effett mill-31 ta' Diċembru 1997 u jniedu sejħa għal offerti bl-iskop li jiġi konkluż kuntratt ta' servizz pubbliku ġdid. Sabiex tistabbilixxi dan il-fatt, hija titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-inkartament dwar il-proposta għal miżuri xierqa.

152    Skond ir-rikorrenti, l-awtoritajiet Spanjoli ma ħadux il-miżuri xierqa fir-rigward tar-rotot marittimi bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji u, mill-1 ta' Jannar 1998, Trasmediterránea kompliet topera dawn ir-rotot u rċeviet sussidju taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-kuntratt ta' l-1978, li fit-teorija ma kellux aktar effett, mingħajr ma saret l-aġġudikazzjoni ta' dan is-servizz, u, għaldaqstant, mingħajr ma ġiet iddeterminata l-ispiża ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, fil-kuntest ta' proċedura ta' sejħa għal offerti. Għaldaqstant, il-miżuri xierqa aċċettati ma ġewx irrispettati.

153    Barra minn hekk, l-ebda element ġdid ma jippermetti lill-Kummissjoni li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni, li tinsab fil-proposta għal miżuri xierqa, li skondha s-servizzi offruti minn Trasmediterránea ma jikkostitwixxux servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali minħabba li kienet teżisti kompetizzjoni għall-provvista ta' dawn is-servizzi.

154    Fl-ewwel lok, il-fatt li s-servizzi koperti mis-sussidju għall-1998 kienu jikkonċernaw biss ir-rotot bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu filwaqt li l-proposta għal miżuri xierqa kienet tikkonċerna r-rotot kollha koperti mill-kuntratt ta' l-1978 ma jċaħħadx mir-rilevanza l-evalwazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978 għall-eżami tas-sussidju għall-1998.

155    Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978 kienet tikkonċerna espressament ir-rotot marittimi tal-Kanarji. F'dan ir-rigward, hija ssostni li mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-introduzzjoni tal-proposta għal miżuri xierqa jirriżulta li din il-proposta kienet ġiet adottata wara lmenti li kienu jirrigwardaw preċiżament l-imġiba antikompetittiva ta' Trasmediterránea fl-operazzjoni tar-rotot tal-Kanarji. Barra minn hekk, permezz ta' dawn il-miżuri xierqa, il-Kummissjoni rreferiet b'mod taċitu għar-rotot tal-Kanarji. Dan jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni kkritikat il-flessibbiltà kummerċjali prevista fil-kuntratt ta' l-1978, flessibbiltà li kienet preċiżament is-suġġett ta' lment tar-rikorrenti fir-rigward tar-rotta Tenerife-Agaete-Gran Canaria. Dan jirriżulta wkoll mill-fatt li, fil-proposta għal miżuri xierqa, il-Kummissjoni indikat li hija kellha dubji serji dwar il-bżonn li jiġu imposti obbligi ta' servizz pubbliku fuq uħud mir-rotot marittimi in kwistjoni peress li dawn ir-rotot setgħu jiġu jew kienu moqdija b'mod adegwat minn impriżi privati li kienu joperawhom fuq bażi kummerċjali.

156    Sabiex tistabbilixxi jekk il-Kummissjoni tatx attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tas-suq tal-Kanarji, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-inkartament dwar il-proposta għal miżuri xierqa.

157    Fit-tieni lok, in-natura allegatament provviżorja ta' l-iskema li wasslet għall-għoti tas-sussidju għall-1998 lanqas m'hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika eżami mill-ġdid tal-kriterji applikati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978. Minn naħa, l-iskema li wasslet għas-sussidju għall-1998 mhijiex verament provviżorja peress li d-deċiżjoni tad-9 ta' Ottubru 1998 tippermetti lil Trasmediterránea sabiex toffri servizzi fuq ir-rotot in kwistjoni mingħajr limitazzjoni fiż-żmien. Min-naħa l-oħra, kif osservat il-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-eżami tal-kuntratt ta' l-1998 [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/156/KE, tad-19 ta' Lulju 2000, dwar għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur is-settur tat-trasport marittimu (kuntratt ġdid ta' servizzi pubbliċi marittimi) (ĠU L 57, 2001, p. 32)], l-awtoritajiet tal-Kanarji kellhom żmien biżżejjed sabiex jistabbilixxu skema legali li tikkonforma mad-dritt Komunitarju u/jew li ma tippreġudikax il-kontinwità tas-servizz pubbliku. Fi kwalunkwe każ, ir-riskju ta' interruzzjoni fis-servizzi ta' konnessjoni bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji ma kienx jeżisti peress li dawn ir-rotot kienu moqdija b'mod suffiċjenti mhux biss minn Trasmediterránea iżda wkoll minn kumpanniji marittimi kompetituri.

158    Sabiex tipprova n-nuqqas ta' natura provviżorja ta' l-awtorizzazzjonijiet li jikkostitwixxu l-iskema provviżorja, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jipproduċu, minn naħa, l-inkartament ikkompilat mill-Consejería de Turismo y transportes tal-Komunità Awtonoma tal-Kanarji fil-kuntest tat-talba mressqa minn Trasmediterránea għall-ħlas tas-somom allegatament dovuti lilha sabiex ikopru l-iżbilanċ mill-operazzjoni ta' rotot ta' kabotaġġ ta' servizz pubbliku bejn il-gżejjer matul is-snin finanzjarji 1998, 1999 u 2000, u, min-naħa l-oħra, l-inkartament sħiħ dwar is-sejħiet għal offerti fir-rigward tar-rotot ta' servizz pubbliku fil-Kanarji wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Nru 133/1998 kif ukoll l-inkartament sħiħ imħejji bi preparazzjoni għall-adozzjoni tad-Digriet Nru 133/1998, b'mod partikolari l-istudji, rapporti u informazzjoni ekonomika li abbażi tagħhom ġie ppreparat l-anness li jiddefinixxi l-obbligi ta' servizz pubbliku.

159    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, issostni, fl-ewwel lok, li l-proposta għal miżuri xierqa dwar il-kuntratt ta' 1978, aċċettata mir-Renju ta' Spanja, m'għandhiex effetti ġuridiċi vinkolanti għall-iskema provviżorja.

160    F'dan ir-rigward hija ssostni li, billi temmew il-kuntratt ta' l-1978, l-awtoritajiet Spanjoli "eżawrew il-portata ġuridika diretta" tal-proposta għal miżuri xierqa. Skondha, minn dan il-mument, il-miżuri l-ġodda adottati mid-diversi awtoritajiet Spanjoli, jiġifieri, minn naħa, l-iskema provviżorja li taqa' taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet tal-Kanarji u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt ta' l-1998 li jaqa' taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali, kellhom jiġu eżaminati bħala għajnuniet ġodda. Skondha, minħabba l-bidla fil-perijodu ta' validità tagħha, l-iskema provviżorja kienet tikkostitwixxi, minkejja l-identiċità materjali tagħha mal-kuntratt ta' l-1978, għajnuna ġdida. Hija żżid li, li kieku kkunsidrat li l-kuntratt ta' l-1978 u l-iskema provviżorja kienu eżattament identiċi, l-iskema provviżorja kien ikollha tiġi rikonoxxuta bħala għajnuna eżistenti, liema rikonoxximent kien jagħmel impossibbli l-irkuprar ta' l-għajnuniet mogħtija taħt din l-iskema. Raġunament bħal dan, minbarra l-fatt li huma manifestament inadegwat f'dan il-każ, kien jipproduċi riżultati probabbilment kuntrarji għal dawk mixtieqa mir-rikorrenti.

161    Fit-tieni lok, hija ssostni li l-analiżi tal-kuntratt ta' l-1978 li tinsab fil-proposta għal miżuri xierqa mhijiex direttament applikabbli għas-sitwazzjoni fl-arċipelagu fl-1998 peress li din l-analiżi tikkonċerna l-konnessjonijiet marittimi fit-territorju Spanjol kollu u mhux is-sitwazzjoni partikolari tal-kabotaġġ bejn il-gżejjer fil-Kanarji. Il-fatt li din il-proposta għal miżuri xierqa kienet ippreċeduta minn ilmenti tar-rikorrenti bl-ebda mod ma jaffettwa din il-konklużjoni peress li, minkejja li r-rikorrenti kienet qiegħda tirreferi biss għas-sitwazzjoni tal-Kanarji, il-Kummissjoni kienet eżaminat il-problema mqajma minn aspett globali.

162    Hija żżid li hija kellha teżamina s-sitwazzjoni fl-arċipelagu tal-Kanarji fid-dawl tar-regoli applikabbli, fosthom, minn naħa, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3577/92 li jipprovdi li sa l-1 ta' Jannar 1999 ma kienet imposta l-ebda liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ fil-gżejjer tal-Kanarji u, min-naħa l-oħra, il-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu li ma kinux jimponu l-użu tas-sejħiet għal offerti sabiex jingħataw kuntratti ta' servizzi pubbliċi.

163    Minn dan hija tikkonkludi li t-twettiq ta' analiżi ta' kontabbiltà ta' l-iskema provviżorja distinta mill-analiżi li hija kienet wettqet fil-kuntest tal-proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978 kien perfettament iġġustifikat. Għaldaqstant, il-motiv tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur ta' l-Artikolu 88 KE minħabba n-nuqqas ta' osservanza tal-proposta għal miżuri xierqa aċċettata huwa infondat.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

164    Kif sostniet ġustament ir-rikorrenti, mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, meta, fil-kuntest tal-proċedura ta' eżami ta' l-iskemi ta' għajnuniet eżistenti, Stat Membru jaċċetta l-proposta għal miżuri xierqa li tkun saritlu, huwa jkun marbut, permezz ta' din l-aċċettazzjoni, li jimplementa l-imsemmija miżuri.

165    F'dan il-każ, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni mhijiex qiegħda tikkontesta li l-proposta għal miżuri xierqa kienet ġiet aċċettata mill-awtoritajiet Spanjoli. Għaldaqstant, dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit mingħajr mhuwa meħtieġ li tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-inkartament dwar il-proposta għal miżuri xierqa.

166    Għandu jiġi osservat ukoll li, kif isostnu ġustament il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja, l-effetti ġuridiċi vinkolanti tal-miżuri xierqa aċċettati, li kienu jikkonċernaw l-emenda tal-kuntratt ta' l-1978, spiċċaw fl-istess mument li ntemm il-kuntratt ta' l-1978.

167    Finalment, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li s-sussidju għall-1998 jikkostitwixxi għajnuna ġdida, fis-sens ta' l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, fatt li neċessarjament jeskludi li dan is-sussidju ngħata taħt il-kuntratt ta' l-1978.

168    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri xierqa aċċettati ma jistgħux jikkostitwixxu l-kuntest għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sussidju għall-1998 mas-suq komuni. Din il-kompatibbiltà għandha tiġi evalwata direttament fir-rigward tar-regoli tat-Trattat KE.

169    Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978 kinux jikkonċernaw speċifikament il-kabotaġġ bejn il-gżejjer tal-Kanarji b'mod li l-Kummissjoni ma setgħatx tasal għal konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tas-sussidju għall-1998 differenti minn dik li wasslitha sabiex tipproponi l-miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978, mingħajr ma tiġġustifika r-raġunijiet li wassluha sabiex tibdel l-evalwazzjoni tagħha.

170    F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-iskema provviżorja tkopri biss il-provvista ta' servizzi ta' konnessjonijiet marittimi bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu, filwaqt li l-kuntratt ta' l-1978 kien intiż sabiex jirregola l-provvista ta' servizzi ta' konnessjonijiet marittimi mhux biss bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji iżda anki bejn diversi punti tal-peniżola, minn naħa, u l-gżejjer Baleariċi, l-Afrika ta' Fuq u l-Kanarji, min-naħa l-oħra.

171    Għandu jiġi mfakkar ukoll li r-rikorrenti ma tipprovax li l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978 kienu jikkonċernaw il-konnessjonijiet marittimi bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji.

172    L-ewwel nett, il-fatt li l-proposta għal miżuri xierqa saret bi tweġiba għall-ilmenti dwar l-imġiba antikompetittiva ta' Trasmediterránea fl-operazzjoni tar-rotot marittimi tal-Kanarji ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-proposta għal miżuri xierqa kienet neċessarjament tikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari tal-kabotaġġ bejn il-gżejjer tal-Kanarji. Fil-fatt, peress li l-proposta għal miżuri xierqa kienet tikkonċerna l-kuntratt ta' l-1978 fl-intier tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet tkopri l-kuntratt ta' l-1978 kollu u mhux biss is-sitwazzjoni tar-rotot tal-Kanarji.

173    It-tieni nett, m'hemm xejn li jindika li l-Kummissjoni kienet qiegħda tirreferi għar-rotot marittimi tal-Kanarji meta, fil-proposta għal miżuri xierqa, hija espremiet dubji serji dwar il-ħtieġa li jiġu imposti obbligi ta' servizz pubbliku fuq ċerti rotot peress li dawn ir-rotot huma jew jistgħu jiġu moqdija b'mod adegwat minn impriżi privati li joperaw dawn ir-rotot fuq bażi kummerċjali. B'mod aktar partikolari, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li r-rotot li fuqhom, skond il-proposta għal miżuri xierqa, kienet teżisti kompetizzjoni adegwata kienu neċessarjament ir-rotot tal-Kanarji.

174    It-tielet nett, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-kuntratt ta' l-1978 kien joffri lil Trasmeditteránea flessibbiltà kummerċjali, li mhijiex koerenti ħafna ma' funzjoni ta' servizz pubbliku, lanqas ma tindika li l-proposta għal miżuri xierqa kienet tikkonċerna speċifikament is-sitwazzjoni ta' bejn il-gżejjer tal-Kanarji.

175    Għall-kuntrarju, il-fatt li l-proposta għal miżuri xierqa kienet tistieden lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jadattaw il-kuntratt ta' l-1978 għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u b'mod partikolari għar-regoli dwar il-kuntratti ta' servizz pubbliku jagħti x'jifhem li din il-proposta għal miżuri xierqa ma kinitx tikkonċerna r-rotot tal-Kanarji operati minn Trasmediterránea taħt il-kuntratt ta' l-1978. Fil-fatt, skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3577/92, ma kienet imposta l-ebda liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ bejn il-gżejjer tal-Kanarji qabel l-1 ta' Jannar 1999. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx utilment tipproponi lill-awtoritajiet Spanjoli li jemendaw l-iskema ta' provvista ta' servizzi ta' konnessjoni marittima bejn il-gżejjer tal-Kanarji.

176    Għaldaqstant, mhuwiex stabbilit li l-evalwazzjonijiet kritiċi tal-Kummissjoni li jinsabu fil-proposta għal miżuri xierqa kienu jikkonċernaw speċifikament il-konnessjonijiet marittimi tal-Kanarji.

177    Peress li r-rikorrenti ma tressaqx argumenti serji in sostenn tat-teżi tagħha, mhuwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi l-inkartament kollu dwar il-proposta għal miżuri xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni tatx attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tas-suq tal-Kanarji. Barra minn hekk, peress li l-konklużjoni esposta fil-punt preċedenti bl-ebda mod ma tiddependi fuq il-kwistjoni jekk l-iskema provviżorja maħluqa bid-deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 1997 hijiex tranżitorja jew le, lanqas m'huwa meħtieġ li jiġu ordnati miżuri istruttorji li allegatament huma xierqa sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas tan-natura tranżitorja ta' l-iskema provviżorja.

178    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 88(1) KE li allegatament irriżulta minn interpretazzjoni ħażina, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-portata tal-miżuri xierqa dwar il-kuntratt ta' l-1978 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 86(2) KE u fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

179    Ir-rikorrenti taqsam dan il-motiv f'ħames partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq in-nuqqas ta' att ta' l-awtorità pubblika li jinkariga lil Trasmediterránea bil-ġestjoni ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. It-tieni waħda hija bbażata fuq in-nuqqas ta' kontenut speċifiku ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku allegatament assenjati lil Trasmediterránea. Permezz tat-tielet parti tal-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-bżonn li s-servizz offrut minn Trasmediterránea fl-arċipelagu tal-Kanarji fl-1998 jiġi elevat għall-istatus ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. Permezz tar-raba' parti tal-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta n-nuqqas ta' aġġudikazzjoni pubblika sabiex Trasmediterránea ngħatat l-allegata funzjoni ta' servizz pubbliku u nuqqas ta' motivazzjoni dwar dan il-punt. Il-ħames parti hija bbażata fuq in-natura inadegwata tas-sussidju għall-1998 u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt.

1.     Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta' att ta' l-awtorità pubblika

a)     L-argumenti tal-partijiet

180    Ir-rikorrenti ssostni li, skond il-ġurisprudenza, impriża tista' tiġi kkunsidrata bħala inkarigata sabiex tiġġestixxi servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, fis-sens ta' l-Artikolu 86(2) KE, jekk hija tkun inkarigata sabiex tipprovdi dan is-servizz permezz ta' att ta' l-awtorità pubblika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, Ġabra p. I-5815, punt 65).

181    Issa, f'dan il-każ, l-ebda att ta' l-awtorità pubblika ma jobbliga lil Trasmediterránea sabiex tipprovdi s-servizzi li għalihom hija rċeviet is-sussidju għall-1998. Fil-fatt, id-deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 1997 li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-Kanarji awtorizzaw lil Trasmediterránea sabiex tipprovdi s-servizzi ta' konnessjoni marittima bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji mhijiex vinkolanti fir-rigward ta' Trasmediterránea. F'dan ir-rigward hija ssostni, minn naħa, li din l-awtorizzazzjoni ngħatat b'risposta għal talba ta' Trasmediterránea u, min-naħa l-oħra, li Trasmediterránea kienet unilateralment abbandunat l-operazzjoni ta' wħud mir-rotot koperti minn din l-awtorizzazzjoni jew bidlet dawn ir-rotot meta dehrilha opportun għall-interessi kummerċjali tagħha. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' att ta' l-awtorità pubblika li jimponi obbligi fuq Trasmediterránea, waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 86(2) mhijiex sodisfatta, u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li s-sussidju għall-1998 kien kompatibbli fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.

182    Il-Kummissjoni ssostni li l-ġestjoni ta' servizz pubbliku ta' konnessjoni marittima bejn il-gżejjer tal-Kanarji kienet ġiet fdata lil Trasmediterránea, għal perijodu determinat, permezz tad-deċiżjonijiet tat-18 ta' Diċembru 1997, tat-30 ta' Marzu 1998 u tal-11 ta' Ġunju 1998 ta' l-awtoritajiet tal-Kanarji. Dawn id-deċiżjonijiet jiddefinixxu l-portata ta' l-imsemmija servizzi u l-iskema li għalihom huma suġġetti, anki jekk din id-definizzjoni hija stabbilita b'referenza għall-iskema tal-kuntratt ta' l-1978. Dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li funzjoni bħal dawk previsti fl-Artikolu 86(2) KE kienet ġiet fdata lil Trasmediterránea.

183    Hija żżid li l-Artikolu 86(2) KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, ma jimponi l-ebda rekwiżit formali iżda jikkonċentra fuq aspetti funzjonali. B'hekk, din id-dispożizzjoni ma titlobx li l-att li permezz tiegħu tingħata l-funzjoni jkun liġi jew regolament u lanqas li dan l-att ikun neċessarjament vinkolanti, kif jispjega l-punt 22 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa. L-uniku fattur determinanti huwa l-eżistenza ta' rieda min-naħa ta' l-awtorità pubblika li tafda funzjoni lill-impriża kkonċernata li tipprekludi li l-impriża in kwistjoni taġixxi unilateralment.

184    F'dan il-każ, matul il-perijodu li matulu kienet tapplika l-iskema provviżorja, Trasmediterránea m'aġixxietx unilateralment iżda skond atti adottati mill-Gvern tal-Kanarji fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tas-suq.

185    Ir-Renju ta' Spanja jsostni, essenzjalment, li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Gvern tal-Kanarji, fil-kuntest tal-kompetenzi mgħoddija lilu, tat lil Trasmediterránea funzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 86(2) KE.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

186    Kif issostni ġustament ir-rikorrenti, l-impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali għandhom ikunu ngħataw din il-funzjoni permezz ta' att ta' l-awtorità pubblika (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T-204/97 u T-270/97, Ġabra p. II-2267, punt 126, u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    F'dan il-każ, huwa paċifiku li Trasmediterránea pprovdiet is-servizzi ta' konnessjoni marittima bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji mill-1 ta' Jannar 1998 bis-saħħa tad-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet tal-Kanarji tat-18 ta' Diċembru 1997, ipprorogata bid-deċiżjonijiet tat-30 ta' Marzu, 11 ta' Ġunju u 9 ta' Ottubru 1998. Għaldaqstant, kien tabilħaqq b'att ta' l-awtorità pubblika li Trasmediterránea ngħatat il-funzjoni li tipprovdi s-servizzi kkonċernati.

188    Il-fatt li din il-funzjoni ngħatat lil Trasmediterránea b'risposta għal talba ta' dan l-operatur mhuwiex ta' natura li jqiegħed fid-dubju l-konklużjoni esposta fil-punt preċedenti. Fil-fatt, funzjoni ta' servizz pubbliku tista' tingħata lil operatur permezz ta' konċessjoni ta' servizz pubbliku (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' April 1994, Almelo et, C-393/92, Ġabra p. I-1477, punt 47). Issa, konċessjoni tista' tingħata biss bl-aċċettazzjoni tal-konċessjonarju. Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-involviment ta' l-operatur inkarigat b'funzjoni ta' servizz pubbliku fil-proċess li permezz tiegħu din il-funzjoni tiġi fdata lilu ma jfissirx li din il-funzjoni ma tirriżultax minn att ta' l-awtorità pubblika.

189    Barra minn hekk, il-fatt, mhux ikkontestat mill-Kummissjoni, li Trasmediterránea abbandunat l-operazzjoni ta' ċerti rotot koperti mill-iskema provviżorja lanqas ma jista' jqiegħed fid-dubju l-konklużjoni esposta fil-punt 187 aktar 'il fuq. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rinunzja unilaterali għall-provvista ta' servizz hija, fil-prinċipju, kompatibbli ma' l-impożizzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 64). Issa, neċessarjament, obbligi ta' servizz pubbliku jistgħu jiġu imposti biss permezz ta' att ta' l-awtorità pubblika. Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza, applikata għaċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, jirriżulta li l-abbandun minn Trasmediterránea ta' l-operazzjoni ta' ċerti rotot mhuwiex ta' natura li jipprova li l-ebda att ta' l-awtorità pubblika ma inkariga lil Trasmediterránea bil-ġestjoni ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali.

190    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li ġie stabbilit, il-fatt li l-kundizzjonijiet ta' l-operazzjoni ta' ċerti rotot marittimi ġew abbandunati jew mibdula unilateralment jindika, l-aktar l-aktar, li Trasmediterránea m'onoratx uħud mill-obbligi imposti fuqha mill-iskema provviżorja.

191    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' definizzjoni preċiża ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku

a)     L-argumenti tal-partijiet

192    Ir-rikorrenti ssostni li mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 jirriżulta li l-obbligi ta' servizz pubbliku għandu jkollhom kontenut speċifiku.

193    Dan l-obbligu ta' definizzjoni preċiża ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku jirriżulta wkoll mil-Linji Gwida Komunitarji dwar it-trasport marittimu. Huwa minnu li l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu ma jistgħux jiġi kklassifikati bħala regoli ta' dritt li l-amministrazzjoni hija marbuta tirrispetta f'kull każ. Madankollu, dawn il-Linji Gwida jipprovdu regoli ta' kondotta li jindikaw il-prassi li għandha tiġi segwita u li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora mingħajr ma tagħti r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel hekk, billi altrimenti tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Jannar 1974, Louwage vs Il-Kummissjoni, 148/73, Ġabra p. 81, punt 12; ta' l-1 ta' Diċembru 1983, Michael vs Il-Kummissjoni, 343/82, Ġabra p. 4023, punt 14, u tad-9 ta' Ottubru 1984, Adam et vs Il-Kummissjoni, 80/81 sa 83/81 u 182/82 sa 185/82, Ġabra p. 3411, punt 22).

194    F'dan il-każ, l-ebda regola jew l-ebda att, unilaterali jew kuntrattwali, ma jiddefinixxi b'mod ċar u preċiż l-allegati obbligi ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali li bihom Trasmediterránea ġiet inkarigata.

195    Fil-fatt, id-deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 1997, li tipprovdi awtorizzazzjoni provviżorja, tagħmel referenza biss għas-servizzi li Trasmediterránea kienet tipprovdi diġà fil-kuntest tal-kuntratt ta' l-1978. Issa, kif il-Kummissjoni diġà osservat fil-proposta għal miżuri xierqa, il-kuntratt ta' l-1978 ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi ta' definizzjoni u ta' preċiżjoni meħtieġa. B'mod aktar partikolari, fir-rigward ta' ċerti aspetti essenzjali, bħalma huma t-tabella tas-servizzi jew il-lista tat-tariffi, il-proposta għal miżuri xierqa kienet osservat li l-kuntratt ta' l-1978 kien jagħti lil Trasmediterránea libertà wiesgħa ta' azzjoni fis-suq, li hija inkompatibbli mar-rwol tagħha bħala fornitur ta' servizzi regolari ta' trasport marittimu ffinanzjati minn fondi pubbliċi.

196    Hija żżid, essenzjalment, li d-definizzjoni ta' l-obbligi previsti fid-Digriet Nru 113/1998 ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(2) KE. Minn naħa, il-prinċipju ta' non-retroattività tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jipprekludi li l-imsemmi digriet japplika għall-awtorizzazzjoni provviżorja mogħtija minn deċiżjoni preċedenti. Min-naħa l-oħra, Trasmediterránea lanqas biss ipprovat tassigura li l-awtorizzazzjoni provviżorji jissodisfaw ir-rekwiżiti fformulati fl-imsemmi digriet.

197    Fin-nuqqas ta' definizzjoni ċara u preċiża tal-funzjoni mogħtija lil Trasmediterránea, is-sussidju għall-1998 ma jistax jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 86(2) KE.

198    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, issostni li l-awtorizzazzjonijiet provviżorji kien fihom definizzjoni tas-servizzi fdati b'mod temporanju lil Trasmediterránea permezz ta' referenza għal dawk li jinsabu fil-kuntratt ta' l-1978. Din id-definizzjoni mhijiex ġenerali iżda hija dettaljata u preċiża ħafna. Minn dan jirriżulta li l-obbligi ta' servizz pubbliku mogħtija b'mod tranżitorju lil Trasmediterránea mill-awtoritajiet tal-Kanarji kienu ddefiniti b'mod suffiċjenti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 86(2) KE.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

199    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 li, skond ir-rikorrenti, jeżiġi definizzjoni preċiża tal-kontenut ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta' jekk is-sussidju għall-1998 huwiex kopert mill-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt, mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3577/92 jirriżulta li l-kabotaġġ fir-rigward ta' l-arċipelagu tal-Kanarji kien temporanjament eżentat mill-applikazzjoni ta' l-imsemmi regolament sa l-1 ta' Jannar 1999. Issa, huwa paċifiku li s-sussidju għall-1998 jikkonċerna servizzi ta' kabotaġġ fl-arċipelagu tal-Kanarji għas-sena 1998 biss. Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 3577/92 ma japplikax għaċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ.

200    Bl-istess mod, huwa għalxejn li r-rikorrenti tinvoka l-Linji Gwida Komunitarji fil-qasam ta' trasport marittimu fil-kuntest ta' din il-parti. Huwa minnu li l-punt 9 ta' dawn il-Linji Gwida jipprovdi li l-obbligi ta' servizz pubbliku għandhom ikunu s-suġġett ta' definizzjoni ċara. Madankollu, din il-kundizzjoni tapplika biss meta tkun qiegħda tiġi ddeterminata l-kwistjoni jekk ir-rimbors ta' telf mill-operat li jirriżulta direttament mit-twettiq ta' ċerti obbligi ta' servizz pubbliku jistax jevita li jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. Issa, f'dan il-każ, huwa paċifiku li s-sussidju għall-1998 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat bħal din. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, ir-rekwiżit ta' definizzjoni tal-kontenut ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku stabbiliti fil-Linji Gwida Komunitarji fil-qasam ta' trasport marittimu mhuwiex applikabbli.

201    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-Artikolu 86(2) KE jista' jeżenta s-sussidju għall-1998 mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat biss jekk l-obbligi ta' servizz pubbliku li wasslu għal dan is-sussidju jkunu ddefiniti b'mod ċar, għandu jiġi kkonstatat li hekk ġara f'dan il-każ. Fil-fatt, id-deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 1997, kif ipprorogata sussegwentament, tagħti lil Trasmediterránea l-funzjoni li tipprovdi s-servizzi ta' konnessjoni bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji li din il-kumpannija kellha tipprovdi taħt il-kuntratt ta' l-1978. Dan il-kuntratt jiddefinixxi l-konnessjonijiet li kellhom jiġu operati, il-frekwenza ta' dawn il-konnessjonijiet u l-karatteristiċi tekniċi tal-bastimenti użati għal dawn il-konnessjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligi in kwistjoni huma ddefiniti b'mod ċar.

202    Fir-rigward ta' dan ta' l-aħħar, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li dan il-kuntratt ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti minimi ta' definizzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku mogħtija lil Trasmediterránea. Fil-fatt, fil-proposta għal miżuri xierqa tagħha, il-Kummissjoni sempliċement osservat li Trasmediterránea kienet "f'pożizzjoni li temenda jew tibdel it-tabella ta' servizzi u l-lista ta' tariffi […], bl-approvazzjoni minn qabel ta' l-awtoritajiet kompetenti, [sitwazzjoni li kienet tagħtiha] libertà ta' azzjoni fis-suq li ma kinitx kompatibbli mar-rwol tagħha ta' operatur ta' servizzi ta' trasport marittimu regolari ffinanzjati permezz ta' riżorsi pubbliċi". Din il-libertà ta' azzjoni bl-ebda mod ma teskludi l-eżistenza ta' definizzjoni ċara ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku mogħtija lil Trasmediterránea. Fil-fatt, peress li skond il-prinċipju bażiku Nru 5 ta' l-ispeċifikazzzjoni, kull bidla kellha tiġi approvata mill-amministrazzjoni kontraenti, id-definizzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku tirriżulta minn qari tal-kuntratt ta' l-1978 flimkien mad-deċiżjonijiet ta' approvazzjoni ta' l-eventwali bidliet magħmula f'dawn l-obbligi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li tippermetti li jingħad li Trasmediterránea bidlet it-tabella ta' servizzi tagħha mingħajr l-approvazzjoni ta' l-amministrazzjoni kontraenti jew li d-deċiżjonijiet ta' approvazzjoni ta' din l-amministrazzjoni kienu illegali.

203    Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligi ta' servizz pubbliku mogħtija lil Trasmediterránea fil-kuntest ta' l-iskema provviżorja huma ddefiniti b'mod ċar u, għaldaqstant, it-tieni parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3.     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' bżonn reali ta' servizz pubbliku

a)     L-argumenti tal-partijiet

204    Ir-rikorrenti ssostni li ma kienx meħtieġ li s-servizzi pprovduti minn Trasmediterránea fl-arċipelagu tal-Kanarji jiġu kklassifikati bħala ta' interess ekonomiku ġenerali. F'dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok, li, għalkemm l-Istat Membru għandu ċerta libertà fl-organizzazzjoni u fl-ippjanar tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, huma madankollu l-awtoritajiet Komunitarji li għandhom jivverifikaw jekk l-imsemmi servizz huwiex ippjanat b'mod li jissodisfa r-rekwiżiti materjali meħtieġa.

205    Skondha, dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw, l-ewwel nett, mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fl-Ewropa, li l-punt 14 tagħha jispeċifika li dawn is-servizzi huma differenti mis-servizzi ordinarji billi l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw li jeħtieġu li jiġu pprovvduti saħansitra meta s-suq jista' ma jkollux l-inċentivi biżżejjed sabiex jiġu pprovduti. It-tieni nett, fil-kuntest speċifiku tat-trasport marittimu, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3577/92 jiddefinixxi l-obbligu ta' servizz pubbliku bħala obbligu li l-proprjetarju ta' vapur tal-Komunità in kwistjoni, jekk jikkunsidra l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess grad jew taħt l-istess kundizzjonijiet.

206    Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li l-proposta għal miżuri xierqa kienet diġà osservat li kienu jeżistu dubji serji dwar il-bżonn li jiġu imposti obbligi ta' servizz pubbliku għal uħud mir-rotot in kwistjoni peress li dawn ir-rotot setgħu jiġu jew kienu moqdija b'mod adegwat minn impriżi privati li kienu joperawhom fuq bażi kummerċjali u li kienu joffru livelli ta' frekwenza, ta' kontinwità, ta' regolarità u ta' rati simili. Din l-evalwazzjoni magħmula fl-1997 tgħodd, a fortiori, għas-sena 1998, sena li matulha kienet teżisti mhux biss kompetizzjoni qawwija fuq kważi r-rotot kollha ssussidjati, iżda kienu jeżistu wkoll konnessjonijiet adegwati bejn il-gżejjer permezz tal-baħar u ta' l-ajru.

207    In sostenn tat-teżi tagħha li l-konnessjonijiet marittimi bejn il-gżejjer ma kinux jikkostitwixxu funzjoni ta' servizz pubbliku, ir-rikorrenti sostniet ukoll, fis-seduta, li, permezz tas-sentenza tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2003, it-Tribunal Superior de Justicia de Canarias annulla d-Digriet Nru 113/1998. Skond ir-rikorrenti, il-motiv prinċipali għall-annullament tad-Digriet Nru 113/1998 jikkonsisti fil-fatt li ma kienx meħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi ta' servizz pubbliku minħabba l-livell ta' kompetizzjoni fis-suq tar-rotot bejn il-gżejjer tal-Kanarji u minħabba li kien hemm kumpanniji marittimi oħra li kienu jipprovdu dawn is-servizzi b'kapaċitajiet akbar, b'aktar bastimenti u mingħajr sussidju. L-annullament tad-Digriet Nru 113/1998 kien ibbażat ukoll fuq il-fatt li dan id-digriet u l-annessi tiegħu kollha kienu "magħmula speċifikament" għal Trasmediterránea u li dan id-digriet kien totalment kuntrarju għad-dritt Komunitarju u għad-dritt Spanjol.

208    Fis-seduta, ir-rikorrenti rreferiet għal darb'oħra għal dikjarazzjoni mid-Direttorat Ġenerali tat-Trasport tal-Gvern tal-Kanarji li tinsab fl-Anness 28 tar-rikors u li tidentifika, għall-1998 u għall-1999, il-kumpanniji kollha li kienu joperaw vjaġġi fl-arċipelagu tal-Kanarji, filwaqt li tispeċifika, fir-rigward ta' dawn il-vjaġġi, il-bastimenti, ir-rotot, il-kapaċitajiet u l-frekwenzi. Dawn il-vjaġġi kienu jiġu operati anki fin-nuqqas ta' obbligu ta' servizz pubbliku.

209    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, tosserva, fl-ewwel lok, li, skond il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 86(2) KE u dwar il-punt 22 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar is-servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku u li l-kontroll tal-Kummissjoni huwa fil-prinċipju limitat għal reazzjoni fil-każ ta' żbalji jew ta' abbużi manifesti.

210    Hija żżid, essenzjalment, li l-eżami tagħha seta' jikkonċerna biss il-bżonn li jiġu stabbiliti obbligi ta' servizz pubbliku fil-mument meta ġiet stabbilita l-iskema provviżorja ta' l-1998, jiġifieri fl-aħħar tas-sena 1997. Għaldaqstant, la d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-proposta għal miżuri xierqa u lanqas il-fatt li l-evoluzzjoni sussegwenti tas-sitwazzjoni ppermettiet li jinżammu ċerti servizzi bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji fin-nuqqas ta' obbligi ta' servizz pubbliku m'huma rilevanti f'dan il-każ.

211    Skond il-Kummissjoni, peress li sa Diċembru 1997 ir-rotot ikkonċernati kienu dejjem is-suġġett ta' obbligi ta' servizz pubbliku, ma kienx irraġonevoli li l-awtoritajiet kompetenti xtaqu jieħdu miżuri sabiex jassiguraw il-kontinwità tagħhom sakemm tidħol fis-seħħ l-iskema definittiva.

212    Fir-rigward tas-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Canarias li annullat id-digriet Nru 113/1998, il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja jsostnu, l-ewwel nett, li l-annullament ta' l-imsemmi digriet mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħtieġa li s-servizzi fdati lil Trasmediterránea fil-kuntest ta' l-iskema provviżorja jiġu kklassifikati bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

213    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja jsostnu li l-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 113/1998, annullat permezz tas-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Canarias, kien jipprevedi obbligi ta' servizz pubbliku għall-operaturi kollha filwaqt li l-iskema provviżorja kienet tikkonsisti f'kuntratt ta' servizz pubbliku konkluż ma' Trasmediterránea u li kien jipprovdi għal kumpens. Is-sentenza li tannulla d-Digriet Nru 113/1998 kienet tikkonċerna għaldaqstant sitwazzjoni differenti minn dik li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors.

214    Barra minn hekk, ir-Renju ta' Spanja jsostni li s-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Canarias hija s-suġġett ta' appell quddiem it-Tribunal Supremo (Qorti Suprema Spanjola).

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

215    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, għall-motivi diġà esposti fil-punt 199 aktar 'il fuq, ir-Regolament Nru 3577/92 ma japplikax għaċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ. Għaldaqstant, huwa inutli li r-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 2 ta' dan ir-regolament sabiex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet sostantivi li fihom servizz jista' jiġi kkunsidrat bħala servizz ta' interess ekonomiku ġenerali fis-sens ta' l-Artikolu 86(2) KE.

216    Għandu jiġi osservat, it-tieni nett, li, kif tesponi l-Kummissjoni fil-punt 22 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar is-servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta' x'jikkunsidraw bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T-106/95, Ġabra p. II-229, punt 99). Għaldaqstant, id-definizzjoni ta' dawn is-servizzi minn Stat Membru tista' titqiegħed fid-dubju mill-Kummissjoni biss f'każ ta' żball manifest.

217    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet tal-Kanarji ma wettqux żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidraw li, mill-1 ta' Jannar 1998 sal-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena, kien jeżisti bżonn ta' servizz pubbliku fuq ir-rotot tal-Kanarji, li sa dak il-mument kienu operati minn Trasmediterránea.

218    F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni, li, fit-tmiem tal-kuntratt ta' l-1978, ma kienx irraġonevoli għall-awtoritajiet tal-Kanarji li jikkunsidraw li l-istat tas-suq ma kienx jippermetti li tiġi assigurata l-kontinwità tas-servizz ta' konnessjoni marittima bejn il-gżejjer tal-Kanarji kif kien ipprovdut minn Trasmediterránea sal-31 ta' Diċembru 1997.

219    Huwa minnu li huwa paċifiku li Trasmediterránea kienet tipprovdi dawn is-servizzi b'kompetizzjoni ma' operaturi oħra, fosthom ir-rikorrenti. Madankollu, ir-rikorrenti ma tipprovax li din il-kompetizzjoni kienet tippermetti li jiġu assigurati servizzi analogi għal dawk ipprovduti minn Trasmediterránea fir-rigward ta' kontinwità, regolarità u frekwenza fuq ir-rotot kollha operati minn Trasmediterránea fil-kuntest ta' l-iskema provviżorja.

220    F'dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eżistenza ta' kompetizzjoni adegwata sabiex tipprovdi l-istess livell ta' servizzi bħal Trasmediterránea fuq ir-rotot tal-Kanarji ma tirriżultax mill-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978 fis-sens li "ċerti rotot jistgħu jiġu operati (jew huma diġà operati) minn impriżi privati li […] joffru livelli simili ta' frekwenza, kontinwità, regolarità u tariffi." Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punt 173 aktar 'il fuq, bl-ebda mod m'huwa stabbilit li din il-konstatazzjoni kienet tikkonċerna r-rotot tal-Kanarji.

221    L-eżistenza ta' konnessjonijiet bl-ajru bejn ċerti gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji fl-1998 lanqas ma tippermetti li jiġi stabbilit li l-kompetizzjoni kienet toffri servizzi ta' konnessjoni bejn il-gżejjer analogi, fir-rigward ta' frekwenza, kontinwità u regolarità, għal dawk fdati lil Trasmediterránea fil-kuntest ta' l-iskema provviżorja.

222    Fir-rigward tas-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Canarias, invokata mir-rikorrenti fis-seduta, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, minħabba li ngħatat wara d-deċiżjoni kkontestata, din is-sentenza ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta adottat din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, lanqas il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tista' teħodha in kunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

223    Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti ssostni li f'dik is-sentenza l-qorti nazzjonali kkonstatat li operaturi oħra kienu jipprovdu servizzi ta' konnessjonijiet bejn il-gżejjer analogi għal dawk ipprovduti minn Trasmediterránea, iżda b'kapaċità akbar u b'aktar bastimenti, għandu jiġi kkonstatat li fis-sentenza m'hemmx konstatazzjoni bħal din.

224    Għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti ma tidentifikax l-elementi ta' analiżi tas-suq li jinsabu fis-sentenza tal-qorti nazzjonali in kwistjoni u li abbażi tagħhom tista' tiġi stabbilita l-eżistenza ta' żball manifest fl-evalwazzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet tal-Kanarji fir-rigward ta' l-eżistenza ta' ħtieġa reali ta' servizz pubbliku.

225    Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet l-oħra li allegatament jinsabu f'dik is-sentenza u li huma invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jistabbilixxu l-eżistenza ta' żball manifest ta' evalwazzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet tal-Kanarji li l-Kummissjoni kien imissha kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-allegata konstatazzjoni li d-Digriet Nru 113/1998 u l-annessi tiegħu kollha kienu "magħmula speċifikament" għal Trasmediterránea, ħaġa li tagħmel dan id-digriet kuntrarju għad-dritt Komunitarju u għad-dritt Spanjol, mhijiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta' jekk il-forzi tas-suq kinux adegwati sabiex jiġi assigurati s-servizzi pprovduti minn Trasmediterránea fl-arċipelagu fl-1998.

226    Finalment, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, la fl-Anness 28 tar-rikors u lanqas f'xi parti oħra tal-proċess tal-kawża m'hemm xi dikjarazzjoni tad-Direttorat Ġenerali tat-Trasport tal-Gvern tal-Kanarji li tidentifika, għas-sena 1998, il-kumpanniji kollha li kienu joperaw vjaġġi bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji jew li tispeċifika, għal dawn il-vjaġġi, il-bastimenti, ir-rotot, il-kapaċitajiet u l-frekwenzi.

227    Peress li l-ebda waħda mill-provi mressqa mir-rikorrenti ma tippermetti li twaqqa' l-kredibbiltà ta' l-evalwazzjoni ta' l-awtoritajiet tal-Kanarji li s-suq ma kienx jiffavorixxi biżżejjed il-provvista ta' servizzi ta' konnessjoni analogi għal dawk offruti minn Trasmediterránea fil-kuntest ta' l-iskema provviżorja, ma ġiex stabbilit li dawn l-awtoritajiet qabżu l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom meta adottaw id-deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 1997 kif ipprorogata sussegwentament. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni taċċetta li l-awtoritajiet tal-Kanarji setgħu raġonevolment jinkarigaw lil Trasmediterránea b'funzjoni ta' interess ekonomiku ġenerali, mhijiex ivvizzjata bi żball ta' evalwazzjoni.

228    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

4.     Fuq ir-raba' parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' aġġudikazzjoni pubblika u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

229    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-għoti ta' għajnuniet intiżi sabiex jiffinanzjaw obbligi ta' servizz pubbliku għandu jirrispetta l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bejn operaturi li għandu jkollhom l-istess possibbiltajiet sabiex igawdu mill-għajnuniet in kwistjoni. Dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92. Barra minn hekk, huwa b'applikazzjoni ta' dan il-prinċipju li l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu jirrakkomandaw l-użu ta' aġġudikazzjonijiet pubbliċi.

230    F'dan il-każ, dawn ir-rekwiżiti ma ġewx sodisfatti peress li l-għajnuniet mogħtija lil Trasmediterránea ġew aġġudikati lilha direttament mingħajr proċedura ta' sejħa għal offerti. Huwa minnu li wara li din l-għotja saret sejħa għal offerti bis-saħħa tad-Digriet Nru 113/1998. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta' din is-sejħa għal offerti kienu manifestament inaċċettabbli peress li d-digriet ma kien jipprovdi għall-ebda sussidju għall-operazzjoni tar-rotot li jinvolvu obbligi ta' servizz pubbliku iżda kien jipprovdi biss għal tariffi massimi li, skond ir-rikorrenti, ma kinux suffiċjenti.

231    Finalment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex dettalji dwar il-punt essenzjali ta' jekk it-twettiq tal-funzjoni mogħtija lil Trasmediterránea kienx prekluż mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni li jipprovdi li l-għajnuniet għandhom jingħataw permezz ta' sejħa għal offerti. Skondha, dawn id-dettalji kien imisshom ġew inklużi fid-deċiżjoni kkontestata peress li, fil-proposta għal miżuri xierqa, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat la fid-dritt u lanqas fil-prattika ma tipprekludi l-ġestjoni tas-servizzi in kwistjoni minħabba li dawn ir-regoli jitolbu proċedura ta' aġġudikazzjoni pubblika. Minn dan hija tikkonkludi li, fin-nuqqas ta' dawn id-dettalji, id-deċiżjoni kkontestata mhux biss tmur kontra l-Artikolu 86(2) KE iżda hija wkoll arbitrarja u mmotivata b'mod insuffiċjenti.

232    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, issostni, essenzjalment, li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux marbuta li jagħtu l-kuntratti ta' servizz pubbliku permezz ta' sejħa għal offerti. Fil-fatt, mill-punt 9 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu jirriżulta li, minkejja li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-għoti tal-kuntratti ta' servizz pubbliku permezz ta' sejħa għal offerti, l-użu ta' metodi ta' aġġudikazzjoni oħra huwa aċċettabbli b'mod partikolari fir-rigward tal-kabotaġġ bejn il-gżejjer permezz ta' servizzi regolari b'laneċ.

233    Barra minn hekk, peress li f'dan il-każ il-fatti jikkonċernaw is-sena 1998, l-invokazzjoni ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 mhijiex rilevanti fid-dawl ta' l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3577/92 li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi regolament ma japplikawx għall-Kanarji qabel l-1 ta' Jannar 1999.

234    Hija żżid li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarji, mill-Artikolu 86 KE ma jirriżulta l-ebda obbligu ġenerali li l-kuntratti ta' servizz pubbliku jingħataw permezz ta' sejħa għal offerti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk din l-aġġudikazzjoni, mingħajr sejħa għal offerti, hijiex konformi ma' l-Artikolu 86(2) KE.

235    Hija ssostni wkoll li, anki kieku l-obbligu li ssir sejħa għal offerti kien fil-prinċipju applikabbli għal dan il-każ, li ma kienx, in-natura provviżorja u temporanja ta' l-iskema in kwistjoni u l-prinċipju ta' kontinwità tas-servizz pubbliku rrikonoxxut fid-dikjarazzjoni annessa mat-Trattat ta' Amsterdam setgħu jiġġustifikaw trattament ad hoc, peress li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li kien biss l-operatur li kien fil-passat ipprovda dawn is-servizzi li kien f'pożizzjoni li jassigura li dawn jibqgħu jiġu pprovduti b'mod immedjat u għal perijodu qasir daqs dak kopert mill-iskema provviżorja.

236    Finalment, hija ssostni li l-iskema definittiva li tirriżulta mid-Digriet Nru 133/1998 tippermetti l-għoti ta' kuntratti ta' servizzi pubbliċi li jistgħu jinvolvu l-ħlas ta' kumpens biss fil-kuntest ta' sejħa għal offerti pubbliċi.

237    Fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet, huwa evidenti li n-nuqqas ta' proċedura ta' sejħa għal offerti ma jippermettix li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 86(2) KE f'dan il-każ.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

238    Huwa inutli li r-rikorrenti tinvoka r-Regolament Nru 3577/92 u l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu sabiex tistabbilixxi li s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali għandhom jiġu allokati wara li ssir proċedura ta' sejħa għal offerti. Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolament Nru 3577/92 ma japplikax għaċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ (ara l-punt 199 aktar 'il fuq). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija linji gwida, li, fi kwalunkwe każ, ma jeħtiġux l-użu ta' l-aġġudikazzjoni pubblika sabiex jintgħażlu l-operaturi inkarigati li jipprovdu servizzi ta' kabotaġġ bejn gżejjer, mhumiex rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 86(2) KE (ara l-punt 200 aktar 'il fuq).

239    Barra minn hekk, la mill-formulazzjoni ta' l-Artikolu 86(2) KE u lanqas mill-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li funzjoni ta' interess ġenerali tista' tingħata lil operatur biss wara li ssir proċedura ta' sejħa għal offerti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi mitlub li d-deċiżjoni kkontestata jkun fiha motivazzjoni partikolari dwar in-nuqqas ta' proċedura bħal din sabiex Trasmediterránea tiġi inkarigata bil-provvista ta' servizz ta' konnessjoni marittima bejn il-gżejjer tal-Kanarji.

240    Għaldaqstant, ir-raba' parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

5.     Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq in-natura inadegwata tal-kumpens għall-1998 u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

241    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-sussidju għall-1998 huwa inadegwat u li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti dwar dan il-punt.

242    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta' l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li hija ma kinitx taf liema ċifri konkreti dwar l-ispejjeż marbuta mar-rotot in kwistjoni ttieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta' l-ammont tas-sussidju għall-1998. Il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx iċ-ċifri preċiżi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex taċċetta n-natura adegwata ta' l-ammont ta' dan is-sussidju jikkostitwixxi nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li jwassal għan-nullità tagħha. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha sabiex tkun tista' tiddefendi lilha nfisha.

243    Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura inadegwata tal-kumpens, hija ssostni, qabel kollox, li mill-ġurisprudenza Komunitarja jirriżulta li, sabiex jibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE, kumpens jista' jkopri biss l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mit-twettiq tal-funzjoni speċifika li jkollha tidħol għaliha l-impriża inkarigata bil-ġestjoni ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali. Barra minn hekk, l-għoti ta' dan il-kumpens għandu jkun meħtieġ sabiex l-imsemmija impriża tkun tista' tassigura l-obbligi ta' servizz pubbliku tagħha f'kundizzjonijiet ta' bilanċ ekonomiku (sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 216 aktar 'il fuq, punt 11). Hija ssostni wkoll li l-Linji Gwida dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu jispeċifikaw li l-ispejjeż addizzjonali għandhom ikunu marbuta direttament ma' l-iżbilanċ irreġistrat mill-operatur u li kull servizz għandu jkun is-suġġett ta' eżerċizzju ta' kontabbiltà separat sabiex jiġu evitati l-kumpensi żejda, is-sussidji inkroċjati u ġestjoni kif ukoll metodi ta' operazzjoni inadegwati.

244    F'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata m'hijiex konformi ma' dawn ir-rekwiżiti. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni erba' lmenti.

245    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma vverifikatx id-data li jinsabu fir-rapport ta' l-espert indipendenti maħtur mill-awtoritajiet tal-Kanarji sabiex jeżamina l-ammont aċċettabbli tal-kumpens għall-1998 meta, billi dan ir-rapport kien ikkummissjonat mill-awtoritajiet tal-Kanarji, l-imparzjalità ta' l-awtur tiegħu hija dubjuża. Sabiex tistabbilixxi l-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward tar-rapport ta' l-espert maħtur mill-awtoritajiet tal-Kanarji, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna l-produzzjoni ta' l-imsemmi rapport.

246    It-tieni nett, il-metodoloġija li fuqha huwa bbażat l-imsemmi rapport hija inadegwata peress li hija bbażata fuq analiżi ta' l-ispejjeż sostnuti minn operatur partikolari u mhux fuq l-ispejjeż reali sostnuti minn Trasmediterránea.

247    It-tielet nett, din il-metodoloġija ġiet stabbilita speċifikament għal Trasmediterránea peress li, meta adottaw id-Digriet Nru 113/1998, l-awtoritajiet tal-Kanarji stess ikkonkludew li l-provvista tas-servizzi li kienu previsti f'dan id-digriet ma kinitx teħtieġ l-għoti ta' sussidju u li l-iffinanzjar ta' dawn is-servizzi kien iggarantit b'mod suffiċjenti mid-dħul miksub mit-tariffi massimi stabbiliti f'dan id-digriet. Issa, jekk l-imsemmija tariffi kienu suffiċjenti meta nħarġet is-sejħa għal offerti, l-applikazzjoni tagħhom minn Trasmediterránea ma kellhiex twassal għall-eżistenza ta' żbilanċ li kellu jiġi kkumpensat permezz ta' sussidju.

248    Barra minn hekk, teżisti diskriminazzjoni bejn, minn naħa, Trasmediterránea li kienet tibbenefika minn skema ta' sussidju u, min-naħa l-oħra, l-operaturi l-oħra li setgħu jibbenefikaw biss mill-iskema stabbilita fid-Digriet Nru 113/1998 li ma kienet tipprovdi għall-ebda sussidju.

249    Sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi meħuda in kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Kanarji sabiex jistabbilixxu l-obbligi ta' servizz pubbliku u t-tariffi applikabbli fid-Digriet Nru 113/1998, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-awtoritajiet Spanjoli jipproduċu l-inkartament ikkompilat mill-Consejería de Turismo y transportes tal-Komunità Awtonoma tal-Kanarji fil-kuntest tat-talba mressqa minn Trasmediterránea għall-ħlas tas-somom allegatament dovuti lilha bħala kumpens għall-iżbilanċ mill-operazzjoni tar-rotot ta' kabotaġġ ta' servizz pubbliku bejn il-gżejjer matul is-snin finanzjarji 1998, 1999 u 2000. Hija qiegħda titlob ukoll il-produzzjoni tar-rapport ta' l-espert indipendenti. Barra minn hekk, hija titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna l-produzzjoni ta' l-inkartament kollu dwar is-sejħiet għal offerti fir-rigward tar-rotot ta' servizz pubbliku għall-Kanarji wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Nru 113/1998. Finalment, hija titlob il-produzzjoni ta' l-inkartament sħiħ imħejji bi preparazzjoni għall-adozzjoni tad-Digriet Nru 133/1998, b'mod partikolari l-istudji, ir-rapporti u l-informazzjoni ekonomika li fuqhom ġie ppreparat l-anness li jiddefinixxi l-obbligi ta' servizz pubbliku.

250    Ir-raba' nett, ir-rapport ta' l-espert indipendenti la janalizza r-raġunijiet għall-iżbilanċ mill-operazzjoni tar-rotot u lanqas il-politika ta' tariffi applikata minn Trasmediterránea filwaqt li, skond ir-rikorrenti, kien essenzjali li jiġu eżaminati dawn l-elementi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżbilanċ kienx effettivament dovut għall-ħtieġa li jkunu assigurati obbligi ta' servizz pubbliku jew għal raġunijiet oħra ta' natura kummerċjali.

251    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-sussidju serva sabiex jikkumpensa żbilanċ ikkawżat b'mod partikolari minn politika ta' tnaqqis selettiv tat-tariffi fuq ir-rotta b'veloċità kbira bejn Santa Cruz de Tenerife u Las Palmas. B'mod aktar partikolari, hija ssostni li Trasmediterránea tapplika, fuq din ir-rotta, tnaqqis ta' aktar minn 50% meta mqabbla mat-tariffi massimi approvati għal tlieta mill-ħames konnessjonijiet li Trasmediterránea topera ta' kuljum u li fir-rigward tagħhom hija tinsab f'kompetizzjoni mar-rikorrenti. Għaż-żewġ konnessjonijiet l-oħra, Trasmediterránea tapplika tariffa prattikament ugwali għat-tariffa massima. Sabiex tistabbilixxi l-veraċità ta' din l-allegazzjoni ta' l-aħħar, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-informazzjoni li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-politika ta' tariffi applikata minn Trasmediterránea matul is-sena finanzjarja 1998 fuq ir-rotot Cristianos - La Gomera u Santa Cruz de Tenerife - Las Palmas. Hija titlob ukoll lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lil Trasmediterránea tipproduċi kopja tat-tariffi uffiċjali fis-seħħ fl-1998 għar-rotta b'veloċità qawwija Las Palmas - Santa Cruz de Tenerife, maqsuma siegħa siegħa.

252    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li huwa illegali li jingħataw sussidji għal rotot teoretikament ikklassifikati bħala ta' interess ġenerali meta l-operatur ta' dawn ir-rotot jirreġistra żbilanċ sinjifikattiv mill-operat minħabba politika ta' tnaqqis ta' tariffi meta mqabbla mat-tariffi stabbiliti, u dan bi ksur ta' dispożizzjonijiet importanti tat-Trattat KE. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħatx tiddikjara s-sussidju għall-1998 kompatibbli mas-suq komuni.

253    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, issostni li l-kumpens li minnu bbenefikat Trasmediterránea, li kien ġie kkalkolat b'metodu raġonevoli, huwa adegwat u proporzjonat.

254    Fir-rigward tal-metodoloġija, il-Kummissjoni ssostni li din hija bbażata, minn naħa, fuq simulazzjoni ta' l-ispejjeż fissi u varjabbli li kien ikollu jidħol għalihom operatur partikolari sabiex jopera kull waħda mir-rotot in kwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet pubbliċi u tal-varjazzjonijiet fil-volum tat-traffiku rreġistrati matul is-snin finanzjarji preċedenti u, min-naħa l-oħra, fuq simulazzjoni tad-dħul prevedibbli għal kull rotta, abbażi ta' l-applikazzjoni tat-tariffi għall-volumi tat-traffiku msemmija. L-iżbilanċ ikkunsidrat bħala oġġettivament iġġustifikat f'kull każ jirriżulta mid-differenza bejn dawn l-ispejjeż u dan id-dħul. Skond dawn il-kriterji, l-istudju jikkonkludi li r-rotot kollha jirriżultaw fi żbilanċ ftit jew wisq kbir. L-iżbilanċ totali jammonta għal ESP 1.652 biljuni filwaqt li Trasmediterránea kienet talbet sussidju li jammonta għal ESP 2.5 biljuni. Id-differenza bejn l-ammont mitlub minn Trasmediterránea u dak effettivament mogħti mill-awtoritajiet tal-Kanarji turi li, meta kien qiegħed jiġi kkalkolat il-kumpens, l-interessi ta' Trasmediterránea u dawk tal-Gvern tal-Kanarji kienu manifestament opposti. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda raġuni li jiġi ssuspettat li r-rapport ta' l-espert indipendenti kien ġiet stabbilit bil-għan li jiffavorixxi lil Trasmediterránea.

255    Il-fatt li r-rapport ma kienx ibbażat biss fuq id-data pprovduti minn Trasmediterránea iżda fuq stimi bbażati fuq l-ispejjeż li operatur partikolari jkollu jsostni mhux talli ma joħloqx problema iżda pjuttost juri li l-analiżi mwettqa kienet waħda rigoruża. Fil-fatt, l-użu ta' dan il-metodu ppermetta li jiġi evitat li r-rapport jiġi bbażat fuq spejjeż li setgħu ġew stmati aktar milli fil-fatt kienu minn Trasmediterránea.

256    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma qabditx u aċċettat ir-rapport ta' l-espert indipendenti iżda studjat fid-dettall l-informazzjoni li kien ibbażat fuqha, il-metodoloġija użata kif ukoll il-kalkoli mwettqa u waslet għall-konklużjoni li kienu jikkostitwixxu bażi ta' min joqgħod fuqha.

257    Fir-rigward ta' l-argument li l-kumpens mogħti lil Trasmediterránea huwa eċċessiv minħabba li d-dħul li jirriżulta mit-tariffi awtorizzati qabel kellu jkun biżżejjed, il-Kummissjoni twieġeb li, fil-kuntest tar-regolazzjoni ta' settur, l-awtorità pubblika tista' leġittimament tipprovdi li l-operatur għandu jiġi ffinanzjat parzjalment mill-pagamenti diretti ta' l-utenti u parzjalment minn għajnuniet pubbliċi, peress li l-preokkupazzjoni prinċipali ta' l-awtoritajiet pubbliċi hija l-interess ta' l-utenti tas-servizz pubbliku aktar milli l-interess ta' l-operaturi.

258    Fir-rigward ta' l-ilment li l-għajnuniet huma sproporzjonati u għaldaqstant kuntrarji għall-Artikolu 86(2) KE minħabba li dan il-kumpens iservi sabiex jiffinanzja l-politika ta' tariffi ta' Trasmediterránea fuq ir-rotot fejn hija esposta għall-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li dan l-ilment ma jreġix għall-iċken analiżi. Qabel kollox, fil-kuntest tar-regolazzjoni ta' settur, l-awtorità pubblika tista' leġittimament tipprovdi li l-operatur inkarigat mill-provvista ta' settur pubbliku jiġi ffinanzjat parzjalment mill-pagamenti diretti ta' l-utenti u parzjalment minn għajnuniet pubbliċi. L-Artikolu 86(2) KE huwa preċiżament previst għal dan it-tip ta' sitwazzjonijiet. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-iżbilanċi li għandhom jiġu ffinanzjati minn għajnuniet pubbliċi għandhom jirriżultaw effettivament mill-funzjoni ta' servizz pubbliku fdata lill-impriża, kif ġara f'dan il-każ.

259    Hija żżid li, meta ssostni li s-sussidju għall-1998 huwa sproporzjonat għas-sempliċi raġuni li Trasmediterránea tikkompeti magħha fuq il-prezzijiet, ir-rikorrenti qiegħda tħawwad żewġ livelli ta' analiżi distinti, jiġifieri, minn naħa, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tas-sussidju għall-1998 u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ta' l-imġiba kummerċjali li setgħat ġiet adottata minn Trasmediterránea.

260    Il-kwistjoni jekk Trasmediterránea adottatx jew le mġiba li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari billi offriet servizzi bi prezzijiet anqas minn kemm kienu jiswew dawn is-servizzi fis-swieq fejn hija seta' kellha pożizzjoni dominanti, hija kwistjoni indipendenti li għandha tiġi riżolta permezz tar-rimedju legali adegwat. Anki kieku ġie stabbilit li Trasmediterránea adottat imġiba li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, minn dan ma kienx jirriżulta, madankollu, li din l-imġiba kienet ġiet iffinanzjata mis-sussidju għall-1998, li jammonta biss għal ESP 1.65 biljuni, filwaqt li Trasmediterránea rreġistrat żbilanċ ta' ESP 2.5 biljuni għall-1998 fuq ir-rotot kollha operati fl-1998 taħt l-iskema provviżorja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

261    Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-erba' lmenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tan-natura inadegwata tas-sussidju għall-1998 humiex fondati.

262    Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li ma vverifikatx id-data fir-rapport ta' l-espert indipendenti li abbażi tiegħu ġie kkalkolat is-sussidju għall-1998 meta, skondha, l-imparzjalità ta' dan l-espert kienet dubjuża minħabba li kien inħatar mill-awtoritajiet tal-Kanarji.

263    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jista' serjament joħloq dubji dwar l-imparzjalità ta' l-awtur tar-rapport ta' l-espert ikkonċernat. Għall-kuntrarju, għandu jiġi enfasizzat li r-rapport in kwistjoni jiffissa l-ammont ta' l-ispejjeż li kellhom jiġu rrimborsati lil Trasmediterránea fis-somma ta' ESP 1.652 biljuni filwaqt li Trasmediterránea kienet talbet kumpens ta' ESP 2.5 biljuni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li bl-ebda mod ma ġie stabbilit li l-awtur tar-rapport wera xi parzjalità favur Trasmediterránea. Barra minn hekk, peress li r-Renju ta' Spanja indika, mingħajr ma ġie kontradett utilment fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li r-rikorrenti kellha kopja tar-rapport in kwistjoni qabel ma ppreżentat ir-replika tagħha f'din il-kawża, mhuwiex meħtieġ li tiġi ordnata miżura istruttorja intiża sabiex dan ir-rapport jiġi prodott mill-awtoritajiet tal-Kanarji.

264    Anki jekk jiġi aċċettat li, irrispettivament minn kull parzjalità min-naħa ta' l-awtur in kwistjoni, il-Kummissjoni kienet marbuta tivverifika d-data msemmija f'dan ir-rapport, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tindika b'mod ċar li saret evalwazzjoni fir-rigward ta' kull konnessjoni u tispeċifika d-diversi entrati marbuta ma' l-ispejjeż li ttieħdu in kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaqx l-iċken argument li jippermetti li jiġi ddubitat il-fatt li l-Kummissjoni effettivament studjat fid-dettall l-informazzjoni li r-rapport kien ibbażat fuqha, il-metodoloġija użata u l-kalkoli mwettqa sabiex ġie stabbilit l-imsemmi rapport. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

265    Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-provvista ta' l-allegat servizz pubbliku ma jistgħux jiġu kkalkulati b'mod validu billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż ta' operatur partikolari minflok l-ispejjeż attwalment sostnuti minn Trasmediterránea sabiex tipprovdi s-servizz ikkonċernat.

266    Peress li hija involuta evalwazzjoni ta' fatti ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni ta' diskrezzjoni wiesa' fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mis-servizz ikkonċernat. Minn dan isegwi li l-istħarriġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza hija mitluba twettaq fir-rigward ta' l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni għandu jkun limitat għall-verifika ta' l-eżattezza materjali tal-fatti u tan-nuqqas ta' żball manifest ta' evalwazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni, iċċitata f'punt 216 aktar 'il fuq, punt 101).

267    F'dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkunsidra li l-użu ta' spejjeż oġġettivi kien jippermetti li jiġi stabbilit l-ammont tas-sussidju għall-1998 mingħajr ma jkun meħtieġ li tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż allegati minn Trasmediterránea. Huwa minnu li kieku ġie stabbilit li l-ispejjeż oġġettivi meħuda in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kienu indebitament għoljin, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura adegwata tas-sussidju għall-1998 tista', eventwalment, tkun ivvizzjata minn żball manifest ta' evalwazzjoni. Madankollu, f'dan il-każ, ir-rikorrenti la tistabbilixxi u lanqas biss tallega li l-ispejjeż oġġettivi użati kienu eċċessivi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li t-tieni lment mhuwiex fondat.

268    Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li aċċettat il-prinċipju stess ta' sussidju għall-provvista tas-servizzi kkonċernati li jikkostitwixxi diskriminazzjoni bejn Trasmediterránea u l-operaturi l-oħra.

269    Huwa minnu li mhuwiex ikkontestat bejn il-partijiet li s-servizzi pprovduti minn Trasmediterránea fil-kuntest ta' l-iskema provviżorja huma previsti wkoll fid-Digriet Nru 113/1998 u li t-tariffi massimi applikati minn Trasmediterránea għall-provvista ta' dawn is-servizzi huma wkoll dawk stabbiliti fid-Digriet Nru 113/1998. Huwa paċifiku wkoll li d-Digriet Nru 113/1998 ma jipprevedi l-ebda sussidju għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali koperti minn dan l-istess digriet minħabba li t-tariffi stabbiliti għall-provvista ta' dawn is-servizzi huma kkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż marbuta magħhom. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta aċċettat il-prinċipju stess tas-sussidju għall-1998. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkunsidra li l-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali fdat lil Trasmediterránea ma kinux koperti b'mod suffiċjenti mit-tariffi previsti fid-Digriet Nru 113/1998. F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li r-rikorrenti stess issostni li dawn it-tariffi kienu manifestament insuffiċjenti sabiex jiġu ffinanzjati s-servizzi previsti fid-Digriet Nru 113/1998.

270    F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex meħtieġ li tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti li jiġu prodotti diversi dokumenti in sostenn ta' l-allegazzjonijiet tagħha dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku previsti fid-Digriet Nru 113/1998 u t-tariffi applikabbli għal dawn is-servizzi.

271    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li Trasmediterránea biss ibbenefikat mis-sussidju għall-1998 ma jammontax għal diskriminazzjoni fir-rigward ta' l-operaturi l-oħra. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, diskriminazzjoni tikkonsisti, b'mod partikolari, fit-trattament differenti ta' sitwazzjonijiet komparabbli, li jwassal għal żvantaġġ għal ċerti operaturi fir-rigward ta' operaturi oħra mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta' differenzi oġġettivi ta' ċerta importanza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1962, Klöckner-Werke u Hoesch vs L-Awtorità Għolja, 17/61 u 20/61, Ġabra p. 615, 652; tal-15 ta' Jannar 1985, Finsider vs Il-Kummissjoni, 250/83, Ġabra p. 131, punt 8, u tas-26 ta' Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra p. I-8031, punt 57).

272    Issa, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi li operaturi oħra minbarra Trasmediterránea kienu adegwati sabiex jassiguraw il-provvista ta' servizzi ta' konnessjoni marittima bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji skond ir-rekwiżiti stabbiliti mill-iskema provviżorja. Hija lanqas ma tistabbilixxi li operaturi oħra minbarra Trasmediterránea ġew fdati bil-funzjoni li jipprovdu dawn is-servizzi. Finalment, hija lanqas ma tistabbilixxi li dawn is-servizzi kienu ġew effettivament offruti minn operaturi oħra minbarra Trasmediterránea.

273    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li kienet teżisti differenza oġġettiva importanti bejn is-sitwazzjoni ta' Trasmediterránea u dik ta' operaturi oħra u li din id-differenza oġġettiva kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika li Trasmediterránea biss tirċievi kumpens għas-servizzi ta' konnessjoni bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji li hija biss ipprovdiet. It-tielet ilment, għalhekk, mhuwiex fondat.

274    Permezz tar-raba' lment tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Kummissjoni li aċċettat li l-ammont tas-sussidju għall-1998 kien ikopri l-ispejjeż marbuta mal-provvista ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali filwaqt li dan is-sussidju kkumpensa l-iżbilanċi mill-operat marbuta ma' politika ta' tariffi li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

275    F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma tidentifikax id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li tikser l-allegata politika ta' tariffi. It-tieni nett, anki jekk jitqies li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni ssostni li Trasmediterránea kisret l-Artikolu 82 KE, għandu jiġi kkonstatat li hija sempliċement tallega li Trasmediterránea applikat tnaqqis fit-tariffi fuq ir-rotot fejn kienet f'kompetizzjoni mar-rikorrenti mingħajr ma b'xi mod tiżviluppa r-raġunijiet għalxiex din l-imġiba tikkostitwixxi, skondha, abbuż ta' pożizzjoni dominanti. Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-politika ta' tariffi in kwistjoni tikkostitwixxi abbuż ta' pożizzjoni dominanti, din il-konstatazzjoni ma jkollhiex l-effett li twaqqa' l-kredibbiltà kollha ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, kontenuta fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tas-sussidju għall-1998 huwa strettament proporzjonali għall-ispiża addizzjonali tas-servizz pubbliku u għaldaqstant huwa konformi ma' l-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt, peress li huwa paċifiku li Trasmediterránea ma kisbitx il-kumpens ta' l-iżbilanċ kollu marbut mal-provvista tas-servizzi ta' konnessjoni marittima fil-kuntest ta' l-iskema provviżorja iżda kellha tbati parti minn dan l-iżbilanċ li tammonta għal ESP 850 miljun, ma jistax jiġi eskluż li l-iżbilanċ marbut mal-politika ta' tariffi in kwistjoni baqa' a karigu ta' Trasmediterránea mingħajr ma ġie kkumpensat b'xi mod mis-sussidju għall-1998.

276    F'dawn iċ-ċirkustanzi mhuwiex meħtieġ li tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni u lil Trasmediterránea jipproduċu d-dokumenti dwar il-prassi kummerċjali ta' dan l-operatur fuq dawn ir-rotot.

277    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mill-erba' lmenti invokati mir-rikorrenti in sostenn tal-ħames parti ta' dan il-motiv m'huwa fondat.

278    Għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk, kif issostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda, min-naħa, iċ-ċifri konkreti ta' l-ispejjeż tar-rotot in kwistjoni meħuda in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta' l-ammont tas-sussidju għall 1998 (ara l-punt 242 aktar 'il fuq) u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għalxiex il-Kummissjoni kkunsidrat li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat kienet timpedixxi t-twettiq tal-funzjoni fdata lil Trasmediterránea (ara l-punt 243 aktar 'il fuq).

279    Fir-rigward ta' l-allegat nuqqas ta' ċifri konkreti ta' l-ispejjeż tar-rotot in kwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr partijiet imħassra, kif indirizzata lir-Renju ta' Spanja u li r-rikorrenti għandha kopja tagħha (ara l-punt 264 aktar 'il fuq), fiha d-data li r-rikorrenti tilmenta li huma nieqsa fil-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata aċċessibbli għall-pubbliku. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata minn nuqqas ta' motivazzjoni fuq dan il-punt.

280    Fir-rigward ta' l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni dwar il-kwistjoni jekk l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat timpedixxix it-twettiq minn Trasmediterránea tal-funzjoni tagħha, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tindika b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli timpedixxi t-twettiq tal-funzjoni fdata lil Trasmediterránea. Fil-fatt, hija tindika, l-ewwel nett, li, sabiex jiġi vverifikat jekk kienx meħtieġ li jingħata kumpens lil Trasmediterránea minħabba l-ispiża li hija kellha tidħol għaliha sabiex tissodisfa l-funzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina jekk kienx hemm operaturi oħra li kienu joffru servizzi analogi għal dawk fdati lil Trasmediterránea. Hija tesponi, it-tieni nett, li l-ebda operatur ieħor ma kien jipprovdi servizzi bħal dawn fl-arċipelagu tal-Kanarji fl-1998. Hija tindika, fl-aħħar nett, li s-sussidju rċevut u kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat huwa strettament proporzjonali għall-ispiża addizzjonali marbuta mat-twettiq ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku in kwistjoni. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tindika, minn ta' l-anqas b'mod impliċitu, li s-sussidju għall-1998, li, b'applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat, kien imissu ġie pprojbit, kien meħtieġ sabiex tkun assigurata l-provvista tas-servizzi fdati lil Trasmediterránea fil-kuntest ta' l-iskema provviżorja. Id-deċiżjoni kkontestata, għaldaqstant, mhijiex ivvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni fuq dan il-punt.

281    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bħall-ewwel erba' partijiet, il-ħames parti ta' dan il-motiv ma tistax tintlaqa'. Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

282    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-talbiet għall-produzzjoni ta' elementi ta' prova

283    Minbarra t-talbiet imressqa mir-rikorrenti sabiex jiġu stabbiliti fatti preċiżi, bħal dawk eżaminati aktar 'il fuq fil-kuntest tad-diversi motivi, ir-rikorrenti tressaq ukoll talbiet oħra għall-produzzjoni ta' dokumenti mingħajr madankollu ma tidentifika l-fatti preċiżi li dawn il-miżuri għandhom isostnu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li dawn it-talbiet bl-ebda mod m'huma deċiżivi għall-istħarriġ tal-legalità li l-qorti Komunitarja għandha twettaq. Għaldaqstant, dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

284    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

285    Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

3)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

       Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta' Ġunju 2005.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

I –  Dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju

A –  Regolament (KEE) Nru 3577/92

B –  Regolament (KE) Nru 659/1999

C –  Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għat-trasport marittimu

D –  Komunikazzjoni dwar is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fl-Ewropa

II –  Dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol

A –  Digriet Irjali Nru 1876/78

B –  Digriet Irjali Nru 1466/1997

C –  Digriet Nru 113/1998

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Kuntratt ta' l-1978

II –  Ilmenti tar-rikorrenti u proposta għal miżuri xierqa fir-rigward tal-kuntratt ta' l-1978

III –  Skema provviżorja għar-rotot ta' bejn il-gżejjer ta' l-arċipelagu tal-Kanarji

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

I –  L-argumenti tal-partijiet

II –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-mertu

I –  Fuq is-sussidji għall-1997 u għal-likwidazzjoni

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 88 KE

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  Fuq l-ewwel parti

b)  Fuq it-tieni parti

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)  Fuq l-ewwel parti

b)  Fuq it-tieni parti

II –  Fuq is-sussidju għall-1998

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 88 KE

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 86(2) KE u fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

1.  Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta' att ta' l-awtoritŕ pubblika

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' definizzjoni preċiża ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' bżonn reali ta' servizz pubbliku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Fuq ir-raba' parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' aġġudikazzjoni pubblika u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

5.  Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq in-natura inadegwata tal-kumpens għall-1998 u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-talbiet għall-produzzjoni ta' elementi ta' prova

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.