Language of document : ECLI:EU:T:2016:335

Kawżi Magħquda T‑426/10 sa T‑429/10 u T‑438/12 sa T‑441/12

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Moreda-Riviere Trefilerías, SA et

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Unità ekonomika – Parteċipazzjoni diretta fil-ksur – Responsabbiltà dderivata tal-kumpanniji parent – Suċċessjoni ta’ impriżi – Ksur kumpless – Ksur wieħed u kontinwu – Linji gwida tal‑2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi – Prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ nulla poena sine lege – Ċirkustanzi attenwanti – Kapaċità ta’ ħlas – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Talba ta’ evalwazzjoni mill-ġdid – Assenza ta’ evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt – Ittra ta’ rifjut – Inammissibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat‑2 ta’ Ġunju 2016

Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tad-direttur ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni dwar talba għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriżi li ġew imposti multa għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni – Introduzzjoni ta’ din it-talba wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Assenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

Fil-każ ta’ talba, minn impriżi li ġew imposti multa għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, intiża li jingħatalhom tnaqqis tal-ammont tal-multa għaliex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, minkejja li l-Kummissjoni ma hijiex fondata ssostni li huwa biss jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tmur għall-agħar li tista’ tiġġustifika li impriża tippreżenta talba ġdida għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha, għandu madankollu jitqies li, meta l-unika bidla meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ fatt eżaminata mill-Kummissjoni fil-mument meta hija evalwat il-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża tikkonsisti fit-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, ma huwiex ammissibbli li hija titlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni li hija kienet adottat qabel. F’tali sitwazzjoni, konsegwentement, iċ-ċaħda mill-Kummissjoni ta’ din it-talba għal evalwazzjoni mill-ġdid ma tikkostitwix att li jista’ jwassal għal azzjoni legali.

Għandha għalhekk issir distinzjoni, meta l-amministrazzjoni tkun adita b’talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni adottata qabel, bejn il-kwistjoni tal-eżami tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt li fiha tkun tinsab il-persuna kkonċernata u dik tal-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti. Huwa biss meta, matul l-eżami tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, l-amministrazzjoni tikkonstata bidla sostanzjali, fil-fatt jew fid-dritt, tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li hija jkollha għalhekk tipproċedi għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt, l-amministrazzjoni ma tistax tiġi obbligata tagħmel eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tagħha u t-teħid ta’ pożizzjoni li permezz tagħha hija tiċħad talba għall-eżami mill-ġdid ippreżentata f’dawn il-kundizzjonijiet ma għandhiex natura deċiżjonali, b’tali mod li rikors ippreżentat kontra tali teħid ta’ pożizzjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, għaliex indirizzat kontra att li ma jistax iwassal għal azzjoni legali. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni li tgħid li l-persuna kkonċernata ma qiegħda tippreżenta ebda fatt ġdid u ma tistabbilixxix il-bidla sostanzjali tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt tagħha, tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 556, 557)