Language of document : ECLI:EU:C:2015:393

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2015 (1)

Kawża C‑408/14

Aliny Wojciechowski

vs

Office national des pensions (ONP)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal du travail de Bruxelles (il-Belġju)]

“Uffiċjal irtirat tal-Unjoni Ewropea — Dritt għall-pensjoni — Prinċipju tal-unità tal-karriera — Kumulu tad-drittijiet għall-pensjoni — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”





1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u tal-Artikolu 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”). Din it-talba tressqet fil-kuntest tat-tilwima bejn A. Wojciechowski, ex uffiċjal tal-Unjoni, u l-Uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet (ONP) Belġjan (iktar ’il quddiem, l-“ONP”) rigward ir-rifjut ta’ dan l-organu li jagħti lill-persuna kkonċernata l-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII, intitolat “Skema tal-pensjoni”, tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (2), kif emendat, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 (3), (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara:

[...]

li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu,

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas [jittrasferixxi] lill-Unjoni l-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

[...]”

B –    Id-dritt Belġjan

3.        Id-Digriet Irjali Nru 50, tal-24 ta’ Ottubru 1967, dwar il-pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti ta’ ħaddiema impjegati (4), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Irjali Nru 50”), jistabbilixxi fl-ewwel u fir-raba’ paragrafi tal-Artikolu 10a tiegħu (5):

“Meta ħaddiem impjegat ikun intitolat għal pensjoni tal-irtirar abbażi ta’ dan id-digriet u għal pensjoni tal-irtirar jew għal vantaġġ, skont xi skema jew skemi oħra u meta t-total tal-porzjonijiet, li jirriflettu l-valur ta’ kull waħda minn dawn il-pensjonijiet, jeċċedi l-unità, il-karriera professjonali li tkun qed tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar għandha titnaqqas b’dawk is-snin li jkunu meħtieġa sabiex l-imsemmi total jitnaqqas sal-unità.

[...]

Għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ‘skema oħra’ tfisser kull skema oħra Belġjana fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar u tas-superstiti, bl-esklużjoni ta’ dik tal-persuni li jaħdmu għal rashom u ta’ kwalunkwe skema oħra analoga ta’ pajjiż barrani jew skema li hija applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjoni stabbilita taħt id-dritt internazzjonali pubbliku.”

4.        Skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983 li jimplementa l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 tal-24 ta’ Ottubru 1967 dwar il-pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti ta’ ħaddiema impjegati (6) (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983”), in-numru ta’ snin li għandhom jitnaqqsu skont l-Artikolu 10a msemmi hawn fuq ma jistax jeċċedi 15, lanqas ma jista’ r-riżultat jiġi arrotondat għall-eqreb unità superjuri, li jinkiseb billi tiġi diviża d-differenza bejn l-ammont konvertit (7) u l-ammont fiss (8), b’ammont li huwa ugwali għal 10 % tal-imsemmi ammont fiss.

5.        It-tnaqqis tal-karriera professjonali jaffettwa bi prijorità s-snin li jagħtu lok għad-dritt għall-pensjoni l-inqas vantaġġuża (9).

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6.        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A. Wojciechowski, ta’ nazzjonalità Belġjana, ħadmet bħala impjegata fil-Belġju mill-1965 sal-1977, u sussegwentement bħala uffiċjal mal-Kummissjoni Ewropea, mis-17 ta’ Ottubru 1977 sat-30 ta’ Novembru 2011.

7.        F’Mejju 2012, l-ONP eżamina ex officio d-dritt ta’ A. Wojciechowski għal pensjoni tal-irtirar bħala ħaddiema impjegata, peress li din kienet ser tilħaq l-età legali tal-irtirar fil-Belġju (65 sena) fis-26 ta’ April 2013.

8.        Fil-formola tal-informazzjoni preliminari, li ġiet mimlija fil-21 ta’ Mejju 2012, il-persuna kkonċernata ddikjarat li fil-karriera professjonali tagħha ħadmet bħala ħaddiema impjegata fil-Belġju bejn l-1965 u l-1977 u indikat li fl-1 ta’ Diċembru 2011 kienet bdiet tibbenefika minn pensjoni mħallsa mill-Kummissjoni. Hija ppreċiżat ukoll li kienet waqfet minn kull attività professjonali minn din id-data.

9.        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2012, l-ONP staqsa lill-Kummissjoni jekk A. Wojciechowski kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi pensjoni tal-irtirar imħallsa mill-iskema tal-Unjoni. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni informat lill-ONP li hija kienet bagħtet l-elementi tar-risposta lill-persuna kkonċernata, skont il-prassi amministrattiva tagħha.

10.      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Awwissu 2012, A. Wojciechowski bagħtet lill-ONP iċ-ċertifikazzjoni li rċeviet mill-Kummissjoni, li turi li kienet tibbenefika, sa mill-1 ta’ Diċembru 2011, minn pensjoni mħallsa minn din tal-aħħar, ikkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet li hija ħallset fl-iskema Komunitarja tal-pensjonijiet għall-perijodu bejn is-17 ta’ Ottubru 1977 u t-30 ta’ Novembru 2011. Hija ma kkomunikatx l-ammont ta’ din il-pensjoni lill-ONP. F’din l-istess korrispondenza, A. Wojciechowski kkonfermat, barra minn hekk, lill-ONP, li ma kinitx eżerċitat il-fakultà, mogħtija mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tittrasferixxi lejn l-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni, akkwistati abbażi tal-attività tagħha bħala persuna impjegata.

11.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012, l-ONP indika lill-persuna kkonċernata, b’referenza għall-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50, dan li ġej:

“Inti għandek, minbarra l-karriera tiegħek, karriera fi skema oħra (servizzi pubbliċi, organizzazzjoni internazzjonali). Madankollu, inti ma tistax, permezz tal-kumulu tal-iskemi tal-pensjoni, teċċedi l-unità tal-karriera, li jfisser li l-karriera globali tiegħek ma tistax tkun ta’ iktar minn 45 sena. [...] il-karriera tiegħek trid titnaqqas b’għaxar snin. [...]”

12.      Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-ONP qies li A. Wojciechowski kienet ittotalizzat 13/45 porzjon f’karriera bħala ħaddiema impjegata u 45/45 porzjon f’karriera fi skema oħra. Skont ir-regoli ta’ kalkolu fis-seħħ, huwa wasal għall-konklużjoni li l-persuna kkonċernata kellha dritt, abbażi tal-karriera tagħha bħala ħaddiema impjegata fil-Belġju, għal pensjoni tal-irtirar ta’ EUR 83.05, li tikkorrispondi għal karriera professjonali ta’ ħaddiema impjegata ta’ 3/45 porzjon (10).

13.      Permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Novembru 2012, l-ONP ippreċiża lil A. Wojciechowski li, peress li ma kienx jaf l-ammont tal-pensjoni mħallsa mill-Kummissjoni, huwa kien qed iqis li, wara 35 sena ta’ karriera fi ħdan din l-istituzzjoni, il-porzjon li jirrappreżenta l-valur tal-pensjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10a, kien ugwali għal 70/70 porzjon, jew 45/45 porzjon — meta wieħed iqis li għal kull sena maħduma, uffiċjal Ewropew li beda jaħdem qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jikseb bħala pensjoni, 2 % fis-sena, b’riferiment għall-aħħar salarju mħallas waqt it-twettiq tal-attività, u li l-perċentwali massima li jista’ jikseb huwa limitat għal 70 % tal-aħħar salarju bażiku tiegħu —, u li l-unità tal-karriera kienet għalhekk inqabżet bi tlettax-il sena.

14.      Rigward it-tnaqqis tal-pensjoni applikabbli minħabba dan il-qbiż tal-unità, l-ONP indika f’din l-istess posta elettronika li, meta l-ammont tal-pensjoni rċevut mill-iskema l-oħra ma jkunx magħruf, dan il-kalkolu jsir abbażi tal-ammont ikkonvertit tal-iskema l-oħra, li huwa preżunt li huwa, sakemm tinġieb prova kuntrarja, “ugwali għal 2.5 darbiet l-ammont fiss ta’ [EUR] 6 506,98 bl-indiċi 138.01” (11). Minn dan kien jirriżulta, skont l-ONP, li l-ebda sena mill-attività bħala persuna impjegata ma setgħet tiġi vvalidata, kuntrarjament għal dak li kien ġie indikat fid-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012. L-ONP ma nnotifikax lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni l-ġdida, iżda waqaf iħallasha l-pensjoni mix-xahar ta’ Lulju 2013.

15.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2012, A. Wojciechowski ressqet, quddiem it-tribunal du travail de Bruxelles (il-Belġju), talba kemm għan-nullità tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012, kif ukoll sabiex l-ONP jiġi ordnat jagħtiha pensjoni tal-irtirar stabbilita għal 13/45 porzjon, jiġifieri bejn wieħed u ieħor EUR 367.07 fix-xahar (12). Insostenn tat-talba tagħha, A. Wojciechowski ssostni, b’mod partikolari, li jekk ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (13) jew ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (14) kienu applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha, jirriżulta minn dan li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (15), l-ONP ma setax japplika, għall-kalkolu tal-pensjoni Belġjana tagħha, l-imsemmi prinċipju tal-unità tal-karriera. Hija tqis, barra minn hekk, li l-ONP wettaq żball, peress li l-karriera tagħha fl-istituzzjonijiet kienet ta’ 34 sena u 11-il xahar, jiġifieri 35 sena, u mhux 45. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi fuq liema bażi legali l-ONP stabbilixxa b’mod teoretiku l-ammont tal-pensjoni Ewropea tagħha.

16.      L-ONP isostni li l-pensjonijiet li jitħallsu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kumulu, peress li r-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 ma humiex applikabbli. Il-Cour de cassation Belġjana rrikonoxxiet, barra minn hekk, il-kostituzzjonalità tal-prinċipju tal-unità tal-karriera u l-ONP iqis li applika prinċipju ta’ prekawzjoni meta applika l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 abbażi ta’ informazzjoni teoretika, peress li ma kellux l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni.

17.      Il-qorti tal-rinviju tippreċiża li l-prinċipju tal-unità tal-karriera jikkonkretizza n-natura residwa tal-iskema tal-pensjoni tal-ħaddiema impjegati, meta mqabbla mal-iskemi l-oħra u titlob li l-karrieri kollha rrikonoxxuti, bl-eċċezzjoni ta’ dik ta’ persuna li taħdem għal rasha, jiġu miżjuda ma’ dawk tal-ħaddiem impjegat u li, meta t-total tal-porzjonijiet li jesprimu l-valur ta’ kull waħda mill-pensjonijiet jeċċedi l-unità, il-karriera professjonali li tkun qed tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar tal-ħaddiem impjegat għandha titnaqqas bin-numru ta’ snin li jkun meħtieġ sabiex l-imsemmi total jitnaqqas sal-unità. Kif iddeċidiet il-qorti kostituzzjonali Belġjana f’sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, l-imsemmi Artikolu 10a huwa intiż sabiex jiżgura li l-ħaddiema kollha li għandhom karriera professjonali mħallta jiġu ttrattati fuq livell ta’ ugwaljanza, u fl-istess waqt bil-mira ta’ kontroll tal-ħlasijiet fis-settur tal-pensjonijiet.

18.      Wara li kkonstata li l-iskema applikabbli għall-persunal tal-Kummissjoni rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal, bħala skema applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjoni stabbilita taħt id-dritt internazzjonali pubbliku, hija dik imsemmija fl-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 u li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Wojciechowski ma tidhirx li tista’ tinvoka l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE u lanqas ir-Regolamenti Nru 1408/71 jew Nru 883/2004, it-tribunal du travail de Bruxelles jikkwota estratti twal mid-deċiżjoni tar-rinviju tal-cour du travail de Bruxelles fil-kawża li tat lok għas-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54). Għalkemm iqis li l-motivi ta’ din id-deċiżjoni ma humiex direttament trasponibbli għat-tilwima preżenti, peress li r-regoli Belġjani inkwistjoni huma differenti, u li s-soluzzjoni żviluppata fis-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821) lanqas ma hija direttament trasponibbli għat-tilwima miġjuba quddiemu, huwa jqis madankollu li l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 jista’ jirrendi iktar diffiċli r-reklutaġġ, mill-Unjoni, ta’ uffiċjali ta’ nazzjonalità Belġjana ta’ ċerta anzjanità.

19.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal du travail de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll, minn naħa, l-Artikolu 4(3) TUE u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 34(1) tal-[Karta] jipprekludu li Stat Membru jnaqqas, jew anki jirrifjuta, pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem impjegat bis-saħħa tas-snin ta’ servizz iwettqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, meta t-total tas-snin tal-karriera li matulhom ħadem f’dan l-Istat Membru u fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej jeċċedi t-tul massimu ta’ karriera ta’ 45 sena msemmi fl-Artikolu 10a ta[d-Digriet Irjali Nru 50]?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni. Wara li rrinunzjat li tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub, A. Wojciechowski ressqet talba sabiex issir seduta. Din it-talba ntlaqgħet skont l-Artikolu 76(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21.      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Marzu 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba ta’ A. Wojciechowski sabiex tikseb il-benefiċċju tal-għajnuna legali.

22.      A. Wojciechowski, kif ukoll il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015.

IV – Dwar id-domanda preliminari

A –    Dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

1.      Dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)      L-argumenti tal-Gvern Belġjan

23.      Il-Gvern Belġjan jikkontesta, prinċipalment, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina d-domanda preliminari, peress li l-kawża prinċipali ma għandha l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni. Minn naħa, is-sitwazzjoni ta’ A. Wojciechowski hija purament interna, li la taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema u lanqas taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1408/71 jew Nru 883/2004. Min-naħa l-oħra, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax ir-rifjut jew it-tnaqqis tal-pensjoni tal-irtirar li l-persuna kkonċernata tista’ tippretendi għall-karriera tagħha mal-Unjoni, u lanqas ma tirrigwarda r-rifjut tal-ONP li jieħu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ karriera mwettqa ma’ istituzzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-pensjoni tal-irtirar taħt l-iskema Belġjana, peress li din il-karriera ġiet, għall-kuntrarju, effettivament meħuda inkunsiderazzjoni. Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi obbligu reċiproku bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, ma japplikax għall-kawża preżenti, li la tista’ titqabbel ma’ dik li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑137/80, EU:C:1981:237), u lanqas ma’ dik li tat lok għas-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821).

24.      Fl-aħħar nett, skont il-Gvern Belġjan, l-Artikolu 34 tal-Karta lanqas ma huwa applikabbli għall-kawża preżenti, inkwantu minn naħa, din id-dispożizzjoni tesprimi sempliċi prinċipju u mhux dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta nnifisha, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 ma jistax jitqies li huwa dispożizzjoni li timplementa d-dritt tal-Unjoni.

b)      Analiżi

25.      Skont ġurisprudenza stabbilita, uffiċjal tal-Unjoni Ewropea għandu l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45(1) TFUE jekk ikun għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (16). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-perijodu ta’ attività f’servizz pubbliku internazzjonali, bħalma huwa dak tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi assimilat għal perijodu mwettaq fis-servizz pubbliku ta’ Stat Membru ieħor u ma jistax, għalhekk, joħloq, waħdu, rabta ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet koperti fl-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat (17).

26.      Fil-kawża preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess jirriżulta li A. Wojciechowski, ta’ nazzjonalità Belġjana, dejjem irrisjediet u ħadmet fil-Belġju (18), l-ewwel bħala impjegata fis-settur privat, imbagħad fis-servizz tal-Kummissjoni. Hija qatt ma kisbet, matul il-ħajja professjonali tagħha, il-kwalità ta’ ħaddiem migrant. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tagħha, li tibqa’ purament interna, ma taqax taħt l-Artikolu 45(1) TFUE (19).

27.      Barra minn hekk, u kif ġie osservat korrettament mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Belġjan, is-sitwazzjoni ta’ A. Wojciechowski matul il-perijodu li fih din kienet impjegata mal-Kummissjoni, lanqas ma taqa’ taħt ir-Regolament Nru 1408/71 jew ir-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li “l-uffiċjali [tal-Unjoni] ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala persuni impjegati fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 peress li, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, huma ma humiex suġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali, kif jeżiġi l-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi regolament, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-istess regolament” (20).

28.      Jirriżulta, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni unikament minħabba l-fatt tal-eżistenza ta’ rabta ta’ impjieg, attwali jew fl-imgħoddi, ma’ din tal-aħħar (21).

29.      Għalhekk, is-sempliċi fatt li A. Wojciechowski għandha l-kwalità ta’ uffiċjal irtirat, ma jippermettix li jiġi konkluż b’mod awtomatiku li teżisti rabta mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li jekk, għal dan il-fatt, hija taqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri ta’ att “obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha” (22), li jorbot lill-Istati Membri “inkwantu l-kooperazzjoni tagħhom hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom” (23), huwa madankollu paċifiku li l-ebda dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma tirregola direttament il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30.      B’mod partikolari, mill-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tista’ tiġi dedotta projbizzjoni, għall-Istati Membri, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-pensjoni li minnha jibbenefika ex uffiċjal tal-Unjoni, li titħallas minn din tal-aħħar, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li twassal sabiex jiġi stabbilit il-limitu massimu tad-drittijiet għall-pensjoni li l-imsemmi uffiċjal jista’ jippretendi abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jamministraw l-iskemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u li, jekk huwa minnu li, fit-twettiq ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni (24), jibqa’ l-fatt li fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina, minn naħa, il-kundizzjonijiet tad-dritt jew tal-obbligu biex wieħed jissieħeb fi skema tas-sigurtà soċjali u min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji (25).

31.      Huwa minnu li wieħed jista’ jsostni li l-leġiżlazzjoni Belġjana għandha l-effett li tippreġudika l-fakultà tat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni, prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu, jekk din il-fakultà ma tiġix eżerċitata, id-drittijiet għal pensjoni miksuba fl-iskema Belġjana qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni jistgħu jintilfu, u b’hekk din il-fakultà tiġi de facto mibdula f’obbligu, bil-ksur tal-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, fil-kawża prinċipali, A. Wojciechowski tilmenta dwar il-fatt li l-ebda pensjoni tal-irtirar abbażi tal-iskema Belġjana ma ġiet irrikonoxxuta favur tagħha, għall-perijodi li matulhom ikkontribwixxiet f’din l-iskema u mhux dwar xi ostakolu għall-funzjonament tal-mekkaniżmu tat-trasferiment previst fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tar-Regolamenti, li huwa biss intiż sabiex jippermetti l-konverżjoni tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni miksuba taħt is-sistema nazzjonali fi snin ta’ servizz skont l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, li għaliha, mill-bqija, A. Wojciechowski rrinunzjat espressament.

32.      Dan premess, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tal-ewwel parti tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi dwar l-applikazzjoni, għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inawgurata permezz tas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑137/80, EU:C:1981:237) u My (C‑293/03, EU:C:2004:821) u kkonfermata reċentement permezz tas-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54), li tistabbilixxi li d-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali, li jaqa’ fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-Unjoni u li jsib l-espressjoni tiegħu fl-obbligu, previst fl-Artikolu 10KE [li sar l-Artikolu 4(3) TUE], li jiffaċilitaw lil din tal-aħħar it-twettiq tal-missjoni tagħha jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, li tirrendi iktar diffiċli r-reklutaġġ minn din tal-aħħar, ta’ uffiċjali nazzjonali (26).

33.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-applikazzjoni tagħha mill-ONP fil-każ ta’ A. Wojciechowski jistgħu jiksru l-imsemmi dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali, kif interpretat u applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-ġurisprudenza.

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għal din il-parti tad-domanda preliminari ma jidhirlix li tista’ tiġi kkontestata. Tali ġurisdizzjoni ġiet, barra minn hekk, ammessa b’mod impliċitu fis-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal domanda analoga magħmula mill-cour du travail de Bruxelles, dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana fil-qasam tal-kumpens tal-qgħad, fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-ONP u ex membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni, li s-sitwazzjoni tiegħu, l-istess bħal dik ta’ A. Wojciechowski, kienet nieqsa minn kull rabta oħra mad-dritt tal-Unjoni (27).

35.      L-argument tal-Gvern Belġjan li jgħid li t-tilwima fil-kawża prinċipali tiddistingwi ruħha minn dawk li taw lok għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑137/80, EU:C:1981:237) u My (C‑293/03, EU:C:2004:821), b’tali mod li l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi ma jistgħux jiġu trasposti għas-sitwazzjoni ta’ A. Wojciechowski, huwa relatat mal-mertu tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u għalhekk ma jistax jaffettwa l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għaliha.

36.      Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tal-Karta, fl-opinjoni tiegħi, fl-assenza ta’ fatturi oħra ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-Karta u, għalhekk, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal din il-parti tad-domanda ma jistgħux jiġu stabbiliti ħlief jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq tkun applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ A. Wojciechowski (28).

2.      Dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

37.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha ġurisdizzjoni, il-Gvern Belġjan jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula, peress li skont dan tal-aħħar din hija ta’ natura purament ipotetika, għaliex il-qorti tar-rinviju tibbaża t-tressiq tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-ipoteżi, mhux ivverifikata fattwalment u estranja għat-tilwima fil-kawża prinċipali, li l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 “jista’ jirrendi iktar diffiċli r-reklutaġġ mill-Komunità Ewropea ta’ uffiċjali ta’ nazzjonalità Belġjana li għandhom ċerta anzjanità”.

38.      F’dan ir-rigward, nillimita ruħi għall-osservazzjoni li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 hawn fuq hija bbażata, essenzjalment, fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza tar-riskju ta’ ostakolu għat-twettiq mill-Unjoni tal-missjoni tagħha minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistgħu jiskoraġġixxu l-aċċess, għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, għas-servizz pubbliku Ewropew. Bl-ipoteżi tagħha, li qed tiġi kkontestata mill-Gvern Belġjan, il-qorti tar-rinviju mhux talli ma tintroduċix element barrani għar-realtà tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija sempliċement tqiegħed il-mistoqsija, u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-eżistenza, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ta’ tali riskju u tal-konkorrenza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

B –    Fuq il-mertu

1.      Dwar l-ewwel parti tad-domanda preliminari: il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

39.      Permezz tal-ewwel parti tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jipprekludix Stat Membru milli jnaqqas, jew saħansitra jirrifjuta, pensjoni tal-irtirar, dovuta lil ħaddiem impjegat abbażi tal-kontribuzzjonijiet magħmula skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, meta t-total tas-snin ta’ karriera mwettqa f’dan l-Istat Membru u fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej jeċċedi l-unità tal-karriera stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

a)      Osservazzjonijiet ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

40.      Il-Gvern Belġjan isostni li l-parti tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE għandha tingħata risposta fin-negattiv. Skont dan il-gvern, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi msemmija fil-punt 32 hawn fuq, ma japplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali, li ma tirrigwardax ir-rifjut mill-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ karriera mwettqa minn ħaddiem fi ħdan l-Unjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu taħt l-iskema Belġjana. Din il-karriera ġiet effettivament meħuda inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ A. Wojciechowski. L-Artikolu 4(3) jistabbilixxi obbligu reċiproku ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

41.      Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan isostni li, anki jekk jingħad li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-regola tal-unità tal-karriera prevista fil-leġiżlazzjoni Belġjana ma tistax tippreġudikah. F’dan ir-rigward, dan il-gvern josserva li l-imsemmi prinċipju ma jistax iwassal sabiex ipoġġi f’vantaġġ il-persuni li kienu ħaddiema impjegati qabel ma wettqu karriera kompleta fi ħdan l-Unjoni bħala uffiċjali, meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra, b’mod partikolari dawk li wettqu karriera mħallta. Ir-regola tal-unità tal-karriera hija bbażata fuq motiv leġittimu, il-kontroll tal-infiq fis-settur tal-pensjonijiet, u fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-ħaddiema li wettqu karriera mħallta. Għandu jingħad li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jamministraw l-iskemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u huwa l-kompitu tagħhom, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tad-dritt jew tal-obbligu li wieħed jissieħeb fi skema tas-sigurtà soċjali kif ukoll il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għal benefiċċji.

42.      Il-Kummissjoni tosserva li kieku r-Regolament Nru 883/200 kien applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Belġjani ma kinux ikunu jistgħu jopponu r-regola tal-unità tal-karriera kontra A. Wojciechowski, peress li dan kien ikun bi ksur tal-prinċipju tat-totalizzazzjoni tal-perijodi differenti tal-assigurazzjoni u kien imur kontra l-ispirtu tar-regoli tal-antikumulu stabbiliti f’dan ir-regolament (29). Skont il-Kummissjoni, l-istess soluzzjoni tgħodd abbażi tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li huwa impost fuq ir-Renju tal-Belġju skont l-Artikolu 4(3), TUE. F’dan ir-rigward, hija tindika, minn naħa, li r-regola tal-unità tal-karriera tista’ tostakola u, għalhekk, tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, sa fejn, meta ħaddiem jaċċetta impjieg ma’ tali istituzzjoni, huwa jiġi mċaħħad mill-protezzjoni kontra r-regola tal-antikumulu tal-leġiżlazzjoni Belġjana, regola li ma tkunx tista’ tiġi invokata kontrih kieku jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan tar-reklutaġġ ta’ persunal ikkwalifikat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għan li fit-twettiq tiegħu l-Istati Membri jsostnu lill-Unjoni abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jiġġenera prinċipju fundamentali li jiggwida l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dak li d-drittijiet tas-sigurtà soċjali ta’ persuna li tkun okkupat impjieg fi Stat Membru ma jkunux jistgħu jiġu ppreġudikati minħabba l-fatt li din tal-aħħar ħadmet fl-istituzzjonijiet Ewropej. Skont il-Kummissjoni, id-differenzi li jeżistu bejn il-kawża prinċipali u dik li tat lok għas-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821) ma jippermettux li wieħed jasal għal konklużjoni li hija differenti minn dik li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 f’dan il-każ twassal sabiex A. Wojciechowski tkun ħallset kontribuzzjonijiet soċjali f’fond mitluf fl-iskema tal-pensjonijiet Belġjana.

43.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat, b’mod ulterjuri, il-pożizzjoni tagħha, billi indikat li s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal tal-Unjoni għandha tiġi assimilata ma’ dik ta’ ħaddiem migrant, anki meta ma jkunx għamel użu mid-dritt tiegħu tal-moviment liberu. Il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 hawn fuq ġiet elaborata mill-Qorti tal-Ġustizzja bl-għan li tevita l-eventwali ostakoli għall-applikazzjoni, fir-rigward tal-uffiċjali tal-Unjoni, tal-prinċipji li jirriżultaw mir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

44.      Billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54), kif ukoll fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, fil-Kawża Časta (C‑166/12, EU:C:2013:443), A. Wojciechowski sostniet, waqt is-seduta, li l-Artikolu 4(3) TUE, inkonnessjoni mar-Regolamenti, jistabbilixxi prinċipju li jgħid l-kontinwità tal-benefiċċji soċjali miksuba mill-uffiċjal tal-Unjoni taħt skema tas-sigurtà soċjali nazzjonali għandha tiġi ggarantita.

b)      Analiżi

45.      Għandu l-ewwel u qabel kollox jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Belġjan ibbażat fuq in-natura reċiproka tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Jekk qed nifhem sewwa dan l-argument, l-imsemmi gvern iqis li, abbażi ta’ din ir-reċiproċità, ma jistax jiġi kkontestat, fl-istess waqt, fir-rigward ta’ Stat Membru, li dan ma ħax inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ impjieg ta’ ħaddiem fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, sabiex jistabbilixxi d-drittijiet soċjali ta’ dan tal-aħħar skont l-iskema nazzjonali, bħal fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi My (C‑293/03, EU:C:2004:821) u Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54) u li pproċeda għal dan it-teħid inkunsiderazzjoni, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

46.      Huwa ċertament inkontestabbli li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jinsab ukoll previst espressament fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni (30), jimplika obbligu reċiproku ta’ assistenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Minn dan jirriżulta li dan il-prinċipju jista’ jinkiser meta tali reċiproċità ma tkunx żgurata, b’mod partikolari meta l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jkun impost b’mod unilaterali fuq l-Istati Membri jew inkella meta l-kontenut ta’ dan l-obbligu jkun iddefinit b’mod li jidħol fuq il-kompetenzi rriżervati għall-Istati Membri.

47.      Madankollu dan ma huwiex il-każ fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

48.      F’dan ir-rigward, nosserva, minn naħa, li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 hawn fuq tirreferi, fil-prinċipju, għal kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li, peress li ma tiżgurax il-kontinwità tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema li qattgħu parti mill-karriera tagħhom fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, għandha l-effett li tiskoraġġixxi d-dħul fis-servizz ta’ din tal-aħħar u għalhekk li tirrendi iktar diffiċli r-reklutaġġ, mill-Unjoni, tal-persunal tagħha. Peress li tali leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali tiġi evalwata unikament skont l-effetti tagħha, jirriżulta li din il-ġurisprudenza tista’ tolqot kemm ir-rifjut, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi li ħaddiem ikun wettaq bħala uffiċjal ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, sabiex jiġi skattat id-dritt previst mill-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat, kif ukoll, bħal fil-każ ta’ A. Wojciechowski, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-istess perijodi sabiex jitnaqqsu, jew saħansitra jiġu eliminati, id-drittijiet li l-ħaddiem ikun kiseb taħt l-imsemmija skema (31). Din il-konklużjoni tirriżulta mir-ratio li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 hawn fuq u ma tistax titqies li tinjora n-natura reċiproka tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

49.      Min-naħa l-oħra, jekk huwa minnu li, kif ifakkar il-Gvern Belġjan, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jamministraw l-iskemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, għandha tkun il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, jibqa’ l-fatt madankollu li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni (32), inklużi l-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 hawn fuq, ta’ kooperazzjoni leali inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal.

50.      Bl-istess mod, m’iniex konvint mit-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li għandu jiġi żgurat paralleliżmu bejn is-soluzzjonijiet li jirriżultaw, minn naħa, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u dawk tar-Regolament Nru 883/2004 u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq (33).

51.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif fakkar ġustament il-Gvern Belġjan waqt is-seduta, fis-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 42) il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet espressament li l-perijodu ta’ attività f’servizz pubbliku internazzjonali, bħalma huwa dak tal-Unjoni, jista’ jiġi assimilat għal perijodu mwettaq fis-servizz pubbliku ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, u b’hekk iddistingwixxiet b’mod ċar is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem migrant minn dik ta’ uffiċjal li ma għamilx użu mid-dritt tiegħu tal-moviment liberu.

52.      Fit-tieni lok, kif diġà esponejt fil-punt 27 hawn fuq, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni ma taqax taħt ir-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 48 TFUE, intiż sabiex jikkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali, u dan anki meta l-imsemmija uffiċjali jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

53.      Fit-tielet lok, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (315/85, EU:C:1987:569, punt 21) u Časta (C‑166/12, EU:C:2013:792, punt 30), fir-rigward tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ma humiex intiżi għall-armonizzazzjoni, u lanqas għall-koordinazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-pensjonijiet.

54.      Fir-raba’ lok, bl-istabbiliment tal-prinċipju skont liema l-Istat Membru li jadotta leġiżlazzjoni li tista’ tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni Ewropea jikser l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 hawn fuq għandha l-għan li telimina l-ostakoli li leġiżlazzjonijiet bħal dawn jistgħu joħolqu għar-reklutaġġ mill-Unjoni tal-persunal tagħha, skont l-għan stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal (34). Għalhekk, fid-dawl tar-ratio tagħha, l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza ma tistax teskludi eżami intiż sabiex jistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex konkretament ta’ natura li “tirrendi iktar diffiċli” tali reklutaġġ (35).

55.      Dan premess, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali tistax tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 hawn fuq.

56.      Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun qed tmur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali inkonnessjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jekk tkun ta’ natura li tirrendi iktar diffiċli r-reklutaġġ minn istituzzjoni tal-Unjoni ta’ ħaddiema ta’ ċerta anzjanità (36), kif ukoll jekk tostakola r-reklutaġġ, minn waħda minn dawn l-istituzzjonijiet, ta’ persunal temporanju (37).

57.      Fil-kawżi prinċipali li taw lok għal dawn id-deċiżjonijiet, il-perijodi ta’ ħidma fis-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi skattat id-dritt għal benefiċċji previsti fl-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru kkonċernat u li għalihom il-persuna kkonċernata kienet tkun intitolata, kieku matul dawn il-perijodi, kienet tkun affiljata fl-imsemmija skema. Fil-proċedura għal domanda preliminari li qed neżamina, min-naħa l-oħra, il-karriera fl-Unjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ttieħdet effettivament inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar Belġjana tagħha. Dan is-sempliċi fatt, madankollu, ma huwiex tali li jiġġustifika soluzzjoni differenti, ladarba dan it-teħid inkunsiderazzjoni jwassal għall-istess riżultat tat-tnaqqis, jew saħansitra tal-eliminazzjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni li A. Wojciechowski kienet tkun tista’ tippretendi li tirċievi mill-iskema Belġjana, li kieku ma ħadmitx ma’ istituzzjoni tal-Unjoni.

58.      Il-prospett tat-telf ta’ tali vantaġġi jista’, fil-prinċipju, jiddiswadi ħaddiem li jkun kiseb ċerta anzjanità taħt l-iskema tal-pensjonijiet Belġjana, milli jaċċetta impjieg ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, jew jista’ jħajru jitlaq mill-funzjonijiet li jokkupa hemmhekk qabel it-twettiq tal-karriera kompluta tiegħu. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, l-istess bħal-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821) u d-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C 287/09, EU:C:2010:420).

59.      Għandu jingħad madankollu li ma hijiex l-applikazzjoni fiha nnifisha tar-regola tal-unità tal-karriera prevista fl-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50, li wasslet għat-telf tad-drittijiet kollha għall-pensjoni li A. Wojciechowski kienet tkun tista’ tippretendi kieku baqgħet affiljata fl-iskema Belġjana għal ħaddiema impjegati matul il-karriera kollha tagħha, iżda iktar il-mod li bih l-ONP ikkalkola l-porzjon li jesprimi l-valur tal-pensjoni li trid titħallas mill-Unjoni, bl-assimilazzjoni ta’ karriera ta’ 35 sena f’istituzzjoni tal-Unjoni, ma’ karriera kompluta (45/45 porzjon) taħt l-iskema Belġjana. Fil-fatt, id-drittijiet għal pensjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont l-iskema Belġjana bl-ebda mod ma kienu jiġu affettwati li kieku l-ONP qies li l-35 sena li hija wettqet fis-servizz tal-Kummissjoni kienu ekwivalenti għal porzjon ta’ 35/45, u kieku kkonkluda, għalhekk, li l-karriera globali tagħha kienet ta’ 48/45 porzjon, b’sorpass biss ta’ tliet snin tal-unità tal-karriera. Jirriżulta minn dan, li ma hijiex ir-regola tal-unità tal-karriera li tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, iżda l-metodu applikat mill-awtoritajiet Belġjani għall-kalkolu tal-korrispondenza bejn il-pensjoni Belġjana u dik tal-Unjoni.

60.      Waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan insista, b’mod partikolari, fuq il-fakultà li għandu uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni, skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħti istruzzjonijiet għat-trasferiment lejn l-Unjoni, bejn il-mument tal-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti u l-mument meta jikseb id-dritt għall-pensjoni tal-irtirar fis-sens tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-kapital, aġġornat sad-data tat-trasferiment effettiv, li jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni li huwa kiseb abbażi tal-attivitajiet preċedenti tiegħu. Skont dan il-gvern, hija ċ-ċirkustanza li A. Wojciechowski ma eżerċitatx l-imsemmija fakultà li wasslet sabiex hija titlef id-drittijiet tagħha għall-pensjoni taħt l-iskema Belġjana.

61.      F’dan ir-rigward, huwa minnu, kif jenfasizza wkoll il-Gvern Belġjan, li, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑137/80, EU:C:1981:237), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta stabbilixxiet, favur l-uffiċjali sistema ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni, id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal riedet “tiffaċilita t-trasferiment tal-impjiegi nazzjonali, pubbliċi jew privati, favur l-amministrazzjoni Komunitarja u tiggarantixxi b’hekk, lill-Komunitajiet, l-aħjar possibbiltajiet ta’ għażla ta’ persunal kwalifikat li diġà għandu esperjenza professjonali xierqa” (38). Madankollu, l-eżerċizzju ta’ tali fakultà jippermetti biss il-konverżjoni, fi snin ta’ servizz taħt l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, tal-perijodi ta’ kontribuzzjoni mħallsa lil skema nazzjonali. Jirriżulta minn dan li, fil-każ ta’ uffiċjal li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikkontribwixxa għal numru sinjifikattiv ta’ snin favur l-iskema tal-pensjonijiet nazzjonali qabel ma wettaq karriera kompluta ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tali trasferiment għandu, ċertament, il-vantaġġ li jippermettilu li jilħaq iktar malajr il-livell massimu tal-pensjoni tiegħu tal-irtirar imħallas mill-Unjoni, iżda jneħħilu l-possibbiltà li jikseb, minbarra din il-pensjoni, pensjoni li titħallas mill-iskema nazzjonali abbażi tal-kontribuzzjonijiet li huwa ħallas fiha. Għalhekk jekk hija tippermetti li tiffaċilita l-fatt li wieħed jgħaddi minn impjieg nazzjonali għal impjieg fl-Unjoni, il-possibbiltà ta’ tali trasferiment ma teliminax madankollu l-iżvantaġġi li jirriżultaw, għal tali uffiċjal, mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, kif bir-raġun irrimarkat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi sempliċi fakultà favur l-uffiċjal u wieħed ma jistax jattribwixxi t-telf tad-drittijiet li kiseb l-uffiċjal b’riżultat tal-kontribuzzjonijiet imħallsa favur l-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali, għan-nuqqas ta’ użu minn din il-fakultà.

62.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mit-tribunal du travail de Bruxelles, inkwantu din tirrigwarda l-Artikolu 4(3) TUE, għandha tkun li din id-dispożizzjoni, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem impjegat abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, għandha titnaqqas, jew saħansitra tiġi eliminata, meta t-total tas-snin tal-karriera mwettqa minn dan il-ħaddiem fl-imsemmi Stat Membru u bħala uffiċjal Ewropew f’dan l-istess Stat Membru jeċċedi l-unità tal-karriera, sa fejn, minħabba l-metodu għall-kalkolu tal-porzjon li jistabbilixxi l-valur tal-pensjoni li għandha titħallas mill-Unjoni, tali tnaqqis jirriżulta ikbar minn dak li kien ikun applikat kieku l-karriera kollha tal-imsemmi ħaddiem tkun ġiet imwettqa bħala impjegat fl-Istat Membru inkwistjoni.

63.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-oġġezzjoni tal-Kummissjoni, relatata mal-possibbiltà, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tinvoka, fir-rigward tal-awtoritajiet Belġjani, l-obbligu tal-Istati Membri li jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Unjoni billi ma jiskoraġġixxux, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tagħhom fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-eżerċizzju ta’ attività professjonali ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, nosserva li fis-sentenzi My (C‑293/03, EU:C:2004:821) u Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, b’mod impliċitu, fir-rigward ta’ dan l-obbligu, il-kapaċità tiegħu li jipproduċi effetti legali diretti fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-partijiet fil-kawża. Għall-kumplament, nirreferi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Melchoir (C‑647/13, EU:C:2014:2301).

2.      Dwar it-tieni parti tad-domanda preliminari: l-Artikolu 34 tal-Karta

64.      Fid-dawl tar-risposta li qed nipproponi li tingħata għad-domanda preliminari, sa fejn din tirrigwarda l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, huwa inutli li din il-kwistjoni tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-Artikolu 34(1) tal-Karta.

65.      Barra minn hekk, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis, kuntrarjament għal dak li qed nissuġġerixxi jien f’dawn il-konklużjonijiet, li dan il-prinċipju ma japplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali, lanqas il-Karta ma tkun applikabbli. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi sabiex jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (39). Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), ma jistax ikun hemm każ li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (40). Meta, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ġuridika ma tkunx taqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet tal-Karta eventwalment invokati, ma jistgħux, waħedhom, isejsu din il-ġurisdizzjoni (41). Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-definizzjoni tagħha tar-regoli għall-kalkolu tal-benefiċċji ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiema impjegati, ma timplementax att tad-dritt derivat tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitwazzjoni legali ta’ A. Wojciechowski hija purament interna u ma hijiex direttament koperta minn dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal (42). Huwa biss għalhekk fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, kif qed nissuġġerixxi, kellha tqis l-Artikolu 4(3) TUE, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, bħala applikabbli għall-kawża prinċipali, li s-sitwazzjoni ta’ A. Wojciechowski tkun irregolata mid-dritt tal-Unjoni u fejn imbagħad tkun applikabbli l-Karta.

66.      Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li, kif qed issostni l-Kummissjoni, l-imsemmi artikolu, għalkemm applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi invokat quddiem il-qrati minn A. Wojciechowski, jirriżulta mis-sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2) li l-Karta xorta tkun applikabbli (43). Madankollu, infakkar li, f’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għal dak li kienet iddeċidiet fis-sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21), fir-rigward tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minħabba l-età stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, qieset li l-Artikolu 27 ta’ din tal-aħħar ma setax jiġi invokat quddiem il-qrati b’mod awtonomu, peress li dan tal-aħħar ma jistax jipproduċi l-effetti kollha tiegħu ħlief wara li jkun ġie ppreċiżat permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali.

67.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-mertu, nirreferi, mutatis mutandis, għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Melchior (C‑647/13, EU:C:2014:2301). Mingħajr ma nikkontesta l-fakultà tal-Istati Membri li jipprevedu, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom li jamministraw l-iskemi tagħhom tas-sigurtà soċjali, mekkaniżmi sabiex jiġu limitati l-benefiċċji jew regoli dwar l-antikumulu, leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal, f’sitwazzjonijiet bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, sabiex telimina d-drittijiet għal pensjoni, miksuba minn ħaddiem impjegat abbażi tal-kontribuzzjonijiet li huwa ħallas fl-iskema nazzjonali, minħabba s-sempliċi raġuni li huwa wettaq karriera kompluta ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, li tagħtih id-dritt għal pensjoni li għandha titħallas minn din tal-aħħar, għal perijodu differenti minn dak li matulu huwa kkontribwixxa fl-iskema nazzjonali, ma jidhirlix li hija kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 34 tal-Karta.

V –    Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mit-tribunal du travail de Bruxelles b’dan il-mod:

“L-Artikolu 4(3) TUE, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni, kif emendat, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li l-pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem impjegat abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, għandha titnaqqas, jew saħansitra tiġi eliminata, meta t-total tas-snin tal-karriera mwettqa minn dan il-ħaddiem fl-imsemmi Stat Membru u bħala uffiċjal Ewropew f’dan l-istess Stat Membru, jeċċedi l-unità tal-karriera, sa fejn, minħabba l-metodu għall-kalkolu tal-porzjon li jistabbilixxi l-valur tal-pensjoni li għandha titħallas mill-Unjoni Ewropea, tali tnaqqis jirriżulta ikbar minn dak li kien ikun applikat kieku l-karriera kollha tal-imsemmi ħaddiem tkun ġiet imwettqa bħala impjegat fl-Istat Membru inkwistjoni.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 56, p. 1.


3 – ĠU L 311, p. 1, u rettifika ĠU 2012 L 144, p. 48.


4Moniteur belge tas-27 ta’ Ottubru 1967, p. 11246.


5 – Introdott permezz tal-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali Nru 205, tad-29 ta’ Awwissu 1983, li jemenda l-liġi dwar il-pensjonijiet fis-settur soċjali (Moniteur belge tas-6 ta’ Settembru 1983, p. 11096).


6Moniteur belge tas-27 ta’ Ottubru 1983, p. 13650.


7 – Fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983, l-ammont konvertit huwa r-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-pensjoni mogħtija taħt skema oħra bl-invers tal-porzjon imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50, jiġifieri l-invers tal-porzjon li jesprimi l-valur tal-pensjoni rċevuta taħt l-iskema l-oħra. Meta l-ammont ta’ din il-pensjoni ma jkunx magħruf, l-ammont konvertit huwa, skont prassi amministrattiva, preżunt li jkun, sakemm ma tinġabx prova kuntrarja, ugwali għal 2.5 darbiet l-ammont fiss.


8 – B’ammont fiss wieħed għandu jifhem 75 % tar-remunerazzjoni fissa, ivvalutata mill-ġdid, meħuda inkunsiderazzjoni għal okkupazzjoni bħala ħaddiem matul xi sena qabel l-1 ta’ Jannar 1955 [l-Artikolu 1(c) tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983].


9 – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10a u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983.


10 – Mill-proċess jirriżulta li, fl-2006 u fl-2007, fuq talba ta’ A. Wojciechowski, diversi servizzi ta’ informazzjoni Belġjani kienu kkalkolaw li l-pensjoni dovuta lilha, fil-każ tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 kienet ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 200.


11 – Skont id-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983.


12 – A. Wojciechowski ressqet ukoll kontrotalba sabiex tikseb il-ħlas tad-danni, ivvalutati fuq it-telf ta’ 10/45 porzjon tal-pensjoni tagħha, mid-data tal-għoti tagħha u ta’ 13/45 porzjon minn Lulju 2013, minħabba l-aġir skorrett tal-ONP.


13 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.


14 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.


15 – Hija tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenzi Lustig (C‑244/97, EU:C:1998:619, punti 30 u 31), Larsy (C‑118/00, EU:C:2001:368), Tomaszewska (C‑440/09, EU:C:2011:114, punti 3 u 31), u Bourgès-Maunoury u Heintz (C‑558/10, EU:C:2012:418, punt 33).


16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punt 11), Schmid (C‑310/91, EU:C:1993:221, punt 20), kif ukoll Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 42).


17 – Ara s-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 42).


18 –      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ A. Wojciechowski stqarr li din tal-aħħar kienet intbagħtet il-Lussemburgu matul l-ewwel sentejn tal-karriera tagħha mal-Kummissjoni. Peress li dan il-fatt ma ġiex inkluż fl-espożizzjoni tal-kuntest fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju u lanqas ma jirriżulta mill-proċess nazzjonali, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta tagħha għad-domanda preliminari.


19 – Ara s-sentenza Uecker u Jacquet (C‑64/96 u C‑65/96, EU:C:1997:285, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Ara s-sentenzi Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 41) u My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 35), kif ukoll id-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420, punt 26).


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Johannes (C‑430/97, EU:C:1999:293, punti 26 sa 29). F’din il-kawża, il-kwistjoni kienet waħda li jiġi ddeterminat jekk il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, stabbilita fl-Artikolu 6 tat-Trattat KE, kinitx tipprekludi li d-dritt ta’ Stat Membru li jirregola l-konsegwenzi tad-divorzju bejn uffiċjal tal-Komunitajiet u l-ex konjuġi tiegħu, iwassal sabiex, minħabba n-nazzjonalità tiegħu, dan l-uffiċjal ikollu jerfa’ iktar piżijiet minn uffiċjal ieħor li jsib ruħu fl-istess sitwazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li tali projbizzjoni hija limitata għall-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattat, ikkonkludiet li la d-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat li jiddetermina d-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-effetti tad-divorzju bejn il-konjuġi u lanqas id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt ċivili li jirregolaw sostantivament dawn l-effetti, ma jagħmlu parti minn dan il-qasam. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx li hija inkompetenti sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari iżda rrispondiet għaliha b’mod negattiv.


22 – Ara l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 259/68.


23 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (137/80, EU:C:1981:237, punt 8), u Kristiansen (C‑92/02, EU:C:2003:652, punt 32).


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑255/09, EU:C:2011:695, punti 47 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Ara, inter alia, is-sentenza Kristiansen (C‑92/02, EU:C:2003:652, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54, punt 26).


27 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑647/13, EU:C:2014:2301, punti 15 et seq).


28 – Ser nirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punti 57 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Melchior (C‑647/13, EU:C:2014:2301).


29 – Il-Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza Larsy (C‑118/00, EU:C:2001:368).


30 – Dan il-paragrafu jikkostitwixxi innovazzjoni meta mqabbel mal-Artikolu 10 KE. Taħt din id-dispożizzjoni u, preċedentement, taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet madankollu diġà rrikonoxxiet in-natura reċiproka tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, id-digriet Zwartveld et (C‑2/88 IMM, EU:C:1990:440, punti 17 sa 21), is-sentenzi First u Franex (C‑275/00, EU:C:2002:711, punt 49), L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑339/00, EU:C:2003:545, punt 71), kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑344/01, EU:C:2004:121, punti 79 sa 81). Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑339/00, EU:C:2003:70, punt 73).


31 – Il-Gvern Belġjan ma jista’ jiddeduċi l-ebda argument favur it-teżi tiegħu mis-sentenza Časta (C‑166/12, EU:C:2013:792) — li kienet tirrigwarda, fost l-oħrajn, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali inkonnessjoni mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — u, b’mod partikolari, mill-punt 36 tagħha, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li huwa biss fil-każ meta l-modalitajiet għall-kalkolu tal-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema tal-pensjoni nazzjonali, li għandhom jiġu ttrasferiti fl-iskema tal-Unjoni skont dan l-artikolu “ivarjaw, b’mod apprezzabbli, għall-vantaġġ jew l-iżvantaġġ tal-uffiċjal, min-natura tal-prinċipji u tar-regoli tal-iskema tal-pensjoni nazzjonali li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernata tista’ tfixkel il-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE jew li tkun kuntrarja għall-obbligi previsti fl-Artikolu 4(3) TUE” (enfasi magħmula minni). Fil-fatt, lil hinn mid-diffikultà li tinftiehem l-affermazzjoni li l-applikazzjoni tal-modalitajiet għall-kalkolu, li jqiegħdu f’vantaġġ lill-ħaddiem fil-mument meta dan ikun ser jidħol fis-servizz tal-Unjoni, tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu jew tista’ titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ma jidhirlix li dan il-punt jista’ jinqara, fis-sens mixtieq mill-imsemmi Gvern, bħal riferiment għan-natura reċiproka tal-obbligu tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u bħala limitu għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 hawn fuq. Fil-fatt, ir-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza hija, f’din is-sentenza, eskluża, minħabba n-nuqqas ta’ prova tan-natura diskriminatorja tal-modalitajiet għall-kalkolu, previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għad-detriment tal-uffiċjali tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, minbarra l-punt 36 iċċitat iktar ’il fuq, il-punt 38 tas-sentenza Časta, C‑166/12, EU:C:2013:792).


32 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Kristiansen (C‑92/02, EU:C:2003:652, punt 31), Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 40) u Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54, punt 21).


33 – Nosserva, madankollu, li l-adozzjoni ta’ din it-teżi tagħti l-vantaġġ inekwivoku li tpoġġi fuq l-istess livell is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal tal-Unjoni li jkun ġie assenjat f’pożizzjoni fi Stat Membru ieħor għajr dak tal-oriġini tiegħu u dik ta’ uffiċjal li qatt ma telaq minn dan l-Istat.


34 – Skont din id-dispożizzjoni “r-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Unjoni. […]”


35 – Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54, punt 27).


36 – Sa fejn, b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ħaddiem li preċedentement kien affiljat fi skema għal pensjonijiet nazzjonali kien qed jirriskja, meta jaċċetta impjieg ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, li jitlef il-possibbiltà li jibbenefika, taħt din l-iskema, minn benefiċċju tax-xjuħija li għalih kien ikun intitolat li kieku ma aċċettax dan l-impjieg, ara s-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punti 45‑48), u d-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420, punti 28 sa 34).


37 – Ara s-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54, punt 27). Fis-sentenza Thitier (C‑333/88, EU:C:1990:131, punt 16), min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li t-telf ta’ vantaġġ fiskali previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li minnu ma setgħux jibbenefikaw il-membri u l-uffiċjali Komunitarji, seta’ jiddisswadi lil dawn tal-aħħar milli jidħlu jew ikomplu fis-servizz tal-istituzzjonijiet Komunitarji u b’hekk jostakola l-funzjonament tal-imsemmija istituzzjonijiet (C‑333/88, EU:C:1990:131, punt 16). Bl-istess mod, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Gysen (C‑449/06, EU:C:2007:663, punti 54 sa 61), eskludejt dan l-effett dissważiv fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tistabbilixxi li, fil-kuntest ta’ kalkolu mill-organu nazzjonali kompetenti għall-allowances tal-familja għall-wild li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu, il-wild ta’ dan il-ħaddiem li kien jibbenefika minn allowances tal-familja mħallsa skont ir-Regolamenti tal-Persunal, ma kienx meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rank tal-ulied l-oħra tal-istess ħaddiem, rank li, bl-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, kellu effett fuq l-ammont tal-allowances tal-familja li kellhom jitħallsu lil dawn tal-aħħar.


38 – Ara l-punt 11.


39 – Ara s-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19). Ara wkoll, is-sentenza Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 33).


40 – Ara s-sentenzi Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21) u Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 34).


41 – Ara s-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 22).


42 – Ara l-punti 26 sa 31 iktar ’il fuq.


43 – Ara l-punti 30 sa 41 tal-imsemmija sentenza.