Language of document : ECLI:EU:C:2015:591

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Uffiċjal irtirat tal-Unjoni Ewropea li, qabel id-dħul tiegħu fil-kariga, ikun eżerċita attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru li fih huwa assenjat – Dritt għall-pensjoni skont l-iskema nazzjonali ta’ pensjoni tal-ħaddiema impjegati – Unità tal-karriera – Rifjut li titħallas il-pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem impjegat – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑408/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

Aliny Wojciechowski

vs

Office national des pensions (ONP),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Wojciechowski, minn V. Vannes u S. Rodrigues, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn M. Leclercq, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tal-Artikolu 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A. Wojciechowski u l-Office national des pensions (ONP) [l-Uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet (ONP)] rigward ir-rifjut ta’ dan l-organu li jagħti lill-persuna kkonċernata l-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem impjegat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Taħt it-titolu “Skema tal-pensjoni”, l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 311, p. 1, u rettifika ĠU 2012 L 144, p. 48, iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi, fl-Artikolu 11(2) tiegħu:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Komunitajiet wara:

[...]

–        li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu,

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas [jittrasferixxi] lill-Unjoni l-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

[...]”

 Id-dritt Belġjan

4        Id-Digriet Irjali Nru 50, tal-24 ta’ Ottubru 1967, dwar il-pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti ta’ ħaddiema impjegati (Moniteur belge tas-27 ta’ Ottubru 1967, p. 11246), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Irjali Nru 50”), jinkludi l-Artikolu 10a li jistabbilixxi l-prinċipju msejjaħ “tal-unità tal-karriera”. Dan l-artikolu ġie introdott permezz tad-Digriet Irjali Nru 205, tad-29 ta’ Awwissu 1983, li jemenda l-liġi dwar il-pensjonijiet fis-settur soċjali (Moniteur belge tas-6 ta’ Settembru 1983, p. 11096).

5        L-imsemmi Artikolu 10a jipprevedi, fl-ewwel, fit-tieni, u fir-raba’ paragrafi tiegħu:

“Meta ħaddiem impjegat ikun intitolat għal pensjoni tal-irtirar abbażi ta’ dan id-digriet u għal pensjoni tal-irtirar jew għal vantaġġ, skont xi skema jew skemi oħra u meta t-total tal-porzjonijiet, li jirriflettu l-valur ta’ kull waħda minn dawn il-pensjonijiet, jeċċedi l-unità, il-karriera professjonali li tkun qed tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar għandha titnaqqas b’dawk is-snin li jkunu meħtieġa sabiex l-imsemmi total jitnaqqas sal-unità. [...]

Il-porzjon imsemmi fil-paragrafu preċedenti jesprimi r-relazzjoni bejn it-tul ta’ żmien tal-perijodi, il-perċentwali jew kwalunkwe kriterju ieħor bl-esklużjoni tal-ammont, meħud inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-pensjoni mogħtija u l-massimu tat-tul ta’ żmien, tal-perċentwali jew ta’ kwalunkwe kriterju ieħor li abbażi tiegħu tista’ tingħata pensjoni kompleta.

[...]

Għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ‘skema oħra’ tfisser kull skema oħra Belġjana fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar u tas-superstiti, bl-esklużjoni ta’ dik tal-persuni li jaħdmu għal rashom u ta’ kwalunkwe skema oħra analoga ta’ pajjiż barrani jew skema li hija applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjoni stabbilita taħt id-dritt internazzjonali pubbliku.”

6        L-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983, li jimplementa l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 (Moniteur belge tas-27 ta’ Ottubru 1983, p. 13650), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983’’), jipprevedi:

“Kull wieħed mill-porzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10a [...] huwa mmultiplikat bid-denominatur tal-porzjon meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni ta’ ħaddiem impjegat. Meta din tiġi kkalkolata abbażi ta’ porzjonijiet b’denominaturi differenti, dawn il-porzjonijiet jitnaqqsu minn qabel sal-ogħla fost dawn id-denominaturi u magħduda.

In-numru ta’ snin li għandhom jitnaqqsu mill-karriera professjonali huwa ugwali għad-differenza pożittiva, arrotondat għall-eqreb unità inferjuri, bejn is-somma tal-prodotti miksuba b’applikazzjoni tal-paragrafu preċedenti u d-denominatur jew l-ogħla fost id-denominaturi li abbażi tiegħu tiġi kkalkolata l-pensjoni bħala ħaddiem impjegat.

In-numru ta’ snin li għandhom jitnaqqsu ma jistax jeċċedi 15, lanqas ma jista’ r-riżultat jiġi arrotondat għall-eqreb unità superjuri, li jinkiseb billi tiġi diviża d-differenza bejn l-ammont ikkonvertit u l-ammont fiss, b’ammont li huwa ugwali għal 10 [%] tal-imsemmi ammont fiss. [...]

It-tnaqqis tal-karriera professjonali jaffettwa bi prijorità s-snin li jagħtu lok għad-dritt għall-pensjoni l-inqas vantaġġuża.”

7        L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983 jispeċifika:

“Għall-applikazzjoni ta’ dan id-digriet:

[...]

b)      ammont konvertit tfisser ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-pensjoni mogħtija taħt skema oħra bl-invers tal-porzjon imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 [...];

c)      ammont fiss tfisser 75 [%] mir-remunerazzjoni fissa evalwata mill-ġdid meħuda inkunsiderazzjoni għal impjieg bħala ħaddiem matul sena preċedenti għall-1 ta’ Jannar 1955.”

8        L-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983 jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Pensjoni sħiħa taħt skema oħra tfisser il-pensjoni li, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni allowances, supplimenti jew benefiċċji ta’ natura differenti mill-pensjoni, tilħaq l-ammont massimu li jista’ jingħata fil-kategorija li jagħmel parti minnha l-benefiċjarju.”

9        Mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-ammont tal-pensjoni mogħtija taħt l-iskema l-oħra ma jkunx magħruf, huwa preżunt, għal pensjoni sħiħa, skont prassi amministrattiva, li huwa, sakemm ma tinġabx prova kontrarja, ugwali għal 2.5 darbiet l-ammont fiss ta’ EUR 6 506.98 bl-indiċi ta’ 138.01.

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A. Wojciechowski, ta’ nazzjonalità Belġjana, ħadmet bħala impjegata fil-Belġju mill-1965 sal-1977, u sussegwentement bħala uffiċjal mal-Kummissjoni Ewropea, mis-17 ta’ Ottubru 1977 sat-30 ta’ Novembru 2011.

11      F’Mejju 2012, l-ONP eżamina ex officio d-dritt ta’ A. Wojciechowski għal pensjoni tal-irtirar bħala ħaddiema impjegata, peress li din kienet se tilħaq l-età legali tal-irtirar fil-Belġju (65 sena) fis-26 ta’ April 2013.

12      Fil-formola tal-informazzjoni preliminari, li ġiet mimlija fil-21 ta’ Mejju 2012, il-persuna kkonċernata ddikjarat li fil-karriera professjonali tagħha fil-Belġju ħadmet bħala ħaddiema impjegata bejn l-1965 u l-1977 u indikat li fl-1 ta’ Diċembru 2011 kienet bdiet tibbenefika minn pensjoni mħallsa mill-Kummissjoni. Hija ppreċiżat ukoll li kienet waqfet minn kull attività professjonali minn din id-data.

13      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2012, l-ONP staqsa lill-Kummissjoni jekk A. Wojciechowski kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi pensjoni tal-irtirar imħallsa mill-iskema tal-Unjoni. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni informat lill-ONP li hija kienet bagħtet l-elementi tar-risposta lill-persuna kkonċernata, skont il-prassi amministrattiva tagħha.

14      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Awwissu 2012, A. Wojciechowski bagħtet lill-ONP iċ-ċertifikazzjoni li rċeviet mill-Kummissjoni, li turi li kienet tibbenefika, sa mill-1 ta’ Diċembru 2011, minn pensjoni mħallsa minn din tal-aħħar, ikkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet li hija ħallset fl-iskema tal-Unjoni tal-pensjonijiet għall-perijodu bejn is-17 ta’ Ottubru 1977 u t-30 ta’ Novembru 2011. Hija ma kkomunikatx l-ammont ta’ din il-pensjoni lill-ONP. F’din l-istess korrispondenza, A. Wojciechowski kkonfermat, barra minn hekk, lill-ONP, li ma kinitx eżerċitat il-fakultà, mogħtija mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tittrasferixxi lejn l-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni, akkwistati abbażi tal-attività tagħha bħala persuna impjegata.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012, l-ONP indika lill-persuna kkonċernata, b’referenza għall-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50, dan li ġej:

“Inti għandek, minbarra l-karriera tiegħek, karriera fi skema oħra (servizzi pubbliċi, organizzazzjoni internazzjonali). Madankollu, inti ma tistax, permezz tal-kumulu tal-iskemi tal-pensjoni, teċċedi l-unità tal-karriera, li jfisser li l-karriera globali tiegħek ma tistax tkun ta’ iktar minn 45 sena.

[...] il-karriera tiegħek trid titnaqqas b’għaxar snin. [...]”

16      Minn din id-deċiżjoni u mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ONP qies li A. Wojciechowski kienet ittotalizzat 13/45 porzjon f’karriera bħala ħaddiema impjegata u 45/45 porzjon f’karriera fi skema oħra. Skont ir-regoli ta’ kalkolu fis-seħħ, huwa inizjalment wasal għall-konklużjoni li l-persuna kkonċernata kellha dritt, abbażi tal-karriera tagħha bħala ħaddiema impjegata fil-Belġju, għal pensjoni tal-irtirar ta’ EUR 83.05, li tikkorrispondi għal karriera professjonali ta’ ħaddiema impjegata ta’ 3/45 porzjon, sa fejn, jekk huwa minnu, l-unità tal-karriera kienet fil-prinċipju nqabżet bi 13‑il sena, l-applikazzjoni tal-mitigazzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983 kienet tippermetti li dan il-qbiż jiġi llimitat għal 10 snin.

17      Permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Novembru 2012, l-ONP ippreċiża lil A. Wojciechowski li, peress li ma kienx jaf l-ammont tal-pensjoni mħallsa mill-Kummissjoni, huwa kien qed iqis li, wara 35 sena ta’ karriera fi ħdan din l-istituzzjoni, il-porzjon li jirrappreżenta l-valur tal-pensjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10a, kien ugwali għal 70/70 porzjon, jew 45/45 porzjon — meta wieħed iqis li għal kull sena maħduma, uffiċjal Ewropew li beda jaħdem qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jikseb bħala pensjoni, 2 % fis-sena, b’riferiment għall-aħħar salarju mħallas waqt it-twettiq tal-attività, u li l-perċentwali massima li jista’ jikseb huwa limitat għal 70 % tal-aħħar salarju bażiku tiegħu —, u li l-unità tal-karriera kienet għalhekk inqabżet bi 13‑il sena.

18      Rigward it-tnaqqis tal-pensjoni applikabbli minħabba dan il-qbiż tal-unità, l-ONP indika f’din l-istess posta elettronika li, meta l-ammont tal-pensjoni rċevut mill-iskema l-oħra ma jkunx magħruf, dan il-kalkolu jsir abbażi tal-ammont konvertit tal-iskema l-oħra, li “huwa preżunt li huwa, sakemm ma tinġabx prova kontrarja, ugwali għal 2.5 darbiet l-ammont fiss ta’ [EUR] 6 506.98 bl-indiċi ta’ 138.01”. Minn dan kien jirriżulta, skont l-ONP, li l-ebda sena mill-attività bħala persuna impjegata ma setgħet tiġi vvalidata, kuntrarjament għal dak li kien ġie indikat fid-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012. Fil-fatt, mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’din id-deċiżjoni, minħabba żball ta’ input tal-imsemmi ammont konvertit, l-ONP kien qies b’mod żbaljat li t-tnaqqis tal-karriera seta’ jiġi llimitat għal 10 snin skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tal-14 ta’ Ottubru 1983. L-ONP ma nnotifikax lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni l-ġdida, iżda waqaf iħallasha l-pensjoni mix-xahar ta’ Lulju 2013.

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2012, A. Wojciechowski ressqet, quddiem it-tribunal du travail de Bruxelles (il-Belġju), b’mod partikolari, talba kemm għan-nullità tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2012 kif ukoll sabiex l-ONP jiġi ordnat jagħtiha pensjoni tal-irtirar stabbilita għal 13/45 porzjon, jiġifieri, skont l-istima ta’ A. Wojciechowski, bejn wieħed u ieħor EUR 367.07 fix-xahar. Insostenn tat-talba tagħha, A. Wojciechowski ssostni, b’mod partikolari, li jekk ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71”) jew ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) kienu applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha, jirriżulta minn dan li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ONP ma setax japplika, għall-kalkolu tal-pensjoni Belġjana tagħha, l-imsemmi prinċipju tal-unità tal-karriera. Hija tqis, barra minn hekk, li l-ONP wettaq żball, peress li l-karriera tagħha fl-istituzzjonijiet kienet ta’ 34 sena u 11-il xahar, jiġifieri 35 sena, u mhux 45. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi fuq liema bażi legali l-ONP stabbilixxa b’mod teoretiku l-ammont tal-pensjoni Ewropea tagħha.

20      L-ONP isostni li l-pensjonijiet li jitħallsu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kumulu, peress li r-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 ma humiex applikabbli. Il-Cour de cassation irrikonoxxiet, barra minn hekk, il-kostituzzjonalità tal-prinċipju tal-unità tal-karriera u l-ONP iqis li applika prinċipju ta’ prekawzjoni meta applika l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 abbażi ta’ informazzjoni teoretika, peress li ma kellux l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni.

21      Il-qorti tal-rinviju tippreċiża li l-prinċipju tal-unità tal-karriera jikkonkretizza n-natura residwa tal-iskema tal-pensjoni tal-ħaddiema impjegati, meta mqabbla mal-iskemi l-oħra. F’dan ir-rigward, hija tindika li, skont dan il-prinċipju, il-karrieri kollha rrikonoxxuti, bl-eċċezzjoni ta’ dik ta’ persuna li taħdem għal rasha, jiġu miżjuda ma’ dawk tal-ħaddiem impjegat u, meta t-total tal-porzjonijiet li jirrappreżentaw il-valur ta’ kull waħda mill-pensjonijiet jeċċedi l-unità, il-karriera professjonali li tkun qed tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar tal-ħaddiem impjegat għandha titnaqqas bin-numru ta’ snin li jkun meħtieġ sabiex l-imsemmi total jitnaqqas sal-unità. Kif iddeċidiet il-Cour d’arbitrage, li saret sussegwentement il-qorti kostituzzjonali, f’sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, b’riferiment għar-rapport tar-Re li jippreċedi d-Digriet Irjali Nru 205 tad-29 ta’ Awwissu 1983, l-imsemmi Artikolu 10a huwa intiż sabiex jiżgura li “l-ħaddiema kollha li għandhom karriera professjonali mħallta jiġu ttrattati fuq livell ta’ ugwaljanza, u fl-istess waqt bil-mira ta’ kontroll tal-ħlasijiet fis-settur tal-pensjonijiet”.

22      Wara li kkonstata li l-iskema applikabbli għall-persunal tal-Kummissjoni rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal, bħala skema applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjoni stabbilita taħt id-dritt internazzjonali pubbliku, hija dik imsemmija fl-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 u li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Wojciechowski ma tidhirx li tista’ tinvoka l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE u lanqas ir-Regolamenti Nru 1408/71 jew Nru 883/2004, it-tribunal du travail de Bruxelles jikkwota estratti twal mid-deċiżjoni tar-rinviju tal-cour du travail de Bruxelles fil-kawża li tat lok għas-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54). Għalkemm iqis li l-motivi ta’ din id-deċiżjoni ma humiex direttament trasponibbli għat-tilwima preżenti, peress li r-regoli Belġjani inkwistjoni huma differenti, u li s-soluzzjoni żviluppata fis-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821) lanqas ma hija direttament trasponibbli għat-tilwima miġjuba quddiemu, huwa jqis madankollu li l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 jista’ jirrendi iktar diffiċli r-reklutaġġ, mill-Unjoni, ta’ uffiċjali ta’ nazzjonalità Belġjana ta’ ċerta anzjanità.

23      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal du travail de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll, minn naħa, l-Artikolu 4(3) TUE u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 34(1) tal-[Karta] jipprekludu li Stat Membru jnaqqas, jew anki jirrifjuta, pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem impjegat bis-saħħa tas-snin ta’ servizz iwettqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, meta t-total tas-snin tal-karriera li matulhom ħadem f’dan l-Istat Membru u fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej jeċċedi t-tul massimu ta’ karriera ta’ 45 sena msemmi fl-Artikolu 10a ta[d-Digriet Irjali Nru 50]?”

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

24      Il-Gvern Belġjan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula, peress li l-kawża prinċipali ma għandha l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni kkontestat din l-allegazzjoni waqt is-seduta.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddikjara ruħha fuq l-interpretazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Omalet, C‑245/09, EU:C:2010:808, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Impacto Azul, C‑186/12, EU:C:2013:412, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni sottomessa għall-interpretazzjoni tagħha ma tistax tiġi applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Omalet, C‑245/09, EU:C:2010:808, punt 11; Impacto Azul, C‑186/12, EU:C:2013:412 punt 18, ainsi que Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona, C‑139/12, EU:C:2014:174, punt 41), li jista’, fil-prinċipju, ikun il-każ meta l-elementi rilevanti kollha tat-tilwima fil-kawża prinċipali jkunu jinsabu fi ħdan Stat Membru wieħed (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Omalet, C‑245/09, EU:C:2010:808, punti 12 sa 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fost l-oħrajn, jekk il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ twassal għat-tnaqqis jew għar-rifjut tal-pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem impjegat abbażi tas-servizz imwettaq skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, minħabba li dan il-ħaddiem eżerċita wkoll, ulterjorment, attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi b’mod partikolari jekk huwiex possibbli li tiġi applikata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821) fil-kawża quddiemha fil-kawża prinċipali.

28      Għaldaqstant, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jitqies li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma għandha l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrendix iktar diffiċli r-reklutaġġ minn istituzzjoni tal-Unjoni ta’ ħaddiema ta’ ċerta anzjanità. Għaldaqstant, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda, essenzjalment, l-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal, u għandu, għalhekk, rabta mad-dritt tal-Unjoni.

29      Barra minn hekk, il-fatt li, skont il-Gvern Belġjan, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex komparabbli ma’ dawk li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi My (C‑293/03, EU:C:2004:821) u Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54) u li, għaldaqstant, il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenzi ma humiex applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt l-analiżi sostantiva tad-domanda magħmula u huwa, għalhekk, irrilevanti fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għall-imsemmija domanda.

30      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula.

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

31      Il-Gvern Belġjan isostni li d-domanda magħmula hija ta’ natura purament ipotetika u hija, għalhekk, inammissibbli, sa fejn il-qorti tar-rinviju tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-fatt mhux ivverifikat skont liema l-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 “jista’ jirrendi iktar diffiċli r-reklutaġġ mill-Komunità Ewropea ta’ uffiċjali ta’ nazzjonalità Belġjana li għandhom ċerta anzjanità”.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod effettiv għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Verder LabTec, C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 29).

33      Għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma hija preżenti f’dan il-każ. B’mod partikolari, is-suppożizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju u li fuqha jibbaża argument il-Gvern Belġjan ma tistax titqies li tagħti natura ipotetika lid-domanda magħmula, ladarba tikkostitwixxi, fir-realtà, ir-raġuni nnifisha tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha. Huwa, fil-fatt, minħabba li t-tribunal du travail de Bruxelles jistaqsi dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax ikollha l-effett ta’ ostakolu indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa ressaq quddiem din tal-aħħar id-domanda preliminari msemmija fil-punt 23 tal-istess sentenza. L-imsemmija domanda hija, għaldaqstant, ammissibbli.

 Fuq il-mertu

34      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE, minn naħa, u l-Artikolu 34(1) tal-Karta, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ twassal għat-tnaqqis jew għar-rifjut tal-pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem impjegat, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, abbażi tas-servizz imwettaq skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-istess Stat Membru, meta, skont il-modalitajiet għall-kalkolu previsti minn din il-leġiżlazzjoni, it-total tas-snin ta’ karriera mwettqa minn dan il-ħaddiem inkwantu impjegat fl-imsemmi Stat Membru u inkwantu uffiċjal tal-Unjoni assenjat f’dan l-istess Stat Membru jeċċedi l-unità tal-karriera ta’ 45 sena msemmija minn din il-leġiżlazzjoni.

35      Għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jamministraw l-iskemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina l-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Madankollu jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza Melchior, C‑647/13, EU:C:2015:54, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jinkludi l-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha rigward l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal.

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li r-Regolamenti tal-Persunal ġew adottati permezz ta’ regolament tal-Kunsill, ir-Regolament Nru 256/68, li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, għandu portata ġenerali, huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha u li minnu jirriżulta li, minbarra li għandhom effetti ġewwa l-amministrazzjoni tal-Unjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal jobbligaw ukoll lill-Istati Membri sa fejn l-għajnuna tagħhom hija neċessarja għall-implementazzjoni tal-imsemmija regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 137/80, EU:C:1981:237, punti 7 u 8, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 186/85, EU:C:1987:208, punt 21).

37      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821) li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE – li issa jinsab espress fl-Artikolu 4(3) TUE –, flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni tas-snin ta’ xogħol li ċittadin tal-Unjoni ikun wettaq fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi skattat id-dritt għal pensjoni tal-irtirar antiċipat skont l-iskema nazzjonali. Fid-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-istess kien jgħodd fir-rigward tal-intitolament għal pensjoni tal-irtirar ordinarja.

38      Sabiex tiddeċiedi f’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punti 45 sa 47 tas-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821) kif ukoll fil-punti 29 sa 32 tad-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420), li l-leġiżlazzjonijiet li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza u għal dan id-digriet setgħu jirrendu iktar diffiċli r-reklutaġġ, mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, ta’ uffiċjali nazzjonali li għandhom ċerta anzjanità.

39      Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-leġiżlazzjonijiet kienu tali li jostakolaw u, għaldaqstant, jiskoraġġixxu l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, sa fejn ħaddiem, li qabel kien membru ta’ skema ta’ pensjoni nazzjonali, meta jaċċetta impjieg ma’ waħda minnhom, jirriskja li jitlef il-possibbiltà li jibbenefika, taħt din l-iskema, minn benefiċċju tax-xjuħija li għalih kien ikollu jedd kieku ma aċċettax dan l-impjieg.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali konsegwenzi ma setgħux jiġu ammessi fid-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali impost fuq l-Istati Membri fil-konfront tal-Unjoni u li huwa espress fl-obbligu, previst fl-Artikolu 10 KE, li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tagħha (ara s-sentenza My, C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 48, kif ukoll id-digriet Ricci u Pisaneschi, C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420, punt 33).

41      Fil-punt 29 tas-sentenza Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod simili, ikkonstatat li l-Artikolu 10 KE, flimkien mal-Kondizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 259/68, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 124, p. 1), – li, bħar-Regolamenti tal-Persunal, jobbliga lill-Istati Membri sa fejn l-għajnuna tagħhom hija neċessarja għall-implementazzjoni tal-imsemmija kundizzjonijiet (sentenza Melchior C‑647/13, EU:C:2015:54, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) – jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru interpretata fis-sens li, għall-ammissibbiltà għall-allowances tal-qgħad, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa inkwantu membru tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni stabbilita f’dan l-Istat Membru u ma jiġux assimilati għal ġranet tax-xogħol il-ġranet ta’ qgħad li taw lok għall-ħlas ta’ allowance tal-qgħad skont l-imsemmija skema, filwaqt li l-ġranet ta’ qgħad indennizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jibbenefikaw minn tali assimilazzjoni.

42      Sabiex tiddeċiedi b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha wkoll fuq l-effett ta’ ostakolu li seta’ jkollha l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża fuq ir-reklutaġġ mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkwantu membri tal-persunal bil-kuntratt, ta’ ħaddiema residenti fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-istituzzjoni kkonċernata (ara s-sentenza Melchior, C‑647/13, EU:C:2015:54, punti 27 u 28).

43      Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem għas-servizz imwettaq inkwantu impjegat f’dan l-Istat Membru titnaqqas jew tiġi rrifjutata minħabba l-fatt li l-karriera li huwa eżerċita sussegwentement fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni hija wkoll tali li tirrendi iktar diffiċli mhux biss ir-reklutaġġ, minn dawn l-istituzzjonijiet, ta’ uffiċjali nazzjonali li għandhom ċerta anzjanità, iżda wkoll iż-żamma fis-servizz ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ uffiċjali b’esperjenza.

44      Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ tiddiswadi lil ħaddiem li jkun akkwista ċerta anzjanità taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-ħaddiema impjegati ta’ dan l-Istat Membru milli jaċċetta impjieg fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tinsab f’dan l-Istat Membru jew tħajru jitlaq mill-pożizzjoni li huwa jokkupa hemmhekk b’mod prematur, għaliex, minħabba din il-leġiżlazzjoni, huwa jista’, billi jokkupa impjieg fis-servizz ta’ tali istituzzjoni jew billi jagħmel karriera twila hemmhekk, jitlef il-possibbiltà li jibbenefika mid-dritt għal pensjoni li huwa akkwista abbażi tal-attività ta’ ħaddiem impjegat li huwa eżerċita f’dan l-Istat Membru qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni.

45      Tali konsegwenzi ma jistgħux jiġu aċċettati fid-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali li għandhom l-Istati Membri fil-konfront tal-Unjoni, u li huwa espress fl-obbligu, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Unjoni.

46      Huwa minnu, kif osserva l-Gvern Belġjan, li fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi My (C‑293/03, EU:C:2004:821) u Melchior (C‑647/13, EU:C:2015:54) kif ukoll għad-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420), il-perijodi ta’ xogħol imwettqa fis-servizz tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-persuni kkonċernati kinux intitolati għall-benefiċċji previsti mill-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru kkonċernat li huma setgħu jitolbu kieku, matul dawn il-perijodi, kienu jkunu affiljati f’din l-iskema, filwaqt li, fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta’ xogħol imwettaq minn A. Wojciechowski fis-servizz tal-Kummissjoni kien effettivament ittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-pensjoni tagħha tal-irtirar ta’ ħaddiem impjegat imħallsa mill-iskema Belġjana.

47      Dan il-fatt ma huwiex, madankollu, tali li jikkontesta l-konstatazzjoni magħmula fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, għaliex dan it-teħid inkunsiderazzjoni jwassal għall-istess riżultat ta’ tnaqqis, jew saħansitra ta’ eliminazzjoni, ta’ drittijiet li A. Wojciechowski setgħet tinvoka mill-iskema Belġjana ta’ ħaddiema impjegati kieku ma kinitx, sussegwentement, daħlet fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni u, għaldaqstant, jipproduċi wkoll effett dissważiv fir-rigward tagħha.

48      Madankollu għandu jiġi osservat li mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-telf minn A. Wojciechowski tat-totalità tad-drittijiet għall-pensjoni li setgħet titlob kieku baqgħet affiljata fl-iskema Belġjana tal-ħaddiema impjegati għall-karriera sħiħa tagħha jirriżulta mhux mill-applikazzjoni tal-prinċipju tal-unità tal-karriera previst fl-Artikolu 10a tad-Digriet Irjali Nru 50 minnu nnifsu, iżda mill-metodu applikat mill-amministrazzjoni Belġjana kompetenti sabiex tikkalkola l-porzjon li jirrappreżenta l-valur tal-pensjoni tal-irtirar ta’ A. Wojciechowski mħallsa mill-Unjoni, li tassimila karriera ta’ 35 sena fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma’ karriera ta’ 45 sena fl-iskema Belġjana tal-ħaddiema impjegati.

49      Fil-fatt, mill-imsemmi proċess jirriżulta li dawn id-drittijiet għal pensjoni ma kinux jiġu eliminati kieku l-imsemmija amministrazzjoni qieset li l-35 sena ta’ servizz imwettqa mal-Kummissjoni kienu ekwivalenti għal porzjon ta’ 35/45 minn karriera ta’ ħaddiem impjegat fil-Belġju u kieku din l-amministrazzjoni kienet, konsegwentement, ikkonkludiet li l-karriera globali ta’ A. Wojciechowski kienet tinkludi 48/45, li għalhekk twassal, għall-kalkolu tal-pensjoni tagħha abbażi tal-attività tagħha bħala persuna impjegata fil-Belġju, għal tnaqqis li jikkorrispondi mill-iktar għall-eliminazzjoni tat-tliet snin l-inqas vantaġġużi f’termini ta’ intitolament għall-pensjoni, bħat-tnaqqis li kien jiġi applikat għal kull ħaddiem Belġjan li jkun wettaq il-karriera sħiħa tiegħu ta’ 48 sena fil-kuntest tal-iskema Belġjana tal-ħaddiema impjegati.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt waħdu li jingħata lis-snin ta’ karriera mwettqa fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni valur ta’ żmien identiku għal dak mogħti għas-snin ta’ karriera mwettqa fl-iskema Belġjana tal-ħaddiema impjegati jippermetti li jiġi eskluż ir-riskju ta’ effett dissważiv identifikat fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, huwa biss billi jingħaddu b’tali mod identiku l-perijodi ta’ xogħol imwettqa, minn naħa, inkwantu ħaddiem impjegat u, min-naħa l-oħra, inkwantu uffiċjal tal-Unjoni, li jista’ jiġi eliminat l-imsemmi effett dissważiv li, fl-assenza ta’ tali identiċità, jista’ jirriżulta, kif ġie kkonstatat fl-imsemmija punti, mill-aċċettazzjoni ta’ impjieg fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni wara l-eżerċizzju ta’ attività inkwantu ħaddiem impjegat fil-Belġju.

51      Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan ma jistax jinvoka, sabiex jiġġustifika t-telf minn A. Wojciechowski tad-drittijiet għal pensjoni kollha li hija kienet kisbet taħt l-iskema Belġjana tal-ħaddiema impjegati, il-fatt li din tal-aħħar għażlet li ma tittrasferixxix lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni, akkwistati abbażi tal-attività tagħha bħala persuna impjegata qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni.

52      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni tipprevedi sempliċi fakultà, li kull uffiċjal huwa liberu li jeżerċita jew le. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ din il-fakultà ma jistax jagħti lok għat-telf tad-drittijiet li l-uffiċjal ikun kiseb abbażi tal-kontribuzzjonijiet li huwa ħallas fl-iskema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali li kien affiljat magħha qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, ħlief jekk din il-fakultà tinbidel f’obbligu, li jkun imur kontra l-kliem inekwivoku ta’ din id-dispożizzjoni u li għaldaqstant ma jistax jiġi ammess.

53      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, u mingħajr ma hemm lok li tiġi eżaminata d-domanda magħmula fid-dawl tal-Artikolu 34(1) tal-Karta, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ twassal għat-tnaqqis jew għar-rifjut tal-pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem impjegat, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, abbażi tas-servizz li huwa wettaq skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-istess Stat Membru, meta t-total tas-snin ta’ karriera mwettqa minn dan il-ħaddiem inkwantu impjegat fl-imsemmi Stat Membru u inkwantu uffiċjal tal-Unjoni assenjat f’dan l-istess Stat Membru jeċċedi l-unità ta’ karriera ta’ 45 sena previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni, sa fejn, minħabba l-metodu għall-kalkolu tal-porzjon li jirrappreżenta l-valur tal-pensjoni li għandha titħallas mill-Unjoni Ewropea, tali tnaqqis huwa ikbar minn dak li kien ikun applikat kieku l-karriera kollha tal-imsemmi ħaddiem kienet twettqet bħala impjegat fl-Istat Membru inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni, kif emendat permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ twassal għat-tnaqqis jew għar-rifjut tal-pensjoni tal-irtirar dovuta lil ħaddiem impjegat, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, abbażi tas-servizz li huwa wettaq skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-istess Stat Membru, meta t-total tas-snin ta’ karriera mwettqa minn dan il-ħaddiem inkwantu impjegat fl-imsemmi Stat Membru u inkwantu uffiċjal tal-Unjoni Ewropea assenjat f’dan l-istess Stat Membru jeċċedi l-unità ta’ karriera ta’ 45 sena previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni, sa fejn, minħabba l-metodu għall-kalkolu tal-porzjon li jirrappreżenta l-valur tal-pensjoni li għandha titħallas mill-Unjoni Ewropea, tali tnaqqis huwa ikbar minn dak li kien ikun applikat kieku l-karriera kollha tal-imsemmi ħaddiem kienet twettqet bħala impjegat fl-Istat Membru inkwistjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.