Language of document : ECLI:EU:T:2012:494

Kawża T-82/08

Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-ħġieġ ċatt fiż-ŻEE — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81KE — Iffissar tal-prezzijiet — Prova tal-ksur — Kalkolu tal-ammont tal-multi — Esklużjoni ta’“captive sales” [bejgħ minn fornituri lil konsumaturi li huma fil-proprjetà sħiħa jew parzjali tal-imsemmija fornituri] — Obbligu ta’motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Ċirkustanzi attenwanti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’Settembru 2012

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ sensiela ta’ indizji — Grad tas-saħħa probatorja neċessarja — Deċiżjoni li tħalli dubju fil-ġudikant — Osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv — Deċiżjoni sostnuta minn provi dokumentali — Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni sabiex tiġi eliminata jew imnaqqsa b’mod sostanzjali l-inċertezza dwar l-aġir tal-operatur fis-suq— Element suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Akkordji — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju jew prattika miftiehma — Kriterji — Kontribuzzjoni għat-twettiq ta’ għanijiet komuni

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Saħħa probatorja ta’ xhieda volontarji magħmula mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

6.      Akkordji — Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom skop antikompetittiv — Ċirkustanza li tippermetti, fl-assenza ta’ tbegħid mid-deċiżjonijiet meħuda, li jiġi konkluż li l-impriża pparteċipat fl-akkordju sussegwenti

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv — Obbligu li ssir iddefinit is-suq — Assenza fil-każ ta’ akkordju li għandu bħala għan li tiġi ristretta l-kompetizzjoni

(Artikolu 81) KE))

8.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Ksur imwettaq minn diversi imprizi — Gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minnhom

(Artikolu 81 KE) (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Obbligu, għall-Kummissjoni, sabiex tiddifferenzja l-impriżi involuti fl-istess ksur skont id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew id-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-suq tal-prodott inkwistjoni — Assenza

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Kunċett — Assenza ta’ terminu preskrittiv — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza — Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

1.      L-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1)KE jinsab fuq l-awtorità li tallega, peress li din hija obbligata li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex turi, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Barra minn hekk, jekk il-ġudikant ikollu xi dubju, dan għandu jkun ta’ vantaġġ għall-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, u skont il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-ġudikant ma jistax għalhekk jikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi jekk huwa jkollu xi dubju fuq il-kwistjoni, b’mod partikolari fl-ambitu ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa. B’hekk huwa meħtieġ li l-Kummissjoni ġġib provi preċiżi u konkordanti sabiex tibbaża l-konvinzjoni ferma li l-ksur kien twettaq. Madankollu kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li l-kumpless ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, meta apprezzat b’mod globali, jissodisfa dan ir-rekwiżit.

Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet relatati mal-prattiki u mal-akkordji antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat isiru bil-moħbi, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tkun imnaqqsa kemm jista’ jkun. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jiġu stabbiliti permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ftehim antikompetittiv għandha tinsilet min-numru ta’ koinċidenzi li, meħudin f’daqqa u fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, jistgħu jikkostitwixxu l-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 32, 33)

2.      Dwar akkordju, meta deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun ibbażata unikament fuq is-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma jkunux jistgħu jiġu spjegati jekk mhux minħabba azzjoni miftiehma bejn l-impriżi, huwa biżżejjed li r-rikorrenti jistabbilixxu ċirkustanzi li jagħtu spjegazzjoni differenti għall-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li jissostitwixxu spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti għal dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni.

Din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli meta l-konstatazzjonijiet tagħha huma bbażati fuq provi dokumentarji.

(ara l-punti 34, 35)

3.      Tikkostitwixxi prattika miftiehma pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li permezz tiegħu jista’ jiżvela lil kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat iddeċieda, jew iddelibera, li għandu jieħu fis-suq, meta dan il-kuntatt ikollu bħala għan jew bħala effett li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jkunux dawk normali tas-suq inkwistjoni. Din il-forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi tissostitwixxi b’mod konsapevoli l-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni.

Sabiex tiġi pprovata prattika miftiehma, ma huwiex meħtieġ għaldaqstant li jintwera li l-kompetitur inkwistjoni jkun intrabat formalment, ma’ kompetitur wieħed jew iktar, li jadotta dik il-prattika jew dak l-aġir jew li l-kompetituri jkunu ffissaw bejniethom l-aġir futur tagħhom fis-suq. Huwa biżżejjed li, permezz tad-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu, il-kompetitur ikun elimina, jew minn tal-inqas naqqas sostanzjalment, l-inċertezza fir-rigward tal-aġir fis-suq mistenni minnu.

(ara l-punt 45)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 48)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 54)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 73, 74)

7.      Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiddefinixxi s-suq, permezz ta’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE, biss meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u għandux bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni. Bħala prinċipju, jekk l-għan stess ta’ ftehim huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, ma huwiex meħtieġ li jiġu ddefiniti bi preċiżjoni s-swieq ġeografiċi inkwistjoni, peress li l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali fuq it-territorji kkonċernati bilfors li tkun ġiet ristretta, kemm jekk dawn it-territorji jikkostitwixxu swieq fis-sens strett jew le. Sabiex tiddetermina l-portata ġeografika tal-ksur, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huma biżżejjed li l-Kummissjoni tevalwa kemm hi mifruxa ż-żona ġeografika tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati, mingħajr ma hija obbligata li tiddefinixxi preċiżament is-swieq inkwistjoni.

(ara l-punt 90)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 102, 103)

9.      Meta ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun twettaq minn diversi impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom, u dan jimplika, b’mod partikolari, li jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur.

(ara l-punt 109)

10.    Skont it-tielet inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a), tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rwol passiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur b’hekk jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Fost l-elementi li jistgħu juru r-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni kemm in-natura ħafna iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri normali tal-akkordju, kif ukoll il-fatt li daħlet tard fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal‑parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew saħansitra l-eżistenza ta’dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw fil-ksur. Iċ-ċirkustanzi li fihom impriża kienet il-membru l-inqas assidwu fil-laqgħat tal-akkordju jew irċeviet biss informazzjoni kkomunikata unilateralment minn kompetitur, mingħajr ma wriet ebda riżerva jew oppożizzjoni, ma għandhom ebda rwol fl-istabbiliment tar-rwol passiv ta’din il-kumpannija f’akkordju.

Bl-istess mod, il-fatt li l-impriżi inkriminati ma implementawx xi parti mill-ftehim adottat ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan kellu aġir antikompetittiv fis-suq.

(ara l-punti 110, 111, 113)

11.    Fil-qasam tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura dissważiva tal-multi tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandu jittiħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tagħhom. Fil-fatt, l-iskop tal-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jippenalizzaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll biex jiddisswadu kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, tiżgura, fil-każ fejn ikunu imposti multi fuq diversi impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li l-kalkolu tagħha jwassal għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull divrenzjar bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom.

(ara l-punt 117)

12.    La r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdu tali terminu massimu li lil hinn minnu r-reċidiva ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, li ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Madankollu, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li ż-żmien li jgħaddi bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni jitqies meta tiġi evalwata t-tendenza tal-impriża li tikser dawn ir-regoli. Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq l-atti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-ġudikant jista’, għalhekk, jintalab li jivverifikaw jekk il-Kummissjoni osservatx l-imsemmi prinċipju meta żiedet, minħabba r-reċidiva, il-multa imposta, u, b’mod partikolari, jekk tali żieda ġietx imposta b’mod partikolari minħabba ż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Peress li iktar minn ħmistax-il sena għaddew qabel il-bidu tat-tieni ksur imwettaq mill-impriżi inkwistjoni u li l-eżistenza ta’ kontinwità bejn l-ewwel u t-tieni ksur ma ġietx stabbilita, dan il-perijodu ma jistax jikkonferma l-propensità tagħhom li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi kkunsidrat li l-perijodu li għadda bejn iż-żewġ ksur kien twil biżżejjed sabiex jeskludi żieda fil-multa għal reċidiva.

(ara l-punti 121, 123)