Language of document : ECLI:EU:T:2012:19

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Jannar 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva justing — Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti JUSTING — Invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti — Assenza ta’ identiċità tas-sinjali — Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑103/11,

Tiantian Shang, residenti f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn A. Salerni, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Mannucci, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Diċembru 2010 (Każ R 1388/2010‑2), dwar invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali figurattiva JUSTING li T. Shang hija d-deterntriċi tagħha,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2011,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2011,

fin-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet f’terminu ta’ xahar min-notifika tal-egħluq tal-proċedura bil-miktub u peress li ddeċidiet għalhekk, fuq rapport tal-Imħallef relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-26 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti, T. Shang, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”.

4        Fl-istess ħin, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-UASI, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009, talba intiża sabiex tiġi invokata l-anzjanità tat-trade mark Taljana figurattiva preċedenti segwenti, irreġistrata taħt in-numru 1217303:

Image not found

5        Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2010, l-eżaminatur ċaħad l-invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti.

6        Fit-22 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2010 (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari dan ikkunsidra li t-trade mark Komunitarja mitluba u t-trade mark nazzjonali preċedenti ma kinux identiċi sa fejn ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tagħhom huma differenti, mhux biss f’dak li jikkonċerna l-karattri tipografiċi tal-element verbali “justing”, iżda wkoll fir-rigward tal-elementi figurattivi u tal-pożizzjoni tad-diversi komponenti tas-sinjali.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tibdel id-deċiżjoni kkontestata u tilqa’ l-invokazzjoni tagħha tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti;

–        sussidjarjament, tilqa’ l-invokazzjoni tagħha tal-anzjanità tal-element verbali tat-trade mark nazzjonali preċedenti, jiġifieri t-terminu “justing”;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

9        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur u l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni, fuq il-ksur tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120), u, it-tielet, fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur u l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009

11      Ir-rikorrenti takkuża lill-Bord tal-Appell li interpreta b’mod restrittiv l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell interpreta din id-dispożizzjoni mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-kuntest li taqa’ taħtu, jiġifieri sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks kontra l-probabbiltà ta’ konfużjoni meta mqabbla ma’ trade marks identiċi jew li jixxibhu. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-element verbali “justing” tat-trade mark Komunitarja u dak tat-trade mark nazzjonali preċedenti huma identiċi, mingħajr ma l-fatt li kienu intużaw karattri tipografiċi differenti fiż-żewġ trade marks ikun jista’ jikkontesta din l-affermazzjoni. Barra minn hekk, l-identiċità tal-prodotti koperti miż-żewġ trade marks inkwistjoni hija assoluta u ma ġietx ikkontestata mill-Bord tal-Appell. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-elementi figurattivi tat-trade marks inkwistjoni, id-differenzi tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ “proċess ta’ evoluzzjoni grafika” tat-trade mark nazzjonali preċedenti, li, bl-ebda mod, ma mmina l-“uniċità tat-trade mark”, peress li din tal-aħħar kienet baqgħet identika.

12      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

13      L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:

“Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti reġistrata fi Stat Membru, li tinkludi trade mark reġistrata fil-pajjiżi Benelux, jew reġistrata taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika bħala trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi li huma identiċi għal jew huma inklużi ma’ dawk li għalihom it-trade mark preċedenti tkun ġiet irreġistrata, jista jitlob fir-rigward tat-trade mark Komunitarja l-anzjanità tat-trade mark preċedenti għall-Istat Membru fejn jew għal-liem tkun reġistrata.”

14      Sabiex tintlaqa’ l-invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti għall-finijiet tat-talba ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet b’mod kumulattiv: it-trade mark nazzjonali preċedenti u t-trade mark Komunitarja mitluba għandhom ikunu identiċi; il-prodotti jew servizzi tat-trade mark Komunitarja mitluba għandhom ikunu identiċi għal, jew jinsabu, f’dawk koperti mit-trade mark nazzjonali preċedenti; il-proprjetarju tat-trade marks inkwistjoni għandu jkun l-istess.

15      F’dan il-każ, l-identità tal-prodotti koperti mit-trade mark Komunitarja mitluba u dawk koperti mit-trade mark nazzjonali preċedenti ma hijiex ikkontestata. Huwa wkoll paċifiku bejn il-partijiet li t-trade marks inkwistjoni għandhom l-istess proprjetarju.

16      Fir-rigward tal-identiċità tat-trade marks, għandu jitfakkar li sinjal ikun identiku għal trade mark meta jirriproduċi, mingħajr ebda modifika jew żieda, l-elementi kollha li jikkostitwixxu t-trade mark jew meta, meqjus fit-totalità tiegħu, ikollu differenzi tant insinjifikattivi li jistgħu jiġu injorati minn għajnejn il-konsumatur medju (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion, C‑291/00, Ġabra p. I-2799, punt 54).

17      Il-kundizzjoni li s-sinjali u t-trade mark ikunu identiċi għandha tkun interpretata b’mod restrittiv minħabba l-konsegwenzi li huma relatati ma’ tali identità. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja li l-invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti tagħha ġiet milqugħa tista’, fil-każ fejn dan iċedi t-trade mark preċedenti jew iħalliha tiskadi jkompli jibbenefika mill-istess drittijiet daqs li kieku t-trade mark preċedenti baqgħet irreġistrata.

18      Għalhekk il-Bord tal-Appell kellha raġun tinterpreta b’mod strett l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

19      F’dan ir-rigward, l-argument imqajjem mir-rikorrenti li jgħid li l-benefiċċju tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi estiż għal trade marks simili, l-istess kif il-protezzjoni tat-trade marks kontra l-probabbiltà ta’ konfużjoni tikkonċerna wkoll it-trade marks li jixxiebhu, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 intiżi għall-protezzjoni tat-trade marks kontra l-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade marks identiċi jew li jixxiebhu, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 jikkonċerna biss it-trade marks identiċi u ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar trade marks li jixxiebhu. Issa, il-Qorti Ġenerali ma tistax tibdel il-kliem tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament billi tippermetti li tiġi ssostitwita l-kundizzjoni ta’ xebh għal dik tal-identiċità tat-trade marks.

20      F’dan il-każ, għalhekk, hemm lok li jiġi vverifikat jekk it-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark nazzjonali preċedenti humiex identiċi.

21      Iż-żewġ trade marks figurattivi huma komposti minn element verbali “justing” u minn elementi figurattivi. Bħalma għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-element verbali “justing” huwa riprodott f’karattri tipografiċi differenti skont it-trademarks. Fit-trade mark nazzjonali preċedenti, il-karattri użati huma karattri tal-istampa f’tipa normali, filwaqt li, fit-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni intużaw karattri gotiċi, li jagħtu lit-terminu “justing” karatteristika grafika u stilistika preċiża.

22      Barra minn hekk, l-elementi figurattivi taż-żewġ trade marks huma differenti. Fil-fatt, fit-trade mark nazzjonali preċedenti, hemm, minn naħa u minn oħra tal-element verbali, is-simboli li jirrappreżentaw iż-żewġ sessi, filwaqt li fit-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni, l-element figurattiv, li jinsab fuq l-element verbali, jirrappreżenta ċirku mdawwar b’raġġi li jinkludu l-ittra “j”.

23      Għalhekk għandu jiġi konkluż li kellu raġun il-Bord tal-Appell jikkunsidra li t-trade marks ma kinux identiċi u, għalhekk, li ma setax jilqa’ l-invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti għat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni.

24      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jispjega d-differenzi bejn it-trade marks permezz ta’ “proċess ta’ evoluzzjoni grafika” ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, it-trade marks setgħu jiġu kkunsidrati identiċi biss jekk, skont ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 iktar ʼil fuq, id-differenzi kienu talment insinjifikattivi li ma jidhrux f’għajnejn il-konsumaturi, li ma huwiex hekk fil-każ inkwistjoni, peress li r-rappreżentazzjoni grafika taż-żewġ trade marks hija differenti ħafna.

25      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 98/71

26      Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex jiġi ddeterminat jekk żewġ trade marks għandhomx jiġu kkunsidrati identiċi, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/71, li jgħid li “[d]isinji għandhom jitqiesu li huma identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss f’dettalji irrilevanti”. Skont din, dan ifisser li żewġ trade marks huma identiċi meta l-elementi essenzjali tagħhom, jiġifieri dawk li jippermettu lill-pubbliku li jidentifikahom, ikunu identiċi.

27      Skont ir-rikorrenti, hemm lok li jiġi osservat li, minn perspettiva ta’ “probabbiltà ta’ konfużjoni possibbli”, filwaqt li tiġi applikata severità mhux meħtieġa, iż-żewġ trade marks għandhom jiġu kkunsidrati bħala trade mark unika fid-dawl tal-identiċità tal-prodotti, tal-element verbali u tal-proprjetarju, tal-“anzjanità fattwali” u tat-“taħlita u/jew tal-evoluzzjoni ċara tas-sinjali assolutament kompatibbli”.

28      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

29      Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/71 ma japplikawx f’dan il-każ, peress li jikkonċernaw id-disinni.

30      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/71 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 16 iktar ʼil fuq, jagħtu definizzjoni simili tal-kunċett ta’ identiċità.

31      Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati fil-kuntest ta’ dan il-motiv jinkludu, essenzjalment, l-istess elementi bħal dawk imressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv. Fil-fatt, ir-rikorrenti tipprova turi li t-trade marks inkwistjoni huma identiċi fl-elementi essenzjali tagħhom, jiġifieri l-element verbali “justing”, u li d-differenzi huma r-riżultat ta’ “proċess ta’ evoluzzjoni grafika” li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tikkonkludi dwar l-identiċità tat-trade marks.

32      Għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti tal-kunċett ta’ identiċità ma hijiex korretta sa fejn hija tillimitah għall-elementi essenzjali tas-sinjali għall-bżonnijiet tal-kawża tagħha, filwaqt li telimina l-fatt li jkun hemm identità bejn is-sinjali biss jekk id-differenzi jkunu minimi, li ma huwiex hekk fil-każ inkwistjoni, minkejja li l-elementi verbali tat-trade marks huma l-istess. Għall-bqija, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv.

33      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li kull żvilupp grafiku tal-logo tat-trade mark huwa pprojbit jekk il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax li kien hemm evoluzzjoni tiegħu, dan ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, f’dan il-każ ma hijiex kwistjoni li tiġi kkontestata l-possibbiltà għall-proprjetarju ta’ trade mark li jevolvi grafikament, iżda li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti tistax tinvoka l-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti. Issa, f’dan il-qasam il-kriterji ġew stabbiliti b’mod ċar fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 u għandhom jiġu interpretati b’mod strett, kif ġie stabbilit fil-punt 18 iktar ʼil fuq. F’dan il-każ, waħda mill-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti, prevista mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-identiċità tat-trade marks, ma hijiex sodisfatta. It-talba tar-rikorrenti għalhekk ma tistax tintlaqa’.

34      Ir-rikorrenti tallega li interpretazzjoni kuntrarja għal tagħha hija ta’ natura li tirrendi inutli kull tip ta’ protezzjoni, peress li din tippermetti lil kulħadd li jirreġistra trade mark identika b’differenza grafika minima, filwaqt li ssostni li n-nuqqas ta’ qbil perfett tal-elementi grafiċi jikkostitwixxi motiv xieraq sabiex jiġi kkunsidrat li t-trade mark hija differenti u oriġinali.

35      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti peress li l-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 jippermettu lill-proprjetarju ta’ trade mark li jikseb protezzjoni kontra t-trade mark ta’ terza persuna li tixbah lil tiegħu u sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI — Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].

36      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ʼil fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti

37      Ir-rikorrenti ssostni li l-“użu” tat-trade mark nazzjonali preċedenti kellu jippermetti li jirrikonoxxilha protezzjoni indipendentement mir-reġistrazzjoni tagħha li kienet saret.

38      Ir-rikorrenti tippreċiża li hija tirriżerva d-dritt li taġixxi permezz ta’ rikors għal invalidità kontra l-persuna li rreġistrat bħala trade mark internazzjonali b’referenza għall-Unjoni Ewropea t-trade mark verbali JUSTING, fil-11 ta’ Mejju 2009, qabel l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja, iżda wara d-data ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti.

39      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

40      Għandu jiġi osservat, kif għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li r-rikorrenti tixtieq taġixxi kontra l-persuna li rreġistrat bħala trade mark internazzjonali b’referenza għall-Unjoni Ewropea t-trade mark verbali JUSTING ma huwiex kriterju relevanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ invokazzjoni tal-anzjanità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti.

41      Barra minn hekk, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistabbilixxi l-ebda rabta bejn l-invokazzjoni tal-anzjanità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti u r-reputazzjoni tagħha.

42      Għalhekk it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

43      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tintlaqa’ parzjalment l-invokazzjoni tal-anzjanità tagħha għall-element verbali “justing” tat-trade mark nazzjonali preċedenti, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà ta’ benefiċċju mill-anzjanità ta’ parti mit-trade mark nazzjonali preċedenti ma hijiex prevista mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009. Issa, kif ġie indikat preċedentement, l-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat b’mod strett u l-Qorti Ġenerali ma tistax, għalhekk, tilqa’ tali talba.

44      Peress li ma ntlaqa’ l-ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti, kemm insostenn tat-talbiet għal annullament kif ukoll għat-talbiet ta’ bidla, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu u, għaldaqstant, it-talbiet għal annullament fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Tiantian Shang hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Jannar 2012.

Firem


*Lingwa tal-kawża: it-Taljan.