Language of document : ECLI:EU:T:2019:434

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

19 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna individwali favur il-kumpless tan-Nürburgring għall-bini ta’ postijiet ta’ divertiment, lukandi u ristoranti kif ukoll għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq tal-karozzi – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Deċiżjoni li tiddikjara li r-rimbors tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli ma jikkonċernax lis-sid il-ġdid tal-kumpless tan-Nürburgring – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva – Inammissibbiltà – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari – Rikors għal annullament – Parti interessata – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Ksur tad-drittijiet proċedurali – Assenza ta’ diffikultajiet li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Ilment – Bejgħ tal-assi tal-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli – Proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata – Eżami diliġenti u imparzjali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑353/15,

NeXovation, Inc., stabbilita f’Hendersonville (l-Istati Uniti), irrappreżentata inizjalment minn A. von Bergwelt, F. Henkel u M. Nordmann, sussegwentement minn A. von Bergwelt u M. Nordmann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, T. Maxian Rusche u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/151 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għan-Nürburgring (ĠU 2016, L 34, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-kumpless tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem in-“Nürburgring”), li jinsab fil-Land Ġermaniż ta’ Rheinland-Pfalz, jinkludi ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi, postijiet ta’ divertiment, lukandi u ristoranti.

2        Bejn l-2002 u l-2012, is-sidien tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħa”), jiġifieri l-impriżi pubbliċi Nürburgring GmbH, Motorsport Resort Nürburgring GmbH u Congress- und Motorsport Hotel Nürburgring GmbH, ibbenefikaw, prinċipalment mil-Land ta’ Rheinland-Pfalz, minn miżuri ta’ appoġġ għall-bini ta’ postijiet ta’ divertiment, ta’ lukandi u ta’ ristoranti u għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq tal-Formula 1.

A.      Il-proċedura amministrattiva u l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring

3        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward tad-diversi miżuri ta’ appoġġ implimentati bejn l-2002 u l-2012 għan-Nürburgring. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, li sunt tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 216, p. 14), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri kkonċernati.

4        Minħabba l-għoti ta’ miżuri addizzjonali ta’ appoġġ innotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni, din tal-aħħar iddeċidiet li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għal dawn il-miżuri ġodda. Id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2012. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2012, C 333, p. 1), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri addizzjonali.

5        Fl-24 ta’ Lulju 2012, l-Amtsgericht Bad Neuenahr-Ahrweiler (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Neuenahr-Ahrweiler, il-Ġermanja) ikkonkludiet li l-bejjiegħa kienu insolventi. Hija fetħet proċedura ta’ insolvenza mingħajr divestiment fl-1 ta’ Novembru 2012. Ġie deċiż li jitwettaq il-bejgħ tal-assi tal-bejjiegħa (iktar ’il quddiem il-“bejgħ tal-assi tan-Nürburgring”). Il-bejjiegħa ħatru lill-awditur KPMG AG bħala konsulent legali u finanzjarju.

6        Fl-1 ta’ Novembru 2012, l-amministrazzjoni tan-Nürburgring ġiet fdata lil Nürburgring Betriebsgesellschaft mbH, sussidjarja sħiħa ta’ wieħed mill-bejjiegħa, Nürburgring, ikkostitwita mill-amministraturi maħtura mill-Amtsgericht Bad Neuenahr-Ahrweiler (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Neuenahr-Ahrweiler).

7        Fil-15 ta’ Mejju 2013, tnediet proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex isir il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ sejħa għal offerti”).

8        Fit-23 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lill-amministraturi l-kriterji li kellhom jiġu ssodisfatti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex jiġu esklużi elementi ta’ għajnuna mill-Istat u informathom dwar l-obbligu tax-xerrej eventwali li jirrimborsa l-benefiċċji li seta’ jirċievi. Saru diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-amministraturi, f’dan ir-rigward, minn Ottubru 2012.

9        Il-proċedura ta’ sejħa għal offerti żvolġiet kif ġej:

–        fl-14 ta’ Mejju 2013, tħabbret it-tnedija tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz ta’ stqarrija għall-istampa ta’ wieħed mill-amministraturi;

–        fil-15 ta’ Mejju 2013, KPMG ippubblikat sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-Financial Times, fil-Handelsblatt u fuq is-sit internet tan-Nürburgring;

–        70 impriża esprimew l-interess tagħhom;

–        permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2013, l-investituri interessati rċevew dokumenti relatati man-Nürburgring u ġew mistiedna jippreżentaw offerta indikattiva, u dan għall-assi kollha, għal gruppi speċifiċi ta’ assi jew għal assi individwali;

–        it-terminu għas-sottomissjoni ta’ offerta indikattiva kien sussegwentement stabbilit għat-12 ta’ Settembru 2013, b’ittra tad-19 ta’ Lulju 2013, imbagħad għas-26 ta’ Settembru 2013, b’ittra tat-12 ta’ Settembru 2013; kull waħda minn dawn l-ittri kienet tispeċifika li l-offerti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu kienu wkoll ser jittieħdu inkunsiderazzjoni;

–        fil-bidu ta’ Frar 2014, 24 xerrej potenzjali kienu bagħtu offerta indikattiva, fosthom ir-rikorrenti, NeXovation, Inc., impriża privata Amerikana li topera fl-oqsma tat-teknoloġija tal-informazzjoni, tal-prodotti li jiġu kkonsmati fi kwantitajiet kbar, tal-enerġija u tal-karozzi;

–        għax-xerrejja potenzjali mistiedna għall-fażi segwenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, fosthom ir-rikorrenti, it-terminu għas-sottomissjoni ta’ offerti konfermatorji, li kellhom ikunu kompletament iffinanzjati u jinkludu ftehim innegozjat minn qabel għax-xiri tal-assi, ġie sussegwentement stabbilit għall-11 ta’ Diċembru 2013, b’ittra tas-17 ta’ Ottubru 2013, u mbagħad għas-17 ta’ Frar 2014, b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2013; din l-ittra tal-aħħar kienet tindika li l-offerti sottomessi wara l-iskadenza tat-terminu kienu wkoll ser jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda kienet tispeċifika madankollu li l-bejjiegħa setgħu jieħdu deċiżjoni fuq l-identità tax-xerrej magħżul fi ftit żmien wara t-terminu ta’ sottomissjoni tal-offerti;

–        tlettax-il xerrej potenzjali ppreżentaw offerta konfermatorja, li erbgħa minnhom ippreżentaw offerta li tirrigwarda l-assi kollha, jiġifieri Capricorn Nürburgring Besitgesellschaft GmbH (iktar ’il quddiem “Capricorn” jew ix-“xerrej”), offerent ieħor (iktar ’il quddiem l-“offerent 2”), ir-rikorrenti u r-raba’ xerrej potenzjali;

–        skont l-ittri mibgħuta lill-investituri kkonċernati fid-19 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Ottubru 2013, l-investituri kellhom jintgħażlu b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti li jiġi massimizzat il-valur tal-assi kollha, minn naħa, u li tiġi żgurata t-tranżazzjoni, min-naħa l-oħra; b’applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, fil-fażi finali tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-offerti tal-offerent 2 u ta’ Capricorn, li, minn naħa, kienu jipproponu li jieħdu l-assi kollha tan-Nürburgring u, min-naħa l-oħra, kienu taw prova tas-solidità finanzjarja tal-offerti rispettivi tagħhom fis-7 u fil-11 ta’ Marzu 2014. Ġew innegozjati abbozzi ta’ kuntratti ta’ bejgħ b’mod parallel ma’ dawn iż-żewġ offerenti;

–        fil-11 ta’ Marzu 2014, il-Kumitat tal-kredituri tal-bejjiegħa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza tal-bejjiegħa, approva l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn, li l-offerta tagħha kienet tammonta għal EUR 77 miljun, filwaqt li l-offerta tal-offerent 2 kienet bejn EUR 47 u 52 miljun.

10      Fl-10 ta’ April 2014, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni minħabba li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma nfetħitx b’mod trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata u ma kinitx wasslet għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring bi prezz tas-suq, sa fejn dawn l-assi kienu ġew ittrasferiti lil offerent lokali li l-offerta tiegħu kienet inqas minn tagħha u li kien ingħata preferenza fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Skont ir-rikorrenti, Capricorn kienet għalhekk irċeviet għajnuna, li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz li hija kellha tħallas għax-xiri tal-assi tan-Nürburgring u l-prezz tas-suq ta’ dawn l-istess assi, u żgurat il-kontinwità tal-attivitajiet ekonomiċi tal-bejjiegħa, b’tali mod li l-ordni għall-irkupru tal-għajnuna rċevuta mill-bejjiegħa kellha tiġi estiża għal Capricorn.

B.      Id-deċiżjonijiet ikkontestati

11      Il-Kummissjoni adottat, fl-1 ta’ Ottubru 2014, id-Deċiżjoni (UE) 2016/151 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għan-Nürburgring (ĠU 2016, L 34, p. 1), u, fit-13 ta’ April 2015, rettifika għall-imsemmija deċiżjoni, ippubblikata fis-sit internet tagħha (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjoni finali”).

12      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni kkonstatat l-illegalità u l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ ċerti miżuri ta’ appoġġ favur il-bejjiegħa (iktar ’il quddiem l-“għajnuna lill-bejjiegħa”).

13      Il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni finali, li Capricorn u s-sussidjarji tagħha ma kinux ikkonċernati minn eventwali rkupru tal-għajnuna lill-bejjiegħa (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”).

14      Fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”).

15      Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet twettqet b’mod miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju, li din il-proċedura waslet għal prezz ta’ bejgħ konformi mas-suq u li ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrej.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

17      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ressqet talba għal traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża ta’ ċerti annessi tar-rikors.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Novembru 2015, il-bejjiegħa talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ April 2016, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

19      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2016, il-bejjiegħa informaw lill-Qorti Ġenerali li kienu qegħdin jirtiraw l-intervent tagħhom.

20      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Lulju 2016 tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, il-bejjiegħa tħassru mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti u ġew ikkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-partijiet l-oħra f’dak li jikkonċerna l-intervent tagħhom.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ottubru 2016, ġie maħtur Imħallef Relatur ġdid u l-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

22      Fil-31 ta’ Lulju 2017, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda bil-miktub lill-Kummissjoni, filwaqt li talbitha tirrispondiha bil-miktub. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fis-6 ta’ Settembru 2017.

23      Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

24      Fid-29 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-partijiet sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li talbithom jirrisponduhom bil-miktub. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba, rispettivament, fl-14 ta’ Diċembru 2017 u fit-8 ta’ Jannar 2018, fir-rigward tar-rikorrenti, u fit-13 u fil-21 ta’ Diċembru 2017, fir-rigward tal-Kummissjoni.

25      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 130(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tikkonstata li dan ir-rikors ma kienx għad għandu skop u li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tiegħu.

26      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2018. Fl-istess jum, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta.

27      Fis-6 ta’ Marzu 2018, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li talbithom iweġbuhom bil-miktub. Skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali stiednet ukoll lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tipproduċi ċerti dokumenti u għamlitilha mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li talbitha tweġibhom bil-miktub. Il-partijiet u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba fis-27 ta’ Marzu 2018 u fl-4 u d-9 ta’ April 2018.

28      Fit-18 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni.

29      Fit-12 ta’ Ġunju 2018, ingħalqet il-fażi orali tal-proċedura.

30      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ressqet, skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. B’deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Awwissu 2018, din it-talba ġiet miċħuda.

31      Fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat, u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Fil-kuntest tal-proċedura inċidentali, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkonstata li ma għadx hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors, mingħajr ma tagħmel l-ebda talba b’mod espliċitu dwar l-ispejjeż.

34      Fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad it-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, mingħajr ma tagħmel l-ebda talba b’mod espliċitu dwar l-ispejjeż.

III. Id-dritt

35      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm lok li t-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tiġi eżaminata flimkien mal-mertu u li tiġi eżaminata flimkien mat-talbiet għal annullament tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata fformulati mir-rikorrenti fil-proċedura prinċipali.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata

36      Ir-rikorrenti tfittex li tikseb qabelxejn l-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni, peress li ddeterminat li ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrej, iddeċidiet li dan tal-aħħar ma kienx ikkonċernat minn eventwali rkupru tal-għajnuna lill-bejjiegħa.

37      Fil-fatt, permezz tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li, peress li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring ma sarx bil-prezz tas-suq, minħabba l-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata u l-assenza ta’ trasferiment tal-assi tan-Nürburgring lill-aħjar offerent, teżisti bejn il-bejjiegħa u x-xerrej kontinwità ekonomika li tinħtieġ estensjoni tad-deċiżjoni tal-irkupru tal-għajnuna lill-bejjiegħa għal Capricorn.

38      Ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, u mhux proċedura ta’ investigazzjoni formali, peress li d-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura formali tal-21 ta’ Marzu u tas-7 ta’ Awwissu 2012 ma kinux jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk għajnuna kinitx ġiet ittrasferita lil Capricorn.

39      Fir-risposta, il-Kummissjoni sostniet li r-rikors kien inammissibbli, sa fejn kien intiż li jikkontesta l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Hija b’mod partikolari sostniet li, fir-rigward ta’ deċiżjoni relatata u komplementari għal deċiżjoni adottata wara proċedura ta’ investigazzjoni formali li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli li għandha tiġi rkuprata, ir-rikorrenti ma setgħetx tiġi kkunsidrata li hija individwalment ikkonċernata sempliċement billi turi li kienet parti interessata, iżda kellha turi li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet ġiet affettwata sostanzjalment mill-għajnuna lill-bejjiegħa, b’tali mod li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzaha b’mod analogu bħalma jkun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni. Issa, il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq ma ġietx affettwata b’mod differenti minn dik ta’ offerent ieħor.

40      Sussegwentement, il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li ma kienx għad hemm lok, għall-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors, inkluż fuq it-talba għal annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, minħabba li r-rikorrenti tilfet kwalunkwe interess ġuridiku.

41      F’dan il-każ, hemm lok li l-ewwel tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà speċifikament invokata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha fir-rigward tat-talba għal annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

42      Bi tweġiba għal din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti prinċipalment issostni li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet affettwata b’mod sinjifikattiv mill-għoti tal-għajnuna relatata mat-trasferiment tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn, peress li hija ġiet eliminata, permezz tal-allokazzjoni ta’ dawn l-assi, kemm mis-suq tax-xiri tan-Nürburgring kif ukoll mis-suq tal-operat tiegħu.

43      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 104), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni li tirrigwarda l-kontinwità ekonomika għandha titqies bħala deċiżjoni “konnessa u komplementari” għad-deċiżjoni finali dwar l-għajnuna kkonċernata preċedenti għaliha, sa fejn din tispeċifika l-portata tal-kwalità tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna u, għaldaqstant, dik tad-debitur tal-obbligu li jħallasha lura, wara li jkun seħħ xi avveniment wara l-adozzjoni ta’ din deċiżjoni, bħax-xiri minn terz tal-assi tal-benefiċjarju inizjali tal-imsemmija għajnuna.

44      F’dan il-każ, permezz tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, peress li ddeterminat li ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrej, iddeċidiet li dan tal-aħħar ma kienx affettwat minn irkupru possibbli tal-għajnuna lill-bejjiegħa.

45      Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni “relatata u komplementari” għad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna lill-bejjiegħa.

46      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

47      Sa fejn l-ewwel deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-għajnuna lill-bejjiegħa, li ngħatat fil-forma ta’ għajnuna individwali u mhux taħt skema ta’ għajnuna, din ma tistax tiġi ttrattata bħala att regolatorju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

48      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma kkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni biss jekk din tikkonċernahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223 u tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 20).

49      Fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, huma partikolarment irrikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv f’din il-proċedura, sa fejn il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna kkonċernata (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015 Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni, T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Il-kriterju tal-effett sostanzjali jippermetti li jiġu identifikati l-kompetituri li l-għajnuna awtorizzata tindividwalizza b’tali mod li jissodisfaw il-kundizzjoniijet għal ammissibbiltà stabbiliti fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17). L-għajnuna tindividwalizza għalhekk lill-kompetituri li jkollhom locus standi minn persuni oħrajn u tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-eżistenza ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni ta’ rikorrent fis-suq ma tiddependix direttament fuq l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, iżda fuq l-importanza tal-effett ħażin li din l-għajnuna jista’ jkollha fuq l-imsemmija pożizzjoni. Tali effett ħażin jista’ jvarja, fir-rigward ta’ għajnuna ta’ ammont simili, skont kriterji bħall-portata tas-suq ikkonċernat, in-natura speċifika tal-għajnuna, it-tul tal-perijodu li fih tingħata l-għajnuna, in-natura prinċipali jew sekondarja tal-attività affettwata fir-rigward tar-rikorrent u l-possibbiltajiet tagħha li tevita l-effetti negattivi tal-għajnuna (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni, T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Għalhekk, is-sempliċi kwalità ta’ kompetitur potenzjali ma hijiex biżżejjed sabiex dritt għal azzjoni jingħata lil individwu quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea sabiex jikkontesta deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali.

52      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha rwol attiv fil-proċedura qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, peress li hija ressqet ilment fl-10 ta’ April 2014, minħabba li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet illegali u li d-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand il-bejjiegħa kellha tiġi estiża għax-xerrej.

53      Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq jirriżulta li mis-sempliċi parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva ma jistax jiġi dedott li hija għandha locus standi. Ir-rikorrenti għandha, fi kwalunkwe każ, turi li l-għajnuna lill-bejjiegħa setgħet sostanzjalment taffettwa l-pożizzjoni tagħha fis-suq.

54      Fil-premessa 20 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni indikat li l-miżuri ta’ appoġġ favur il-bejjiegħa kienu relatati mal-finanzjament tal-bini u tal-operat tal-faċilitajiet tan-Nürburgring. Barra minn hekk, fil-premessi 173 sa 176 u 178 ta’ din l-istess deċiżjoni, hija osservat li s-swieq li fihom il-kompetizzjoni setgħet tiġi mfixkla minn dawn il-miżuri kienu dawk tal-operat ta’ ċirkwiti tal-karozzi, ta’ parks off-road, ta’ postijiet ta’ divertiment, ta’ impriżi ta’ lukandi u ta’ ristorazzjoni, ta’ ċentri tas-sigurtà fit-toroq, ta’ skejjel tas-sewqan, ta’ swali b’użi multipli u ta’ sistemi ta’ pagament mingħajr flus kontanti, kif ukoll dawk tal-promozzjoni tat-turiżmu, tal-iżvilupp ta’ proġetti, tal-bini ta’ proprjetajiet immobbli, tal-ġestjoni ta’ impriżi u tal-kummerċ ta’ karozzi jew ta’ muturi (iktar ’il quddiem is-“swieq rilevanti”). Fl-aħħar nett, fil-premessa 180 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni speċifikat li s-swieq rilevanti setgħu jiġu kkunsidrati li huma ta’ dimensjoni Ewropea.

55      Bħala risposta għal waħda mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fid-29 ta’ Novembru 2017 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti rrikonoxxiet li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors u qabel din id-data, hija ma kinitx preżenti fis-swieq rilevanti. Għaldaqstant, hija ma kellha l-ebda pożizzjoni fis-swieq rilevanti li setgħet tiġi affettwata, a fortiori sostanzjalment, permezz tal-għajnuna lill-bejjiegħa.

56      Sa fejn ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hija setgħet tixtri l-assi tan-Nürburgring u, għaldaqstant, tidħol fis-swieq rilevanti li kieku ma kienx hemm diskriminazzjoni fil-konfront tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u li kien diffiċli għaliha li tixtri jew topera ċirkwiti oħra tat-tlielaq, fid-dawl tat-telf tar-reputazzjoni u l-pubbliċità negattiva li jirriżultaw mix-xkiel fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tagħha ma humiex suffiċjenti, quddiem il-qorti tal-Unjoni u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq, sabiex tkun individwalizzata fir-rigward tal-għajnuna lill-bejjiegħa u tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà kif indikati fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17).

57      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx li hija kkonċernata individwalment mill-ewwel deċiżjoni kkontestata.

58      Madankollu, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors huma kumulattivi (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 199). Għalhekk, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata jew, a fortiori, it-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni bbażata fuq it-telf, mir-rikorrenti, tal-interess ġuridiku tagħha għall-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, minħabba nuqqas ta’ inċidenza individwali.

B.      Fuq it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata

59      Ir-rikorrenti tfittex ukoll li tikseb l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

1.      Fuq l-ammissibbiltà u fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

60      Fir-risposta, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-ammissibilità tar-rikors sa fejn dan jikkonċerna t-tieni deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, hija madankollu kkonkludiet li ma kienx għad hemm lok, għall-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni fir-rigward tar-rikors, inkluż fuq it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, minħabba li r-rikorrenti tilfet l-interess ġuridiku tagħha. F’dan il-kuntest, hija kkontestat ukoll il-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

61      F’dan il-każ, jeħtieġ li qabelxejn jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhiex locus standi sabiex tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata, qabel ma jiġi eżaminat sa fejn hija għandha interess li tikseb tali annullament.

62      Fir-rigward tal-locus standi tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hija direttament u individwalment ikkonċernata mit-tieni deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward u skont il-ġurisprudenza, il-kwalità partikolari tagħha bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-[TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li hija marbuta mas-suġġett speċifiku tal-azzjoni, hija suffiċjenti sabiex tkun individwalizzata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fl-aħħar nett, il-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li ngħatat lix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

63      Fit-talba tagħha li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tibbaża l-istatus tagħha bħala parti interessata fuq l-istatus tagħha ta’ xerrej potenzjali tal-assi tan-Nürburgring peress li, f’ittra tas-26 ta’ April 2016 li ntbagħtet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat li Capricorn kienet ħallset il-prezz kollu tax-xiri ta’ dawn l-assi u rrinunzjat għad-dritt tagħha li xxolji l-kuntratt ta’ bejgħ fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirkupra l-għajnuna lill-bejjiegħa mingħandha. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rikorrenti lanqas ma tista’ tibbaża l-kwalità tagħha bħala parti interessata fuq il-kwalità tagħha bħala kompetitriċi ta’ Capricorn, peress li t-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fid-29 ta’ Novembru 2017 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) jippermettu li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx attiva fis-swieq rilevanti.

64      Fil-kuntest tal-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li għandha l-uniku għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ investigazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar id-data kollha tal-kawża. Huwa biss fil-kuntest tal-proċedura prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni li t-Trattat FUE jipprevedi l-garanzija proċedurali li tikkonsisti fl-obbligu, min-naħa tal-Kummissjoni, li tintima lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 22; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 16; u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 35).

65      Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li miżura tal-Istat ma tikkostitwixxix għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, il-benefiċjarji ta’ din il-garanzija proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħha jekk għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn il-motivi, il-qorti tal-Unjoni tiddikjara ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, meta l-għan tal-persuna li tippreżenta dan ir-rikors huwa, permezz tal-preżentata tiegħu, li jiġu protetti d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 36).

66      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li kwalunkwe parti interessata trid titqies bħala li hija kkonċernata direttament u individwalment b’deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna wara l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 68), peress li għandu jitfakkar li, meta tali parti tkun ressqet ilment, ir-rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta dan l-ilment għandu fi kwalunkwe każ jitqies bħala rifjut li jingħata bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punti 51 sa 54).

67      F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni adottata fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna, stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE, u mhux proċedura ta’ investigazzjoni formali. Peress li r-rikorrenti ma tistax, minħabba l-motivi diġà indikati fil-punti 55 sa 57 iktar ’il fuq, tiġi kkunsidrata li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà kif stabbiliti fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), għandu jiġi vverifikat, sabiex jiġi ddeterminat jekk hija għandhiex locus standi sabiex tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata, jekk hija pprovatx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li hija parti interessata.

68      Skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 għandhom jiġu kkunsidrati li huma “partijiet interessati”, kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna. Fi kliem ieħor, dawn huma grupp indeterminat ta’ destinatarji. Din id-dispożizzjoni ma teskludix li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”, sakemm hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ din l-għajnuna. Huwa biżżejjed li din l-impriża turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li hemm ir-riskju li l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, kull impriża li tinvoka relazzjoni ta’ kompetizzjoni, attwali jew potenzjali, tista’ titqies bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE.

70      F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti stabbilixxiet, permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħha, sal-istadju finali, fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti u permezz tal-ilment imressaq minnha, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni, ir-rieda serja tagħha li tidħol fis-swieq rilevanti u, għaldaqstant, il-kwalità tagħha ta’ kompetitur potenzjali ta’ Capricorn, li allegatament kienet ibbenefikat, skont l-imsemmi lment u fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring, minn għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni ċaħdet l-eżistenza tagħha fit-tieni deċiżjoni kkontestata.

71      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq u tal-evalwazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti għandha tiġi rrikonoxxuta bħala parti interessata fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

72      Fir-rigward tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni, fit-talba tagħha li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, li din tal-aħħar tilfitu minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li Capricorn ħallset il-prezz tax-xiri kollu tal-assi tan-Nürburgring u rrinunzjat għad-dritt tagħha li xxolji l-kuntratt ta’ bejgħ fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirkupra l-għajnuna lill-bejjiegħa mingħandha (ara l-punt 63 iktar ’il fuq).

73      Madankollu, għandu jitfakkar li l-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, għandhom interess jiksbu l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, peress li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108 TFUE, tali annullament jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali u tippermettilhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom u għalhekk jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni (sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punti 62 u 64). F’dan il-każ, ir-rikorrenti għandha interess fl-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata sa fejn, permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha, hija tikkontesta l-fatt li din id-deċiżjoni, li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna lil Capricorn fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ġiet adottata mingħajr ma l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha bħala parti interessata.

74      Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, il-Kummissjoni għandha bħala prinċipju tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring u titlob lir-rikorrenti, bħala parti interessata, sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha. Konsegwentement, l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali għar-rikorrenti, bħala parti interessata.

75      Għalhekk għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandha locus standi, bħala parti interessata, u għandha u żżomm locus standi, abbażi tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li hija tislet, f’din l-istess kwalità, mill-Artikolu 108(2) TFUE.

76      Minn dan isegwi li t-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda u li dan ir-rikors huwa ammissibbli, sa fejn jirrigwarda t-tieni deċiżjoni kkontestata u huwa intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE.

2.      Fuq il-mertu

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li jikkonċerna deċiżjoni ta’ assenza ta’ għajnuna meħuda fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari

77      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxu fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati li għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Fi tmiem din il-fażi, il-Kummissjoni tikkonstata li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna, jew taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan l-aħħar każ, l-imsemmija miżura tista’ ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern jew, għall-kuntrarju, tista’ tqajjem tali dubji (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 43).

78      Meta, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li permezz tagħha hija tikkonstata li miżura tal-Istat ma tikkostitwixxix għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq intern, hija tirrifjuta wkoll impliċitament li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan il-prinċipju japplika kemm fil-każ fejn id-deċiżjoni tittieħed minħabba l-fatt li l-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, imsejħa “deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet”, kif ukoll meta hija tal-opinjoni li l-miżura ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u ma tikkostitwixxix għalhekk għajnuna, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 52, u tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 68).

79      Skont il-ġurisprudenza, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara li l-miżura inkwistjoni ma hijiex għajnuna mill-Istat jew deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, huwa jikkontesta essenzjalment il-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ittieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi ksur b’dan il-mod tad-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka, għall-finijiet tal-preżervazzjoni tad-drittijiet proċedurali li jgawdi fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha jew seta’ kellha l-Kummissjoni, fil-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura inkwistjoni, kellha tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat jew il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il-Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 60, u tal-25 ta’ Novembru 2014, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑512/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:989, punt 31).

80      Tali prova tal-eżistenza ta’ dubji tista’ b’mod partikolari tiġi prodotta minn sensiela ta’ indizji konkordanti, peress li l-eżistenza ta’ dubju teżiġi investigazzjoni, f’dak li jirrigwarda deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, kemm taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari t-tul tal-eżami preliminari, kif ukoll tal-kontenut tagħha, filwaqt li għandhom jitqabblu l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom fl-imsemmija deċiżjoni mal-elementi li hija kellha jew seta’ jkollha meta hija ddeċidiet fuq il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 31).

81      Għalhekk, il-Kummissjoni hija obbligata li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba jew li hija seta’ jkollha matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, hija xorta jkollha diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni. Dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 108(3) TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, u huwa kkonfermat mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara investigazzjoni preliminari, li l-miżura inkwistjoni tqajjem dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna jew tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 30 sa 33, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 328). F’tali każ, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interessi ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju jew kwalunkwe raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva jew politika (sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punt 90).

82      Fl-istadju kontenzjuż, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jenfasizza fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-argumenti mressqa u tal-provi prodotti mir-rikorrent fil-każ inkwistjoni, l-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ assenza ta’ għajnuna ppreżentawx diffikultajiet li kienu ta’ natura li jqajmu dubji u, għaldaqstant, li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 31, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 34).

b)      Osservazzjonijiet preliminari dwar is-suġġett tar-rikors

83      L-ewwel parti tar-raba’ motiv hija bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni naqset milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE minkejja l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

84      Fil-kuntest ta’ din il-parti, sabiex turi l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata, ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, żbalji ta’ liġi, żbalji ta’ evalwazzjoni u difett ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw it-tieni deċiżjoni kkontestata. Dawn l-iżbalji u dan id-difett huma invokati, barra minn hekk, fl-ewwel, fit-tielet u fil-ħames motiv tagħha, li jikkonċernaw, rispettivament, l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ permezz tat-trasferiment lil subxerrej tas-sehem miżmum minn Capricorn fil-vettura ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring u nuqqas ta’ motivazzjoni.

85      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-ewwel parti tar-raba’ motiv, sussegwentement, fid-dawl ta’ din il-parti, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, l-ewwel, it-tielet u l-ħames motiv, sabiex jiġi evalwat jekk l-argumenti invokati insostenn jippermettux l-identifikazzjoni tad-diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, kif il-ġurisprudenza tawtorizza lill-Qorti Ġenerali tagħmel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 56 u 58).

86      Għandhom jiġu eżaminati, fit-tieni lok, it-tieni, it-tielet u r-raba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażati fuq ksur ieħor tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, li setgħu wkoll affettwaw il-konstatazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, dwar l-assenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. It-tieni parti tar-raba’ motiv hija bbażata fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, u t-tielet u r-raba’ parti tar-raba’ motiv huma bbażati fuq nuqqas ta’ eżami diliġenti u imparzjali mill-Kummissjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Għandu jitfakkar li t-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika, kien dirett biss kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ma kinitx meqjusa li għandha locus standi.

c)      Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring

87      Ir-rikorrenti tinvoka, fl-ewwel lok, it-tul tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari u, fit-tieni lok, il-kontenut tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

1)      Dwar it-tul tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari

88      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni pposponiet id-deċiżjoni tagħha f’diversi okkażjonijiet, b’mod partikolari bejn it-23 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Ottubru 2014, f’liema data ġiet finalment adottata d-deċiżjoni finali. Barra minn hekk, ir-rettifika tad-deċiżjoni finali ġiet adottata fit-13 ta’ April 2015, jiġifieri iktar minn sena wara s-sottomissjoni tal-ilment tagħha lill-Kummissjoni.

89      Il-Kummissjoni ssostni li hija ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji matul l-investigazzjoni preliminari.

90      Għandu jitfakkar li, sa fejn il-miżuri statali kontenzjużi ma ġewx innotifikati mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tipproċedi għal investigazzjoni preliminari ta’ dawn il-miżuri f’perijodu determinat. Madankollu, il-Kummissjoni għandha twettaq investigazzjoni diliġenti ta’ lment li jindika l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, peress li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ fażi ta’ investigazzjoni preliminari għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi relattivi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, il-kuntest tagħha, id-diversi stadji proċedurali li l-Kummissjoni għandha ssegwi u l-kumplessità tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il-Kummissjoni, T‑30/03 RENV, EU:T:2011:534, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan il-każ, il-Kummissjoni rċeviet l-ilment tar-rikorrenti fl-10 ta’ April 2014. Dan l-ilment kien jikkonċerna l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn bi prezz iktar baxx mill-prezz tas-suq tagħhom u l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u Capricorn li kienet tiġġustifika li d-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna lill-bejjiegħa tiġi estiża għal din tal-aħħar. Barra minn hekk, ġew ippreżentati tliet ilmenti oħra fir-rigward tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring. Id-deċiżjoni finali ttieħdet fl-1 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri inqas minn sitt xhur wara li rċeviet l-ilment tar-rikorrenti. Tali terminu ma jeċċedix dak li kien meħtieġ għal eżami inizjali tal-mistoqsijiet relatati mal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring bi prezz iktar baxx mill-prezz tas-suq tagħhom, u għalhekk ma jurix l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

92      Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq il-kontenut tat-tieni deċiżjoni kkontestata

93      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-tieni deċiżjoni kkontestata turi fiha nnifisha l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, filwaqt li tinvoka għal dan il-għan in-natura lakunarja tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Il-lakuni jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-eżami tan-natura miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, dak ta’ ċerti fatti li huma rilevanti f’dan ir-rigward, bħat-trasferiment tal-assi tan-Nürburgring lil subxerrej, dak tal-kwistjoni dwar jekk din il-proċedura kinitx wasslet għall-bejgħ ta’ dawn l-assi lill-ogħla offerent kif ukoll l-eżami tal-fatt li Capricorn ma setgħetx tissodisfa r-rekwiżit li jiġi żgurat il-ħlas tal-prezz tal-bejgħ.

94      Barra minn hekk, l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni, marbuta mal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll man-nuqqas ta’ motivazzjoni, jikkonfermaw l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata, li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

95      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

96      Għandu, qabelxejn, jiġi nnotat li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 285 tad-deċiżjoni finali, wara eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ, li “l-bejgħ tal-assi [tan-Nürburgring] ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat”.

97      Fil-premessa 281 tad-deciżjoni finali, il-Kummissjoni indikat li ma “sabitx evidenza ta’ ksur tal-prinċipji ta’ proċess tal-offerti miftuħ, trasparenti, mhux diskriminatorju u mhux kondizzjonat fir-rigward tal-bejgħ tal-assi [tan-Nürburgring], jew ta’ kull offerta bi prezz offrut ogħla b’finanzjament iggarantit meta mqabbla mal-offerta ta’ Capricorn”.

98      Fil-premessi 240, 261, 266, 271, 276 u 280 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkunsidrat li Capricorn kienet l-offerent li kien ippreżenta l-aħjar offerta flimkien ma’ garanzija ta’ finanzjament. Fir-rigward ta’ din il-garanzija, il-Kummissjoni stabbilixxiet li hija kellha, sa minn April 2014, l-ittra tal-10 ta’ Marzu 2014 tad-Deutsche Bank AG, li kienet tappoġġja l-offerta ta’ Capricorn (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014”). Għalhekk ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi kkontestata d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li hija wettqet l-analiżi tagħha stess tal-imsemmija ittra u kkunsidrat li din kienet tikkostitwixxi garanzija ta’ finanzjament, li n-natura vinkolanti tagħha kienet ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

99      L-argument dwar il-garanzija ta’ finanzjament tal-offerta ppreżentata minn Capricorn u l-kwistjoni dwar jekk il-proċedura ta’ sejħa għal offerti wasslitx għall-bejgħ tal-imsemmija assi lill-offerent bl-ogħla offerta huwa għalhekk infondat.

100    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami eżawrjenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. B’mod partikolari, id-deċiżjoni finali ma ssemmix it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ.

101    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-karattru insuffiċjenti jew mhux komplut tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ natura li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016, Søndagsavisen vs Il-Kummissjoni, T‑167/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:603, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Il-ġurisprudenza ddeċidiet ukoll li, b’mod ġenerali, il-legalità ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81), filwaqt li għandu jitfakkar li l-informazzjoni li l-Kummissjoni “seta’ kellha” hija dik li kienet tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li kellha titwettaq u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71).

103    Il-fatt li l-Kummissjoni, fil-fehma tar-rikorrenti, ma rrispondietx għal ċerti lmenti li hija kienet qajmet ma jimplikax li hija ma setgħetx tiddeċiedi dwar il-miżura inkwistjoni abbażi tal-informazzjoni li hija kellha u li hija għalhekk kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 130).

104    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ddeċidietx, fid-deċiżjoni finali, dwar it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ permezz tat-trasferiment lil subxerrej tas-sehem ta’ Capricorn fil-vettura ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring, li, skont ir-rikorrenti, seħħ fit-28 ta’ Ottubru 2014, abbażi ta’ kuntratt fiduċjarju tal-5 ta’ Ottubru 2014, u għalhekk wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

105    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni, relatati mal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll in-nuqqas ta’ motivazzjoni, jikkonfermaw l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. L-eżami ta’ dan l-argument jikkoinċidi mal-eżami tal-ewwel u tal-ħames motiv, relatati mal-imsemmija żbalji ta’ liġi u mal-imsemmi nuqqas ta’ motivazzjoni, li ser jitwettaq iktar ’il quddiem.

106    Għalhekk, bla ħsara għall-ilmenti li ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-ewwel u tal-ħames motiv, l-argumenti invokati insostenn tal-ewwel parti tar-raba’ motiv ma jippermettux għalhekk li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kellha diffikultajiet ta’ evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li kienu jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

107    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, li jikkonsisti fi tliet partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, billi kkonkludiet li ma kienet ingħatat l-ebda għajnuna mill-Istat lix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

1)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, relatata mal-vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

108    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li x-xerrej ingħata vantaġġ fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. L-imsemmija proċedura ma kinitx trasparenti. B’mod partikolari, il-bejjiegħa u KPMG ma informawx b’mod ċar lill-offerenti dwar it-termini applikabbli, b’tali mod li hija ġiet imqarrqa dwar il-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tal-offerta finali. Ix-xerrej kien issottometta biss l-offerta finali tiegħu fl-10 ta’ Marzu 2014, il-jum ta’ qabel ma ntgħażel bħala l-offerent rebbieħ tal-assi tan-Nürburgring, b’tali mod li t-terminu ġġedded de facto sa din id-data.

109    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet diskriminatorja. B’mod partikolari, seħħew negozjati bejn rappreżentanti tal-bejjiegħa u tax-xerrej, iżda mhux mar-rappreżentanti tagħha stess, matul il-ħarifa tal-2013, minkejja l-assenza ta’ finanzjament iggarantit mix-xerrej. Dan tal-aħħar kien b’mod partikolari awtorizzat jipparteċipa fil-laqgħat ta’ ġestjoni tal-bejjiegħa. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-ebda wieħed mill-offerenti ma pprovda garanzija ta’ finanzjament għall-prezz sħiħ tax-xiri u li, konsegwentement, il-bejjiegħa ma kisrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi illaxkaw ir-rekwiżit ta’ finanzjament żgurat matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti huwa żbaljat, sa fejn din il-modifika tal-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti ma ġietx ikkomunikata lill-offerenti kollha.

110    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li x-xerrej ma tax prova ta’ finanzjament iggarantit, sa fejn, b’mod partikolari, huwa kien ippreżenta biss impenn fil-forma tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, jiġifieri ittra ta’ intenzjoni mingħajr saħħa vinkolanti, u din l-ittra kienet tikkostitwixxi biss abbozz preliminari, li l-effett vinkolanti tagħha kien suġġett għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet addizzjonali u għal deċiżjoni finali tad-Deutsche Bank.

111    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li hija offriet l-ogħla prezz ta’ xiri, kif ukoll finanzjament iggarantit.

112    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

113    Għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-ilmenti fformulati fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, jekk l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienx ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

114    Skont ġurisprudenza stabbilita, meta impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna inkompatibbli mas-suq intern tiġi akkwistata bil-prezz tas-suq, jiġifieri bl-ogħla prezz li investitur privat li jaġixxi f’kundizzjonijiet kompetittivi normali kien lest li jħallas għal din il-kumpannija fis-sitwazzjoni li din tkun tinsab fiha, b’mod partikolari, wara li tkun ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat, l-element ta’ għajnuna għandu jiġi evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz ta’ xiri. F’tali ċirkustanzi, ix-xerrej ma jistax jiġi kkunsidrat li jkun ibbenefika minn vantaġġ fil-konfront tal-operaturi oħra fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Fil-każ li, għall-kuntrarju, il-bejgħ tal-assi ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat jitwettaq bi prezz inqas mill-prezz tas-suq, vantaġġ indebitu jista’ jiġi ttrasferit lix-xerrej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 161).

116    Għall-finijiet tal-verifika tal-prezz tas-suq, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma użata għat-trasferiment ta’ kumpannija, pereżempju dik tal-irkant pubbliku, li għandha tiżgura bejgħ b’kundizzjonijiet tas-suq. Minn dan isegwi li, meta jitwettaq il-bejgħ ta’ impriża permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u inkundizzjonata, jista’ jiġi preżunt li l-prezz tas-suq jikkorrispondi għall-ogħla offerta, sakemm jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li din l-offerta għandha valur ta’ impenn u li hija kredibbli u, it-tieni nett, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi minbarra l-prezz ma huwiex iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 93 u 94, u tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 32).

117    Skont il-ġurisprudenza, in-natura miftuħa u trasparenti ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għandha tiġi evalwata abbażi ta’ sensiela ta’ indizji relatati maċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 95).

118    Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 114 sa 117 iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata, f’dan il-każ, il-fondatezza tad-diversi lmenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi direttament fuq il-legalità stess tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

i)      Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

119    Sa fejn ir-rikorrenti tallega n-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, għandu jitfakkar (ara s-seba’ inċiż tal-punt 9, iktar ’il fuq) li t-terminu għas-sottomissjoni ta’ offerti konfermatorji ġie suċċessivament iffissat għall-11 ta’ Diċembru 2013, kif jirriżulta mill-ittra ta’ KPMG tas-17 ta’ Ottubru 2013, sussegwentement għas-17 ta’ Frar 2014, kif jirriżulta mill-ittra ta’ KPMG tas-17 ta’ Diċembru 2013. Din l-aħħar ittra kienet tispeċifika li l-offerti sottomessi wara l-iskadenza tat-terminu kienu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, hija speċifikat li l-bejjiegħa setgħu jieħdu d-deċiżjoni ta’ għażla malajr wara t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti.

120    Kif ġustament tallega l-Kummissjoni, il-possibbiltà ta’ sottomissjoni ta’ offerta wara s-17 ta’ Frar 2014 kienet għalhekk magħrufa mill-offerenti kollha. Bl-istess mod, il-fatt li x-xerrej seta’ jippreżenta l-offerta finali tiegħu fl-10 ta’ Marzu 2014, wara l-iskadenza tat-terminu, u jintgħażel bħala offerent rebbieħ mill-11 ta’ Marzu 2014, huwa kompletament konformi mat-termini tal-ittra ta’ KPMG tas-17 ta’ Diċembru 2013.

121    Minn dan isegwi li dan l-ilment ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti minħabba n-natura mhux trasparenti tagħha fid-dawl tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni ta’ offerta konfermatorja.

ii)    Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

122    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet diskriminatorja. B’mod partikolari, ix-xerrej ma tax prova ta’ finanzjament iggarantit, sa fejn l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, insostenn tal-offerta tiegħu li ġiet approvata fil-11 ta’ Marzu 2014, ma kinitx vinkolanti.

123    L-ittra ta’ KPMG lill-investituri interessati tas-17 ta’ Ottubru 2013 kienet tispeċifika li kwalunkwe finanzjament ġej minn terz kellu jkun ibbażat fuq impenn ta’ finanzjament vinkolanti (ara d-disa’ inċiż tal-punt 9, iktar ’il fuq). Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni, li jirrifletti l-analiżi tal-awtoritajiet Ġermaniżi, kienx ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ dubji dwar in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014.

124    Qabel kollox, l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 tindika li din tal-aħħar hija lesta li tipprovdi self ta’ EUR 45 miljun lix-xerrej. Il-kundizzjonijiet għal dan il-finanzjament huma deskritti fid-dettall, li, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, jidher li jindika eżami fil-fond min-naħa ta’ Deutsche Bank u skambju ta’ informazzjoni bejn din tal-aħħar u x-xerrej.

125    Sussegwentement, l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 tagħmel riferiment, f’diversi okkażjonijiet, għall-impenn meħud minn Deutsche Bank favur Capricorn abbażi tal-imsemmija ittra. Deutsche Bank ikkunsidrat għalhekk li hija marbuta mill-imemmija ittra.

126    F’dan ir-rigward, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, il-paragun bejn l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 maż-żewġ ittri preparatorji u mhux vinkolanti ta’ Deutsche Bank tas-17 u tal-25 ta’ Frar 2014 jikkonferma n-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014. Għalhekk, huwa indikat fl-ittra tas-17 ta’ Frar 2014 li din ma tikkostitwixxix impenn min-naħa ta’ Deutsche Bank, għall-kuntrarju tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, li tagħmel riferiment għall-impenn meħud minn Deutsche Bank fil-konfront ta’ Capricorn fuq il-bażi ta’ din l-istess ittra.

127    Fl-aħħar nett, l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 tispeċifika li l-impenn meħud minn din tal-aħħar huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet (eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni, assenza ta’ bdil sinjifikattiv f’dak li jikkonċerna l-assi akkwistati, assenza ta’ illegalità) ippermettew lil Deutsche Bank tevita l-impenn tagħha biss jekk l-akkwist ma jsirx skont il-kundizzjonijiet previsti.

128    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirx li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014.

129    Għall-kuntrarju u kif ġustament ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 272 tad-deċiżjoni finali, ir-rikorrenti qatt ma pproduċiet prova ta’ finanzjament tal-offerta tagħha.

130    Fit-30 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ssottomettiet offerta indikattiva għall-assi kollha tan-Nürburgring, għal ammont ta’ EUR 150 miljun. Din l-offerta ma inkludietx prova tal-kapaċità tagħha ta’ finanzjament, fatt li ġie indikat lilha minn KPMG fl-ittri tal-11 u tas-17 ta’ Diċembru 2013, kif ukoll f’ittra tat-18 ta’ Diċembru sussegwenti. Ir-rikorrenti rċeviet ukoll l-ittra ta’ KPMG tas-17 ta’ Ottubru 2013, li kienet tispeċifika li kwalunkwe finanzjament minn terz kellu jkun ibbażat fuq impenn ta’ finanzjament vinkolanti.

131    Fis-17 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ssottomettiet offerta finali ta’ EUR 110 miljun għall-assi kollha. Hija ddikjarat li kienet imbagħad kisbet impenn vinkolanti ta’ finanzjament ta’ EUR 30 miljun minn DRC Capital LLP. Madankollu, ma ġie pprovdut l-ebda dokument ta’ DRC Capital LLP mal-offerta, fatt li ġie indikat lilha minn KPMG permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-18 ta’ Frar 2014.

132    Fil-21 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti indikat li terminu ta’ bejn ġimagħtejn u ħames ġimgħat għandu jippermettilha tikseb l-impenji vinkolanti kollha ta’ finanzjament. Fil-11 ta’ Marzu 2014, hija pprovdiet verżjoni aġġornata tal-offerta finali, għal ammont totali ta’ EUR 150 miljun, u hija kkonfermat li kienet ser tippreżenta l-impenji vinkolanti kollha ta’ finanzjament sal-31 ta’ Marzu 2014. Fl-aħħar nett, hija tiddikjara li rċeviet impenn ta’ finanzjament mingħand Jupiter Financial fis-26 ta’ Marzu 2014, iżda tirrikonoxxi li qatt ma għaddietu lil KPMG. F’messaġġ elettroniku tad-9 ta’ April 2014, KPMG indikat lir-rikorrenti li baqgħet ma rċevitx konferma bil-miktub mingħand terzi li setgħu jiffinanzjaw l-offerta tagħha.

133    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li x-xerrej, li l-offerta tiegħu ġiet aċċettata, kellu, qabelxejn, żewġ ittri preparatorji ta’ Deutsche Bank tas-17 u tal-25 ta’ Frar 2014, kif ukoll l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, li fir-rigward tagħha ma jidhirx li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar in-natura vinkolanti tagħha, filwaqt li r-rikorrenti, li l-offerta tagħha ma ġietx aċċettata, ma kienet, fl-ebda mument, ipprovdiet, fl-ebda mument, kwalunkwe prova ta’ finanzjament. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ impenn ta’ finanzjament vinkolanti tfakkar lir-rikorrenti f’diversi okkażjonijiet.

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati mir-rikorrenti, kellha jkollha dubji dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, minħabba n-natura diskriminatorja tagħha fir-rigward tar-rekwiżit ta’ impenn vinkolanti ta’ finanzjament.

iii) Fuq l-ilment relatat mal-ammont u mal-finanzjament tal-offerti ta’ Capricorn u tar-rikorrenti

135    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li hija offriet l-ogħla prezz ta’ xiri, kif ukoll finanzjament iggarantit, filwaqt li l-offerta ta’ Capricorn, li fl-aħħar nett ntgħażlet, kienet iktar baxxa minn tagħha u ma kellhiex finanzjament iggarantit.

136    Peress li l-ammont tal-offerta finali ta’ xiri ppreżentata mir-rikorrenti huwa ta’ EUR 110 miljun, filwaqt li dak ta’ Capricorn kien ta’ EUR 77 miljun, huwa ġustament li r-rikorrenti ssostni li hija offriet prezz ta’ xiri ogħla minn ta’ Capricorn.

137    Madankollu, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 116 iktar ’il fuq, jista’ biss jiġi preżunt li l-prezz tas-suq jikkorrispondi għall-ogħla offerta ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u inkundizzjonata jekk jiġi stabbilit li din l-offerta għandha valur ta’ impenn u li hija kredibbli.

138    F’dan il-każ, skont l-ittra li ntbagħet lilhom fid-19 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Ottubru 2013 minn KPMG, l-investituri interessati kellhom b’mod partikolari jintgħażlu b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżit li tiġi żgurata t-tranżazzjoni (ara d-disa’ inċiż tal-punt 9, iktar ’il fuq).

139    Madankollu, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tiddikjara li hija offriet finanzjament iggarantit, peress li hija, fl-ebda mument, ma kienet ipprovdiet prova ta’ finanzjament. Mill-premessa 272 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li, fl-assenza ta’ provi tal-kapaċità u tas-solvenza finanzjarja tagħha, l-awtoritajiet Ġermaniżi setgħu jikkontestaw il-kapaċità tagħha li tikseb il-fondi meħtieġa sabiex tonora l-prezz ta’ xiri li hija offriet u, għaldaqstant, il-kredibbiltà tal-offerta tagħha u l-konformità tagħha mar-rekwiżit li jiġi żgurat il-ħlas tal-prezz ta’ bejgħ.

140    Għall-kuntrarju, Capricorn kellha, qabelxejn, żewġ ittri preparatorji ta’ Deutsche Bank tas-17 u tal-25 ta’ Frar 2014, kif ukoll l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, li fir-rigward tagħha diġà ġie osservat li n-natura vinkolanti tagħha ma kellhiex tqajjem dubji għall-Kummissjoni (ara l-punti 128 u 133 iktar ’il fuq).

141    Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa 273 tad-deċiżjoni finali, ipparteċipaw biss fl-istadju finali tan-negozjati mwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti l-offerent 2 u Capricorn, li l-offerti tagħhom kienu t-tnejn iktar baxxi min dik tar-rikorrenti, iżda kienu jinkludu wegħdiet ta’ finanzjament. Huwa għalhekk mal-offerta tal-offerent 2 li l-bejjiegħa qabblu dik ta’ Capricorn. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li, skont l-avukati tal-bejjiegħa, fis-26 ta’ Frar 2014, l-offerta konfermatorja tal-offerent 2 kienet l-aħjar offerta, għalkemm b’ammont iktar baxx minn dak ta’ Capricorn, u li huwa preċiżament fid-dawl tal-ammont ogħla tal-offerta ta’ din tal-aħħar li l-bejjiegħa pprovaw ukoll jiffinalizzaw il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring ma’ Capricorn. Madankollu, mill-premessa 273 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li kemm l-offerta kif ukoll il-wegħda ta’ finanzjament ippreżentati, fl-aħħar, minn Capricorn kienu ogħla mill-offerta u l-wegħda ta’ finanzjament ippreżentati mill-offerent 2.

142    Għalhekk ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar il-fatt li Capricorn kienet l-offerent li ppreżentat l-aħjar offerta vinkolanti u kredibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni, mhux biss tal-prezz li kien offrut, iżda wkoll tal-garanziji pprovduti li tiġi żgurata t-tranżazzjoni. Fi kliem ieħor, ma huwiex stabbilit li hija kellha tiddubita li “l-assi inkwistjoni [kienu] nbiegħu lill-offerent li [kien] ppreżenta l-ogħla offerta inkluża prova tal-finanzjament tagħha”, kif irrilevat fil-premessa 276 tad-deċiżjoni finali, u li ma kien hemm l-ebda “offerta bi prezz offrut ogħla b’finanzjament iggarantit meta mqabbla mal-offerta ta’ Capricorn”, kif irrilevat fil-premessa 281 ta’ din l-istess deċiżjoni.

143    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.

144    B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 114 sa 117 iktar ’il fuq, l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kien għalhekk ta’ natura li jeskludi kwalunkwe dubju dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu favur ix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u, konsegwentement, l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil dan tal-aħħar. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tindika diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li kienu jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

145    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar il-vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-kuntratt ta’ kiri tal-assi tan-Nürburgring

146    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li ngħata wkoll vantaġġ lix-xerrej fil-kuntest tal-kuntratt ta’ kiri tal-assi tan-Nürburgring. Mill-premessa 56 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li din il-kirja ġiet konkluża bejn kumpannija indipendenti tal-bejjiegħa, li topera fil-fatt bħala fiduċjarja tal-imsemmija assi, u kumpannija operatorja li ġiet stabbilita minn Capricorn, għal perijodu li jibda jgħaddi mill-1 ta’ Jannar 2015, sabiex tiġi strutturata sitwazzjoni tranżitorja li tikkorrispondi għat-twettiq eventwali tal-kundizzjoni li għaliha kien suġġett il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn, jiġifieri l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni li teskludi kwalunkwe riskju li x-xerrej tal-imsemmija assi jkun obbligat li jirrimborsa l-għajnuna lill-bejjiegħa. L-ammont tal-kera annwali ma kienx jeċċedi EUR 5 miljun, filwaqt li, skont ir-rikorrenti, din kellha tammonta, tal-inqas, għal EUR 7.7 miljun.

147    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u b’mod partikolari ssostni li l-kera kienet tirrappreżenta biss il-ħlas bil-quddiem ta’ partijiet mill-prezz ta’ bejgħ tal-assi tan-Nürburgring, li kien huwa stess konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

148    Għall-motivi esposti fil-punti 119 sa 133 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha jkolli dubji dwar in-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

149    Għal dawn l-istess motivi, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li ma jkollhiex dubji dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, inkluż dwar il-kuntratt ta’ kera tal-assi tan-Nürburgring li kien ġie nnegozjat fil-każ li ma jitwettqux il-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex il-bejgħ jiġi konkluż.

150    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar l-intervent ta’ riżorsi pubbliċi fil-kuntest tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lix-xerrej

151    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk riżorsi pubbliċi kinux involuti fil-kuntest tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn. Madankollu, kellha tikkonstata li dan kien il-każ.

152    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

153    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tittieħidx azzjoni fir-rigward ta’ lment meta hija tista’ teskludi mill-ewwel il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżuri inkwistjoni wara li tkun ikkonstatat li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE ma hijiex issodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 104).

154    F’dan il-każ, permezz tal-eżami, fil-premessi 266 sa 281 tad-deċiżjoni finali, dwar jekk il-proċedura ta’ sejħa għal offerti kinitx miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata u dwar jekk Capricorn kinitx l-offerent li ppreżentat l-aħjar offerta flimkien ma’ garanzija ta’ finanzjament, il-Kummissjoni kellha, essenzjalment, l-għan li tivverifika li l-assi tan-Nürburgring inbiegħu bil-prezz tas-suq tagħhom, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 116 iktar ’il fuq.

155    Fil-każ li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring kien twettaq bi prezz iktar baxx mill-prezz tas-suq, kif indikat fil-punt 115 iktar ’il fuq, ix-xerrej seta’ ngħata vantaġġ indebitu (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 161). Għalhekk, l-eżami tal-Kummissjoni kien jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk tali vantaġġ kienx ingħata, f’dan il-każ, lil Capricorn fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

156    Il-Kummissjoni kkonkludiet li, fl-assenza ta’ tali vantaġġ, l-ebda għajnuna mill-Istat ma ngħatat lil Capricorn fil-kuntest tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni kkonstatat li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, ma kinitx issodisfatta.

157    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata b’mod validu li ma eżaminatx ukoll jekk il-kundizzjoni relatata ma intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat kinitx issodisfatta.

158    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, tal-ewwel motiv fl-intier tiegħu, ma żvelax indizji dwar l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li kienu jeżiġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

159    L-ewwel motiv, moqri fid-dawl tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

e)      Fuq it-tielet motiv, dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ li tirriżulta mit-trasferiment lil subxerrej tas-sehem miżmum minn Capricorn fil-vettura ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring

160    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni indikat b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni finali, li l-proċess ta’ bejgħ tal-assi tan-Nürburgring kien intemm fil-11 ta’ Marzu 2014, bl-allokazzjoni tagħhom lil Capricorn.

161    Fil-fatt, il-bejjiegħa komplew bil-proċess ta’ bejgħ minn Lulju 2014, wara li Capricorn uriet l-inkapaċità tagħha li tagħmel it-tieni ħlas parzjali tal-prezz ta’ xiri. Twettqu negozjati informali, minn Settembru 2014, li matulhom il-bejjiegħa stess ipproponew it-trasferiment tal-assi tan-Nürburgring, li waslu, fit-28 ta’ Ottubru 2014, għat-trasferiment lil subxerrej tas-sehem miżmum minn Capricorn fil-vettura ta’ akkwist ta’ dawn l-assi. It-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lanqas ma kienet konformi mar-rekwiżiti ta’ ftuħ, trasparenza, nondiskriminazzjoni u inkundizzjonalità.

162    Skont ir-rikorrenti, it-trasferiment lil subxerrej tas-sehem miżmum minn Capricorn fil-vettura ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring jikkostitwixxi l-eżitu tal-proċess ta’ bejgħ tal-imsemmija assi u ġie konkluż fl-interess tal-bejjiegħa u mhux ta’ Capricorn. Fil-fatt, din tal-aħħar ma kisbet l-ebda vantaġġ minn dan it-trasferiment, minbarra dak relatat mat-terminazzjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħha. Il-fatt li l-prezz ta’ trasferiment ta’ dan is-sehem kien identiku għal dak tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma jiġġustifikax l-assenza ta’ impenn, f’dan il-każ, ta’ proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti.

163    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

164    Għall-motivi li diġà ġew esposti fil-punti 103 u 104 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ddeċidietx, fid-deċiżjoni finali, dwar it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ permezz tat-trasferiment lil subxerrej tas-sehem miżmum minn Capricorn fil-vettura ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring, sa fejn dan it-trasferiment seħħ, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

165    Barra minn hekk, għalkemm minn artikolu tal-istampa tat-30 ta’ Settembru 2014 jirriżulta li Deutsche Bank kienet irtirat il-finanzjament tagħha lil Capricorn u li l-amministraturi fittxew xerrejja ġodda għall-assi tan-Nürburgring, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha tali informazzjoni fil-mument meta hija ħadet id-deċiżjoni finali.

166    Fi kwalunkwe każ, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 114 sa 117 iktar ’il fuq u kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2017 b’risposta għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, l-għan tal-eżami tagħha kien li taċċerta ruħha, għall-finijiet tal-verifika dwar jekk l-assi tan-Nürburgring ġewx ittrasferiti bil-prezz tas-suq tagħhom, li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmi bejgħ seta’ jsir bi prezz iktar baxx mill-prezz tas-suq u vantaġġ indebitu seta’ jiġi ttrasferit lix-xerrej.

167    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-għajnuna li, skont ir-rikorrenti (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), kellha tiġi kkonstatata mill-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni kkontestata u kellha tikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz imħallas minn Capricorn sabiex tixtri l-assi tan-Nürburgring u l-prezz tas-suq għal dawn l-istess assi, ingħatat lil Capricorn fil-11 ta’ Marzu 2014, li hija d-data li fiha l-assi tan-Nürburgring ġew allokati lil din tal-aħħar u tal-firma tal-kuntratt ta’ bejgħ li jistabbilixxi l-prezz ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring dovut minn Capricorn. Minn dan isegwi li l-fatti sussegwenti għal din id-data, bħad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom Capricorn fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u t-trasferiment minnha lil subxerrej, tas-sehem li hija kellha fil-vettura ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring, ma kinux rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk ingħatatx għajnuna lil Capricorn fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

168    Fl-aħħar nett, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2017 bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, jekk ir-rikorrenti xtaqet li hija teżamina wkoll l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida li tirriżulta mill-allegata tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ, wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, hija kellha tressaq ilment ġdid f’dan ir-rigward.

169    Minn dan isegwi li l-argumenti ppreżentati insostenn tat-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, ma jippermettux li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’diffikultajiet ta’ evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

170    It-tielet motiv, moqri fid-dawl tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, għandu għalhekk jiġi miċħud.

f)      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

171    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twieġeb għall-ilmenti tagħha dwar, l-ewwel nett, l-eżami tar-rekwiżit li t-tranżazzjoni tiġi żgurata, it-tieni nett, it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ u t-trasferiment tal-assi tan-Nürburgring lil subxerrej, it-tielet nett, l-użu tar-riżorsi pubbliċi u l-involviment tal-Istat fil-konklużjoni tal-bejgħ u tal-kirja tal-assi tan-Nürburgring, ir-raba’ nett, l-għoti addizzjonali ta’ għajnuna mill-Istat ta’ sitt miljun Ewro favur ix-xerrej, li jikkorrispondu għall-ħlas parzjali tal-prezz ta’ bejgħ mill-profitt għas-sena 2014 tal-ġesjtonarju tan-Nürburgring (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), il-ħames nett, ir-rwol tal-uffiċċju tal-avukati li jirrappreżenta x-xerrej u l-bejjiegħa, is-sitt nett, in-natura diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti f’dak li jirrigwarda l-ftehimiet marbuta mal-operat tan-Nürburgring, is-seba’ nett, il-kuntratt ta’ kiri konkluż bejn ix-xerrej u l-bejjiegħa u l-kwistjoni dwar jekk dan jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u, it-tmien nett, il-verifika tal-prezz ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring fuq il-bażi ta’ opinjonijiet ta’ esperti.

172    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma pprovdietx motivazzjoni ċara u inekwivoka fir-rigward, minn naħa, tal-organizzazzjoni, imsemmija fil-premessa 56 tad-deċiżjoni finali, li ġiet stabbilita wara l-għeluq tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring sabiex jiġi żgurat l-operat provviżorju tagħhom sakemm tittieħed deċiżjoni eżekuttiva tal-Kummissjoni li tiċċara s-sitwazzjoni legali ta’ Capricorn fir-rigward tal-għajnuna lill-bejjiegħa, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li tiġi żgurata din it-tranżazzjoni.

173    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tippreżenta motivazzjoni iktar dettaljata, f’dak li jirrigwarda l-emendi li hija wettqet għall-prassi deċiżjonali tagħha, fil-kuntest tal-eżami tar-rekwiżit li tiġi żgurata t-tranżazzjoni u tar-rabtiet eżistenti bejn l-amministraturi u l-Istat.

174    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

175    Il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha (ara, fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punti 88 u 89; tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 56; u tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punti 48 u 49). Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tispjega b’mod suffiċjenti lill-persuna li tagħmel l-ilment ir-raġunijiet għalfejn il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati fl-ilment ma kinux biżżejjed sabiex jipprovaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 64, u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs il-UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 89).

176    F’dan il-każ, il-premessi 266 sa 281 tad-deċiżjoni finali, taħt it-titolu “Ilmenti dwar il-bejgħ tal-assi [tan-Nürburgring]”, jinkludu espożizzjoni ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Din l-espożizzjoni hija biżżejjed sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu ir-raġunijiet għall-miżura adottata u lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha u sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati fl-ilment tagħha ma kinux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

177    B’mod partikolari, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma naqsitx milli twieġeb għall-ilmenti tagħha li jikkonċernaw ir-rekwiżit li t-tranżazzjoni tiġi żgurata, li huma eżaminati fil-premessi 272 u 273 tad-deċiżjoni finali li jirrigwardaw il-prova tal-finanzjament tal-offerti tar-rikorrenti u ta’ Capricorn, in-negozjar ta’ ftehimiet relatati mal-operat tan-Nürburgring minn Capricorn, li huwa indikat fil-premessa 275(e) ta’ din l-istess deċiżjoni, jew ir-rwol tal-uffiċċju tal-avukati li jirrappreżenta x-xerrej u l-bejjiegħa, li huwa indikat fil-premessa 275(j) tal-imsemmija deċiżjoni.

178    Għaldaqstant, anki fil-każ li l-Kummissjoni naqset milli twieġeb għal ilmenti oħra mqajma mir-rikorrenti fl-ilment tagħha, din l-ommissjoni ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba li dan tal-aħħar ma jeżiġix li hija tindika elementi oħra minbarra l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li hija tikkunsidra li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. Fil-fatt, il-korrelazzjoni neċessarja bejn il-motivi invokati mill-persuna li tagħmel l-ilment u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax teżiġi li din ikollha l-obbligu li tiċħad kull wieħed mill-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, EU:T:2010:62, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Dan huwa iktar u iktar il-każ fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna li, peress li tkun ittieħdet f’qasir żmien, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li ma għandhiex diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni formali (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1993 Matra vs il-Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 48, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 65).

180    Minn dan isegwi li l-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, ma jippermettix li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet ta’ evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li kienu jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

181    Fid-dawl tal-kundiserazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

182    Minn dan jirriżulta li la l-ewwel parti tar-raba’ motiv, u lanqas l-ewwel, it-tielet u l-ħames motiv ma jippermettu li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet ta’ evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li kienu jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

g)      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999

183    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 659/1999 sa fejn hija ma informathiex dwar l-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment tagħha u lanqas ma talbitha tippreżenta osservazzjonijiet ġodda.

184    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

185    Kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU 2013 L 204, p. 15), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li “[f]ejn il-Kummissjoni tikkonsidra li l-parti interessata ma tikkonformax mal-formola tal-ilmenti obbligatorji jew li l-fatti u l-punti tal-liġi mressqa mill-parti interessata ma jipprovdux biżżejjed raġunijiet biex juru, fuq il-bażi ta’ eżami prima facie, l-eżistenza ta’ għajnuna illegali jew użu ħażin ta’ għajnuna, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan u tindirizzalha talba biex tagħmel il-kummenti tagħha f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar.” Barra minn hekk “[j]ekk il-parti interessata tonqos milli tagħmel il-fehmiet tiegħu fil-perjodu preskritt, l-ilment għandu jitiqies li kien irtirat […]”

186    Kif emendat bir-Regolament Nru 734/2013, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett tal-ilment lil min ilmenta”.

187    L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jinqara fid-dawl tar-regola li tinsab fil-punt 48 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 136, p. 13), li tipprevedi li, bħala prinċipju, fi żmien tnax-il xahar, il-Kummissjoni għandha tipprova tadotta deċiżjoni għall-każijiet prijoritarji, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, u għandha tibgħat kopja tagħha lill-persuna li tagħmel l-ilment, jew tibgħat ittra amministrattiva inizjali lill-persuna li tagħmel l-ilment sabiex tindikalha l-konklużjonijiet preliminari tagħha fil-każijiet mhux prijoritarji.

188    Skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jirregola d-drittijiet tal-parti kkonċernata, il-Kummissjoni, wara li tkun kisbet mingħandha informazzjoni dwar allegata għajnuna illegali, jew tqis li ma hemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar il-każ u tinforma b’dan lill-parti kkonċernata, jew tiddeċiedi dwar il-każ fir-rigward tas-suġġett tal-informazzjoni pprovduta (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 55).

189    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni peress li eżaminat l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti u ħadet pożizzjoni fir-rigward tagħha.

190    Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

191    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

192    Għandha tiġi eżaminata issa r-raba’ parti tar-raba’ motiv, sussegwentement it-tielet parti tar-raba’ motiv.

h)      Fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ eżami diliġenti tal-ilment tar-rikorrenti

193    Permezz tar-raba’ parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami diliġenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. B’mod partikolari, hija ma talbitx informazzjoni addizzjonali mingħand il-bejjiegħa u l-awtoritajiet Ġermaniżi u bbażat ruħha biss fuq dik ipprovduta mill-amministraturi lill-awtoritajiet Ġermaniżi, li hija kellha tivverifika l-affidabbiltà tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma aċċettatx it-talba tar-rikorrenti tas-6 ta’ Lulju 2014 li permezz tagħha hija talbitha tibgħat mistoqsijiet addizzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lit-terzi kkonċernati.

194    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

195    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija meħtieġa li teżamina b’mod diliġenti u imparzjali l-ilmenti li hija tirċievi fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, li jista’ jobbligaha li tressaq ilment b’tali mod li tmur lil hinn mis-sempliċi eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-attenzjoni tagħha mill-persuna li tagħmel l-ilment u teżamina l-elementi li ma ġewx indikati b’mod espliċitu mill-persuna li tagħmel l-ilment (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 62, u tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90).

196    Fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, għalkemm l-Istat Membru għandu, skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, jikkoopera mal-Kummissjoni sabiex jipprovdilha l-elementi li jippermettulha tiddeċiedi dwar in-natura ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżura inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni hija, min-naħa tagħha, suġġetta, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat relatati mal-għajnuna mill-Istat, għal obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali u li dan l-obbligu jimponi fuqha, b’mod partikolari, li hija teżamina b’reqqa l-elementi pprovduti lilha mill-Istat Membru (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457, punt 183 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, madankollu hija ma tistax, fid-dawl tal-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali, tonqos milli titlob il-komunikazzjoni ta’ elementi ta’ informazzjoni meta jidher li huma ta’ natura tali li jikkonfermaw, jew jikkonfutaw, elementi ta’ informazzjoni oħra rilevanti għall-eżami tal-miżura inkwistjoni, iżda li l-affidabbiltà tagħhom ma tistax tiġi kkunsidrata li ġiet stabbilita biżżejjed (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑442/03, EU:T:2008:228, punt 225).

198    Fl-aħħar nett, huwa fid-dawl kemm tal-informazzjoni nnotifikata mill-Istat ikkonċernat kif ukoll ta’ dik ipprovduta mill-persuni li ressqu lment li l-Kummissjoni għandha tfassal l-evalwazzjoni tagħha fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari stabbilita permezz tal-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑204/97, EU:C:2001:233, punt 35).

199    Ir-rikorrenti tinvoka, permezz tal-ewwel ilment tagħha, nuqqas ta’ eżami diliġenti tal-ilment tagħha peress li l-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba tagħha, tas-6 ta’ Lulju 2014, li permezz tagħha hija talbitha tibgħat mistoqsijiet addizzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lit-terzi kkonċernati.

200    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punt 178 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati. Huwa biżżejjed li tindika l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, EU:T:2010:62, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti ma stabilixxietx li l-Kummissjoni naqset milli tfittex jew tivverifika elementi ta’ informazzjoni meħtieġa għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

202    Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti tinvoka n-nuqqas ta’ eżami diliġenti tal-ilment tagħha minħabba li l-Kummissjoni ma talbitx informazzjoni addizzjonali mingħand il-bejjiegħa u l-awtoritajiet Ġermaniżi u bbażat ruħha biss fuq l-informazzjoni pprovduta mill-amministraturi lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

203    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, wara t-tressiq tal-ilment tar-rikorrenti, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi fit-23 ta’ Mejju u fl-4 u fis-7 ta’ Lulju 2014, li ġiet ipprovduta fit-23 ta’ April, fis-26 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Lulju 2014. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet Ġermaniżi, l-amministraturi u KPMG fit-22 ta’ Lulju u fil-5 ta’ Settembru 2014.

204    Fil-premessi 272 sa 276 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni eżaminat u pparagunat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, indikati fil-premessi 115 sa 120 tal-imsemmija deċiżjoni, dawk tal-amministraturi kkomunikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi, indikati fil-premessi 121 sa 135 ta’ din l-istess deċiżjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet il-konstatazzjonijiet u l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-elementi rilevanti, b’mod partikolari l-prova tal-kapaċità ta’ finanzjament għall-akkwist tal-assi tan-Nürburgring tar-rikorrenti, minn naħa, u ta’ Capricorn, min-naħa l-oħra.

205    Il-Kummissjoni, f’dan il-każ, għalhekk wettqet eżami u evalwazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-awtoritajiet Ġermaniżi. F’dan il-kuntest, ma hemm l-ebda evidenza li turi insuffiċjenza fl-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni jew nuqqas ta’ twettiq minn din tal-aħħar tal-obbligu tagħha li teżamina l-ilment b’mod diliġenti.

206    Dan it-tieni lment u, għaldaqstant, ir-raba’ parti tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

i)      Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ eżami imparzjali tal-ilment tar-rikorrenti

207    Permezz tat-tielet parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li t-twettiq ta’ eżami imparzjali tal-ilment tagħha mill-Kummissjoni kien sar impossibbli minħabba dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni, irrapportata fl-istampa fil-15 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni kontenzjuża”). Minn din id-dikjarazzjoni, kif irrappurtat fl-artikolu tal-istampa prodott mir-rikorrenti jirriżulta, li, skont l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi segwew il-linji gwida mogħtija mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni f’ittra fil-bidu tal-proċedura ta’ bejgħ tal-assi tan-Nürburgring u li dawn inbiegħu lill-ogħla offerent wara proċess ta’ għażla miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju, jiġifieri wara proċedura ta’ sejħa għal offerti legali u bil-prezz tas-suq.

208    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

209    Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam ta’ akkordji jew abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, irregolarità, bħal żvelar lill-istampa li ma jkunx limitat għall-espressjoni tal-opinjoni personali tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri eżaminati mad-dritt tal-Unjoni, tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni relatata ma’ dawn il-miżuri jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, l-imsemmija deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 91, u tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 283).

210    Skont din l-istess ġurisprudenza, hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi tal-inqas indizji li jsostnu tali konklużjoni (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, punt 606).

211    Din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, tista’ tiġi applikata, b’analoġija, għal proċeduri fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, u b’mod partikolari għal dan il-każ.

212    Madankollu, b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova jew l-ebda indizju li juri li, kieku d-dikjarazzjoni kontenzjuża ma saritx, id-deċiżjoni finali seta’ jkollha kontenut differenti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżami tal-ewwel, tat-tielet u tal-ħames motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv ma ppermettiex li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma diffikultajiet ta’ evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li r-raba’ parti tar-raba’ motiv ma kinitx tippermetti li tiġi konkluża insuffiċjenza fl-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni jew nuqqas ta’ twettiq minn din tal-aħħar tal-obbligu tagħha li teżamina l-ilment b’mod diliġenti.

213    Mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq in-natura jew fuq il-portata tad-dikjarazzjoni kontenzjuża, it-tielet parti tar-raba’ motiv u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv fl-intier tiegħu, għandu jiġu miċħud.

214    Peress li l-motivi intiżi għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 108(2) TFUE ġew miċħuda, it-talba għal annullament tal-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

215    Ir-rikorrenti ppreżentat diversi offerti ta’ prova permezz ta’ xhieda. Peress li ma jidhirx li dawn tal-aħħar huma indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima u, b’mod partikolari, għall-verifikazzjoni li l-fatti jew indizji prodotti mir-rikorrenti kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex ikollha dubji, huma għandhom jiġu miċħuda.

216    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, fil-kumplament tiegħu, infondat.

IV.    Fuq l-ispejjeż

217    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors hija inkluża mal-eżami fuq il-mertu.

2)      It-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors hija miċħuda.

3)      Ir-rikors huwa miċħud.

4)      NeXovation, Inc. għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ġunju 2019.

Firem


Werrej




*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.