Language of document : ECLI:EU:C:2020:234

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Marzu 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura – Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin nazzjonali – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Interpretazzjoni neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Kunċett”

Fil-Kawżi magħquda C‑558/18 u C‑563/18,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja) (C‑558/18) u mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) (C‑563/18), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑31 ta’ Awwissu 2018 u tal‑4 ta’ Settembru 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Settembru 2018 u fil‑5 ta’ Settembru 2018 rispettivament, fil-proċedura

Miasto Łowicz

vs

Skarb Państwa – Wojewoda Łódzki,

fil-preżenza ta’:

Prokurator Generalny, irrappreżentat mill-Prokuratura Krajowa (inizjalment mill-Prokuratura Regionalna w Łodzi),

Rzecznik Praw Obywatelskich (C‑558/18),

u

Prokurator Generalny, irrappreżentat mill-Prokuratura Krajowa  (inizjalment mill-Prokuratura Okręgowa w Płocku),

vs

VX,

WW,

XV (C‑563/18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal (Relatur), M. Vilaras, E. Regan, L. S. Rossi u P. G. Xuereb, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-iSkarb Państwa – Wojewoda Łódzki, minn J. Zasada u L. Jurek, bħala aġenti,

–        għall-Prokurator Generalny, irrappreżentat mill-Prokuratura Krajowa, minn A. Reczka, S. Bańko, B. Górecka, J. Szubert u P. Tarczyński,

–        għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski u M. Wróblewski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u P. Zwolak, bħala aġenti, assistiti minn W. Gontarski, adwokat,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u V. Soņeca, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u H. Krämer, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn I. O. Vilhjálmsdóttir u C. Howdle, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu, minn naħa, fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Miasto Łowicz (il-belt ta’ Łowicz, il-Polonja) u l-iSkarb Państwa – Wojewoda Łódzki (it-Teżor Pubbliku – provinċja ta’ Łódź, il-Polonja, iktar ’il quddiem it-“Teżor Pubbliku”), dwar talba għall-ħlas ta’ sussidji pubbliċi (Kawża C‑558/18), u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra VX, WW u XV minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi ħtif ta’ persuni bl-għan li jinkiseb gwadann patrimonjali (Kawża C‑563/18).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3        Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑558/18, il-belt ta’ Łowicz ressqet kawża kontra t-Teżor Pubbliku quddiem is-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja) sabiex tikseb, b’applikazzjoni tal-ustawa o dochodach jednostek samorządu terytorialnego (il-Liġi dwar id-Dħul tal-Unitajiet tal-Gvern Lokali) tat‑13 ta’ Novembru 2003 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 317), il-ħlas ta’ somma ta’ 2 357 148 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 547 612) bħala sussidji intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż sostnuti mill-imsemmija muniċipalità għat-twettiq, matul il-perijodu li ddekorra bejn is-sena 2005 u s-sena 2015, ta’ ċerti kompiti fdati lilha fil-qasam tal-amministrazzjoni governattiva.

4        Fuq oppożizzjoni mressqa mit-Teżor Pubbliku, l-ordni għall-ħlas ta’ dan l-ammont, maħruġa fl-ewwel fażi tal-proċedura fil-kawża prinċipali, ġiet imċaħħda minn infurzabbiltà u l-kawża bħalissa qiegħda tiġi eżaminata fil-kuntest tal-proċedura ordinarja. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa probabbli ħafna, fid-dawl tal-provi miġbura fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, li d-deċiżjoni li hija mitluba tagħti ser tkun sfavorevoli għat-Teżor Pubbliku.

5        Fir-rigward tal-Kawża C‑563/18, mid-deċiżjoni tar-rinviju tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) jirriżulta li VX, WW u XV huma akkużati, quddiem l-imsemmija qorti, bil-parteċipazzjoni f’żewġ okkażjonijiet ta’ ħtif ta’ persuni b’ċaħda tal-libertà bl-għan li jinkiseb gwadann patrimonjali, imwettqa, rispettivament, fl‑2002 u fl‑2003. VX, WW u XV, li ammettew il-fatti allegati kontrihom u kkooperaw mal-awtoritajiet kriminali, talbu l-għoti tal-istatus ta’ “xhieda repentiti” (“mały świadek koronny”), li jwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkunsidra li tagħtihom tnaqqis straordinarju tal-piena skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali.

6        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari juru tħassib li jistgħu jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra l-Imħallef uniku responsabbli għal kull kawża prinċipali fil-każ li dan jiddeċiedi fis-sens mogħti rispettivament fil-punti 4 u 5 ta’ din is-sentenza.

7        Dan it-tħassib jitnissel, essenzjalment, mill-fatt li, bħala konsegwenza ta’ diversi riformi leġiżlattivi li seħħew reċentement fil-Polonja, l-oġġettività u l-imparzjalità tal-proċeduri dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin ma humiex iktar żgurati u l-indipendenza tal-qrati tar-rinviju hija affettwata.

8        F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-imsemmija qrati jqisu li l-kompożizzjoni tal-Izba Dyscyplinarna Sądu Nawyższego (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, il-Polonja) li għadha kif ġiet stabbilita fi ħdan dik il-qorti skont l-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, intestaturi 5, 650, 771, 847, 848, 1045, 1443), u li hija mitluba, bis-saħħa ta’ din l-istess liġi, tieħu konjizzjoni ta’ kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, hija problematika.

9        Fil-fatt, l-imħallfin li jifformaw din l-awla dixxiplinari nħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja). Issa, permezz tal-emendi reċentement magħmula fl-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, intestatura 714), bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 3), il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, li l‑15‑il membru tiegħu li għandhom il-kwalità ta’ membru tal-ġudikatura issa huma maħtura mis-Sejm (il-Parlament), u mhux iktar, bħal qabel, mill-kollegi tagħhom, ma jikkostitwixxix iktar organu indipendenti mis-setgħa politika.

10      Fit-tieni lok, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, hekk kif kompost mill-ġdid, sar huwa stess korp kważi dixxiplinari, peress li huwa kompetenti sabiex jiddeċiedi r-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ presidenti tal-qorti dwar it-trasferiment ta’ mħallfin lejn kulleġġ ġudikanti ieħor. Barra minn hekk, numru kbir ta’ presidenti tal-qorti kienu nħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja attwali u wħud minnhom ġew eletti membri tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura.

11      Fit-tielet lok, id-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti fl-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal‑2018, intestaturi 23, 3, 5, 106, 138, 771, 848, 1000, 1045, 1443), u li jirrigwardaw il-proċeduri dixxiplinari applikabbli fir-rigward tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, taw lill-Ministru tal-Ġustizzja, li fl-istess ħin jeżerċita l-funzjoni ta’ prosekutur ġenerali, setgħa prattikament illimitata f’dan il-qasam.

12      Fil-fatt, il-Ministru tal-Ġustizzja huwa kompetenti, l-ewwel nett, sabiex jaħtar l-uffiċjal dixxiplinari responsabbli mill-kawżi li jikkonċernaw l-imħallfin tal-qrati ordinarji, it-tieni nett, sabiex jibda proċeduri ta’ investigazzjoni u, fil-każ ta’ rifjut tal-uffiċjal dixxiplinari li jiftaħ proċeduri dixxiplinari, sabiex iġiegħel lil dan tal-aħħar jibda tali proċedura, it-tielet nett, sabiex jipproċedi bil-ħatra ad hoc ta’ uffiċjal dixxiplinari sabiex jittratta kawża partikolari, u, ir-raba’ nett, sabiex jaħtar l-imħallfin mitluba jeżerċitaw ir-responsabbiltà ta’ mħallef dixxiplinari f’appell.

13      Barra minn hekk, is-setgħa ta’ influwenza kunsiderevoli li għandu l-Ministru tal-Ġustizzja ma hijiex akkumpanjata minn garanziji adegwati. L-ewwel nett, id-definizzjoni legali tal-ksur li jista’ jagħti lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari fuq l-imħallfin hija impreċiża. It-tieni nett, il-proċeduri dixxiplinari jistgħu jitmexxew anki fl-assenza ġġustifikata tal-imħallef taħt investigazzjoni jew tar-rappreżentant tiegħu. It-tielet nett, provi miksuba b’mod irregolari issa jistgħu jintużaw fil-kuntest ta’ tali proċeduri. Ir-raba’ nett, ma hija prevista l-ebda garanzija fir-rigward tat-tul tal-proċeduri dixxiplinari. Il-ħames nett, il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jitlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri dixxiplinari sa ħames snin wara l-għeluq tagħhom jew wara l-għoti ta’ deċiżjoni, fil-każ li jkun hemm elementi ġodda.

14      Il-qrati tar-rinviju huma tal-fehma li proċeduri dixxiplinari hekk maħsuba jagħtu lill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi mezz li jeskludu lill-imħallfin li d-deċiżjonijiet tagħhom huma fastidjużi għalihom u, minħabba l-effett dissważiv li t-theddida ta’ tali proċeduri b’hekk teżerċita fuq dawn tal-aħħar, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li dawn huma mitluba jagħtu.

15      Skont l-imsemmija qrati, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, b’rabta mal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li kull waħda minnhom hija mitluba tagħti fil-kuntest tat-tilwima li tressqet quddiemha fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li tiġi deċiża, preliminarjament, il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli nazzjonali msemmija iktar ’il fuq dwar is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin jippreġudikawx l-indipendenza tagħhom b’tali mod li b’hekk iċaħħdu lill-individwi kkonċernati mid-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv żgurat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikoli 2 u 4(3) TUE, fil-fatt teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-qrati li, bħall-qrati tar-rinviju, jistgħu jiddeċiedu kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li fosthom ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-imsemmija qrati huwa ta’ importanza essenzjali.

16      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź) u s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) it-tnejn li huma ddeċidew li jissospendu l-proċedura quddiemhom u li jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

17      Id-domanda preliminari magħmula mis-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź) hija fformulata kif ġej:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li b’konsegwenza tal-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, huwa jipprekludi dispożizzjonijiet li jżidu b’mod kunsiderevoli r-riskju li jiġu ppreġudikati l-garanziji ta’ proċeduri dixxiplinari indipendenti fil-konfront ta’ mħallfin fil-Polonja permezz ta’:

1)      influwenza politika fl-iżvolġiment tal-proċeduri dixxiplinari,

2)      il-ħolqien ta’ riskju li s-sistema ta’ proċeduri dixxiplinari tintuża għall-kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-qrati, kif ukoll

3)      il-possibbiltà li fi proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin jintużaw provi miksuba b’mod kriminali?”

18      Min-naħa tagħha, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li b’konsegwenza tal-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, huwa jipprekludi dispożizzjonijiet li jeqirdu l-garanziji ta’ proċeduri dixxiplinari indipendenti fil-konfront ta’ mħallfin fil-Polonja permezz ta’ influwenza politika fl-iżvolġiment tal-proċeduri dixxiplinari u l-ħolqien ta’ riskju li s-sistema ta’ proċeduri dixxiplinari tintuża għall-kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-qrati?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Ottubru 2018, il-Kawżi C‑558/18 u C‑563/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

20      Matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź), permezz ta’ ittri tas‑7 u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, u s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), permezz ta’ ittri tat‑30 ta’ Ottubru u tat‑12 ta’ Diċembru 2018, informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li kull wieħed miż-żewġ imħallfin li għamlulha d-domandi preliminari fl-imsemmija kawżi kien irċieva konvokazzjoni mingħand deputat uffiċjal dixxiplinari responsabbli mill-kawżi tal-imħallfin tal-qrati ordinarji sabiex jidher, bħala xhud, f’seduta dwar il-motivi li wassluhom biex jagħmlu dawn id-domandi u dwar il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ ksur tal-indipendenza ġudizzjarja minħabba l-fatt li ż-żewġ imħallfin ikkonċernati ma adottawx id-deċiżjoni tar-rinviju rispettiva tagħhom b’mod awtonomu.

21      Fl-imsemmija ittri, iż-żewġ qrati tar-rinviju jenfasizzaw ukoll, minn naħa, li, matul l-imsemmija seduti, ġew indirizzati mistoqsijiet lill-imħallfin ikkonċernati li jaqgħu fil-qasam tas-segretezza tad-deliberazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess imħallfin, it-tnejn li huma, irċevew ordni mingħand id-deputat uffiċjal dixxiplinari li fiha ntalbu jippreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub dwar “abbuż ġudizzjarju” potenzjali minħabba li għamlu dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari bi ksur tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 267 TFUE.

22      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Diċembru 2019 u fit‑13 ta’ Frar u fit‑2 ta’ Marzu 2020, ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja) talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

23      Insostenn tat-talba tiegħu tal‑24 ta’ Diċembru 2019, l-Ombudsman isostni li, fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali qies li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari kellhom jiġu ddikjarati inammissibbli għar-raġuni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed punti ta’ fatt u ta’ liġi sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar dawn it-talbiet u tistabbilixxi jekk kienx hemm ksur tal-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-indipendenza tal-imħallfin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tordna ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura sabiex, minn naħa, tippermetti lill-partijiet jesprimu ruħhom fuq tali possibbiltà ta’ kawża ta’ inammissibbiltà tal-imsemmija talbiet, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, la ġiet imressqa u lanqas diskussa mill-partijiet, u sabiex, min-naħa l-oħra, jiġu ċċarati iktar iċ-ċirkustanzi tal-kawżi li hekk ikun jeħtiġilhom.

24      F’din l-istess talba, l-Ombudsman jirreferi wkoll għal fatti ġodda, li seħħew wara għeluq il-fażi orali tal-proċedura, li huma ta’ natura li jikkonfermaw in-natura mhux ipotetika tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja u, għalhekk, li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li din hija mitluba tagħti f’dawn il-kawżi magħquda. Dawn il-fatti ġodda huma kkostitwiti, minn naħa, minn ċertu numru ta’ każijiet konkreti li fihom reċentement inbdew proċeduri dixxiplinari kontra mħallfin minħabba l-kontenut ta’ deċiżjonijiet adottati minnhom u, b’mod partikolari, ta’ deċiżjonijiet li fihom l-imsemmija mħallfin kellhom l-intenzjoni jsegwu t-tagħlimiet li joħorġu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

25      Min-naħa l-oħra, fl‑20 ta’ Diċembru 2019, il-Parlament adotta l-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u Ċerti Liġijiet Oħra), li għandha l-għan li taggrava b’mod kunsiderevoli s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin u tipprevedi, b’mod partikolari, għall-finijiet li tneħħi l-effett ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-validità tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali ma jistgħux jiġu kkontestati minn qorti taħt piena ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallef jew l-imħallfin li jifformawha. Għal dawn l-istess finijiet, l-imsemmija liġi issa tissuġġetta kull eżami ta’ lmenti dwar l-assenza ta’ indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych Sądu Nawyższego (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Kawżi Pubbliċi tal-Qorti Suprema, il-Polonja), li ġiet stabbilita reċentement u li għandha difetti simili, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess ta’ ħatra tal-membri tagħha, għal dawk enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Awla Dixxiplinari fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

26      Fit-talba addizzjonali tiegħu tat‑13 ta’ Frar 2020, l-Ombudsman jindika, minn naħa, li din il-liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, fil-frattemp, ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fl‑4 ta’ Frar 2020 u ppubblikata (Dz. U. tal‑2020, intestatura 190), u li din tidħol fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020. Min-naħa l-oħra, huwa jsemmi l-kontinwazzjoni u l-multiplikazzjoni ta’ proċeduri dixxiplinari u ta’ miżuri amministrattivi, u, issa, tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, kontra imħallfin, b’mod partikolari, għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. Fit-talba addizzjonali tiegħu tat‑2 ta’ Marzu 2020, l-Ombudsman invoka l-fatt li l-Prokuratura Krajowa (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, il-Polonja), b’applikazzjoni tal-liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, reċentement ressaq talba quddiem l-Awla Dixxiplinari għat-tneħħija tal-immunità tal-imħallef li għamlet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑563/18 u għall-awtorizzazzjoni li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali ta’ din tal-aħħar talli ppermettiet lill-midja jirrekordjaw l-għoti ta’ deċiżjoni, mogħtija fil-kuntest ta’ kawża li tittratta l-kontestazzjoni taċ-ċaqliq tal-post tas-seduti tas-Sejm (il-Parlament), li permezz tagħha l-prosekutur ġie ordnat ikompli l-investigazzjoni ta’ dan iċ-ċaqliq. Skont l-Ombudsman, l-iżvilupp rifless minn dawn l-elementi l-ġodda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-ammissibbiltà u l-mertu tal-kwistjonijiet li tressqu quddiemha f’dawn il-kawżi, u dan jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid, minnha, tal-fażi orali tal-proċedura.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li biha huwa jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet ikkonċernati.

30      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha, fi tmiem il-proċedura bil-miktub u s-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi u li l-fatti ġodda invokati mill-Ombudsman ma humiex ta’ natura li jistgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti. Barra minn hekk, hija tosserva li l-kawżi magħquda ineżami ma għandhomx jiġu deċiżi abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet ikkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

31      It-Teżor Pubbliku, il-Prokurator Generalny  (il-Prosekutur Ġenerali, il-Polonja) u l-Gvern Pollakk jeċċepixxu n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari billi jsostnu, essenzjalment, li kemm il-kawżi prinċipali, li huma ta’ natura purament interna u li ma jaqgħux fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-qrati nazzjonali u l-miżuri dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin, li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li hija dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha f’dan il-każ tirrigwarda d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, barra minn hekk, li l-imsemmija dispożizzjoni tkopri l-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29, u tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Issa, dan huwa l-każ tal-qrati tar-rinviju, li jistgħu, fil-fatt, jintalbu, fil-kwalità tagħhom bħala qrati ordinarji Pollakki, jiddeċiedu fuq kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u jaqgħu, bħala “qrati”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li dawn il-qrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 104).

36      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

 Fuq l-ammissibbiltà

38      It-Teżor Pubbliku, il-Prosekutur Ġenerali u l-Gvern Pollakk jeċċepixxu wkoll l-inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari għar-raġunijiet li ġejjin. Minn naħa, id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba, b’mod partikolari, li ma ppreċiżawx liema rabta teżisti bejn id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħha u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawżi prinċipali.

39      Min-naħa l-oħra, id-domandi magħmula ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-proċeduri u mas-suġġett tal-kawżi prinċipali u għandhom natura ġenerali u ipotetika, peress li l-qrati tar-rinviju ma humiex mitluba japplikaw, f’dawn il-kawżi, la d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin u lanqas it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Din in-natura ipotetika tirriżulta wkoll mill-fatt li l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari wara deċiżjonijiet li l-qrati tar-rinviju ser ikollhom jagħtu fil-kawżi prinċipali jidher, f’dan l-istadju, purament possibbiltà, b’tali mod li d-domandi għalhekk ma jirrigwardawx il-kawżi prinċipali, iżda tilwim futur possibbli li jista’ jkun hemm bejn l-imħallfin ikkonċernati u l-awtoritajiet dixxiplinari nazzjonali. Risposta għall-imsemmija domandi ma tistax taffettwa l-obbligu tal-qrati tar-rinviju li jiddeċiedu fuq il-kawżi prinċipali abbażi tad-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali nazzjonali applikabbli u lanqas ma tbiddel il-portata ta’ dan l-obbligu. Għaldaqstant, din ma hijiex neċessarja għad-deċiżjoni tal-imsemmija kawżi.

40      Il-Kummissjoni Ewropea hija wkoll tal-fehma li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli, sa fejn ir-regola tad-dritt tal-Unjoni li hija s-suġġett tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw, minn naħa, il-ħlas ta’ spejjeż sostnuti minn muniċipalità Pollakka fit-twettiq ta’ ċerti kompiti fdati lilha fil-qasam ta’ amministrazzjoni governattiva u, min-naħa l-oħra, proċeduri kriminali mibdija kontra ċerti persuni minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi ħtif ta’ persuni li fil-kuntest tagħhom huwa previst b’mod partikolari tnaqqis eċċezzjonali ta’ piena. Barra minn hekk, ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti għad-domandi preliminari ma hijiex ta’ natura li tiddetermina s-sens ta’ kwalunkwe deċiżjoni minn qabel li l-qrati tar-rinviju huma mitluba jieħdu, fuq il-livell proċedurali jew dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom stess, qabel ma jiddeċiedu, jekk ikun il-każ, fuq il-mertu tal-kawżi prinċipali. Għalhekk, tali risposta ma tirrispondix għal bżonn inerenti għas-soluzzjoni tal-imsemmija kawżi iżda twassal, għall-Qorti tal-Ġustizzja, biex tagħti opinjoni konsultattiva dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi.

41      F’dawn id-diversi aspetti, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fit-talba tagħhom għal deċiżjoni preliminari, il-qrati tar-rinviju, l-ewwel nett, esponew, b’mod suffiċjenti, iċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali u, it-tieni nett, irreferew, b’mod iddettaljat, għad-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku nazzjonali l-ġdid fil-qasam tas-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin. It-tielet nett, dawn il-qrati indikaw kemm ir-raġunijiet għalfejn huma kellhom, bħala qrati nazzjonali li jistgħu jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dubji dwar il-konformità tal-imsemmija sistema mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll dawk li għalihom huma kienu jqisu li risposta għad-domandi ta’ interpretazzjoni indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet neċessarja fid-dawl tas-sentenzi li huma ntalbu jagħtu fil-proċeduri pendenti fil-kawżi prinċipali, fid-dawl tal-biża’ li huma għandhom, fil-kuntesti partikolari tal-imsemmija proċeduri, li jkunu suġġetti għal proċedura dixxiplinari jekk huma jkollhom jiddeċiedu l-imsemmija kawżi fis-sens mogħti rispettivament fil-punti 4 u 5 ta’ din is-sentenza.

42      B’dan il-mod, l-imsemmija qrati ssodisfaw ir-rekwiżiti mfakkra fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, u b’mod partikolari dak previst fil-punt (c) ta’ dan l-artikolu, billi esponew, b’mod suffiċjenti, ir-raġunijiet li wassluhom sabiex jistaqsu dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, b’mod partikolari, ir-rabta li huma jistabbilixxu bejn l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li, fil-fehma tagħhom, huma ta’ natura li jeżerċitaw influwenza fuq il-proċess ġudizzjarju li fi tmiemu huma ser jagħtu s-sentenzi tagħhom u, għaldaqstant, fuq ir-riżultat tal-proċeduri mressqa quddiemhom fil-kawżi prinċipali.

43      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 31, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu (sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 33, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et, C‑422/93 sa C‑424/93, EU:C:1995:183, punt 29, kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński, C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 35).

46      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, EU:C:1988:194, punt 11; tal‑4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland, C‑159/90, EU:C:1991:378, punti 12 u 13; kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha, f’dan il-kuntest, tiġi distinta skont jekk tkunx adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari jew b’rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, filwaqt li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-miżura jew il-prassi nazzjonali kkontestata mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru ieħor tmurx, b’mod ġenerali u mingħajr ma jkun neċessarju li jkun hemm kawża relatata magħha quddiem il-qrati nazzjonali, kontra d-dritt tal-Unjoni, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija, min-naħa l-oħra, li tassisti lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima konkreta pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 49).

48      Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (digriet tal‑25 ta’ Mejju 1998, Nour, C‑361/97, EU:C:1998:250, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kawżi prinċipali ma għandhom, fir-rigward tal-mertu, l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li huwa s-suġġett tad-domandi preliminari, u li għalhekk il-qrati tar-rinviju ma humiex mitluba japplikaw dan id-dritt, jew l-imsemmija dispożizzjoni, sabiex jistabbilixxu s-soluzzjoni fuq il-mertu li għandha tingħata għall-imsemmija kawżi. F’dan ir-rigward, dawn il-kawżi magħquda huma differenti, b’mod partikolari, mill-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), li fiha l-qorti tar-rinviju kienet adita b’rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li naqqsu r-remunerazzjoni tal-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall) skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali tnaqqis u li l-konformità tagħha mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kienet ikkontestata quddiem l-imsemmija qorti tar-rinviju.

50      It-tieni nett, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju kkonċernata għandha tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha huma ammissibbli (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński, C‑283/09, EU:C:2011:85, punti 41 u 42), din ma hijiex il-portata tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi magħquda.

51      It-tielet nett, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi lanqas ma tidher li hija ta’ natura li tagħti lill-qrati tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilhom jiddeċiedu kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawżi mressqa quddiemhom. F’dan ir-rigward, dawn il-kawżi huma differenti wkoll, pereżempju, mill-kawżi li taw lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), li fihom l-interpretazzjoni preliminari mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta’ natura li tinfluwenza l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ tilwim relatat mad-dritt tal-Unjoni kif jirriżulta b’mod iktar partikolari mill-punti 100, 112 u 113 ta’ dik is-sentenza).

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirriżultax li teżisti, bejn id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fuqha huma bbażati dawn id-domandi preliminari u l-kawżi prinċipali, rabta ta’ konnessjoni li hija xierqa sabiex tirrendi neċessarja l-interpretazzjoni mitluba sabiex il-qrati tar-rinviju jkunu jistgħu, b’applikazzjoni tat-tagħlimiet li jirriżultaw minn tali interpretazzjoni, jadottaw deċiżjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiddeċiedu dawn il-kawżi.

53      Għalhekk, l-imsemmija domandi ma jirrigwardawx interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-imsemmija kawżi, iżda huma ta’ natura ġenerali.

54      Fir-rigward tal-fatt li l-qrati tar-rinviju semmew fl-ittri tagħhom imsemmija fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza li ż-żewġ imħallfin li mingħandhom oriġinaw dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, minħabba l-imsemmija talbiet, kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni qabel it-tnedija ta’ proċeduri dixxiplinari possibbli fil-konfront tagħhom, għandu jiġi rrilevat li l-kawżi prinċipali li fil-kuntest tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari f’dawn il-kawżi magħquda ma jirrigwardawx tali fatt. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif spjega l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija proċeduri ta’ investigazzjoni sadanittant ingħalqu minħabba li ma kien ġie stabbilit l-ebda nuqqas dixxiplinari li jikkonsisti fi ksur tad-dinjità tal-funzjoni minħabba l-formulazzjoni tal-imsemmija talbiet għal deċiżjoni preliminari.

55      F’dan il-kuntest, għandu madankollu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati huwa kkostitwit mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, billi tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha l-għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176, kif ukoll is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 41).

56      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lilha jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom. Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26, kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Regola tad-dritt nazzjonali ma tistax għalhekk twaqqaf lil qorti nazzjonali milli tagħmel użu mill-imsemmija diskrezzjoni, li hija, fil-fatt, inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, u għall-funzjonijiet ta’ qorti responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fdati minn din id-dispożizzjoni lill-qrati nazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għaldaqstant, dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jesponu ruħhom għal proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li huma adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jintlaqgħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Ottubru 2018, Miasto Łowicz u Prokuratura Okręgowa w Płocku, C‑558/18 u C‑563/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:923, punt 21). Fil-fatt, is-sempliċi perspettiva li tkun tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari minħabba li jkun sar tali rinviju jew li jkun ġie deċiż li dan jinżamm wara l-introduzzjoni tiegħu hija ta’ natura li tippreġudika l-eżerċizzju effettiv mill-qrati nazzjonali kkonċernati tad-diskrezzjoni u tal-funzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

59      Il-fatt, għal dawn l-imħallfin, li ma jkunux esposti għal proċeduri jew għal sanzjonijiet dixxiplinari talli eżerċitaw tali diskrezzjoni li jressqu kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom, jikkostitwixxi barra minn hekk garanzija inerenti għall-indipendenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 47); indipendenza li hija, b’mod partikolari, essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li tinkludi l-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja) u mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal31 ta’ Awwissu 2018 u tal4 ta’ Settembru 2018, huma inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.