Language of document : ECLI:EU:C:2018:187

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Antidumping – Validità ta’ regolament intiż għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat regolamenti preċedenti invalidi – Obbligu ta’ eżekuzzjoni – Bażi legali – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 14 – Iffissar tal-elementi ta’ ġbir ta’ dazji anti-dumping mill-Istati Membri – Ordni ta’ sospensjoni tar-rimbors ta’ dazji anti-dumping mill-awtoritajiet doganali nazzjonali – Tkomplija tal-proċedura li ppreċediet ir-regolamenti ddikjarati invalidi – Artikolu 10 – Nuqqas ta’ retroattività – Kodiċi Doganali Komunitarju – Artikolu 221 – Preskrizzjoni – Artikolu 236 – Rimbors ta’ dazji mhux dovuti”

Fil-Kawża C-256/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Deichmann SE

vs

Hauptzollamt Duisburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deichmann SE, minn D. Ehle u C. Zimmermann, Rechtsanwälte, S. De Knop, advocaat, kif ukoll A. Willems, avocat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, K. Blanck-Putz u L. Grønfeldt, kif ukoll minn N. Kuplewatzky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Frar 2016, li jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni ta’ ċerti talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq u għal trattment individwali li jsiru minn produtturi esportaturi miċ-Ċina u mill-Vjetnam, u li jimplementaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi magħquda C‑659/13 u C‑34/14 (ĠU 2016, L 41, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Deichmann SE u Hauptzollamt Duisburg (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Duisbourg, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”), dwar talba ta’ rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa mal-importazzjoni ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda fl-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni antidumping

3        Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u r-regolament ikkontestat seħħew matul perijodu li matulu l-adozzjoni tal-miżuri antidumping fi ħdan l-Unjoni kienet suċċessivament irregolata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta Diċembru 2005 (ĠU 2005, L 340, p. 17) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 384/96”), imbagħad bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifiki, ĠU 2010, L 7, p. 23, ĠU 2011, L 293, p. 39 u ĠU 2016, L 44, p. 20), kif emendata fl-aħħar lok bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 18, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1225/2009”).

4        L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament intitolat “Terminazzjoni mingħajr miżuri; impożizzjoni ta’ dazji definittivi”, kien jipprovdi fil-paragrafu (4) tiegħu:

“Fejn il-fatti kif fl-aħħar stabbiliti juru li hemm bejgħ taħt il-prezz u li hemm ħsara kkawżata minħabba f’hekk, u l-interess Komunitarju jitlob għal intervt skond l-Artikolu 21, għandu jiġi impost dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz mill-Kunsill […]”

5        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1225/2009, ukoll intitolat “Terminazzjoni mingħajr miżuri; impożizzjoni ta’ dazji definittivi” kien jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill [Kummissjoni] […]”

6        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 384/96 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1225/2009, it-tnejn li huma intitolati “Retroattività”, kienu jinkludu kull wieħed il-paragrafu 1 li kien ifformulat f’termini identiċi skont liema:

“[…] [D]azji definittivi kontra d-dumping għandhom jiġu applikati biss għal prodotti li jidħlu f’ċirkolazzjoni ħielsa wara ż-żmien meta d-deċiżjoni meħuda skond l-Artikol[u][…] 9(4) […] tiġi infurzata, soġġetta għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

7        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1225/2009, intitolat, “Dispożizzjonijiet ġenerali”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dazji proviżorji jew definittivi ta’ kontra d-dumping għandhom jiġu imposti mir-Regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skond il-kriterji l-oħra stabbiliti fir-Regolament li jimponi dazji bħal dawn. […]”

8        Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1225/2009, intitolat “Revoka”:

“Ir-Regolament (KE) Nru 384/96 huwa mħassar.

Madanakollu, it-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 384/96 m’għandux jippreġudika l-validita’ tal-proċedimenti mibdija taħtu.

[…]”

9        Skont l-Artikolu 24 tiegħu, intitolat “Dħul fis-seħħ”, ir-Regolament Nru 1225/2009 daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, fit-22 ta’ Diċembru 2009, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil-11 ta’ Jannar 2010. Sussegwentement, dan ir-regolament tħassar bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21), li daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, fit-30 ta’ Ġunju 2016 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 Il-leġiżlazzjoni doganali

10      Il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali u r-regolament ikkontestat seħħew matul perijodu li matulu d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tad-dwana kienu dawk previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 269, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). Dan il-kodiċi tħassar minn dak iż-żmien lil hawn.

11      It-Titolu VII tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Dejn Doganali” kien jgħaqqad l-Artikoli 189 sa 242 ta’ dan tal-aħħar.

12      Il-Kapitolu 3 ta’ dan it-titolu, intitolat “Irkupru tal-ammont tad-dejn doganali”, kien jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 217 u 221 tal-istess kodiċi.

13      L-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

14      L-Artikolu 221 ta’ dan il-kodiċi kien jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skont il-proċeduri li jkunu xierqa.

[…]

3.      Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq [tnissel] id-dejn mad-dwana. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell”.

15      Taħt il-Kapitolu 5 tat-Titolu VII tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Ħlas Lura u Maħfra ta’ Dazju”, kien hemm l-Artikolu 236 tal-istess kodiċi li l-paragrafu 1 tiegħu kien jipprovdi:

“Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut […].

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari

 Il-fatti li wasslu għar-regolament ikkontestat

16      Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1472/2006, [li] jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485, iktar ’il quddiem ir-“regolament definittiv”).

17      L-Artikolu 1(1) tar-regolament definittiv kien jistabbilixxi dan id-dazju antidumping definittiv u kien jelenka d-diversi kategoriji ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li kien applikabbli għalihom. L-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament definittiv kien jistabbilixxi r-rata ta’ dan id-dazju għal 16.5 % għall-prodotti inkwistjoni mmanifatturati mill-kumpanniji kollha stabbiliti fiċ-Ċina, bl-eċċezzjoni ta’ Golden Step, għal 9.7 % għal dawk immanifatturati minn din tal-aħħar u għal 10 % għal dawk immanifatturati mill-kumpanniji kollha stabbiliti fil-Vjetnam.

18      Barra minn hekk, l-Artikolu 1(4) tar-regolament definittiv kien jistabbilixxi li, “[s]akemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li [kienu] fis-seħħ rigward id-dazji doganali”.

19      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament kien ippreveda li dan tal-aħħar kien jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li sar fis-6 ta’ Ottubru 2006, u li kellu jkun applikabbli matul perijodu ta’ sentejn, jiġifieri mis-7 ta’ Ottubru 2006.

20      Fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 1294/2009 tat-22 ta’ Diċembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, (ĠU 2009, L 352, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ estensjoni”).

21      L-Artikolu 1(1) tar-regolament ta’ estensjoni kien jistabbilixxi dan id-dazju u kien jelenka d-diversi kategoriji ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li kien japplika għalihom. L-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dan ir-regolament kien jistabbilixxi r-rata ta’ dan id-dazju għal 16.5 % għaż-żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda mmanifatturati mill-kumpanniji stabbiliti fiċ-Ċina jew mibgħuta minn Makaw, għal 9.7 % għal dawk immanifatturati minn din Golden Step u għal 10 % għal dawk immanifatturati mill-kumpanniji stabbiliti fil-Vjetnam.

22      Barra minn hekk, l-Artikolu 1(5) tar-regolament ta’ estensjoni kien jipprevedi li, “[s]akemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet [li kienu] fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana”.

23      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi li dan tal-aħħar kien jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li seħħet fit-30 ta’ Diċembru 2009, u li dan ser ikun fis-seħħ għal perijodu ta’ ħmistax-il xahar, jiġifieri mill-31 ta’ Diċembru 2009 sat-30 ta’ Marzu 2011.

24      Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-regolament definittiv u r-regolament ta’ estensjoni kienu invalidi sa fejn kienu jiksru l-Artikolu 2(7)(b) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96.

 Ir-regolament ikkontestat

25      Kif jirriżulta mit-titolu tar-regolament ikkontestat u mill-premessa 13 tiegħu, dan ir-regolament għandu l-għan li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74).

26      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni essenzjalment esponiet, fil-premessi 13 sa 16, 21 u 24 tar-regolament ikkontestat, li hija kellha l-intenzjoni li tirrimedja għall-illegalitajiet ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja billi tkompli l-proċeduri li wasslu għar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, sal-istadju fejn iseħħu dawn l-illegalitajiet, sabiex tadotta regolamenti ġodda li jerġgħu jistabbilixxu dazji antidumping bir-rati xierqa. Hija ppreċiżat ukoll li dawn id-dazji antidumping kellhom jibdew japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni.

27      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 18 u 22 tar-regolament ikkontestat, li kien hemm lok li “l-awtoritajiet doganali nazzjonali, li jkollhom jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal rimbors ta’ dazji antidumping fuq il-bażi tal-Artikolu 236 tal-[Kodiċi Doganali], […] jistennew [li hija tkun eżaminat it-talbiet] ta’ [kisba tal-istatut ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq] u ta’ [trattament individwali korrispondenti,] u, fejn xieraq, l-impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju antidumping bir-rata xierqa, qabel ma jipproċedu b’rimbors”. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li “l-bażi ġuridika ta’ tali obbligu hija l-[ewwel sentenza tal-]Artikolu 14[(1)] tar-Regolament [Nru 1225/2009], li jipprovdi li r-Regolament li jimponi d-dazji għandu jispeċifika l-modalitajiet dettaljati tal-ġbir tiegħu mill-Istati Membri”.

28      Abbażi ta’ dan, l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet doganali nazzjonali, li jkunu rċevew talba għal rimbors, ibbażata fuq l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali […], tad-dazji antidumping imposti permezz tar-[regolament definittiv] jew ir-[regolament ta’ estensjoni] u miġbura mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, li hija bbażata fuq il-fatt li produttur esportatur mhux fil-kampjun talab [status ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq] jew [ta’ trattament individwali], għandhom jgħaddu din it-talba u kwalunkwe dokument ta’ prova lill-Kummissjoni.

2.      Fi żmien tmien xhur minn meta jkunu rċevuti t-talba u kwalunkwe dokument ta’ prova, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-produttur esportatur ressaqx fil-fatt talba għal [status ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq] u [ta’ trattament individwali]. Jekk dan ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-talba u timponi mill-ġdid id-dazju adegwat permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, wara divulgazzjoni […]

3.      L-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jistennew il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti li jimponi mill-ġdid id-dazji qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal ħlas lura u l-maħfra ta’ dazji antidumping.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

29      Permezz ta’ avviż tal-10 ta’ Mejju 2010, ikkomunikat sussegwentement lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Uffiċċju Doganali stabbilixxa għal EUR 11 181.92 l-ammont tad-dazji antidumping li kellhom jitħallsu minn din, abbażi tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, minħabba t-tqegħid f’ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni ta’ ċerti żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam. Dawn iż-żraben ġew prodotti minn kumpannija Ċiniża u kumpannija Vjetnamiża li t-tnejn li huma talbu, fil-kuntest tal-proċeduri li wasslu għar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, li jibbenefikaw mill-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija ta’ suq jew, inkella, għal trattament individwali. Madankollu, il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar dawn it-talbiet, peress li l-kumpanniji li ressquhom ma kinux jagħmlu parti mill-kampjun ta’ produtturi-esportaturi miġbur għall-finijiet tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija regolamenti.

30      Fit-12 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-Uffiċċju Doganali jirrimborsaha, abbażi tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, id-dazji antidumping miġbura minnu abbażi tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, billi sostniet li dawn id-dazji kellhom jiġu kkunsidrati li ma kinux legalment dovuti fil-mument tal-ħlas tagħhom, fid-dawl tal-invalidità tal-imsemmija regolamenti. Din it-talba hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda, adottata fil-15 ta’ Novembru 2013. Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, li wkoll ġiet miċħuda mill-imsemmi uffiċċju doganali, u mbagħad ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

31      F’dan ir-rigward, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) indikat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija fondata, fid-dawl tas-sitwazzjoni li tinsab fiha, tuża l-invalidità parzjali tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), u li normalment kellu jintlaqa’ r-rikors tagħha, billi ordnat lill-Uffiċċju Doganali jirrimborsalha d-dazji antidumping li hija kienet ħallset, b’applikazzjoni tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali.

32      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirreleva li r-regolament ikkontestat, li ġie adottat wara l-preżentata tal-imsemmi rikors, issa jostakola deċiżjoni dwar tali ordni, fid-dawl tal-applikabbiltà diretta tiegħu. Hija żżid madankollu li għandha dubju dwar il-validità ta’ dan ir-regolament għal diversi raġunijiet.

33      L-ewwel nett, din il-qorti tistaqsi dwar il-punt jekk ir-regolament ikkontestat kellux ikun ibbażat mhux fuq ir-Regolament Nru 1225/2009, iżda fuq ir-Regolament Nru 384/96, u jekk, konsegwentement, is-setgħa li jiġu stabbiliti dazji antidumping kellhiex tiġi fdata mhux lill-Kummissjoni, iżda lill-Kunsill, li din is-setgħa kienet ingħatatlu permezz tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 384/96.

34      It-tieni nett, u fl-ipoteżi li l-Kummissjoni, f’dan ir-regolament ikkontestat, applikat ġustament ir-Regolament Nru 1225/2009, l-imsemmija qorti tfittex li ssir taf jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa li tadotta t-talbiet previsti fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, fid-dawl tat-termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009, minn naħa, u tal-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali, min-naħa l-oħra.

35      It-tielet nett, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-punt jekk ir-regolament ikkontestat setax b’mod aċċettabbli jkompli l-proċedura li wasslet għar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni bil-għan li jerġa’ jistabbilixxi d-dazji antidumping imposti minn dawn l-aħħar regolamenti, fid-dawl, minn naħa, tar-regoli ta’ nuqqas ta’ retroattività previsti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 384/96, sussegwentement fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1225/2009, u, min-naħa l-oħra, tar-regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali.

36      Ir-raba’ nett, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk it-talbiet previsti mir-regolament ikkontestat jistgħux jiġu kkunsidrati bħala eċċessivi, sa fejn jobbligaw lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jittrażmettu lill-Kummissjoni t-talbiet ta’ rimbors li huma jkollhom quddiemhom abbażi tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-[regolament ikkontestat] huwa validu?”

 Fuq l-ammissibbiltà

38      Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha, mingħajr ebda dubju, locus standi sabiex titlob l-annullament tar-regolament ikkontestat lill-qorti tal-Unjoni, iżda naqset milli tagħmel dan fit-terminu previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod li ma tistax tkun awtorizzata tevita dan it-terminu billi teċċepixxi, issa, l-invalidità ta’ dan ir-regolament, quddiem il-qorti tar-rinviju.

39      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn persuna li kellha, mingħajr ebda dubju, locus standi sabiex titlob l-annullament ta’ att lill-qorti tal-Unjoni, naqset milli tagħmel dan fit-terminu previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi kkunsidrat li din il-persuna ma għandhiex id-dritt li teċċepixxi l-invalidità ta’ tali att fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem qorti nazzjonali u intiż kontra miżura nazzjonali meħuda abbażi tal-imsemmi att (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, EU:C:1994:90, punt 23, kif ukoll tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74punt 56).

40      Konsegwentement, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik invokata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-qorti nazzjonali kkonċernata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni ta’ validità dwar dan is-suġġett, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

41      Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhiex, mingħajr ebda dubju, locus standi sabiex titlob l-annullament tar-regolament ikkontestat lill-qorti tal-Unjoni, peress li din ma tinsabx fis-sitwazzjoni msemmija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, dan ir-regolament ġie adottat wara l-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tiegħu dan huwa, skont din, oppost għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Din tal-aħħar tfittex għalhekk li tiddefendi ruħha, u mhux li taħrab it-terminu li fih hija setgħet tikkontesta l-imsemmi regolament quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

42      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

43      Minkejja li l-formulazzjoni tad-domanda magħmula ma ssemmix il-kawżi ta’ invalidità li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwarhom, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, li, permezz ta’ din id-domanda, l-imsemmija qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regolament ikkontestat huwiex invalidu għal diversi motivi, ibbażati fuq il-fatt li japplika r-Regolament Nru 1225/2009 u mhux ir-Regolament Nru 384/96, fuq il-fatt li għandu bħala bażi legali l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti, fuq l-osservanza tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ preskrizzjoni, kif ukoll fuq in-natura eventwalment eċċessiva tal-ordnijiet li huwa jipprevedi.

44      Jaqbel li dawn id-diversi motivi ta’ invalidità jiġu evalwati suċċessivament.

45      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk, fid-dawl tat-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1225/2009 u tad-data meta l-proċeduri li wasslu għar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni nbdew rispettivament, ir-regolament ikkontestat kellux ikun ibbażat mhux fuq ir-Regolament Nru 1225/2009, iżda fuq ir-Regolament Nru 384/96. Barra minn hekk, hija tosserva li, jekk dan huwa l-każ, ir-regolament ikkontestat huwa hu wkoll invalidu, konsegwentement, minħabba li b’mod żbaljat jafda s-setgħa li jiġu imposti dazji antidumping mhux lill-Kunsill, iżda lill-Kummissjoni, meta l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 384/96 jagħti din is-setgħa lill-ewwel waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rapporti bejn ir-Regolament Nru 384/96 u r-Regolament Nru 1225/2009 huma rregolati mill-Artikolu 23 ta’ dan tal-aħħar.

47      Dan l-artikolu huwa intitolat “Revoka”. L-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi li “[i]r-Regolament [Nru 384/96] huwa mħassar”. It-tieni paragrafu jippreċiża, min-naħa tiegħu, l-effetti ta’ dan it-tħassir fuq il-proċeduri mibdija taħt dan ir-regolament.

48      Għandu jiġi kkkonstatat li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan it-tieni paragrafu. Fil-fatt, għalkemm xi wħud minnhom, u b’mod partikolari l-verżjoni Ġermaniża, jindikaw li r-Regolament Nru 384/96 ikompli jibqa’ applikabbli għall-proċeduri mibdija taħt dan ir-regolament, l-oħrajn kollha sempliċement jgħidu li t-tħassir ta’ dan ir-regolament ma jaffettwax il-validità ta’ dawn il-proċeduri.

49      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li n-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni ta’ dan id-dritt jiġi kkunsidrat b’mod iżolat u jeżiġi, għall-kuntrarju, li jiġi interpretat kemm skont l-intenzjoni reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan segwit minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tiegħu (sentenzi tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 122, u tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C-640/15, EU:C:2017:39, punt 47).

50      F’dan il-każ, mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 1225/2009 jirriżulta li dan huwa intiż essenzjalment sabiex jikkodifika r-Regolament Nru 384/96, mingħajr ma jemenda s-sustanza.

51      Barra minn hekk, mit-titolu u mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1225/2009 jirriżulta li, meta adotta dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħassar ir-Regolament Nru 384/96, filwaqt li jiggarantixxi espliċitament li l-proċeduri mibdija taħt dan ir-regolament jibqgħu validi, sabiex jippermetti lill-istituzzjonijiet kompetenti jkomplu dawn il-proċeduri. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 1225/2009, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 384/96 ikomplu japplikaw għall-imsemmija proċeduri.

52      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-atti tal-Unjoni għandhom, fil-prinċipju, jiġu adottati skont ir-regoli ta’ proċedura fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et, C-361/14 P, EU:C:2016:434, punt 40). Minn dan isegwi li, preċiżament minħabba l-abrogazzjoni tar-Regolament Nru 384/96, u fid-dawl tal-finalità tar-Regolament Nru 1225/2009, il-proċeduri mibdija abbażi tal-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti setgħu, mid-data tat-tħassir tiegħu, jitkomplew biss abbażi tat-tieni wieħed fosthom.

53      F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat ġie adottat fis-17 ta’ Frar 2016, jiġifieri f’data wara t-tħassir tar-Regolament Nru 384/96 bir-Regolament Nru 1225/2009, li seħħ fil-11 ta’ Jannar 2010.

54      Għalhekk, kellha raġun il-Kummissjoni tibbaża r-regolament ikkontestat fuq ir-Regolament Nru 1225/2009.

55      Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li ġustament ir-regolament ikkontestat jattribwixxi s-setgħa li jiġu imposti dazji antidumping lill-Kummissjoni, minflok lill-Kunsill, peress li din is-setgħa hija, fil-fatt, fdata lill-ewwel waħda minn dawn l-istituzzjonijiet mill-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1225/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014.

56      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 tikkostitwixxix bażi legali li tippermetti l-adozzjoni tal-ordnijiet previsti fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkonstestat. Hija tirreleva, dwar dan is-suġġett, li huwa impossibbli li jiġi dedott mill-ewwel sentenza ta’ dan l-Artikolu 14(1) li huwa jabilita lill-Kummissjoni, minn naħa, sabiex tieħu miżuri preparatorji għall-impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazji antidumping, u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu adottati ordnijiet li jistgħu jkunu kuntrarji għall-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali, sa fejn jipprekludu lill-awtoritajiet nazzjonali milli jirrimborsaw id-dazji antidumping miġbura b’applikazzjoni tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni.

57      Fir-rigward tal-ewwel aspett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li, skont it-termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009, id-dazji antidumping huma imposti permezz ta’ regolament u miġbura mill-Istati Membri skont il-forma, ir-rata u l-elementi l-oħra stabbiliti mir-regolament li jimponihom.

58      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jiddetermina b’mod limitattiv l-elementi relatati mal-ġbir tad-dazji antidumping li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

59      Issa, l-ordnijiet previsti fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat huma intiżi sabiex jippreżervaw il-ġbir tad-dazji antidumping imposti mir-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, billi jobbligaw lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jistennew li l-Kummissjoni tkun iddeterminat ir-rati ta’ dawn id-dazji, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), qabel ma jiddeċiedu dwar it-talbiet ta’ rimbors imressqa mill-operaturi li jkunu ħallsu l-imsemmija dazji.

60      Konsegwentement, peress li l-imsemmija ordnijiet huma dwar il-ġbir tad-dazji antidumping ikkonċernati mill-Istati Membri, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 kienet tabilita lill-Kummissjoni sabiex tadottahom.

61      F’dak li jikkonċerna t-tieni aspett invokat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li r-regolament ikkontestat għandu l-għan li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni kienu invalidi, fit-termini indikati fil-punt 24 tal-istess sentenza.

62      Ċertament, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara invalidu regolament li jimponi dazji antidumping, bħar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, dawn id-dazji għandhom jiġu kkunsidrati li ma humiex legalment dovuti fis-sens tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali u li għandhom, fil-prinċipju, jiġu rrimborsati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, fil-kundizzjonijiet previsti f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, EU:C:2007:547, punti 66 sa 69, u tat-18 ta’ Jannar 2017, Wortmann, C-365/15, EU:C:2017:19, punt 34).

63      Madankollu, il-portata preċiża ta’ sentenza ta’ invalidazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, tal-obbligi li jirriżultaw minnha, għandha tiġi ddeterminata f’kull każ konkret, fid-dawl mhux biss tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iżda wkoll tal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa neċessarju li tiġi ddeterminata, f’dan il-każ, il-portata preċiża tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità li tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), fid-dawl tal-motivi ta’ din is-sentenza li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha.

65      Qabelxejn, mill-punti 79, 112, 135 u 177 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-invalidità tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija l-konsegwenza ta’ żewġ illegalitajiet ċertament distinti, iżda relatati. Minn naħa, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw dawn ir-regolamenti mingħajr ma eżaminaw, preliminarjament, it-talbiet għall-ksib ta’ status ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ippreżentati minn ċerti produtturi-esportaturi fil-mira tal-investigazzjoni li wasslet għall-imsemmija regolamenti, bi ksur tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 384/96. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill u l-Kummissjoni naqsu, bi ksur tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96, li jeżaminaw it-talbiet ta’ trattament individwali li saru minn dawn l-istess produtturi-esportaturi.

66      Sussegwentement, mill-punti 39, 108, 120 u 131 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li dawn it-talbiet kollha kellhom l-għan li jippermettu lill-produtturi-esportaturi li kienu ressquhom li jibbenefikaw minn trattament individwalizzat fil-kuntest ta’ diversi operazzjonijiet preparatorji għall-istituzzjoni ta’ dazji antidumping, li seta’ jwassal lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jistabbilixxu, għall-benefiċċju tal-imsemmija produtturi-esportaturi, rati ta’ dazji anti-dumping inferjuri għal dawk li ġew previsti mir-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni.

67      Fl-aħħar nett, mill-punti 174 u 177 tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), jirriżulta li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni.

68      Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), il-Kummissjoni setgħet effettivament tikkunsidra li kellha l-obbligu li teżamina talbiet imressqa mill-produtturi-esportaturi kkonċernati, sabiex tiddetermina jekk id-dazji antidumping applikabbli għalihom, abbażi tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, kellhomx jiġu ffissati għal rati inferjuri għal dawk previsti minn dawn iż-żewġ regolamenti.

69      Fil-fatt, l-iktar l-iktar, hija biss parti mid-dazji antidumping miġbura b’applikazzjoni tal-imsemmija regolamenti, u li jikkorrispondu għad-differenza eventwali bejn ir-rati li fihom dawn tal-aħħar kienu stabbilixxew id-dazji antidumping, minn naħa, u r-rati li fihom kellhom jiġu stabbiliti kieku ma kinux twettqu l-illegalitajiet ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), min-naħa l-oħra, li kienet ġiet imposta b’mod żbaljat u li kellha, abbażi ta’ dan, tiġi rrimborsata lill-persuni kkonċernati. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tordna li jiġi deċiż dwar it-talbiet ta’ rimbors tal-imsemmija dazji antidumping fi tmiem proċedura li għandha preċiżament l-għan li tippermettilha li tikkalkula tali differenza.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, ma kellux isir ir-rimbors immedjat u sħiħ tad-dazji antidumping ikkonċernati.

71      Konsegwentement, peress li l-ordnijiet previsti fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat ma humiex kuntrarji għall-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tadottahom abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009.

72      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regolament ikkontestat setax b’mod aċċettabbli jkompli l-proċedura li kienet wasslet għar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, bil-għan li terġa’ tistabbilixxi d-dazji antidumping imposti minn dawn tal-aħħar, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni inizjali tagħhom. Hija tistaqsi, fil-fatt, jekk, fid-dawl tal-fatt li dawn id-dazji antidumping kienu skadew fid-data ta’ adozzjoni tar-regolament ikkontestat, tali tkomplija kinitx kuntrarja, minn naħa, għar-regoli ta’ nuqqas ta’ retroattività previsti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 384/96, sussegwentement fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1225/2009, u, min-naħa l-oħra, għar-regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali.

73      F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabelxejn, tal-possibbiltà li titkompla l-proċedura li wasslet għar-regolament definittiv u ta’ estensjoni bil-għan li jerġgħu jiġu stabbiliti d-dazji antidumping imposti minn dawn tal-aħħar, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni inizjali tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, meta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tannulla regolament li jistabbilixxi dazji antidumping jew jiddikjara tali regolament invalidu, l-istituzzjoni li hija mitluba tieħu l-miżuri li tirrikjedi l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza għandha l-possibbiltà li tkompli l-proċeduri li wasslu għall-imsemmi regolament, anki jekk din il-possibbiltà ma hijiex espressament prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punti 51 u 52).

74      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, ħlief sa fejn l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjat b’nullità l-proċedura kollha, l-istituzzjoni kkonċernata tista’, sabiex jiġi adottat att intiż li jissostitwixxi att annullat jew iddikjarat invalidu, tkompli l-proċedura fl-istadju meta din l-irregolarità tkun twettqet (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punt 51).

75      Minn dan jirriżulta li r-regolament ikkontestat seta’ b’mod aċċettabbli jkompli l-proċedura li wasslet għar-regolament definittiv u ta’ estensjoni.

76      F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk tali tkomplija tal-proċedura hijiex awtorizzata fil-każ fejn id-dazji antidumping inkwistjoni jkunu skadew, fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ nuqqas ta’ retroattività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta istituzzjoni tal-Unjoni tuża l-possibbiltà ta’ tkomplija tal-proċedura msemmija fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza, hija għandha, skont il-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis, tosserva r-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-mira tar-regolament li ġie annullat jew iddikjarat invalidu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et, C-361/14 P, EU:C:2016:434, punt 40).

77      B’hekk, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 384/96, it-tkomplija tal-proċedura li saret, f’dan il-każ, permezz tar-regolament ikkontestat ma tistax twassal sabiex ir-regolament li jiġi adottat fit-tmiem tagħha, bħala sostituzzjoni tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, jerġa’ jistabbilixxi dazji antidumping li jiġu applikati għal prodotti mqiegħda f’ċirkolazzjoni libera qabel id-data li fiha dawn ir-regolamenti kienu daħlu fis-seħħ.

78      Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 384/96 ma teskludix li sseħħ tali tkomplija tal-proċedura fil-każ fejn id-dazji antidumping ikkonċernati jkunu skadew minn dik id-data, sakemm dawn id-dazji jkunu stabbiliti mill-ġdid matul il-perijodu ta’ applikazzjoni inizjali tagħhom, u għalhekk, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ prodotti mqiegħda f’ċirkulazzjoni libera wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni.

79      Konsegwentement, it-tkomplija tal-proċedura li saret f’dan il-każ ma tistax tiġi kkunsidrata li hija kuntrarja għar-regola ta’ nuqqas ta’ retroattività prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 384/96, peress li d-dazji antidumping stabbiliti mir-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni kienu skadew fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

80      F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, għandu jitfakkar li din ċertament għandha bħala effett mhux biss li tostakola l-fatt li l-ammont tad-dazji doganali jkun jista’ jiġi kkomunikat lid-debitur wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin mid-data ta’ meta joriġina d-dejn doganali tiegħu, iżda wkoll li tippreskrivi dan id-dejn doganali hija stess fl-iskadenza tal-imsemmi terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C-201/04, EU:C:2006:136, punti 39 u 41).

81      Madankollu, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, din ir-regola tapplika biss, skont it-termini stess tal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, wara l-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazji dognali lid-debitur, u l-implementazzjoni tagħha hija l-obbligu, f’dan ir-rigward, tal-awtoritajiet doganali nazzjonali li huma kompetenti sabiex jagħmlu tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2003, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-156/00, EU:C:2003:149, punti 63 u 64).

82      Barra minn hekk, mill-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li din il-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazji doganali lid-debitur tista’ ssir biss wara t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali ammont, li hija ddefinita hi stess mill-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali bħala l-operazzjoni li tikkonsisti, għall-awtorità doganali kompetenti, li tikkalkola l-imsemmi ammont mill-mument li jkollha l-elementi neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C-201/04, EU:C:2006:136, punt 46, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Snauwaert et, C‑124/08 u C-125/08, EU:C:2009:469, punti 21 u 23).

83      Konsegwentement, ir-regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali ma tistax tostakola lill-Kummissjoni milli tadotta regolament li jistabbilixxi jew jistabbilixxi mill-ġdid dazji antidumping, u lanqas, iktar u iktar, milli din tiftaħ jew tkompli l-proċedura preċedenti għal tali adozzjoni, peress li kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet isseħħ neċessarjament qabel dawk li jikkonsistu, għall-awtoritajiet doganali kompetenti, fil-kalkolu tal-ammont tad-dazji li għandu jitħallas b’applikazzjoni tar-regolament inkwistjoni, u wara fil-komunikazzjoni ta’ dan l-ammont lid-debitur.

84      Għalhekk, f’dan il-każ, huwa biss ladarba l-Kummissjoni tkun temmet il-proċedura li tkompliet mir-regolament ikkontestat, billi tistabbilixxi mill-ġdid, fir-rati xierqa, id-dazji antidumping stabbiliti mir-regolament definittiv u dak ta’ estensjoni, li l-awtoritajiet doganali nazzjonali jistgħu jiddeterminaw id-dazji korrispondenti u jikkomunikawhom lid-debituri. Għalhekk huma dawn l-awtoritajiet li għandhom, taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali kompetenti, li jiżguraw, każ b’każ, l-osservanza tal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, billi jivverifikaw li tali komunikazzjoni għadha tista’ ssir, f’kunsiderazzjoni tat-terminu ta’ tliet snin previst mill-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni u tas-sospensjoni eventwali ta’ dan it-terminu skont it-tieni sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni.

85      Konsegwentement, l-imsemmija tkomplija tal-proċedura ma hijiex kuntrarja għar-regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali.

86      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura eventwalment eċċessiva tal-ordnijiet previsti mir-regolament ikkontestat, billi tirrileva li miżuri ta’ portata medja setgħu jkunu biżżejjed għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74).

87      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ att tal-Unjoni għandha bħala konsegwenza ġuridika li l-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att tiġi obbligata tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja għall-illegalità kkonstatata, peress li l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE f’każ ta’ sentenza ta’ annullament huwa applikabbli b’analoġija, din l-istituzzjoni xorta għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla ta’ dawn il-miżuri, meta dawn huma kompatibbli mad-dispożittiv tas-sentenza inkwistjoni kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punti 48 u 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fid-dawl tal-eżistenza ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa tal-imsemmija miżuri, f’relazzjoni mal-għan intiż, li tista’ taffettwa l-legalità tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, EU:C:2000:70, punt 53 kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il‑Kunsill, C-643/15 u C-647/15, EU:C:2017:631, punt 207).

89      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-analiżi tal-ordnijiet previsti fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat ma wrietx li dawn huma inkompatibbli mad-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74).

90      It-tieni nett, ma jidhirx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet dawn il-miżuri. Fil-fatt, l-obbligu impost fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali li jittrażmettu lill-Kummissjoni t-talbiet ta’ rimbors magħmula lilhom abbażi tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali huwa ta’ natura li jiggarantixxi li din l-istituzzjoni jkollha l-elementi kollha rilevanti sabiex tirremedja għall-illegalitajiet ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), mingħajr madankollu ma jimplika oneru amministrattiv addizzjonali għall-operaturi kkonċernati u mingħajr ma jdewwem b’mod mhux ġustifikat l-ipproċessar tat-talbiet inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan l-ipproċessar huwa suġġett mil-limitu temporali stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, li eventwali dewmien jista’ jiġi kkumpensat bil-ħlas ta’ interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Wortmann, C-365/15, EU:C:2017:19, punt 37).

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-evalwazzjoni tagħha ma żvelat l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-regolament ikkontestat.

 Fuq l-ispejjeż

92      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-evalwazzjoni tad-domanda magħmula ma żvelat ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Frar 2016, li jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni ta’ ċerti talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq u għal trattment individwali li jsiru minn produtturi esportaturi miċ-Ċina u mill-Vjetnam, u li jimplementaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C659/13 u C34/14.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.