Language of document : ECLI:EU:C:2015:532

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015 (1)

Kawża C‑346/14

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Ksur tal-Artikolu 4(3) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 288 TFUE — Applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1) u (7) tad-Direttiva 2000/60/KE — Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma — Approvazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm — Deterjorazzjoni tal-istat tal-ilma — Evalwazzjoni mill-ġdid tal-istat — Korrezzjoni tal-pjan ta’ mmaniġġar”





I –    Introduzzjoni

1.        Ma huwiex biss l-isfruttament ta’ enerġija rinnovabbli li ma tagħmilx ħsara lill-klima permezz tal-użu tal-enerġija tar-riħ li jista’ jirriżulta f’kunflitt ma’ għanijiet ambjentali oħrajn (2), iżda wkoll l-użu tal-enerġija idroelettrika. Dan tindikah il-Kummissjoni bir-rikors preżenti dwar impjant idroelettriku żgħir qrib is-sors tax-xmara Schwarze Sulm, li sa issa kienet fil-biċċa l-kbira xmara verġni, fl-Alpi Awstrijaċi. Hija qiegħda tibbaża l-argumenti tagħha fuq l-effett antiċipat tal-projbizzjoni fir-rigward tad-deterjorazzjoni prevista fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (3) u ssostni li l-proġett ma huwiex iġġustifikat.

2.        Kruċjali, madankollu, huwa l-fatt li l-awtoritajiet Awstrijaċi wettqu korrezzjoni tal-evalwazzjoni tal-istat tax-xmara Schwarze Sulm matul il-proċedura prekontenzjuża. Dan għandu l-konsegwenza li, fi kwalunkwe każ, id-deterjorazzjoni ta’ dan l-istat kif ilmentata mill-Kummissjoni ma baqgħetx applikabbli u, għaldaqstant, ma teħtieġ l-ebda ġustifikazzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        L-għanijiet ambjentali ewlenin tad-Direttiva 2000/60 u l-eventwali eċċezzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 4 tagħha:

“1.      Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

a)      għall-ilma tal-wiċċ

(i)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)      [...]”

III – Il-fatti u l-proċedura

4.        Fl-24 ta’ Mejju 2007, l-awtoritajiet tal-Land Awstrijak ta’ Steiermark ħarġu l-approvazzjoni taħt il-liġi tal-ilma għall-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm.

5.        L-awtoritajiet ikklassifikaw l-istat ekoloġiku tal-medda tal-ilma bħala “tajjeb ħafna” (4). Madankollu, kienet ikkonstatata wkoll estrazzjoni negliġibbli ta’ ilma tax-xorb (31 litru kull sekonda) fil-parti tax-xmara iktar ’il fuq mis-sezzjoni affettwata (5).

6.        Huwa previst li għall-impjant tal-enerġija tkun installata hekk imsejħa “Diga ta’ Tirol” fejn parti kbira tal-ilma tkun mgħoddija minn pajpijiet itwal minn 10 km lejn bini tal-impjant tal-enerġija li jinsab 480 metru iktar fil-fond u, wara li dan l-ilma jgħaddi mit-turbina, jerġa’ jkun rilaxxat f’parti iktar ’l isfel tax-xmara. Għalkemm huwa minnu li l-ostakolu tad-diga jitnaqqas b’assistenza għall-migrazzjoni tal-ħut, li saħansitra kapaċi tikkumpensa għall-fluss fil-parti iktar ’il fuq tax-xmara, it-tnaqqis tal-livell tal-ilma fix-xmara xorta waħda jtellef il-migrazzjoni tal-ħut. Barra minn hekk, huwa mistenni telf fir-rigward tal-ħut li jemigra ’l isfel fix-xmara u li jinqabad fit-turbini (6). Bħala riżultat, huwa kkonstatat li l-istat tal-ilma, wara r-realizzazzjoni tal-proġett, ser ikun jista’ jiġi evalwat biss bħala “tajjeb”.

7.        Fis-sena 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment minħabba l-proġett u f’Ottubru tal-2007 talbet lill-Awstrija tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Madankollu, hija waqqfet il-proċedimenti fis-sena 2010, wara li l-awtoritajiet federali Awstrijaċi ssospendew l-approvazzjoni tal-proġett.

8.        F’Marzu tal-2012, il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka, madankollu, annullat id-deċiżjoni tal-awtoritajiet federali, b’tali mod li l-approvazzjoni oriġinali saret effettiva mill-ġdid.

9.        Wara verifika tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li, waqt l-approvazzjoni tal-proġett, l-Awstrija ma applikatx b’mod korrett id-deroga mill-projbizzjoni fir-rigward tad-deterjorazzjoni prevista fid-Direttiva 2000/60, għalkemm din kellha tkun applikata b’analoġija fil-kuntest tal-effett antiċipat tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE u mill-Artikolu 288 TFUE. Għaldaqstant, fis-26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lill-Awstrija sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u, fil-21 ta’ Novembru 2013, hija indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru li fiha stabbilixxiet terminu finali sal-21 ta’ Jannar 2014 sabiex jirrimedja l-oġġezzjonijiet fil-konfront tiegħu.

10.      Matul din il-proċedura prekontenzjuża, l-awtoritajiet ta’ Steiermark biddlu l-approvazzjoni b’deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013. Minbarra l-emendi tal-kundizzjonijiet, li ma humiex importanti fil-proċedura preżenti, f’din id-deċiżjoni huwa kkonstatat li l-istat tax-xmara Schwarze Sulm ma huwiex “tajjeb ħafna” iżda, minħabba l-estrazzjoni ta’ ilma tax-xorb iktar ’il fuq mill-proġett, huwa biss “tajjeb”. Konsegwentement, il-klassi tal-istat tal-ilma ma naqsitx minħabba l-proġett, u b’hekk hija eskluża kwalunkwe deterjorazzjoni.

11.      Madankollu, ir-risposti tal-Awstrija xorta waħda ma ssodisfawx lill-Kummissjoni u għalhekk din ippreżentat ir-rikors ineżami fejn titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

1)      tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(3) TUE u taħt l-Artikolu 288 TFUE billi, meta approvat il-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm, il-konvenuta ma applikatx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60;

2)      tikkundanna lill-Awstrija għall-ispejjeż.

12.      L-Awstrija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

–        tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13.      Il-proċedura bejn il-partijiet saret bil-miktub; il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kinitx neċessarja proċedura orali.

IV – L-analiżi ġuridika

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

14.      L-Awstrija tqis li r-rikors huwa inammissibbli. Minn naħa, il-Kummissjoni ma ddeskrivietx b’mod preċiż biżżejjed l-obbligi li l-ksur tagħhom hija qiegħda tikkritika (taqsima 2). Min-naħa l-oħra, l-Awstrija hija tal-fehma li l-kompitu tal-Kummissjoni bħala l-għassiesa tat-Trattati ma jkoprix il-kontroll tal-awtoritajiet Awstrijaċi fl-applikazzjoni konkreta u individwali tad-dritt tal-Unjoni (taqsima 3).

15.      Madankollu, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat b’mod iktar preċiż is-suġġett tar-rikors (taqsima 1).

1.      Fuq is-suġġett tar-rikors

16.      Is-suġġett tar-rikors jeħtieġ preċiżazzjoni, għaliex għalkemm l-impjant tal-enerġija kien approvat fl-24 ta’ Mejju 2007, din l-approvazzjoni nbidlet permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013, jiġifieri qabel l-opinjoni motivata u l-iskadenza tat-terminu stabbilit minnha, jiġifieri l-21 ta’ Jannar 2014.

17.      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li fil-“Petitum” hija ma kkunsidratx it-tnaqqis fil-grad li twettaq fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni rigward l-istat tax-xmara Schwarze Sulm minn “tajjeb ħafna” għal “tajjeb”, iżda għadha tassumi stat “tajjeb ħafna”.

18.      Dan l-argument nifhmu b’tali mod li, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex qiegħda titlob li jiġi kkonstatat ksur tad-dritt tal-Unjoni permezz tat-tnaqqis tal-grad tax-xmara Schwarze Sulm, fl-istess waqt qiegħda tikkontesta inċidentalment dan it-tnaqqis tal-grad u għaldaqstant l-approvazzjoni fil-forma tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013.

19.      Billi d-deċiżjoni msemmija ma kinitx is-suġġett tal-istedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skont l-Artikolu 258 TFUE, tqum il-kwistjoni ta’ jekk din id-deċiżjoni — u d-deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2007 mmodifikata permezz tagħha — tistax tkun is-suġġett tar-rikors preżenti.

20.      Kif huwa magħruf, is-suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa ristrett permezz tal-fażi prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, ir-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq ilmenti li ma jkunux tqajmu fil-fażi prekontenzjuża. Dan għaliex il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (7).

21.      Dan l-għan tal-proċedura prekontenzjuża jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri meħuda mill-Istat Membru matul il-proċedura prekontenzjuża. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tirreaġixxi għal miżura meħuda mill-Istat Membru sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu.

22.      Għalkemm huwa minnu li, mingħajr proċedura prekontenzjuża ġdida, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża lmenti addizzjonali fuq tali miżuri ġodda (8), xorta jibqa’ ammissibbli li jinżammu l-ilmenti oriġinali sakemm il-miżuri kkontestati kienu għadhom fis-seħħ meta skada t-terminu previst fl-opinjoni motivata (9).

23.      Mal-ewwel daqqa t’għajn, id-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013 ma taffettwax l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni kontra d-deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2007. Dan għaliex il-Kummissjoni, essenzjalment, qiegħda tikkritika l-ġustifikazzjoni tal-impjant tal-enerġija, li essenzjalment ma kinitx mibdula fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013.

24.      Madankollu, minħabba t-tnaqqis tal-grad tal-istat tal-ilma għal “tajjeb”, id-deterjorazzjoni tax-xmara Schwarze Sulm, li kienet teħtieġ ġustifikazzjoni u li kienet invokata mill-Kummissjoni, tilfet ir-rilevanza tagħha (10). Għaldaqstant, il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta wkoll it-tnaqqis tal-grad.

25.      Għaldaqstant, ir-rikors ma huwiex indirizzat kontra miżura li, minkejja modifika sussegwenti, għadha essenzjalment fis-seħħ. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013 temenda d-deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2007, li hija kkontestata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ punt li huwa kruċjali għall-evalwazzjoni tar-rikors.

26.      Fl-istess waqt, ma kienx neċessarju li l-proċedura prekontenzjuża terġa’ ssir mill-bidu. Dan għaliex id-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013 kienet meħuda mill-Awstrija b’għarfien tal-proċedura prekontenzjuża pendenti. Għalhekk, ma jistax jingħad li kien hemm indeboliment tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Għall-kuntrarju, din il-miżura hija intiża li telimina kull bażi għall-akkużi tal-Kummissjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa motiv ta’ difiża mqajjem fi proċedura pendenti li, bħala tali, ma jistax iwassal għall-obbligu li titwettaq mill-ġdid proċedura prekontenzjuża sħiħa. Jekk dan ma jkunx il-każ, b’tali miżuri l-Istati Membri jkunu jistgħu jostakolaw l-iżvolġiment ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (11).

27.      L-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors kienet tkun differenti li kieku l-Kummissjoni kienet qiegħda titlob il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba d-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013. F’tali każ, din kienet tkun estensjoni inammissibbli tas-suġġett tar-rikors fil-konfront tal-proċedura prekontenzjuża. Madankollu, kif tikkonferma l-kjarifika fir-replika, it-talbiet rikors ma għandhomx jiġu interpretati b’tali mod.

2.      Fuq in-natura ċara tar-rikors

28.      L-ewwel oġġezzjoni tal-Awstrija tirreferi għall-fatt li, skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima u espożizzjoni qasira tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, u li t-talbiet tar-rikors għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku, sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (12).

29.      Huwa allegat li l-Kummissjoni ma ssodisfatx dawn ir-rekwiżiti billi ma ppreċiżatx liema huma l-obbligi, inklużi fl-Artikolu 4(3) TUE kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 288 TFUE, li ma ġewx osservati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma spjegat sa fejn hemm effettivament lok li jiġu applikati, bħala dispożizzjonijiet ta’ direttiva, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60.

30.      Madankollu, dan l-argument huwa ineffettiv. Dan għaliex, skont il-punti 25 u 26 tar-rikors, il-Kummissjoni, fit-talbiet tar-rikors tagħha, qiegħda tirreferi għas-sentenza dwar ix-xmara Acheloos, li fiha ġie stabbilit li, skont l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri kienu meħtieġa jastjenu milli jikkompromettu b’mod gravi l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 sa minn qabel ma kienet applikabbli din id-dispożizzjoni tal-aħħar (13). Għaldaqstant, l-Awstrija ma reġgħetx indirizzat din l-oġġezzjoni fil-kontroreplika.

3.      Fuq il-portata tas-setgħa ta’ kontroll tal-Kummissjoni

31.      F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni individwali u konkreta tad-dritt tal-Unjoni, l-Awstrija ma hijiex tiċħad li l-Kummissjoni għandha d-dritt tikkontrolla l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi individwali u li tippreżenta din l-applikazzjoni għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (14). Għall-kuntrarju, hija qiegħda toġġezzjona għall-kontroll mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

32.      Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud għas-sempliċi raġuni li l-kwistjoni ta’ sa fejn id-dispożizzjonijiet kontenzjużi tad-dritt tal-Unjoni jippermettu marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-twettiq ta’ evalwazzjoni, u l-kwistjoni ta’ jekk dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jkunx inqabeż, ma jikkonċernawx l-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda l-fondatezza tiegħu.

B –    Il-fondatezza tar-rikors

33.      Għalkemm huwa minnu li l-partijiet, prinċipalment, qegħdin jargumentaw dwar jekk l-approvazzjoni tal-impjant idroelettriku hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-prinċipji previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60, fid-dawl tad-deċiżjoni Awstrijaka ta’ emenda tal-4 ta’ Settembru 2013, għandu madankollu jiġi mistħarreġ jekk qabelxejn kinitx stabbilita deterjorazzjoni li teħtieġ ġustifikazzjoni.

1.      Fuq ir-regoli applikabbli

34.      Billi dan il-każ jirrigwarda deċiżjoni tal-2007, li ġiet emendata fis-sena 2013, huma kkunsidrati żewġ regoli formalment differenti, jiġifieri l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 u l-effett antiċipat ta’ din id-dispożizzjoni.

35.      L-obbligi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 huma direttament applikabbli biss sa mit-22 ta’ Diċembru 2009, id-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2000/60, għall-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara (15). Konsegwentement, fis-sena 2007, l-approvazzjoni tal-impjant tal-enerġija kienet għadha ma hijiex koperta minn din id-dispożizzjoni, iżda kienet koperta mill-effett antiċipat tal-Artikolu 4 applikabbli dak iż-żmien. Skont dan l-effett antiċipat, l-Istati Membri kellhom jastjenu milli jadottaw miżuri li setgħu jikkompromettu b’mod gravi l-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 (16).

36.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 kien applikabbli mingħajr ebda dubju fis-sena 2013, meta ġiet adottata t-tieni deċiżjoni. Din id-deċiżjoni, għaldaqstant, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 4. Huwa biss sa fejn id-deċiżjoni tas-sena 2013 ma taffettwax id-deċiżjoni tas-sena 2007 li l-effett antiċipat tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jibqa’ rilevanti.

37.      Il-kwistjoni ta’ kemm il-proġett jaffettwa l-istat tax-xmara Schwarze Sulm hija s-suġġett tad-deċiżjoni tas-sena 2013. Konsegwentement, din hija suġġetta għall-projbizzjoni fir-rigward tad-deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60.

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement — b’mod xi ftit sorprendenti (17) — ikkjarifikat li għandu jitqies li hemm deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, jiddegrada bi klassi waħda. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk din id-degradazzjoni twassalx għal degradazzjoni tal-klassifikazzjoni, fl-intier tagħha, tal-korp tal-ilma tal-wiċċ. Jekk l-element ta’ kwalità kkonċernat, fis-sens tal-Anness V, jidher diġà fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ (18).

39.      L-elementi ta’ kwalità msemmijin u l-klassijiet tal-istat korrispondenti għandhom definizzjonijiet normattivi fil-punt 1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 u, fir-rigward tat-tliet klassijiet tal-istat l-iktar għoljin — “għoli [tajjeb ħafna]”, “tajjeb” u “moderat” —, kienu s-suġġett ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri għal finijiet ta’ paragunabbiltà (19). Il-punt 1.2.1 tal-Anness V isemmi erba’ elementi ta’ kwalità bijoloġika għax-xmajjar, jiġifieri l-istat tal-fitoplankton, tal-makrofiti u tal-fitobentos, tal-fawna bentika invertebrata kif ukoll tal-fawna tal-ħut; kif ukoll tliet elementi ta’ kwalità idromorfoloġika, jiġifieri l-konservazzjoni tal-ilma, il-kontinwità tax-xmara kif ukoll il-karatteristiċi morfoloġiċi tagħha, u finalment tliet elementi ta’ kwalità fiżikokimika, jiġifieri l-kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll il-konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti sintetiċi speċifiċi jew kontaminanti mhux sintetiċi.

2.      Fuq l-applikazzjoni tal-projbizzjoni fir-rigward tad-deterjorazzjoni

40.      Fl-applikazzjoni tal-projbizzjoni fir-rigward tad-deterjorazzjoni interpretata f’dan il-mod, il-Kummissjoni jkollha tippreżenta indeboliment tax-xmara Schwarze Sulm permezz tal-proġett, li tal-inqas jiddegrada bi klassi waħda lil wieħed mill-elementi tal-kwalità ta’ dan l-ilma.

41.      Probabbilment ikun relattivament sempliċi li jiġi pprovat li l-proġett, skont il-kriterji tal-Qorti tal-Ġustizzja, iwassal għal deterjorazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, pereżempju fir-rigward tal-elementi ta’ kwalità bijoloġika (20). Madankollu, tali deterjorazzjoni ma hijiex sostnuta mill-Kummissjoni u l-Awstrija ma kellha ebda opportunità li tiddefendi lilha nnifisha kontra tali argument. Għaldaqstant, deterjorazzjoni ta’ dan it-tip ma hijiex is-suġġett tal-proċedura preżenti.

42.      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li l-proġett jiddegrada l-evalwazzjoni ġenerali tal-ilma bi klassi waħda, jiġifieri minn “tajjeb ħafna” għal “tajjeb”. Tali deterjorazzjoni tippresupponi li huwa ddegradat mill-inqas element ta’ kwalità wieħed bi klassi waħda, u għalhekk tinkorpora deterjorazzjoni fis-sens tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

43.      Dan l-argument tal-Kummissjoni jinsab f’kontradizzjoni mad-deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ Steiermark tal-4 ta’ Settembru 2013. Din tikkonstata li, fiż-żona inkwistjoni, ix-xmara Schwarze Sulm, għall-kuntrarju tal-evalwazzjoni oriġinali, tinsab biss fi stat “tajjeb”. Għaldaqstant, il-proġett tal-impjant tal-enerġija ma jistax jiddegrada l-istat tax-xmara Schwarze Sulm minn “tajjeb ħafna” għal “tajjeb”.

44.      Għaldaqstant, ir-rikors jista’ jkollu eżitu pożittiv biss jekk il-Kummissjoni tinvalida l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-istat tax-xmara Schwarze Sulm magħmula permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013.

45.      L-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-fatt li l-evalwazzjoni mill-ġdid ma ssegwix l-indikazzjonijiet mogħtija fil-pjan ta’ mmaniġġar. L-evalwazzjoni tat-taqsima milquta tax-xmara Schwarze Sulm ma kellhiex tiġi emendata ad hoc fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proġett tal-impjant tal-enerġija. Għall-kuntrarju, għal dan il-għan kellu jkun adattat il-pjan ta’ mmaniġġar applikabbli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, barra minn hekk, tilmenta li l-evalwazzjoni mill-ġdid hija bbażata fuq kriterji ġodda u li l-pubbliku kien involut b’mod insuffiċjenti. Madankollu, mil-lat sostantiv, hija ma tikkontestax l-evalwazzjoni mill-ġdid.

46.      Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art, jadottaw il-miżuri ta’ preżervazzjoni adegwati billi jimplementaw il-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċir tax-xmara (21). Dan ifisser ukoll li, bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-projbizzjoni fir-rigward tad-deterjorazzjoni għandha tittieħed fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija ddokumentata fil-pjan ta’ mmaniġġar.

47.      Din l-informazzjoni tinkludi wkoll l-istat tal-ilma tal-wiċċ li huwa affettwat. Dan għaliex l-informazzjoni tal-pjan ta’ mmaniġġar għandha, skont il-punt A.4 tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60, tinkludi preżentazzjoni f’forma ta’ mappa tar-riżultati tal-programmi ta’ monitoraġġ implementati skont l-Artikolu 8 u l-Anness V.

48.      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li evalwazzjoni mill-ġdid tal-istat ta’ meded tal-ilma hija ammissibbli biss fil-kuntest ta’ aġġornament tal-pjan ta’ mmaniġġar, li għandu jitwettaq tal-inqas kull sitt snin.

49.      Dan l-argument għandu jkun aċċettat sa fejn l-evalwazzjoni mill-ġdid hija bbażata fuq kriterji ġodda, għaliex tali kriterji għandhom ikunu applikati fuq il-meded ta’ ilma kollha koperti mill-pjan, sabiex ikun żgurat immaniġġar koerenti.

50.      Huwa minnu li l-Kummissjoni tikkritika li l-evalwazzjoni mill-ġdid ineżami hija bbażata fuq tali kriterji ġodda, jiġifieri dawk previsti fir-Regolament Awstrijak dwar l-għanijiet tal-kwalità “Ekoloġija tal-Ilma tal-Wiċċ” (22) tas-sena 2010. Skont il-Kummissjoni, meta mqabbel mal-ewwel pjan ta’ mmaniġġar tas-sena 2009, dan ir-regolament jinkludi kriterji ta’ evalwazzjoni ġodda. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan ir-regolament kien diġà serva bħala l-bażi għall-pjan ta’ mmaniġġar Awstrijak (23).

51.      Barra minn hekk, anki l-informazzjoni dwar l-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb mill-post qrib is-sors tax-xmara Schwarze Sulm (24) kienet diġà magħrufa fil-mument tal-approvazzjoni tas-sena 2007 (25).

52.      Fil-fatt, id-deċiżjoni tas-sena 2013, għaldaqstant, hija intiża li tapplika għall-ewwel darba b’mod korrett il-kriterji ta’ evalwazzjoni applikabbli għall-pjan ta’ mmaniġġar. Konsegwentement, din hija korrezzjoni ta’ żball fil-pjan ta’ mmaniġġar, li r-realtà fattwali tagħha ma hijiex qiegħda tiġi kkontestata mill-Kummissjoni fil-proċedura preżenti.

53.      Tali korrezzjoni ta’ żball għandha, bħala prinċipju, tkun possibbli. Fil-fatt, kif diġà qal Konfuċju: 過而不改是谓過矣 (26).

54.      Huwa diffiċli li wieħed jaċċetta li jkun meħtieġ li deċiżjoni tittieħed fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tirriżulta li hija żbaljata, u dan biss għaliex din l-informazzjoni tkun tagħmel parti mill-pjan ta’ mmaniġġar. Jekk dan ma jkunx il-każ, mhux biss jistgħu jibqgħu jippersistu ostakoli li ma humiex iġġustifikati għal proġetti, iżda jkunu pperikolati wkoll, kif l-Awstrija għandha raġun issostni, l-għanijiet ta’ protezzjoni tad-Direttiva, fil-każ li sussegwentement jimmaterjalizzaw fatti li jitolbu miżuri ta’ protezzjoni iktar b’saħħithom.

55.      Konsegwentement, fil-każ preżenti, ma għandhiex tkun ikkunsidrata l-evalwazzjoni tal-istat tax-xmara Schwarze Sulm fil-pjan ta’ mmaniġġar, iżda għandu jiġi kkunsidrat l-istat reali tagħha, li ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat. Għaldaqstant, id-deterjorazzjoni invokata mill-Kummissjoni, minn “tajjeb ħafna” għal “tajjeb”, ma hijiex possibbli.

56.      Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tikkontesta din il-konstatazzjoni billi tinvoka l-adattament b’mod inkorrett tal-pjan ta’ mmaniġġar u billi tikkritika l-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Fil-fatt, indipendentement minn jekk dawn l-oġġezzjonijiet formali u proċedurali humiex iġġustifikati, dawn l-oġġezzjonijiet ma jistgħux iwasslu sabiex fil-proċedura preżenti jitqies li l-istat tax-xmara Schwarze Sulm kien “tajjeb ħafna” jekk, skont l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa biss “tajjeb”.

57.      Madankollu, jekk id-deterjorazzjoni allegata mill-Kummissjoni ma tistax tkun ikkonstatata, ma hemmx bżonn li din tiġi ġġustifikata. Għaldaqstant, il-kritika tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ din il-ġustifikazzjoni ma tistax tintlaqa’.

58.      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

V –    Fuq l-ispejjeż

59.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata sabiex tbati l-ispejjeż kollha.

VI – Konklużjoni

60.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tal-lum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑141/14).


3 – Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275) fil-verżjoni tad-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Awwissu 2013, li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (ĠU L 226, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/60”).


4 – Dokument anness mar-risposta, p. 41 u 46.


5 – Dokument anness mar-risposta, p. 46 u 47.


6 – Dokument anness mar-risposta, p. 48.


7 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punti 36 u 38), Il-Kummissjoni vs Ċipru (C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 21) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑211/13, EU:C:2014:2148, punt 22).


8 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punt 41).


9 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punti 39 u 40).


10 – Ara iktar dwar dan fil-punti 40 sa 44 iktar ’il quddiem.


11 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑203/03, EU:C:2005:76, punt 30) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punt 40).


12 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-195/04, EU:C:2007:248, punt 22) u Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-209/13, EU:C:2014:283, punt 30).


13 – Sentenza Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, partikolarment il-punti 57 sa 67).


14 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑431/92, EU:C:1995:260, punt 19 et seq), Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑20/01 u C‑28/01, EU:C:2003:220, punt 30) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑394/02, EU:C:2005:336, punt 16).


15 – Sentenza Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punti 51 sa 56).


16 – Sentenza Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 60).


17 – Ara l-konklużjonijiet konvinċenti tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324, b’mod partikolari l-punt 100).


18 – Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 69).


19 – Ara s-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 57 u 58).


20 – Ara p. 182 tad-dokument anness mar-risposta.


21 – Sentenza Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 51 u 52).


22 – Verordnung des Bundesministers für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft über die Festlegung des ökologischen Zustandes für Oberflächengewässer (Regolament tal-Ministru Federali għall-Agrikoltura, il-Forestrija, l-Ambjent u l-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Ilma li jistabbilixxi l-istat ekoloġiku għall-ilma tal-wiċċ, Gazzetta tal-Liġi Federali 2010, Parti II, Nru 99 tad-29 ta’ Marzu 2010).


23 – Pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-ilma 2009 – NGP 2009, (http://www.bmlfuw.gv.at/dms/lmat/wasser/wasser-oesterreich/plan_gewaesser_ngp/nationaler_gewaesserbewirtschaftungsplan-nlp/ngp/NGP_Textdokument_30_03_2010.pdf, p. 100).


24 – Anness A-10 għar-rikors, p. 144.


25 – Anness A-14 għar-rikors, p. 7.


26 – Ġabriet 15,29, essenzjalment: Li tagħmel żball u ma tibdel xejn, dak huwa l-iżball.