Kawża C‑346/14
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 4(3) TUE – Artikolu 288 TFUE – Direttiva 2000/60/KE – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1) – Prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ – Artikolu 4(7) – Deroga mill-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni – Interess pubbliku maġġuri – Awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku fuq ix-xmara Schwarze Sulm (l-Awstrija) – Deterjorazzjoni tal-istat tal-ilma”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Mejju 2016
1. Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Obbligu li l-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar punti ta’ liġi mqajma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Assenza
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)
2. Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Obbligi tal-Istati Membri matul it-terminu ta’ traspożizzjoni – Obbligu li ma jiġux adottati dispożizzjonijiet li jistgħu jikkompromettu r-riżultat previst mid-Direttiva – Portata
(Artikolu 4(3) TUE; it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikoli 4 u 13(6))
3. Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali marbuta mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu li jiġu implementati l-miżuri neċessarji sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ – Kunċett ta’ implementazzjoni – Awtorizzazzjoni għal proġett partikolari – Inklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikolu 4(1)(a)(i) u (7))
4. Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali marbuta mal-ilmijiet tal-wiċċ – Kunċett ta’ deterjorazzjoni tal-istat tal-ilma tal-wiċċ
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikolu 4(1)(a)(i) u Anness V)
5. Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali marbuta mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu li jiġu implementati l-miżuri neċessarji sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ – Possibbiltà ta’ deroga għall-proġetti ta’ interess pubbliku maġġuri – Kundizzjonijiet
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikolu 4(1) u (7))
6. Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali marbuta mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu li jiġu implementati l-miżuri neċessarji sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ – Possibbiltà ta’ deroga għall-proġetti ta’ interess pubbliku maġġuri – Klassifikazzjoni bħala proġett ta’ interess pubbliku maġġuri – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Applikazzjoni għal proġett intiż li jippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu permezz ta’ enerġija idroelettrika – Ammissibbiltà
(Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 194(1) TFUE); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikolu 4(1) u (7)(c))
1. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 23, 24)
2. Matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jastjenu milli jieħdu dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu b’mod serju li jintlaħaq ir-riżultat previst minn din id-direttiva. Tali obbligu ta’ astensjoni, li japplika għall-awtoritajiet nazzjonali kollha, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura, ġenerali u speċifika, li tista’ tipproduċi tali effett negattiv.
Għaldaqstant, fir-rigward tad-Direttiva 2000/60, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, għalkemm proġett ma kienx jaqa’, fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva 2000/60, l-Istat Membru kkonċernat xorta waħda kien obbligat, saħansitra qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti, fl-Artikolu 13(6) tal-imsemmija direttiva, lill-Istati Membri sabiex jippubblikaw il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, jastjeni milli jieħu dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu b’mod serju li jintlaħaq l-għan previst fl-imsemmi Artikolu 4.
(ara l-punti 50, 51)
3. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jimplementaw il-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ, jirriżulta li l-adozzjoni ta’ tali miżuri mill-Istati Membri hija obbligatorja. F’dan ir-rigward, awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari, bħalma hija l-kostruzzjoni ta’ impjant idroelettriku xmara li l-mixja tagħha tinsab fi Stat Membru wieħed, għandha tinftiehem bħala tali implementazzjoni.
Fil-fatt, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jistabbilixxix biss, skont formulazzjoni programmatika, sempliċi għanijiet ta’ ppjanar ta’ mmaniġġjar, iżda għandu effetti vinkolanti, ladarba jiġi ddeterminat l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura prevista f’din id-direttiva. Barra minn hekk, fir-rigward tas-sistema ta’ derogi prevista fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva, l-istruttura tal-kategoriji ta’ deroga previsti f’din id-dispożizzjoni tippermetti li jitqies li l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva ma jinkludix biss obbligi fuq livell ta’ prinċipju iżda jikkonċerna wkoll proġetti partikolari. Fil-fatt, ir-raġunijiet għal deroga japplikaw b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 4 jirriżulta minn bidliet ġodda fil-kwalitajiet fiżiċi tal-korp tal-ilma tal-wiċċ u meta dan jirriżulta f’impatti negattivi jew minn attivitajiet ġodda ta’ żvilupp dewwiemi mill-bniedem. Issa, dan jista’ jirriżulta b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda ta’ proġetti. Fil-fatt, huwa impossibbli li proġett u l-implementazzjoni tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar jitqiesu b’mod separat.
(ara l-punti 53, 54, 56)
4. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 58, 59)
5. Bla ħsara għall-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, kwalunkwe deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ għandha tiġi evitata. B’hekk, l-obbligu li tiġi evitata tali deterjorazzjoni jibqa’ vinkolanti f’kull stadju tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/60 u huwa applikabbli għal kull tip kif ukoll għal kull stat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ li fir-rigward tiegħu jkun ġie adottat pjan ta’ mmaniġġjar. Għaldaqstant, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar ikun ta’ natura li jikkawża deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat jew li jikkomprometti li jintlaħaq stat tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, sakemm ma jitqiesx li l-imsemmi proġett jaqa’ taħt deroga skont l-imsemmi Artikolu 4(7).
F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk awtorizzazzjoni għal proġett kinitx adottata b’osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60, jeħtieġ li jiġi mistħarreġ, l-ewwel nett, jekk ittieħdux il-miżuri prattiċi kollha sabiex jiġi llimitat l-impatt negattiv tal-proġett inkwistjoni fuq l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat, it-tieni nett, jekk ir-raġunijiet wara dan il-proġett ġewx indikati b’mod espliċitu u mmotivati, it-tielet nett, jekk l-imsemmi proġett jissodisfax interess pubbliku maġġuri u/jew jekk il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjetà marbuta mat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva humiex inqas mill-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem, għaż-żamma tas-sigurtà għall-persuni jew għall-iżvilupp sostenibbli li jirriżultaw mill-implementazzjoni ta’ dan l-istess proġett, u, ir-raba’ nett, jekk l-għanijiet ta’ benefiċċju segwiti jistgħux, għal raġunijiet ta’ fattibbiltà teknika jew ta’ nefqiet sproporzjonati, jintlaħqu permezz ta’ mezzi li kienu jikkostitwixxu alternattiva ambjentali sinjifikattivament aħjar.
(ara l-punti 64, 66)
6. Għandu jiġi rrikonoxxut li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw jekk proġett partikolari għandux interess pubbliku maġġuri fis-sens tal-Artikolu 4(7)(c) tad-Direttiva 2000/60, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma. Fil-fatt, din id-direttiva, li kienet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE [li sar l-Artikolu 192(1) TFUE], tistabbilixxi prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinazzjoni, l-integrazzjoni kif ukoll, fuq perijodu itwal ta’ żmien, l-iżvilupp ta’ prinċipji ġenerali u ta’ strutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni. Dawn il-prinċipji u dan il-qafas għandhom jiġu żviluppati sussegwentement mill-Istati Membri bl-adozzjoni ta’ miżuri partikolari. F’dan is-sens, l-għan ta’ din id-direttiva ma huwiex armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma.
Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, Stat Membru jista’ ġustament iqis li proġett intiż li jippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu permezz tal-enerġija idroelettrika għandu interess pubbliku maġġuri. Fil-fatt, l-Artikolu 194(1) TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jitħares u jittejjeb l-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha tkun intiża, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni, li tippromwovi l-effikaċja enerġetika u l-ekonomiji tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp tal-enerġiji ġodda u li jiġġeddu, u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija.
Barra minn hekk, il-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, li tinsab fl-ewwel livell tal-prijoritajiet tal-Unjoni, hija ġġustifikata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-isfruttament ta’ dawn is-sorsi ta’ enerġija jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-iżvilupp sostenibbli u tal-fatt li dan l-isfruttament jista’ jikkontribwixxi għas-sigurtà kif ukoll għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġiji u jista’ jħaffef il-proċess sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-protokoll ta’ Kyoto, anness mal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla klimatika.
(ara l-punti 70-73)