Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2013 – Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-366/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. De Bergues, D. Colas u N. Rouam, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla kompletament id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2013) 1926 finali, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.22843 2012 implementata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée u l-Compagnie Méridionale de Navigation;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 1926 finali, tat-2 ta’ Mejju 2013, li permezz tagħha l-Kummissjoni kklassifikat, qabelxejn, bħala għajnuna mill-Istat il-kumpensi finanzjarji mħallsa lis-Société Nationale Corse Méditerranée (SNCM) u lill-Compagnie Méridionale de Navigation (CNM) għal servizzi tat-trasport marittimi pprovduti bejn Marseille u Korsika għas-snin 2007-2013 fl-ambitu ta’ ftehim ta’ servizz pubbliku. Sussegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq intern il-kumpensi mħallsa lis-SNCM u lis-CNM għal servizzi ta’ trasport ipprovduti matul is-sena (iktar ’il quddiem is-“servizz imsejjaħ ‘bażiku’”), iżda ddikjarat inkompatibbli mas-suq intern il-kumpensi mħallsa għal servizzi pprovduti matul il-perijodi l-iktar impenjattivi li huma l-perijodi tal-Milied, ta’ Frar, tar-rebbiegħa-ħarifa u/jew tas-sajf (iktar ’il quddiem is-“servizz imsejjaħ ‘kumplimentari’”). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern [każ ta’ għajnuna mill-Istat SA.22843 2012/C (ex 2012/NN)].

Insostennn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, maqsum f’żewġ partijiet, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni kklassifikat il-ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija lis-SNCM u lis-CNM bħala għajnuna mill-Istat peress li l-ewwel u r-raba’ kriterji stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747) ma humiex kompletament sodisfatti.

Ir-rikorrenti ssostni permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark ma kienx sodisfatt f’parti minnu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkunsidra:

l-ewwel nett li, meta għamlet distinzjoni bejn is-servizz imsejjaħ “bażiku” u s-servizz imsejjaħ “kumplimentari”, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u ta’ dritt u injorat il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddefinixxu s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

it-tieni nett li, ikkunsidrati flimkien, is-servizzi koperti mill-ftehim ta’ servizz pubbliku konkluż bejn is-SNCM u s-CNM, minn naħa, u l-Office des Transports de la Corse u la Collectivité territoriale de Corse, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u li tali ftehim jissodisfa l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark;

it-tielet nett li, anki jekk jitqies li għandha ssir distinzjoni bejn is-servizz imsejjaħ “bażiku” u s-servizz imsejjaħ “kumplimentari”, is-servizz imsejjaħ “kumplimentari” jikkostitwixxi, bħas-servizz imsejjaħ “bażiku”, servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u jissodisfa l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark, sa fejn hemm ħtieġa reali għal servizz pubbliku minħabba l-insuffiċjenza ta’ servizzi ta’ trasport regolari f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni libera;

Permezz tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li r-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark ma kienx sodisfatt. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-proċedura tal-għoti tal-ftehim ta’ servizz pubbliku ppermettiet li tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva u, għalhekk, l-għażla tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża għall-komunità.

It-tieni motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpensi mħallsa lis-SNCM għas-servizz imsejjaħ “kumplimentari” kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn dan is-servizz ma jikkostitwixxix servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.