Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija) fil-25 ta’ Lulju 2023 – Voestalpine Giesserei Linz vs Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Cluj, Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca

(Kawża C-475/23, Voestalpine Giesserei Linz)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Voestalpine Giesserei Linz

Konvenuti: Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Cluj, Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , dwar id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, jipprekludu prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħha, f’sitwazzjoni fejn kumpannija tixtri oġġett, li sussegwentement tagħmel disponibbli lil subappaltatur, bla ħlas, għat-twettiq ta’ xogħlijiet għall-benefiċċju tal-ewwel kumpannija, din il-kumpannija hija mċaħħda mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT relatata mal-oġġett mixtri, peress li jitqies li x-xiri ma huwiex għall-benefiċċju tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha, iżda għall-benefiċċju tat-tranżazzjonijiet intaxxati tas-subappaltatur?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, dwar id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, jipprekludu prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-dritt għal tnaqqis huwa miċħud lil persuna taxxabbli, peress li ma żammitx rekords separati tal-kontabbiltà tagħha għall-istabbiliment permanenti tagħha fir-Rumanija, u għal din ir-raġuni l-awtoritajiet tat-taxxa la jistgħu jivverifikaw l-ispejjeż tax-xogħol applikati għal għamliet ta’ kkastjar li s-sid tagħhom huwa [din il-persuna taxxabbli], u lanqas l-attività ta’ pproċessar kollha mwettqa fit-territorju tar-Rumanija?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.