Language of document : ECLI:EU:F:2013:35

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Marzu 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Dmir tal-amministrazzjoni li tinterpreta l-ilmenti bi spirtu miftuħ — Tibdil fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti wara li jinżammu t-testijiet tad-dħul — Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi — Ċertezza legali”

Fil-Kawża F‑125/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Isabel Mendes, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Rodrigues u A. Blot, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, bħala aġent,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn M. I. Rofes i Pujol, President, I. Boruta u K. Bradley (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fit-28 ta’ Novembru 2011, I. Mendes ippreżentat din il-kawża intiża, min-naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 li permezz tagħha ma tħallietx tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li hija allegatament sofriet b’din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-awtorità tal-ħatra kontra att li taffettwah ħażin, kemm jekk l-imsemmi awtorità ħadet deċiżjoni, jew fejn naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment irid isir fi żmien tliet xhur. [...]”

3        L-Artikolu 91(2) u (3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“2. Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jintlaqa’ biss jekk:

– l-awtorità tal-ħatra qabel kienet irċevit ilment mitfugħ skond l-Artikolu 90(2) fil-perjodu preskritt fih, u

– l-ilment ma kienx aċċettat b’deċiżjonijiet espressi jew b’deċiżjoni taċita.

3. L-appelli taħt il-paragrafu 2 għandom isiru fi żmien tliet xhur. Il-perjodu għandu jibda:

– fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li tittieħed bħala tweġiba għall-ilment;

[...]”

4        L-Artikolu 1(1) tal-Anness III għar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi kif ġej:

“L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

[...]

e) meta l-kompetizzjoni hija fuq bażi ta’ eżamijiet, x’tip ikunu u kif ikunu mmarkati;

[...]”

5        Fis-17 ta’ Novembru 2010, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 għall-istabbiliment ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fil-grad AST 1 fil-qasam tas-segretarjat (ĠU C 312 A, p. 1 iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”). Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni ġiet iffissata għas-16 ta’ Diċembru 2010.

6        L-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprovdi, fit-Taqsima IV tiegħu, għat-testijiet tad-dħul u, fit-Taqsima V tiegħu, għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni. It-testijiet tad-dħul, li huma sitta, kienu intiżi li jevalwaw, permezz ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla, il-ħiliet u l-kompetenzi ġenerali fir-rigward tal-kandidati fil-qasam tar-raġunament verbali [test a)], tar-raġunament numeriku [test b)], tar-raġunament astratt [test c)], u fil-qasam tas-segretarjat [test f)]. Barra minn hekk, żewġ testijiet kienu jikkonċernaw il-kapaċitajiet professjonali tal-kandidati u kienu intiżi li jevalwaw, rispettivament, l-eżattezza u l-preċiżjoni [test d)] u l-prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni [test e)].

7        Skont it-Taqsima IV tal-avviż ta’ kompetizzjoni, it-testijiet (a), (d), (e) u (f) kellhom jingħataw, kull wieħed, minn 0 sa 20 punt, b’minimu meħtieġ ta’ 10 punti. It-testijiet (b) u (c) kellhom jingħataw minn 0 sa 10 punti kull wieħed, b’minimu meħtieġ ta’ 10 punti għaż-żewġ testijiet flimkien.

8        Il-punt 1 tat-Taqsima V tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jindika li kienu ser jiġu ammessi jipparteċipaw fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni l-kandidati li mhux biss ikunu kisbu waħda mill-aħjar marki u l-minimu meħtieġ għat-testijiet tad-dħul iżda li jkunu ssodisfaw ukoll, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom fl-applikazzjoni elettronika, il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

9        L-istess dispożizzjoni kienet tippreċiża li l-ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni kienet ser tiġi kkonfermata bil-kundizzjoni li ssir verifikazzjoni ulterjuri tad-dokumenti ta’ sostenn mehmuża mal-fajl ta’ kull kandidat. Barra minn hekk, in-nota ta’ qiegħ il-paġna, li għaliha jirreferi l-punt 1 tat-Taqsima V tal-avviż ta’ kompetizzjoni, kienet tippreċiża li l-għadd ta’ kandidati mistiedna għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni kien ser jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal 2.5 darbiet l-għadd ta’ kandidati magħżula indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Għall-kandidati li bħala lingwa għażlu l-Portugiż, it-tabella li tinsab fil-punt 1 tat-Taqsima I tal-avviż ta’ kompetizzjoni kienet tipprovdi għal 19-il kandidat.

10      Fl-avviż ta’ kompetizzjoni kien hemm ukoll, ġo kaxxa u enfasizzata, l-indikazzjoni preliminari segwenti:

“Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa l-gwida [applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali] ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali [...] C 184 A tat-8 ta’ Lulju 2010 kif ukoll fuq il-websajt tal-EPSO.

Din il-gwida, li tagħmel parti integrali mill-avviż ta’ kompetizzjoni, se tgħinek tifhem ir-regoli dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.”

11      Il-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fil-mument tal-fatti, kienet tipprovdi fil-punt 6.3 tagħha, bit-titolu “Proċeduri ta’ appell”:

“F’kull stadju tal-proċedura tal-kompetizzjoni, jekk tqis li [l-]EPSO jew il-ġurija ma mxewx b’mod ġust jew ma rrispettawx:

– id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni, jew

– id-dispożizzjonijiet tal-avviż tal-kompetizzjoni,

u li dan kien ta’ ħsara għalik, tista’ tirrikorri għal mezzi li ġejjin:

– tressaq ilment amministrattiv fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal [...],

[...]

– tintroduċi kawża fuq il-bażi tal-Artikolu 270 [TFUE] u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal [...] quddiem:

European Union Civil Service Tribunal

[...]

Għal dawn iż-żewġ tiġi [tipi] ta’ proċeduri, il-limiti ta’ żmien previsti [mir-Regolamenti tal-Persunal] jibdew jgħoddu min-notika tal-att li allegatament jippreġudika l-interessi tiegħek”.

12      Fit-3 ta’ Marzu 2011, l-EPSO ppubblika rettifika għall-avviż ta’ kompetizzjoni (ĠU C 68A, iktar ’il quddiem ir-“rettifika”). Ir-rettifika, li kienet tirrigwarda l-marki tat-testijiet (d) u (e), kienet miktuba kif ġej:

“F’paġna 3, taħt it-Titolu IV.2:

minflok:

‘Test d)

kapaċitajiet professjonali:

eżattezza u preċiżjoni

marki: 0 sa 20 punt

il-minimu meħtieġ: 10 punti

Test e)

kapaċitajiet professjonali:

prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

marki: 0 sa 20 punt

il-minimu meħtieġ: 10 punti

jaqra:

‘Test d)

kapaċitajiet professjonali:

eżattezza u preċiżjoni

marki: 0 sa 20 punt

Test e)

kapaċitajiet professjonali:

prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

marki: 0 sa 20 punt

  

Il-minimu meħtieġ għat-testijiet kollha d) u e) huwa ta’ 20 punti

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13      Ir-rikorrenti kkandidat ruħha għall-kompetizzjoni EPSO/AST/111/10 filwaqt li għażlet bħala lingwa prinċipali l-Portugiż u għaddiet mit-testijiet tad-dħul fil-11 ta’ Frar 2011. Id-data għall-għeluq tat-testijiet tad-dħul kienet stabbilita għall-15 ta’ Frar 2011.

14      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2011, l-EPSO informa lir-rikorrenti bil-pubblikazzjoni tar-rettifika sussegwenti u bil-kontenut tagħha, jiġifieri li ż-żewġ testijiet (d) u (e) kienu ser jiġu magħquda flimkien u mogħtija marki fuq 40 punt, b’minimu meħtieġ ta’ total ta’ 20 punt għaż-żewġ testijiet.

15      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2011, l-EPSO informa lir-rikorrenti li hija kienet kisbet il-minimu meħtieġ fit-testijiet tad-dħul u, b’mod partikolari, 11-il punt fit-test (d), li hija kellha marka globali ta’ 67.07 punt u li hija kienet sejra tiġi informata fi żmien qasir dwar jekk kinitx fost il-kandidati aċċettati għall-fażi sussegwenti tal-kompetizzjoni.

16      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2011, l-EPSO informa lir-rikorrenti li hija ma kinitx iddaħħlet fil-lista ta’ kandidati mistiedna biex jipparteċipaw fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, peress li l-kandidati aċċettati kienu kisbu marka ta’ mill-inqas 68.8 punti u li hija kienet kisbet marka iktar baxxa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni”). Permezz tal-istess ittra, l-EPSO informa lir-rikorrenti li l-kandidatura tagħha ma kinitx ġiet eżaminata mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

17      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2011 u rreġistrata fl-14 ta’ April 2011, ir-rikorrenti bagħtet ilment, skont l-Artikolu 90(2) (iktar ’il quddiem l-“ilment”) li kien jgħid, essenzjalment, li l-adozzjoni tar-rettifika kienet irregolarità proċedurali li kkawżatilha dannu. Għaldaqstant, hija talbet l-annullament tar-rettifika inkwantu din kienet tibdel il-fażi eliminatorja tal-kompetizzjoni, li għaliha l-eżamijiet kienu diġà saru u kienu diġà ġew ikkoreġuti (“I request [...] the annulment of the corrigendum, as modifying an eliminatory stage that has been already completed and corrected”) u li huma biss il-kandidati li kisbu l-minimu meħtieġ fit-testijiet kollha li għandhom jiġu mistiedna għall-fażi sussegwenti (“[...] the invitation at the next stage of only those who have obtained a pass mark in all tests [including test d]”).

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2011, l-EPSO, bħala l-Awtorità tal-Ħatra ċaħad l-ilment tar-rikorrenti. Permezz ta’ dik id-deċiżjoni, l-EPSO informa lir-rikorrenti li r-rettifika kienet ġiet adottata minħabba l-fatt li l-istimi tar-riżultati tat-testijiet ta’ aċċess, magħmula abbażi tal-informazzjoni disponibbli wara t-testijiet, kienu żvelaw rata ta’ suċċess fit-test (d) li kienet ħafna iktar baxxa minn dak li kien mistenni.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

19      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        prinċipalment:

jannulla d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni;

konsegwentement, jiddikjara li r-rikorrenti għandha terġa’ tiddaħħal fil-proċess ta’ reklutaġġ;

fi kwalunkwe każ, jitlob lill-EPSO jiżvela l-informazzjoni fil-pussess tiegħu fir-rigward tar-riżultati miksuba mill-kandidati kollha fit-testijiet d) u e);

–        sussidjarjament, fil-każ li t-talba prinċipali ma tintlaqax, titħallas lir-rikorrenti s-somma ffissata b’mod provviżorju u ex aequo et bono għal EUR 50 000;

–        fi kwalunkwe każ, titħallas lir-rikorrenti s-somma ffissata b’mod provviżorju u ex aequo et bono għal EUR 50 000, bħala kumpens għad-danni morali.

20      Il-konvenuta titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż kollha.

21      Permezz ta’ ittri tal-25 ta’ April 2012, it-Tribunal talab ċerta informazzjoni u dokumenti lill-partijiet, li kkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

22      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012. Fi tmiem is-seduta, il-proċedura orali ngħalqet u bdiet id-deliberazzjoni tal-kawża.

23      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku reġa’ fetaħ il-proċedura orali u talab lill-Kummissjoni tippreċiża kif it-testijiet tad-dħul tal-kompetizzjoni ġew organizzati u b’mod partikolari jekk il-kandidati setgħux jagħżlu liberament il-mod kif iqassmu ż-żmien mogħti b’mod globali bejn it-testijiet, jew jekk iż-żmien massimu għal kull test kienx stabbilit minn qabel. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-Kummissjoni tindika jekk din l-informazzjoni kinitx aċċessibbli għall-kandidati tal-kompetizzjoni qabel it-testijiet, u f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, kif ġiet din ikkomunikata lilhom.

24      Il-Kummissjoni għamlet dan permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2012.

25      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Settembru 2012, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet bl-għeluq tal-proċedura orali u bil-bidu tad-deliberazzjoni ta’ din il-kawża.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.     L-argumenti tal-partijiet

26      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-rikors ma kienx ippreċedut b’ilment.

27      B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti, fl-ilment tagħha, talbet biss l-annullament tad-deċiżjoni għall-adozzjoni tar-rettifika u biex jiġu mistiedna għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni l-kandidati li kisbu l-minimu meħtieġ għal kull test, inkluż it-test (d). Min-naħa l-oħra, dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni. Konsegwentement, ir-rikors għandu suġġett differenti minn dak tal-ilment u ma jistax jitqies li ġie ppreċedut b’dan tal-aħħar iżda pjuttost bħala kawża diretta quddiem it-Tribunal. Tali kawża diretta kellha ssir fit-terminu ta’ tliet xhur miżjud bit-terminu perentorju tad-distanza ta’ għaxart ijiem min-notifika tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni, jiġifieri mhux iktar tard mit-18 ta’ Lulju 2011, peress li s-17 ta’ Lulju kien il-Ħadd. Madankollu, dan ir-rikors ġie ppreżentat biss fit-28 ta’ Novembru 2011 u għaldaqstant huwa tardiv, u konsegwentement, manifestament inammissibbli.

28      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rribattiet, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza, l-ilment għandu jippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra li tkun taf b’mod suffiċjentement preċiż il-kritika li l-persuni kkonċernati jkunu qegħdin iressqu kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati u li, peress li f’dak l-istadju l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jaġixxu, kif kien il-każ hawnhekk, mingħajr l-intervent ta’ avukat, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda bi spirtu miftuħ. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti affermat li qajmet ilmenti identiċi fl-ilment u fir-rikors, u għaldaqstant osservat ir-regola tal-konkordanza kif tirriżulta mill-ġurisprudenza. Fit-tielet u l-aħħar lok, ir-rikorrenti sostniet li l-ilment kien jirrigwarda impliċitament id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

29      L-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikors kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku huwa ammissibbli biss jekk ikun tressaq ilment minn qabel quddiem l-Awtorità tal-Ħatra u jekk dak l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew taċita ta’ ċaħda.

30      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tirrigwarda biss l-atti li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ eventwalment tirriforma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, punt 16), b’mod li r-rimedju disponibbli fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jikkonsisti normalment f’kawża diretta quddiem il-Qorti tal-Unjoni (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2005, Gibault vs Il-Kummissjoni, T‑294/03, punt 22; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-23 ta’ Novembru 2010, Bartha vs Il-Kummissjoni, F‑50/08, punt 25).

31      Jekk il-persuna kkonċernata tagħżel madankollu li l-ewwel iddur kontra l-amministrazzjoni permezz ta’ lment amministrattiv dirett kontra deċiżjoni ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni, l-ammissibbiltà tar-rikors kontenzjuż ippreżentat sussegwentement kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dak l-ilment tkun tiddependi mill-osservanza, min-naħa tal-persuna kkonċernata, tar-rekwiżiti proċedurali kollha marbuta mal-ilment imressaq preċedentement (sentenza Gibault vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). B’mod partikolari, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment jibda jiddekorri, skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni msemmija (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-20 ta’ Ġunju 2012, Cristina vs Il-Kummissjoni, F‑66/11, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, biex jiġi stabbilit jekk l-ilment u dan ir-rikors għandhomx l-istess suġġett, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi lment huwiex dirett kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni.

33      F’dan ir-rigward, ġie deċiż diversi drabi li l-klassifikazzjoni ġuridika eżatta ta’ ittra jew ta’ nota taqa’ taħt l-evalwazzjoni esklużiva tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u ma toħroġx mill-volontà tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, C‑154/99 P, punt 16).

34      Issa, l-ilment ikun dik l-ittra li biha l-uffiċjal, mingħajr ma jitlob espressament l-irtirar tad-deċiżjoni inkwistjoni, juri biċ-ċar ir-rieda tiegħu li jikkontesta d-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il-Parlament, T‑354/03, punt 43). F’dan ir-rigward, il-kontenut tal-att jipprevali fuq il-forma (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 1998, Brems vs Il-Kunsill, T‑219/97, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, il-proċedura prekontenzjuża, li matulha l-persuni kkonċernati jistgħu jaġixxu mingħajr l-intervent ta’ avukat, hija ta’ natura informali u, konsegwentement, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda għandha, bil-kontra, teżaminahom bi spirtu miftuħ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il-Parlament, 133/88, punt 11; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2004, Schumann vs Il-Kummissjoni, T‑49/03, punt 39).

36      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata mill-ewwel li l-ilment, bid-data tat-12 ta’ April 2011 u li ġie rreġistrat mill-EPSO fl-14 ta’ April 2011, sar wara d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni, deċiżjoni li, ma hemmx dubju, tippreġudika lir-rikorrenti.

37      Imbagħad, ma hemm xejn fl-ilment li jagħti lil wieħed x’jifhem li r-rikorrenti kienet qiegħda taġixxi fl-interess ġenerali. Bil-kontra, huwa jagħmel riferiment espliċitu għas-sitwazzjoni personali tagħha, billi jindika li hija kienet għaddiet mit-testijiet kollha u b’mod partikolari li hija kienet fost dawk il-kandidati rari li kienu għaddew mit-test (d). Skont l-ilment, ir-rikorrenti tilmenta formalment b’irregolarità proċedurali li tikkawżalha preġudizzju (“I [...] hereby would like to formally complain […] about a procedural irregularity that brings me prejudice”). Imbagħad hija tosserva li, mingħajr ir-rettifika, il-kandidati li ma jilħqux il-minimu meħtieġ fit-test (d) jiġu eliminati, iżda r-rettifika tibdel radikalment is-sitwazzjoni, billi tibdel in-numru u l-kompożizzjoni tal-grupp ta’ kandidati ammessi għall-fażi sussegwenti (“[c]andidates with no pass mark in test [d] would be eliminated, but the corrigendum changes radically this […] the population of candidates to be admitted to the next stage would change in both composition and numbers”). Hija tafferma, barra minn hekk, li, fid-dawl tal-minimu meħtieġ ta’ 10 punti għat-test (d), hija kienet adottat approċċ u preparazzjoni differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-ħin tagħha u l-għażla tal-partijiet l-iktar importanti tat-test, minn dak li hija kienet tadotta kieku ma kienx hemm il-minimu meħtieġ għal dak it-test (“in order to succeed in test [d] with a pass mark of 10, I had a different approach and preparation [time management, focusing on the most important parts, etc.] than if there was no pass mark”).

38      Mill-mod kif ġie fformulat l-ilment, meħud fl-intier tiegħu, u mill-kuntest fattwali li fih inkiteb l-ilment, jirriżulta għaldaqstant li, b’mod differenti minn kif tallega l-Kummissjoni, il-konstatazzjoni li r-rettifika kienet tikkostitwixxi irregolarità proċedurali li kkawżatilha preġudizzju kienet il-motiv li fuqu bbażat it-talba tagħha r-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni, u mhux is-suġġett tat-talba.

39      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Awtorità tal-Ħatra, fid-deċiżjoni tagħha li biha ċaħdet l-ilment, u l-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, żbaljaw meta kkunsidraw li l-ilment kien dirett biss kontra r-rettifika, peress li huwa kien jirrigwarda b’mod taċitu, iżda bla ebda dubju, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni u b’mod eċċezzjonali biss ir-rettifika.

40      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors, li huwa dirett kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni, għandu l-istess suġġett bħall-ilment u għaldaqstant, ġie ppreċedut minnu. Anki jekk jingħad li d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment, bid-data tas-16 ta’ Awwissu 2011, ġiet innotifikata lir-rikorrenti f’dan l-istess jum, fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx, l-aħħar jum tax-xogħol biex jiġi ppreżentat ir-rikors kien it-28 ta’ Novembru 2011, peress li s-26 ta’ Novembru 2011 kien jinserta s-Sibt. Għaldaqstant, ir-rikors, li ġie ppreżentat fit-28 ta’ Novembru 2011, ġie ppreżentat fit-terminu stabbilit.

41      Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

1.     Fuq it-talbiet intiżi għar-reintegrazzjoni tar-rikorrenti fil-proċess ta’ reklutaġġ u li jipproponu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

42      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet prinċipali tagħha, ir-rikorrenti tixtieq tikseb ir-reintegrazzjoni tagħha fil-proċess ta’ reklutaġġ mibdi permezz tal-kompetizzjoni.

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li tissostitwixxi ruħha flokhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2005, Christensen vs Il-Kummissjoni, T‑336/02, punt 17; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Frar 2012, AY vs Il-Kunsill, F‑23/11, punti 13 u 14).

44      Dan il-kap tat-talbiet għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

45      Permezz tat-tielet kap tat-talbiet prinċipali, ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna lill-EPSO juri l-informazzjoni fil-pussess tiegħu fir-rigward tar-riżultati miksuba mill-kandidati kollha li qagħdu għat-testijiet (d) u (e).

46      Peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħass li kien informat biżżejjed permezz tas-sottomissjonijiet bil-miktub li ġew skambjati, tar-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula waqt is-seduta u permezz tad-dokumenti u osservazzjonijiet ppreżentati fi tmiem l-istess seduta, jidhirli li t-talbiet imsemmija hawn fuq ma għandhomx jintlaqgħu.

2.     Fuq it-talbiet għall-annullament

47      Insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, bħala eċċezzjoni, fuq l-illegalità tar-rettifika u t-tieni wieħed fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, bħala eċċezzjoni, fuq l-illegalità tar-rettifika

48      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ lmenti bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 29(1) u tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

49      Fir-rigward tal-ewwel żewġ ilmenti, għandu jiġi kkonstatat li dawn kemm jissemmew fir-rikors u ma huma kkorroborati b’ebda argument. Fil-fatt, b’kuntrast mar-regola prevista fl-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tippreċiża għal-liema raġunijiet ir-rettifika allegatament tikser l-Artikolu 29(1) jew l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u għandhom jiġu eżaminati biss l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi.

 L-argumenti tal-partijiet

50      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti tfakkar li, abbażi tal-verżjoni inizjali tal-avviż ta’ kompetizzjoni, hija kienet kisbet il-minimu meħtieġ fit-testijiet tad-dħul kollha u ssostni li kieku r-rettifika, li ġiet adottata wara li hija għaddiet mit-testijiet tad-dħul, ma ġietx applikat għaliha, hija kienet żgur tikseb waħda mill-aħjar marki f’dawn it-testijiet.

51      It-tibdil li sar fil-kundizzjonijiet tal-marki tat-testijiet (d) u (e) kellu neċessarjament effett fuq ir-riżultati tagħha fit-testijiet imsemmija u fuq il-klassifikazzjoni li rriżultat minnhom. Fil-fatt, in-numru ta’ kandidati li għaddew mit-testijiet (d) u (e) li ngħataw marki flimkien kien ogħla min-numru ta’ kandidati li għaddew mit-testijiet (d) u (e) b’marki separati. Peress li minħabba l-imsemmija rettifika n-numru ta’ kandidati aċċettati kien ikbar, iċ-ċansijiet li hija tiġi aċċettata għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, billi ġġib medja ogħla minn dik tal-kompetituri tagħha, b’dan il-mod, naqsu.

52      Ir-rikorrenti tfakkar il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li l-portata fiż-żmien ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tiġi stabbilita li tibda minn data li tippreċedi l-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief, b’mod eċċezzjonali, meta l-għan li jkun irid jintlaħaq jitlob dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati. Issa, fil-każ odjern, ma hemm ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika l-adozzjoni tar-rettifika.

53      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkonstata li l-Kummissjoni tiġġustifika l-adozzjoni tar-rettifika minħabba eżiġenzi tas-servizz, li jirriżultaw mir-riskju għoli li ma jinġabarx numru suffiċjenti ta’ kandidati aċċettati għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni, dik tal-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, u hija ssostni li l-Kummissjoni ma ġabet ebda prova li tista’ tiġġustifika l-eżistenza ta’ tali interess.

54      Il-Kummissjoni tirribatti li r-rettifika ġiet adottata biex jiġu evitati konsegwenzi ta’ severità inutli fir-rigward tat-test (d) u li dan l-għan huwa leġittimu minnu nnifsu u konformi mal-interess tas-servizz. Fil-fatt, meta l-Awtorità tal-Ħatra tikkonstata li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’avviż ta’ kompetizzjoni huma eċċessivament ħarxa, hija tista’ dejjem tibdilhom sakemm hija tagħmel dan oġġettivament u mhux minħabba l-kandidati li jkunu pparteċipaw.

55      Fi kwalunkwe każ, din il-miżura hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tosserva wkoll id-dmir ta’ premura lejn il-kandidati inkwantu tevita li dawn ibatu dewmien li jirriżulta mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni ġdida. Barra minn hekk, tali miżura hija konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li tippermetti li jiġu ffrankati l-flejjes pubbliċi li jinħlew kieku, wara l-annullament ta’ kompetizzjoni, l-amministrazzjoni tkun obbligata torganizza kompetizzjoni ġdida.

56      Fir-rigward tal-interess tas-servizz, il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun fl-interess tal-kandidati stess, kif ukoll f’dak tal-Awtorità tal-Ħatra, li din teżerċita kontroll permanenti tal-affidabbiltà tat-testijiet li hija għamlet, speċjalment meta dawn ikunu testijiet użati għall-ewwel darba, bħalma huwa l-każ hawnhekk. Fin-nuqqas ta’ tali kontroll, il-qorti tal-Unjoni jkollha mnejn tiġi adita b’diversi rikorsi li jikkontestaw l-esklużjonijiet minħabba testijiet li jkunu ħarxa wisq.

57      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, il-konvenuta tindika li r-rettifika saret f’mument fejn ir-rikorrenti ma setax ikollha ċ-ċertezza li hija kienet ser tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

58      Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1)(e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ kompetizzjoni għandu jispeċifika, meta l-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq eżamijiet, x’tip ikunu u kif ikunu mmarkati (ara f’dan is-sens, is-sentenza Detti vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

59      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxu kemm il-qafas tal-legalità kif ukoll il-qafas tal-evalwazzjoni għall-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Schumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rettifika biddlet, wara l-konklużjoni tat-testijiet tad-dħul, l-għoti tal-marki lit-testijiet (d) u (e) minn kif kien previst fl-avviż tal-kompetizzjoni, billi stabbilixxiet li dawn iż-żewġ testijiet għandhom ikunu magħquda u mogħtija marki fuq 40 punt, b’minimu meħtieġ ta’ total ta’ 20 punt.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni r-rikorrenti, it-tibdil tal-għoti tal-marki tat-testijiet wara li jkunu saru l-istess testijiet jiksirx il-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

62      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li d-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi pprovdietlu garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkondizzjonali u konkordanti, li ġejjin minn sorsi awtorizzati u kredibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, punt 96).

63      F’dan il-każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien fih tali garanziji li abbażi tagħhom ir-rikorrenti kellha raġun tistenna li l-kandidati ammessi għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni jkunu magħżula biss minn fost dawk li jkunu kisbu l-minimu meħtieġ fit-testijiet tad-dħul u, b’mod partikolari, il-marka minima ta’ 10 punti fit-test (d).

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżamijiet ta’ natura komparattiva huma, min-natura tagħhom, eżamijiet li fihom il-prestazzjoni ta’ kull kandidat tiġi evalwata fid-dawl tal-prestazzjoni tal-oħrajn, b’mod li n-numru tal-kandidati ammessi għal dawn l-eżamijiet jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjonijiet magħmula mill-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni fuq il-kandidati. Dawn tal-aħħar jirriflettu l-ġudizzju ta’ valur fuq il-prestazzjoni ta’ kandidat meta mqabbel ma’ dawk ta’ kandidati oħra. Minn dan isegwi li, iktar ma jkun għoli n-numru ta’ kandidati ta’ dan it-tip ta’ eżamijiet, iktar ikun għoli l-livell ta’ eżiġenzi tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni fir-rigward tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T‑24/01, punt 57).

65      It-tibdil fir-regoli dwar l-għoti tal-marki lit-testijiet (d) u (e) previst fl-avviż ta’ kompetizzjoni huwa ta’ natura li jaffettwa ċ-ċansijiet tar-rikorrenti li tiġi inkluża fil-lista tal-kandidati ammessi għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, inkwantu tali tibdil jista’ jkollu bħala effett żieda fin-numru ta’ kandidati li jiksbu l-marka minima fit-testijiet, filwaqt li jnaqqas, konsegwentement, iċ-ċansijiet tagħha li ssib ruħha fost l-aħjar kandidati.

66      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li tali żieda kienet ir-raison d’être innifsu tar-rettifika li ġiet adottata wara li l-EPSO kkonstata “problema gravi u mhux mistennija li tikkonċerna r-riżultati tat-test (d)”. Skont l-EPSO, it-test kien maħsub sabiex iwassal għal rata ta’ suċċess ta’ madwar 50 % iżda, fil-fatt, ir-rata ta’ suċċess irriżultat li hija ta’ madwar 15 %.

67      Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess u b’mod partikolari mill-eżerċizzju ta’ simulazzjoni li l-EPSO wettaq abbażi tal-informazzjoni disponibbli wara t-testijiet u mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni la l-kanċellament ta’ ċerti domandi u lanqas id-deċiżjonijiet tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni li jikkonċernaw l-eliġibbiltà tal-kandidati, simulazzjoni li ġiet annessa mill-Kummissjoni mar-risposta tagħha (iktar ’il quddiem is-“simulazzjoni”), li r-rettifika wasslet għall-effett mixtieq. B’mod partikolari, għall-kandidati li, bħar-rikorrenti, kienu għażlu l-Portugiż bħala l-ewwel lingwa, l-istima tan-numru ta’ kandidati li kellhom jgħaddu mit-test (d) mingħajr ir-rettifika kienet ta’ 50, filwaqt li bir-rettifika kien hemm 211-il kandidat li għaddew mit-testijiet (d) u (e) flimkien. Skont is-simulazzjoni, meta jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ kandidati li għaddew mit-test (d) mingħajr ir-rettifika, il-marka minima meħtieġa biex wieħed isib ruħu fost l-aħjar 48 kandidat aċċettati għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni kienet ta’ 65.533 punt. Min-naħa l-oħra, bir-rettifika, il-marka minima meħtieġa biex wieħed ikun fost l-aħjar 48 kandidat kienet ta’ 73.400 punt.

68      L-effett tar-rettifika fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti huwa iktar ċar meta wieħed jikkonstata li, wara li ġabet marka ta’ 67.07 punt fit-testijiet tad-dħul, hija kellha tkun, jekk mingħajr ir-rettifika, fost l-aħjar 48 kandidat tal-lingwa Portugiża.

69      Barra minn hekk, u għal finijiet ta’ kompletezza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ rettifika għal avviż ta’ kompetizzjoni wara li jkunu saru l-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, kien teoretikament possibbli għall-membri tal-EPSO jew tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni li jkunu jafu l-ismijiet tal-kandidati li kienu għaddew mill-eżamijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi u filwaqt li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma lmentatx bl-eżistenza ta’ tali abbuż u li ebda element mill-proċess ma jippermetti li wieħed jaħseb li kien hemm dan l-abbuż f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-użu ta’ tali teknika ma jinvolvix riskju ta’ abbuż.

70      Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tar-rettifika għar-rikorrenti ma osservatx il-garanziji li kienu ngħatawlha permezz tal-avviż ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-għoti tal-marki tat-testijiet (d) u (e) u, għaldaqstant, kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali

71      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju taċ-ċertezza legali huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, punt 69).

72      Issa, għalkemm, bħala regola ġenerali, dan il-prinċipju jipprekludi li l-portata fiż-żmien ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tiġi stabbilita li tibda minn data li tippreċedi l-pubblikazzjoni tiegħu, dan ma huwiex il-każ meta, b’mod eċċezzjonali, l-għan li jkun irid jintlaħaq jitlob dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti permezz tal-ġurisprudenza biex jiġi adottat att ta’ portata retroattiva, bħalma hija r-rettifika li tibdel l-għoti tal-marki tat-testijiet (d) u (e) wara li dawn kienu saru, ma humiex issodisfatti.

74      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni dwar l-għan li għandu jintlaħaq, il-Kummissjoni ssostni li l-adozzjoni tar-rettifika kienet tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra li teżerċita kontroll permanenti tal-effikaċja tat-testijiet stabbiliti sabiex, b’mod partikolari, tiġi evitata severità eċċessiva.

75      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, għalkemm tali kontroll huwa ċertament fl-interess tal-amministrazzjoni u tal-kandidati nfushom, madankollu dan ma jistax jippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati li l-eżamijiet tal-kompetizzjonijiet isiru skont il-modalitajiet stabbiliti bl-avviż ta’ kompetizzjoni, u dan jeskludi l-possibbiltà li jinbidlu a posteriori l-kriterji għall-għoti ta’ marki għall-eżamijiet stabbiliti fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

76      Ċertament huwa aċċettat mill-ġurisprudenza li meta l-Awtorità tal-Ħatra ssib, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, li l-kundizzjonijiet meħtieġa kienu aħrax minn dak li huwa meħtieġ għall-bżonnijiet tas-servizz, hija tista’ jew tkompli l-proċedura billi tirrekluta, jekk ikun il-każ, numru ta’ kandidati li għaddew inqas minn dak li kien previst inizjalment, jew terġa’ tibda l-proċedura tal-kompetizzjoni billi tirtira l-avviż ta’ kompetizzjoni oriġinali u tissostitwixxih b’avviż ikkoreġut (ara, b’analoġija, fil-każ ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ottubru 1996, Vecchi vs Il-Kummissjoni, T‑356/94, punt 56).

77      Madankollu, l-adozzjoni ta’ rettifika tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li jkunu saru ċerti eżamijiet ma tistax titqies bħala ekwivalenti għal xi waħda mis-soluzzjonijiet previsti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

78      Fil-fatt, biżżejjed jiġi osservat li, meta l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi li terġa’ tibda proċedura ta’ kompetizzjoni, il-kandidati inklużi fil-proċedura inizjali jistgħu, bħala regola ġenerali, jerġgħu jippreżentaw ruħhom għall-proċedura l-ġdida. Min-naħa l-oħra, tali possibbiltà ma hijiex miftuħa għall-kandidati li, bħar-rikorrenti f’din il-kawża, jiġu eliminati wara deċiżjoni adottata abbażi ta’ tibdil fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

79      Barra minn hekk, l-għażla li titkompla proċedura ta’ kompetizzjoni billi jiġi rreklutat numru ta’ kandidati li għaddew li huwa inqas minn dak li kien previst inizjalment, tippermetti li jiġu osservati l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati kollha fl-andament tal-eżamijiet skont il-modalitajiet stabbiliti fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

80      It-tibdil a posteriori ta’ avviż ta’ kompetizzjoni huwa differenti wkoll mid-diversi tekniki ta’ kanċellament tal-mistoqsijiet fl-eżamijiet bil-miktub (ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Jannar 2001, Gerochristos vs Il-Kummissjoni, T‑189/99, punti 25 u 26, u Schumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 61).

81      Fil-fatt, fil-każ odjern, l-Awtorità tal-Ħatra biddlet, permezz tar-rettifika, il-modalitajiet li bihom jingħataw il-marki fit-testijiet (d) u (e). Dawn il-modalitajiet ta’ għoti ta’ marki jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kif ikunu mmarkati” previst fl-Artikolu 1(1)(e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u għandhom, konsegwentement, jiġu stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kanċellament tal-mistoqsijiet fl-eżamijiet bil-miktub jikkonċerna n-numru ta’ mistoqsijiet li jkun fih l-eżami, kif ukoll l-għoti tal-marki individwali għal kull mistoqsija. Dawn l-elementi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta “kif ikunu mmarkati” msemmi iktar ’il fuq u, għaldaqstant, ma għandhomx jiddaħħlu bilfors fl-avviż ta’ kompetizzjoni, b’mod li t-tibdil eventwali tagħhom wara l-bidu tal-eżamijiet bl-ebda mod ma jibdel l-avviż ta’ kompetizzjoni.

82      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-adozzjoni tar-rettifika hija ġġustifikata wkoll minħabba kunsiderazzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura lejn il-kandidati. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux isiru f’dan il-każ. Fil-fatt, biżżejjed jiġi osservat li l-adozzjoni tar-rettifika ċertament ma tibbenefikax lill-kandidati kollha u għandha l-effett li teskludi mill-proċedura ta’ kompetizzjoni l-kandidati li, bħar-rikorrenti, kienu kisbu l-minimu meħtieġ fit-testijiet kollha skont il-kriterji ta’ għoti ta’ marki tat-testijiet tad-dħul previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

83      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ ssostni li l-adozzjoni tar-rettifika ma tiksirx il-prinċipju taċ-ċertezza legali billi tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont dan il-prinċipju, li huwa rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita bħala wieħed li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità ta’ miżura adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex (ara s-sentenza Schumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Madankollu, kunsiderazzjonijiet marbutin mal-proporzjonalità ta’ miżura ma jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ att li jikser il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, bħalma huwa t-tibdil ta’ avviż ta’ kompetizzjoni wara li jsiru t-testijiet tad-dħul, u dan peress li l-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika biss meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta’ Settembru 2010, Torijano Montero vs Il-Kunsill, F‑76/05, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li tirrigwarda l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati, biżżejjed isir riferiment għall-punti 64 sa 69 ta’ din is-sentenza li minnha jirriżulta li l-applikazzjoni tar-rettifika tikser l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati li, bħar-rikorrenti, stennew li biss il-kandidati li jkunu kisbu l-minimu meħtieġ fit-testijiet tad-dħul, kif previst mill-avviż ta’ kompetizzjoni, jiġu inklużi fil-lista tal-kandidati ammessi biex jipparteċipaw fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni.

85      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-applikazzjoni tar-rettifika fil-konfront tar-rikorrenti tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

86      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, bl-applikazzjoni tar-rettifika fil-konfront tar-rikorrenti, bi ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, l-Awtorità tal-Ħatra vvizzjat il-proċedura tal-kompetizzjoni b’irregolarità u li, konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni tar-rikorrenti għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni għandha tiġi annullata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura

87      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni li biha hija ma ġietx ammessa għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, l-EPSO kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura fis-sens li d-deċiżjoni kkontestata jkollha l-effett li teskludi mill-proċess ta’ reklutaġġ kandidat li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissjoni previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni u li, minħabba l-esperjenza professjonali diġà miksuba, jissodisfa minn kull lat l-interess tas-servizz.

88      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li d-dmir ta’ premura bl-ebda mod ma jeżiġi li l-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni jinkludi fil-lista ta’ riżerva l-kandidati kollha li, fil-fehma tagħhom stess, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-pożizzjoni vakanti (ara s-sentenza Cristina vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

89      Barra minn hekk, anki jekk jingħad li r-rikorrenti, fir-rikors tagħha, ippreżentat elementi li jistgħu juru li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissjoni u l-interess tas-servizz, skont ġurisprudenza stabbilita, il-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni fuq titoli u eżamijiet għandu setgħa diskrezzjonali, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri ta’ kompetizzjoni, biex jevalwa, każ b’każ, jekk id-diplomi prodotti minn kull kandidat, kif ukoll l-esperjenzi professjonali preċedenti tagħhom, humiex tal-livell meħtieġ mir-Regolament tal-Persunal u mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkonċernat. Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jillimita ruħu li jivverifika li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma kienx ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑214/99, punti 69 sa 71). Peress li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tista’ turi l-eżistenza ta’ tali żball, dan il-motiv jista’ biss jiġi miċħud.

90      Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq it-talbiet għal kumpens

 L-argumenti tal-partijiet

91      Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-irregolarità tad-deċiżjoni li biha ma ġietx ammessa għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, hija sofriet danni materjali u morali.

92      Fir-rigward tad-dannu materjali, li r-rikorrenti tistmah b’mod provviżorju u ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 50 000, dan jirriżulta mill-fatt li hija ġiet imċaħħda miċ-ċans li ssir uffiċjal.

93      Fir-rigward tad-dannu morali, li r-rikorrenti tistmah ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 50 000, dan jirriżulta mill-mod partikolarment nieqes mid-diliġenza li l-EPSO ttratta l-fajl tagħha u min-nuqqas ta’ premura li wera fil-konfront tagħha.

94      Il-Kummissjoni ssostni li, peress li hija ma wettqet ebda irregolarità, it-talbiet għal kumpens huma manifestament infondati u li, fi kwalunkwe każ, huma inammissibbli, peress li ma tqajmux fl-ilment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

95      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal kumpens, biżżejjed jitfakkar li, fis-sistema ta’ rimedji prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta jkun hemm rabta stretta bejn talba għal annullament u talba għal kumpens, hija ammissibbli li jkun hemm talba għal kumpens magħmula għall-ewwel darba quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minkejja li l-ilment amministrattiv ta’ qabel ikun intiż biss għall-annullament tad-deċiżjoni allegatament dannuża, peress li talba għal annullament tista’ timplika talba għal kumpens tad-dannu allegat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Mejju 1997, N vs Il-Kummissjoni, T‑273/94, punt 159, u tat-18 ta’ Frar 2004, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02, punt 47).

96      F’dan il-każ, teżisti rabta mill-qrib bejn it-talba għal annullament u t-talba għal kumpens, b’mod li din tal-aħħar hija ammissibbli, minkejja l-fatt li ma kinitx tinsab fl-ilment.

97      Barra minn hekk, fir-rigward tat-talbiet għal kumpens li jirrigwardaw id-dannu materjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li dawn saru b’mod sussidjarju. Peress li t-talbiet prinċipali tar-rikorrenti relatati mar-reintegrazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ kompetizzjoni ġew miċħuda bħala inammissibbli fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tiġi eżaminata t-talba sussidjarja dwar il-kumpens ta’ dan id-dannu.

98      Skont ġurisprudenza stabbilita, biex l-amministrazzjoni tinżamm responsabbli r-rikorrenti għandha turi l-eżistenza ta’ irregolarità, ta’ dannu reali, u ta’ rabta kawżali bejn l-irregolarità u d-dannu invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, punt 42, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, punt 52).

99      Fil-każ odjern, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament sofrut minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni. Peress li din id-deċiżjoni ġiet annullata, għandu jiġi eżaminat jekk l-irregolarità kkonstatata kkawżatx dannu lir-rikorrenti u jekk hemmx rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-imsemmija irregolarità.

100    Fir-rigward tad-dannu materjali allegat, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti u, b’mod partikolari, li tadotta, skont il-prinċipji tal-legalità, kull att ta’ natura li jikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li rriżulta, għar-rikorrent, mill-att annullat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, punt 98; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Ġunju 2011, Larue u Seigneur vs BĊE, F‑84/09, punt 64), bla ħsara għall-possibbiltà li r-rikorrenti tippreżenta mbagħad rikors kontra l-miżuri adottati mill-Kummissjoni biex teżegwixxi din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li t-talbiet għall-kumpens li jirrigwardaw id-dannu materjali huma prematuri u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda.

101    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu morali li r-rikorrenti tallega li sofriet, in-natura tad-dannu sofrut u r-rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat jistgħu jiġu dedotti mis-sentiment ta’ frustrazzjoni u ta’ inġustizzja li r-rikorrenti setgħet tħoss b’mod leġittimu minħabba li hija vittma ta’ illegalità.

102    Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li l-annullament ta’ att tal-amministrazzjoni jikkostitwixxi diġà, minnu nnifsu, kumpens adegwat u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali, sakemm ir-rikorrenti ma turix li sofriet dannu morali separat mill-illegalità li jiġġustifika l-annullament u li ma jistax jiġi rrimedjat b’mod sħiħ b’dan l-annullament (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, punt 99). Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, fl-ewwel lok, l-att annullat jinvolvi evalwazzjoni espressament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li tista’ tweġġgħu, u fit-tieni lok, meta l-illegalità mwettqa hija ta’ gravità partikolari u, fit-tielet lok, meta l-annullament huwa mċaħħad minn kull effett utli, peress li ma jistax jikkostitwixxi minnu nnifsu kumpens adegwat u suffiċjenti għal kull dannu morali kkawżat bl-att annullat (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta’ Mejju 2011, AQ vs Il-Kummissjoni, F‑66/10, punti 105, 107 u 109).

103    F’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjoni li r-rikorrenti ma tiġix inkluża fil-lista ta’ kandidati li ġew ammessi għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 ma jħassarx l-effetti li kellha l-illegalità kkonstatata u b’mod partikolari, ma tistax tikkostitwixxi minnha nfisha kumpens adegwat għall-isforzi magħmula u ż-żmien użat mir-rikorrenti biex tħejji ruħha għalxejn. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi li l-Kummissjoni għandha tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 2 000 bħala kumpens għad-dannu morali.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

105    Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni tilfet. Madankollu, peress li r-rikorrenti ma talbitx li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, għandu jiġi deċiż, skont l-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10, tas-7 ta’ April 2011, li biha r-rikorrenti ma ġietx ammessa għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 2 000.

3)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Rofes i Pujol

Boruta

Bradley

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Marzu 2013.

W. Hakenberg

 

       M. I. Rofes i Pujol

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.