Language of document : ECLI:EU:C:2006:457

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta' Lulju 2006(*)

"Konvenzjoni ta' Brussell – Artikolu 16(4) – Kawżi dwar reġistrazzjoni u validità ta' privattivi – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-post fejn isiru d-depożitu jew ir-reġistrazzjoni – Azzjoni sabiex jiġi ddikjarat nuqqas ta' ksur ta' privattiva – Kwistjoni ta' validità ta' privattiva mqajma b'mod inċidentali"

Fil-kawża C-4/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond il-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta' Diċembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Jannar 2003, fil-proċedura

Gesellschaft für Antriebstechnik mbH & Co. KG

vs

Lamellen und Kupplungsbau Beteiligungs KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur) President ta' l-Awla , N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bill-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Gesellschaft für Antriebstechnik mbH & Co. KG, minn T. Musmann, Rechtsanwalt,

–        għal Lamellen und Kupplungsbau Beteiligungs KG, minn T. Reimann, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Wagner, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn D. Alexander, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑ M. Rouchaud u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p.32), hekk kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1 et – test emendat – p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) kif ukoll mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, minn hawn 'il quddiem il-"Konvenzjoni").

2        Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Gesellschaft für Antriebstechnik mbH & Co. KG (iktar 'il quddiem "GAT") u Lamellen und Kupplungsbau Beteiligungs KG (iktar 'il quddiem "LuK") dwar il-kummerċjalizzazzjoni minn din ta' l-ewwel tal-kumpanniji tal-prodotti tagħha li jikkostitwixxu, skond din ta' l-aħħar, ksur ta' żewġ privattivi Franċiżi li tagħhom hija proprjetarja.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni, li jikkostitwixxi s-sezzjoni 5 tat-Titolu II ta' din ta' l-aħħar, intitolata "Ġurisdizzjoni esklużiva", huwa ddedikat għar-regoli ta' ġurisdizzjoni u jipprovdi:

"Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, indipendentament mid-domiċilju:

[…]

4)      fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti [privattivi], trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat kontraenti li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ;

[…]"

4        Ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 17 li flimkien ma l-Artikolu 18 jikkostitwixxi s-sezzjoni 6 ta' l-imsemmi Titolu II, intitolata "Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni" jipprovdi li "[f]tehim dwar disposizzjonijiet ta’ strument ta’ fiduċja li jagħti ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali […] jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 16".

5        L-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni jipprovdi:

"Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat kontraenti fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta […] qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 16".

6        L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni, li jinsab fis-sezzjoni 7 tat-Titolu II, intitolat "Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità, jipprovdi:

"Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment konċernata b’ materja li dwarha l-qrati ta’ Stat kontraenti ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta’ Artikolu 16, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’ għandhiex ġurisdizzjoni."

7        Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni li jinsab fis-sezzjoni 1, intitolata "Rikonoxximent", tat-Titolu III li huwa ddedikat għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, jipprovdi li "sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta je[kk] tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 tat-Titolu II". It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni, li jinsab fis-sezzjoni 2 intitolata "Eżekuzzjoni" ta' l-imsemmi titolu III, jirreferi, fir-rigward tar-raġunijiet li jistgħu jipprekludu l-eżekuzzjoni ta' sentenza, għall-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 28 imsemmi iktar 'il fuq.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        GAT u LuK, kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja, huma operaturi ekonomiċi li jikkompetu fil-qasam teknoloġiku ta' l-industrija awtomobilistika.

9        GAT għamlet offerta lill-kuntrattur awtomobilistiku, dan ukoll stabbilit fil-Ġermanja, sabiex jiġi attribwit lilha kuntratt li għandu bħala suġġett il-fornitura ta' mollol idrawliċi mekkaniċi. LuK sostniet li l-molla proposta minn GAT kienet tikkostitwixxi ksur ta' żewġ privattivi Franċiżi li tagħhom hija kienet il-proprjetarja.

10      GAT ressqet azzjoni sabiex jiġi ddikjarat in-nuqqas ta' ksur quddiem il-Landgericht Düsseldorf, fejn sostniet li l-prodotti tagħha ma kinux jiksru d-drittijiet protetti mill-privattivi Franċiżi miżmuma minn LuK u li, barra minn dan, dawn il-privattivi kienu nulli jew invalidi.

11      Il-Landgericht Düsseldorf qieset li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni ta' l-azzjoni li tirrigwarda l-allegat ksur tad-drittijiet li jirriżultaw minn dawn il-privattivi Franċiżi. Hija qieset ukoll li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq l-allegata nullità ta' l-imsemmija privattivi. Hija ċaħdet l-azzjoni mressqa minn GAT u ddeċidiet li l-privattivi in kwistjoni kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' privattibbiltà.

12      Wara li GAT appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf , din ta' l-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Għandu l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni […] jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti kompetenza esklużiva lill-qrati ta' l-Istat kontraenti li fuq it-territorju tiegħu jkun intalab id-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, fejn dan seħħ jew fejn huwa meqjus li seħħ skond konvenzjoni internazzjonali, biss fil-kuntest ta' azzjoni (b'effetti erga omnes) għan-nullita ta' privattiva, jew bl-istess mod fil-kuntest ta' azzjoni li jkollha bħala suġġett il-validità ta' privattiva, meta l-konvenut fl-azzjoni ta' ksur ta' privattiva jew ir-rikorrenti f'azzjoni intiża sabiex jiġi ddikjarat nuqqas ta' ksur tal-privattiva in kwistjoni, iressaq, bħala eċċezzjoni, l-invalidità jew in-nullità tal-privattiva, indipendentement minn jekk il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża tqisx din l-eċċezzjoni fondata jew le, u minn meta din l-eċċezzjoni għandha titqajjem matul l-istanza?"

 Fuq id-domanda preliminari

13      Permezz ta' din id-domanda, l-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni f'dak li jirrigwarda l-privattivi. Hija tistaqsi jekk din ir-regola tikkonċernax il-kawżi kollha li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta' privattiva, indipendentement minn jekk il-kwistjoni titqajjimx permezz ta' azzjoni jew permezz ta' eċċezzjoni, jew jekk din hijiex applikabbli biss għall-kawżi fejn il-kwistjoni tar-reġistrazzjoni jew tal-validità ta' privattiva titqajjem permezz ta' azzjoni.

14      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta' kawża "li għandh[ha] x’[taqsam] mar-reġistrazzjoni jew validità ta' [privattiva]", imsemmi fl-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu intiż sabiex jiġi applikat b'mod uniformi fl-Istati kontraenti kollha (sentenza tal-15 ta' Novembru 1983, Dujinstee, 288/82, Ġabra p. 3663, punt 19).

15      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandhom jiġu kkunsidrati bħala kawżi "li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta' [privattiva]" il-kawżi li jirrigwardaw il-validità, l-eżistenza jew l-iskadenza tal-privattiva jew inkella l-allegazzjoni ta' dritt ta' prijorità minħabba depożitu preċedenti (sentenza Duijnstee, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

16      Jekk, bil-kontra ta' dan, il-kawża ma tirrigwardax il-validità tal-privattiva jew l-eżistenza ta' depożitu jew tar-reġistrazzjoni u dawn ta' l-aħħar mhumiex ikkontestati mill-partijiet, il-kawża ma taqax taħt l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni (sentenza Duijnstee, iċċitata iktar 'il fuq, punti 25 u 26). Dan ikun minnu, per eżempju, fil-każ ta' azzjoni intiża biex jiġi ddikjarat ksur ta' privattiva, fejn il-kwistjoni tal-validità tal-privattiva allegatament miksura ma tiġix ikkontestata.

17      Fil-prattika madankollu, il-kwistjoni tal-validità ta' privattiva titqajjem frekwentement bħala eċċezzjoni fil-kuntest ta' azzjoni għad-dikjarazzjoni ta' ksur ta' privattiva, peress li l-konvenut ifittex li, b'effett retroattiv, iċaħħad lir-rikorrent mid-dritt li huwa jinvoka u li, konsegwentement, tiġi miċħuda l-azzjoni mressqa kontrieh. Din tista' tiġi invokata wkoll, bħall fil-każ tal-kawża prinċipali, sabiex issostni azzjoni intiża sabiex jiġi ddikjarat nuqqas ta' ksur ta' privattiva, fejn ir-rikorrent ifittex deċiżjoni li tikkonstata li l-konvenut m'għandu ebda dritt fuq l-invenzjoni kkonċernata.

18      Kif osservat il-Kummissjoni, il-kliem użat fl-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ma jippermettix li jiġi stabbilit jekk ir-regola ta' ġurisdizzjoni li huwa jipprovdi tapplikax biss għall-kawżi fejn il-kwistjoni tal-validità ta' privattiva titqajjem permezz ta' azzjoni jew jekk din tapplikax ukoll għall-kawżi fejn din il-kwistjoni titqajjem bħala eċċezzjoni.

19      L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni, li, f'ċerti verżjonijiet lingwistiċi, jirreferi għall-kawża mressqa "prinċipalment", ma jippermettix li dan il-punt jiġi ċċarat. Barra mill-fatt li l-livell ta' kjarezza tal-kliem użat ivarja skond il-verżjonijiet lingwistiċi, din id-dispożizzjoni, kif osservat il-Kummissjoni, ma tagħtix ġurisdizzjoni iżda tillimita ruħha li timponi lill-qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha u, fuq inizjattiva tagħha stess, f'ċerti każijiet, tiddikjara li m'għandhiex ġurisdizzjoni.

20      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl ta' l-għan tiegħu u tal-pożizzjoni li huwa għandu fis-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni.

21      Fir-rigward ta' l-għan mixtieq, għandu jiġi osservat li r-regoli ta' ġurisdizzjoni esklużiva previsti fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni huma intiżi sabiex il-kawżi previsti jkunu rriżervati għall-qrati li jkollhom konnessjoni materjali u ġuridika ma dawn il-kawżi.

22      Għalhekk il-ġurisdizzjoni esklużiva għall-kawżi li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità tal-privattivi, mogħtija lill-qrati ta' l-Istati kontraenti fuq it-territorji fejn ikunu ntalbu jew seħħu d-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, hija ġġustifikata mill-fatt li dawn il-qrati huma l-iktar adatti sabiex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet fejn il-kawża stess tirrigwarda l-validità tal-privattiva jew l-eżistenza ta' depożitu jew tar-reġistrazzjoni (sentenza Duijnstee, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22). Il-qrati ta' l-Istat kontraenti li fit-territorju tagħhom jinżammu r-reġistri jistgħu jiddeċiedu, skond id-dritt nazzjonali tagħhom, fuq il-validità u l-effetti tal-privattivi li nħarġu f'dan l-Istat. Din il-preokupazzjoni dwar l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tikseb iktar importanza fil-qasam tal-privattivi tant li, fid-dawl ta' l-ispeċifiċità ta' dan il-qasam, diversi Stati kontraenti jkunu stabbilew sistema ta' protezzjoni ġurisdizzjonali partikolari, li fiha rriżervaw dawn il-kwistjonijiet għal qrati speċjalizzati.

23      Din il-ġurisdizzjoni esklużiva hija ġġustifikata wkoll mill-fatt li l-għoti tal-privattivi jimplika l-intervent ta' l-amministrazzjoni nazzjonali (ara, f'dan ir-rigward, ir-rapport tas-Sur Jenard dwar il-Konvenzjoni, ĠU 1979, C 59, p. 1, 36).

24      F'dak li jirrigwarda l-pożizzjoni li l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni għandu fis-sistema stabbilita minn din ta' l-aħħar, għandu jiġi osservat li r-regoli ta' ġurisdizzjoni previsti f'dan l-Artikolu għandhom natura esklużiva u mandatorja li timponi ruħha b'mod speċifiku kemm fuq il-partijiet kif ukoll fuq il-qorti. Il-partijiet ma jistgħux jidderogaw minnu la permezz ta' ftehim li jagħti ġurisdizzjoni (ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 17) u lanqas permezz ta' komparizzjoni volontarja tal-konvenut (Artikolu 18 tal-Konvenzjoni). Il-qorti ta' Stat kontraenti li quddiemha titressaq kawża li fuqha jkollha ġurisdizzjoni qorti ta' Stat kontraenti ieħor skond l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess, tiddikjara li m'għandhiex ġurisdizzjoni (Artikolu 19 tal-Konvenzjoni). Deċiżjoni mogħtija bi ksur tad-dispożizzjonijet ta' l-imsemmi Artikolu 16 ma tibbenefikax mis-sistema ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni stabbilita mill-Konvenzjoni (l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 28, u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni).

25      Fir-rigward tal-pożizzjoni li l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni għandu fis-sistema stabbilita minn din ta' l-aħħar u ta' l-għan mixtieq, għandu jiġi kkunsidrat li l-ġurisdizzjoni esklużiva prevista minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata jkun xi jkun il-kuntest proċedurali li fih titqajjem il-kwistjoni tal-validità tal-privattiva, kemm jekk permezz ta' azzjoni kif ukoll permezz ta' eċċezzjoni, kemm jekk meta titressaq l-istanza kif ukoll jekk fi stadju iktar avvanzat ta' din ta' l-aħħar.

26      L-ewwel nett, li kieku qorti, li tkun qeda tieħu konjizzjoni ta' azzjoni għal ksur ta' privattiva jew azzjoni għal dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' ksur ta' privattiva, tkun tista' tikkonstata, b'mod inċidentali, in-nullità tal-privattiva in kwistjoni, dan ikun ta' ħsara għan-natura vinkolanti tar-regola ta' kompetenza prevista fl-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni.

27      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni mhuwiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet, ir-rikorrent ikun jista', sempliċement permezz tal-kliem li juża fir-rikors tiegħu, jevita n-natura mandatorja tar-regola ta' ġurisdizzjoni prevista f'dan l-Artikolu.

28      It-tieni nett, din il-possibbiltà li jiġu evitati l-effetti ta' l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni tista' twassal għal żieda fil-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni u tkun ta' natura tali li teffettwa l-prevedibbiltà tar-regoli ta' ġurisdizzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni, bil-konsegwenza li tippreġudika l-prinċipju ta' ċertezza legali li huwa l-bażi ta' din il-Konvenzjoni (ara s-sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Besix, C-256/00, Ġabra p. I-1699, punti 24 sa 26, ta' l-1 ta' Marzu 2005, Owusu, C-281/02, Ġabra p. I-1383, punt 41, u s-sentenza ta' din il-ġurnata, Roche Nederland et, C-539/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 37).

29      It-tielet nett, li kieku jiġu aċċettati, fis-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni, deċiżjonijiet li permezz tagħhom qrati oħra, li ma jkunux dawk ta' l-Istat li jagħti l-privattiva, jiddeċiedu, b'mod inċidentali, fuq il-validità ta' din il-privattiva, dan ikun ifisser ukoll żieda fir-riskju ta' deċiżjonijiet kuntrastanti, ħaġa li l-Konvenzjoni trid preċiżament tevita (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta' Diċembru 1994, Tatry, C-406/92, Ġabra p. I-5439, punt 52, u Besix, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

30      L-argument, imressaq minn LuK u mill-Gvern Ġermaniż, li jgħid li, skond id-dritt Ġermaniż, l-effetti ta' deċiżjoni li tiddeċiedi, b'mod inċidentali, fuq il-validità ta' privattiva tillimita ruħha għall-partijiet fil-kawża, ma jagħtix risposta xierqa għal dan ir-riskju. Fil-fatt, l-effetti marbutin ma' tali deċiżjoni huma ddeterminati mid-dritt nazzjonali. Issa, f'diversi Stati kontraenti, id-deċiżjoni li tannulla privattiva għandha effett erga omnes. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' deċiżjonijiet kuntrastanti, għalhekk huwa meħtieġ li l-ġurisdizzjoni ta' qrati ta' Stati oħra, li ma jkunux dawk fejn ingħatat il-privattiva, li jiddeċiedu, b'mod inċidentali, fuq il-validità ta' privattiva barranija tiġi ristretta biss għal dawk il-każijiet fejn id-dritt nazzjonali applikabbli jagħti lid-deċiżjoni li għandha tingħata biss effett li jkun limitat bejn il-partijiet fl-istanza. Madankollu restrizzjoni bħal din twassal għal distorsjonijiet, u għalhekk tipperikola l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni kemm għall-Istati kontraenti kif ukoll għall-persuni kkonċernati (sentenza Duijnstee, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13).

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta' ġurisdizzjoni esklużiva li huwa jistabbilixxi tikkonċerna l-kawżi kollha li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta' privattiva, indipendentement minn jekk il-kwistjoni titqajjem permezz ta' azzjoni jew permezz ta' eċċezzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura preżenti għandha, fir-rigward għall-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għaldaqstant tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, hekk kif l-aħħar emendata mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta' ġurisdizzjoni esklużiva li huwa jistabbilixxi tikkonċerna l-kawżi kollha li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta' privattiva, indipendentement minn jekk il-kwistjoni titqajjem permezz ta' azzjoni jew permezz ta' eċċezzjoni

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.