Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2024 minn Sonasurf Internacional — Shipping, Lda (Zona Franca da Madeira), Mastshipping — Shipping, Sociedade Unipessoal, Lda (Zona Franca da Madeira), u Latin Quarter — Serviços Marítimos Internacionais, Lda (Zona Franca da Madeira), mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-27 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawżi T-718/22 u T-723/22, , Eutelsat Madeira et vs Il-Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira)

(Kawża C-9/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellanti: Sonasurf Internacional — Shipping, Lda (Zona Franca da Madeira), Mastshipping — Shipping, Sociedade Unipessoal, Lda (Zona Franca da Madeira), u Latin Quarter — Serviços Marítimos Internacionais, Lda (Zona Franca da Madeira), (rappreżentanti: S. Fernandes Martins u M. Mendonça Saraiva, advogadas)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2023, Sonasurf Internacional et vs Il-Kummissjoni (T-723/22) u, minflok dik il-qorti, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III 1 ,

u, sa fejn it-talbiet preċedenti jitqiesu bħala fondati:

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    L-ewwel aggravju: żball ta’ evalwazzjoni fid-digriet appellat fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-kunċett ta’ “ħolqien ta’ impjiegi” kienx osservat

Għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni Ewropea rrikjediet li l-Istat Portugiż japplika l-metodu tal-Unità tax-Xogħol Annwali/Ekwivalenti għal Full-Time (iktar ’il quddiem “UXA/EFT”) – ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 173 sa 179 u 216 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni;

Huwa evidenti mid-digriet appellat li, għall-Qorti Ġenerali, kemm id-deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2013 kif ukoll ir-ratio legis innifsu li fuqu hija bbażata l-awtorizzazzjoni tar-Reġim III jimmilitaw favur użu mandatorju tal-metodu tal-UXA/EFT. L-appellanti jsostnu li dan ir-raġunament huwa nieqes minn bażi legali, peress li la d-deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2013 u lanqas it-Taqsima 5 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-2007-2013 (iktar ’il quddiem il-“LGGħR 2007-2013”) – applikabbli għall-għajnuna għat-tħaddim, il-kategorija li tinkludi r-Reġim III – ma jinkludu ebda riferiment għall-metodu tal-UXA/EFT;

Dan il-metodu huwa rregolat biss fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 fit-Taqsima 4 tal-LGGħR 2007-2013, li tapplika biss għall-għajnuna għall-investiment, kategorija li ma tinkludix ir-Reġim III;

Peress li n-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 tal-LGGħR 2007-2013 ma tapplikax u peress li ma teżistix definizzjoni ta’ “ħolqien ta’ impjiegi” li tapplika b’mod ġenerali fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Reġim III dan il-kunċett għandu jiġi osservat fid-dawl tad-dritt nazzjonali, billi jiġu osservati l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, li, fil-qasam ta’ kompetenza kondiviża, jillimitaw l-intervent leġiżlattiv tal-Unjoni għal dak li jkun indispensabbli sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tat-Trattati;

Ma teżistix kontradizzjoni bejn id-dritt tax-xogħol Portugiż u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod speċifiku r-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tista’ tiġġustifika l-esklużjoni tad-dritt tax-xogħol Portugiż;

L-applikazzjoni tad-dritt tax-xogħol Portugiż ma twassalx għal riżultati neċessarjament abbużivi, u ma tipprekludix li titpoġġa emfasi fuq il-ħin reali tax-xogħol fit-termini proposti mill-Kummissjoni.

L-applikazzjoni sistematika tal-kriterju tal-UXA/EFT tmur kontra d-dritt Portugiż, sa fejn din tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà protetti minn dan id-dritt, bħal l-istat ta’ ġenitur u l-mard;

Kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tiġġustifika, abbażi ta’ raġunament deduttiv, l-esklużjoni tad-dritt nazzjonali permezz tal-applikazzjoni preferenzjali ta’ metodu stabbilit fid-dritt Ewropew, fatt li hija li ma għamlitx, bl-effett li d-digriet appellat huwa illegali u għandu jiġi annullat u ssostitwit b’digriet ieħor li jannulla d-Deċiżjoni 2022/1414 fl-intier tagħha.

2.    It-tieni aggravju: żball ta’ evalwazzjoni fid-digriet appellat inkwantu dan qies li d-Deċiżjoni 2022/1414 ma tiksirx il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

La d-deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2013 u lanqas il-LGGħR 2007-2013 ma jiddefinixxu l-metodu applikabbli sabiex jiġi osservat il-kunċett ta’ “ħolqien ta’ impjiegi” u ma hemmx dubju li kemm il-kunsiderazzjoni tal-prassi normali tal-Kummissjoni kif ukoll l-iskop u l-istruttura tar-Reġim III fil-fatt iwasslu għall-konklużjoni li l-metodoloġija ta’ definizzjoni ta’ impjiegi fil-UXA/EFT ma hijiex applikabbli. Għaldaqstant, jekk jitqies, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali, li r-rekwiżit inkwistjoni jista’ jiġi interpretat biss kif propost mill-Kummissjoni, il-konklużjoni inevitabbli tkun li s-sistema legali inkwistjoni hija nieqsa minn ċarezza;

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-assenza ta’ reazzjoni għal perijodu twil (għal, mill-inqas, tmien snin) mill-Kummissjoni ma kellha ebda konsegwenzi negattivi, għaliex, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal terminu massimu sabiex twettaq il-verifika, dan ma jistax ifisser li tali assenza ta’ reazzjoni hija nieqsa minn konsegwenzi legali.

L-appellanti kienu konvinti li r-Reġim III kien kompatibbli b’mod sħiħ mas-suq intern u tali konvinzjoni rriżultat mill-fatt li tali reġim kien ġie awtorizzat mill-Kummissjoni u, barra minn hekk, kien issostitwixxa reġim li kien simili fl-aspetti kollha tiegħu – ir-Reġim II –, li l-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni qatt ma qajmet dubji.

Il-fatt li l-Istat Portugiż perjodikament ipprovda informazzjoni lill-Kummissjoni li ppermettiet il-verifika tal-applikazzjoni ta’ din l-għajnuna, flimkien mal-ineżistenza ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika mill-Kummissjoni dwar l-illegalità ta’ tali informazzjoni, jikkostitwixxu garanziji konkreti tal-legalità tal-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat Portugiż, fatt li nissel aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward fil-benefiċjarji tar-Reġim III;

Ma jistax jiġi konkluż b’mod plawżibbli li l-“benefiċjarju medju” tal-għajnuna (fis-sens tal-kunċett legali ta’ “persuna medja”), impoġġi fil-pożizzjoni tal-appellanti, kien, fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni u fid-dawl tal-assenza ta’ riferimenti espressi dwar dan, japplika l-kunċett ta’ “ħolqien ta’ impjiegi” irrikonoxxut fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 tal-LGGħR 2007-2013 – jiġifieri, bl-użu tal-metodu ta’ UXA/EFT – jew kien iqis li dan seta’ jkun il-kunċett applikabbli, peress li xejn ma wera li dan kien il-każ;

Konsegwentement, fid-dawl tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fid-digriet appellat inkwantu dan ikkonstata li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi ma ġewx miksura, l-imsemmi digriet għandu jiġi annullat.

____________

1 ĠU 2022, L 217, p. 49.