Language of document : ECLI:EU:F:2016:14

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tal-5 ta’ Frar 2016

Kawża F‑137/14

GV

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Persunal tas-SEAE – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Kuntratt għal żmien indeterminat – Artikolu 47(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Raġunijet ta’ tkeċċija – Ksur tar-rabta’ ta’ fiduċja – Dritt għal smigħ – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Danni materjali – Danni morali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a, li permezz tiegħu GV jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2014 li permezz tagħha d-direttur tat-taqsima “Riżorsi umani” tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, iddeċieda li jittermina l-kuntratt ta’ reklutaġġ tar-rikorrent b’effett mill-31 ta’ Awwissu 2014.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2014 li permezz tagħha d-direttur tat-taqsima “Riżorsi umani” tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, iddeċieda li jittermina l-kuntratt ta’ reklutaġġ ta’ GV b’effett mill-31 ta’ Awwissu 2014 hija annullata. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna huwa kkandannat għall-ħlas lill-GV, tas-somma ta’ EUR 5000, bħala kumpens għad-danni morali subiti minn dan tal-aħħar. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn GV.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Aggravji – Motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ li ma ġiex invokat fir-rikors – Ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali li jista’ jitqajjem ex officio

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Tkeċċija – Adozzjoni tad-deċiżjoni mingħajr l-għoti lill-persuna kkonċernata tal-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha minn qabel – Ksur tad-dritt għal smigħ

[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 47]

3.      Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2) u 51(1))

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tad-dispożittiv tas-sentenza – Sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt – Talba għad-danni tar-rikorrent inkonnessjoni mad-danni materjali subiti – Natura prematura tat-talba

(Artikolu 266 TFUE)

5.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Annullament tal-att illegali kkontestat – Dannu morali distint mill-illegalità li ma jistax jiġi rrimedjat integralment permezz tal-annullament

(Artikolu 340 TFUE)

1.      L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fil-qasam statutarju u, b’mod iktar speċifiku, id-dritt għal smigħ fir-rigward ta’ elementi li jistgħu jintużaw fil-konfront ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt sabiex fuqhom tiġi adottata deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju jikkostitwixxu forma proċedurali sostanzjali li l-ksur tagħha jista’ jitqajjem ex officio.

F’dan ir-rigward, anki jekk ir-rikorrent iqajjem motiv ġdid, meta mqabbel ma’ dawk li jkunu ssemmew inizjalment fir-rikors tiegħu, ibbażta fuq ksur tad-dritt għal smigħ previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tali motiv xorta jibqa’ ammissibbli, anki jekk finalment ikun ġie ispirat lir-rikorrenti permezz tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzzjoni tal-prċoedura.

(ara l-punt 67)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2012, Cerafogli vs BĊE, F‑43/10, EU:F:2012:184, punt 89, li ma ġietx annullata fuq dan il-punt mis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE, T‑114/13 P, EU:T:2015:678, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, EE vs Il-Kummissjoni, F‑55/14, EU:F:2015:66, punt 35

2.      Issa, id-drittijiet tad-difiża, bħal dawk li ġew sanċiti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ applikazzjoni ġenerali, ikopru, ġaladarba l-portata tagħhom hija usa’, id-dritt proċedurali previst fl-Artikolu 41(2)(a), li kull persuna għandha li tinstema’ qabel ma tiġi adottata kull miżura individwali fir-rigward tagħha li taffettwaha b’mod sfavorevoli.

Deċiżjoni ta’ tkeċċija, li hija waħda mill-miżuri amministrattivi li tista’ tinċidi b’mod mill-iktar aħrax fuq membru tal-persunal bil-kuntratt, tista’ tiġi adottata biss wara li r-rikorrent ikun tpoġġa f’pożizzjoni li fiha jkun jista’ jesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fil-kuntest ta’ skambju orali u/jew bil-miktub mibdi mill-awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ u li l-prova tiegħu tinkombi lil din tal-aħħar.

Peress li l-awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ma għandha l-ebda diffikultà sabiex tinnotifika deċiżjoni ta’ tkeċċija lill-persuna kkonċernata, huwa relattivament faċli għaliha li tissodisfa l-obbligi tagħha naxxenti mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi tinforma lil din tal-aħħar bil-miktub dwar ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni li tkeċċiha u billi tatiha l-possibbiltà li tadotta pożizzjoni f’dan ir-rigward, f’terminu raġonevoli, bil-miktub u/jew oralment.

(ara l-punti 71, 72 u 74)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2013, L vs Il-Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 81, u tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA, T‑658/13 P, EU:T:2015:356, punt 56

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, EE vs Il-Kummissjoni, F‑55/14, EU:F:2015:66, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati direttament lill-istituzzjonijiet, organi jew korpi tal-Unjoni, b’tali mod li l-ebda waħda minn dawn l-entitajiet ma tista’ teċepixxi sitwazzjonijiet interni marbuta mal-amministrazzjoni tagħha, bħal diffikultajiet fil-proċess deċiżjonali tagħha, inklużi dawk marbuta mar-reżistenza ta’ ċerti dipartimenti tagħha, sabiex tiġġustifika l-inosservanza tal-obbligi naxxenti minn regoli tad-dritt primarju tal-Unjoni, iktar u iktar meta r-rekwiżiti naxxenti mill-Artikolu 41(2)(a) tal-imsemmija Karta ma jippreżentaw l-ebda diffikultà partikolari ta’ implementazzjoni għall-amministrazzjoni diliġenti u li, barra minn hekk, is-smigħ tal-persuna kkonċernata huwa garanzija minima meta l-amministrazzjoni taġixxi f’qasam li fiha hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-konklużjoni tal-awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li tkeċċi membru tal-persunal bil-kuntratt tista’ tkun differenti jekk dan tal-aħħar jitpoġġa f’pożizzjoni li fiha jkun jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod effettiv. B’hekk, għalkemm ċertament ma huwiex eskluż li l-awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ finalment tadotta, wara li tkun semgħet lill-persuna kkonċernata, deċiżjoni identika għad-deċiżjoni kkontestata, jekk jiġi ammess tali argument min-naħa ta’ istituzzjoni, li jikkonsisti fi spekulazzjoni dwar l-aġir amministrattiv futur tagħha, dan ikun iwassal biss sabiex id-dritt fundamentali għal smigħ sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jiġi żvestit mis-sustanza tiegħu, peress li l-kontenut stess ta’ dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata kellha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni, f’dan il-każ anki diġà fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata, u mhux unikament waqt il-preżentata ta’ ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 77 sa 79)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tal-14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 115

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-14 ta’ Mejju 2014, Delcroix vs SEAE, F‑11/13, EU:F:2014:91, punt 44; tal-25 ta’ Ġunju 2015, EE vs Il-Kummissjoni, F‑55/14, EU:F:2015:66, punt 40, u tat-8 ta’ Ottubru 2015, DD vs FRA, F‑106/13 u F‑25/14, EU:F:2015:118, punti 97 u 98, suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑742/15 P

4.      Hija l-istituzzjoni li minnha joriġina att annullat mill-qorti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 266 TFUE, li għandha tiddetermina liema huma l-miżuri rikjesti għall-eżekuzzjoni tas-sentenza għal annullament billi teżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija għandha għal dan l-għan filwaqt li tosserva kemm id-dispożittiv u r-raġunijiet tas-sentenza li hija obbligata li teżegwixxi kif ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-annullament ta’ att mill-qorti tal-Unjoni għandu bħala effett l-eliminazzjoni retroattiva ta’ dan l-att mis-sistema legali u, meta l-att annullat ikun diġà ġie eżegwit, id-distruzzjoni tal-effetti tiegħu teżiġi li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ġuridika li kien jinsab fiha r-rikorrent qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att.

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jantiċipa r-reazzjonijiet li kull waħda mill-partijiet jista’ jkollha fir-rigward ta’ sentenza għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, b’mod partikolari fir-rigward tal-mod kif l-istituzzjoni tissodisfa l-obbligu, naxxenti mill-Artikolu 266 TFUE, li tadotta l-miżuri rikjesti għall-eżekuzzjoni tas-sentenza u, fi kwalunkwe każ, l-imsemmi Tribunal ma jistax jeżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu fil-qasam pekunjarju meta l-interess tas-servizz jew ta’ terzi ma jkunx jostakola l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u meta r-rikorrent ma jkunx iddikjara li ma jistax jikseb vantaġġ mill-eżekuzzjoni tal-obbligi naxxenti minn dan l-annullament.

Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li, wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, tiddeċiedi li tidħol fi djalogu mar-rikorrent bil-għan li tipprova tasal għal ftehim globali maħsub sabiex tittermina r-reklutaġġ tiegħu filwaqt li tagħtih kumpens ekwu għall-illegalità li huwa jkun vittma tagħha, possibbilment billi tispira min-negozjati u konċessjonijiet li diġà saru fil-kuntest ta’ tenttativ għal ftehim bonarju mibdi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-imsemmi Tribunal ma jistax, f’dan l-istadju u fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, jordna lill-istituzzjoni tikkumpensa lir-rikorrent għal telf ta’ remunerazzjoni wara t-terminazzjoni illegali u allegatament prematura tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt.

(ara l-punti 89, 90 u 92 sa 94)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il-Parlament vs Meskens, C‑412/92 P, EU:C:1994:308, punti 28 u 30

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il-Parlament, T‑84/91, EU:T:1992:103, punt 80

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford, T‑231/14 P, EU:T:2015:639, punt 52

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2013, BU vs EMA, F‑135/11, F‑51/12 u F‑110/12, EU:F:2013:93, punt 66, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punti 60, 61 u 82, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Għalkemm, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, dan ma jistax ikun il-każ meta r-rikorrent juri li jkun ġarrab dannu morali distint mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament.

Dan ikun il-każ meta, fid-dawl tal-assenzi ta’ uffiċjal jew aġent għal raġunijiet mediċi u tal-konoxxenza ċerta mill-istituzzjoni tiegħu ta’ fraġilità psikoloġika tal-persuna kkonċernata, il-komunikazzjoni mhux mistennija tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li ma kinitx preċeduta minn djalogu bil-miktub u/jew orali mal-persuna kkonċernata, u dan bi ksur flagranti tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkawża danni morali distinti mill-illegalità intrinsika tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 96 u 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 80